17 ta’ Frar: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” ~ Salm 133:1 u Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tas-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija.

The Madonna with the Seven Founders of the Servite OrderIS-SEBA’ QADDISIN FUNDATURI TAS-SERVITI TA’ MARIJA
Seklu XII

Tagħrif: Dawn il-qaddisin kienu negozjanti tad-drapp f’Firenze li, għall-ħabta tas-sena 1233, waqt li belthom kienet għaddejja minn żmien ta’ ġlied imdemmi bejn l-aħwa, ħallew il-familji tagħhom u ġidhom u bdew jgħixu ħajja ta’ faqar fid-distrett ta’ Cafaggio.

Huma libsu l-abitu griż tal-Aħwa tal-Penitenza, konfraternità ta’ lajċi li tagħha kienu membri, u ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena.

Wara ftit taż-żmien, xi wħud minnhom bdew jgħixu ħajja waħedhom fuq il-Muntanja Senario, xi dsatax-il kilometru ’l bogħod minn Firenze. Meta d-dumnikan qaddis Pietru ta’ Verona, ippriedka f’Firenze matul l-Avvent u r-Randan tas-snin 1244-45, is-seba’ sħab għenuh jorganizza s-Soċjetà ta’ Marija, għaqda ta’ lajċi, filwaqt li hu għen lill-aħwa biex jifformaw komunità reliġjuża, waħda li tinkludi kemm l-eremiti fuq il-muntanja Senario kif ukoll il-grupp ta’ appostolat f’Cafaggio.

Huma sejħu lilhom infushom “Servi ta’ Marija” għax kien hemm kappella tal-Madonna fiż-żewġ postijiet. Dawn is-serviti adottaw ir-regola ta’ Santu Wistin u ħadu l-abitu iswed b’devozzjoni lejn id-Duluri tal-Madonna.

Is-seba’ fundaturi kienu dawn:

  • Bonfiglio (gwida tal-grupp lajk u wara prijur tal-komunità ġdida);
  • Bonagiunta, (prijur bejn l-1256 u l-1257);
  • Manetto (li waqqaf l-ewwel fundazzjonijiet fi Franza);
  • Amadio (ir-ruħ tal-grupp);
  • Sostegno u Uguccione (ħbieb magħhom); u
  • Alessju (ziju ta’ Santa Ġuljana).

Ruma kienet għarfet il-kontribut tagħhom iżda kellhom jgħaddu mas-sittin sena, jiġifieri fis-sena 1304 li s-Santa Sede tagħthom l-għarfien uffiċjali. Dawn is-Seba’ Fundaturi tas-Servi ta’ Marija ġew ikkanonizzati flimkien fl-1888 mill-Papa Ljun XIII.

Jinsabu kollha midfunin flimkien f’Monte Senario, fuq l-altar li sar mill-Kardinal Alessio Enrico Maria Lepicier, tal-istess ordni, li kien żar Malta u Għawdex u nkuruna lill-Madonna ta’ Pinu bħala legat tal-Papa fl-1935.

Is-Serviti ta’ Marija għamlu l-fuq minn mitt sena fil-paroċċa ta’ Stella Maris, Sliema.

Ħsieb: Dawn is-seba’ Servi ta’ Marija ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena. Ftit snin wara li waqqfu l-ordni, il-persuni li ngħaqdu magħha kienu jgħoddu 10,000. Dan kien attribut għall-ħidma li wettqu u ż-żelu li wrew. Il-mexxej tagħhom kien Buonfiglio Monaldo li kien l-akbar wieħed fiż-żmien. Il-kappillan tal-Laudesi, Giacomo Poggibonsi, bniedem ta’ qdusija, kien id-direttur spiritwali tagħhom.

