15 ta’ Awwissu: Il-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu… Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.” Luqa 1 : 46-49, 52

Assumption_841568IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLA’ FIS-SEMA

Tagħrif: Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verità rrivelata lilna minn Alla li meta l-Verġni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bil-qawwa ta’ Alla mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hi d-domma tal-Assunzjoni. Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesù tela’ bil-qawwa tiegħu stess.

Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa’ bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.

Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna. Wara li Ġesù tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu. Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u 15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesù.

Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum. Dan hu t-twemmin tagħna.

Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sa mill-bidu tal-mewt tagħha, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.

Marija mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.

Ħsieb: Il-ħsieb ta’ xi jsir minna wara li ntemmu l-ħajja tagħna fuq din l-art, iqanqal fina emozzjonijiet varji. Meta wieħed jara lill-għeżież tiegħu jmutu u jisfgħu bla ħajja, jew jattendi għad-difna tagħhom, kważi jidher li dan huwa t-tmiem. Ħafna jistaqsu:

  • Tgħid kollox jispiċċa mal-mewt tal-ġisem?
  • Tgħid mhux ser nerġa’ niltaqa’ ma’ dawk li jiena tant ħabbejt f’ħajti?
  • Imma jekk hemm xi tip ta’ ħajja oħra, din f’hiex tikkonsisti?
  • Fejn se nkunu, u xi kwalità ta’ ħajja se jkollna… aħjar jew agħar minn din li nafu s’issa?
  • Imma kif se nqattgħuh il-ħin, jew aħjar l-eternità?
  • Se jkollna dak kollu li bih nimlew qalbna?

Uħud jibqgħu jistaqsu, uħud anki jinfixlu! Imma oħrajn ifittxu bil-għaqal kollu u bil-fidi, x’uriena Alla, anki permezz tal-Knisja mwaqqfa minnu, dwar dak li jseħħ minn kull wieħed u waħda minna meta nħallu din l-art. Propju għalhekk, illum il-Knisja tpoġġielna lil Ommna Marija mtella’ s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, għax kien minnha li Alla ried jibda. Ried jurina kif kulħadd huwa msejjaħ għal dan l-istess destin.

Hi propju s-Solennità li qed niċċelebraw illum, li tikxef u tħabbar x’futur hemm lest għalija u għalik, jekk bħal Marija ngħixu dak li jitlob minna Alla. Uħud iridu jkunu jafu l-futur. Alla wriena li l-futur etern tagħna, jiddependi fuq kif nagħżlu li ngħixu dan iż-żmien li għad jintemm.

M’għandniex għax induru mal-lewża għax Kristu ma setgħax ikun aktar ċar milli kien rigward l-eżistenza tal-Ġenna għat-tajba u l-Infern għall-ħżiena! Infatti Kristu huwa l-aktar persuna li jitkellem dwar l-infern u jwissina: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak (b’referenza għax-Xitan) li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” (Mattew 10:28).

Tgħid qalilna dan biex sempliċiment iwerwirna? Imma fir-realtà, l-ebda kelma dwar l-infern fil-Bibbja ma twasslek biex tispiċċa l-infern – mhux jekk tieħu Kelmtu bis-serjetà.

U jien kemm qed nieħu Kelmtu bis-serjetà f’ħajti? Kliem Kristu stess iġegħelna nagħmlu eżami minn ħajjitna u naraw x’għad hemm bżonn li nirranġaw, innaqsu jew inżidu biex inkunu, kif jgħid il-Malti, dejjem bil-bagalja lesta, għax il-mument tat-tluq huwa mistur għal kulħadd.

Talba: Għażiża Ommi Marija, Alla għolliek fi glorja tassew tal-għaġeb għal mod kif int għext bis-sħiħ ir-rieda t’Alla għalik, nitolbok tgħallimni ngħix dak li naf li Alla jrid minni, ħalli meta jasal il-waqt, jien ukoll ikolli bħalek, l-istess twelid glorjuż fis-sema. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/feast-of-assumption.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-assumption-of-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Assumption_of_Mary

Film dwar l-aħħar jiem ta’ Marija:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

1 ta’ Jannar: L-Imqaddsa Omm Alla, Marija

Verżjoni Vidjo: L-Imqaddsa Omm Alla, Marija

Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu“. ~ Omm Ġesu’ fi Ġwanni 2:5

marie-nel-mistero-della-chiesa-e1534173394431.jpgL-IMQADDSA OMM ALLA, MARIJA

Tagħrif: Fl-ewwel tas-sena, il-Knisja tagħmel festa lill-Madonna bħala Omm Alla, l-ikbar privileġġ li Alla taha, u li qatt seta’ jagħti lil xi ħadd mill-kreaturi tiegħu.

Il-Knisja mhux biss tifraħ u tunura lill-Madonna, iżda tirringrazzjaha wkoll talli aċċettat dan il-privileġġ, li permezz tiegħu daħlet sieħba ma’ binha Ġesù fil-Fidwa tagħna.

Il-Madonna saret Omm Alla meta fit-tħabbira tal-Anġlu, aċċettat li ssir omm Ġesù.

