11 ta’ Awwissu: Santa Klara

Verżjoni Vidjo: Santa Klara

“Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Jiena ngħodd kollox bħala telf, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Klara (Salm 72(73):26; Filippin 3:8b).

sveta_klara1SANTA KLARA
Verġni
1193 – 1253

Tagħrif: Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193. Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan. Il-prietki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skont il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha. F’Ħadd il-Palm tal-1212, Klara flimkien ma’ waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn San Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja. Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib. Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor tal-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra. Magħha marru oħrajn. San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni. Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet. Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll. Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal-Klarissi. F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ povertà , silenzju u awsterità. Ma kinux jippossiedu propjetà. Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet. Fl-1228, il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjetà. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena. Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awwissu, 1253. Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa. Il-ġisem tagħha jinsab meqjum fil-bażilika ddedikata lilha, fil-belt t’Assisi, fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Ġorġ. Il-Papa Piju XII ħatar lil Santa Klara patruna tat-televiżjoni fl-14 ta’ Frar, 1958.

Anke oħtha Anjeże (ara Santa Anjeże ta’ Assisi) hija meqjuma bħala Qaddisa. Interessanti l-ittri li Santa Klara kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga (ara Santa Anjeże ta’ Praga) dwar l-osservanza tal-vot tal-faqar.

Ħsieb: Qari minn Ittra ta’ Santa Kjara, verġni, lil Santa Anjeże ta’ Praga bit-titlu ‘Ħares lejn il-faqar, l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu’:

“Hieni tassew il-bniedem li jingħatalu sehem mill-mejda mqaddsa, sabiex jingħaqad b’qalbu kollha ma’ Kristu, ma’ dak li bi ġmielu jgħaġġeb bla heda lill-qtajja kollha tal-qaddisin fis-sema, dak li jqanqal il-qlub bi mħabbtu u jġedded lil min iżomm ħarstu fuqu, jimla ‘l kulħadd bit-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u jsawwab dawl ħelu fuq min jiftakar fih, dak li bil-fwieħa ħelwa tiegħu l-mejtin jerġgħu jqumu għall-ħajja u bid-dehra glorjuża tiegħu jhenni l-ulied kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. Għax din id-dehra hi dija tas-sebħ ta’ dejjem, raġġ mid-dawl ta’ dejjem u mera bla nikta.

Ħares kuljum lejn din il-mera, o Sultana, għarusa ta’ Ġesù Kristu, ara dejjem wiċċek fiha, biex tiżżejjen kollok kemm int minn ġewwa u minn barra, kollok mogħnija bil-ġmiel li jsebbħek bil-ward u l-ilbiesi ta’ kull virtù, kif jixraq lil bint u għarusa l-iżjed safja tas-Sultan il-kbir. Din il-mera għandha turik ix-xbieha tal-faqar imbierek, tal-umiltà mqaddsa u tal-imħabba tal-għaġeb; u hekk, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, tkun tista’ tħares lejk innifsek fil-mera kollha.

Ħares lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din il-mera, u ara l-faqar ta’ dak li kien imfisqi u mqiegħed fuq maxtura. X’umiltà, x’faqar tal-għaġeb! Is-sultan tal-anġli u Sid is-sema u l-art, mimdud fuq maxtura!

Ħares lejn in-naħa tan-nofs, u ara l-umiltà, jew għallinqas il-faqar imqaddes, it-taħbit bla qjies u t-tbatijiet li Kristu ġarrab biex jifdi l-bnedmin.

Ħares imbagħad lejn in-naħa t’isfel ta’ din il-mera, u ara l-imħabba bla tarf li biha Kristu għoġbu jilqa’ s-salib u jieħu mewt l-aktar mistkerrha.

Din il-mera, jiġifieri Kristu, minn fuq is-salib fejn kien imdendel kellem lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemu, u wissiehom biex jaħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Hu qalilhom: Intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu u araw jekk hemmx niket bħan-niket tiegħi. Inwieġbu b’leħen wieħed u ruħ waħda għall-għaJjat u t-tnehid tiegħu, u ngħidu: ‘Taħseb u tiftakar ruħi, u tinfena ġewwa fija. Mela tħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar tal-imħabba, o Sultana tas-Sultan tas-sema.’

Ġib ukoll quddiem għajnejk b’liema għaxqa tal-għaġeb, b’liema għana u ġieħ jista’ jimliEk għal dejjem, u x-xewqat u l-imħabba kbira ta’ qalbek iġġagħlek titniehed u tgħid: ‘Iġbidni warajk, ejja niġru wara r-riħa tgħaxxaq tal-fwieħat tiegħek, Għarus tiegħi tas-sema. Ma negħjiex niġri, sa ma ddaħħalni għax-xorb ħelu tiegħek, inserraħ rasi fuq driegħek tax-xellug, tgħannaqni bil-leminija tiegħek, u l-bewsa ta’ fommok timlieni bil-hena.’ Int u taħseb f’dan kollu, ftakar ukoll fl-omm imsejkna tiegħek, għax taf li jiena nqaxt għal dejjem it-tifkira ħelwa tiegħek f’qalbi, għax lilek ngħożżok fuq kulħadd.”

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjows dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

“Aħna nsiru f’dak li nħobbu, u dak li nħobbu isawwarna f’dak li ser insiru. Jekk inħobbu l-oġġetti, insiru oġġett. Jekk ma nħobbu xejn, ma nsiru xejn. L-imitazzjoni m’għandhiex tkun li litteralment tagħmel bħal Kristu, pjuttost tfisser li ssir fi xbieha ta’ dak il-maħbub, xbieha li tingħaraf mill-bidla. Dan ifisser li aħna nsiru ġarar tal-imħabba ħanina ta’ Alla għall-oħrajn.” ~ Santa Klara

  • Qatt ħsibt kemm irid ikollok flus biex tgħix ħajja kuntenta?
  • Qatt xtaqt li jkollok flus iktar milli għandek?

Santa Klara (u San Franġisk ta’ Assisi u ruxxmata Qaddisin oħra) ħalliet kollox, lanqas ċenteżmu wieħed biss ma żammet għaliha, u qatt ma ħabblet rasha biex ikollha. Safrattant ma setgħetx tkun iktar kuntenta milli kienet. Qalbha kienet mimlija b’Alla.

  • Qalbek kemm hi mimlija b’Alla?