Imma kif beda kollox? Kollox beda f’nhar l-Assunta, meta waqt li kienu miġburin jitolbu flimkien kellhom dehra tal-Madonna u qatgħuha li jirrinunzjaw għad-dinja u jinxteħtu taħt il-protezzjoni tagħha. Tlieta minnhom kienu ċelebi, tnejn romol u t-tnejn l-oħra miżżewġin. Ir-romol u l-miżżewġin riedu jaraw kif se jirranġaw mal-familji li kienu jiddependu minnhom. Minn hawn u minn hemm instab mezz kif id-dipendenti tagħhom jkunu sostnuti fil-bżonnijiet materjali tal-ħajja u bil-kunsens ta’ qrabathom setgħu jingħataw għas-sejħa l-ġdida li kienet ġiethom. L-isqof għenhom ħafna u tlieta w għoxrin jum wara li kienu ġew imsejħin daħlu fid-dar imsejħa La Carmarzia barra minn Firenze.

Din is-sejħa għal ħajja ta’ kontemplazzjoni u ċaħda b’kuntrast mal-ħajja libertina ta’ Firenze u l-madwar, ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu. Ta’ kuljum in-nies kienet tmur f’La Carmarzia biex tkellem lil dawn l-irġiel twajba. Għalhekk huma qatgħuha li jitbiegħdu mill-belt u jmorru fuq Monte Senario, ħdax-il mil ’il barra minn Firenze, fejn bnew knisja sempliċi u eremitaġġ u bdew jgħixu ħajja ta’ awsterita’.

Nhar it-13 t’April, 1240, kellhom dehra tal-Verġni Mbierka li ridithom jilbsu l-abitu iswed b’għelm tad-Duluri tagħha f’riġlejn is-Salib ta’ binha. Talbithom ukoll jintrabtu bir-Regola ta’ Santu Wistin u li jissejħu s-‘Serviti ta’ Marija’. Fuq ix-xewqa tal-isqof, kollha barra Fratell Alexis, aktar tard irċevew l-Ordni Sagri . L-Ordni ħadet il-bixra aktar ta’ Ordni Mendikanti u hija l-ħames waħda ta’ din ix-xorta fil-Knisja.

Tul ħajjithom, is-Serviti tal-bidu raw l-Ordni tiftaħ Djar f’diversi pajjiżi barranin. F’ħamsin sena l-għadd tal-imseħbin laħaq l-10,000 u sal-bidu tas-seklu 14 kellhom ’il fuq minn 100 monasteru b’missjonijiet ukoll fi Kreta u l-Indja. Aktar tard twaqqfet ukoll is-Sekond Ordni ta’ sorijiet klawstrali u Terz Ordni b’ħidma ta’ karita’ u edukazzjoni imwaqqfa minn Santa Ġuljana Falconieri.

L-aħħar wieħed li miet, u l-iktar wieħed li għex fosthom kien il-Fratell Alessju Falconieri, meta kellu 110 snin, fis-17 ta’ Frar 1310. Il-fdalijiet tagħhom jinsabu meqjumin f’qabar wieħed fil-knisja tal-monasteru f’Monte Senario.

  • Min jaf li kieku inti, bħal dawn is-seba’ żgħażagħ issib ħin matul il-jum biex tinġabar f’post għall-kwiet biex tingħaqad f’aktar intimita’ ma’ Alla fit-talb?
  • Min jaf li kieku t-talb u l-penitenza tagħmilhom l-iskop tal-ħajja tiegħek hi ta’ liema stat hi?
  • Min jaf li kieku inti wkoll tkabbar id-devozzjoni tiegħek lejn il-Verġni Mbierka Marija u lejn is-seba’ duluri tagħha li kienet waħda mid-devozzjonijiet ta’ dawn l-aħwa qaddisa?

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Talba: Agħtina, Mulej, it-tjieba tar-ruħ ta’ l-aħwa qaddisa li llum qegħdin infakkru, li kellhom devozzjoni tal-għaġeb lejn l-Omm qaddisa ta’ Alla, u ħabirku biex iressqu lejk il-poplu tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/seven-founders-of-servite-order.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/seven-founders-of-the-servite-order/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Servite_Order

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-maġġoranza tal-Ħsieb huwa kitba ta’ Joe Fenech li dehret fl-Leħen is-Sewwa.

