31 ta’ Diċembru: San Silvestru I

Verżjoni Vidjo: San Silvestru I

“Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Silvestru I

1228_stsylvesterSAN SILVESTRU I
Papa
? – 335

Tagħrif: San Silvestru kien iben ta’ wieħed Ruman jismu Rufinu. Il-Papa San Marċellinu ordnah qassis f’dak iż-żmien ta’ paċi qabel bdiet il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu. Imbagħad fil-persekuzzjoni, il-Qaddis wera qlubija l-iktar kbira.

Fi żmienu saru l-abdikazzjonijiet tal-Awgusti Djoklezjanu u Massimjanu. Ra jseħħ ukoll it-trijonf ta’ Kostantinu l-Kbir fis-sena 312.

Wara l-mewt tal-Papa San Milzjade, San Silvestru nħatar bħala s-suċċessur tiegħu, it-33 Papa, fis-sena 314.

San Silvestru mexxa l-Knisja b’għaqal u b’responsabbilta’ kbira, meta l-Knisja bis-saħħa ta’ Kostantinu l-Kbir, ħarġet mill-katakombi.

Permezz tad-Delegati tiegħu, San Silvestru I ħa sehem fil-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kkundanna l-ereżija tad-Donatisti u wettaq il-validita’ tas-sagramenti amministrati mill-eretiċi; approva l-Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea fis-sena 325, li kkundanna l-ereżija ta’ Arju li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, u fformula l-Kredu ta’ Niċea.

Fi żmien il-papat tiegħu nbnew il-knejjes kbar ta’ San Pietru, ta’ Santa Croce, ta’ San Lawrenz Fuori le Mura, ta’ San Silvestru, u oħrajn. Fi żmienu wkoll il-Palazz tal-Lateran sar ir-residenza uffiċjali tal-Papa.

San Silvestru miet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar. Difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja.

Ħsieb: Tassew li fi żmien dan il-qaddis tal-lum, jew aħjar permezz ta’ Kostantinu l-Kbir, il-Knisja ħarġet mill-katakombi, inbnew knejjes kbar u sbieħ u r-Reliġjon Nisranija setgħet tiffjorixxi bla biża’ u hekk ġara. Imma, nistaqsi, x’sar minnhom dawk l-insara ta’ fidi kbira li kienu lesti jxerdu demmhom biex jagħtu xhieda għat-twemmin tagħhom? Forsi n-nirsani f’diversi postijiet sar nisrani komdu u llaxka fil-valuri? U x’garanzija għandna li se nibqgħu daqshekk komdi jew li r-Reliġjon tagħna se tibqa’ sħiħa filwaqt li m’għadx hawn nies ta’ fidi biex jiddefenduha mill-għawġ li qed iħottha?

Xtaqt ninkludi hawn riflessjoni tal-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech (23 ta’ April 2009) :

“X’futur għandha l-Knisja fl-Ewropa u f’pajjiżna? X’garanzija għandna aħna illi ma tiġix mewġa u tħott il-Knisja mwaqqfa minn Pawlu fil-gżejjer tagħna? F’dan il-pajjiz dieħla mewġa “reliġjuża”: il-lajċiżmu li bil-mod il-mod qiegħed iġarraf il-binja tal-Knisja fostna.

Ma tantx qed nara membri fi ħdan il-Knisja illi għandhom il-kuraġġ li jqumu fuq riġlejhom, u jagħtu tweġiba lis-soċjetà tal-lum mingħajr ma jibżgħu li jiġu mwarrba.

Forsi aħna ma narawhiex tinħatt ġebla ġebla, imma għad narawha tinħatt bniedem bniedem, wieħed wieħed. Forsi ma jitilqux mill-komunità, imma fil-Knisja għandna min qed jgħix b’sieq waħda ġewwa u oħra barra.

Nistaqsi: jekk l-Knisja għarfet tipproduċi fi ħdanha Kristjani maturi mimlijin bl-ispirtu tal-Vanġelu illi taw kontribut, x’ġara minnha llum? Jista’ jkun li minkejja tant stejjer glorjużi, ħallew lilhom infushom jinħakmu minn ċerta telqa, minn ċerti kurrenti u duttrini, u allura kollox sfaxxa fix-xejn?

X’garanzija għandna aħna illi, bl-istorja reliġjuża tagħna kollha, bl-imħabba tagħna kollha lejn il-qaddisin, illum ma nistgħux ukoll niġu feruti, b’mod jew ieħor, u allura niddgħajfu, tonqos il-konsistenza bejnietna, u nkunu iktar priża għall-għadu li hemm fuq l-għatba tal-bieb? Dan qed ngħidu mhux biex naqtgħu qalbna, imma għaliex nemmen, kif diġà għidtilkom, illi jekk il-komunità Kristjana tagħraf tgħix b’mod awtentiku l-imħabba tagħha lejn Kristu, lejn il-qaddisin l-imħabba tagħha lejn il-Knisja, u tkun “Knisja waħda”, allura nkunu nistgħu nilqgħu kontra dak illi jista’ jfixkilna jekk mhux ukoll jeqridna”.

