4 ta’ Lulju: Santa Eliżabetta tal-Portugall

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Portugall

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.” – Ġesù f’Mattew 5:9.

Sancta_Isabel_Regina_(1893)_-_Francisco_Vilaça.pngSANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGALL
Reġina
1271 – 1336

Tagħrif: Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali. Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lir-Re Denis tal-Portugall. Kellhom żewġt itfal.

Minkejja l-infedeltà ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, tant li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi. Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjetà. Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi mal-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi. Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar. Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

Ħsieb: Din il-qaddisa, magħrufa wkoll bħala Isabella, kienet ukoll pro-neputija ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija u kienet tixbaha kemm fil-virtujiet kif ukoll fis-sofferenzi li ġarrbet. L-imġiba tar-re għall-ewwel kienet waħda tajba. Hu waqqaf sptarijiet u skejjel; imma mbagħad fil-ħajja privata tiegħu kien kawża ta’ ħafna niket għal Eliżabetta u kien ukoll jittradiha. Hi kienet omm eżemplari għal uliedha, u reġina ġeneruża għall-poplu tagħha. Tat ruħha għas-servizz tal-foqra u tal-morda u l-eżempju tagħha kien twiddib kontinwu għal dawk ta’ madwarha.

Meta l-firda iddeġenerat fi ġlieda bil-miftuħ, il-kuraġġ tagħha kien il-kawża li fl-aħħar mument ma nxteridx id-demm: hi marret riekba fuq iż-żiemel fil-post tal-battalja bejn iż-żewġ gruppi ostili, bil-kurċifiss f’idejha. Hi kienet fidila għal Alla, u sal-aħħar jiem ta’ ħajjitha kienet iddedikata għall-kawża tal-paċi u l-karità.

Hija rabbiet it-tfal illeġittmi ta’ żewġha, daret bih b’dedikazzjoni fl-aħħar marda tiegħu u wasslitu biex għamel mewta qaddisa. Imbagħad bħala Terzjarja Franġiskana għexet ħdejn monasteru tal-Klarissi li hija waqqfet f’Coimbra. Iżda hija mietet f’Estremoz fil-Portugall, fejn marret mal-armata ta’ binha fuq l-aħħar missjoni ta’ paċi. Għalkemm irnexxielha tirrikonċiljah man-neputi tagħha, is-sultan ta’ Kastilja, il-vjaġġ u s-sħana tas-sajf kienu l-kawża ta’ mewtha.

Ix-xogħol tal-promozzjoni tal-paċi huwa xejn ħlief sforz kalm u kwiet. Trid moħħ ċar, spirtu stabbli u ruħ kuraġġuża biex tintervjeni bejn in-nies li l-emozzjonijiet tagħhom huma hekk qliel li lesti li jeqirdu lil xulxin. Dan huwa minnu fil-każ ta’ din il-mara li għexet fil-bidu tas-seklu 14. Imma Eliżabetta kellha mħabba u simpatija profonda u sinċiera għall-bnedmin, nuqqas ta’ tħassib kważi totali għaliha nnfisha, u kunfidenza totali f’Alla. Dawn kienu l-għodod tas-suċċess tagħha.

Hawn min jagħmel lilu nnifsu strument li jġib il-paċi u jnissel l-imħabba; hawn min ifittex li jaqla’ l-inkwiet u jiżra’ l-mibegħda. Biex tevita l-inkwiet u l-miżerja li l-ġlied iġib miegħu, Santa Eliżabetta ġieli ssugrat saħħitha u saħansitra ħajjitha. Aħna kemm nixbhuha, fid-dar tagħna, fil-post tax-xogħol, fis-soċjetà? Kemm innisslu paċi kull fejn nersqu?

Talba: O Alla, li tnissel il-paċi u tgħożż lil min jagħti xhieda ta’ l-imħabba, int żejjint lil Santa Eliżabetta tal-Portugall bil-grazzja tal-għaġeb li tgħaqqad fil-paċi lil dawk li kienu mifruda bit-tilwim; bit-talb tagħha, agħtina li aħna wkoll naħdmu ħalli nġibu l-paċi, biex nistgħu nissejħu wliedek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2015/07/st-elizabeth-of-portugal.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-elizabeth-of-portugal/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Aragon

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

8 ta’ Ġunju: Beata Marija Droste zu Vischering

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Droste zu Vischering

“Kemm hu invenzjoni ta’ mħabba s-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.” – San Alfons de Liguori.

Blessed_Maria_Droste_zu_Vischering00011BEATA MARIA DROSTE ZU VICHERING
Reliġjuża
1863 – 1899

Tagħrif: Twieldet fit-8 ta’ Settembru 1863, f’Munster, fil-Ġermanja, minn ġenituri nobbli. Kienet tewmija ma’ ħuha Max.

Ommha nisslet fiha mħabba kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Ta’ 12-il sena għamlet l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-isqof u ħasset ix-xewqa li ssir reliġjuża.

Daħlet mas-sorijiet tal-Bon Pastur f’Munster fl-1888, meta kellha 25 sena u tawha l-isem ta’ Swor Marija tal-Qalb Divina.

Sa minn meta kienet għadha novizza ħasset lil Ġesù jsejħilha biex tkun qrib il-qalb tiegħu u tgħallmet kif tħaddan it-tbatija. Kienet devota kbira tal-Ewkaristija u sikwit kienet tħoss messaġġi mistiċi.

Fl-1864, Intbagħtet Lisbona u ftit wara saret is-superjura fil-kunvent ta’ Oporto fil-Portugall. Sentejn biss wara mardet ħafna u b’hekk setgħet tirċievi lil Ġesù Ewkaristija kuljum bħala vjatku. Dak iż-żmien ma kienx permess tqarbin ta’ spiss, imma f’waħda mill-intimitajiet tagħha ma’ Ġesù, hu wrieha kemm kellu xewqa kbira li jingħaqad aktar mal-erwieħ permezz tal-Ewkaristija, u xtaqha li tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

Ġesù rrevelalha wkoll ix-xewqa li tibda d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa billi l-erwieħ joffrulu post f’qalbhom u jikkonsagraw ruħhom lejn il-Qalb Imqaddsa.