15 ta’ Settembru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

“Is-Salvatur tad-dinja sieħeb miegħu lil Ommu fil-passjoni tiegħu: ejjew nadurawh.” – Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat

olos_by_sobii-d60lzleIL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAD-DULURI

Tagħrif: Il-Knisja tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena: nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru. L-ewwel waħda nbdiet f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija tal-ereżija ta’ Ġovanni Hus. Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet Serviti meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’ Settembru. Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 irritorna mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala tifkira ta’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn Napuljun.

Imbagħad, il-Papa San Piju X, meta għamel ir-riforma tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa fil-15 ta’ Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.

Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub. It-tnissil tagħha kien immakulat. Il-ħajja tagħha kienet bla l-iċken dnub.

Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:

  1. Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.
  2. Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometru, bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.
  3. It-telfa ta’ Ġesù.
  4. Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Kalvarju.
  5. Il-kruċifissjoni.
  6. Ġesù mejjet fi ħdanha.
  7. Id-difna ta’ Ġesù.

Ħsieb: Marija Omm Alla hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi t’uġigħ, tbatija u ansjetà. Hi, fl-imħabba tagħha t’Omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna, il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familja tagħna, il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-ansjetà li tolqotna.

L-Ewwel dulur li ġarrbet Marija kien f’Ġerusalemm. Meta Marija u Ġużeppi marru jippreżentaw lil binhom Ġesù fit-tempju. Dakinhar kien hemm wieħed jismu Xmun. Raġel ġust u tajjeb li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. Dan kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u minn dejjem kien jixtieq li qabel ma jmut jara l-Messija tal-Mulej. Darba fost l-oħrajn ġie mqanqal mill-Ispirtu biex imur fit-tempju. Xmun jgħid lil Marija: “Marija, Ibnek Ġesù se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal li jmeruh, u int ukoll sejf jinfidlek ruħek sabiex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Min jaf x’ħasset f’qalbha Marija meta semgħet il-kliem tant iebes ta’ Xmun li għarrafha bil-Passjoni u l-mewt kiefra ta’ Binha Ġesù tarbija. Minkejja dan, Marija ma tfixklitx għaliex l-Iva tagħha meta dehrilha l-Anġlu Gabriel kienet il-frott tal-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla. Aħna wkoll fil-ħajja mhux dejjem nistgħu nifhmu kollox. Ġieli jiġru affarijiet f’ħajjitna li nħossuna ma nifhmuhomx. Mela, ejja nafdaw fl-imħabba ta’ Alla bħalma għamlet Ommna Marija f’ħajjitha.

Ommna Marija dejjem tkun lesta li tgħinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma nitilfux il-fidi tagħna, anke f’dawk il-mumenti li ma nkunux qed nifhmu.

It-Tieni dulur li ġarrbet Marija kien dak inhar li flimkien mar-raġel tagħha Ġużeppi u binhom Ġesù, kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu.

Min jaf x’ħasset Marija meta flimkien ma’ Ġużeppi u binhom Ġesù kellhom jaħarbu mal-lejl u jmorru l-Eġittu. Dan is-sagrifiċċju għamluh biex isalvaw lil binhom Ġesù mill-mewt. Min jaf kemm hawn ġenituri li ta’ kuljum ikollhom jgħaddu minn sagrifiċċji kbar biex jgħinu lil uliedhom jikbru u jimmaturaw. Min jaf kemm hawn ġenituri oħrajn li għalkemm qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex irabbu lil uliedhom tajjeb, qed jaraw lil uliedhom jitbegħdu minn Alla. Marija u Ġużeppi għandhom ikunu xempju għal dawk il-ġenituri li għal xi raġuni jew oħra qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom biex jagħrfu li wliedhom għandhom bżonnhom.

Marija dejjem lesta li tgħinna biex ikollna dan il-kuraġġ, din il-fidi lejn Alla. Hija tgħinna naċċettaw deċiżjonijiet diffiċli f’ħajjitna bla kundizzjoni.

It-Tielet dulur li ġarrbet Marija kien meta binha Ġesù kien intilef u wara tlett ijiem sabitu jiddisputa mad-dutturi fit-tempju. Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, huma telgħu skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu t-triq lura, imma t-tifel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.

