21 ta’ Ġunju: San Alwiġi Gonzaga

Verżjoni Vidjo: San Alwiġi Gonzaga

“Mulej, lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, u tqegħedni għal dejjem quddiemek. Aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alwiġi Gonzaga (Salm 40(41):13; 83(84):11bċ).

23450FSAN ALWIĠI GONZAGA
Reliġjuż
1568 – 1591

Tagħrif: San Alwiġi twieled fil-kastell ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja, fid-9 ta’ Marzu, 1568.

Missieru kien il-Markiż ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja.

Darba waħda San Alwiġi, meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel sema’ xi kliem ħażin, u innoċentament irrepetih id-dar. Meta ġie mċanfar mill-għalliem tiegħu, mill-ewwel iddispjaċih, u baqa’ jiddispjaċih għomru kollu. Minn dakinhar baqa’ jħoss abborriment kbir għall-kliem ħażin.

Fl-1577, Alwiġi u ħuh Ridolfo marru Firenze biex jitgħallmu l-Latin u t-Taljan. Wara sentejn marru Mantova għand id-Duka Gonzaga. Għal xi żmien Alwiġi kien marad bil-kliewi li baqgħu jinkwetawh sal-mewt. Ta’ tnax-il sena mar Brescia fejn kien iqerr għand San Karlu Borromeo, u għamel l-Ewwel Tqarbina.

Fl-1581, missieru kellu jmur jikkumpanja lill-Imperatriċi Marija tal-Awstrija fi Spanja, u ħa miegħu l-familja. Alwiġi u ħuh saru paġġi fil-Qorti tal-Prinċep Don Diego u sadanittant komplew l-istudji tagħhom. F’dan iż-żmien Alwiġi kien qara ktieb fuq il-Missjunarji Ġiżwiti fl-Indja, u tnisslet fih ix-xewqa li jsir Ġiżwita.

Fl-1584, il-familja Gona marret lura l-Italja, u fit-2 ta’ Novembru 1585, wara li ċaħad għall-jedd ereditarju tiegħu ta’ prinċep u ħallieh lil ħuh, daħal mal-Ġiżwiti f’Ruma. Dawn bagħtuh jistudja f’Milan fejn fil-25 ta’ Novembru beda n-Novizzjat. Sentejn wara ntrabat bil-voti u dlonk wara beda l-kors tat-Teoloġija.

Meta fl-1591, faqqgħet l-epidemija tal-pesta, il-Ġiżwiti fetħu sptar għall-morda, u mill-Ġeneral l-isfel, fosthom San Alwiġi, bdew iduru bil-morda. Bosta minnhom waqgħu vittmi tal-marda u mietu. Anke San Alwiġi ttieħed u kellu jintefa’ fis-sodda. Għaddew tliet xhur, meta fil-21 ta’ Ġunju, 1591, wara li San Roberto Bellarmino li kien il-konfessur tiegħu qarbnu u amministralu l-Aħħar Sagramenti, miet fl-età ta’ 23 sena.

Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fl-1726. Ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ San Injazju, f’Ruma.

Ħsieb: Ta’ età żgħira, San Alwiġi Gonzaga għamel vot ta’ kastità perpetwa quddiem ix-xbieha tal-Lunzjata. Kien determinat li jirbaħ il-karattru furjuż tiegħu u d-drawwa li jikkritika lill-oħrajn. Qabel ma’ daħal mal-Ġiżwiti, Alwiġi kien diġà żviluppa l-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ għaqda kontinwa ma’ Alla u kien qala’ l-grazzja li jagħmel siegħa meditazzjoni kuljum bla distrazzjoni ta’ xejn. Il-virtù li għaliha issa kien sar magħruf kienet l-ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħu u dil-konformità mar-rieda ta’ Alla ġiebet f’ruħu paċi kbira li kienet dejjem tidher minn barra. Ta’ 22 sena kien mgħarraf li t-tmiem ta’ ħajtu ma kienx wisq il-bogħod. Dan imlieh bil-ferħ. Wara tliet xhur ta’ sofferenzi kbar li huwa ġarrab b’sabar kbir, huwa miet meta kellu ftit aktar minn 23 sena u huwa l-qaddis protettur taż-żgħażagħ insara.

Dan li ġej huwa qari minn Ittra ta’ San Alwiġi Gonzaga lil ommu ftit qabel ma miet:

“Sinjura, jiena dejjem nitlob biex qatt ma tonqsok il-grazzja u l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu. Meta waslitli l-ittra tiegħek kont għadni f’din l-art tal-mejtin, għalkemm jaqbel li xi kultant nixtiequ li nkunu fis-sema fejn infaħħru ‘l Alla għal dejjem fl-art tal-ħajjin. Jien dan l-aħħar kont nittama li ntemm qabel dan iż-żmien il-vjaġġ tiegħi għas-sema. Jekk, kif jgħid San Pawl, l-imħabba hi li tibki ma’ min jibki u tifraħ ma’ min jifraħ, int, o ommi għażiża, għandu jkollok ferħ li ma bħalu għaliex Alla, fl-imħabba tiegħu għalik u fit-tjieba tiegħu miegħek, lili se jagħtini l-ferħ tassew u se jiżgurani li qatt ma jien se nitilfu.