Fl-1897, rċeviet l-ordni mingħand Ġesù biex tgħid lill-Papa jikkonsagra l-umanità kollha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, iżda kien biss fl-1898, li hija ngħatat il-permess li tikteb Ruma lill-Papa Ljun XIII. Hija qatt ma rċeviet tweġiba għall-ittra tagħha, u għalhekk sena wara reġgħet bagħtet ittra oħra. Did-darba t-talba ntlaqgħet u l-Papa aċċetta li jikkonsagra d-dinja lill-Qalb ta’ Ġesù fil-11 ta’ Ġunju tal-istess sena.

Imma Swor Marija Droste qalbet għall-agħar u mietet waqt li kienet qed tipprepara għall-festa solenni tal-Qalb ta’ Ġesù. Hija mietet fit-8 ta’ Ġunju, 1899, u ġiet ibbeatifikata mill-Papa Pawlu VI fl-1 ta’ Novembru, 1975.

ĦsiebAħna f’hiex aħna fid-devozzjoni tagħna lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li jixtieqna nersqu lejh permezz tal-Ewkaristija?

San Piju X, il-Papa tal-Ewkaristija jgħidilna li “l-Ewkaristija hija l-aktar ħaġa nobbli u għolja għaliex għandha bħala oġġett lil Alla nnifsu, esseri l-aktar nobbli u għoli; hija l-aktar ħaġa li lilna tqawwina għaliex tagħtina l-Awtur tal-grazzja; u l-aktar ħelwa għaliex ħelu hu l-Mulej tagħna.”

Id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija, flimkien mad-devozzjoni lejn il-Madonna, hija devozzjoni tas-sema, għaliex hija d-devozzjoni li għandhom l-Anġli u l-Qaddisin tas-sema. Tgħidilna Santa Ġemma Galgani: “Ġib quddiem għajnejk skola ġewwa l-Ġenna. Titgħallem tħobb biss. L-iskola hija ċ-ċenaklu, l-imgħallem hu Ġesu’, id-duttrina tiegħu hija Ġismu u Demmu.”

L-Ewkaristija hi Ġesù, Imħabba tagħna. Għalhekk l-Ewkaristija hija Sagrament tal-Imħabba u tal-Imħabba fil-milja tagħha: fiha jinsab Ġesu’ ħaj u veru li hu “Alla Imħabba,” dak Alla “li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja ħabbhom sal-aħħar.” (Ġwanni 13:1) “Dak li ma jħobbx ma jagħrafx lil Alla, għax Alla hu Imħabba.” (1Ġwanni 4:7)

L-Ewkaristija tirrapreżenta l-aktar espressjonijiet profondi u għolja ta’ mħabba: l-imħabba misluba, l-imħabba li tgħaqqad, l-imħabba li tagħti qima, l-imħabba li titlob. Ġesù Ewkaristija hu Imħabba misluba fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa fejn tiġġedded l-offerta tiegħu għalina; hu Mħabba li ġġib l-għaqda sagramentali u spiritwali fejn insiru ħaġa waħda meta nirċevuh fl-Ewkaristija, huwa l-Imħabba li noffru bħala qima għaliex huwa offerta ta’ adorazzjoni lil Alla il-Missier, huwa l-Imħabba li titlob għaliex permezz tiegħu u bih u fih aħna ngħaqqdu it-talb tagħna u npoġġuh f’idejn Alla biex jismagħna.

“Li Ġesù jiġi joqgħod fir-ruħ tagħna, jfisser li aħna tiegħu; hekk hu saltna perfetta ta’ mħabba,” jikteb San Pietru Giuliano Eymard. Permezz tal-Ewkaristija, f’kull min għandu qalb safja jseħħ dan “ir-renju perfett ta’ imħabba” li jressaqna lejn it-Tabernakli Mqaddsa u jgħaqqadna ma’ Ġesu’ Ostja b’umiltà u mħabba. Ġesù fl-Ewkaristija, jagħti lilu nnifsu għalina bħala sagrifiċċju bl-umiltà u mħabba infinti.

San Franġisk meta jitkellem fuq l-Ewkaristija jgħid li hija ħaġa li tgħaġġbek meta tilmaħ l-Iben t’Alla u Alla nnifsu, is-Sinjur tal-Univers, jumilja ruħu u jinħeba taħt ix-xbieha ta’ ħobż għall-għejxien u l-faraġ ta’ ruħna. “Araw ħuti kemm Alla umilja ruħu….Għalhekk ersqu biex tilqgħu lil Dak li jaf kollox fuqkom.”

San Alfons de Liguori jkompli jżid: “Kemm hu invenzjoni ta’ imħabba is-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.”

Ġesù Ewkaristija huwa t-triq sigura li tmexxina lejn il-Missier, flimkien ma’ Marija l-Omm Divina tiegħu u s-saċerdot li kuljum jagħtihulna fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa.

  • U int, kemm qed tirċievi lil Ġesù ta’ spiss b’ruħ safja fl-Ewkaristija ħalli din tkun għalik is-sors li minnha jkollok il-qawwa li tgħix ħajja tajba u qaddisa?

Talba: O Mulej, dejjem preżenti magħna fl-Ewkaristija, Inti ridt lill-Beata Marija Droste zu Vischering twassal il-messaġġ tiegħek li tixtieq li l-bnedmin ikunu jistgħu jirċevuk aktar ta’ spiss u li jagħrfu jsibu f’Qalbek dik l-imħabba tħeġġeġ li trid issalvana, agħmel li aħna nitħeġġu biex niġu niltaqgħu miegħeK ta’ spiss u nirċevuK bil-qima. Ammen.

English Version: http://www.mysticsofthechurch.com/2015/11/blessed-maria-droste-her-remarkable.html

Alternative Reading: http://www.traditionalcatholicpriest.com/2014/08/13/blessed-mary-of-the-divine-heart-and-the-consecration-of-the-world-to-the-sacred-heart/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_of_the_Divine_Heart

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud mis-sit jesusandmary.

4 ta’ Marzu: San Każimiru

Verżjoni Vidjo: San Każimiru

“Xejn ma jagħmlilna unur ikbar, daqs dak li nunuraw lil Ġesù Kristu fil-persuna tal-fqar. Irrid inwarrab kull glorja biex inservi l-ifqar fost il-fqar”. ~ San Każimiru

45e16ba7-cd6a-46a6-b224-1c9b8e33c310_saint_casimirSAN KAŻIMIRU
Prinċep tal-Polonja
1458 – 1484

Tagħrif: San Każimiru twieled fit-3 ta’ Ottubru, 1458, fil-palazz rjali ta’ Krakow, il-Polonja. Kien it-tielet fost it-tlettax-il wild tar-Re Każimiru IV tal-Polonja, u ta’ Eliżabetta, prinċipessa tal-Awstrija.

