Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons. Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kapuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar, 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victoria Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April, 1953)
Quddiemi Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kapuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kapuċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kapuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att solenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kapuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kapuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-Onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kapuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kapuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kapuċċini li tinsab Triq Kapuċċini, Victoria, Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kummissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria, Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria, Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kummissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April, 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

Verżjoni Vidjo: Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

henry-casolani-2IL-KOPPJA HENRY (1917 – 1999)

U INEŻ CASOLANI (1915 – 1992)

Tagħrif: Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’ Diċembru, 1999. Ineż Casolani née Vassallo twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice u Giuseppina née Portelli. Ineż mietet fit-13 ta’ Lulju, 1992. Henry u Ineż iżżewġu fid-19 ta’ April, 1944 fil-knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’ wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li baqgħet unika. Meta kibret din wieġbet għas-sejħa ta’ ħajja kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’ St Joseph fl-1964. (ara Santa Emilja de Vialar – Fundatriċi tas-Sorijiet ta’ St Joseph)

Henry u Ineż kienu żewġ persuni b’karattri kompletament differenti minn xulxin. Iżda kienu ta’ fehma waħda f’dik li hija fundamentali jiġifieri fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu l-ħajja Nisranija flimkien fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin. Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna stqarrew li l-koppja Casolani kienu inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien; il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija. Kienu kuntenti u koppja li jgħixu fl-armonija. Kienu jitkellmu bi mħabba u entużjażmu fuq xulxin. Qabel u wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Ineż lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu. Ineż kellha ideat ċari tal-imġiba tal-mara mar-raġel. Lil Cecilia Ineż dejjem għallmitha tirrispetta lil missierha b’kull mod u manjiera.

Ineż kienet taħdem għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem iżda wkoll permezz tal-kitba tagħha. Fil-ħafna artikli li kitbet, u li ġew ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn. Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri. Hekk il-familja tkun unità u tgħix fil-hena u l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità mingħajr ħela. Kitbet kemm felħet biex iġġib paċi u għaqda.

Il-koppja Henry u Ineż Casolani kienet miftuħa għall-oħrajn. Dejjem jippruvaw jgħinu lill-batut. Kienu jżuru lill-morda fl-isptarijiet. Ineż baqgħet tagħmel dan anki meta hija stess mardet gravament b’qalbha. Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor. Għalihom is-sagrifiċċju kien okkażjoni biex jagħtu akbar glorja lil Alla.

Bil-karattru ferrieħi tagħha u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu jfittxu lil Ineż għal parir u biex jiftħu qalbhom magħha. Henry, bil-kariżma tiegħu ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxielu jiġbed lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Ineż dejjem stqarrew pubblikament l-oppożizzjoni tagħhom għal dak li kien ħażin.

Il-mibki Isqof Emeritus Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Ineż Casolani: “Kienu koppja ta’ Nsara ferventi, ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’ nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom okkażjoni li jagħmlu opra tajba.”

Il-ferħ tagħhom kien xhieda tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin fit-talb. Monsinjur Lawrence Gatt ikkummenta: “Timpressjonak koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem tal-età u l-esperjenza li kellu Henry Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.”

It-tnejn stinkaw biex il-Madonna tkun iżjed maħbuba minn kulħadd! Ineż kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju tal-familja ma fallewh qatt. L-aħħar kelmiet li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn għalija!’

Fuq kollox dak li kien jispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’ kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali quddiem is-Sagrament! Kif stqarru l-ħafna xhieda, kienu magħqudin mhux biss fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika kostanti tal-Kelma t’Alla.

Henry u Ineż Casolani mxew dejjem fuq it-tagħlim ta’ Kristu. Ma kinux jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u jinsew d-deni li kienu jirċievu. Henry kien jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha għall-glorja t’Alla.’ u pereżempju ‘Int qed issostni li dan ir-raġel ma jixtiqliex il-ġid? Dan huwa l-ħabib tiegħi!’ Ma qatgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla! Meta marad, kulma kien jgħid Henry kien: ‘Min jaf Kristu x’sofra!’ Ineż sejħet is-sofferenzi tagħha ‘bukkett ward!’

Ineż u Henry Casolani kienu l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom Cecilia. Meta din, l-uniku wild tagħhom, ta’ dsatax -il sena daħlet soru, is-sofferenza li l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom. Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru qatt kontra l-Volontà Tiegħu, lit-tifla bierkuha u baqgħu dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u l-missjoni tagħha.

“Naraw f’Henry u Ineż Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix fl-affarijiet straordinarji, imma tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek, f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u dak li jixtieq Alla.” Prof Fr Maurice Eminjan, s.j.

Din il-familja Casolani, familja domestika skont il-Konċilju Vatikan II, xandret bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’ trombi li l-familja hija teżor tal-knisja, ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità. L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani hija prova li, skont il-pjan ta’ Alla, il-familja hija l-qafas li fih il-persuna umana, magħmula xbieha t’Alla, titwieled, titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’ mħabba.

Meta Henry u Ineż Casolani qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl Cremona o.p., li kien l-Arċisqof ta’ Malta (2007-2014) kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel it-tajjeb. Din l-istess sempliċità Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja li kellu fil-Mulej.”

Ftit mumenti qabel ma’ ttajret lejn is-sema Ineż kellha il-kuraġġ tikteb: ‘I take record of God… in Thee I have had my earthly joy’!

Imħabba qawwija għal Alla! Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu f’ħajjtihom kollha Henry u Ineż Casolani.

 Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin dwar il-Koppja Casolani

Jikteb l-Isqof Mario Grech

“F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.”  (10 ta’ Ottubru 2014)

Bidu tal-proċess djoċesan u publikazzjoni ta’ editti 

Il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu, 2015. Knisja ta’ San Duminku, Rabat, Malta.