Sinjura, nistqarrlek li meta naħseb fuq il-kobor tat-tjieba ta’ Alla, li qisha baħar bla qiegħ u bla xtut, moħħi jintilef f’kobor bħal dan; moħħi jintilef u ma jasalx biex jifhem kif Alla lili, għal ftit taħbit żgħir, se jagħtini l-mistrieħ ta’ dejjem, mis-sema qiegħed isejjaħli għal dik l-hena bla qjies li ma ħabriktx għaliha, qiegħed iwegħedni premju għal dmugħ li bilkemm xerridt.

Sinjura, aħsibha sewwa biex ma tistmax qisha xi ħaġa żgħira din it-tjieba bla qjies ta’ Alla; dan inti tkun tagħmlu jekk tibki bħala mejjet lil dak li jkun jgħix quddiem Alla, minn fejn bit-talb tiegħu jista’ jgħinek wisq aktar milli qatt jista’ f’din il-ħajja. Il-firda ma tkunx għal żmien twil; nerġgħu naraw ‘il xulxin fis-sema, u, ħaġa waħda flimkien għax ilkoll ksibna s-salvazzjoni, bil-qawwa kollha ta’ qalbna, infaħħru ‘l Alla, ngħannu l-ħniena tiegħu għal dejjem, u nithennew b’ferħ li ma jintemm qatt. Alla jeqred fina dak li fdalna biss biex iroddulna lura flimkien aktar żgur u ħieles minn kull tħassib, u jżejjinna bil-ġid kollu li dejjem xtaqna.

Dan kollu qiegħed ngħidulek, sinjura, għax għandi xewqa kbira li int u l-familja kollha tiegħi tqisu ‘l mewti bħala don mingħand Alla, ħalli inti tagħtini l-barka tiegħek ta’ omm jiena u sejjer naqsam għan-naħa l-oħra, fejn tinsab it-tama kollha tiegħi. Dan qiegħed nagħmlu aktar bil-qalb, għaliex ma baqagħlix mezz ieħor biex infissirlek aħjar ir-rispett u l-imħabba li għandi għalik bħala ommi.”

Ftit qabel mewtu, Alwiġi Gonzaga daħal f’estasi u għaraf li kellu jmut fl-ottava ta’ Corpus Christi. Huwa qal it-Te Deum b’radd il-ħajr. San Robertu Belarminu, il-konfessur tiegħu, jaħseb li matul it-23 sena ta’ ħajtu, Alwiġi qatt ma għamel dnub mejjet.

  • U int, bit-tip ta’ ħajja li qed tgħix, li kellu l-Mulej isejjaħlek għal għandu, tinsab ippreparat kif kien dan iż-żagħżugħ?

Talba: O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa tal-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-aloysius-gonzaga-sj

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-aloysius-gonzaga/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Aloysius_Gonzaga

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

11 ta’ April: Santa Ġemma Galgani

Verżjoni Vidjo: Santa Ġemma Galgani

“Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja”. – Kolossin 1:24

Gemma-GalganiSANTA ĠEMMA GALGANI
Verġni
1878 – 1903

Tagħrif: Xebba qaddisa minn Lucca (l-Italja) li, ta’ 20 sena, mardet bit-tuberkolożi fix-xewka tad-dahar. Dil-marda t-tobba ddikjarawha inkurabbli, imma wara li talbet lil San Gabrijel tal-Addolorata (ara San Gabrijel tal-Addolorata), Ġemma fieqet għal kollox fl-ewwel Ġimgħa ta’ Marzu tal-1899.

Hawn hi talbet li tidħol soru mal-Passjonisti kif kienet ilha x-xewqa tagħha, imma t-talba tagħha ma kinitx milqugħa billi ħasbu li ma kellhiex saħħa biżżejjed. Minn dik l-istess sena beda jkollha ħafna esperjenzi spiritwali, li kollha ġew eżaminati b’reqqa mill-konfessur tagħha Patri Germano.

Għal 18-il xahar, Ġemma kellha wkoll f’idejha u f’riġlejha l-istigmati, il-pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu u esperjenzjat ukoll estasijiet u viżjonijiet. Fl-1902, reġgħet rikbitha marda qalila li wasslitha għall-mewt wara li offriet lilha nfisha b’sagrifiċċju għall-midinbin, speċjalment għas-saċerdoti indenji.

Santa Ġemma Galgani mietet fil-11 t’April tal-1903 meta kellha 25 sena. Piju XII ikkanonizzaha f’Lapsi tal-1940. Sena wara ġew ippubblikati 23 ittra lill-konfessur tagħha. Dawn juruna lil din il-qaddisa żagħżugħa bħala bniedma twajba, sinċiera u ġeneruża, umli u dejjem lesta biex tobdi lid-diretturi tagħha. Juru wkoll il-karattru ferrieħi u s-sens komun tagħha, u fuq kollox imħabbitha lejn Alla u l-apprezzament tagħha għat-tbatijiet ta’ Kristu għalina. F’xi pajjiżi, Santa Ġemma, hija mfakkra fis-16 ta’ Mejju.

Ħsieb: F’Santa Ġemma, nilmħu t-tbatijiet li l-Mulej tagħna aċċetta li jgħaddi minnhom bi mħabba għalina biex isalvana mid-dnub il-misħut. Qaddisin bħal Ġemma, Santa Katerina ta’ Siena, Padre Piju, Franġisku ta’ Assisi u bosta oħrajn:

  • fehemu dawn it-tbatijiet tal-Mulej,
  • imtlew bi gratitudni kbira lejH,
  • tnikktu għall-fatt li ftit huma n-nies li jagħtu kas tas-salvazzjoni li Ġesù ried iġibilna u xi prezz kellu jħallas għalina,
  • u xxenqu biex huma wkoll ibatu mas-Salvatur, jew bħal jippermettu lill-Mulej biex ikompli dak li beda fuq is-salib billi juża l-ġisem tagħhom.

