10 ta’ Awwissu: San Lawrenz

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz

“Lawrenz għajjat u qal: ‘Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu; ma nibżax mill-moħqrija tiegħek. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: jien nittama fih.'” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Lawrenz (Salm 17(18):3b).

St Lawrence 2SAN LAWRENZ
Djaknu u Martri
? – 258

Tagħrif: Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej.”

Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. Ma għandniex wisq dettalji ċerti fuqu ħlief li kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma. Jingħad li hu kien minn Huesca t’Aragona (Spanja) u ħadu miegħu Ruma l-arċidjaknu Sistu meta dan kien għaddej fuq qadja minn Huesca t’Aragona.

Meta aktar tard Sistu sar papa bl-isem ta’ Sistu II, fil-257 għażel lil Lawrenz bħala djaknu, u għalkemm kien għadu żagħżugħ, qiegħdu l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni li kienu jservu lill-Knisja ta’ Ruma.

Fis-6 ta’ Awwissu, 258 il-Papa Sistu, waqt li kien fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu ma’ xi djakni tiegħu, ġie maqbud u kkundannat għall-mewt. Jingħad li Lawrenz mar jilħqu u staqsieh kif kien sejjer għall-aħħar sagrifiċċju tiegħu mingħajr id-djaknu tiegħu. Papa Sistu jingħad li ħabbar lil Lawrenz li kellu jmut mewta ħarxa ftit jiem wara. Fil-fatt Lawrenz ġie hu wkoll maqbud mis-suldati Rumani.

San Ambroġ ħalla miktub li, skont tradizzjoni orali, Lawrenz qabel ma arrestawh, ġie mogħti tlett ijiem żmien biex inewwel lill-imperatur Valerjanu t-teżori tal-knisja, iżda d-djaknu biegħhom biex jiġu mgħejjuna l-foqra u ppreżenta lill-imperatur dawn l-istess foqra bħala teżori tal-knisja.

Lawrenz ġie għalhekk ikkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi jkun mixwi fuq gradilja. Il-qaddis ingħata difna xierqa fuq il-Via Tiburtina.

Prudentius, madwar is-sena 400, jgħid li l-konverżjoni ta’ Ruma saret minħabba t-talb ta’ San Lawrenz u jgħid ukoll li folol kbar kienu jmorru fil-knisja ta’ dan il-qaddis f’Ruma u li ħafna grazzji kienu jinqalgħu bl-interċessjoni tiegħu. Fis-seklu erbgħa dan il-qaddis mhux biss kellu festa iżda wkoll vġili.

Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano. Kostantinu l-Kbir bena bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

Imfaħħar mill-aqwa dutturi tal-Knisja, fosthom Santu Wistin, Sant’Ambroġ, u San Leone Manju, wara l-Appostli San Pietru u San Pawl, hu l-iktar martri meqjum ġewwa Ruma.

Il-Papa tal-Immakulata, il-Beatu Piju IX, ried jindifen ħdejn il-qabar ta’ San Lawrenz, u hemm jinsab tassew. Lil San Lawrenz, huma ddedikati mijiet kbar ta’ knejjes, fosthom f’Ruma, San Lawrenz “In Lucina,” “In Damaso,” mibnija mill-Papa San Damaso (366-384), “In Paneperna” u “In Miranda”.

Lilu huma ddedikati l-Katidrali ta’ Genova, Perugia, Grosseto, Trapani, Lugano u oħrajn. Il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu bl-istess grad liturġiku daqs tal-festi tal-Appostli.

San Lawrenz huwa l-Patrun tal-Birgu u tar-raħal li jġib ismu ‘San Lawrenz,’ Għawdex.

ĦsiebDan kliem l-Isqof Mario Grech – mill-omelija f’jum il-festa tad-djaknu San Lawrenz:

“Lill-Isqof Ċiprijanu ta’ Kartaġni xi ħadd kitiblu hekk: Għadu kemm wasal editt ta’ Valerjanu li fih iħabbar il-qtil tal-isqfijiet u tad-djakni, fost dawn hemm id-djaknu Lorenzu. Skont l-Isqof Ċiprijanu, il-ħsieb ta’ Valerjanu ma kienx biss li joqtol lil dak u lill-ieħor, imma li f’kolp wieħed inaddaf lis-soċjetà ta’ żmienu mis-saċerdozju. Valerjanu ried joħloq l-instabbilità fi ħdan il-Knisja billi mhux biss ifieri imma saħansitra joqtol lil kull saċerdot. Nibża’ li dan l-ispirtu ta’ Valerjanu jista’ jerġa’ jibda jqajjem rasu … Hemm bżonn li fil-Knisja jkollna komunità li kapaċi tqum fuq riġlejha u tagħmel id-difiża tagħha mhux lil dik il-persuna (is-saċerdot individwali) imma l-ministeru afdat lil dik il-persuna.”