X’għafsa ta’ qalb ġarrbet Marija għat-telfa ta’ binha. Tlett ijiem tfittxu bla ebda aħbar. Xejn ma qatgħalha qalbha u fil-pront tirritorna ma’ Ġużeppi Ġerusalemm, fost l-għejja u l-biża’, tfittxu b’dieqa ta’ qalb.

Min jaf kemm-il darba aħna wkoll ħsibna li tlifnieh! Ġesù, għinna dejjem insibuk ikun xi jkun iż-żmien f’ħajjitna.

Ejjew nersqu bit-talb tagħna lejn Ommna Marija, ħalli nieħdu s-saħħa kull darba li nitbiegħdu minn binha Ġesù minħabba d-dnubiet tagħna, u b’hekk b’kuraġġ nerġgħu nersqu lejn Ġesù permezz tas-Sagrament imqaddes tal-Qrar.

Ir-Raba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta ltaqgħet ma’ binha Ġesù jġorr is-salib. Huma u sejrin bih qabdu wieħed jismu Xmuni minn Ċirene li kien ġej mir-raba u għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet mixja warajh fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.

Aħna wkoll għandna s-salib tagħna xi nġorru. Marija se tgħinna nħarsu lejn binha Redentur, speċjalment meta nkunu mgħobbijin taħt it-toqol tal-problemi u tad-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna. Hawn xi ħadd li ma jħossx meta jara dik l-Omm hekk imnikkta? Iżda aħna bid-dnubiet tagħna, inkunu kawża li nnifdu l-Qalb ta’ Marija. Nistgħu ma nħossux dispjaċir għall-ingratitudni tagħna lejha?

Mela, ejjew inħarsu lejn Ġesù u lejn Marija fid-dulur tagħhom u npoġġu s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna f’idejhom.

Il-Ħames dulur li ġarrbet Marija kien meta hija baqgħet wieqfa taħt is-salib ta’ binha Ġesu’, flimkien ma’ oħtha Marija ta’ Kleofa, Marija ta’ Magdala u l-appostlu maħbub tiegħu Ġwanni.

Ejjew bl-imaġinazzjoni tagħna nħarsu lejn il-Kalvarju fejn naraw lil Ġesù msallab u ‘l Omm mbikkija. Kemm hija ta’ dieqa lil Omm tara ‘l binha msammar fuq is-salib. Kull daqqa tal-martell, kull kelma ta’ żebliħ u t-tinfida bil-lanza fil-kustat ta’ Ġesù, kollha ħassithom Marija Addolorata ġewwa qalbha. Għajnejn Marija ma tħarrkux minn fuq binha Ġesù fuq is-salib, semgħetu jlissen l-aħħar kelmiet tiegħu qabel ma ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Hi sofriet dan kollu ma’ binha Ġesu’ għalina.

Marija, agħtina l-kuraġġ naffrontaw il-mewt ta’ kuljum: fid-dar, meta mhux dejjem ikun ward u żahar; fuq ix-xogħol, meta ma nifthemux; fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta naffaċjaw tentazzjonijiet u jkollna mmutu għall-imħabba ta’ ibnek.

Kemm qegħdin nifhmu xi tfisser is-sofferenza fil-ħajja tagħna sabiex it-tama fina qatt ma tonqos? Kemm qegħdin fit-tiġrib li niltaqgħu miegħu ninxteħtu quddiem Ġesù u Ommu Marija biex insibu s-sabar tagħna?

Is-Sitt dulur li ġarrbet Marija kien meta Ġesù ġie mniżżel minn fuq is-salib u mqiegħed fi ħdanha.

Ejjew naħsbu ftit fuq id-dulur l-aktar kiefer li fena l-Qalb imqaddsa ta’ Marija meta rat lil binha Ġesù mejjet fi ħdanha, kollu dmija u mimli ġrieħi u pjagi. L-ebda qalb iebsa meta tara din ix-xena tant krudila, ma ddubx mill-ebusija tagħha.