Ejjew nitlobu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Silvestru illi jieqaf magħna biex l-għaġna ta’ ħajjitna nagħġnuha bil-frak tal-istorja tiegħu u bil-frak tal-virtujiet li huwa għex u ngħixu tassew bħala poplu Nisrani li kapaċi jieqaf quddiem it-theddid ta’ żminijietna. Ejjew inkunu kapaċi nagħtu tweġiba evanġelika lid-dinja tal-lum.

Talba: Mulej, agħti l-għajnuna lill-poplu tiegħek bil-qawwa tat-talb tal-Papa San Silvestru, biex, wara ħajja taħt it-tmexxija tiegħek, naslu fil-hena tal-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-sylvester.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-sylvester-pope-101

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Sylvester_I 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

30 ta’ Diċembru: San Sabinu

Verżjoni Vidjo: San Sabinu

“U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 10:22

58a76b0cc1e8844be725d1983240de64SAN SABINU
Isqof u Martri
†305

Tagħrif: San Sabinu jingħad li kien isqof ta’ Faenza (280) u ta’ Assisi (290). Skont il-“Passio” tiegħu, miktub fis-seklu V u li dwaru hemm dubji serji Sabinu kien isqof waqt il-persekuzzjoni qalila kontra l-insara, imqanqla mill-Imperatur Djoklezjanu, il-gvernatur ordnalu biex jadura ‘l-allat tal-imperu. Iżda l-isqof ma riedx. Kollu mgħaddab, il-gvernatur ordna li b’kastig jaqtgħu idejn il-qaddis u jixħtuh fil-ħabs.

Fil-ħabs Sabinu fejjaq raġel għama, u din l-aħbar malajr xterdet u sema’ biha wkoll il-Gvernatur Venustianus, li hu kien ukoll ibati b’għajnejh. Dan talab lil Sabinu biex ifejqu, u meta fil-fatt fejqu, talab li jitgħammed hu, martu u ż-żewġ uliedu subien. Meta Djoklezjanu sar jaf b’dan, ordna li Sabinu, il-gvernatur u l-familja tiegħu jiġu msawtin u maqtulin. Kien għall-ħabta tas-sena 305.

Il-qabar ta’ San Sabinu jinsab ftit aktar minn mil bogħod minn Spoleto, u l-kult lejh xtered lejn Assisi, u bliet oħra fl-Umbrija, fl-Italja. San Sabinu u sħabu martri huma mfakkrin flimkien fit-30 ta’ Diċembru.

Qatluhom qrib il-belt ta’ Spoleto, fl-Umbrija, fl-Italja Ċentrali fis-sena 303. Kemm Assisi, kif ukoll Faenza, Spoleto u Chiusi jissemmew bħala l-belt li tagħha kien isqof. Barra mill-gvernatur Venustjanu u l-familja kollha tiegħu, jissemmew ukoll Marċell u Eżuperanzju li kienu djakni miegħu. Wara San Rufino, li lilu hu ddedikat il-Katidral ta’ Assisi, San Sabinu hu l-iktar martri meqjum f’din il-belt.

Ħsieb: San Sabinu ftit ħabbel rasu li kienu diġa’ qatgħulu jdejh, u fejjaq lill-gvernatur minn għajnejh li wara sar nisrani hu u l-familja kollha tiegħu. Għal dan, San Sabinu ħa l-mewt. Minn naħa l-oħra, il-gvernatur Venustjanu fieq tassew minn għajnejh u ftit wara ta ħajtu għal Kristu flimkien ma’ familtu! X’eżempju kbir jagħtuna dawn il-martri! Jidher ċar lit-tama tagħhom kienet soda fil-wegħda ta’ Kristu, li hemm glorja kbira u eterna tistenna lil dawk li jibqgħu jħobbuh sal-aħħar!

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017, jgħid hekk dwar din it-Tama li kellhom il-Martri:

“Illum nirriflettu fuq it-tama Nisranija bħala qawwa tal-martri. L-unika qawwa tan-Nisrani hi l-Vanġelu. Fiż-żminijiet ta’ diffikultà, irridu nemmnu li Ġesù jinsab quddiemna, u ma jieqafx jimxi mad-dixxipli tiegħu. Il-persekuzzjoni mhix kontradizzjoni għall-Vanġelu, imma tagħmel parti minnu: jekk ippersegwitaw lill-Imgħallem tagħna, kif nistgħu nittamaw li aħna nevitaw it-taqbida?

Imma, qalb it-tiġrib kollu, in-Nisrani m’għandux jitlef it-tama tiegħu, jew jaħseb li ġie abbandunat. Ġesù jiżgura lid-dixxipli tiegħu billi jgħidilhom: “Sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud” (Mattew 10:30). Biex qisu jgħid li l-ebda tbatija tal-bniedem, l-anqas l-iċken waħda u l-aktar moħbija, ma hi inviżibbli f’għajnejn Alla.