Talba: Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imb’ wiċċ fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-clare-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-clare-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Clare_of_Assisi

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Lulju: Santa Makrina

Verżjoni Vidjo: Santa Makrina

“Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” – Ġesù f’Mattew 6:6.

st-macrina-iconSANTA MAKRINA
Verġni
330 – 379

Tagħrif: Kienet minn familja tassew qaddisa minn Ċesarea fil-Kappadoċja.

Missierha kien San Bażilju x-Xiħ, ommha Santa Emelja, ħutha t-tliet isqfijiet qaddisin San Bażilju ta’ Ċesarea (ara San Bażilju), San Girgor ta’ Nissa u San Pietru ta’ Sebaste (ara San Pietru ta’ Sebaste).

Imwielda madwar is-sena 330, kienet tgħarrset, imma meta miet l-għarus li kellha ddeċidiet li tikkonsagra ħajjitha lil Alla fil-verġinità.

U wara l-mewt ta’ missierha, irtirat ma’ ommha f’Ponto, fejn flimkien ma’ komunità ta’ reliġjużi għexu fit-talb, il-meditazzjoni u l-penitenza. Makrina saret il-badessa ta’ dawn s-sorijiet, naturalment ta’ Ordni Brażiljana.

Kienet magħrufa bħala mara qaddisa u kull fejn kienet tkun kienet ta’ eżempju għal dawk ta’ madwarha. Ħuha, Girgor ta’ Nissa, kiteb dwar il-ħajja ta’ qdusija ta’ oħtu Makrina, fit-tul. Huwa jgħid li hija rrifjutat l-edukazzjoni klassika u minflok għażlet li tiddedika ruħha għall-istudju tal-Iskrittura u l-kitbiet Sagri.

Hija mietet fis-sena 379, fil-propjetà tal-familja, f’Ponto, li hi kienet bidlet f’monasteru, bil-għajnuna ta’ ħuha ż-żgħir, Pietru.

Hemm Santa Makrina oħra, in-nanna ta’ Santa Makrina Verġni, u naturalment ukoll ta’ ħutha, li kienet li ħeġġet lil San Bażilju u lil ħuh San Girgor ta’ Nissa bl-imħabba lejn ir-reliġjon u lejn il-Knisja. Din mietet fl-14 ta’ Jannar tas-sena 340.

Ħsieb: Minkejja li Santa Makrina għenet lill-membri tal-familja tagħha kemm b’mod prattiku, kif ukoll b’pariri spiritwali, mill-istorja ta’ ħajjitha nafu kemm kienet tfittex is-solitudni biex tkun tista’ tkabbar il-komunikazzjoni tagħha ma’ Alla. Imma din is-solitudni biex wieħed ikun jista’ jitlob għadha moda f’dinja fejn it-teknoloġija donnha trid iżżommna l-ħin kollu f’kuntatt bejnietna l-bnedmin? Imma x’valur għandu s-skiet tas-solitudni?

Papa Franġisku spjega dan dwar is-skiet fl-Udjenza tal-Erbgħa 10 ta’ Jannar, 2018:

“Is-skiet mhux il-vojt mill-kliem, imma qiegħed hemm biex niddisponu ruħna ħalli nisimgħu ilħna oħra: dak tal-qalb tagħna u, fuq kollox, il-leħen tal-Ispirtu s-Santu. Fil-Liturġija, in-natura tas-skiet imqaddes tiddipendi mill-mument li fih iseħħ. Jgħid għall-ġabra; eżempju wara l-qari mill-Iskrittura, isejħilna biex nimmeditaw fil-qosor dak li smajna u anki jgħin fit-talb ġewwieni ta’ tifħir u ta’ supplika.”

Is-skiet (li ġġib magħha s-solitudni), jgħinna nidħlu fina nfusna u naħsbu għaliex qegħdin hawn. Għalhekk mela hu importanti li nisimgħu lill-qalb tagħna biex imbagħad niftħuha għall-Mulej. Forsi

  • għaddejjin minn jiem ta’ taħbit, ta’ ferħ, ta’ wġigħ, u nixtiequ ngħidu b’dan lill-Mulej,
  • nitolbu l-għajnuna tiegħu;
  • nitolbuh ikun qrib tagħna;
  • għandna familjari u ħbieb morda jew għaddejjin minn provi iebsin;
  • nixtiequ nafdaw lill-Mulej ix-xorti tal-Knisja u tad-dinja.

Mingħajr dan is-skiet, nirriskjaw li nittraskuraw il-ġabra tar-ruħ.”

Jekk verament irridu nikkomunikaw ma’ Alla fit-talb, huwa importanti li nkunu attenti għas-skiet li fih tgħammar il-Preżenza, bħala spazju meħtieġ ta’ smigħ u fejn wieħed jixtarr il-Kelma, u kundizzjoni għal ħarsa ta’ fidi li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fl-istorja personali, f’dik tal-aħwa li l-Mulej jagħtina fil-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna.

Is-skiet ifisser li nitbattlu minna nfusna biex nagħmlu wisa’ ħalli nilqgħu fina; fl-istorbju ta’ ġo fina ma nistgħu nilqgħu lil ħadd u xejn. Ħajjitna kollha kemm hi kontemplattiva trid iż-“żmien u l-ħila li żżomm is-silenzju biex tisma’ lil Alla u l-karba tal-bniedem. Mela ħa jiskot l-ilsien tal-laħam u jitkellem dak tal-Ispirtu, imqanqal mill-imħabba li kull waħda minna għandna għal Sidna.

F’dan hu ta’ eżempju għalina is-skiet ta’ Marija Santissma, li setgħet tilqa’ fiha l-Kelma għax kienet mara tas-skiet: mhux skiet sterili, vojt; għall-kuntrarju, skiet mimli, għani. Dak tal-Omm Verġni hu wkoll skiet għani bl-imħabba, li lest jilqa’ lill-ieħor u lill-oħrajn.

U issa se ngħid xi ħaġa dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fis-soċjetà tagħna l-kultura diġitali qed tħalli effett kbir u deċiżiv fuq il-formazzjoni tal-ħsieb u fil-mod kif inġibu ruħna mad-dinja u, partikularment, man-nies. Din il-klima kulturali tħalli effett ukoll fuq dawk l-insara li qed jippruvaw jgħixu ħajja ta’ talb. Bla dubju dawn il-mezzi jistgħu jkunu għodda siewja għall-formazzjoni u l-komunikazzjoni, imma ejjew nagħmlu dixxerniment prudenti biex dawn ma jispiċċawx ikunu okkażjoni ta’ ħela ta’ ħin jew ta’ ħarba mill-ħajja mal-aħwa fil-komunità, lanqas ta’ ħsara għas-sejħa tagħna nisranija, jew xkiel għall-ħajja tat-talb tagħna.