Ommna Marija Addolorata dejjem tkun lesta li tfarraġna fil-għawġ u l-mumenti ta’ dgħjufija tagħna. Ejjew nirrikorru għand Marija ħalli noħorġu mid-dlam tad-dnubiet tagħna, mill-kaos li jista’ jkollna f’ħajjitna. Ejjew niftħu jdejna bħal dawk ta’ Ġesù msallab u nilqgħu l-imħabba tiegħu mingħajr kundizzjoni.

Is-Seba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta rat lil binha Ġesù jiġi midfun. Wara l-mewt ta’ Ġesù, Ġużeppi minn Arimatea li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù bil-lejl, u ġab miegħu taħlita ta’ morr u sabbara tiżen xi mitt libra.

Min jaf kif Qalb Marija Santissima splodiet bin-niket. Meta rat lil binha l-Maħbub imqiegħed fil-qabar. Aktar u aktar ma felħitx meta rat il-blata mgerba tagħlaq il-qabar qaddis.

TalbaO Verġni Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna, bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ibnek Ġesù, qawwi l-fidi tagħna sabiex anke jekk mifluġa bid-dulur, inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu, u fit-tbatija estrema tas-salib, naraw l-imħabba kbira u safja t’Alla għalina.

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex ‘l hinn mit-tbatija u l-mewt naraw id-dawl tal-qawmien. Agħtina l-qalb tiegħek biex nibqgħu nħobbu u naqdu, anke fil-mumenti tal-prova.

O Marija Santissima Sidtna tas-salib, itlob għalina. Ammen.

(Talba tal-Papa Emeritus Benedittu XVI lill-Verġni Marija, meta kien żar lil dawk milquta mit-terremot qawwi ġewwa l-Italja)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.themostholyrosary.com/appendix1.htm

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/our-lady-of-sorrows/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Sorrows

Passion of The Christ (full movie with English Subtitles) on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/UEyNBGckJHyK3dX4zwowJpxd1

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar it-Tifkira tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa meħud minn meditazzjoni bl-isem ta’ ‘Is-seba’ Duluri ta’ Ommna Marija’ mis-sit Malti tal-Madonna ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija.’ Tista’ żżur is-sit minn hawn: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

14 ta’ Settembru: L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

Verżjoni Vidjo: L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

“Kemm jiddi s-salib ta’ Kristu, iġib il-ħajja, mhux il-mewt; id-dawl, mhux id-dlam; il-Ġenna, mhux it-telfien tagħha. Huwa l-injam li fuqu l-Mulej, bħal gwerrier kbir, kien ferut f’idejh, f’saqajh u f’ġenbu, imma fejjaq il-feriti tagħna. Siġra qerdetna, siġra ġabitilna l-ħajja.” – Teodoru ta’ Stoudio

jesus-on-cross-easterL-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB IMQADDES

Tagħrif: Wara li l-Ġisem Imqaddes ta’ Ġesù tniżżel minn fuq is-salib u tpoġġa fil-qabar, neħħew is-salib minn postu, tefgħuh ġo ħofra u radmuh.

Xi tliet mitt sena wara, għall-ħabta tas-sena 327, fi żmien Kostantinu, meta fuq il-Knisja reġgħet feġġet il-paċi, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, imħeġġeġ u megħjun minn Santa Elena waqt li kienet f’pellegrinaġġ fl-Artijiet Imqaddsa (326-327), ta ordni ħalli jinstabu l-imkejjen sagri. Hekk fost affarijiet oħra nstabu l-qabar ta’ Kristu, il-Kalvarju u s-Salib imqaddes. Kostantinu bena knisja fuq il-post fejn instab is-Salib, li l-konsagrazzjoni tagħha saret fl-14 ta’ Settembru, 335.

Fis-sena 614, ir-Re Kosroe II tal-Persjani kien għamel ħerba minn Ġerusalemm u mill-Artijiet Imqaddsa, u ġarraf jew ħaraq bosta knejjes u istituti reliġjużi nsara. Fost kollox kien kaxkar miegħu biċċa kbira mis-Salib li kienet miżmuma ġo relikwarju bil-ġawhar.