Alla jara, u żgur jipproteġi; u se jagħti l-fidwa tiegħu. Fil-fatt fostna hemm Xi Ħadd li hu aqwa mill-ħażen, iktar b’saħħtu mill-mafja, mill-komplotti mudlama, minn min jaqlagħha tajjeb minn fuq dahar dawk ta’ qalbhom maqtugħa, minn min jgħaffeġ lill-oħrajn bi prepotenza… Xi Ħadd li minn dejjem sema’ l-vuċi ta’ demm Abel li qed tgħajjat mill-art.

Għalhekk l-Insara għandhom ikunu dejjem fuq “in-naħa l-oħra” tad-dinja, dik magħżula minn Alla:

  • mhux persekuturi, imma ppresegwitati;
  • mhux arroganti, imma umli;
  • mhux bejjiegħa tad-duħħan, imma sottomessi għall-verità;
  • mhux imposturi, imma onesti.

Din il-fedeltà fl-istil ta’ Ġesù – li hu stil ta’ tama – sal-mewt, l-ewwel Insara sejħulha b’isem sabiħ ħafna: “martirju”, li jfisser “xhieda”. Xi drabi, aħna u naqraw l-istejjer ta’ tant martri nibqgħu mistagħġbin quddiem il-qawwa li biha affrontaw il-prova. Din il-qawwa hi sinjal tat-tama kbira li kienet tmexxihom: it-tama żgura li xejn u ħadd ma seta’ qatt jifridhom mill-imħabba ta’ Alla mogħtija lilna f’Ġesù Kristu (ara Rum 8:38-39)”.

Talba: O Alla, għat-talb ta’ San Sabinu, nitolbuk agħtina dejjem il-qawwa li nkunu xhieda tiegħek, li ngħixu t-Tama Nisranija fuq kollox fil-martirju moħbi li nwettqu tajjeb u bi mħabba d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version:http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-sabinus-and-his-companions.html

Alternative Reading: http://www.keytoumbria.com/Spoleto/St_Sabinus.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sabinus_of_Spoleto

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Diċembru: San Tumas Becket

Verżjoni Vidjo: San Tumas Becket

“Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Tumas Becket

St Thomas BecketSAN TUMAS BECKET
Isqof u Martri
1118 – 1170

Tagħrif: San Tumas Becket twieled f’Londra, fil-21 ta’ Diċembru 1118, minn familja sinjura u prominenti. Huwa studja mal-Kanonċi regulari f’Merton, Surrey.

Meta kellu 24 sena daħal skrivan ma’ Teoboldu, Arċisqof ta’ Canterbury, u malajr sar kunfidenti ewlieni tiegħu.

Fl-1154 ordna djaknu u l-Arċisqof ħatru Arċidjaknu ta’ Canterbury, u fl-1155 ir-Re Neriku II ħatru l-Kanċillier tal-Ingilterra. Malajr sar bniedem setgħan u għani ħafna.

Meta Teoboldu miet fl-1161, Tumas ġie nnominat mir-Re stess biex jilħaq floku. Għalhekk, fl-1162 Tumas ġie ordnat saċerdot u wara kkonsagrat isqof. Hekk Tumas sar l-Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Ingilterra.

Wara l-ħatra tiegħu, Tumas irriżenja minn kanċillier, ħalla l-ħajja lussuża tiegħu u ħaddan waħda l-iktar sempliċi, u beda jagħmel id-doveri reliġjużi tiegħu bl-ikbar reqqa.

Il-ħbiberija li kien hemm bejn ir-Re u l-Arċisqof bdiet titħassar minħabba l-konflitti li bdew jinqalgħu bejn il-Gvern u l-Knisja. Neriku ried li l-Knisja tkun ubbidjenti lejh, waqt li Tumas ma setax skont il-kuxjenza tiegħu jħalli l-Knisja titlef il-liberta’ u d-drittijiet tagħha.

Fl-1164, l-Arċisqof irrifjuta li jaċċetta l-Kostituzzjoni ta’ Clarendon li fost kollox kienu jiċħdu lill-kleru d-dritt li jappella għand il-Papa. Minħabba f’hekk l-Arċisqof kellu jaħrab u jmur fi Franza fejn dam eżiljat għal sitt snin sakemm reġa’ lura l-Ingilterra fl-1170.

Meta r-Re sar jaf li l-Arċisqof irritorna, ir-Re mitluf bir-rabja qal: “Kif? Ma hawn ħadd f’saltnati li jista’ jeħlisni minn dal-qassis insolenti?”

Għal dan il-kliem, erba’ kavallieri tar-Re marru immedjatament fil-Katidral ta’ Canterbury u qatlu lill-Arċisqof bix-xwabel tagħhom fid-29 ta’ Diċembru 1170.