Ilbieraħ l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Quddiesa li matulha twaqqaf it-Tribunal li ser jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Henry Casolani u ta’ martu, il-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani.

Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa għamel talba uffiċjali lill-Monsinjur Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal.

Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan. Iċ-ċerimonja tal-bieraħ kienet waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ftit qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.

Editt dwar il-proċess ta’ Henry Casolani […]

Editt dwar il-proċess ta’ Inez Casolani […]

L-Aġenzija Rome Reports b’rapport u video dwar dawn il-lajċi Maltin

Rome Reports, 1 Nov 2015: L-Aġenzja tal-aħbarijiet Rome Reports fl-edizzjoni tagħha tal-bieraħ ippublikat rapport dwar il-ħajja tal-koppja Maltija Henry u Ineż Casolani u l-bidu tal-proċess djoċesan tagħhom biex tibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u eventwalment tal-kanonizzazzjoni. Ir-rapport jgħid li madwar 200 persuna ser jagħtu x-xhieda tagħhom f’dan il-proċess li jekk iwassal għall-kanonizzazzjoni, allura huma jingħaqdu mal-ġenituri ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li kienu dikjarati qaddisin mill-Papa Franġisku ftit jiem ilu.

Ara r-rapport ta’ Rome Reports u l-video qasir mill-istess aġenzija […]

Kitbiet relatati …
Henry and Inez Casolani, Koppja Magħġuna fi Kristu,  (Anton Quintano)
Il-Koppja Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, (Segretarjat għal-Lajċi, 18/09/2011)
Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja, (Sit tal-Arċidjocesi ta’ Malta 17/09/2014)
Daughter reacts as Maltese couple is touted for canonisation. (Times of Malta 19/10/2014)
Mid-Djarju tas-Sinodu (5): Familji Qaddisa. (Newsbook 12/10/2014)
Koppja ta’ talb fil-qalba tal-ħajja. Vincent Cachia. (06/12/2014)
Henry and Inez Casolani – Icons of the true meaning of Christmas. (13/12/2014)

Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani hu mitlub jikteb lil Fr Anthony Sciberras mssp, Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’, Victoria, Gozo jew email – tonysciberras@hotmail.com

Links about Henry and Ineż Casolani:

  1. http://www.laikos.org/aod-casolani.htm
  2. https://henryandinezcasolani.files.wordpress.com/2017/08/henry-u-inez-casolani-koppja-magc4a7c4a1una-fi-kristu.pdf
  3. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=l-ewwel-koppja-maltija-fit-triq-ghall-qdusija
  4. https://www.tvm.com.mt/mt/news/se-jinbeda-process-biex-l-ewwel-koppja-maltija-jsiru-beati-u-qaddisin/
  5. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20160918/religion/servants-of-god-henry-and-inez-casolani.625430
  6. http://www.inewsmalta.com/articles/article20367.html
  7. http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2016/CIRKOLARI/06%20FTU%C4%A6%20TAL-KAW%C5%BBI%20G%C4%A6ALL-BEATIFIKAZZJONI%20U%20G%C4%A6ALL-KANONIZZAZZJONI%20-%2021.08.15.pdf
  8. https://parroccasafi.files.wordpress.com/2015/08/editt-inez-casolani1.pdf
  9. https://zenit.org/articles/cause-for-beatification-opens-for-maltese-married-couple/

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Playlist twila ta’ vidjos b’kitbiet u informazzjoni dwar il-koppja Henry u Ineż Casolani:

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddejja ta’ Alla, il-koppja Henry u Ineż Casolani hija kitba ta’ Anton Quintano. Il-kumplament tal-informazzjoni huwa meħud mis-sit tal-Laikos.

Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Dun-Mikiel-AttardDUN MIKIEL ATTARD
Saċerdot
1933 – 2004

Tagħrif: Dun Mikiel twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru, 1933, l-ewwel fost tnax-il aħwa, iben Coronato u Anna neè Tabone. Billi kien jaħdem Malta bħala kuntrattur u bennej, missieru kien mar joqgħod bil-familja b’kollox fil-Ħamrun u hekk Dun Mikiel għadda l-ewwel sitta jew seba’ snin ta’ ħajtu joqgħod Malta. Fl-1940, wara li faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Coronato ddeċieda li jirritorna lura bil-familja tiegħu lejn raħal twelidu. Hawn iċ-ċkejken Mikiel beda jiffrekwenta l-MUSEUM fejn fl-1945 ġie aċċettat bħala kandidat.

Ta’ għaxar snin beda wkoll jistudja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Mis-superjuri u l-għalliema kien miżmum bħala student intelliġenti, serju, eżemplari, ta’ ħajja tajba u attent biex iwettaq dmirijietu sewwa. Aktar tard huwa ddeċieda li jimxi wara Kristu fit-triq tas-saċerdozju. Bħala seminarista huwa kien kapaċi jidħak u jiċċajta ma’ sħabu imma fl-istess ħin iħobb il-ħajja ta’ ġabra u talb. Huwa ġie ordnat djaknu mill-isqof Mons. Ġużeppi Pace fl-20 ta’ Diċembru, 1958 u presbiteru fit-12 ta’ April, 1959.

Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq b’żelu kbir, Dun Mikiel ħadem ħafna maż-żgħażagħ. Għal ħafna snin kien direttur spiritwali tal-Football Club Nadur Youngsters fejn, barra mit-talb qabel kull partita, qatt ma kien jonqos li jgħaddilhom kelma tajba. Huwa kien jorganizza laqgħa fix-xahar għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tiegħu u aktar tard waqqaf il-grupp ta’ talb imsejjaħ GYM talb Madonna Ta’ Pinu. Huwa beda joħroġ ukoll il-fuljett ta’ darba fix-xahar “Il-Ħbieb isejħu”. Baqa’ ħafna attiv fil-MUSEUM u spiss kien iżur id-diversi oqsma ta’ Għawdex.