Sa minn tfulitu kien reliġjuż, u għal xi żmien, kien jieħu d-direzzjoni spiritwali tiegħu mingħand il-kanonku Ġwann Dlugosz, bniedem ta’ spiritwalita’ kbira.

Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna, u kien jgħidilha kuljum it-talba “Omni die dic Mariae” (Kuljum, kuljum, għanni lil Marija), ta’ San Anselmu, u xtaq li meta jmut, kopja ta’ din it-talba tindifen miegħu.

Kien jgħix ħajja sempliċi u mingħajr privileġġi li kellu bħala Prinċep. Anzi kien juża flusu u l-influwenza tiegħu biex jgħin lill-foqra.

Fl-1471, meta lanqas biss kellu ħmistax-il sena, missieru bagħtu jmexxi l-armata, u jinvadi l-Ungerija biex ineħħi lir-Re Matthias Covinus mis-setgħa, u jilħaq hu floku. Iżda meta għaraf li kien ser iwettaq inġustizzja, malajr abbanduna dan il-pjan. Biex ma jżidx is-sens ta’ telfa f’missieru, mar irtira għal tliet xhur fil-kastell ta’ Dobzki.

Mill-1479 sa l-1483, San Każimiru ggverna l-Polonja flok missieru li kien mar il-Litwanja. Il-Pollakki kienu jaraw fih raġel twajjeb u rett, u kienu jħobbuh ħafna.

Meta missieru ried iżewwġu lit-tifla tal-Imperatur Federiku, ma riedx. Kien ilu li għamel il-vot taċ-ċelebat.

Fl-1484, kellu attakk qawwi fil-pulmuni, u billi kien ġa debboli bis-sawm u bil-penitenza ma felaħx għalih. Miet ta’ 25 sena, fil-qorti ta’ Grondo, fi triqtu lejn il-Litwanja, wara ħajja qaddisa. Hu ġie midfun fil-kappella tal-Madonna fil-Katidral ta’ Vilna u huwa l-Patrun tal-Polonja.

Ħsieb: Ommu, wara li rabbietu fil- biżà t’Alla, fdat lil Każimiru f’idejn Patri Dlugosz, bniedem reliġjuż tabilħaqq, kellu don speċjali għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, flimkien mal-għerf u mat-tjubija kien jgħaqqad l-arti, u hekk kien ikun maħbub mid-dixxipli. Iċ-ċkejken Każimiru ta’ disa’ snin, kien ġa mrawwem fil-biżà t’Alla, u għamel progressi kbar taħt it-mexxija ta’ mgħallem hekk għaqli.

Daqs kemm wera ruħu indifferenti għall-ħwejjeġ tad-dinja u għall-unuri tal-qrati, daqshekk kien mixtieq li jkattar teżori fil-ġenna. L-akbar devozzjoni tiegħu kienet lejn il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Spiss bil-lejl kien imur joqgħod għarkupptejh wara l-bieb magħluq ta’ xi knisja, anki fl-eqqel tax-xitwa, jitlob u jistenna l-għodwa biex jidħol u jieħu sehem fil-kant tal-mattutin.

Kellu wkoll devozzjoni kbira lejn il-Verġni Marija. L-Innu “Omni die dic Mariae” li jissemma fil-ħajja ta’ San Każimiru ġie tradott għall-Malti mill-Kan. Dun Karm Farrugia, fiż-żmien li hu kien kappillan ta’ San Girgor – Tas-Sliema. Il-ġmiel tiegħu mmużikat bl-arja Franċiża tal-oriġinali.

Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII jgħid hekk:

“Kull nisrani tajjeb għandu jafda fi Kristu; iwettaq dmirijietu skont il-kmandamenti li huma r-regola tal-kuxjenza tiegħu, quddiem is-soċjetà, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. In-nisrani m’għandux jaħrab il-liġi u jagħmel kompromessi, imma jgħix bla biża’ u ċert mill-affarijiet tiegħu. Għandu jkun ta’ għajnuna fil-problemi tal-paċi. Biex jissaħħaħ iktar kontra l-ħażen u l-iżbalji għandu jitlob; isejjaħ l-għajnuna tal-grazzja li tagħti d-dawl u l-qawwa”.

  • U int, kif qed tipprova tinqeda b’dak kollu li pprovdielek Alla biex tkun ta’ rigal għall-oħrajn?
  • Kemm tmur ħerqan/a lejn il-knisja biex hemm tiltaqa’ ma’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, taduraH u tgħix biH?
  • Kemm tfittex li taqdi dmirijietek sew skont l-istat tiegħek, hekk li ma tagħmel l-ebda kompromess ma’ min ikun se jwettaq inġustizzja?

Talba: O Alla li tista’ kollox, min jaqdi lilek, isaltan; agħmel li, għat-talb ta’ San Każimiru, naqduK dejjem b’ħajja tajba u qaddisa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-casimir.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-casimir-of-poland-167

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Casimir

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Frar: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” ~ Salm 133:1 u Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tas-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija.

The Madonna with the Seven Founders of the Servite OrderIS-SEBA’ QADDISIN FUNDATURI TAS-SERVITI TA’ MARIJA
Seklu XII

Tagħrif: Dawn il-qaddisin kienu negozjanti tad-drapp f’Firenze li, għall-ħabta tas-sena 1233, waqt li belthom kienet għaddejja minn żmien ta’ ġlied imdemmi bejn l-aħwa, ħallew il-familji tagħhom u ġidhom u bdew jgħixu ħajja ta’ faqar fid-distrett ta’ Cafaggio.

Huma libsu l-abitu griż tal-Aħwa tal-Penitenza, konfraternità ta’ lajċi li tagħha kienu membri, u ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena.

Wara ftit taż-żmien, xi wħud minnhom bdew jgħixu ħajja waħedhom fuq il-Muntanja Senario, xi dsatax-il kilometru ’l bogħod minn Firenze. Meta d-dumnikan qaddis Pietru ta’ Verona, ippriedka f’Firenze matul l-Avvent u r-Randan tas-snin 1244-45, is-seba’ sħab għenuh jorganizza s-Soċjetà ta’ Marija, għaqda ta’ lajċi, filwaqt li hu għen lill-aħwa biex jifformaw komunità reliġjuża, waħda li tinkludi kemm l-eremiti fuq il-muntanja Senario kif ukoll il-grupp ta’ appostolat f’Cafaggio.