Il-mewt ta’ San Tumas ħasdet l-Ewropa kollha. Sentejn wara mewtu ġie kkanonizzat Qaddis mill-Papa Alessandru III.

Ħsieb: Mal-Verita’ m’hemmx kompromessi! Ma nistgħux insejħulu abjad dak li nafu li hu iswed, anki jekk l-avversarji tagħna jaslu joqtluna! Kemm hu nobbli n-nisrani li jirraġuna b’dan il-mod. “Min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) qalilna Ġesu’ u f’post ieħor qal: “Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed.” (Luqa 12:4)

San Tumas Becket iddefenda bis-sħiħ id-drittijiet li l-kariga tiegħu kienet titlob li għandu jħares. Żamm iebes kontra pressjoni u intimidazzjoni l-iktar qawwijin. Ma ċediex akkost li jitlef ħajtu.

  • Aħna kemm naqdu l-kariga jew nagħmlu x-xogħol tagħna kuxjenzjożament?
  • Kemm ma nħallux il-flus, il-prestiġju, il-poter, l-avvanz, impieg ieħor, jew xi gwadann ieħor jinfluwenzana b’mod li nittraskuraw il-qadi ta’ dmirijietna?

Il-Papa Franġisku qal dan id-diskors fis-16 ta’ Novembru 2015 waqt omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta:

“L-idea li kulħadd ikun jaħsibha l-istess, l-umaneżmu li jieħu post Kristu, il-bniedem veru, teqred l-identità Kristjana. Ma nirkantawx il-karta tal-identità tagħna. 

Naraw dawn it-tliet kelmiet: mondanità, apostasija (ċaħda), persekuzzjoni:

Il-mondanità tfisser li nagħmlu dak li tagħmel id-dinja. Tfisser li nirkantaw il-karta tal-identità tagħna: aħna ugwali mal-oħrajn. B’hekk insibu li ħafna Iżraeliti ċaħdu l-fidi tagħhom u tbiegħdu mill-Patt il-Qaddis. U dak li deher tant raġonevoli – aħna bħal kulħadd, aħna normali – sar il-qerda.

L-apostasija, hi ċ-ċaħda. Jiġifieri li l-mondanità twasslek għall-ħsieb uniku u għall-apostasija. Mhux aktar permess li jkun hemm differenzi: ilkoll l-istess. Qed ifakkruni f’każ: li l-festi reliġjużi nbidlilhom isimhom, – eżempju t-twelid tal-Mulej jingħata isem ieħor – biex tinqered l-identità.

Dan jibda minn għerq, għerq żgħir, u jispiċċa biex isir deżolazzjoni ta’ min jistmerrha, jispiċċa jsir persekuzzjoni. Dan hu l-ingann tal-mondanità u għalhekk Ġesù kien talab lill-Missier f’dik iċ-Ċena: ‘Missier ma nitolbokx biex tneħħihom mid-dinja, imma ħarishom minnha’ – minn din il-mentalità, minn dan l-umaneżmu, li ġej biex jieħu post il-bniedem veru, Ġesù Kristu, li ġej biex ineħħilna l-identità Nisranija u jridna kollha naħsbu l-istess ħaġa: ħafna jagħmlu hekk, jien għaliex le?

Dal-ħsieb dominanti ta’ żmienna għandu jġegħelna naħsbu:

  • kif inhi l-identità tiegħi?
  • Hija Nisranija jew mondana?
  • Jew jien ngħid li jien Nisrani għax meta kont tarbija għammduni u għax twelidt f’pajjiż Nisrani, fejn kulħadd hu Nisrani?

Il-mondanità tidħol inkiss inkiss, tikber, tiġġustifika ruħha u tniġġes. Tikber bħal dak l-għerq, tiġġustifika ruħha: ‘Imma ħa nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd, fl-aħħar mill-aħħar m’aħniex differenti!’ Infittxu dejjem ġustifikazzjoni, u fl-aħħar nitniġġsu u ħafna mill-gwaj jinbet minn hemm.

Nitolbu lill-Mulej għall-Knisja, biex il-Mulej iħarisha minn kull forma ta’ mondanità. Jalla l-Knisja jkollha dejjem l-identità li taha Ġesù Kristu; jalla aħna lkoll ikollna l-identità li rċevejna fil-Magħmudija, u li din l-identità li rridu nkunu bħal kulħadd, biex inkunu ‘normali’, tintrema ‘l barra. Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nżommu u nħarsu l-identità Nisranija tagħna kontra l-ispirtu tal-mondanità li dejjem qed jikber, li jiġġustifika ruħu u jniġġes”.