U din li ġejja hija riflessjoni ta’ Dun Daniel Xerri fuq il-fidi li kellu fi Kristu id-Djaknu Lawrenz:

  • L-imħabba ta’ Lawrenz għal Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li wasslitu sal-martirju, hi marbuta ħaġa waħda mal-fidi tiegħu.
  • X’inhi l-fidi? Hija meta “l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla” u “lil Alla li juri lilu nnifsu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-moħħ u tar-rieda tiegħu u jilqa’ bil-qalb dak kollu li Alla jurih u jitlob minnu” (Dei Verbum, 5). Din hi dik li San Pawl isejħilha “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rumani 16: 26) u li bix-xieraq, kull bniedem għandu jagħti lil Alla, proprju għax hu Alla.
  • Lawrenz emmen f’Alla u f’Iben Ġesù Kristu, afdah b’għajnejh magħluqa u ntelaq f’idejh sa fil-martirju. Sa minn tfulitu huwa ħaddan il-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret, fidi li mmarkatlu ħajtu. Il-mod kif għex u miet juri biċ-ċar li hu kien kollu kemm hu ta’ Kristu. Speċjalment fil-belt ta’ Ruma huwa ltaqa’ ma’ ħafna nsara li taw xhieda tal-fidi tagħhom b’kuraġġ u determinazzjoni. Kien fuq kollox l-eżempju tal-martri li kabbar u saħħaħ bil-qalb ta’ Lawrenz l-fidi f’Ġesù. L-eżempju ta’ dawk l-insara qalbiena li f’din il-belt xerrdu demmhom għal Kristu kien dejjem quddiem għajnejh. Nistgħu nimmaġinaw x’kien iħoss meta ma’ ħutu l-insara l-oħra kien iżur l-oqbra tal-martri u jitlob fuqhom, kif kienet id-drawwa tal-knisja f’dawk iż-żminijiet. Min jaf x’ħass meta, fuq ordni tal-Papa Sistu II innifsu, kellu jieħu ħsieb ir-relikwi għeżież tal-Appostli Pietru u Pawlu u jaħbihom fil-katakombi biex iħarishom mill-id qerrieda tal-persekuturi.
  • Meta fis-sena 257 l-Imperatur Valerjanu ħareġ l-editt biex jiġu maqtula l-membri kollha tal-ġerarkija tal-Knisja, Lawrenz fehem li issa kien imiss lilu jagħti xhieda għall-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Imqanqal mit-tħeġġiġ tal-Papa Sistu II u msaħħaħ mix-xhieda tiegħu, Lawrenz beda jarma ruħu għall-martirju. Hu kien lest li jbati u jmut għal dak li emmen fih. Bi kliem San Pawl seta’ jgħid: “Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati, imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint” (2Timotju 1:12). U wasal il-waqt tal-prova. Kien l-10 t’Awwissu tas-sena 258 meta ż-żagħżugħ Lawrenz tela’ ferħan fuq il-gradilja u ħalla lil ġismu jinħaraq bin-nar għall-imħabba ta’ Ġesù. Fil-qawwa ta’ dak in-nar kienet qed tissaffa u tilħaq il-milja tagħha l-fidi tiegħu.
  • Żgur li f’dawk il-mumenti ġew f’moħħ id-Djaknu Lawrenz l-kelmiet tal-appostlu Pietru, li snin qabel kien kiteb lill-insara tal-Asja Minuri: “Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu” (1Pietru 1:7). Għalhekk, “ħuti għeżież, tistgħaġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom …” (1Pietru 4:12). Żgur li ġewh ukoll f’moħħu l-kelmiet tal-appostlu Pawlu: “Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss li temmnu fih, imma saħansitra li tbatu għalih” (Filippin 1:29). San Lawrenz serva lil Kristu bħala Djaknu, emmen fih u fuq kollox bata għalih!
  • Imħeġġeġ mit-tagħlim ta’ dawn l-appostli kbar, Lawrenz kien tassew iħares lejn il-martirju bħala grazzja, li tant kien jixtieqha u jitlobha. Għax tabilħaqq, li temmen f’Ġesù hija grazzja imma li tbati għalih hija grazzja akbar.

“Fl-eżempju ta’ San Lawrenz, għandna prova tal-qawwa tal-grazzja t’Alla. Hu kien jara ġismu jinħaraq bla ma jitlef il-paċi ta’ ruħu; u aħna bil-maqlub ma nafux insofru l-iċken uġigħ jew dispjaċir bla ma nitilfu l-paċi.” ~ Br. Louis

  • U int, fis-sofferenzi tiegħek tixbhu xejn lil San Lawrenz, billi bħalu żomm l-kalma u l-paċi?
  • Jew forsi ġieli żbilt u tlift il-paċi ta’ qalbek, u forsi wkoll telliftha lil ħaddieħor?

