19 ta’ Ġunju: San Romwaldu

Verżjoni Vidjo: San Romwaldu

“Jekk il-poplu tiegħi, li fuqu jissejjaħ ismi, jumilja ruħu u jitlob u jfittex lil wiċċi, u jerġgħu lura mit-triq il-ħażina, jien nismagħhom mis-sema, u naħfrilhom dnubiethom u nfejjqilhom ‘l arthom.” – Il-Mulej f’2Kronaki 7:14.

Guercino_san_Romualdo_big.jpgSAN ROMWALDU
Abbati
950 – 1027

Tagħrif: San Romwaldu twieled f’Ravenna, l-Italja, fis-sena 950, għand familja nobbli.

Meta kellu għoxrin sena ra lil missieru joqtol fi dwell lil wieħed raġel li kien jiġi minnu fuq kwistjoni ta’ propjetà. Dan id-delitt daħħlu f’qoxortu, u baqa’ sakemm telaq mid-dar u daħal fil-monasteru “San Appollinare” tal-Benedittini fi Classe, qrib Ravenna.

Tliet snin wara ħalla dan il-monasteru u mar jgħix ħajja iktar iebsa, u sar eremita.

Madwar għaxar snin wara, ġie maħtur Abbati tal-monasteru “San Appollinare.”

Sadanittant, missieru kien sar patri, u issa San Romwaldu kien jiggwidah fil-ħajja spiritwali.

Fis-sena 990, San Romwaldu mar l-Ungerija bħala missjunarju, iżda billi marad kellu jirritorna f’qasir żmien.

Għadda l-kumplament ta’ ħajtu jiġri minn post għal ieħor isaħħaħ il-monasteri u l-eremitaġġi u jwaqqaf oħrajn ġodda.

Fl-1012, kien f’Toskana meta ddobba biċċa art minn għand ċertu wieħed jismu Maldolu. Fuq din il-biċċa art, li semmewha Camaldoli (Camp Maldoli – l-Għalqa ta’ Maldoli), San Romwaldu bena monasteru u fih beda l-Ordni tiegħu li ġie msejjaħ l-Ordni tal-Kamaldoleżi.

Fl-1027, mar jgħix fil-monsateru ta’ Val di Castro, fejn fid-19 ta’ Ġunju miet waħdu fiċ-ċella kif kien ħabbar snin qabel meta kien qed iżur dak il-monasteru.

Ħsieb: Romwaldu kien ġej minn familja dukali ta’ Ravenna. Minkejja li kien iħoss ġo fih xewqa għal ħajja qaddisa, iż-żgħożija tiegħu kienet moħlija fis-servizz tad-dinja u l-pjaċiri tagħha. Romwaldu, biex ipatti għad-delitt ta’ missieru, qatagħha li jidħol fl-abbazija ta’ “Sant’Apollinare” in Classe, f’Ravenna. Kellu dik il-ħabta 20 sena.

Wara biss tliet snin qala’ l-permess biex jgħix ħajja aktar solitarja, u malajr beda l-karriera tiegħu bħala riformatur tal-eremiti, iwaqqaf eremitaġġi u monasteri fl-Italja. Kullimkien kien iħeġġeġ għat-talb kontemplattiv bil-formula:

  • solitudni
  • silenzju
  • sawm.

Kien jagħti ħafna pariri sodi, ikkompona Kummentarju fuq is-Salmi u kien iħabbar ukoll il-ġejjieni. Imxennaq li jipprietka u jieħu l-martirju kiseb ukoll il-permess tal-papa li jmur ixandar il-vanġelu fl-Ungerija, imma kellu jirritorna minħabba saħħtu.

Erba’ snin qabel mewtu waqqaf l-eremitaġġi ta’ Camaldoli qrib Arezzo, fuq il-muntanji tat-Toskana, għoljin 3,200 pied. Magħqud ma’ dawn, għalkemm imbiegħed xi żewġ mili u elf pied inqas għoli, kien hemm monasteru taċ-ċenobiti, li kien iħarreġ in-novizzi, jieħu ħsieb il-morda, ix-xjuħ u l-mistednin u jmexxi l-affarijiet finanzjarji u legali. Ir-regola tal-Kamaldoliżi hi mibnija fuq dik ta’ San Benedittu modifikata, tgħaqqad fiha l-ħajja ċenobitika u eremitika.

