14 ta’ April: Beatu Pietru Gonzales

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Gonzales

“Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja.” – Beatu Pietru Gonzales

san_pietro_gonzales-detto_s-_telmoBEATU PIETRU GONZALES
Reliġjuż
†1246

Tagħrif: Pietru Gonzales kien ġej minn familja nobbli ta’ Kastilja, fi Spanja. Wieħed minn zijietu kien isqof ta’ Astorga, li eduka lil Pietru u anki kisiblu t-titlu ta’ kanonku tal-katidral minkejja li kien għadu taħt l-età.

Darba f’jum tal-Milied, hekk kif kien kollu mdandan imlibbes bl-iżjed ilbies fin biex jieħu l-pussess bħala kanoniku, kien imtajjar minn fuq iż-żiemel tiegħu u mitfugħ f’ħofra mimlija tajn, fost id-daħk ta’ dawk kollha li raw dan l-inċident.

F’daqqa waħda ħajtu nbidlet għal kollox għax din il-ġrajja ġegħlitu jiftaħ għajnejh u jara l-frugħa kollha tiegħu. “Jekk id-dinja daħket bija” qal, “jien irrid nidħak bid-dinja.” Ħalla l-pożizzjoni li kellu u daħal Dumnikan. Kien predikatur kapaċi u anke ġie nominat bħala l-kappillan irjali minn San Ferdinandu III, re ta’ Kastilja u Leon.

Dan il-patri Dumnikan kien meqjum ħafna mill-baħħara Spanjoli u Portugiżi li kien jagħmlilhom żjarat fuq ix-xwieni tagħhom.

Huwa miet fl-14 ta’ April, 1246. Kien ibbeatifikat mill-Papa Innoċenz IV fl-1254 u kkanonizzat fit-13 ta’ Diċembru, 1741 mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-qaddis protettur tal-baħħara li jsejħulu taħt l-isem ta’ Elmo jew Erażmu, li minnu ġej l-isem ta’ Iermu li għalih hija msemmija l-famuża Forti Sant’Iermu fil-belt Valletta.

Ħsieb: Kemm-il darba smajna stejjer dwar xi sfortuna jew diżastru biex imbagħad wara xi żmien, tisma’ li ġiet meqjusa bħala ħaġa tajba. Mhux kull “diżastru” huwa tassew ħażin fil-konsegwenzi tiegħu, għax il-Mulej jista’ joħroġ it-tajjeb minn dak li jidher li hu sfortuna. Dan kien il-każ tal-Beatu Pietru Gonzales li ġralu bħal San Pawl. Il-waqgħa minn fuq iż-żiemel għal ġot-tajn, irriżultat f’ħaġa tajba fil-ħajja tiegħu. Ġabietu f’sensieh u bidlitlu l-mod ta’ kif jaħseb. Din tissejjaħ konverżjoni. U tassew, kull nisrani jeħtieġ li jibdel il-mod ta’ kif jaħseb, għax kulħadd ikollu bżonn jikkonverti minn bniedem ħażin għal wieħed li jibda jagħmel it-tajjeb u minn bniedem tajjeb għal wieħed li jagħmel dak li hu l-aħjar, eċċ… Il-konverżjoni għalhekk tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha sakemm naslu sal-punt fejn San Pawl jgħid li rridu nsiru: “Naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Filippin 2:5). F’post ieħor jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kolossin 3:12).

Imma meta l-Beatu Pietru Gonzales qal: “Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja” x’ried ifisser eżatt? X’aktarx li ried jagħmel distinzjoni bejn il-fatt li qabel il-waqgħa huwa kien iblah, kien bniedem tad-dinja, b’viżjoni dejqa u ffukata fuqu nnifsu; imma minn wara l-waqgħa, ħa deċiżjoni li ‘jiftaħ moħħu’ jew ‘għajnejh’ u jilqa’ l-mod ta’ kif jaħsibha Alla, f’kelma waħda, li jsir bniedem spiritwali u jirbaħ fuq id-dinja. Kristu qal: “Jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwanni 16:33). B’liema modi n-​’nies’ tad-dinja (li jiffukaw biss fuq il-bżonn fiżiku) differenti minn dawk spiritwali?

L-​’appostlu’ Pawlu jgħinna nifhmu d-​’differenza’ bejn “bniedem spiritwali” u “bniedem fiżiku.” Fl-​1 Korintin 2:14-16, insibu dan: “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.”

Persuna fiżika ‘ma tilqax l-​affarijiet tal-​ispirtu t’Alla, għax huma bluha għaliha; u ma tistax issir tafhom.’ B’kuntrast, persuna spiritwali ‘tistħarreġ kolloxʼ u għandha “l-​moħħ taʼ Kristu,” li jfisser li tistinka biex taħseb bħalma jaħseb Kristu. Pawlu jinkuraġġina biex inkunu nies spiritwali.