Xi mħabba kbira tqanqal imħabbiet oħra! X’offerta ta’ mħabba bejn il-Ħallieq u l-ħlejqa, imbagħad bejn il-ħlejqa grata u l-Ħallieq mhux apprezzat! U aħna, qed ngħaqqdu bil-qalb it-tbatijiet tagħna ta’ kuljum ma’ dawk ta’ Ġesù biex titkompla s-salvazzjoni tal-erwieħ anki fiż-żmien tal-lum jew ingergru, noħduha kontra Alla u ngħixu qisna nies bla tama?

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawl II, fl-Udjenza Ġenerali , tad-19 ta’ Ottubru, 1988, dwar ‘Il-valur tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu’ jgħidilna hekk:

“L-oġġett ewlieni tal-istudju u tar-riċerka, kien u hu dak tal-valur tal-passjoni u l-mewt ta Ġesù fir-rigward tal-fidwa tagħna. Ir-riżultati milħuqa dwar dan il-punt, barra milli wassluna li nkunu nafu aħjar il-misteru tal-fidwa, servew biex jitfgħu dawl ġdid ukoll fuq il-misteru tat-tbatija umana, li dwarha setgħu jiġu skoperti dimensjonijiet mhux maħsuba ta’ kobor, ta’ skop, ta’ fertilità, minn meta sar possibli l-konfront anzi l-kollegament tagħha mas-salib ta’ Kristu.

Nerfgħu għajnejna qabel xejn lejn dak li hu mdendel mas-salib, u nistaqsu lilna nfusna: min hu dan li qed ibati? Dan huwa l-Iben ta’ Alla! L-Iben ta’ Alla, li ħa fuqu t-tbatija umana, huwa mela mudell divin għal dawk kollha li jbatu, b’mod speċjali għall-insara li jagħrfu u jaċċettaw fil-fidi s-sinifikat u l-valur tas-salib. Il-Verb Inkarnat bata skont il-pjan tal-Missier ukoll sabiex aħna nkunu nistgħu “insegwu l-passi tiegħu,” bħal ma jirrakkomanda San Pietru (1 Pt 2, 21; cf. S. Thomae “Summa Theologiae,” II, q. 46, a. 3). Bata u għallimna nbatu.

Dak li l-iktar jispikka fil-passjoni u l-mewt ta’ Kristu hija l-konformità perfetta mar-rieda tal-Missier, b’dik l-ubbidjenza li dejjem kienet meqjusa bħala d-dispożizzjoni l-iktar karatteristika u l-iktar essenzjali tas-sagrifiċċju. San Pawl jgħid dwar Kristu li huwa għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8). Fil-Ġetsemani naraw kemm din l-ubbidjenza hija doloruża: “Missier, jekk inhu possibbli, biegħed minni dan il-kalċi . . . Imma mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk 14, 36). Dan kollu għal imħabbitna, biex jagħti lill-bnedmin id-dimostrazzjoni deċiżiva ta’ mħabbtu, biex ipatti għal dnubna u jeħodna lura mit-tifrix lejn l-għaqda (Ġw 11, 52). Dan kollu għaliex fl-imħabba ta’ Ġesù tirrifletti ruħha l-imħabba ta’ Alla lejn l-umanità.

Quddiem dan il-misteru, nistgħu ngħidu li mingħajr it-tbatija u l-mewt ta’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin ma kinitx tintwera fil-profondità u l-kobor kollu tagħha. U minn naħa oħra it-tbatija u l-mewt saru, bi Kristu, stedina, stimolu, vokazzjoni għall-imħabba iktar ġeneruża bħal ma seħħ għal tant qaddisin li b’mod ġust jistgħu jkunu definiti bħala “eroj tas-salib,” u bħal ma jseħħ dejjem f’tant krejaturi, magħrufin u mhumiex, li jafu jqaddsu t-tbatija billi jirriflettu fihom infushom il-wiċċ mimli feriti ta’ Kristu, hekk dawn jassoċjaw ruħhom mal-offerta feddejja tiegħu.

Ningħaqdu ma’ Katerina ta’ Siena u ma’ tant “qaddisin tas-salib” oħrajn (fosthom Ġemma Galgani) ma’ dan il-feddej tant ħelu u tant ħanin, li l-istess qaddisa minn Siena kienet issejjaħlu “Kristu-maħbub.” F’qalbu minfuda hemm it-tama tagħna, il-paċi tagħna.”

Talba: Għażiża Santa Ġemma Galgani, li bi mħabba lejn Ġesù sofferenti u lejn l-umanità, aċċettajt li tilqa’ fik innifsek il-pjagi divini tas-Salvatur tagħna, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna wkoll nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.  

English Version: http://www.stgemmagalgani.com/

Alternative Reading: http://passionists.ie/st-gemma-galgani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gemma_Galgani

Short film on Saint Gemma Galgani in Italian (with English subtitles):

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Frar: San Korradu Confalonieri

Verżjoni Vidjo: San Korradu Confalonieri

“Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina”. ~  1Ġwanni 1:9-10

c8aaf5f193ce77f9f49b7326b9e883f0SAN KORRADU CONFALONIERI
Eremit
1290 – 1354

Tagħrif: Kien nobbli mill-belt ta’ Piacenza fl-Italja ta’ Fuq, fejn twieled fl-1290. Meta kien għadu żagħżugħ iżżewweġ u qabad il-karriera militari. Huwa kien miġnun wara l-kaċċa tal-annimali. Jum minnhom, waqt li kien għall-kaċċa, aktarx biex igerrex xi annimali, qabbad nar li għamel ħsara kbira.