U aħna kemm nagħtu importanza lis-silenzju fil-ħajja storbjuża tagħna? Papa Franġisku (21, ta’ Ottubru, 2016) jgħid li: “Bi sfortuna, illum l-għaġla u l-ħeffa li tiġi mill-bumbardament tal-istimoli li jdawruna, mhux dejjem iħallu lok għas-silenzju interjuri li fih tidwi s-sejħa tal-Mulej. Kultant jista’ jiġri li ngħaddu minn dar-riskju anki fil-komunitajiet tagħna: rgħajja u operaturi pastorali mgħaġġlin, ippreokkupati żżejjed b’dak li għandhom x’jagħmlu, li jirriskjaw li jaqgħu fl-attiviżmu organizzattiv vojt.”

Illum in-nies għandhom bżonn min jiggwidahom u jgħinhom isibu dak li qegħdin ifittxu – li ħafna drabi lanqas huma stess ma jafu eżatt x’ikunu qed ifittxu. Għandhom bżonn minn jgħinhom joħolqu u jsibu spazju għas-silenzju interjuri. Huwa f’dan is-silenzju, kif ġara fil-ħajja ta’ San Romwaldu li fittex silenzju dejjem akbar, li jistgħu jisimgħu l-vuċi ħelwa tal-Mulej.

Jekk tassew noħolqu dan l-ispazju u dan is-silenzju nistgħu nisimgħu aħna wkoll il-vuċi ġentili tal-Mulej, li hi l-vuċi tal-Verità. Nafu li l-Verità m’għandhiex bżonn tkun storbjuża għax fiha nnifisha hi qawwija biżżejjed hekk li ħadd ma jista’ jmeriha jew jibdilha. Jekk tassew nagħrfu din il-vuċi u din il-Verità u ngħixu skont ma’ din tgħallem, inkunu mbagħad f’sinkronija ma’ Alla, allura aħna wkoll insiru irġiel u nisa ta’ Paċi bħal ma kienu San Romwaldu u l-qaddisin kollha.

Ħafna drabi, iżda, jiġri li aħna wisq b’moħħna mifrux, stressati, nervużi, għejjiena u bla saħħa, jonqsuna mhux biss il-paċi, is-serenità u l-armonija, imma wkoll il-ħeġġa u l-ħajra li nkomplu ngħixu. Id-dwejjaq u l-malinkonija jsiru qishom l-kumpanji ta’ ħajjitna. Mill-ħajja tagħna donnhom jisparixxu l-kuluri u kollox jibda jidher griż jew iswed! Dan jiġri għax ma nkunux f’sinkronija mar-rieda tal-Mulej. U jekk inhu hekk, bilfors li nħossuna għajjiena! Bir-raġun kollu li nħossuna bla saħħa!

Hawn is-sigriet. Jekk irridu li jkollna l-paċi f’qalbna rridu bħal San Romwaldu nissinkronizzaw ma’ dak li jixtieqna nagħmlu l-Mulej, irridu nagħmlu dak li Hu jrid minna. Irridu niskopru r-rieda tiegħu personalizzata u biex niskopru dan, jeħtieġilna naħdmu għas-silenzju tal-qalb.