Talba: O Mulej, Santa Makrina  għażlet li din il-ħajja tgħixha f’għaqda kontinwa miegħek ħalli bit-talb u l-ħidma tagħha, hija tagħti l-frott kotran ta’ ħajja mibnija fuq il-grazzja tiegħek; agħti lilna wkoll li nagħtu importanza kbira lill-ħajja tat-talb tagħna fis-solitudni miegħek biex inkunu nistgħu nikbru dejjem iżjed fil-virtù u b’hekk inkunu ta’ għajnuna u ta’ dawl veru għal ħutna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://ww1.antiochian.org/node/19002

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-macrina?p=1

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Macrina_the_Younger

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Ġunju: Santa Eteldreda

Verżjoni Vidjo: Santa Eteldreda

“Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” ~ Ġesù f’Mattew 16:26.

Capture.PNGSANTA ETELDREDA
Badessa
?-679

Tagħrif: Eteldreda jew Audrey kienet bint ir-Reġina Anna ta’ East Anglia fl-Ingilterra u oħt it-tliet qaddisin Benedittini Etelburga, Seksburga u Witburga. Twieldet Suffolk u għad li laħqet reġina tan-Northumbria, u żżewġet darbtejn, baqgħet dejjem verġni.

Difatti saret hija wkoll Benedittina f’Coldingham, fejn irċeviet il-velu minn idejn Sant’Ebba, oħt San Oswald, re tan-Northumbria. Minn hemm però, marret Ely, fejn waqqfet il-monasteru, li tiegħu kienet l-ewwel Badessa.

Kellha direttur spiritwali lil San Wilfred, abbati ta’ Ripon u wara arċisqof ta’ York. Għexet ħajja tal-ikbar sempliċità, umiltà u qdusija u l-ferħ tagħha kien isofri għal Kristu.

Mietet fil-monasteru ta’ Ely fit-23 ta’ Ġunju, 679 u l-ġisem tagħha baqa’ nkorrot għal xi żmien. Indifnet fil-Knisja tal-monasteru ta’ Ely, (illum katidral protestant), imma jdejha, li għadha sħiħa, tinsab meqjuma fil-knisja tagħha (Kattolika) ta’ Ely.

Insibu f’Londra knisja ddedikata lilha, li tinsab f’idejn il-Patrijiet Rosminjani u tissejjaħ l-eqdem knisja kattolika tal-Ingilterra, għax għad li ilha mibnija minn qabel l-ereżija Protestanta tinsab f’idejn il-Kattoliċi.

Eteldreda hi waħda mill-iktar qaddisin popolari Anglo-Sassoni, u ġiet imfaħħra minn San Beda Venerabbli. Tissejjaħ Reġina ta’ Northumbria għax it-tieni raġel li żżewġet kien ir-Re Egfrid ta’ dik is-saltna.

Ħsieb: Jgħidu li ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ u li ‘bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus,’ imma jgħidu wkoll li ‘ħdejn il-paċi u l-kuntentizza tal-qalb, ma joqgħod xejn.’ Nistgħu ngħidu li l-flus huma kollox, jew li min għandu l-flus hu l-aktar bniedem kuntent u li ma jonqsu xejn? Kristu jwissina: “Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” (Mattew 16:26) Il-paċi u s-serħan tal-moħħ u l-qalb, li jiġu biss minn Alla, huma b’xejn. Madanakollu, biex wieħed jakkwistahom, ma jridx ikollu qalbu mimlija b’xi ħaġa oħra li m’għandha l-ebda valur etern – bħall-flus! Dan Santa Eteldreda għarfitu sew u qalbha nħallet minn mal-ġid tan-nobbiltà u ntrabtet ma’ Kristu, l-Għajn ta’ kull ġid. Poter u pożizzjoni kellha wkoll imma għażlet li tgħix għar-Re tar-rejiet li r-renju tiegħu jibqa’ għal dejjem.

  • Int u jien marbuta mal-flus jew ma’ Kristu? Qed ngħixu għar-Renju etern?

Fl-omelija tiegħu dwar il-poter u l-flus minn Dar Santa Marta (Il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru, 2013), il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“Hemm bżonn li noqogħdu attenti miċ-ċediment għat-tentazzjoni tal-adorazzjoni tal-flus. Dan ifisser li niddebolixxu l-fidi tagħna u hekk nissugraw li naċċettaw l-qerq ta’ xewqat bla sens u perikolużi, tali li jwasslu l-bniedem fil-punt li jifga fir-rovina u fit-telfien.  

Ġesù fil-Vanġelu, qalilna bl-iktar mod ċar u definittiv li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus. Hemm xi ħaġa li mhix f’postha bejn dawn it-tnejn. Hemm xi ħaġa fl-atteġġjament tal-imħabba lejn il-flus li tbegħedna minn Alla. Fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lil Timotju (6:2-12), insibu: “dawk li jridu jsiru sinjuri jaqgħu fit-tentazzjoni tal-qerq ta’ bosta xewqat bla sens u perikolużi, li jġegħelu jifgaw l-bnedmin fir-rovina u fit-telfien.”

Ir-rebgħa infatti hija l-għerq ta’ kull ħażen. Maħkuma minn din ix-xewqa, uħud iddevjaw mill-fidi u ġabu fuqhom bosta turmenti. Huwa hekk kbir il-poter tal-flus li jġiegħlek tiddevja mill-fidi pura. Ineħħulek il-fidi, idgħejfuha u inti titlifha. Jekk xi ħadd jgħallem b’mod differenti u ma jsegwix il-kliem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u d-duttrina li taqbel mal-vera reliġjożità huwa mogħmi mill-kburija, ma jifhem xejn u huwa fanatiku ta’ kwistjonijiet bla sens u diskussjonijiet inutli.

Imma San Pawl imur iktar minn hekk. Jikteb li huwa propju minn dan li jinbtu l-għira, il-ġlied, it-tqasqis, is-suspetti ħżiena, il-konflitti ta’ bnedmin korrotti fil-moħħ, u neqsin mill-verità li jikkonsidraw ir-reliġjon bħala fonti ta’ qligħ. Il-flus Iġiegħluk tiżloq bil-mod il-mod fit-telfien tiegħek. U għal dan Ġesù huwa tant deċiż: ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus, ma tistax: jew il-wieħed jew lill-ieħor. U dan mhux komuniżmu, dan huwa l-Vanġelu pur. Dawn l-affarijiet huma kliem Ġesù.