Wieħed raġel li kien jgħix fil-bosk ġie akkużat b’din il-ħsara, bdew jittorturawh biex jammetti u kienu ser jgħallquh. Korradu kellu l-kuraġġ jistqarr il-ħtija tiegħu u li kien lest jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret b’ġidu u b’ġid martu.

Wara li qassmu kull ma fadlilhom, huwa u martu Kjara bdew japprezzaw l-ideali ta’ San Franġisk. Il-mara daħlet mal-Klarissi u Korradu sar terzjarju Franġiskan. Il-qaddis għamel żmien jiġġerra minn post għall-ieħor ifittex post fejn seta’ jinġabar jgħix ħajja fil-kwiet ma’ Alla.

Jingħad li l-qaddis anki żar Malta, u minn hawn wara ftit telaq lura lejn Sqallija, niżel il-port ta’ Palazzolo u mbagħad mar f’Noto Antico. Minn hawn mar Val di Noto fejn għadda l-aħħar tletin sena ta’ ħajtu jgħix għalih waħdu ġewwa għar f’ħajja ta’ talb u penitenzi bħala eremit. Ħafna kienu jmorru għandu għall-pariri. Huwa miet fid-19 ta’ Frar, 1354.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum ġo urna rikka u artisika fil-katidral iddedikat lilu f’Noto, u hawn huwa l-patrun ta’ dik il-belt u d-djoċesi. Huwa wkoll il-qaddis protettur tal-kaċċaturi.

Il-Papa Leone X ppermetta l-festa tiegħu għal Noto fl-1515, waqt li l-Papa Pawlu III (1534 – 1549) tah it-titlu ta’ qaddis, u l-Papa Urbanu VIII fl-1644 approva l-festa tiegħu għall-kalendarju ta’ Ordni kollu Franġiskan.

Lejh jirrikorru speċjalment f’każi ta’ ernja, u bla dubju ta’ xejn hu mudell mill-isbaħ tal-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni.

Ħsieb: Minkejja, li Korradu Confalonieri fil-paniku u l-biża’ li qabdu x’ħin ra dak in-nar jinfirex u jeqred kull ma jsib, ħarab minn fuq il-post, aktar tard, meta ra li raġel innoċenti kien spiċċa l-ħabs, kien qed jiġi ttorturat biex jammetti u ġie saħansitra kkundannat għall-mewt għax is-suspetti kollha kienu fih, NIDEM mill-fatt li ħarab minn fuq il-post. Għalkemm, ma qabbadx dan in-nar apposta, imma l-ħsara kienet tkun ta’ detriment kbir għar-ruħu li kieku weħel it-tort kollu dak ir-raġel innoċenti! Kien ikolli l-mewt tiegħu fuq il-kuxjenza!

Niedem u b’kuraġġ ta’ minn jagħżel li jaffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu, Korradu jistqarr is-sewwa kollu u jħallas il-prezz li swielu kważi ġidu kollu. Imma jekk tilef il-ġid materjali, żgur li akkwista s-salvazzjoni ta’ ruħu, paċi kbira f’qalbu u serħan f’moħħu, u skopra, flimkien ma’ martu, li kellhom sejħa Franġiskana x’jgħixu. Il-faqar li daqu, wassalhom biex jgħixu s-sejħa tal-Fqir ta’ Assisi. U hawn, Korradu jgħix ħajja ta’ qdusija kbira u ħafna nies irċevew mingħandu pariri mill-aqwa.

Imma x’inhi l-indiema? Xtaqt naqsam magħkom xi ħsibijiet ta’ Franġiskan ieħor, Sant’Antnin dwar l-indiema:

“Għad li mgħarrqa fil-vizzji, ir-ruħ il-mitlufa dejjem ikollha fiha mkebbsa xrara li tniggżilha l-kuxjenza. Ruħ il-midneb, hekk kif tagħraf il-ħażen ta’ dnubha, għandha tibda titlob hekk: “Mulej, bin David, ikollok ħniena minni! O għajn ta’ kumpassjoni u maħfra, li ħriġt tgelgel mill-imqaddsa Verġni Marija, naddaf il-ħmieġ ta’ dnubieti. Ikollok ħniena minni.”

Dak li tabilħaqq jikkonverti, imqanqal mill-Ispirtu ta’ Alla, isir insensibbli għall-pjaċiri tad-dinja, jibki bin-niket li jħoss u jmur ifittex lil xi qassis biex quddiemu jistqarr dnubietu. Ir-rikonċiljazzjoni tal-midneb ma’ Alla tista’ tissejjaħ l-għerusija ta’ l-Ispirtu s-Santu mar-ruħ niedma. Minn din il-għaqda jitnissel in-Nisrani l-ġdid, werriet tal-ħajja ta’ dejjem. Ejjew, mela, jekk għandna bżonn, insejħu u mmorru b’ġirja nfittxu l-Għarus tas-sema, u nitolbu ’l Alla jaħfrilna dnubietna. Dan nitolbuhulu permezz ta’ Ġesù, ħuna l-kbir: o Ġesù, aħna laħam minn laħmek. Biex tifdi lill-bnedmin sirt bniedem. Mill-uġigħ kbir li sofrejt għalina tgħallimt tikkumpatina.  