Talba: O Alla, int xettilt mill-ġdid fil-Knisja tiegħek il-ħajja tal-eremiti permezz ta’ San Romwaldu, abbati; agħmel li aħna niċħdu lilna nfusna u nimxu wara Kristu, biex naslu fil-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-romuald-510

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-romuald/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Romuald

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Novembru: San Kolumbanu

Verżjoni Vidjo: San Kolumbanu

“Xejn mhu iżjed ħelu mill-kalma tal-kuxjenza, xejn mhu iżjed sigur mis-safa tar-ruħ – imma ħadd ma jista’ jagħti dawn lilu nnifsu minħabba li huma sewwa sew doni tal-grazzja t’Alla.” – San Kolumbanu

nSAN KOLUMBANU
Abbati
540 – 615

Tagħrif: San Kolumbanu twieled f’Leinster, fl-Irlanda, fl-ewwel nofs tas-seklu sitta. Meta kien għadu żagħżugħ, kellu ħafna tentazzjonijiet kontra s-safa. Biex jaħrab mit-tlellix tad-dinja, u fuq il-parir ta’ San Comgall, daħal patri fil-Monasteru ta’ Bangor, Ulster, mnejn wara ħajja monastika ħarxa ta’ 30 sena, bil-permess ta’ San Comgall, telaq missjunarju fi Franza madwar is-sena 585.

Hemmhekk, is-sultan tal-Borgonja, Gontram, tah biċċa art xagħrija li fuqha kien hemm il-kastell ta’ Annegray nofsu mwaqqa’. F’dan il-kastell San Kolumbanu waqqaf l-ewwel monasteru tiegħu. Tant iffjorixxa, li f’qasir żmien kellu jibni żewġ monasteri oħra, wieħed f’Luxeuil, u l-ieħor f’Fontaine.

Malajr twaqqfu monasteri oħra fi Franza, il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Italja. Ir-regola ta’ dan il-fundatur qaddis, u l-ikbar missjunarju Irlandiż fl-Ewropa, kienet ħarxa wisq iktar minn ta’ San Benedittu, u baqa’ josserva l-Għid u l-Liturġija “Celitika”, bħal Ġwanni l-Battista, ħadha bl-aħrax kontra l-iskandli tar-Re Teodoriku II tal-Burgundie, li fis-sena 610, keċċa lill-missjunarji Irlandiżi.

Il-monasteri ta’ San Kolumbanu, bħall-monasteri l-oħra fl-Ewropa, kienu jservu bħala sptarijiet, lukandi, irziezet, u postijiet ta’ kultura u tagħlim. Ir-regola li ppreskriva għall-monasteri tiegħu kellha bħala għan ewlieni l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u kienet ibbażata fuq dixxiplina stretta ta’ talb, studju u xogħol.

Bħal San Pawl, Kolumbanu sofra l-għarqa, imma milqugħ mir-Re Teodobert II ta’ Neustria fil-belt ta’ Metz u mir-Re Agilulf tal-Lombardija, ipprietka l-ewwel, qalb il-Ġermaniżi qrib Bregenz u l-Għadira Kostanz, imbagħad l-Italja, fejn waqqaf l-Abbazija famuża ta’ Bobbio, fejn miet ta’ madwar 75 sena fil-21 ta’ Novembru, 615, u fejn jinsab meqjum il-fdal tiegħu.

Fost id-dixxipli tiegħu nsemmu biss lil San Gallo, fundatur tal-Abbazija (illum Katidral) ta’ dan l-isem fl-Isvizzera, li maż-żmien saret ċentru mill-aqwa ta’ arti, letteratura u mużika. Imma minħabba l-ħruxija tar-Regola ta’ San Kolumbanu, il-monasteri tal-ordni tiegħu lkoll spiċċaw biex ħaddnu r-Regola Benedittina.

San Kolumbanu sar wieħed mill-ikbar missjunarji Irlandiżi. Għalhekk jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma siewja li wettaq b’risq il-ħajja Nisranija u reliġjuża.

Ħsieb: Issa li l-liċenzja sesswali pubblika qed issir estrema, neħtieġu l-memorja li l-Knisja tippreżentalna llum, ta’ żagħżugħ li ta kas tal-kastità tiegħu bħal Kolumbanu. U issa li d-dinja tal-Punent inqabdet fil-kumdità u tinsab f’kuntrast traġiku ma’ miljuni ta’ nies bil-ġuħ, neħtieġu l-isfida tal-awsterità u d-dixxiplina ta’ dan il-grupp ta’ patrijiet Irlandiżi. Forsi kienu stretti wisq, ngħidu; jew esaġeraw. Sa fejn għandna naslu?