X’jiġri mela bil-flus? Il-flus joffrulek ċertu ġid: tmur tajjeb, tħossok xi ftit importanti u mbagħad tidħol il-vanità. Il-flus hawn isiru idolu u int tadurahom. U minħabba f’hekk Ġesù jgħidilna: ma tistax taqdi l-idolu flus u lil Alla ħaj. Jew wieħed jew l-ieħor. L-ewwel Missirijiet tal-Knisja jgħidu kelma qawwija: il-flus huma d-demel tax-xitan. Huwa hekk, għaliex jagħmluna idolatri u jmarrdulna moħħna bil-kburija u jagħmluna fanatiċi ta’ kwistjonijiet għażżiena u jbegħduna mill-fidi. Jikkorrumpuna. L-Appostlu Pawlu mill-banda l-oħra jgħidilna biex inżommu mal-ġustizzja, mal-ħniena, mal-fidi, mal-karità, mas-sabar. Kontra l-vanità, kontra l-kburija tinħtieġ il-manswetudni.

Din hija t-triq ta’ Alla, mhux dik tal-poter idolatriku li jistgħu jtuna l-flus. Hija t-triq tal-umiltà ta’ Kristu Ġesù li għalkemm għani sar fqajjar biex jistagħna propju bil-faqar. Din hija t-triq biex naqdu lil Alla. U jalla l-Mulej jgħinna lkoll biex ma naqgħux fin-nassa tal-idolatrija tal-flus.”

U din hija t-triq li għażlet Santa Eteldreda u issa ssaltan għal dejjem mar-Re u s-Sid li ma jqarraqx bina. Int miexi warajH?

Talba: Bl-interċessjoni tiegħek, Santa Eteldreda, agħmel li aħna nagħrfu npoġġu l-valur tal-flus bħala dak li hu, dak li jgħinna ngħaddu hawn f’din l-art u ngħinu lil dawk li nieqsa mill-ħtiġijiet tal-ħajja. Jalla fuq l-eżempju sabiħ tiegħek, qalbna tintrabat dejjem iżjed ma’ Alla u mhux mal-ġid li jgħaddi. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-etheldreda-280

Alternative Reading: https://www.marypages.com/etheldreda-en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/%C3%86thelthryth

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Marzu: Santa Katerina tal-Isvezja

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina tal-Isvezja

“Kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom”. ~ Santa Katerina tal-Isvezja

SANTA CATALINA DE SUECIASANTA KATERINA TAL-ISVEZJA
1331 – 1381

Tagħrif: Twieldet fl-1331 u kienet ir-raba’ bint ta’ Ulfo, prinċep ta’ Nierck fl-Isvezja, u martu Santa Briġida.

Kienet edukata fl-abbazija ta’ Risberg (fl-Isvezja). Ta’ 13-il sena missierha żewwiġha lil Eggard Lydersson, ta’ nisel ġermaniż, żagħżugħ ta’ reliġjożità kbira li miegħu ftehmet li tgħix fil-kontinenza. Żewġha kien bniedem marradi ħafna, u Katerina daret bih b’dedikazzjoni kbira.

Wara l-mewt ta’ żewġha, Katerina marret Ruma ħdejn ommha fl-1349 u baqgħet takkumpanjaha sakemm mietet 25 sena wara, f’Ruma. L-Omm u l-bint iddedikaw ħajjithom għall-opri tal-karità, f’pellegrinaġġi (żaru anke Ġerusalemm), u biex iġibu ’l quddiem l-ordni tas-Sorijiet tas-Santissimu Sagrament, imwaqqfin minn ommha Briġida u minħabba f’hekk jissejħu wkoll Briġittini.

Wara l-mewt ta’ ommha, fl-1373, Katerina ħadet il-fdal tagħha lura f’pajjiżha, u rtirat fl-abbazija ta’ Vadstena, li tiegħu aktar tard saret badessa. Hawn hi kisbet fama ta’ qdusija u ta’ mirakli.

Bejn l-1375 u l-1380, Katerina marret mill-ġdid Ruma. Fl-1379, kisbet l-approvazzjoni għall-Ordni tas-Sorijiet Briġittini u ħabirket ukoll biex ommha tiġi ddikjarata qaddisa.

L-Ordni tas-Sorijiet Briġittini hu affiljat mal-Ordni Agostinjan, u għandu bħala skop prinċipali x-xogħol letterarju, speċjalment bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet reliġjużi.

Santa Katerina tal-Isvezja mietet fl-abbazija ta’ Vadstena fl-24 ta’ Marzu tal-1381, fl-età ta’ 50 sena. Il-kult lejha kien approvat mill-Papa Innoċenzju VIII, fl-1474.

Ħsieb: Jingħad li Santa Katerina tal-Isvezja qatt ma qalet kelma li tweġġa’ jew ta’ nuqqas ta’ sabar; kienet titlob b’mod speċjali li l-komunità tagħha tkun meħlusa mill-ħsara tad-detrazzjoni (tqasqis fuq il-proxxmu), “għaliex,” kienet tgħid, “kemm dawk li jitkellmu fuq il-proxxmu, kif ukoll dawk li joqogħdu jisimgħu jġorru lix-xitan fuq ilsienhom.”

Kemm hi marda spiritwali kerha din li wieħed jgħid fuq in-nies, li jsib kull tentufa ta’ żball u/jew jiġġudika left, right and centre u kemm niddilettaw biha aħna l-Maltin!! Iva, erħilna nikkritikaw f’kull okkażżjoni – lill-Knisja, lil min ikun imexxi, lil individwi, u dejjem sejrin… Tafu x’għandna nirrealizzaw? Li b’dan l-għajdut kollha, kważi ma jirnexxilna nbiddlu lil ħadd! Għandna ngħidu lilna nfusna: Hemm ħaġa waħda biss li żgur nista’ nibdel: LILI NNIFSI! U hekk għandna nippruvaw nagħmlu, imbagħad f’okkażjonijiet tajba u f’waqthom, nippruvaw niftħu għajnejn l-oħrajn b’mod dirett lilhom u mhux ngħidu fuq persuni minn wara daharhom, bla ma dawn jistgħu jitkellmu għalihom infushom.