Aktar ma l-midneb ikun ’il bogħod meta jdur biex jerġa’ għal għand Missieru, daqstant ieħor dan jilqgħu b’imħabba kbira. Ħadd ma jsir perfett f’daqqa waħda. Għalhekk jeħtieġ li ninfatmu mid-dinja bil-ftit il-ftit, aħna u nistmellu l-għana u l-pjaċiri li toffrilna. Wieħed jeħles minn drawwa billi jibda drawwa oħra bil-kontra. Wieħed filosfu tal-qedem jgħid li l-vizzji jintemmu meta nitgħallmu naqtgħuhom.

Jekk wieħed irid jindem tabilħaqq, ma għandux jistrieħ fuq il-merti tiegħu, ma jimliex rasu bil-ġid li għamel; iżda, b’sogħba u mistħija, imur juri fil-qrar il-ħażen kollu li għamel. U mhux biżżejjed li jagħraf li hu midneb, iżda jekk xi ħadd iċanfru għal dnubietu għandu joqgħod ġwejjed bl-umiltà. Jekk ma jagħmilx hekk juri li ma nidimx tabilħaqq.

Kemm hi kbira t-tjieba ta’ Alla! Kemm xejn ma jista’ joqgħod ħdejn id-dinjità tal-bniedem! Min jgħammar fl-eternità jinżel jgħammar fil-qalb umli u fir-ruħ niedma”.

Talba: O Missier tas-sema, nitolbuk biex, bħal Korradu Confalonieri, aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex nagħmlu l-aħjar għażliet, anke jekk dan ifisser li nsofru l-umiljazzjoni u t-telf tal-ġid materjali tagħna kollu. Korradu sofra dan kollu, imma għax għażel li jmut għalih innifsu u jgħix għalik, huwa kiseb ir-rispett u l-venerazzjoni ta’ ħafna, u issa qed igawdi premju etern miegħek, li jmur lil hinn minn kwalunkwe pussess jew unur ta’ din id-dinja materjali. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-conrad-of-piacenza/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-conrad-of-piacenza-152

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Conrad_of_Piacenza

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ Sant’Antnin, maqluba għall-Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

12 ta’ Jannar: San Bernard minn Corleone

Verżjoni Vidjo: San Bernard minn Corleone

“Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen”. ~ 1Ġwanni 1:9

bernardSAN BERNARD MINN CORLEONE
Reliġjuż
1605 – 1667

Tagħrif: San Bernard kien terzjarju franġiskan u ddedika l-għajnuna tiegħu lill-foqra, morda u l-oppressi. Huwa talab li jidħol mal-patrijiet Kappuċċini Minuri u hemm wera’ ruħu mpenjat għall-missjoni tiegħu mimli ħeġġa reliġjuża.

Hu twieled fi Sqallija fis-sena 1605. Missieru kien skarpan u għallem lil ibnu s-sengħa tiegħu. Malli miet missieru huwa ħalla l-ħanut u ħa t-triq tal-ġlied bix-xwabel u sar espert f’dan.

Bernard spiss kien jisfida għad-dwell li dawk li kienu jippreżentaw ruħhom quddiemu. Din it-tip ta’ ħajja begħditu minn Alla. Madankollu xi kwalitajiet tajba baqgħu jidhru fih. Kien iħobb jiddefendi nies fqar u ġwejda kontra min kien juża vjolenza magħhom. Spiss kien iżur il-kurċifiss li lejh bosta nies kienu juri devozzjoni. Fuq kollox kellu devozzjoni kbira lejn San Franġisk ta’ Assisi.

Jum wieħed huwa laqa’ sfida għal dwell li fih fera’ għall-mewt lil min sfidah. Billi beża’ li issa kien ser jkollu jiffaċċja vendetta mill-ħbieb tal-ferut, talab kenn fost il-Kappuċċini Fanġiskani. Biex ipatti għal ħtijietu huwa talab li jdaħħluh fil-kongregazzjoni tagħhom bħala ajk u beda n-novizzjat tiegħu fit-13 ta’ Diċembru tas-sena 1632. Hawn għex ħajja ta’ penitenza u edifikanti għall-aħħar. Jingħad li hu kien isawwat lilu nnifsu seba’ darbiet kuljum sakemm joħroġ id-demm minn ġismu. Kien jorqod tlett sigħat kuljum, fuq l-injam bi blokka tal-injam biex isservih ta’ imħadda.

Ħafna drabi huwa kien jiekol ħobż u jixrob ilma biss. Jekk kien jara xi ħaġa li togħġbu hu kien iressaqha ma’ ħalqu u bla ma jmissha jerġa’ jpoġġieha fil-platt. Biex ikompli jagħmel penitenza kien jitlob li jagħmel bħala dmiru responsabiltajiet l-aktar baxxi u umli, li kulħadd kien jaħrab.

San Bernard kien iħobb jitlob ħafna. Kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna u kien jinkoraġixxi lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Marija, Omm Alla dehritlu u tatu f’dirgħajh lill-Bambin Ġesu’. Hija wkoll għarrfitu il-jum ta’ mewtu erba’ xhur qabel ma ħalla din id-dinja. Miet f’Palermo fit-12 ta’ Jannar tas-sena 1667.