Il-Madonna ġewwa Fatima qalet lit-tliet viżjunarji, fis-sena 1917, li l-biċċa l-kbira tal-erwieħ jintilfu fin-nirien tal-infern prinċipalment minħabba d-dnubiet kontra s-sitt u d-disa’ kmandamenti – jiġifieri d-dnubiet tal-impurità.

Peress li dan huwa l-periklu preżenti nixtieq niffukaw fuq strateġija spiritwali li nistgħu nużaw; pjan għall-ġenituri, żagħżagħ u anke tfal sabiex nevitaw il-periklu dejjem preżenti tal-attakki kontra l-purità, u jekk waqajna, biex nerġgħu mmorru b’kunfidenza għand il-Mulej b’qalbna kollha, bl-għajnuna tal-interċessjoni ta’ Ommna Marija – Omm is-Safa.

Armi Spiritwali biex tirbaħ il-Battalja favur is-safa

1. Armi ta’ Talb
Aħna dgħajfa, dgħajfa ħafna! Ġesù, fil-Ġnien taż-Żebbuġ, qal lill-Appostli, kif ukoll lid-dinja kollha, dawn il-kliem preċiżi: “L-ispirtu jrid imma l-ġisem huwa dgħajjef. Itolbu intom lkoll biex ma tidħlux fit-tiġrib.” (Mattew 26:40-41) Minflok it-talb, l-Appostli raqdu!

Ir-raġuni ewlenija għaliex wieħed jaqa’ f’xi dnub, imma speċjalment f’dak tal-impurità, huwa jew nuqqas ta’ talb jew talb batut u dgħajjef. Biex tirbaħ il-passjonijiet tal-ġisem u l-insinwazzjonijiet kostanti tad-dinja u t-tentazzjonijiet tax-xitan, trid titlob b’mod kostanti. Ġesù jistedinna b’dawn il-kliem: “Itolbu, u jingħatalkom…” (Mattew 7:7). Ejjew nitolbu lill-Mulej għad-don u l-virtù tas-safa.

2. Tilgħabx man-nar
Raġuni ewlenija għaliex ħafna jaqgħu fid-dnubiet tal-impurità hija minħabba li wieħed ma jagħmilx ħiltu kollha biex jevita l-okkażjonijiet tad-dnub. Il-Proverbju jgħid: “Min jilgħab man-nar, jinħaraq.” Irridu nużaw is-sens u l-prudenza komuni. Eżempju sempliċi: wara ikla sabiħa flimkien, l-għarus jistieden lill-għarusa fil-kamra tiegħu biex juriha xi affarijiet … bil-probabbiltà lit-tnejn jaqgħu għat-tentazzjonijiet tax-xitan u għall-passjonijiet tal-ġisem!

3. Modestà
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-modestà hija l-gwardja tas-safa fil-ħajja. (2521-2524) Permezz tal-Magħmudija, ġisimna jsir t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, iktar minn hekk, tempju tat-Trinità Qaddisa u wara t-Tqarbin, Tabernaklu ħaj tas-Sagrament Imqaddes. In-nisa m’għandhom qatt ikunu ta’ provokazzjoni jew ta’ okkażjoni tad-dnub għall-irġiel. U l-irġiel m’għandhomx jiġu skużati jekk ma jikkontrollawx għajnejhom.

Ikkunsidra kull statwa nobbli jew pittura tal-Madonna – Il-Madonna ta’ Guadalupe, Lourdes, Fatima – u żgur li tolqtok is-sbuħija tagħha tas-sema, flimkien mal-virtù tas-safa. Marija tista’ tkun il-mudell tagħna u tiggwidana, speċjalment fil-prattika tas-safa.