Huwa ħabb ħafna lis-saċerdoti u ħadem kemm felaħ biex jgħinhom f’kull bżonn tagħhom. Fl-1966 beda joħroġ fuljett għalihom, “Aggiornamento,” li fih kien jittratta temi spiritwali u pastorali attwali. Huwa dejjem ħadem id f’id mal-isqof tiegħu, fi spirtu ta’ komunjoni u ubbidjenza, u għen lil sħabu s-saċerdoti jgħixu f’dan l-ispirtu. Anke meta ma kienx mifhum jew sab lil min ma jaqbilx miegħu, huwa dejjem ġarrab kollox fis-skiet għall-imħabba ta’ Kristu.

Kellu ħeġġa kbira għall-erwieħ. Kien lest jissagrifika lilu nnifsu, anke sa tard bil-lejl, biex jisma’, ifarraġ u jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu fil-qrar jew fid-direzzjoni spiritwali. Ħafna nies, fosthom numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, kienu jżommuh bħala d-direttur spiritwali tagħhom. Mix-xhieda ta’ ħajtu u mill-għerf tal-Ispirtu li kellu gawdew ukoll għal ħafna snin is-seminaristi Għawdxin fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. Kien, fil-fatt, direttur spiritwali fis-Seminarju Maġġuri mill-1970 sal-1996. Dun Mikiel kien jibqa’ jsegwihom anke wara l-ordinazzjoni u meta kienu jkunu msefrin.

Kellu spirtu missjunarju kbir. Fit-2 ta’ Ottubru 1982 huwa waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bil-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn il-missjonijiet u jorganizza aħjar il-ħidmiet lokali favur il-missjoni. Ma’ dan il-Grupp huwa organizza esperjenzi missjunarji fl-Eġittu, il-Kenja, l-Etjopja, il-Pakistan, l-Indja, il-Brażil, it-Tuniżija, l-Alġerija u l-Perù.

Kien iħobb sinċerament lil art twelidu, iħoss għall-ħtiġijiet tal-poplu u jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet soċjali. Stinka biex il-Moviment Azzjoni Soċjali jibda jwettaq il-ħidma tiegħu f’Għawdex ukoll.

Kien saċerdot ferħan li għex is-saċerdozju tiegħu b’mod sħiħ. Is-sigriet tiegħu kien l-għaqda intima tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb. Kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna Ta’ Pinu. Kellu mħabba kbira għall-Quddiesa ta’ kuljum, għall-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, għal-Liturġija tas-Sigħat u għar-Rużarju. Lill-Madonna Ta’ Pinu, li spiss kien iżurha fis-Santwarju tagħha, kien jafdalha kull ħidma tiegħu. Huwa kellu xewqa kbira li ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu jitrawwem xi Ordni ta’ patrijiet kontemplattivi, iżda dan it-tenttativ ma rnexxiex. Għen ukoll biex tinfetaħ komunità tas-Sorijiet Dumnikani tal-Klawsura fix-Xagħra, iżda anke dan il-proġett rah ifalli quddiem għajnejh, liema żewġ esperjenzi kkawżawlu tbatija interjuri kbira. Iżda hu, ta’ bniedem spiritwali li kien, għaraf jaċċetta dawn il-fallimenti bi spirtu ta’ fidi u rassenjazzjoni f’idejn Alla. Kien jemmen li Alla għandu ż-żmien u t-triqat tiegħu, u ma ħalla xejn jaqtgħalu qalbu.

Is-saħħa fiżika tiegħu kienet dejjem xi ftit dgħajfa iżda hu, b’kuraġġ u b’fiduċja fl-għajnuna tas-sema, qatt ma żamm lura milli jagħti lilu nnifsu sal-aħħar. L-ispirtu ta’ sagrifiċċju u r-rabta ta’ qalbu mar-rieda tal-Missier, li wera f’kull ħidma pastorali tiegħu, uriha speċjalment fl-aħħar snin tal-mard tiegħu. Kien ilu jbati ħafna minn diversi tipi ta’ mard kroniku, fosthom l-ażżma u l-Parkinson’s disease, sakemm fis-sena 2000 kellu jinxteħet fis-sodda għal kollox. Hemmhekk baqa’ joffri lilu nnifsu bħala offerta ħajja lil Alla sakemm miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju, 2004. Fit-2 t’Awwissu sar il-funeral tiegħu li għalih attendew 116-il qassis. Kienu preżenti wkoll il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u personalitajiet oħra flimkien ma’ folla kbira ta’ nies minn Malta u Għawdex.

Links about Dun Mikiel Attard:  

  1. http://thechurchinmalta.org/en/posts/13839/bishop-mario-grech-sets-in-motion-the-diocesen-beatification-process-of-a-gozitan-priestl-isqof-mario-grech-ihabbar-ftuh
  2. http://gozodiocese.org/2010/11/03/bidu-tal-process-djocesan-ghall-beatifikazzjoni-tas-sacerdot-ghawdxi-dun-mikiel-attard/
  3. http://netnews.com.mt/2014/08/03/l-kanonizzazzjoni-ta-dun-mikiel-attard/
  4. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20140824/gozo/Bid-for-Dun-Mikiel-Attard-to-be-declared-a-saint.532951
  5. https://www.facebook.com/dunmikielattard/
  6. https://www.tvm.com.mt/mt/news/ghada-tibda-tinstema-x-xhieda-ghall-beatifikazzjoni-ta-dun-mikiel-attard/
  7. https://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/09/24/pass-eqreb-biex-dun-mikiel-attard-isir-qaddis/
  8. http://www.sacredheartseminary.org.mt/prayer-meeting-dun-mikiel-attard/
  9. L-aħħar aġġornamenti:

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg

5c1_eugenio_borgEWĠENJU BORG
Superjur
1886 -1967

Tagħrif: Nhar it-12 ta’ Marzu 1997 Mons. Arċisqof ħareġ editt biex tinbeda l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Ewġenju Borġ, magħruf bħala Ġeġe’, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tat-Tagħlim Nisrani (MUSEUM), li kien ħaddiem tat-Tarzna.