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd, 16 ta’ Frar 2014 jgħid hekk:

“Ġesù kien raġel prattiku; dejjem kien jitkellem bl-eżempji biex in-nies jifhmuh. Isemmi l-ħames kmandament: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx’;… Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh” (Mattew 5:21-22). B’dan Ġesù jfakkarna li anke l-kliem jista’ joqtol! Meta ngħidu li xi ħadd għandu lsien ta’ serp, xi jfisser? Ifisser li kliemu joqtol! għalhekk, mhux biss ħadd minna ma għandu jipprova jfittex ħajjet ħaddieħor, imma lanqas ma għandu ħadd iferragħ fuqu l-velenu tar-rabja u jolqtu bil-kalunnji. Lanqas ma għandna nparlaw fuq xulxin.

Ejja ngħidu kelma fuq it-tpaċpiċ żejjed: it-tpaċpiċ żejjed ukoll jista’ joqtol, għax jista’ joqtol il-fama tan-nies! Kemm hu ikrah it-tpaċpiċ żejjed! Fil-bidu jista’ jidher bħala xi ħaġa ta’ gost, li tagħti pjaċir, bħal meta nkunu qed nerdgħu ħelwa. Imma fl-aħħar, il-kliem żejjed jimlielna ‘l qalbna bil-qrusa, u jivvelena lilna wkoll.

Ngħidilkom il-verità, nemmen bis-sħiħ li jekk kull wieħed minna jagħmel sforz biex jiskarta l-kliem żejjed, fl-aħħar jispiċċa jsir qaddis! Hija triq sabiħa din tal-qdusija!

  • Nixtiequ nsiru qaddisin? Iva jew le?
  • Irridu ngħixu ħajjitna marbutin mad-drawwa tat-tpaċpiċ żejjed? Iva jew le?   

Mela ftehmna: Daqshekk paroli żejjed! Lil min jimxi warajh Ġesù jipproponilu l-milja tal-imħabba: imħabba li l-uniku limitu tagħha hu li m’għandhiex limitu, li tmur aktar ‘il hemm milli kull wieħed jista’ jaħseb. Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, hemm bżonn ta’ aktar imħabba, u l-preċetti kollha jingħaqdu fl-akbar kmandament: ħobb lil Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid: “Jekk int tiġġudika lin-nies, m’għandekx lok fejn tħobbhom”. Minflok tiġġudikom, Santa Katerina tal-Isvezja kienet titlob għan-nies, b’mod speċjali quddiem Ġesù Sagramentat u ħeġġet lil l-oħrajn biex jagħmlu l-istess. Imma kemm nemmnu tassew li bit-talb in-nies jinbidlu, jew aħjar jirċievu dak id-Dawl Divin li fih jistgħu jagħrfu x’inhu tajjeb jew ħażin? Din mhux kulħadd jifhimha imma biss min għandu fidi kbira: in-nies ta’ l-akbar poter fid-dinja, mhumiex il-gvernijiet u l-mexxejja tal-pajjiżi, imma dawk li fil-kwiet u bl-umiltà kollha jgħixu ħajja ta’ talb, talb ħerqan, talb li ma jaqtax, talb għalihom, talb għall-oħrajn, talb għall-Knisja, talb għad-dinja. Mat-talb, jgħaqqdu wkoll xi penitenzi, sawm u atti ta’ karità lejn il-proxxmu. Dawn u dawn biss ibiddlu l-istorja tad-dinja u jħallu d-dinja aħjar milli sabuha, għax jibdlu l-qlub tan-nies billi jdawwluhom riżultat tat-talb. Int temmnu dan? Tgħixu?

Talba: O Santa Katerina tal-Isvezja, nitolbuk bil-ħerqa biex tinterċedi għas-saċerdoti kollha, għar-reliġjużi u l-lajċi fil-Knisja, sabiex huma, flimkien ma’ bosta oħrajn li Alla għadu jsejjaħ għall-ħajja reliġjuża, saċerdotali u missjunarja, jagħtu lilhom infushom kompletament lil Alla f’ħajja ta’ servizz lill-umanità billi jxerrdu l-fidi f’għaqda waħda flimkien mal-Papa, mingħajr ma jkunu influwenzati mill-ispirtu ta’ sekulariżmu madwarna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-catherine-of-sweden.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-sweden-187

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Vadstena

The Life of Saint Catherine of Sweden on Gloria TV: https://gloria.tv/language/mKn9xGbZekLL1oBdzTvQap3Ku/video/MCtiNuNWMGFM1tB1vW14bdTe8

Saint Catherine of Sweden narrating about her mother Saint Bridget:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Frar: Beata Adeodata Pisani

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Novembru: Santa Anjeże ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Assisi

“Hekk kif nittama fik O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek.” – Santa Anjeże ta’ Assisi

Agnes_Assisi-186x300SANTA ANJEŻE TA’ ASSISI
Verġni
c.1197 – 1253

Tagħrif: 

Il-Familja ta’ Anjeże u tfulitha
Santa Anjeże twieldet f’Assisi fl-1197 minn ġenituri nobbli. Il-familja tagħha kienet toqgħod f’palazz ħdejn il-kattidral ta’ San Rufino. Missierha kien kavallier għani jismu Favarone di Offreduccio u ommha Ortolana kienet ukoll minn familja nobbli u għanja. Hija kienet il-fustanija fost tliet aħwa bniet. Il-kbira, Klara, kienet tliet snin ikbar minnha. Oħtha ż-żgħira kien jisimha Beatrice. Fil-magħmudija lil Anjeże semmewha Katarina.

Katarina kienet tifla sempliċi u sensibbli li fi ċkunitha ġarrbet mal-familja tagħha t-tbatija kkaġunata mill-irvell li fl-1198, iċ-ċittadini tal-klassi tan-nofs ta’ Assisi (il-‘minores’) għamlu kontra l-aristokrazija ta’ Assisi (l-‘maiores’). Il-familja ta’ Anjeże kellha ssib kenn fil-kastell ta’ Cocorano u meta fl-1202 faqqgħet il-gwerra bejn Assisi u Perugia, kellha taħrab għal Perugia fejn għexu refuġjati għand ħbieb ta’ fiduċja sas-sena 1205.