4. Penitenza
Ġesù stqarr: “Xi xjaten jistgħu jiġu mkeċċija biss permezz tat-talb u tas-sawm.” Fil-ħajja spiritwali tagħna, aħna bħal għasfur, imma msejħa biex inkunu bħall-ajkla li ttir fil-għoli, imma għandna bżonn żewġ ġwienaħ spiritwali li huma: it-Talb u l-Penitenza! Biex nirbħu l-passjonijiet tal-ġisem irridu nitolbu b’impenn, imma wkoll nitgħallmu l-arti tas-sawm u tal-penitenza. Il-qaddisin kollha jgħallmuna din il-lezzjoni b’mod ċar!

5. Evita l-Għażż
Bieb kbir u wiesa’ li jista’ jwassal għal dnubiet kontra s-safa, u huwa fil-fatt wieħed mill-Irjus tad-dnub il-mejta, huwa dak tal-Għażż. Idleness (laziness) is the workshop of the devil.

Il-qaddis kbir, edukatur u patrun taż-żgħażagħ, San Ġwann Bosco kien jesperjenza biża’ meta kienu jaslu l-vaganzi taż-żgħażagħ tiegħu. Fix-xhur tas-sajf iż-żgħażagħ ma kien ikollhom xejn x’jagħmlu! F’din l-istat ix-xitan malajr jidħol biex jittanta b’diversi modi u speċjalment kontra l-virtù tal-kastità.

Waħda mir-raġunijiet primarji għalfejn tant żgħażagħ għandhom problemi serji bil-pornografija bl-użu tal-Internet u bl-abbuż personali, hija minħabba l-ħin liberu eċċessiv, id-dwejjaq u l-aċċess faċli għal siti impuri. San Bonaventura poġġieha fil-qosor: “Meta wieħed ikun qed jaħdem, ix-xitan jista’ jkun qiegħed hemm biex jittentah, imma meta wieħed ma jkollux x’jagħmel, numru kbir ta’ xjaten jkunu hemm lesti għalih.”

6. Użu tal-lingwa mhux xierqa
Dejjem u kullimkien irridu nikkontrollaw l-ilsien. San Ġakbu jgħidilna li “ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt.” (Aqra San Ġakbu 3 – id-dnubiet tal-ilsien). Għalhekk, għandna nkunu attenti xi nkunu se ngħidu minn qabel ma ngħiduh, u attenti x’nisimgħu, speċjalment fir-rigward tas-safa.

Qatt m’għandu joħroġ minn xufftejn kliem maħmuġ, lingwaġġ mhux xieraq u ċajt pastaż u ħamallu. Warrab ukoll milli toqgħod tisma’ lingwaġġ bħal dan. Ġesù javżana li se nkunu ġġudikati fuq il-kliem kollu li jkun ħareġ minn fommna. Qatt ma għandna ninsew li aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fuq ilsienna; ilsienna jsir it-tron ta’ Ġesù, ir-Re tar-Rejiet u l-Mulej tagħna. Ejjew nitkellmu b’mod nobbli!

7. Viġilanza kostanti – speċjalment tal-għajnejn
Il-Papa Franġisku fil-messaġġi tiegħu dejjem qiegħed ifakkarna li għandna nżommu viġilanza fuq il-persuna tagħna. L-eżami tal-kuxjenza huwa importanti ħafna. Li filgħaxija wieħed jagħmel reviżjoni tal-ġurnata tiegħu, biex jara fejn żbalja u kif seta’ mexa b’mod iżjed għaqli, ħalli jgħix aħjar il-jum tal-għada, huwa indispensabbli għan-Nisrani. U dan l-eżami, nistgħu faċilment napplikawh ukoll fejn tidħol is-safa.

8. L-Użu tas-Sagrament tal-Qrar (tar-Rikonċiljazzjoni)
Minkejja l-waqgħat tagħna, ma rridux nagħmlu bħal Ġuda u naqgħu fid-dnub tad-disprament, billi jkollna nuqqas ta’ fiduċja fil-ħniena infinita ta’ Ġesù. Għandna nirrikorru b’mod immedjat għas-Sagrament tal-Ħniena ta’ Alla, tal-Qrar li minbarra li tingħatalna l-maħfra hekk li nkunu nistgħu nibdew folja ġdida, ningħataw ukoll il-qawwa biex inkunu nistgħu nkomplu nikkombattu kontra d-dnub f’ħajjitna.