Ewġenju Borġ (1886-1967), jew Ġeġe’, kif kien iħobb isejjaħlu San Ġorġ Preca, twieled l-Isla, nhar l-24 ta’ Lulju. Huwa meqjus bħala l-ġebla tax-xewka li fuqha Dun Ġorġ bena l-għaqda tiegħu. Kien hu l-ewwel wieħed li ħareġ u fetaħ l-ewwel dar tal-Museum barra mill-Ħamrun. Kien ukoll l-ewwel wieħed fis-soċjeta’ tal-Museum li ta bidu għall-konferenzi reliġjużi lil dawk li mhumiex membri fis-Soċjetà.

Ta’ ħames snin, il-familja tiegħu marret toqgħod il-Ħamrun (l-istess kif għamel Dun Ġorġ t’età żgħira mill-Belt għall-Ħamrun). F’żgħożitu Ġeġe’ kien iħobb ħafna l-futbol u l-ħbieb. Kien il-leader ta’ sħabu li kienu jiltaqgħu f’għalqa fejn il-Knisja ta’ San Gejtanu, jilagħbu, jiċċajtaw u jpejpu qishom ċumnija. Wara eżami li għadda minnu mat-tieni darba, daħal it-Tarzna bħala mudellatur, sengħa li baqa’ jżommha sakemm irtira, 40 sena wara.

Dixxiplu ta’ San Ġorġ
Meta kellu xi dsatax -il sena iltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Dun Ġorġ, (li dik il-ħabta kien għadu qed jistudja għal qassis). Dun Ġorġ talabhom sigarett u waqaf jitkellem miegħu u ma’ sħabu fl-għalqa. Poġġa bilqiegħda ħdejhom fuq ġebla u qagħad ikellimhom fuq it-tbatija ta’ Kristu. L-għada reġa’ mar ikellimhom jew aħjar jgħallimhom fuq Alla u baqa’ jagħmel dan għal ħafna ġranet. Iżda “darba,” jgħid Ġeġe’, “kif konna hemm, dar fuqi u qalli: ‘Nhar il-Ħadd, int u jien immorru passiġġata flimkien, ġib biċċa ħobż… u xi ħaġa x’tixrob.'” U hekk għamilt; niftakar kont ħadt miegħi Bibbja bl-Ingliż (niftakru li kien għad m’hawnx bil-Malti). Morna l-istazzjon… dħalna ġo għalqa, u bilqiegħda fuq blata taħt siġra kont naqra mill-Bibbja u Dun Ġorġ joqgħod ifissirli. U din mhux darba għamilnieha. Konna ndumu siegħa u nofs, sagħtejn, u ġieli anki aktar, u mbagħad konna mmorru lura d-dar, jiena nerġa’ mmur insib lil sħabi.”

Inqas minn sentejn wara l-ewwel laqgħa ta’ Ewġenju Borġ ma’ Dun Ġorġ, Dun Ġorġ sar qassis. Ġeġe’ beża’ li kien se jitlef lil dan il-ħabib kbir għax fil-fehma ta’ dak iż-żmien, il-qassis biex iżomm id-dinjità tiegħu ma kienx jitħallat ma’ kulħadd u jpoġġi fuq il-ġebel tal-għelieqi. Iżda Dun Ġorġ li x-xewqa kbira tiegħu kienet li jixbah lil Ġesù, baqa’ jiltaqa’ magħhom. Mhux talli hekk, talli fis-7 ta’ Marzu 1907, Ġeġe’‚ u sħabu krew dar b’żewġt ikmamar fejn bdew jiltaqgħu fiha kuljum wara x-xogħol u l-Ħadd filgħodu u wara nofsinhar. Meta Dun Ġorġ talab miż-żgħażagħ li ma jridx iżjed tipjip, ma kinitx faċli u b’mod speċjali għal Ġeġe’ li ġieli pejjep mitt sigarett f’ġurnata. Iżda Ġeġe’‚ li kien jobdi lil Dun Ġorġ b’għajnejh magħluqa, mal-kliem ta’ Dun Ġorġ, qabad il-pakkett tas-sigaretti u rmieh dak il-ħin stess.

Dun Ġorġ għażel lil Ewġenju Borġ bħala l-ewwel superjur ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM, għażla li ġiet konfermata b’elezzjoni mis-soċji fl-1926. L-editt tal-Arċisqof jgħid li Ġeġe’ kien l-aktar membru fidil ta’ Dun Ġorġ, doċli u li kien josserva r-Regola. Kien bniedem ta’ talb u devot kbir tal-Ewkaristija. Minħabba f’hekk, hu kien miżmum bħala eżempju ħaj ta’ kif għandu jkun membru tal-Museum. Min-naħa tiegħu, Dun Ġorġ kien iqisu bħala dixxiplu fidil u, fl-assenza tiegħu, ġieli wkoll faħħar il-qdusija tiegħu.