Huma sejħu lilhom infushom “Servi ta’ Marija” għax kien hemm kappella tal-Madonna fiż-żewġ postijiet. Dawn is-serviti adottaw ir-regola ta’ Santu Wistin u ħadu l-abitu iswed b’devozzjoni lejn id-Duluri tal-Madonna.

Is-seba’ fundaturi kienu dawn:

  • Bonfiglio (gwida tal-grupp lajk u wara prijur tal-komunità ġdida);
  • Bonagiunta, (prijur bejn l-1256 u l-1257);
  • Manetto (li waqqaf l-ewwel fundazzjonijiet fi Franza);
  • Amadio (ir-ruħ tal-grupp);
  • Sostegno u Uguccione (ħbieb magħhom); u
  • Alessju (ziju ta’ Santa Ġuljana).

Ruma kienet għarfet il-kontribut tagħhom iżda kellhom jgħaddu mas-sittin sena, jiġifieri fis-sena 1304 li s-Santa Sede tagħthom l-għarfien uffiċjali. Dawn is-Seba’ Fundaturi tas-Servi ta’ Marija ġew ikkanonizzati flimkien fl-1888 mill-Papa Ljun XIII.

Jinsabu kollha midfunin flimkien f’Monte Senario, fuq l-altar li sar mill-Kardinal Alessio Enrico Maria Lepicier, tal-istess ordni, li kien żar Malta u Għawdex u nkuruna lill-Madonna ta’ Pinu bħala legat tal-Papa fl-1935.

Is-Serviti ta’ Marija għamlu l-fuq minn mitt sena fil-paroċċa ta’ Stella Maris, Sliema.

Ħsieb: Dawn is-seba’ Servi ta’ Marija ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena. Ftit snin wara li waqqfu l-ordni, il-persuni li ngħaqdu magħha kienu jgħoddu 10,000. Dan kien attribut għall-ħidma li wettqu u ż-żelu li wrew. Il-mexxej tagħhom kien Buonfiglio Monaldo li kien l-akbar wieħed fiż-żmien. Il-kappillan tal-Laudesi, Giacomo Poggibonsi, bniedem ta’ qdusija, kien id-direttur spiritwali tagħhom.

Imma kif beda kollox? Kollox beda f’nhar l-Assunta, meta waqt li kienu miġburin jitolbu flimkien kellhom dehra tal-Madonna u qatgħuha li jirrinunzjaw għad-dinja u jinxteħtu taħt il-protezzjoni tagħha. Tlieta minnhom kienu ċelebi, tnejn romol u t-tnejn l-oħra miżżewġin. Ir-romol u l-miżżewġin riedu jaraw kif se jirranġaw mal-familji li kienu jiddependu minnhom. Minn hawn u minn hemm instab mezz kif id-dipendenti tagħhom jkunu sostnuti fil-bżonnijiet materjali tal-ħajja u bil-kunsens ta’ qrabathom setgħu jingħataw għas-sejħa l-ġdida li kienet ġiethom. L-isqof għenhom ħafna u tlieta w għoxrin jum wara li kienu ġew imsejħin daħlu fid-dar imsejħa La Carmarzia barra minn Firenze.

Din is-sejħa għal ħajja ta’ kontemplazzjoni u ċaħda b’kuntrast mal-ħajja libertina ta’ Firenze u l-madwar, ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu. Ta’ kuljum in-nies kienet tmur f’La Carmarzia biex tkellem lil dawn l-irġiel twajba. Għalhekk huma qatgħuha li jitbiegħdu mill-belt u jmorru fuq Monte Senario, ħdax-il mil ’il barra minn Firenze, fejn bnew knisja sempliċi u eremitaġġ u bdew jgħixu ħajja ta’ awsterita’.

Nhar it-13 t’April, 1240, kellhom dehra tal-Verġni Mbierka li ridithom jilbsu l-abitu iswed b’għelm tad-Duluri tagħha f’riġlejn is-Salib ta’ binha. Talbithom ukoll jintrabtu bir-Regola ta’ Santu Wistin u li jissejħu s-‘Serviti ta’ Marija’. Fuq ix-xewqa tal-isqof, kollha barra Fratell Alexis, aktar tard irċevew l-Ordni Sagri . L-Ordni ħadet il-bixra aktar ta’ Ordni Mendikanti u hija l-ħames waħda ta’ din ix-xorta fil-Knisja.

Tul ħajjithom, is-Serviti tal-bidu raw l-Ordni tiftaħ Djar f’diversi pajjiżi barranin. F’ħamsin sena l-għadd tal-imseħbin laħaq l-10,000 u sal-bidu tas-seklu 14 kellhom ’il fuq minn 100 monasteru b’missjonijiet ukoll fi Kreta u l-Indja. Aktar tard twaqqfet ukoll is-Sekond Ordni ta’ sorijiet klawstrali u Terz Ordni b’ħidma ta’ karita’ u edukazzjoni imwaqqfa minn Santa Ġuljana Falconieri.

L-aħħar wieħed li miet, u l-iktar wieħed li għex fosthom kien il-Fratell Alessju Falconieri, meta kellu 110 snin, fis-17 ta’ Frar 1310. Il-fdalijiet tagħhom jinsabu meqjumin f’qabar wieħed fil-knisja tal-monasteru f’Monte Senario.

  • Min jaf li kieku inti, bħal dawn is-seba’ żgħażagħ issib ħin matul il-jum biex tinġabar f’post għall-kwiet biex tingħaqad f’aktar intimita’ ma’ Alla fit-talb?
  • Min jaf li kieku t-talb u l-penitenza tagħmilhom l-iskop tal-ħajja tiegħek hi ta’ liema stat hi?
  • Min jaf li kieku inti wkoll tkabbar id-devozzjoni tiegħek lejn il-Verġni Mbierka Marija u lejn is-seba’ duluri tagħha li kienet waħda mid-devozzjonijiet ta’ dawn l-aħwa qaddisa?