Kien il-Papa Klement XIII li fis-sena 1767 għamlu Beatu, filwaqt li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fis-sena 2001 iddikjarah Qaddis.

Ħsieb: Ikkunsidra l-penitenza severa li San Bernard minn Corleone pprattika wara l-konverżjoni tiegħu. Hu fisser dak li jgħidu l-Missirijiet qaddisa tal-Knisja u dak li nsibu fit-tagħlim tal-Knisja Kattolika, li dawk li ma jżommuwx l-innoċenza tal-Magħmudija, m’hemmx mod ieħor biex huma jsalvaw ħlief il-Qrar u l-Penitenza.

Forsi aħna dnibna b’mod aktar gravi minn Bernard. F’dan il-każ, għandna nipprattikaw penitenzi aktar rigorużi, għax skont il-miżura tal-ħtija tagħna għandhom ikunu l-miżuri tal-penitenzi li nipprattikaw. Jew forsi inti temmen li m’għandekx għalfejn tagħmel penitenza? Din tabilħaqq tkun delużjoni sfortunata, għax San Ġwann jikteb: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1Ġwanni 1:8). Dan huwa l-ewwel rekwiżit tal-penitenza, li aħna nirrikonoxxu sinċerament in-nuqqasijiet tagħna quddiem Alla u li nindmu minnhom b’qalbna kollha. Għandek tal-inqas din it-tip ta’ attitudni ta’ sogħba u dispjaċir għad-dnubiet li għamilt?

Issa kkunsidra l-kliem ta’ Sidna Ġesu’ meta qal: “Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.” (Luqa 13:5). Il-Mulej tkellem b’dan il-mod wara li kienu għadhom kemm tarfulu li numru ta’ persuni mietu mewta vjolenti, bla mistennija u f’daqqa. Hemm limitu għat-tolleranza ta’ Alla. Li kieku Bernard ma weġibx għas-sejħa tal-grazzja, probabbli li kien jintilef hu wkoll minħabba dnubietu! Għalhekk, tajjeb li nagħtu widen għat-twissija li nsibu f’Lhud 3:8: “Jekk illum tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom”. Għaliex jgħid illum? Għax illum hu tiegħek. Għada m’huwiex f’idejk! Il-Mulej jaf kemm ilek tipposponi għas-sejħa tiegħu biex tagħmel Qrara tajba u penitenza għal dnubietek!!

Il-midneb għandu jipproduċi wkoll il-frott tal-penitenza. Il-prekursur ta’ Kristu jħeġġeġna: “Uru frott li jixraq lill-indiema” (Luqa 3:8). Żgur li m’għadux iż-żmien li wieħed jagħmel it-tip ta’ penitenza rigoruża li għamel San Bernard, imma żgur li wieħed jista’ jipprattika sagrifiċċji oħra li jkunu jiswewlu l-aktar. Il-penitenza mhix biss għaż-żmien tar-Randan, għalkemm f’dan iż-żmien nisimgħu iżjed dwarha. Tista’ twettaq ħidmiet ta’ karità u ħniena fi spirtu ta’ penitenza sabiex tpatti għal dnubietek u tajjeb li taċċetta bil-ferħ bi spirtu ta’ penitenza kull salib u tbatija li Alla jippermetti f’ħajtek. Hemm ukoll il-ħtieġa tar-rażan u l-kontroll fuqna nnfusna.

Din li ġejja hija lista li tista’ tgħinek tneħħi minn ħajtek 40 ĦAĠA ħalli tkun qed tgħix ħajja aħjar, kif jixtieq Alla minnek:

1. Mibgħeda
2. Rabja
3. Ingratitudni
4. Tgergir
5. Idolatrija
6. Impurita’
7. Suppervja
8. Medjokrita’
9. Dagħa
10. Distrazzjoni
11. Sens ta’ ħtija
12. Ftaħir żejjed
13. ‘Self pity
14. Biża’ li tfalli
15. ‘Busy‘ iżżejjed
16. Qtigħ ta’ qalb
17. Kliem li ma jagħmilx ġid
18. Pjaċiri bla rażan
19. Il-‘comfort zone‘ tiegħek
20. Tinkwieta
21. Nuqqas ta’ paċenzja
22. Li ma tfittix parir
23. Self Sufficiency
24. Tiegħek biss tajjeb
25. Negattivita’
26. Għira
27. Tibqa’ tgħix f’firda
28. Trid tara dejjem ta’ min hu t-tort
29. Ideja żbaljata ta’ Alla
30. Il-ħsieb li int ma jistħoqqlokx il-ħniena t’Alla
31. Ma tagħmilx il-bidla neċessarja
32. Apatija u indifferenza lejn is-sewwa
33. Tikkompara lilek innifsek mal-oħrajn
34. Il-bżonn li togħġob u tagħmel li jgħidulek in-nies
35. Diżonesta’
36. Ras iebsa
37. Kburija
38. Nuqqas ta’ talb
39. Ma tfittix il-maħfra t’Alla fis-Sagrament tal-Qrar
40. Iżżomm bogħod mit-Tqarbin jew titqarben ħażin

Jekk taħdem fuqek innifsek b’dan il-mod, bil-għajnuna tal-grazzja t’Alla, inti tagħraf kemm dan jiswielek u Alla jixtiequ minnek għall-ġid tiegħek stess l-ewwel u qabel kollox. Bil-penitenza, wieħed inaqqas miż-żmien tal-Purgatorju u jgħin ukoll għas-salvazzjoni mhux biss tiegħu nnifsu, imma ta’ erwieħ oħra. Inti lest/a għal dan?