9. Tqarbin Frekwenti
Huwa ta’ importanza kbira jekk irridu nibqgħu f’saħħitna fejn tidħol is-safa, li nkabbru r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija Mqaddsa hija tassew, verament u sostanzjalment il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.

Meta nirċievu lil Ġesù fit-Tqarbin, nirċievu:

  • l-Moħħ ta’ Ġesù, bil-memorja tiegħu li tippurifika l-ħsibijiet maħmuġin tagħna,
  • id-Demm ta’ Ġesù li jiċċirkola ġol-ġisem kollu tagħna, permezz tal-vini u l-arterji,
  • il-Qalb l-aktar Imqaddsa ta’ Ġesù bl-iktar sentimenti nobbli tiegħu u
  • aktar minn hekk, aħna nirċievu s-safa assoluta tal-Qalb ta’ Ġesù.

10. Il-Madonna: Mudell u interċessura tagħna għall-virtujiet kollha
Naturalment ma nistgħux ma nsemmux lill-Madonna meta qed insemmgħu l-virtù tas-safa, l-Omm tal-imħabba pura. Tajjeb li nitolbuha tinterċedi għalina kif għamlet ma’ ħafna qaddisin li xxenqu għal safa dejjem akbar u b’talbha rnexxielhom jaslu għaliha.

U nagħlaq bi kliem Ġesù li qal: “Hienja dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla” (Mattew 5:8) Ejjew ngħixu s-safa f’din il-ħajja kif għexha San Kolumbanu, sabiex la jasal il-waqt, inkunu nistgħu nikkontemplaw is-sbuħija tat-Trinità Qaddisa – mal-Madonna, l-anġli, u l-qaddisin kollha – għall-eternità!

Talba: O San Kolumbanu, li fil-ħeġġa tiegħek biex issegwi lil Kristu, ħallejt pajjiżek u qattajt ħajtek fit-tbatija u fl-eżilju, għin u pproteġi, nitolbuk, lill-missjunarji ta’ żmienna li ddedikaw ħajjithom biex jippritkaw l-Evanġelju madwar id-dinja. Itlob li jkollhom l-istess għerf u qawwa li biha għelibt il-perikli li ltqajt magħhom fit-triq, u dik il-fidi soda u mħabba tħeġġeġ li bihom sofrejt bil-ferħ il-privazzjonijiet ta’ din il-ħajja għall-imħabba ta’ Kristu. Assistina u pproteġina, għażiż San Kolumbanu, biex nistgħu ngħixu għall-glorja t’Alla, ħalli meta l-pellegrinaġġ tagħna jasal fi tmiemu, nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tad-dar tagħna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-columbanus-or-columban.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-columbanus-716

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Columbanus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Awwissu: San Piju X

Verżjoni Vidjo: San Piju X

“Li kien hemm miljun familja titlob ir-Rużarju kuljum, id-dinja kollha tkun salvata.” Papa Piju X

24dffa_966d0891da164f54ba54fbf6483d1c3dSAN PIJU X
Papa
1835 – 1914

Tagħrif: Ġużeppi Sarto twieled fir-raħal ta’ Riese, fl-Italja ta’ fuq. Missieru kien iżżewweġ kbir meta kellu 43, iżda ommu kienet għadha fl-aħjar tagħha ta’ 22 sena. Wara sena kellhom tarbija iżda mietet għaxart ijiem wara. Wara kellhom tifel ieħor li semmewh Ġużeppi li twieled fit-2 ta’ Ġunju, 1835 u għammduh l-għada. Margerita kellha tmint itfal oħra, żewġ subjien u sitt ibniet. Lil Ġużeppi laqqmuh “Bepi” u hekk baqgħu jsejħulu ħutu bejniethom anki meta kien Kardinal Patrijarka. Il-kappillan tar-raħal kellem lil tal-familja biex it-tifel ikompli jistudja. Ma sabux diffikultà ħlief li ma kellhomx flus. Irranġawlu li jmur Castel Franco.