Fil-gwerra bejn Assisi u Perugia, Franġisku Bernardone kien waqa’ priġunier għal sena u aktar tard, wara marda, ikkonverta u minn ġuvni xalatur b’ambizzjoni li jsir kavallier, huwa beda jgħix ħajja ta’ sempliċità u faqar fuq il-passi ta’ Kristu fqir, umli u msallab. Dlonk ingħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja evanġelika uħud minn sħabu stess, fosthom Rufino, kuġin ta’ Klara u Katarina. Fl-1209, din l-Għamla ta’ Ħajja ta’ Franġisku u l-ewwel kumpanni tiegħu ġiet approvata oralment mill-Papa Innoċenz III.

Żgħożitha
Katarina kienet marbuta ma’ oħtha Klara bi mħabba kbira. It-tnejn kienu jaqblu ħafna u jaħsbuha l-istess. Hija kellha 15-il sena meta fit-18 ta’ Marzu 1212, Klara ħarbet mid-dar biex tħaddan il-ħajja evanġelika fuq l-eżempju ta’ Franġisku ta’ Assisi. Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nru 24) naqraw li Klara kienet tixtieq ħafna li oħtha tifhem il-frugħa tad-dinja u bħalha tingħata lil Alla u kienet titlob bil-ħerqa li bħalma hi u oħtha kienu qalb waħda u qrib ħafna fl-ispirtu meta kienu fid-dinja, ikunu wkoll rieda waħda bejniethom fis-servizz ta’ Alla’.

Katarina tingħaqad ma’ oħtha Klara
Xi 16-il jum wara, fl-4 ta’ April 1212, Katarina marret tara lil oħtha f’monasteru tal-Benedittini jismu Sant’Angelo di Panzo, qrib Assisi, fin-naħa tal Lvant ta’ Monte Subasio, fejn kienet sabet kenn temporanju. Klara qaltilha: ‘Ftakar, għażiża oħti li jum wieħed fit-tempju tal-Mulej, aħjar minn elf jum f’post ieħor (ara Salm 83,10). Iż-żgħożija u s-sbuħija jgħebu. Il-ħajja tintemm u hawn xejn ma jibqa’. Għażiża oħti, kieku kellek idduq il-ħlewwa tal-imħabba tal-Mulej! Hija mħabba dejjem ġdida, li ħadd ma jista’ jeħodilna!’

Il-kliem u l-eżempju ta’ Klara ħajjru lil Katarina biex hi wkoll tikkonsagra ruħha lil Alla. Infatti, Katarina qalet lil Klara li hi ġiet biex toqgħod magħha għax hi wkoll xtaqet taqdi lil Alla biss. Għal dan il-kliem Klara għannqitha bil-ferħ waqt li qaltilha : ‘Inrodd ħajr lil Alla, oħti l-aktar għażiża, għax il-Mulej għoġbu jisma’ talbi.’ U hekk Klara akkwistat l-ewwel kumpana tagħha.

Katarina tirreżisti lill-familja tagħha
Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nmr 25 u 26) insibu rakkont dwar kif malli l-familja ndunat bil-ħarba ta’ Katarina, tnax -il raġel armati taħt it-tmexxija ta’ zijuha Monaldo, marru għaliha. Sabuha barra mill-klawsura u għalhekk setgħu jerfgħu jdejhom fuqha. Kaxkruha mal-art, qattgħulha ħwejjiġha u sawtuha. Klara ma setgħet tagħmel xejn ħlief titlob imbikkija biex oħtha tingħata rieda sħiħa, u biex il-qawwa ta’ Alla tegħleb is-saħħa ta’ dawk l-irġiel. U hawn ġara miraklu doppju. F’daqqa waħda, il-ġisem tat-tfajla sar hekk tqil li dawk l-irġiel kollha ma felħux ikaxkruha aktar. Għalhekk l-irġiel ħallewha filwaqt li bdew jisħtu u jgħidu li kielet iċ-ċomb! Iz-ziju Monaldo tilef il-kontroll u kif kien ser ixejrilha daqqa, ħass uġigħ kbir fi driegħu li baqa’ pparalizzat u merfugħ fl-arja. Klara fl-aħħar ipperswadiet lill-qraba tagħha jħallu lil oħtha magħha.

Fil-bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi hemm meqjum il-fdal tal-kranju (għadam tal-iskutella tar-ras) ta’ Katarina, u f’dan il-fdal għadha tidher traċċa ta’ daqqa li kienet qalgħet mis-suldati kiefra meta marru għaliha f’Sant’Angelo di Panzo.

Wara din il-ġrajja, Franġisku nnifsu qata’ xagħar Katarina, ikkonsagraha lil Alla u bidel l-isem tat-tfajla minn Katarina għal Anjeże. Dan għaliex Franġisku xebbaħha mal-Ħaruf bla tebgħa peress li hi wkoll xerrdet demmha biex tmur warajh fit-taqbida li kellha ma’ qrabatha. Tixbah wkoll lill-verġni u martri Rumana Anjeże li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja tat ħajjitha għal Kristu.

Fil-kunventin ta’ San Damjan
Tul l-erba’ xhur li Klara u Anjeże damu f’Sant’Angelo di Panzo, Franġisku ħejja kollox biex jeħodhom f’kunventin tipikament Franġiskan, f’San Damjan, barra l-ħitan tal-belt ta’ Assisi. F’dak il-post, fl-1206 kien kellmu Ġesù Msallab u mimli b’faraġ tas-sema, ħass li kellu jitlaq id-dinja għal kollox. Ftit taż-żmien wara, waqt li kien qed isewwi l-knisja beda jsejjaħ b’leħen għoli bl-ilsien franċiż lill-bdiewa li kienu jinsabu f’dawk l-inħawi: ‘Ejjew u għinuni nibni l-monasteru ta’ San Damjan, għaliex għad jiġu joqgħodu fih nisa li bil-fama u bil-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tas-sema fil-Knisja mqaddsa kollha tiegħu.’ Din il-profezija seħħet meta Klara u Anjeże daħlu f’dak il-post fqir. Tfajliet ħbieb u qraba, u xebbiet oħra li bosta minnhom kienu nobbli ngħaqdu magħhom f’San Damjan u l-komunità kompliet tikber b’mod tal-għaġeb. Fl-1229, Beatrice, oħthom iż-żgħira ħaddnet il-ħajja evanġelika. Saħansitra, ommhom Ortolona, meta romlot, daħlet soru f’San Damjan. Fi żmien qasir saru komunità ta’ ħamsin. Twaqqfu wkoll monasteri oħra f’diversi postijiet fl-Italja u anke fi Franza, Spanja, fil-belt ta’ Praga, il-Ġermanja, il-Polonja… Anjeże baqgħet f’San Damjan sas-sena 1220 meta Franġisku bagħatha twaqqaf monasteru f’Monticelli, ħdejn Firenze (ara ‘Il-Fjuretti ta’ San Franġisk,’ Kap XV). Waqqfet monasteri oħra tax-Xbejbiet Foqra f’Mantova, fil-Feltrino u postijiet oħra fit-Toskana u forsi aktar ‘l bogħod… u reġgħet lura f’San Damjan matul l-aħħar ġimgħat tal-ħajja ta’ oħtha Klara, f’Lulju/Awwissu,1253.