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Talba: Agħtina, Mulej, it-tjieba tar-ruħ ta’ l-aħwa qaddisa li llum qegħdin infakkru, li kellhom devozzjoni tal-għaġeb lejn l-Omm qaddisa ta’ Alla, u ħabirku biex iressqu lejk il-poplu tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/seven-founders-of-servite-order.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/seven-founders-of-the-servite-order/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Servite_Order

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-maġġoranza tal-Ħsieb huwa kitba ta’ Joe Fenech li dehret fl-Leħen is-Sewwa.

25 ta’ Novembru: Santa Katerina ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina ta’ Lixandra

“Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, dawk huma ommi u ħuti”. ~ Ġesu’ f’Luqa 8:21

maxresdefaultSANTA KATERINA MINN LIXANDRA
Verġni u martri
? – 305

Tagħrif: Ma għandna ebda aħbar ta’ din il-qaddisa, la fil-letteratura u lanqas fil-liturġija, ħlief minn żewġ dokumenti tardivi, il-Passio u l-Conversio, ta’ madwar is-seklu tmienja. Skont dawn l-Atti tagħha, Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet semgħet bil-Kristjaneżmu.

Il-ktieb tal-Iskrittura kien il-Vade Mecum ta’ ħajjitha li fiha ltaqgħet ma’ Alla. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.

Fil-persekuzzjoni ta’ Massenzju (Massiminu), Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru nsara.

Katerina ħarġet rebbieħa, u Massenzju, wara li sawwatha, qafilha ġo ħabs. Wara dan telaq; iżda meta reġa’ ġie lura, sab li martu Fawstina marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u saret nisranija flimkien ma’ 200 suldat tal-għassa. Ġew kollha maqtulin, u lill-qaddisa kkundannawha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.

Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.

Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena għad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.

Ħsieb: Minn omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun:

“Twieldet minn demm nobbli u l-għorrief u l-antiki jgħidulna li hi għażlet li titgħammed, ma tgħammditx ta’ tarbija imma d-deċiżjoni tagħha li tħaddan il-fidi Nisranija kienet deċiżjoni adulta, kienet frott riflessjoni profonda ta’ bniedma intelletwali u għarfa li ddeċidiet li fost tant proposti ta’ għerf, u sapjenza. Il-kelma ta’ Ġesù tagħmel ħafna sens. Ma tikkalpestax l-għerf tal-bniedem imma twasslu għall-milja tiegħu u mhux biss, l-għerf tal-bniedem tibdlu għall-perspettiva tal-eternita’. Mhux biss l-għerf ta’ Ġesù Kristu jagħżel risposta għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-ħajja ta’ din id-dinja jilluminaha u jdawwalha mhux biss fil-wegħda imma bir-realtà tal-ħajja li ma tintemmx.

F’din il-belt hija tagħżel li titgħammed u l-isem tagħha jieħu sinifikat iżjed profond, għax l-isem tagħha jfisser ‘mara msoffija’, mara safja, mara pura, Katerina, huwa isem Grieg li jkompli jurina li Katerina twieldet u trabbiet fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran fl-Eġittu, imma f’belt Ellenika. Bil-Magħmudija Katerina twieldet mill-ġdid, issaffiet mid-dnub oriġinali, minn dnubietha kollha u bdiet dik il-ħajja li lil Kristu titgħarras miegħu fil-profond. Il-verġinità ta’ Katerina, qabel hija verġinità fiżika, hija verġinità spiritwali. Bil-Magħmudija hija ssir totalment ta’ Ġesù. L-esperjenza mistika tat-tieġ mal-Għarus tagħha hija esperjenza qawwija li tagħtiha sinjal profond, kważi karattru fir-ruħ tagħha.

Katerina hija dik li quddiem l-aggressjoni ta’ Massiminu l-Gvernatur ma tibżax. Ta’ tmintax-il sena bl-għerf tagħha, bir-rieda soda tagħha, taf tieqaf il-praspar, id-delużjonijiet, is-superstizzonijiet ta’ min irid ibegħdha minn Ġesù. Mhux hekk, tipperswadi, u tant tirrabja lit-tirann, li r-rebħa tagħha li hija rebħa ġwejda, rebħa li d-djalogu twassalha għas-saħħa tar-raġuni, ma jibqagħliex iżjed armi ħlief il-vjolenza.

Kemm-il darba aħna l-Insara quddiem il-loġika tal-Evanġelju, is-sabar li jgħallimna Ġesù l-istil ġwejjed tiegħu, niltaqgħu ma’ min għax m’għandux argumenti jitfa’ biss it-tajn, il-kalunnja u l-insulti. Imma l-Mulej fl-Evanġelju avżana: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha iżda billi intom m’intomx tad-dinja għax jiena ħriġtkom mid-dinja, għalhekk id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:18-19). Mhux għal daqshekk se nibżgħu, mhux għalhekk se nibżgħu jew se niddejqu mill-fenomenu tal-blogs jew mit-tgħajjir, jew mill-minaċċi. Aħna nafdaw bħalma afdat Katerina fis-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù, fid-djalogu rispettuż u profond. Ir-risposta tagħna la hija t-tgħajjir, ir-risposta tagħna la hija l-kalunnja, ir-risposta tagħna la hi vjolenza, ir-risposta tagħna hija l-għerf tas-Salib Imqaddes.

Allura l-martirju ta’ Santa Katerina għad-dinja, għal Massiminu li mbagħad spiċċa suiċida fis-sena 316, spiċċa ħażin, u ngħidlu miskin, imma kien magħruf li kien feroċi. Qalb Katerina it-trijonf għan-nies tad-dinja ta’ żmienha kien falliment, bħalma jgħid Ktieb il-Għerf: “il-mewt għat-tajbin qisha falliment imma huma jikbru fil-glorja”. Il-martirju tagħha f’dan il-falliment tad-dinja, li min m’għandux iżjed argumenti, joqtlok l-ewwel bl-ilsien, imbagħad bis-sejf – hija rebħa – ir-rebħa ta’ min jagħti ħajtu għal Ġesù, ta’ min jixhed li r-rebħa hi tal-Mulej imsallab u rxuxtat.