B’kuntrast maʼ persuna fiżika, persuna spiritwali jimpurtaha ħafna mir-​relazzjoni tagħha m’Alla. Hi tħalli l-​Ispirtu qaddis t’Alla jiggwidaha u tistinka biex timita lil Kristu. San Pawl jisħaqq: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Din tagħmel sforz biex titgħallem kif jaħsibha l-Mulej u biex tara l-​affarijiet kif jarahom Hu. Alla hu reali ħafna għaliha. Din ma tipprattikax “l-​għemejjel tal-​laħam” imma tipprova tiżviluppa “l-​frott tal-​ispirtu.” U f’Galatin 5:22-25 insibu: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem, il-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.”

Ġesù qal li dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali huma ferħanin. (ara ​Mattew 5:3-12) Fil-qosor nistgħu inpoġġuha b’dan il-mod: Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax għandhom ċans kbir li jiksbu s-​saltna tas-​smewwiet. F’Rumani 8:6-8 insibu wkoll: “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat ta’ l-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu.” Għalhekk, jidher ċar li l-​ħajja tagħna tiddependi fuq li naħsbu bħalma jaħseb Kristu. Allura, jekk aħna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, minn issa stess jistaʼ jkollna l-​paċi m’Alla u magħna nfusna, u jistaʼ jkollna t-​tama tal-ħajja taʼ dejjem.

Talba: O Mulej, int ftaħt għajnejn il-Beatu Pietru Gonzales permezz tal-inċident li għadda minnu, agħti lilna lkoll li nintebħu b’modi ta’ kif nistgħu nsiru naħsbu bil-mod kif taħseb Int, ħalli aħna wkoll naslu nirbħu fuq id-dinja, il-bluha, l-egoiżmu u l-qerq tagħha. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/blessed-peter-gonzalez.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-peter-gonzalez/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Gonz%C3%A1lez

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Frar: Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

Verżjoni Vidjo: Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

“Dawl biex idawwal il-ġnus” ~ Luqa 2:32

presentation_0IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Tagħrif: llum, jaħbat l-erbgħin jum wara l-Milied, u l-Knisja tfakkarna fil-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u fil-Purifikazzjoni tal-Verġni Marija.

Erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, il-Madonna u San Ġużepp marru fit-tempju biex jagħmlu ċerimonja reliġjuża li kienet preskritta fil-Liġi ta’ Mose’, biex joffru t-tarbija tagħhom bħala l-ewwel wild lil Alla. L-għan ta’ din iċ-ċerimonja kien biex il-Lhud jifhmu li l-ulied ta’ Alla, afdati f’idejn il-ġenituri li flok Alla kellhom jieħdu ħsiebhom.

Il-Liġi kienet tgħid ukoll li l-għonja kellhom joffru ħaruf u ħamiema bħala offerta; fil-waqt li l-foqra joffru par gamiem jew żewġ bċieċen. Din tal-aħħar kienet l-offerta tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, għax kienu fqar. (Luqa 2:22)

Xmun, xwejjaħ li kien fit-tempju, ħa t-tarbija f’idejh u mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, għarfu bħala l-Messija Mwiegħed. U wara l-preżentazzjoni, sakemm kien qed jitkellem mal-ġenituri, daħlet il-Profetessa Anna, u hi wkoll għarfet fit-tarbija l-Messija li kien wasal.

Din il-festa tissejjaħ ukoll “il-Gandlora”, għax minħabba l-kliem li bih Xmun sejjaħ lil Ġesù: “Dawl biex idawwal il-ġnus” (Luqa 2:32), kienet daħlet drawwa fil-Knisja li jitbierku u jinxtegħlu x-xemgħat.

Il-Knisja tagħmel din il-festa mhux biss biex tfakkarna f’din il-ġrajja, iżda wkoll biex tħajjarna nerġgħu inġeddu l-offerta tagħna nfusna lil Alla.

Fir-Rużarju wkoll meta naslu fir-raba’ misteru tal-Ferħ, nieqfu naħsbu għal ftit fuq dan l-episodju.

ĦsiebFit-2 ta’ Frar, 2018, l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech qal dan fl-omelija li għamel tal-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej:

“Bħal donnu fi żminijietna kulma jmur il-lejl qed jitwal u d-dlam isir aktar iswed! Qed ngħid għad-dlam li jaħkem il-moħħ meta dan ma jibqax iffukat fuq il-verità; qed ngħid għad-dlam li jimla l-qalb meta l-imħabba vera ssir skarsa; u qed nirreferi għad-dalma tar-ruħ meta d-dubji jibdew jherru l-fidi tagħna f’Alla wieħed fi Tliet Persuni u fi Kristu Feddej tal-umanità.