Talba: O Alla, li ppermettejt li San Bernard, il-Konfessur tiegħek, jiddistingwi ruħu minn karità erojika u penitenza ammirabbli, agħtina, permezz tal-interċessjoni tiegħu, li aħna nħobbu lilek b’qalbna kollha u li nagħmlu frott xieraq ta’ ndiema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-bernard-of-corleone.html

Alternative Reading: https://www.roman-catholic-saints.com/st-bernard-of-corleone.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernard_of_Corleone

8 ta’ Ottubru: Santa Tajde

Verżjoni Vidjo: Santa Tajde

“Nitlob lil Alla biex jixhed għalija li minn meta ġejt hawnhekk id-dnubiet tiegħi kienu dejjem quddiem għajnejja bħal piż; qatt ma nsejthom u dejjem bkejt jien u niftakarhom.” ~ Santa Tajde lil Pafnuzju meta mar biex joħroġha miċ-ċella.

st-mary-magdalene-or-st-thais-in-the-desert-1640-41-jusepe-de-ribera-oil-painting-11.jpgSANTA TAJDE
Penitenti
Seklu 4

Tagħrif: Jingħad li Tajde għexet fis-seklu 4. Skont il-leġġenda tagħha, hija kienet imrobbija bħala nisranija imma saret magħrufa f’Lixandra, l-Eġittu, minħabba li bi ġmielha kienet tipprova tiġbed u twaqqa’ fid-dnub lil diversi rġiel.

Il-fama tal-ħażen tagħha wasal ukoll f’widnejn Pafnuzju, li kien jgħix fid-deżert qrib, li ħalla l-ħajja rtirata tiegħu biex jgħinha tbiddel ħajjitha.

Meta wasal fid-dar tagħha talabha li jkellimha fejn żgur ma kien jarahom u josservahom ħadd. “Jekk inti qed tibża’ li jarawk in-nies”, qaltlu Tajde, “hawn ma jarana ħadd; imma jekk qed tgħid għal Alla, inti taf tajjeb li hu jinsab kullimkien.”

Pafnuzju ħa spunt minn dak li kienet qalet u kellimha fuq it-tmiem tagħha meta jkollha tagħti kont ta’ għemilha kollu. L-eremit irnexxielu bil-grazzja t’Alla, ibiddlilha ħajjitha.

Hi għamlet ħuġġieġa u ħarqet fiha l-ilbies u l-ġawhar li bihom kienet tiżżejjen u tiġbed in-nies lejha u Pafnuzju ħadha f’kunvent ta’ reliġjużi nisa fid-deżert.

Wara li għalaqha f’ċella qalilha biex tgħid spiss it-talba: “Inti li ħlaqtni, ikollok ħniena minni.” Għaddiet tliet snin f’din iċ-ċella titlob u tpatti għal ħtijietha, u hemm fl-aħħar sabet tassew il-paċi tal-qalb.

Wara dan Pafnuzju, bil-parir ukoll ta’ eremit famuż ieħor, San Anton Abbati u rħieb oħra sħabu, fosthom Pietru s-Sempliċi, ħariġha miċ-ċella u reġa’ taha l-libertà.

Imma Tajde l-penitenti talbet li tingħaqad mas-sorijiet ta’ dak il-kunvent fejn mietet ġimgħatejn wara.

Ħsieb: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.” (Ġesu’ f’Mattew 21:31)

Pafnuzju, hu stess dixxiplu ta’ Sant Anton il-Kbir iltaqa’ miegħu u ma’ xi wħud mid-dixxipli l-oħra tiegħu. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni ta’ Tajde u l-penitenza li Pafnuzju kien ordnalha tagħmel. Issa kienu għaddew 3 snin minn mindu Tajde daħlet fiċ-ċella. Ġara li wieħed mid-dixxipli ta’ San Pawl kellu ħolma qawwija aktar tard dak il-lejl fejn ra sodda sabiħa b’kisja tal-bellus imdawwar bil-fjuri. Il-patri kompla jiddeskrivi s-sbuħija inkredibbli ta’ din il-ħolma. Hu ħaseb li kienet dwar il-mewt imminenti ta’ San Anton, li issa kienet imdaħħal fiż-żmien u kellu qrib il-mitt sena. Imma Sant Anton qal lil Pafnuzju li l-ħolma kienet dwar Tajde u l-post li l-Mulej lestielha fis-sema. Qallu li issa kienet għamlet biżżejjed penitenza li li kellha tiġi liberata.

Pafnuzju mar biex jeħles lil Tajde miċ-ċella u l-penitenza tagħha. Huwa spjegalha li issa kienet għamlet penitenza biżżejjed u li l-Mulej kien ħafrilha. Hi qaltlu: “Jien dejjem kelli t-tifkira ta’ dnubieti quddiem għajnejja.” Imma b’sorpriża għal Pafnuzju, Tajde ma riedx titlaq minn hemm ġew. Hi riedet toqgħod fiċ-ċella tagħha u tkompli titlob u tagħmel penitenza, iżda umbagħad b’ubbidjenza qaddisa, Tajde ħalliet iċ-ċella tagħha u talbet li tibqa’ fil-kunvent mas-sorijiet l-oħra u tgħix ħajja ta’ penitenza u talb, u tħalliet tagħmel dan. Imma r-rieda misterjuża ta’ Alla kienet li wara biss ħmistax-il ġurnata hija tmut f’età żgħira ħafna. Pafnuzju irċieva l-aħbar tal-mewt tagħha u kien kunfidenti dwar il-ħniena t’Alla fuq ħajjitha. Tajde, wara tliet snin ta’ penitenza l-iktar severa kienet tabilħaqq ħielsa mid-dnubiet tagħha kif ukoll mill-battalji ta’ din il-ħajja.