Dan ukoll huwa, skont it-tradizzjoni, il-jum tal-martirju tagħha. Il-jum tal-25 ta’ Novembru tas-sena 305. Avveniment storiku – jista’ jkun imżewwaq bit-tradizzjoni – imma fatt storiku. M’aħniex qed nitkellmu fuq ħlejjaq jew ħrejjef tal-bnedmin, qegħdin nitkellmu fuq persuna storika, qegħdin nitkellmu fuq devozzjoni antika li l-providenza riedet li tkun marbuta wkoll mal-iżjed għolja qaddisa li hawn fid-dinja, fuq is-Sinaj, fejn hemm ukoll il-ġebel Katerin, fejn hemm il-monasteru ddedikat lilha. Huwa monument protett minn dejjem mill-umanità. Ħaġa interessanti, qrajt m’ilux li tant kienet qawwija d-devozzjoni lejn Santa Katerina fuq il-monasteru tas-Sinaj li l-istess Mohammed, il-fundatur tal-Islam, ta privileġġ ta’ protezzjoni lill-monasteru.

Hemm bżonn tbiddel il-qalb tagħna, hemm bżonn tbiddel il-mod kif naġixxu, kif nitkellmu, kif inħobbu u din hija t-talba tiegħi li intom tħarsu lejn Katerina titolbuha li tnissel fikom dak l-għerf li ġej mis-salib ta’ Ġesù għax min m’għandux salib għandu domna. Għandna bżonn nitgħallmu minnha d-don tal-paċenzja, id-don tal-għerf, id-don tax-xhieda li hija wkoll il-martirju”.

Talba: Maħbuba Santa Katerina, nitolbuk tinterċedi għalina u żżommna taħt il-ħarsien tiegħek, fil-ferħ u n-niket tagħna, fil-mard, fl-istudju u fil-ħidma tagħna. La tħallina qatt nitbieghdu minn Ġesu’, għax nixtiequ nħobbuh bħalma ħabbejtu int. Ammen. (Addattata minn talba ta’ Alexander Tanti)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-catherine-of-alexandria.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-alexandria-398

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Alexandria

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun.

7 ta’ Ottubru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

“Waqt li ngħidu l-kliem tal-Ave Marija jiġu quddiem l-għajnejn tar-ruħ tagħna l-episodji ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu. Dawn l-episodji flimkien jagħmlu l-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, u nistgħu ngħidu li jpoġġuna f’komunjoni ħajja ma’ Kristu permezz tal-qalb ta’ Ommu.” San Papa Ġwanni Pawlu II, silta mill-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae

07chambers_mary_rosary_500IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAR-RUŻARJU

Tagħrif: Fis-7 ta’ Ottubru 1571, il-flotta navali tal-Insara taħt il-kmand ta’ Don Juan tal-Awstrija għamlet rebħa kbira kontra t-Torok, f’Lepanto.

L-Insara, ibda minn Don Juan stess, attribwew din ir-rebħa kbira lill-għajnuna li l-Madonna tathom wara li daru lejha bit-talb tar-rużarju.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna, il-Papa ta’ dak iż-żmien li tant ħadem għal dik ir-rebħa, San Piju V, dak li kien hekk ġeneruż ma’ Malta wara l-Assedju l-Kbir, waqqaf festa annwali bl-isem ta’ “Il-Madonna tal-Vitorja”. Sentejn wara, Il-Papa Girgor XIII li laħaq wara Piju V, bidel l-isem tal-festa f’”Madonna tar-Rużarju”, u ffissha għall-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-Papa Klement XII daħħalha fil-Kalendarju tal-Knisja Universali.

Il-Papa San Piju X iffissa d-data tal-festa fis-7 ta’ Ottubru, il-jum li fih seħħet ir-rebħa ta’ Lepanto. Meta saret il-battalja ta’ Lepanto, id-Dumnikani f’Malta ġa kellhom fratellanza tar-Rużarju fil-knisja tagħhom fil-Birgu. Id-Dumnikani ħabirku ħafna għat-tixrid tar-Rużarju f’pajjiżna u waqqfu fratellanzi li minn tal-ewwel daħħlu l-istatwi fil-purċissjonijiet tagħna.

Din il-festa ġiet estiża għall-Knisja Universali fl-1716 meta l-Prinċep Ewġenju rebaħ rebħa oħra importanti fuq l-istess għadu fl-Ungerija.

Ir-Rużarju hu talba li skont it-tradizzjoni, il-Madonna rrivelat lil San Duminku, fil-bidu tas-seklu tlettax, u hi waħda mill-isbaħ devozzjonijiet lejn il-Madonna. Ir-reċita tar-Rużarju tgħinna nimmeditaw il-misteri fil-ħajja ta’ Sidna Ġesu Kristu f’għaqda ma’ Marija li kienet hekk qrib tiegħu f’ħajtu, fil-passjoni u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ir-Rużarju Mqaddes ħa spinta kbira bid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes u f’Fatima u bl-appelli ta’ ħafna qaddisin u Papiet. Ir-Rużarju hu wieħed mill-aktar devozzjonijiet lejn ommna Marija approvata mill-Knisja. Anzi hu d-devozzjoni prinċipali Marjana fil-Knisja tal-Punent matul l-aħħar 500 sena.

Il-Papa Ljun XIII żied it-titolu “Sultana tar-Rużarju Mqaddes” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Papiet għanew din id-devozzjoni tar-Rużarju b’bosta indulġenzi, u ħabirku biex jingħad regolarment mill-insara, possibilment kuljum, għax iġib grazzji kbar fuq min jirreċitah bid-devozzjoni. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li kompla żejjen ir-rużarju meta mal-misteri tal-ferħ, tbatija u l-glorja żied il-misteri tad-dawl.

ĦsiebIl-Rużarju huwa talba tradizzjonali nisranija li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu. Il-Beatu Papa Pawlu VI ddeskriviha hekk:

“Ir-Rużarju huwa talba evanġelika li tiċċentra fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u għalhekk żgur li hu talba li twassalna lejn Kristu. Fil-fatt, anki meta ntennu l-Ave Marija, aħna nkunu qed nagħmlu att kontinwu ta’ tifħir lil Kristu, li huwa l-għan aħħari kemm tat-Tħabbira tal-Anġlu, kif ukoll tat-tislima li għamlet omm il-Battista: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Luqa 1:42). U hemm xi ħaġa aktar minn hekk: fir-ripetizzjoni tal-Ave Marija hemm mistura dik ix-xi ħaġa li fuqha tintiseġ il-kontemplazzjoni tal-misteri: Ġesù li jissemma f’kull Ave Marija huwa l-istess Ġesù li l-misteri jpoġġu quddiemna, xi drabi bħala iben Alla u drabi oħra bħala iben il-Verġni Marija.”