Imma x’ser insewwu jekk noqogħdu neqirdu fid-dlam? Il-qrid ikompli jikkarga d-dlam. Għalhekk ikun aħjar jekk f’din is-sitwazzjoni naraw kif nistgħu nixegħlu mqar xrara waħda biex hekk negħlbu d-dlam.

Il-festa tal-Gandlora, jew aħjar, tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, hija festa tad-dawl. Fil-fatt, meta Xmun ħa f’idejh lil Ġesù tarbija, sejjaħlu “dawl li jdawwal il-ġnus”. Bir-raġun, għax f’idejh Xmun kien qed jerfa’ lil Kristu li jsejjaħ lilu nnifsu “d-dawl tad-dinja”. Xmun, li bħalek u bħali kien ilu fid-dlam, stejqer meta wara tant stennija u qtigħ il-qalb, fid-dawl ta’ Kristu beda jara t-tamiet ta’ ġensu jitwettqu, u hekk id-dlam jirtira: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”.

Kif meta Marija daħlet fit-Tempju ta’ Ġerusalemm bit-tarbija f’idejha, hija kienet qiegħda ġġorr id-dawl, hekk meta aħna nidħlu fit-tempju bix-xemgħa tixgħel f’idejna, neħtieġu li nemmnu li qegħdin inġorru lil Ġesù f’idejna. Fil-fatt, kull wieħed minna jista’ jissejjaħ “Kristofru” – dak li jġorr lil Kristu.

Kif Marija kienet strumentali biex id-dawl jasal fejn kien hemm id-dlam (għand Xmun u fit-Tempju), in-Nisrani llum huwa msejjaħ jirrifletti d-dawl ta’ Kristu f’dawk l-irqajja’ mudlama tal-ħajja.

Illum, kull min qed ifittex xaqq ta’ dawl, qed jistaqsi lilna d-dixxipli ta’ Ġesù x’tip ta’ risposta għandna għalih. Ma’ dawn il-persuni mhux biżżejjed li nitkellmu dwar Ġesù jew noqogħdu niddettawlhom il-katekiżmu; f’ċertu sens, dawn iridu jaraw rifless tad-dawl ta’ Ġesù”.

  • U int qed tkun dawl għal ħaddieħor billi bi kliemek u b’għemilek twasslilhom lil Kristu li jgħammar f’qalbek u f’ħajtek?

Talba: Mulej Ġesù, 40 jum wara t-twelid tiegħek, inti kont meħud fit-tempju mill-ġenituri tiegħek u ppreżentat lil Alla Missierna. Fakkarna kontinwament li aħna t-tempju tal-Ispirtu s-Santu. Agħmel li d-dawl tiegħek jidher fina. Xmun ħabbar li l-qalb ta’ Marija se tkun minfuda. Kif Marija baqgħet ma’ Ġesù fit-tbatija, nitolbuk li aħna nkunu nistgħu nkunu ta’ għajnuna ‘l dawk li jkunu għaddejja minn kull xorta ta’ tbatija. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://opusdei.org/en/article/feast-of-the-presentation/

Alternative Reading: https://www.wordonfire.org/resources/blog/why-the-feast-of-the-presentation-is-more-important-than-you-think/2203/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Presentation_of_Jesus_at_the_Temple

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

23 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Kety

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Kety

“Iġġieled kontra l-iżbalji, imma agħmilha b’mod tajjeb, bil-paċenzja, bil-ġentilezza u bl-imħabba. Il-ħruxija tagħmel ħsara lil ruħek u tħassar l-aħjar kawża”. ~ San Ġwann ta’ Kety  

30450SAN ĠWANN TA’ KETY
Saċerdot
1390 – 1473

Tagħrif: San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, Djoċesi ta’ Krakow, il-Polonja, fit-23 ta’ Ġunju 1390. Hu studja fl-Universita’ ta’ Krakow minn fejn ordna saċerdot, u wara sar professur tat-teoloġija.

Għallem għal bosta snin fl-Universita’ ta’ Krakow; imbagħad l-għira ta’ xi wħud minn sħabu pperswadiet lis-superjuri tiegħu biex jibagħtuh bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi. Iżda wara xi tmien snin raġa mar Krakow jgħallem l-Iskrittura fl-Universita’ fejn baqa’ sakemm miet.

San Ġwann kien qaddis tipiku: kien bniedem ta’ fidi safja, twajjeb, umli, ġeneruż, dejjem ferħan iżda serju, u mimli mħabba lejn għajru tant li wasal li ta’ ġidu kollu lill-foqra.