Ħaddiem tat-Tarzna
“Iżda l-iktar ħaġa li tolqotna u li jista’ jkollha rifless fuq is-soċjetà attwali tagħna fi żminijietna huwa l-fatt li Ewġenju kien ħaddiem tat-Tarzna u hemmhekk wettaq ħafna mill-appostolat tiegħu fost l-istess ħaddiema.” It-Tarzna, “is-sur Ewġen” kien irrispettat ħafna u tant kien jaqdi dmiru bir-reqqa li wħud kienu jsejħulu “l-qaddis.” Fil-ħin ta’ nofsinhar, Ġeġe’ kien jirkeb il-lanċa u jmur jiekol f’restorant, il-Belt. Meta kien jidħol Ġeġe’ hemmhekk, l-irġiel kienu jwissu ‘l xulxin biex iġibu ruħhom sew quddiemu u ma jidgħux. Ġeġe’, li sar jaf b’dil-biċċa xogħol, ġieli dam apposta, ħa jiġi evitat dagħa kemm jista’ jkun! Ġieli wkoll kien jitrakka f’xi ħanut żgħir tal-barklori u jiekol xi ħaġa hemm. Wara li jkellem lill-barklori u n-nies tax-xatt mimlija tpinġija ma’ ġisimhom u magħrufin bħala “injoranti,” kien joqgħod ifissrilhom id-duttrina Nisranija u jgħallimhom jitolbu r-rużarju.

Bniedem bħal Ewġenju Borġ ma setax ma jħallix influwenza kbira fost sħabu l-ħaddiema. L-ispirtu tiegħu baqa’ jinħass fil-ħanut (“il-ħanut tal-appostli”) fejn kien jaħdem fit-tarzna għal ħafna snin wara li rtira mix-xogħol. Il-ħaddiema t’hemmhekk kienu jinħassu mill-mod ta’ kif kienu jġibu ruħhom li ma kinux bħall-oħrajn. Ewġenju “kien ħabib ma’ kulħadd, stmat ħafna mis-superjuri tiegħu u bniedem li jħobb is-skiet. Bil-ħidma bieżla tiegħu Ewġenju wera kif bniedem jista’ jitqaddes ukoll permezz tax-xogħol.”

Problemi ta’ saħħa u mwiet
Fl-1931, Ġeġe’ sar jaf li kien dijabetiku. Il-mewt t’ommu u missieru, li ġrat sena qabel, ħaffietlu t-triq għal din il-marda. Id-dijabete bdiet sa mill-bidu ddgħajjef lil Ġeġe’ minn saħħtu iżda minkejja dan hu baqa’ sal-aħħar jaqdi dmiru lejn Alla, lejn il-MUSEUM u lejn ħutu l-bnedmin. Kien jipprova ma jħallix jum jgħaddi li ma jmurx jgħallem f’xi post jew ieħor. Kien konvint li bniedem bla tagħlim sod ma jistax iħobb lil Ġesù u jgħidlu “iva” b’qalbu kollha. Fl-1941 tah attakk gravi tal-marda u kulħadd ħaseb li se jmut iżda ftit wara għaddielu. Meta faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Ġeġe’ u oħtu evakwaw flimkien ma’ familja f’dar f’Ħal Balzan. Fl-1942 id-dar intlaqtet b’bomba, iġġarfet u qatlet lil oħtu Ġorġina. Ftit xhur wara, Ġeġe’ mar jgħix mas-soċi interni ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fl-1962 miet Dun Ġorġ. Ġeġe’ ddispjaċih ferm u ma staħax juri minn barra l-biki tiegħu. Qabel ma miet huwa mar iżuru kemm-il darba u darba minnhom Dun Ġorġ qallu: “Ġeġe’ issa ħallina mill-biki” u filwaqt li resqu lejh, bierku u qallu: “Fik jiena nbierek is-Soċjetà kollha.” Bejnu u Dun Ġorġ kien hemm rabta soda u qaddisa. Ewġenju Borġ miet ħames snin wara, nhar it-12 ta’ Marzu 1967 fl-età ta’ 81 sena.

Ħsieb: Ftit riflessjonijiet għalik:

* Kemm int lest tqatta’ ħin taqra u titlob bil-kelma t’Alla?
* Kemm int lest tiċċaħħad minn xi ħaġa biex tissoda fil-fidi ?
* Tfittex li twassal il-Kelma t’Alla ma’ kull min tiltaqa’?
* X’jgħidu n-nies fuqek meta tkun riesaq lejhom?
* Taf taċċetta t-tbatija li tiġi fuqek u tgħaqqadha ma’ dik ta’ Kristu?
* Għalik ix-xogħol huwa mezz li bih titqaddes?

Links about Ewġenju Borg:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/88250111/eugenio-borg
  2. http://precacommunity.org/who-we-are/pioneers/eugene-borg/
  3. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=filmat-l-umilta-tispikka-fewgenju-borg-l-ewwel-superjur-generali-tal-museum

 

 

Film fuq San Ġorġ Preca u t-twaqqif tas-Soċjeta’ tal-MUSUEM:

 

Playlist San Ġorġ Preca u l-MUSEUM:

 

 

 

NOTA: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Ewġenju Borg huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

12 ta’ Awwissu: Beatu Innoċenz XI

Verżjoni Vidjo: Beatu Innoċenz XI

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih.” – Ġesù fi Ġwanni 6:56.

Innocent-XI-bBEATU INNOĊENZ XI
Papa
1611 – 1689

Tagħrif: Kien jismu Benedittu. Twieled f’Como fl-1611 u kien ġej mill-familja magħrufa Odescalchi. Wara li studja għand il-Ġiżwiti, minn mindu kellu 15-il sena, hu kien imħarreġ fil-bank tal-familja tiegħu f’Ġenova. Iżda wara sar avukat u sar magħruf għall-onestà, kuraġġ u mħabba kbira lejn il-foqra.