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-martri San Tumas biex bi qlubija kbira jxerred demmu għall-ġustizzja; bit-talb tiegħu, agħtina li f’din id-dinja niċħdu ħajjitna għal Kristu ħalli nsibuha fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-thomas-becket.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-becket/ 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_Becket

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

28 ta’ Diċembru: Il-Qaddisin Innoċenti Martri

Verżjoni Vidjo: Il-Qaddisin Innoċenti Martri

“Kristu, li twieled għalina, żejjen lill-Innoċenti martri bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh. … Dawn kienu mifdijin minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf: huma bla tebgħa quddiem it-tron ta’ Alla.” ~ Antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Qaddisin Innoċenti Martri

william-charles-thomas-dobson-the-holy-innocentsIL-QADDISIN INNOĊENTI MARTRI

Tagħrif: Fit-tieni kapitlu tal-Evanġelju skont San Mattew, insibu li malli s-Sultan Erodi l-Kbir li taħtu twieled Ġesù, għaraf li kien ġie ngannat mill-Maġi, xegħel b’rabja kbira, u minnufih ordna l-massakru tat-tfal subien ta’ taħt is-sentejn f’Betlem u fl-inħawi ta’ madwar. Hu bbaża l-kalkoli tiegħu fuq id-dati li kien ġabar minn fomm il-Maġi.

Il-maġġoranza tal-kommentaturi jgħidu li n-numru tat-tfal innoċenti martri ma kienx jgħodd iżjed minn 25.

Din il-festa nsibuha tiġi ċċelebrata fil-Knisja sa mis-seklu ħamsa, u mis-seklu sitta ‘l quddiem il-jum tal-Festa sar it-28 ta’ Diċembru.

Dawn il-vittmi innoċenti huma meqjumin bħala “martri”, iżda mhux bħala martri ordinarji. Huma mhux biss mietu għal Kristu, iżda minflok Kristu.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-isqof San Quodvultdeus bit-titlu ‘Għadhom anqas jafu jitkellmu, u diġà qegħdin jistqarru ‘l Kristu’:

“Twieled it-tifel, tarbija ċkejkna, li hu s-Sultan il-Kbir. Il-kewkba wasslet lill-maġi ħdejh mill-bogħod; u ġew jaduraw lil dak li għalkemm mindud f’maxtura iżda jsaltan fuq is-smewwiet u fuq l-art. Il-maġi xandru t-twelid tas-Sultan, u Erodi tħawwad. Ried joqtlu biex ma jitlifx is-saltna. Kieku emmen fih, kien jista’ jserraħ rasu mis-saltna tiegħu tal-art, u kien isaltan għal dejjem fil-ħajja l-oħra.

Għaliex beżżgħetek, Erodi, l-aħbar tat-twelid tas-Sultan? Hu ma ġiex biex ikeċċi lilek, imma biex jegħleb lix-xitan. Int ma fhimt xejn minn dan, u għalhekk tħawwadt u wrejt il-qilla tiegħek; biex teqred lil dak il-wieħed li fittixt, sirt aħrax u qtilt dawk it-trabi kollha!

Ebda ħniena ma ħassejt għall-ommijiet u l-missirijiet jibku u jolfqu minħabba l-qtil ta’ wliedhom, anqas għat-trabi tagħhom iwerżqu u jixhru. Fnejt il-ħajja tat-tfal, għax il-biża’ fnielek qalbek; mingħalik se tgħix ħajja twila jekk il-ħsieb tiegħek iseħħ, int li ridt teqred lill-istess Ħajja.

Kemm hu kbir id-don tal-grazzja! X’merti kellhom it-trabi biex jaqilgħu grazzja ta’ rebħa bħal din? Għadhom ma jafux jitkellmu, u ġa qegħdin jistqarru ‘l Kristu. Għadhom bla ħila li jxejjru jdejhom u jitqabdu, u ġa qegħdin ixejjru l-palma tar-rebħa”.

  • U xi ngħidu għall-eluf ta’ trabi li jinqatlu bl-abort?
  • Forsi dawn m’humiex it-trabi innoċenti ta’ żminijietna?
  • U int, għaqli/ja biżżejjed biex tkun minn ta’ quddiem li titkellmu favur il-ħajja sa mit-tnissil tagħha fil-ġuf għax taf lit-tarbija m’għandix vuċi ħlief tiegħek?
  • Titlob biex jitwaqqaf l-abort u ma jiġix introdott f’pajjiżna?
  • Tgħin u tagħti s-sapport tiegħek lill-Fundazzjonijiet Favur il-Ħajja li jaħdmu ma’ nisa b’diffikulta’ fit-tqala u problemi oħra li jistgħu jkunu ta’ theddida kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija?

Talba: O Alla, f’dan il-jum it-Trabi Innoċenti martri xandru t-tifħir tiegħek mhux bil-kliem iżda bil-mewt tagħhom: agħmel li l-fidi li nistqarru b’fommna nuruha wkoll fl-imġiba ta’ ħajjitna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/holy-innocents.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/holy-innocents/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Massacre_of_the_Innocents

Nota: It-Tagħrif dwar din it-tifkira tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

27 ta’ Diċembru: San Ġwann

Verżjoni Vidjo: San Ġwann

“Ġwanni xehed għall-ħwejjeġ mistura li ra fuq il-Verb ta’ Alla u fuq ix-xhieda mogħtija minn Ġesù Kristu”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann

San Juan de Patmos, EvangelistaSAN ĠWANN
Appostlu u Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġwann twieled fil-Galilija, madwar is-sena 6 wara Kristu. Missieru kien sajjied jismu Żebedew.