Daħal is-Seminarju ta’ Padova, u ordna saċerdot fit-18 ta’ Settembru tal-1858, fl-età ta’ 23 sena. Hu għadda l-ewwel sbatax-il sena tas-saċerdozju tiegħu f’ħidma pastorali. Fl-aħħar, fit-14 ta’ Lulju 1867, bagħat għalih l-isqof u ħatru kappillan tal-parrocċa importanti ta’ Salzano b’elfejn ruħ u tliet kurati. Għamel pjan għall-appostolat tiegħu: l-ewwel punt kien li kellu jżur kull familja, anki dawk li kienu Lhud u l-iktar lil dawk li kienu magħrufa bħala kontra l-Knisja. Fl-1873, faqqgħet il-kolera; il-kappillan baqa’ jdur bil-parruċċani tiegħu li ħadu din il-marda. Fix-xitwa tal-1868, beda skola tal-Latin u tal-mużika sagra. L-ikbar taħbit il-moħħ li kellu kien għall-fqar. Kulma kien jiddobba: qamħ, injam, frott, kollox kien għalihom. Ġie li anki ddejjen minħabba fihom. Kien magħżul kap tal-Għaqda tal-Karità li kienet tieħu ħsieb 200 fqir fil-belt. Sena wara sar il-Kap tal-Kumitat tal-iskola.

Fl-1875, ħatruh Kanonku tal-Katidral ta’ Treviso, u fl-1884 sar Isqof ta’ Mantova. Fl-1893, il-Papa Ljun XIII ħatru Kardinal u Patrijarka ta’ Venezja. F’din il-kariga wera kemm kien bniedem żelanti u ta’ ħila amministrattiva.

Fl-4 ta’ Awwissu 1903, il-Kardinal Sarto kien elett Papa, u ħa l-isem ta’ Piju X. Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li “jġedded kollox fi Kristu.”

Fost l-affarijiet li għamel kienu:

  • li ebda setgħa ċivili ma għandha tindaħal fl-elezzjoni tal-Papa, u neħħa l-veto li kellhom xi pajjiżi;
  • iddefenda s-separazzjoni tal-Knisja mill-Istat, u dwar dan żamm sod speċjalment kontra l-Gvern ta’ Franza;
  • ħadem ħafna biex ineħħi l-Moderniżmu mill-Knisja (meta xi qassisin kienu qed ixerrdu din l-idea u hu bil-kitba tieghu “Pascendi” u “Lamentabilis” ħadha qatta bla ħabel kontra dan u talab mis-saċerdoti ġurament kontra l-moderniżmu);
  • inkuraġġixxa l-qari ta’ kuljum tal-Bibbja, u t-Tqarbin spiss u jekk jista’ jkun kuljum, speċjalment mit-tfal;
  • ħejja test ta’ Katekiżmu li kellu jintuża mal-Italja kollha u li ġie ppubblikat sentejn qabel ma miet;
  • irriforma l-Mużika Sagra, il-Liturġija, il-Brevjarju Ruman, u beda l-kodifikazzjoni tal-Liġi Kanonika;
  • irriforma l-Kongregazzjonijiet u l-qrati Rumani;
  • fetaħ l-Istitut Bibliku;
  • ta attenzjoni speċjali lill-istampa kattolika, u lill-Azzjoni Kattolika; u
  • ħadem ħafna għall-paċi meta d-dinja kienet f’xifer ta’ gwerra.

L-Ewwel Gwerra Dinjija bdiet fl-4 ta’ Awwissu 1914, u l-Papa miet fl-20 ta’ Awwissu 1914. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fl-1954. Kien l-ewwel Papa li ġie ddikjarat Qaddis mill-1672, mill-kanonizzazzjoni ta’ San Piju V.