Wara li qabad il-karriera ekklesjastika, il-Papa Innoċenz X li kien iġibu ħafna minħabba l-kwalitajiet sbieħ fih għażlu kardinal meta kellu 33 sena, minkejja li kien għadu mhux saċerdot.

Ordna qassis u kien maħtur isqof ta’ Novara meta kellu 49 sena. Kien elett Papa fl-1676 meta kellu 65 sena. Qabel ma aċċetta li jkun Papa huwa talab li l-kardinali jiftehmu li jtemmu r-riforma tal-Konċilju ta’ Trentu, jiddefendu l-libertà tal-Knisja fil-kontroversja li kien hemm fil-Knisja ta’ Franza msejħa l-Gallikaniżmu u jipproteġu r-reliġjon Nisranija kontra t-Torok.

Il-Papa Innoċenz XI ikkundanna l-kwetiżmu ta’ Miguel de Molinos u ħeġġeġ għat-tqarbin spiss.

Dan il-Papa kkundanna 65 propożizzjoni laxki mxerrda minn xi moralisti. Hu ta direttiva lill-Ġeneral tal-Ġiżwiti biex iqanqal lill-universitajiet tal-ordni biex isostnu l-opinjonijiet l-aktar probabbli fit-teoloġija morali.

Il-Papa Innoċenz XI miet fit-12 ta’ Awwissu 1689, ta’ 78 sena, wara li kien ilu Papa 13-il sena. Papa Piju XII iddikjarah Beatu fl-1956.

Ħsieb: Innoċenz XI kien bniedem ta’ drawwiet sempliċi u ta’ natural ġeneruż, imma sod ħafna fil-ħidma tiegħu kontra l-ħażen u fejn jidħlu ambizzjonijiet jew stravaganzi ekklesjastiċi.

Meta miet dan il-Papa, il-poplu, speċjalment il-foqra li fih sabu veru missier, iffolla lejn il-kadavru tiegħu biex jagħtih l-aħħar tislima, u billi ħafna xtaqu jżommu xi biċċa mil-libsa tiegħu, kellha tiżdied il-gwardja miegħu mejjet.

Il-Papa Innoċenz XI tassew li ħeġġeġ għat-tqarbin ta’ spiss, anke ta’ kuljum, imma basta mhux biex wieħed jagħmel bħal ħaddieħor u basta wieħed joqgħod attent għat-tħejjija u l-qima lejn is-Sagrament. U aħna llum, kemm nagħtuh importanza lil dan is-Sagrament tat-Tqarbin? Kemm qed ninqdew bil-Qrar qabel nitqarbnu? Kemm qed ninbidlu f’Dak li nirċievu?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza li għamel dwar it-Tqarbin nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018, qal dan li ġej:

“Wasalna biex nitkellmu fuq it-Tqarbin, jiġifieri biex aħna ningħaqdu ma’ Ġesù. Qed nirreferi għat-tqarbin sagramentali: mhux it-tqarbin spiritwali, li int tista’ tagħmlu mid-dar tiegħek billi tgħid: ‘Ġesù, nixtieq nirċevik spiritwalment.’ Le, it-tqarbin sagramentali, bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitrejqu bi Kristu, li jagħtina lilu nnifsu kemm fil-Kelma u kemm fis-Sagrament tal-Altar, biex iwaħħadna miegħu. Dan jgħidu l-Mulej stess: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih’ (Ġwanni 6:56). Fil-fatt, il-ġest ta’ Ġesù li ta lid-dixxipli tiegħu Ġismu u Demmu fl-Aħħar Ċena, jissokta llum ukoll permezz tal-ministeru tas-saċerdot u tad-djaknu, ministri ordinarji tat-tqassim tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kalċi tas-salvazzjoni lill-aħwa.

Fil-Quddiesa, wara li jkun qasam il-Ħobż ikkonsagrat, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù, is-saċerdot jurih lill-fidili, u jistedinhom jieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika. Nafuhom il-kelmiet li jidwu minn fuq l-altar imqaddes: ‘Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja: henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.’ Imnebbħa minn silta mill-Apokalissi – ‘hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf’ (Apokalissi 19:9): jgħid ‘tieġ’ għax Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – b’din l-istedina qed isejħilna biex ngħixu l-għaqda intima tagħna ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ qdusija.

Hi stedina li thenni u fl-istess ħin twassalna għall-eżami tal-kuxjenza għad-dawl tal-fidi. Jekk minn naħa, fil-fatt, naraw id-distanza li hemm tifridna mill-qdusija ta’ Kristu, mill-oħra nemmnu li d-Demm tiegħu hu ‘mxerred għall-maħfra tad-dnubiet.’ Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura fil-Magħmudija, u lkoll kemm aħna maħfura u se niġu maħfura kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza. U tinsewx: Ġesù dejjem jaħfer. Ġesù ma jegħja qatt jaħfer. Aħna li negħjew nitolbu maħfra.

Meta jaħseb sewwasew fuq il-valur salfiviku ta’ dan id-Demm, Sant’Ambroġ jesklama: ‘Jien li dejjem nidneb, irrid dejjem nagħmel użu mill-mediċina’ (De sacramentis, 4, 28: PL 16, 446A). B’din l-istess fidi, aħna wkoll indawru ħarsitna fuq il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u nsejħulu: ‘Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi: imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.’ Dan ngħiduh f’kull Quddiesa.