L-Imperatur Eraklju ta’ Kostantinopli, wara li ma rnexxilux jasal fi ftehim mal-Persjani, mexxa l-armati tiegħu kontrihom. Fis-sena 627, Kosroe II ħarab u ġie maqtul minn ibnu Siroe. Eraklju wasal fi ftehim ma’ Siroe, u fost affarijiet oħra ħa r-relikwa tas-Salib f’Kostantinopli fejn kellu laqgħa trijonfali.

Fis-sena 629, Eraklju ħa s-Salib lura Ġerusalemm. Meta wasal fit-triq li kienet tagħti għall-Kalvarju, neħħa l-ilbies ta’ Imperatur minn fuqu, libes ilbies ordinarju u ħafi, wassal ir-relikwa tas-Salib u taha lil Żakkarija, Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Din hi l-ġrajja li l-Knisja qed tfakkarna fiha llum.

Ħsieb: Is-Salib għandu żewġt uċuħ. Min-naħa waħda hemm il-krudeltà tagħna l-bnedmin li wasalna biex noqtlu lil Alla magħmul bniedem. Imma l-wiċċ l-ieħor, li rridu niftakru l-iktar, huwa propju l-imħabba għalina lkoll li ħarġet mis-salib tal-Mulej Ġesù.

Kien hemm tliet affarijiet li Alla l-Imbierek ma ħalaqx, imma ġibniehom aħna. Dawn huma t-tbatija, id-dnub, u l-mewt. Sidna Ġesù Kristu għadda minn dawn kollha, biex meta ngħaddu minnhom ma nkunux waħedna.

It-tbatija: Ġesù għadda mit-tbatija u kienet diffiċli għax lill-Missier qallu, “Għaliex tlaqtni?” Bħalma jiġri lilna! Imma l-aħħar kelma kienet, “f’idejk jien nerħi ruħi.” In-Nisrani allavolja jbati, it-tbatija m’għandux jixtieqha, imma jgħixha ma’ Kristu u jkollu l-faraġ f’qalbu.

Id-dnub: Fuq is-salib, ra lil dawk li kienu qed isallbuh u mhux hu ħafrilhom għax huwa il-Missier li jaħfer, imma pprova jiskużahom, u dar għalihom quddiem Alla l-Missier. Jekk Alla l-Missier ħafer dan id-dnub il-kbir tagħna li qtilna lil Ibnu, se jaħfer id-dnubiet kollha tagħna għax ma nistgħux nagħmlu dnub akbar minn hekk. Kemm iweġġa’ l-Mulej meta kultant wara l-Qrar nibqgħu ngħidu, ‘min jaf ħafirlix? Min jaf ħafirlekx?’ Ma tafux kif ħafer u kif jaħfer Ġesù? Insewhom id-dnubiet tal-imgħoddi ladarba qerrejtuhom. Għidulu, ‘grazzi Mulej talli ħfirtli tal-iżbalji u d-dnubiet li għamilt.’

Il-mewt: X’għamel Ġesù? Għadda mill-mewt biex ħadd minna ma jgħaddi waħdu fil-mewt imma jgħaddi ma’ Kristu, għax fi Kristu mhux biss mewt hemm: imma hemm qawmien ukoll. Kemm hu sabiħ li aħna mhux naħsbu biss fuq il-mewt, dik bilfors għax hija xi ħaġa umana. Aħsbu li Ġesù jwassalna biex naraw il-wiċċ tal-Missier! Taħsbux biss fil-mewt meta se tasal, imma kull Nisrani ngħidulu, “kemm nixtieq li narak wiċċ’imb’wiċċ!” Il-mewt mhijiex it-tmiem, il-mewt hija wkoll il-bidu ta’ ħajja oħra.

F’din il-festa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, illum nirringrazzjaw lill-Mulej għall-fidwa li ġabilna u għall-prezz għoli li ħallas biex jurina kemm iħobbna. Il-Papa Franġisku bħal-lum kien qal din l-espressjoni sabiħa: “is-salib huwa għajta ta’ mħabba, is-salib ta’ Ġesù huwa kollu mħabba.