Ġwanni u ħuh San Ġakbu l-Kbir ġew imsejħin minn Ġesù biex ikunu dixxipli tiegħu (Mark 1:19-20). Mid-dehra kellhom karattru fuq tagħhom. Darba resqu lejn Ġesù u qalulu: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna (ara Mark 10:35-41). Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh riedx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom? (Luqa 9:54) Ġesù kien sejħilhom Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad”. (Mark 3:17)

B’danakollu, Ġesù kellu mħabba kbira lejn dawn iż-żewġ aħwa. U San Ġwann kien “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù” (Ġwanni 21:7).

Huwa kien preżenti fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru: fl-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani. Flimkien ma’ Pietru kien magħżul biex iħejji l-aħħar ikla. F’dik l-ikla kien ħdejn Ġesù b’rasu ma’ sider Ġesù. Kien ukoll l-uniku fost l-appostli li għalkemm kien l-iżgħar fosthom baqa’ mal-Madonna taħt is-salib meta Ġesù kien imsallab sakemm miet u difnuh.

Minn fuq is-salib, ftit qabel miet, Ġesù fdah f’idejn il-Madonna, u fl-istess waqt talbu jieħu ħsiebha.

F’Ħadd il-Għid, Ġwanni mar jiġri flimkien ma’ San Pietru lejn il-qabar ta’ Ġesù, u emmen li Ġesù kien qam mill-mewt. Kien hu wkoll, l-ewwel wieħed, li għaraf lil Ġesù rxuxtat ħdejn il-baħar ta’ Tiberjade.

Ġwanni kien ma’ San Pietru ħdejn it-Tempju, wara l-Pentekoste, meta sar l-ewwel miraklu kbir – il-fejqan ta’ wieħed magħtub minn twelidu, li minħabba f’hekk kellu jqatta’ l-lejl fil-ħabs, flimkien ma’ San Pietru.

Wara li waqqaf il-Knisja f’Ġerusalemm huwa mar għal xi snin f’Efesu, fl-Asja Minuri (illum Turkija). Hawnhekk, skont tradizzjoni, għex mal-Madonna sakemm mietet, u kiteb il-Vanġelu u l-ittri.

Minħabba t-tagħlim tiegħu huwa ġie eżiljat għal xi żmien fil-gżira ta’ Patmos fejn kiteb l-Apokalissi. (Apokalissi 1:9)

Huwa ħadha bil-qawwa kollha mal-eretiċi li kienu jgħidu li Ġesù ma kienx Alla, u saħaq ħafna mal-Insara fuq il-kmandament tal-imħabba.

Huwa miet f’Efesu, l-aħħar fost l-Appostli, meta kellu madwar erbgħa u disgħin sena.

Ħsieb: Il-messaġġ tar-raba’ Evanġelju huwa kollu fuq Ġesù bħala dak li ġie biex jagħti l-ħajja fil-milja tagħha. Din hija lista ta’ xi siltiet mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li juru dan:

  • “Kull ma sar kellu l-ħajja fih.” (Ġwanni 1:4)
  • “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem biex kull minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 3:16)
  • “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 3:36)
  • “L-ilma li nagħti jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 4:14)
  • “Għax bħal ma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.” (Ġwanni 5:21)
  • “Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni, għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.” (Ġwanni 5:24)
  • “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisemgħu leħnu (leħen l-Iben), u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja.” (Ġwanni 5:28)
  • Lil-Lhud qalilhom “Intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.” (Ġwanni 5:40)
  • “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.” (ara Ġwanni 6:22-59)
  • Pietru jistqarr, “Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 6:68)
  • “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” (Ġwanni 8:12)
  • “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.” (Ġwanni 10:10)
  • “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni … u jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 10:28)
  • “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja.” (Ġwanni 11:25)
  • “Jienu hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġwanni 14:6)
  • “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, bħalma inti tajtu s-setgħa fuq il-bnedmin kollha, biex huwa jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu f’idejh.” (Ġwanni 17:1-2)
  • “Dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġwanni 20:31)
  • U int, ilqajt lil Ġesu’, Sid il-ħajja f’ħajtek jew għadek tgħammar fid-dlamijiet tad-dnub?
  • Qed tħalli lill-Mulej iġib il-ħajja vera f’qalbek u f’ħajtek billi tfittex li timxi fuq it-tagħlim tiegħu?
  • Il-ħajja li għandek fi Kristu, qiegħed/qegħda twassalha lill-oħrajn madwarek? 
  • Titgħajjex b’ruħ safja u ta’ spiss bil-Ħobż tal-Ħajja?