Fil-Proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Klara, Anjeże tissemma’ f’żewġ episodji li ġraw qabel it-tluq tagħha għal Monticelli. Fir-rakkont tal-miraklu taż-żejt fil-ġarra mwettaq minn Klara li ġara fl-1213 (ara Proc. I, 15), l-ewwel xhud Pacifica di Guelfuccio meta mitluba tgħid liema mis-Sorijiet l-oħra kienu preżenti, fost l-oħrajn isemmi lil Swor Anjeże, oħt Santa Klara. Sr Ċeċilia, is-sitt xhud, meta kienet qed tixhed dwar l-ispirtu tal-profezija li kellha Klara, tgħid ‘li oħtha Swor Anjeże – li ftit taż-żmien ilu għaddiet minn din il-ħajja – kienet hemm, tisma’.’ (ara Proc,VI, 15).

Xhieda oħra tas-snin li fihom Anjeże għexet ma’ Klara f’San Damjan insibuha fil-‘Fjuretti ta’ San Franġisk’ (nmr 33) li jirrakkontaw il-ġrajja meta l-Papa Girgor IX mar iżur lil Klara u din bierket il-ħobż u minnufih fuq il-ħbejżiet kollha deher is-sinjal tas-salib. ‘F’dak iż-żmien f’dak il-monasteru kienu jgħixu Sor Ortolana, omm Santa Klara, u Sor Anjeże, oħtha, it-tnejn li huma, flimkien ma’ Santa Klara, mimlijin bil-virtujiet u bl-Ispirtu s-Santu, u kien hemm ukoll ħafna Sorijiet oħra qaddisa.’

‘Altera Clara’ – Klara oħra
Għall-ħabta tal-1220, il-Kardinal Ugolino, li wara sar il-Papa Girgor IX, kiteb ittra lil Klara li hija xhieda tal-istima profonda li kellu għal Klara u għal Anjeże u għall-‘qaddejja l-oħra ta’ Kristu u tal-fiduċja kbira li kellu fit-talb tagħhom. Ugolino xtaq jerġa’ jara lil Klara u lil ħutha s-Sorijiet; u jiftakar b’mod speċjali f’Anjeże, li magħha juri rabta qawwija meta jsejħilha ‘oħtu.’ ‘Insellem lil verġni Anjeże, oħti, u lil ħutek kollha fi Kristu. Lil Anjeże insejħilha wkoll ‘qaddejja umli u l-iżjed ċkejkna ta’ Kristu.’

Aktar minn tletin sena wara, fl-1253, fir-raba’ ittra tagħha lil Santa Anjeże ta’ Praga, Klara stess tqis lil Anjeże oħtha daqsha u tikteb hekk: ‘Dawn l-istess uliedi mbagħad, imma b’mod partikulari l-verġni l-aktar għaqlija, Anjeże, oħtna, jirrikmandaw ruħhom bil-qawwa kollha fil-Mulej lilek u lil uliedek.’

Il-fatt li Franġisku għażel lil Anjeże bħala ‘l-mibgħuta speċjali’ biex twaqqaf monasteru f’Monticelli, Firenze, juri li Franġisku wkoll kellu stima kbira għall-personalità u l-kwalitajiet li kienu jżejnu lil Anjeże. Bħal oħtha kienet animata minn ideali evanġeliċi li għexithom b’xeħta u qawwa ġdida.

Pellegrina għall-imħabba ta’ Kristu
Għall-imħabba ta’ Kristu, Anjeże aċċettat li tmur Monticelli biex bħala Badessa tkun eżempju ħaj għal grupp ta’ xebbiet żgħażagħ li xtaqu jgħixu l-istess stil ta’ ħajja ta’ Klara u ħutha f’San Damjan. Imma l-firda minn oħtha Klara, mis-sorijiet u mill-‘benniena ‘ tagħha f’San Damjan swietilha sagrifiċċju mill-akbar lil Anjeże. Dan jidher mill-ittra li kitbet lil Klara li fiha stqarritilha: ‘Irridek tkun taf, għażiża ommi, li għalija l-firda minnek u mis-sorijiet l-oħra li jien kont nemmen li se ngħix u mmut magħhom, hi piena kbira għall-aħħar; inħoss niket kbir f’ruħi u f’ġismi…. u b’danakollu hawn qed inġarrab faraġ kbir u ħaqqkom tifirħuli tassew. Firdiet bejnietna m’hawnx, u hawn sibt għaqda tal-għaġeb, aktar milli ħsibt li hu possibbli. Kollha laqgħuni b’ferħ kbir u huma kuntenti ħafna bija; kollha kemm huma wegħduni l-ubbidjenza bl-akbar qima.’

Spirtu missjunarju
Minkejja d-distanzi, Anjeże u ħutha f’Monticelli kienu jħossuhom ġisem wieħed u spirtu wieħed fi Kristu ma’ Klara u s-sorijiet f’San Damjan, Assisi. Kull fejn marret twaqqaf monasteru, Anjeże xerrdet Vanġelu ħaj bil-ħajja siekta, sempliċi u serena tagħha. Dan l-ispirtu missjunarju li ta frott kotran kien imsoqqi minn ġewwa b’ħajja interjuri li ħjiel tagħha nsibuha fil-‘Vita Agnetis’ li hemm imdaħħla fil-‘Kronaka tal-24 Ġeneral.’