Jekk aħna niċċaqilqu minn postna biex nersqu għat-Tqarbin, aħna nimxu lejn l-altar f’purċissjoni biex nitqarbnu, fir-realtà hu Kristu li jiġi jiltaqa’ magħna biex iwaħħadna miegħu. Hemm laqgħa ma’ Ġesù! Li nitrejqu bl-Ewkaristija jfisser li ninbidlu f’dak li nirċievu. Dan jgħinna nifhmuh Santu Wistin, meta jirrakkonta fuq id-dawl li rċieva meta sema’ lil Kristu jgħidlu: ‘Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tibda tiekol lili, mhux biex tibdel lili fik, bħall-ikel tal-ġisem, iżda biex int tinbidel fija’ (L-Istqarrijiet VII, 10, 16: PL 32, 742).

Kull darba li aħna nitqarbnu, insiru nixbhu iktar lil Ġesù, ninbidlu iżjed f’Ġesù. Kif il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hekk dawk li jirċevuhom bil-fidi jinbidlu f’Ewkaristija ħajja. Lis-saċerdot li, hu u jqarbnek, jgħidlek: ‘Il-Ġisem ta’ Kristu,’ int twieġbu: ‘Ammen,’ jiġifieri tagħraf il-grazzja u l-impenn li jitlob li ssir Ġisem ta’ Kristu. Għax meta int tirċievi l-Ewkaristija, int issir Ġisem ta’ Kristu. Kemm hi ħaġa sabiħa din; hi sabiħa ħafna. Waqt li jgħaqqadna ma’ Kristu, u jneżżagħna mill-egoiżmi tagħna, it-Tqarbin jiftħilna qalbna u jgħaqqadna ma’ dawk kollha li huma ħaġa waħda miegħu. Dan hu l-għaġeb kbir tat-Tqarbin: insiru dak li nirċievu!

Il-Knisja tixtieq tassew li anki l-fidili jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu b’ostji kkonsagrati fl-istess Quddiesa; u s-sinjal tal-mejda Ewkaristika joħroġ b’mod iżjed sħiħ jekk it-Tqarbin imqaddes isir biż-żewġ speċi, imqar jekk nafu li t-tagħlim Kattoliku jgħidilna li taħt speċi waħda nkunu diġà qed nirċievu lil Kristu sħiħ (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 85; 281-282). Skont il-prassi ekkleżjali, il-fidili normalment jersqu lejn l-Ewkaristija f’forma proċessjonali, kif semmejna, u jitqarbnu bilwieqfa b’devozzjoni, inkella għarkupptejhom, kif stabbilit mill-Konferenza Episkopali, u jirċievu dan is-sagrament fuq l-ilsien jew, fejn hu permess, fuq l-id, kif jippreferu (ara OGMR, 160-161). Wara t-Tqarbin, biex ngħożżu fil-qalb tagħna d-don li rċivejna, jista’ jgħinna s-skiet, it-talb fis-skiet. Ikun ta’ għajnuna kbira jekk intawlu xi ftit dan il-mument ta’ skiet, fejn noqogħdu nitkellmu ma’ Ġesù fil-qalb tagħna, kif ukoll jekk inkantaw xi salm jew innu ta’ tifħir (ara OGMR, 88) li jgħinna noqogħdu mal-Mulej.

Il-Liturġija tal-Ewkaristija tagħlaq bit-Talba wara t-Tqarbin. Fiha, f’isem kulħadd, is-saċerdot idur lejn Alla biex iroddlu ħajr li tana sehem miegħu fl-istess mejda u jitolbu li dak li rċivejna jibdel lil ħajjitna. L-Ewkaristija tagħtina s-saħħa biex nagħtu frott ta’ opri tajba ħalli ngħixu ta’ Nsara. Fiha tifsira qawwija t-talba tal-lum, li fiha nitolbu lill-Mulej li ‘l-misteri qaddisa li rċivejna jkunu għalina duwa tas-sema, biex ifejqu lill-qlub tagħna mill-ġibdiet ħżiena, u jwettquna u jħarsuna dejjem’ (Missal Ruman, l-Erbgħa wara l-V Ħadd tar-Randan). Ejjew nersqu lejn l-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jibdilna fih, isaħħaħna iżjed. Kemm hu twajjeb u kbir il-Mulej!”

  • U int, qed qed tħejji ruħek sew biex titqarben b’safa, devozzjoni u gratitudni?

Talba: Mulej, Inti tajtna fil-Beatu Papa Innoċenz XI missier ħanin li jieħu ħsieb il-merħla b’impenn u ġenerożità qaddisa, l-aktar lejn il-foqra, u b’karattru sod ħafna fejn kienet tidħol il-ħidma tiegħu kontra l-ħażen; agħtina li b’talbu aħna naħarbu kull okkażjoni ta’ ħażen u nissaħħu dejjem iżjed bl-Ikel tas-Sema fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-innocent-xi-330

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-pope-innocent-xi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Innocent_XI

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Lulju: Beatu Titu Brandsma

Verżjoni Vidjo: Beatu Titu Brandsma

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek Mulej u mhux tiegħi.” – Il-Beatu Titu Brandsma qal dan meta kien qed jiġi ttorturat, ftit qabel ma qatluh.

TBrandsma_01BEATU TITU BRANDSMA
Presbiteru u Martri
1881 – 1942

Ċempila kbira tal-qanpiena tal-bieb ħasdet il-kunvent kollu tal-Karmelitani ta’ Nejmegen fl-Olanda. Malli fetħu l-bieb, daħlu żewġ pulizija tal-Gestapo. “Irriduh,” qalu “lill-Professur Patri Titu Brandsma.” “Hawn jien,” weġibhom Patri Titu, li kien għadu kif jasal minn vjaġġ mal-Olanda kollha, li kien għamel bl-ordni tal-Arċisqof ta’ Utrecht. “Trid tiġį magħna minnufih,” reġgħu qalulu, “Imma qabel irridu nagħmlu tfittxija sewwa fil-kamra tiegħek.” U kif qalu għamlu.