Talba: O Alla, inti wrejtna l-misteri tal-Verb tiegħek permezz tal-appostlu San Ġwann: agħmel li nifhmu sewwa kemm nistgħu t-tagħlim li hu fissrilna hekk tajjeb. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-apostle.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-the-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

26 ta’ Diċembru: San Stiefnu

Verżjoni Vidjo: San Stiefnu

“Kristu, li twieled għalina, żejjen lil San Stiefnu bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh.” ~ Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Stiefnu

Bellafiore-Stephen-2SAN STIEFNU
Djaknu u l-Ewwel Martri
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Kull ma nafu dwar San Stiefnu nafuh mis-sitta u s-seba’ kapitli tal-Atti tal-Appostli.

San Stiefnu kien Lhudi, iżda ta’ kultura Griega. Ismu bil-Grieg ifisser kuruna. Sar dixxiplu ta’ Ġesù wara l-Axxensjoni, u ntagħżel biex ikun wieħed mis-seba’ Djakni. Il-kelma djakni ġejja mill-Grieg “diakonia” li tfisser servizz.

In-numru tal-Insara kien qed joktor. Dawk li kienu ta’ kultura Griega (Hellenin) bdew igergru li n-nisa romol tagħhom ma kinux jieħdu ħsiebhom bħalma kienu jieħdu ħsieb ir-romol tal-Lhud. L-appostli ma setgħux iħallu l-Kelma ta’ Alla biex jaqdu fl-imwejjed, għalhekk talbu l-komunita’ biex jagħżlu sebat irġiel prudenti u twajbin biex jagħmlu dan ix-xogħol. L-ewwel li għażlu kien San Stiefnu, żagħżugħ mimli bl-Ispirtu u bil-għerf.

Kellu inizjattiva straordinarja, għamel bosta għeġubijiet u kien jitkellem b’għerf u b’enerġija hekk qawwija li ħadd ma kien jista’ jirreżistih.

Il-Lhud xegħlu kontrieh, u billi ma setgħux ilaħħqu mal-għerf tiegħu xlewh quddiem is-Sinedriju li kien qed jinsulta l-liġi ta’ Alla u ta’ Mose’.

Huma karkruh barra mill-belt u ħaġġruh. Hekk sar l-ewwel wieħed li ta ħajtu għall-fidi tiegħu f’Ġesù. Meta kien quddiem din il-ġemgħa ta’ nies mimlija qilla għalih biex joqtluh wera kuraġġ kbir liema bħalu meta għamel kif għamel qablu Ġesù, talab għall-għedewwa tiegħu.

Fost dawk li kienu preżenti kien hemm Sawlu, dak li mbagħad sar l-Appostlu tal-Ġnus, kien l-ewwel u l-akbar frotta tad-demm li xerred San Stiefnu fil-martirju tiegħu.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ San Fulġenzju, Isqof ta’ Ruspe bit-titlu ‘L-armi tal-imħabba’:

“Il-bieraħ iċċelebrajna t-twelid temporali tas-Sultan etern tagħna; illum qegħdin niċċelebraw it-tbatija u l-mewt rebbieħa tas-suldat tiegħu.

Il-bieraħ is-Sultan tagħna, liebes il-ġisem ta’ bniedem bħal b’libsa rjali, ħareġ minn ġuf il-Verġni qisu mill-palazz tiegħu, u għoġbu jiġi u jżur id-dinja; illum is-suldat tiegħu ħareġ mit-tinda tal-ġisem, u telaq rebbieħ lejn is-sema.

Stiefnu, biex tkun tistħoqqlu l-kuruna li tfisser ismu:

  • kellu l-imħabba bħala l-arma tiegħu, 
  • biha ħareġ rebbieħ kullimkien.
  • Bl-imħabba ta’ Alla ma ċediex quddiem il-qilla tal-Lhud, 
  • bl-imħabba ta’ għajru talab għal min kien iħaġġru.
  • Bl-imħabba qagħad iħaqqaq ma’ min kien fl-iżball, biex dawn jerġgħu lura għas-sewwa;
  • bl-imħabba talab għal min ħaġġru, biex ma jiġux ikkastigati.

Bl-għajnuna u l-qawwa tal-imħabba rebaħ lil Sawl, qalil u aħrax, hekk li fis-sema stħaqqlu jaqsam fl-hena ma’ dak li kien ippersegwitah fuq l-art. L-istess imħabba qaddisa u sħiħa xtaqet tikseb bit-talb lil dawk li ma setgħetx tiksibhom għal Alla bit-twissijiet.

Għalhekk, ħuti, ladarba Kristu tana l-imħabba bħala s-sellum li bih kull nisrani jista’ jitla’ fis-sema, fittxu li jkollkom l-imħabba safja u qawwija, uruha lil xulxin bejnietkom, u permezz tagħha imxu u itilgħu ‘l fuq.