Henjin tassew inkunu aħna jekk nimitaw lil San Lawrenz fis-sabar tiegħu!

Talba: O kbir u glorjuż San Lawrenz, illi ġejt ikkundannat għall-mewt tan-nar bati, u soffrejt din il-piena hekk kbira b’tant qawwa tant li sirt wirja ta’ ammirazzjoni fis-sema u fl-art: ftakar issa mela f’dik it-talba li għamilt ’l Alla fuq is-sodda kollha nar. Kif inti tlabt illi Ruma tibqa’ dejjem kattolika, hekk ukoll issa, bl-interċessjoni tiegħek, aqla’ rebħiet ġodda lill-Knisja fuq tant għedewwa li għandha. Agħmel li tibqa’ sħiħa fil-fidi, u qaddisa fil-valuri, u hekk imbiegħda mill-perikli u mill-ideat foloz ta’ żminijietna, tkompli twassal biss lil Kristu lid-dinja li tant għandha għatx għalih. Ammen. (Strofa minn Novena ta’ San Lawrenz)

O Alla, int ħeġġiġt bi mħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-lawrence/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-lawrence-563

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Lawrence

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Marzu: San Benjamin

Verżjoni Vidjo: San Benjamin

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. ~ Ġesù f’Mattew 10: 32-33

BenjaminSAN BENJAMIN
Djaknu u Martri
† c. 424

Tagħrif: Fil-bidu tas-seklu ħamsa, l-insara tal-Persja kienu gawdew tnax-il sena ta’ paċi. Fis-sena 420, matul ir-renju ta’ Isdegard, iben is-Sultan Sapor III, dan is-sliem kien disturbat miż-żelu xejn għaqli ta’ Abdas, isqof nisrani, li ħaraq it-tempju tal-alla Nar, is-santwarju kbir tal-Persjani. Ir-re Isdegard hedded li jeqred il-knejjes kollha tal-insara kemm-il darba l-isqof ma jibnix mill-ġdid dak it-tempju.

Billi Abdas irrifjuta li jagħmel dan, allura t-theddida ġiet esegwita; il-knejjes ġew meqruda, lil Abdas qatluh, u bdiet persekuzzjoni ġenerali li damet sejra 40 sena. Isdegard miet fl-421, imma ibnu u suċċessur tiegħu, Varanes, komplew il-persekuzzjoni b’qilla akbar. L-insara kienu sottomessi għall-moħqrijiet mill-aktar kiefra.

Fost dawk li sofrew kien hemm Benjamin, djaknu, li kien mitfugħ il-ħabs. Fl-aħħar, ambaxxatur tal-imperatur ta’ Kostantinopli qalagħlu l-ħelsien bil-kundizzjoni li hu qatt ma jkellem iktar lil ħadd min-nies tas-sultan dwar ir-reliġjon.

Iżda San Benjamin kien iħoss li kien dmir tiegħu li jipprietka lil Kristu, u li ma setax iżomm is-skiet. Għalkemm ġie meħlus fuq il-ftehim li sar bejn l-ambaxxatur u l-awtoritajiet Persjani, hu ma riedx joqgħod ma jitkellimx, u ma kien jitlef ebda opportunità li jxandar lil Kristu. Wara li ġagħluh isofri ħafna, San Benjamin tawh il-martirju għall-ħabta tas-sena 424.

Ħsieb: San Benjamin ħa bis-serjetà l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32-33). Benjamin ma ċaħadx lill-Mulej u hekk huwa sofra l-konsegwenzi terribbli li ġabu magħhom l-mexxejja ħżiena. Sakemm ma nkunux lesti li nitilfu ħajjitna għal Kristu, aħna mhux se nirtu s-Saltna Tiegħu, u lanqas għandna nirtuha. Illum, agħti l-qalb tiegħek lil Ġesù u għix ħajtek għaliH biss, ħalli Hu jkun jista’ jippreparalek post għalik fis-Saltna Eterna Tiegħu.

Dan li ġej huwa kliem Chiara Lubich:

“Ġesù jħeġġiġna biex ngħixu bis-sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier. Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . .  ”. Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċirkustanza oħra tal-ħajja. Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalbna minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh. Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom.” (Ġwanni 15:20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.”

Talba: Għażiż Ġesù, agħmel li aħna qatt ma nibżgħu nistqarruk quddiem il-bnedmin, billi nsemmgħu leħenna b’ l-imħabba għaliK u nuru li aħna tiegħeK u miegħeK. Nitolbuk li, bħal San Benjamin, aħna nkunu dejjem lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, anke meta affaċċjati minn persekuzzjonijiet u diffikultajiet ta’ kull xorta. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/03/st-benjamin-deacon-martyr.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-benjamin-the-deacon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benjamin_the_Deacon_and_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.