X’misteru ta’ Ħniena kbira tinsab fil-Qalb ħelwa u umli tal-Mulej u Salvatur tagħna! Dan huwa l-kliem li qal lil Santa Fawstina f’Paragrafu 723 tad-Djarju tagħha dwar il-Ħniena tiegħu lejn il-midneb li jindem:

“Iktar ma jkun kbir il-midneb, iktar ikollu dritt għall-ħniena Tiegħi.” 

U f’Paragrafu 1146, Ġesu’ jkompli:

“L-ikbar midinbin għandhom ipoġġu l-fiduċja tagħhom fil-ħniena Tiegħi. Għandhom id-dritt qabel oħrajn li jafdaw fl-abbiss tal-ħniena Tiegħi. Binti, ikteb dwar il-ħniena Tiegħi lejn l-erwieħ itturmentati. Erwieħ li jirrikorru lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nieħu gost bihom. Lil dawn l-erwieħ Jiena nagħtihom iktar grazzji milli huma jifilħu jitolbu. Ma nistax nikkastiga wkoll lill-ikbar midneb jekk hu jirrikorri lejn il-ħniena Tiegħi, imma għall-kuntrarju Jiena niġġustifikah fil-ħniena Tiegħi li hi bla tarf u li ħadd ma’ jista jifhimha. Ikteb: qabel ma Jiena niġi bħal Imħallef ġust, l-ewwel niftaħ beraħ il-bieb tal-ħniena Tiegħi. Min ma jridx jgħaddi mill-bieb tal-ħniena Tiegħi ikollu jgħaddi mill-bieb tal-ġustizzja Tiegħi.”

Kien għalhekk li tagħna s-Sagrament tal-Qrar (tar-Rikonċiljazzjoni) biex jgħaddilna dawn il-grazzji li diġa kisbilna bil-mewt tiegħu għalina fuq is-salib permezz tas-saċerdot ministru tiegħu. M’hemm l-ebda mezz ieħor biex wieħed jirċievi l-maħfra għal dnubietu.

Hekk jgħidilha lil Santa Fawstina f’Paragrafu 1448:

“Ikteb, tkellem dwar il-ħniena Tiegħi. Għid lill-erwieħ fejn għandhom ifittxu l-faraġ; jiġifieri, fit-Tribunal tal-Ħniena (is-Sagrament tal-Qrar). Hemmhekk iseħħu l-ikbar mirakli u jirrepetu ruħhom bla waqfien. Biex wieħed japprofitta minn dan il-miraklu, m’hemmx għalfejn imur xi pellegrinaġġ kbir jew iwettaq xi ċerimonja li tidher minn barra; biżżejjed li wieħed jiġi bil-fidi f’riġlejn ir-rappreżentant Tiegħi u jurih il-miżerja tiegħu, u l-miraklu tal-Ħniena Divina jkun jista’ jidher bis-sħiħ. Li kieku r-ruħ tkun bħal kadavru qed jitmermer u għalkemm, skont kif jarawha l-bnedmin, ma jkun hemm l-ebda (tama li) terġa’ tiġi f’tagħha u kollox ikun diġa’ mitluf, mhux hekk ma’ Alla. Il-miraklu tal-Ħniena Divina jerġa’ jġedded lil dik ir-ruħ bis-sħiħ. O, kemm huma msejknin dawk li ma japprofittawx mill-miraklu tal-Ħniena ta’ Alla! Għalxejn għad issejjaħli, għax ikun tard wisq.”

Għal min jixtieq jaqra d-Djarju ta’ Santa Fawstina, jista’ jsibu kollu bil-Malti u anki jniżżlu bħala dokument sħiħ minn hawn: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com/

  • U int bogħod xejn mill-Qrar?
  • Qatt ħsibt li jekk tkompli tipposponi għal għada biex tersaq lejn il-Qrar u tirċievi l-ħniena t’Alla, għada jista’ jkun tard wisq?
  • Qed tagħmel xi forma ta’ penitenza bi tpattija għal dnubietek u biex tibker aktar fil-qdusija li bħala nisrani/nisranija int imsejjaħ/imsejħa għaliha?

Talba: Mulej Alla, int kont ġeneruż fi ħnientek lejn Santa Tajde u meta rajt l-indiema sinċiera tagħha, minn prostituta wassalt lil din il-penitenta għall-qdusija li ridt tara fiha. Kun ħanin magħna lkoll u agħtina li nkun niedma b’mod sinċier għal dnubietna hekk li naslu li nogħġbuk ħalli meta jasal il-waqt, inkunu nistgħu nfaħħruh għall-ħniena tiegħek għal dejjem. Bi Kristu Sidna Ammen.

English Version: https://orthodoxwiki.org/Thais_the_Harlot

A More Detailed Reading: http://d.lib.rochester.edu/teams/text/whatley-saints-lives-in-middle-english-collections-life-of-saint-thais-introduction

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Tha%C3%AFs_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.