Ħsieb: Taf li ħafna mill-isqfijiet għandhom mudell episkopali li jmur mal-kodiċi uffiċjali tagħhom? Taf x’inhu l-mudell tal-isqfijiet tagħna? Fl-1903 meta l-qaddis tal-lum Papa Piju X inħatar Papa ta’ Ruma, hu għażel għalih vers mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin Kapitlu 1: “li jġedded kollox fi Kristu.” Għalfejn taħsbu li għażel dan bħala l-mudell tiegħu? Il-Papa Piju fisser għaliex f’Enċiklika li kiteb ftit wara li sar Papa. Hu staqsa:

“Min jista’ ma jarax li s-soċjetà preżenti, aktar mis-snin ta’ qabel, qed issofri b’mod terribli minn marda gravi li qed tavvanza kuljum, li qed tiekolha minn ġewwa u tkaxkarha lejn id-distruzzjoni? Intom tifhmu, għeżież uliedi, x’inhija din il-marda – li abbandunajna lil Alla” …

X’kienet din il-marda? Li abbandunajna lil Alla. Dan hu l-ħażen li l-Papa ra li jeżisti, wara l-konflitti li kienu se jwasslu għal gwerra kbira li bdiet fl-1914, l-aħħar sena tal-Pontifikat tiegħu.

Riċentament, il-Papa Benedittu reġa’ tenna kważi l-istess kliem meta qal: ‘Dinja mingħajr Alla hi dinja mingħajr tama.’ Is-soluzzjoni? “Li jiġġedded kollox fi Kristu,” u dan jibda minni u minnek. Il-battalja bejn it-tajjeb u l-ħażin tinsab fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Jeħtieġ li nagħmlu lil Kristu r-Re u s-Sid tal-qalb tagħna, li nagħrfu s-setgħa tiegħu li jsaltan fuqna.

Huwa biss meta Alla jkun onorat, meta mhux biss iddikjarajt lill-Mulej Sid ta’ ħajtek, imma wkoll qed tirsisti u titħabat biex ikun hekk tassew, li, ir-rokna ċkejkna tad-dinja tiegħek, tkun iġġeddet fi Kristu. U minnek, jalla s-Saltna t’Alla tiftaħ il-friegħi tagħha u tkompli tinxtered fost dawk li l-Mulej jixtieqek tmissilhom ħajjithom.

Ma tonqosx ukoll, id-devozzjoni ta’ dan il-Qaddis lejn il-Verġni Mbierka Marija. Hu jsostni li t-talba tar-Rużarju hi dik li l-aktar togħġob lill-Qalb safja ta’ din l-Omm tagħna tas-Sema. Hi din it-talba li magħha hemm marbuta l-akbar ammont ta’ grazzji wara t-talba tal-Quddiesa. Bi kliemu dejjem ħeġġeġ lill-merħla tiegħu biex jitolbu din it-talba kuljum, b’mod speċjali fil-familja, biex tirrenja l-paċi. Qal li: ‘Li kien hemm miljun familja titlob ir-Rużarju kuljum, id-dinja kollha tkun salvata. X’bidla nistgħu nagħmlu fil-familji tagħna u fid-dinja li kieku nieħdu t-talba tar-Rużarju bis-serjetà u nitolbuha kuljum. Kemm nistgħu jien u int nagħmlu ġid bil-moħbi! O li kieku tassew nemmnuh dan!!

Talba: Għażiż Papa Piju X, nitolbuk tidħol għall-Knisja b’talbek f’dan iż-żmien, li bħal fi żmienek, jekk mhux agħar, tinsab għaddejja minn tant moderniżmu li qed joħnoqha minn ġewwa. Itlob li ma nkomplux inwarrbu t-tagħlim u l-pariri siewja tiegħek, imma niddawlu b’dan id-Dawl qaddis tal-Verità li qatt ma tinbidel. Li nżommu mat-tagħlim mogħti lilna minn Ġesù Kristu u l-Knisja Kattolika Rumana mwaqqfa minnu. Jalla nagħrfu nagħżlu t-tagħlim veru mit-tagħlim qarrieqi fi żminijietna, hekk li naslu biex ikunu xhieda tal-Verità hekk kif kont int. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/pope-st-pius-x.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-pius-x/

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_X

Film antik bit-Taljan dwar Papa Piju X:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija, ir-Rużarju u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-Wikidepia.