Il-mewt ta’ Anjeże
F’Lulju jew Awwissu 1253, Anjeże marret lura f’San Damjan u kienet imbikkija qrib oħtha Klara meta din kienet qed tmut. Imma Klara qaltilha: ‘Ja oħt l-aktar għażiża, Alla jogħġbu li jiena nitlaq, iżda int tibqax tibki, għax dalwaqt tiġi tgħaġġel warajja għand il-Mulej.’ (ara ‘Leġġenda ta’ Santa Klara, nmr 43). Skont l-istess ‘Leġġenda’ fin-numru 48 insibu : ‘Ftit jiem wara (l-mewt ta’ Klara fil-11 ta’ Awwissu, 1253) Anjeże wkoll ġiet imsejħa għat-Tieġ tal-Ħaruf, u marret wara oħtha Klara fil-ferħ ta’ dejjem: hemm it-tnejn li huma bniet ta’ Sijon, aħwa bid-demm, bil-grazzja u bis-saltna, ifaħħru lil Alla bla heda.’ X’aktarx li Anjeże mietet fis-27 ta’ Awwissu,1253 imma skont it-tradizzjoni mietet tliet xhur wara fis-16 ta’ Novembru,1253.

Anjeże ndifnet fis-sepolcretto ta’ San Damjan u fis-sena 1260 il-fdalijiet tagħha ġew meħuda fil-Bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi, u mqiegħda f’kappella ddedikata lilha. Il-Papa Benedittu XIV iddikjara lil Anjeże qaddisa fl-1752, imma l-kult tagħha f’Assisi hu ħafna eqdem, u jixhdu għalih il-mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha u li huma mniżżlin fil-‘Vita Agnetis.’ Fil-Bażilka ta’ Santa Klara wieħed jista’ jara x-xena tal-mewt tal-qaddisa f’affresk ta’ Puccio Capanna (skola ta’ Giotto), li fiha Anjeże tidher għarkupptejha fuq il-ġisem mejjet ta’ oħtha Klara.

Ħsieb: Dan li ġej hu kliem Santa Anjeże ta’ Assisi:

“Niġi, O Mulej, fis-santwarju tiegħek biex nara l-ħajja u l-ikel ta’ ruħi. Hekk kif nittama fik  O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek. Ippermettili, Ġesù Divin, biex nersaq aktar qribek, hekk li ruħi kollha tkun tista’ tagħti qima lill-kobor tal-Majestà Tiegħek; li l-qalb tiegħi, bl-affermazzjonijiet l-aktar ħelwin tagħha, tista’ tirrikonoxxi l-imħabba infinita Tiegħek; li l-memorja tiegħi tista’ tinżamm fuq il-misteri ammirabbli li hawnhekk jiġu mġedda kuljum, u li s-sagrifiċċju ta’ kull ma’ jien jakkumpanja Lilek.”

Wieħed jista’ jimmaġina kemm kien diffiċli għal Santa Anjeże tisfida x-xewqat tal-ġenituri u l-qraba tagħha u ssegwi lil oħtha, Santa Klara. Madankollu, hija kellha tgħaddi minn dawn it-tbatijet kollha biex tasal tgħix il-vokazzjoni tagħha. Tajjeb li nitolbu l-interċessjoni ta’ din il-qaddisa biex nirċievu barka fuq il-vokazzjoni tagħna (hi x’inhi), speċjalment jekk qed naffaċċjaw oppożizzjoni u nsibu min jagħmlilna l-bsaten fir-roti tul it-triq. Ejjew nagħmlu kuraġġ fuq l-eżempju tagħha u nipperseveraw fit-triq tas-sewwa bħalha.

Tul ħajjitha kollha Anjeże rawmet bi mħabba sinċiera tliet devozzjonijiet partikulari:

  • L-ewwel nett kellha devozzjoni lejn il-Missier, li kienet tikkontemplaH fil-ħniena bla tarf tiegħu, fid-delikatezza lejn uliedu li huma tant ingrati lejH u tant bierda u indifferenti għall-imħabba paterna tiegħu.
  • It-tieni devozzjoni tagħha kienet lejn Ġesù fil-Passjoni u Anjeże kuljum kienet tikkontempla t-tbatijiet mill-aktar ħorox ta’ Kristu u l-ingratitudni tal-bnedmin lejn din l-imħabba bla qies tal-Feddej.
  • It-tielet devozzjoni kienet il-mogħdrija tagħha għall-Erwieħ tal-Purgatorju. Anjeże kienet taf li l-offerta tat-talb tagħha kienet tgħinhom jissaffew minn ħtijiethom biex jaslu aktar malajr, kollha dija, fil-preżenza tal-Aktar Għoli.

Imma l-karatteristika essenzjali tal-ispiritwalità ta’ Anjeże kienet il-kontemplazzjoni tagħha ta’ Ġesù Bambin. Dan għaliex Anjeże għexet fil-moħbi u fis-skiet il-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitha, anke dawk esterni li għamlu ħoss, f’adorazzjoni bla heda tar-rieda ta’ Alla. Fil-ferħ u fil-għeja ta’ kuljum, fil-paċi u fit-taqbid, fid-dawl u fid-dlam interjuri, għexet marbuta mar-rieda ta’ Alla f’isem il-fiduċja bla limiti f’Alla ta’ dawk li huma żgħar u foqra, kbar u għonja, għas-Saltna tas-Sema.

  • U int, kemm int lest/a biex tagħti post ta’ prijorità lil Alla u minħabba Fih twarrab dawk l-affarijiet jew dawk il-persuni li forsi qed iżommuk ‘l bogħod milli tista’ tgħix kif jixtieqek tgħix Hu?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a li lilek jispirak/tispirak b’dak li qal/et jew għex/et? Aħseb kif tista’ b’xi mod timxi fuq il-passi tiegħu/ha?

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjos dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

Talba: O Alla li minnek ġej il-vera ferħ, agħtina l-grazzja li bħal Santa Anjeże ta’ Assisi, nagħrfu li fik jinsab dak li kull bniedem jixxennaq għalih, anki jekk mhux dejjem jaf dan. Fakkarna li jekk nimxi fit-toroq tiegħek, dawn se jwassluna żgur għall-hena ta’ dejjem fis-sema fejn Int għad tkun il-premju ta’ dawk li ħallew il-ġid u l-pjaċiri tad-dinja biex jgħixu ħajja aktar mill-qrib tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-assisi/

Alternative Reading: http://www.marianhouseoftheholyspiritpcc.org/saint-agnes-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Assisi

Film of Saint Francis of Assisi:

Nota: It-Tagħrif u wħud mill-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huma meħudin mis-sit: http://www.sanfrangisk.com/12klara/SK750-00-werrej.htm