L-iskop tar-Rużarju huwa li jgħinna nimmeditaw fuq il-misteri kbar tas-salvazzjoni tagħna. Piju XII qal li huwa kompendju tal-Vanġelu. L-enfasi ewlenija hija fuq Ġesù: it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Missierna tfakkarna li l-Missier ta’ Ġesù huwa l-inizjatur tas-salvazzjoni. Is-Sliema tfakkarna nissieħbu ma’ Marija biex nikkunsidraw dawn il-misteri. Huma jagħmluna konxji li Marija kienet u hija magħquda mill-qrib ma’ Binha fil-misteri kollha tal-eżistenza tiegħu fid-dinja u fis-Sema. Il-Glorja tfakkarna li l-iskop tal-ħajja kollha tagħna hija l-glorja tat-Trinità.

Ir-Rużarju jappella għal kulħadd. Huwa sempliċi. Ir-ripetizzjoni kostanti tal-kliem tgħin biex tinħoloq atmosfera li fiha tikkontempla l-misteri ta’ Alla. Aħna nemmnu li Ġesù u Marija huma magħna fil-ferħ u fid-dwejjaq tal-ħajja. Jgħinna nikbru fit-tama li Alla se jwassalna biex naqsmu fil-glorja ma’ Ġesù u Marija għal dejjem.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għal min jixtieq, jista’ jaqra’ wkoll l-Ittra Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar ir-Rużarju Mqaddes (16 t’Ottubru 2002) bl-isem Rosarium Virginis Mariae issa wkoll bil-Malti minn hawn: http://www.laikos.org/JP2_Rosarium_Virginis_Mariae_16102002.htm

Ara wkoll il-15-il wegħda li l-Verġni Marija għamlet lil min jitlob it-talba tar-Rużarju minn hawn: https://www.youtube.com/watch?v=XZcmLKViKS8

Talba: Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda fuq kollox, inti tħobbna b’imħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen. (Talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju 2010)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/our-lady-of-rosary.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/feast-of-our-lady-of-the-rosary-617

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_the_Rosary

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-festa tal-lum hija meħuda mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

15 ta’ Settembru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

“Is-Salvatur tad-dinja sieħeb miegħu lil Ommu fil-passjoni tiegħu: ejjew nadurawh.” Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat

olos_by_sobii-d60lzleIL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAD-DULURI

Tagħrif: Il-Knisja tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena: nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru. L-ewwel waħda nbdiet f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija tal-ereżija ta’ Ġovanni Hus. Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet Serviti meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’ Settembru. Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 rritorna mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala tifkira ta’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn Napuljun.

Imbagħad, il-Papa San Piju X, meta għamel ir-riforma tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa fil-15 ta’ Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.

Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub. It-tnissil tagħha kien immakulat. Il-ħajja tagħha kienet bla l-iċken dnub.

Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:

  1. Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.
  2. Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometri, bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.
  3. It-telfa ta’ Ġesù.
  4. Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Kalvarju.
  5. Il-kruċifissjoni.
  6. Ġesù mejjet fi ħdanha.
  7. Id-difna ta’ Ġesù.

Ħsieb: Marija Omm Alla hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi t’uġigħ, tbatija u anzjeta’. Hi, fl-imħabba tagħha t’Omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna, il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familja tagħna, Il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-anzjeta’ li tolqotna.

L-Ewwel dulur li ġarrbet Marija kien f’Ġerusalemm. Meta Marija u Ġużeppi marru jippreżentaw lil binhom Ġesu’ fit-tempju. Dak inhar kien hemm wieħed jismu Xmun. Raġel ġust u tajjeb li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. Dan kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u minn dejjem kien jixtieq li qabel ma jmut jara l-Messija tal-Mulej. Darba fost l-oħrajn ġie mqanqal mill-Ispirtu biex imur fit-tempju. Xmun jgħid lil Marija: “Marija, Ibnek Ġesu’ se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal li jmerruh, u int ukoll sejf jinfidlek ruħek sabiex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Min jaf x’ħasset f’qalbha Marija meta semgħet il-kliem tant iebes ta’ Xmun li għarrafha bil-Passjoni u l-mewt kiefra ta’ Binha Ġesu’ tarbija. Minkejja dan, Marija ma tfixklitx għaliex l-Iva tagħha meta dehrilha l-Anġlu Gabrijiel kienet il-frott tal-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla. Aħna wkoll fil-ħajja mhux dejjem nistgħu nifhmu kollox. Ġieli jiġru affarijiet f’ħajjitna li nħossuna ma nifhmuhomx. Mela, ejja nafdaw fl-imħabba ta’ Alla bħalma għamlet Ommna Marija f’ħajjitha.

Ommna Marija dejjem tkun lesta li tgħinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma nitilfux il-fidi tagħna, anke f’dawk il-mumenti li ma nkunux qed nifhmu.

It-Tieni dulur li ġarrbet Marija kien dak inhar li flimkien mar-raġel tagħha Ġużeppi u binhom Ġesu’, kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu.

Min jaf x’ħasset Marija meta flimkien ma’ Ġużeppi u binhom Ġesu’ kellhom jaħarbu mal-lejl u jmorru l-Eġittu. Dan is-sagrifiċċju għamluh biex isalvaw lil binhom Ġesu’ mill-mewt. Min jaf kemm hawn ġenituri li ta’ kuljum ikollhom jgħaddu minn sagrifiċċji kbar biex jgħinnu lil uliedhom jikbru u jimmaturaw. Min jaf kemm hawn ġenituri oħrajn li għalkemm qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex irabbu lil uliedhom tajjeb, qed jaraw lil uliedhom jitbegħdu minn Alla. Marija u Ġużeppi għandhom ikunu xempju għal dawk il-ġenituri li għal xi raġuni jew oħra qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom biex jagħrfu li wliedhom għandhom bżonnhom.

Marija dejjem lesta li tgħinna biex ikollna dan il-kuraġġ, din il-fidi lejn Alla. Hija tgħinna naċċettaw deċiżżjonijiet diffiċli f’ħajjitna bla kundizzjoni.

It-Tielet dulur li ġarrbet Marija kien meta binha Ġesu’ kien intilef u wara tlett ijiem sabitu jiddisputa mad-dutturi fit-tempju. Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesu’ kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, huma telgħu skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura, imma t-tifel Ġesu’ baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.