Fuq il-Kalvarju, Ġesù ħallielna lil ommu Marija biex tkun l-Omm spiritwali tagħna, ħalli bħalma Hu ġie għandna permezz tagħha, hekk aħna mmorru għandu permezz tagħha.

Il-Konċilju ta’ Efesu fit-22 ta’ Ġunju tas-sena 431 wettaq it-titolu tradizzjonali ta’ Marija “Theotokos” (kelma Griega li litteralment tfisser: “Dik li ġarret fi ħdanha lil Alla” – fi kliem ieħor “Omm Alla”) għax dan jesprimi tajjeb ħafna d-dinjità unika ta’ Marija u l-fidi vera fil-misteru ta’ Kristu: persuna waħda divina li hi veru Alla u veru bniedem.

Il-festa tal-maternità divina ta’ Marija kien waqqafha Piju XI fl-1931 permezz tal-enċiklika Lux Veritatis fl-okkażjoni tal-15-il ċentinarju tal-Konċilju ta’ Efesu li xandar id-domma tal-maternità divina ta’ Marija. Fl-1969, din il-festa ġiet ittrasferita mill-11 ta’ Ottubru għall-ottava tal-Milied, u dan biex tfakkarna li l-misteru kbir tal-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla seħħ permezz ta’ Marija. Il-kobor ta’ Marija bħala omm Alla huwa tant kbir, li kif jgħid S. Wistin, lanqas hija stess ma tista’ tifhmu.

Bħal-lum ukoll titfakkar iċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu, meta rċieva l-isem “Ġesù”.

Fl-1967, il-Papa Pawlu VI, waqqaf l-ewwel jum tas-sena bħala Jum Dinji tal-Paċi. Kull sena l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, jiġu mistiedna biex jitolbu għall-paċi. Kull sena wkoll, il-papa jxandar messaġġ għall-okkażjoni b’tema partikulari.

Ħsieb: Il-Knisja tiċċelebra diversi festi f’ġieħ il-Verġni Marija matul is-sena, imma din tal-lum għandha tifsira partikulari għax tfakkar id-dinjità kbira tagħha ta’ Omm Alla u r-rwol uniku tagħha fil-misteru tal-inkarnazzjoni.

Meta ngħidu li Marija hija Omm Alla ma nkunux qed nifhmu li hi tat lil Kristu n-natura tiegħu divina li hu kellu sa mill-eternità, imma ngħidu u nifhmu li n-natura umana ta’ Kristu kienet iffurmata mill-umanità ta’ Marija. Josserva S. Wistin:

“Permezz ta’ Marija, l-Iben ta’ Alla ħa fil-milja taż-żmien dak li ma kellux (jiġifieri n-natura ta bniedem), mingħajr ma tilef dak li minn dejjem kellu (jiġifieri n-natura ta’ Alla).”

Issa dawn iż-żewġ naturi tiegħu – dik divina u dik umana – ingħaqdu fil-persuna waħda ta’ Kristu li hu l-Iben ta’ Alla. Kien permezz ta’ Marija, li Ġesu’ twaħħad man-natura tagħna l-bnedmin u sar ħuna. Kien permezz ta’ Ġesu’, li Marija saret Omm Alla u għalhekk Ommna lkoll, aħna li f’Binha ġġeddidna f’natura ġdida u ħadna s-salvazzjoni.

Ħafna drabi ommijietna jafu x’inhu l-aħjar għalina u dan nistgħu ngħiduh b’mod speċjali fir-rigward ta’ Marija, l-Omm tagħna tas-Sema. Għalhekk f’dan il-jum għażiż tal-festa tagħha, ejjew nistaqsuha x’riżoluzzjonijiet tixtieqna nagħmlu fil-ftuħ ta’ din is-sena l-ġdida. X’tixtieqna nbiddlu, nirranġaw jew nagħmlu aħjar?

  • Forsi nersqu aktar lejn is-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin?
  • Forsi nsibu aktar ħin addattat għat-talb individwali u għat-talba tant qawwija u għal qalbha tar-Rużarju?
  • Forsi nirbħu fuq xi dnub li ilna wisq ‘il bogħod minn Alla u l-paċi tiegħu minħabba fih?
  • Forsi nsewwu xi relazzjoni jew inwaqqfu xi relazzjoni li nafu li mhux qiegħda skont ir-rieda t’Alla?

Ejjew inħallu lil Marija turina fil-qalb tagħna x’tixtieq minna u bħala wlied devoti, nagħtuha widen għax dan jiswa lilna. Żgur li ħadd daqsha ma jridilna l-veru ġid, jiġifieri dak il-ġid li jibqa’ għal dejjem.

Talba: Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalija matul din is-sena biex inkun nista’ nimxi u navvanza b’dinjita’ fit-triq tal-qdusija li Ibnek f’imħabbtu lejja fassal għalija b’demmu stess. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/mary-mother-of-god.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/solemnity-of-mary-mother-of-god-102

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Solemnity_of_Mary,_Mother_of_God

Film on Mary, Mother of Jesus:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din is-Solennita’ tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.