Xtaqt naqsam magħkom ukoll silta mill-omelija tal-Arċisqof J. Scicluna tas-sena 2017 f’din l-okkażjoni għaliex laqatni r-rakkont tiegħu dwar esperjenza li kellu ġewwa sptar f’Londra. Dan ir-rakkont jagħti ħafna sens lis-sinifikat tas-salib. Qal hekk:

“L-aħwa, għadni ġej minn Londra fejn kelli l-opportunità nżur lil ħutna Maltin u Għawdxin li jitilgħu hemmhekk għall-kura speċjalizzata. U kelli l-privileġġ noqgħod ħdejn is-sodda tat-trabi tat-twelid, ta’ żgħażagħ, ta’ tfal u ta’ adulti. Il-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd, kif tafu, u inti tara s-salib ħaj u konkret. Pazjent, kien għadu żagħżugħ, qalli xi ħaġa li ma ninsieha qatt. Qalli, ‘Father, jiena kont inbiegħ is-saħħa u missetni din ix-xorti, mhijiex sabiħa. Imma meta nara t-tbatija fit-tfal taf x’ngħidlu lil Ġesù? Neħodha jiena t-tbatija tagħhom basta ma jbatux huma.’ U jiena f’qalbi għidt, ‘Hawnhekk qiegħed fil-preżenza ta’ xi ħadd li fehem il-misteru tas-salib tal-Mulej.’ Dan ma għamilx ħafna korsijiet tat-Teoloġija imma hu, bi mħabba kbira u fil-verità, lest li jitgħabba bil-mard ta’ ħaddieħor biex ma jarax lil ħaddieħor ibati.

U aħna hekk ngħidu fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna u nirrepetu l-kliem tal-profeta Isaija: ‘tgħabba bil-mard tagħna, il-kastig tad-dnub tagħna waqa’ fuqu … mill-ġrieħi tiegħu aħna ksibna l-fejqan tagħna’ (ara Isaija 53 4.5). Dawn huma l-qaddisin tal-lum. Jien ma rridx nikkanonizzah lil dan ir-raġel, ma jafx li qed insemmih u mhux se ngħid min hu. Alla jaf min hu. Imma dawn huma l-qaddisin tal-lum, l-aħwa, u allura San Pawl kellu raġun isejjaħ lill-aħwa qaddisin, għax il-qaddisin huma dawk li minkejja li huma dgħajfa u midinbin, fehmu l-Qalb ta’ Ġesù u jippruvaw jgħixu din il-vokazzjoni.”

  • Xi jfisser is-salib ta’ Kristu għalik, li minħabba fih int tista’ taqla’ l-maħfra tad-dnubiet tiegħek permezz tas-Sagrament tal-Qrar?
  • U s-slaleb tiegħek qed tħallihom ikunu mezz ta’ purifikazzjoni u salvazzjoni għalik u għall-oħrajn billi bla ma tgerger, tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-salib biex tkompli l-fidwa li għadha u tibqa’ għaddejja sal-aħħar tad-dinja?
  • Kemm qed tfittex il-faraġ tiegħek fl-Imsallab billi timmedita spiss fuq it-tisliba ta’ Ġesù ħalli fil-ġrieħi tiegħu tkun tista’ ssib il-kenn tiegħek u minnhom tieħu s-saħħa li għandek bżonn biex tkompli tħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħek bla ma tħares lejn il-ġrieħi?

Talba: Ġesù twajjeb, aħna dnibna, dorna lura mit-triq tiegħek; o Mulej ħanin, aħfrilna l-għilt u l-ħażen kollu tagħna. Bis-salib imqaddes tiegħek, is-sinjal għażiż tal-fidwa, kullimkien u dejjem żommna taħt għajnejk, għax aħna wliedek. Ammen. (Mill-Uffiċċju tal-Qari, Innu matul is-sena, l-I Ġimgħa, il-Ġimgħa)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/exaltation-of-the-holy-cross/

Alternative reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-exaltation-of-the-holy-cross-594

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Feast_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa addattat minn żewġ omeliji, waħda tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-oħra tal-Arċisqof J. Scicluna għall-okkażżjoni tal-Festa tal-lum.