X’għafsa ta’ qalb ġarrbet Marija għat-telfa ta’ binha. Tlett ijiem tfittxu bla ebda aħbar. Xejn ma qatgħalha qalbha u fil-pront tirritorna ma’ Ġużeppi Ġerusalemm, fost l-għejja u l-biża’, tfittxu b’dieqa ta’ qalb.

Min jaf kemm-il darba aħna wkoll ħsibna li tlifnieh! Ġesu’, għinna dejjem insibuk ikun xi jkun iż-żmien f’ħajjitna.

Ejjew nersqu bit-talb tagħna lejn Ommna Marija, ħalli nieħdu s-saħħa kull darba li nitbgħedu minn binha Ġesu’ minħabba d-dnubiet tagħna, u b’hekk b’kuraġġ nerġgħu nersqu lejn Ġesu’ permezz tas-Sagrament imqaddes tal-Qrar.

Ir-Raba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta ltaqgħet ma’ binha Ġesu’ jġorr is-salib. Huma u sejrin bih qabdu wieħed jismu Xmuni minn Ċirene li kien ġej mir-raba u għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesu’. Kotra kbira ta’ nies kienet mixja warajh fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.

Aħna wkoll għandna s-salib tagħna xi nġorru. Marija se tgħinna nħarsu lejn binha Redentur, speċjalment meta nkunu mgħobbijin taħt it-toqol tal-problemi u tad-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna. Hawn xi ħadd li ma jħossx meta jara dik l-Omm hekk imnikkta? Iżda aħna bid-dnubiet tagħna, inkunu kawża li nnifdu l-Qalb ta’ Marija. Nistgħu ma nħossux dispjaċir għall-ingratitudni tagħna lejha?

Mela, ejjew inħarsu lejn Ġesu’ u lejn Marija fid-dulur tagħhom u npoġġu s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna f’idejhom.

Il-Ħames dulur li ġarrbet Marija kien meta hija baqgħet wieqfa taħt is-salib ta’ binha Ġesu’, flimkien ma’ oħtha Marija ta’ Kleofa, Marija ta’ Magdala u l-appostlu maħbub tiegħu Ġwanni.

Ejjew bl-imaġinazzjoni tagħna nħarsu lejn il-Kalvarju fejn naraw lil Ġesu’ msallab u ‘l Omm mbikkija. Kemm hija ta’ dieqa li ‘l Omm tara ‘l binha msammar fuq is-salib. Kull daqqa tal-martell, kull kelma ta’ żeblieħ u t-tinfida bil-lanza fil-kustat ta’ Ġesu’, kollha ħassithom Marija Addolorata ġewwa qalbha. Għajnejn Marija ma tħarrkux min fuq binha Ġesu’ fuq is-salib, semgħetu jlissen l-aħħar kelmiet tiegħu qabel ma ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Hi sofriet dan kollu ma’ binha Ġesu’ għalina.

Marija, agħtina l-kuraġġ naffrontaw il-mewt ta’ kuljum: fid-dar, meta mhux dejjem ikun ward u żahar, fuq ix-xogħol, meta ma nifthemux, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta naffaċjaw tentazzjonijiet u jkollna mmutu għall-imħabba ta’ binha.

Kemm qegħdin nifhmu xi tfisser is-sofferenza fil-ħajja tagħna sabiex it-tama fina qatt ma tonqos? Kemm qegħdin fit-tiġrib li niltaqgħu miegħu ninxteħtu quddiem Ġesu’ u Ommu Marija biex insibu s-sabar tagħna?

Is-Sitt dulur li ġarrbet Marija kien meta Ġesu’ ġie mniżżel minn fuq is-salib u mqiegħed fi ħdanha.

Ejjew naħsbu ftit fuq id-dulur l-aktar kiefer li fena l-Qalb imqaddsa ta’ Marija meta rat lil binha Ġesu’ mejjet fi ħdanha, kollu dmija u mimli ġrieħi u pjagi. L-ebda qalb iebsa meta tara din ix-xena tant krudila, ma ddubx mill-ebusija tagħha.

Ommna Marija Addolorata dejjem tkun lesta li tfarraġna fil-għawġ u l-mumenti ta’ dgħjufija tagħna. Ejjew nirrikorru għand Marija ħalli noħorġu mid-dlam tad-dnubiet tagħna, mill-kaos li jista’ jkollna f’ħajjitna. Ejjew niftħu jdejna bħal dawk ta’ Ġesu’ msallab u nilqgħu l-imħabba tiegħu mingħajr kundizzjoni.

Is-Seba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta rat lil binha Ġesu’ jiġi midfun. Wara l-mewt ta’ Ġesu’, Ġużeppi minn Arimatea li kien dixxiplu ta’ Ġesu’ bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesu’. Pilatu ħallih u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesu’ bil-lejl, u ġab miegħu taħlita ta’ morr u sabbara tiżen xi mitt libra.

Min jaf kif Qalb Marija Santissima splodiet bin-niket. Meta rat lil binha l-Maħbub imqiegħed fil-qabar. Aktar u aktar ma felħitx meta rat il-blata mgerba tagħlaq il-qabar qaddis.

TalbaO Verġni Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna, bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ibnek Ġesu’, qawwi l-fidi tagħna sabiex anke jekk mifluġa bid-dulur, inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu, u fit-tbatija estrema tas-salib, naraw l-imħabba kbira u safja t’Alla għalina.

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex ‘l hinn mit-tbatija u l-mewt naraw id-dawl tal-qawmien. Agħtina l-qalb tiegħek biex nibqgħu nħobbu u naqdu, anke fil-mumenti tal-prova.

O Marija Santissima Sidtna tas-salib, itlob għalina. Ammen.

(Talba tal-Papa Emeritus Benedittu XVI lill-Verġni Marija, meta kien żar lil dawk milquta mit-terremot qawwi ġewwa l-Italja)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.themostholyrosary.com/appendix1.htm

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/our-lady-of-sorrows/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Sorrows

Passion of The Christ (full movie with English Subtitles) on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/UEyNBGckJHyK3dX4zwowJpxd1

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar it-Tifkira tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa meħud minn meditazzjoni bl-isem ta’ ‘Is-seba’ Duluri ta’ Ommna Marija’ mis-sit Malti tal-Madonna ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija.’ Tista’ żżur is-sit minn hawn: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/