B’xewqa li jmut martri, għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa biex jippriedka fost il-Musulmani. F’ħajtu għamel erba’ pellegrinaġġi għal Ruma bil-mixi, iġorr ħwejġu fuq dahru.

San Ġwann miet fi Krakow lejliet il-Milied tal-1473. Ikkanonizzah il-Papa Klement XIII fl-1767.

Ħsieb: Dan hu dak li qal il-Papa Klement XIII dwar San Ġwann ta’ Kety:

“San Ġwann kien ta’ eżempju mill-isbaħ għall-professuri tal-Universita’, kien ispirazzjoni ta’ dedikazzjoni kompleta fid-doveri tiegħu u fit-tagħlim. … Barra mill-umilta’ kbira li kellu, kien sempliċi qisu tifel. Kuljum wara li jkun għallem kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u jqatta’ sigħat sħaħ jitlob quddiem Ġesù fl-Ewkaristija”.

Il-kelma “universitas” għandha l-idea ta’ ġabra fimkien ta’ kollox, jiġifieri tas-suġġetti u d-dixxiplini kollha, u l-idea tal-komunità. Ma tistax tgħix tassew mingħajr ma tgħolli r-ruħ u l-moħħ lejn l-għerf u t-tagħlim, mingħajr ix-xewqa li wieħed jgħolli ‘l fuq il-ħsieb u l-konoxxenza tiegħu. Ir-riċerka trid issir flimkien, waqt li tistimola interessi tajbin komuni, li wieħed jaqsam ukoll mal-oħrajn. Din hi l-karatteristika universali tal-università, karatteristika li qatt ma tieqaf milli tinkludi fiha lil kulħadd u lil kull suġġett possibbli.

Ir-riċerka tat-tajjeb, infatti, hija ċ-ċavetta biex wieħed jirnexxi fl-istudji tiegħu, l-imħabba hija l-ingredjent li jagħti t-togħma lit-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim u b’mod partikulari lid-drittijiet tal-bniedem u tal-popli.

Il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2015, fil-Laqgħa mad-Dinija tal-Iskola u l-Universita’, qal dan:

“Hemm riflessjoni li tolqot lilna lkoll: familji, skejjel, għalliema: kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħarsux lejn id-diploma tal-università bħala ċertifikat li jagħmilhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor, bħala xi ħaġa li tfisser “aktar flus”, prestiġju soċjali. Le, dawn ma jfissrux hekk. Kif nistgħu ngħinuhom biex jagħrfu li din it-tħejjija hi sinjal ta’ responsabbiltà akbar quddiem il-problemi tal-lum, quddiem il-ħtieġa tal-għajnuna lill-aktar foqra, quddiem il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent?

Lilkom illum, lili, lil kulħadd, aħna mitlubin biex b’urġenza nfittxu naħsbu, nfittxu niddiskutu dwar is-sitwazzjoni attwali tagħna – u ngħid urġenti -; li nsibu l-kuraġġ naħsbu dwar liema tip ta’ kultura rridu jew nippretendu li jkollna, mhux biss għalina imma wkoll għal uliedna u għan-neputijiet tagħna. Din l-art irċevejniha b’wirt, bħala don, bħala rigal. Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif irridu nħalluha?
  • Liema toroq irridu nimmarkaw bihom l-eżistenza tagħna?
  • Għal liema raġuni aħna ġejna f’did-dinja?
  • Għal liema għan ġejna f’dil-ħajja?
  • Għal liema għan naħdmu u nissieltu?
  • Għalfejn qed nistudjaw?

L-Ispirtu s-Santu jispirana u jakkumpanjana għax Hu kien li sejħilna, stedinna, tana l-opportunità u fl-istess waqt, tana r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna. Jalla jtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn. Hu l-istess Spirtu li fl-ewwel jum tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jittrasformahom, mehdi li jagħti l-ħajja. Hu l-istess Spirtu li lid-dixxipli tahom il-qawwa fil-Pentekoste. Hu l-istess Spirtu li ma jabbandunana qatt u jitwaħħad magħna biex insibu modi ta’ ħajja ġdida. Jalla jkun Hu l-kumpann tagħna u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ”.

Talba: San Ġwann ta’ Kety, inti kont il-professur li għamilt il-ħajja tiegħek studju fil-qdusija, nitolbuk tinterċedi għall-professuri, l-għalliema u dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ħa jkollhom l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex iwasslu dak id-Dawl u l-Għerf vera lill-istudenti. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-cantius.html

Alternative Reading: http://www.cantius.org/go/about_us/category/st_john_cantius_saints_story/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Cantius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.