12 ta’ Frar: Beatu Reġinaldu ta’ Orleans

Verżjoni Vidjo: Beatu Reġinaldu ta’ Orleans

“Jum wieħed, permezz tar-Rużarju u l-Iskapular, il-Madonna għad issalva d-dinja”. ~ San Duminku (Fundatur tal-Ordni tal-Predikaturi)

jnkjkjjIL-BEATU REĠINALDU TA’ ORLEANS
Presbiteru
1183 – 1220

Tagħrif: Dan kien l-ewwel fost il-qaddisin u l-beati Dumnikani. Twieled fid-djoċesi ta’ Orleans fi Franza. Sar duttur tal-liġi u għallem id-dritt kanoniku fl-Akkademja ta’ Pariġi. Waqt li kien iżur il-postijiet imqaddsa f’Ruma, laqtu ħafna l-kliem ta’ San Duminku u baqa’ impressjonat bil-faqar evanġeliku tal-ordni tal-Predikaturi u l-ħeġġa tiegħu għall-appostolat.

Ġiet fuqu marda, imma reġa’ ħa saħħtu bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka u mbagħad ngħaqad mal-ordni ta’ San Dumniku kif kienet indikatlu l-Madonna.

Bl-eżempju t-tajjeb u l-kelma mħeġġa tiegħu ħafna żgħażagħ u nies magħrufa daħlu fl-ordni, l-ewwel f’Bolonja u mbagħad f’Pariġi. Billi kien professur tal-liġi kanonika fl-Università ta’ Pariġi, Reġinaldu kien ta’ għajnuna kbira għal San Duminku fl-għoti ta’ għamla definittiva lill-ordni tiegħu.

B’għaqal kbir Reġinaldu organizza u mexxa ’l quddiem il-ħajja tal-komunità, u tkebbes bil-ħeġġa tal-appostli għat-tiġdid tas-saltna ta’ Kristu.

Skont tradizzjoni fl-Ordni Dumnikan, il-Madonna għarrfet lil Reġinaldu li kienet tixtieq li l-patrijiet predikaturi jilbsu l-labtu abjad flok ir-rukkett li San Duminku kien jilbes bħala kanonku.

Il-beatu miet f’Pariġi fl-1220 meta kellu inqas minn 40 sena u kien midfun fil-knisja ta’ Notre Dame des Champs. Il-Papa Piju IX, fit-8 ta’ Lulju 1875, ikkonferma l-qima lejh li kienet ilha mogħtija lilu.

Ħsieb: Il-ferħ li jqanqal fina l-Beatu Reġinaldu huwa dak l-istess ferħ li tqanqal fih meta libes l-abitu tal-Ordni tal-Predikaturi, l-abitu li nistgħu ngħidu rċieva mingħand il-Verġni Mbierka Marija. Dan iferraħna għax lilna wkoll ifakkarna li aħna “ġejna mlibbsa bl-ilbies tas-salvazzjoni”. Reġinaldu irċieva dan l-iskapular mingħand San Duminku, deskritt fil-voti tal-Ordni bħala “il-wegħda materna mis-sema tal-imħabba tal-Verġni Mbierka Marija lejna”.

Wara Kristu, il-Madonna hi l-aqwa mudell tal-qdusija. Hi twassalna għand Ġesù billi turina fil-prattika li aħna wkoll, bħalha, nistgħu nagħmlu dak li ordnalna Binha. Imma xi jfisser li wieħed jilbes l-iskapular jew il-labtu tal-Madonna? Dawn jgħinu lin-nisrani jimxi wara Kristu, billi jidħol f’relazzjoni speċjali ma’ Marija. Hija relazzjoni li għandha l-karattru ta’ konsagrazzjoni. Għaldaqstant il-konsagrazzjoni lil Marija tfisser li wieħed iwiegħed li jagħmel ħiltu biex jimxi fuq l-eżempju tagħha, mera tal-qdusija ta’ Alla, speċjalment

  • fl-imħabba tagħha lejn il-proxxmu,
  • fit-talb bla heda u
  • fir-rabta qawwija tagħha mar-rieda ta’ Alla.

L-att ta’ konsagrazzjoni huwa l-impenn l-aktar għoli ta’ fedeltà li jsir lil Alla, u li wieħed jidħol għalih permezz ta’ Marija, għalhekk għandu garanzija kbira li ser jirnexxielu.

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix bħala persuna ikkonsagrata lill-Verġni Marija, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Talba: O Alla, li minnek ġej kull għana, bl-għajnuna tal-Omm tal-Ħniena, Inti tlabt lill-Beatu Reġinaldu biex jgħix ħajja ta’ faqar u tajtu is-setgħa li jipperswadi oħrajn biex bħalu jħaddnu l-ħajja reliġjuża. Permezz ta’ talbu, iggwida l-passi tagħna fit-triq tal-Kelma Tiegħek, sabiex bi qlubna mħeġġa nistgħu niġru fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/05/blessed-reginald-cop.html

Alternative Reading: https://www.nashvilledominican.org/community/our-dominican-heritage/our-saints-and-blesseds/bl-reginald-of-orleans/

or

http://dominicans.ie/blessed-reginald-of-orleans-op/

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.