San Stiefnu ħaddan il-mewt li ġiet għalih fl-aħjar ta’ ħajtu, b’kuraġġ mill-akbar, b’tama l-iktar qawwija li kien ser jingħaqad ma’ Ġesù fil-ġenna, u bl-imħabba liema bħalha lejn kulħadd, ukoll lejn dawk li kienu qed joqtluh. Tgħid aħna kapaċi naslu li nagħmlu bħalu meta xi ħadd joffendina bil-kbir! Iva naslu jekk inkunu nħobbu lil Ġesù bħalma kien iħobbu hu”.

Talba: Aħna u nagħtu ġieħ lil San Stiefnu fit-tifkira tad-daħla tiegħu fis-sema, agħtina l-grazzja, Mulej, li nsiru nixbħuh, u nitgħallmu nħobbu wkoll l-għedewwa, kif talab hu għal dawk li ħaqruh. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-stephen_21.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-stephen/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Stephen

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

25 ta’ Diċembru: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu

“Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni.” ~ Galatin 4:4-5

was-jesus-really-born-on-christmasIT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

Tagħrif: Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin. Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla. Ħabbruh il-Profeti. Xtaqu l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.

Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żminijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija. Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid tal-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra tal-Ispirtu s-Santu.

Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-ragħajja. Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.

Minn dakinhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh. Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ Alla. Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.

Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja Rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal. L-insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu: ix-Xemx ta’ dejjem u d-Dawl ta’ kull bniedem.

Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna. Flimkien mar-rigali, in-nisrani jwassal ‘il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir bit-titlu ‘Agħraf, o nisrani, l-kobor tiegħek!’:

Għeżież, illum twieled is-Salvatur tagħna; ejjew nifirħu. M’huwiex sewwa li wieħed isewwed qalbu fejn hi mwielda l-ħajja, dik il-ħajja li qerdet il-biża’ tal-mewt u mlietna bl-hena tal-ħajja ta’ dejjem.

Ħadd m’hu se jkun imċaħħad minn sehmu f’din ix-xrara ta’ hena li għalih kulħadd xorta waħda hu msejjaħ: għax Sidna, li qered id-dnub u l-mewt, bħalma ‘l ħadd minna ma sab nieqes mill-ħtija hekk ġie biex jeħles lil kulħadd. Jithenna l-qaddis għax wasal għall-premju. Jifraħ il-midneb għax hu mistieden għall-maħfra. Jieħu r-ruħ il-pagan għax isejjaħ għall-ħajja.

Għax l-Iben ta’ Alla, fil-milja taż-żminijiet, kif fassal Alla fil-pjan għoli tiegħu li ħadd ma jista’ jiflih, sar bniedem biex jerġa’ jħabbeb il-bnedmin mal-ħallieq tagħhom, u hekk ix-xitan, li bih daħlet il-mewt fid-dinja, jintrebaħ bis-saħħa ta’ dik l-istess natura li biha hu kien ħareġ rebbieħ.

Għalhekk, aħna jeħtieġ li ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu; u, ladarba issa ksibna sehem fit-tnissil ta’ Kristu, irridu niċħdu l-għemejjel tal-ġisem.

Agħraf, o nisrani, l-kobor tiegħek; int, li sseħibt ma’ Alla fin-natura tiegħu, la terġax taqa’ fil-post baxx ta’ dari b’ħajja mhix xierqa. Ftakar ta’ liema ras u ġisem int membru. Żomm f’moħħok li inti nqtajt minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet u għaddejt fid-dawl u s-saltna ta’ Alla.

Bis-Sagrament tal-Magħmudija sirt tempju tal-Ispirtu s-Santu; qis li Spirtu hekk qaddis li jgħammar fik ma tkeċċihx minnek b’għemejjel ħżiena u tintelaq mill-ġdid taħt il-jasar tax-xitan: għax il-ħlas tal-fidwa tiegħek hu d-demm ta’ Kristu”. 

  • U int, wellidt lil Ġesu’ f’qabek u f’ħajtek?
  • Neħħejt id-dlamijiet tad-dnub bis-Sagrament tal-Qrar biex tkun tista’ tilqa’ ġewwa fik lid-Dawl ta’ dejjem fit-Tqarbin Imqaddes?
  • Se tkompli tgħix b’tali mod li l-Milied tkun tista’ tkompli tiċċelebrah is-sena kollha għax il-Mulej se jkompli jgħix f’qalbek waqt li inti tgħix ħajja li togħġob lilu?

Talba: O Alla, li ta’ kull sena tferraħna fl-istennija tal-fidwa tagħna, agħmel li aħna, bħalma nilqgħu bil-ferħ lil Ibnek il-waħdieni, Feddej tagħna, hekk ukoll jistħoqqilna narawh bla biża’ meta jiġi b’Imħallef tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/christmas-birthday-of-jesus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-nativity-of-the-lord-christmas-665

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Jesus

A short version of the Film ‘The Nativity Story’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.