Fittxew u qallbu ta’ taħt fuq il-kamra, kollha. Imlew bagalja bil-karti u ħadu lil Titu magħhom. Huma u ħerġin mill-kunvent, laħqu nġabru l-patrijiet kollha bid-dmugħ f’għajnejhom. Ħadilhom b’idejhom. Talab għarkupptejh il-barka tal-Pirjol, u bi tbissima fuq fommu qalilhom: “Ftakru fija.” Kienet il-lejla tad-9 ta’ Jannar 1942, il-bidu ta’ tbatijiet ħorox li kellhom iwasslu għall-martirju.

Patri Titu kien twieled fl-1881 f’Ugokloster, il-kbir fost disat aħwa, li ħamsa minnhom saru reliġjużi. Minn ċkunitu kien marradi, irqiq u tant kien qasir li kienu jgħidulu “It-Tikka.” Missieru kellu bżonnu biex igħinu fir-raba’ li kellu, imma malli kellu tnax-il sena Titu ried ikompli jistudja biex isir saċerdot. Fl-iskola kellu suċċessi sbieħ fl-istorja, l-Latin u l-poeżija.

Ta’ sbatax-il sena daħal Karmelitan f’Boxmeer. Saħħtu dejjem kienet ta’ tfixkil għalih, imma qatt ma ried jerġa’ lura mill-ħsieb qaddis tiegħu li jkun ta’ Alla biss. Meta kellu jibqa’ magħluq fil-kamra għal xi żmien minħabba l-marda li kellu, kiteb ktieb ta’ 300 paġna fuq l-opri ta’ Santa Tereża.

Fl-istudju tal-filosofija ħa interess kbir u kien iħobb jaqra u jisma’ fuq il-Karmelitani li f’dak iż-żmien kienu jagħmlu isem fl-Ordni Karmelitan, fosthom il-Professur Malti Patri Anastas Cuschieri. Għalkemm student fdawlu f’idejh it-tmexxija tar-rivista Karmelitana “Batista Mantovanus” li wara ħadet l-isem ta’ “Vanhederlands Carmel.” Sar saċerdot ta’ erbgħa u għoxrin sena u fil-pront intbagħat Ruma, fejn wara ħafna sagrifiċċji ħa d-Dottorat tat-Teoloġija. Malli reġa’ lura l-Olanda, ta ruħu għall-ġurnaliżmu. Għen fit-twaqqif ta’ gazzetta Kattolika u ta’ rivista oħra Karmelitana “Carmelrozen” fl-istess waqt li kien jgħallem l-istudenti Karmelitani.

Patri Titu kellu ħeġġa tal-għaġeb. Fetaħ skola tal-kummerċ, u f’Oldenzaal skola tal-arti. Kiteb ħafna kotba storiċi, filosofiċi, u beda jaqleb għall-Olandiż l-Oprį ta’ Santa Tereża. Kien dejjem iżur il-morda, jilqa’ lil kulħadd, mingħajr qatt ma jitlef it-tbissima minn fommu. Ħadem ferm għall-gazzetta Kattolika “Il-Belt ta’ Oss” u beda t-twaqqif ta’ biblijoteka pubblika li llum iġġib ismu. Kien iħobb ferm il-missjonijiet. Mar il-Brażil u xtaq li jkun missjunarju fl-Indonesja.

Fl-1923, inħatar Professur tal-Filosofija fl-Università Kattolika ta’ Nejmegen, u disa’ snin wara għażluh bħala Rettur tal-istess Università, li mexxieha ferm ‘il quddiem; kollox għall-ġieħ ta’ Alla u ta’ pajjiżu li kien iħobb ferm. Waqqaf fl-istess Università istitut fuq il-mistika Olandiża, u kien jagħmel wiċċu jittallab biex ikollu boroż ta’ studju għall-istudenti fqar. Patri Titu kien devot ferm tal-Madonna. Irnexxielu jiftaħ Kunvent tal-Karmelitani f’Nejmegen, minn fejn wara ġie arrestat. Kiseb u irranġa l-Knisja tal-Karmnu f’Magonza. Ħareġ ktieb fuq il-Mistiċiżmu Karmelitan li jsaħħar lil min jaqrah.

Minn żgħożitu kien iħobb il-faqar u kien jistmerr in-nuqqas ta’ ħaqq. Kiteb bl-aħrax kontra n-Nażismu li kien jaħqar il-Lhud, u kontra, s-Soċjaliżmu Nażista li ma kienx jaf x’inhu ħaqq. Billi fl-Olanda kien hemm ħamsa u għoxrin ġurnal Kattoliku li kienu jilħqu kważi kull familja Kattolika, l-Arċisqof De Jong ħaseb biex ħatar lil Patri Titu bħala l-Konsulent Ekklesjastiku għall-ġurnali kollha Kattoliċi tal-Olanda u bħala ċensur tal-“Gelderenger” ta’ Nejmegen.

Kollox kien miexi sewwa, imma meta n-Nażisti daħlu fl-Olanda, riedu kollox taħt idejhom u kif iridu huma. Ġagħlu lill-gazzetti Kattoliċi jxandru aħbarijiet u dikjarazzjonijiet li l-Arċisqof De Jong u Patri Titu dehrilhom li huma kontra s-sewwa u kontra l-ħaqq. Patri Titu kien igħid: “Il-gazzetta Kattolika hija l-ewwel pulptu, barra mill-knisja.” Għalhekk bil-parir tal-Arċisqof De Jong bagħat ċirkulari lill-gazzetti Kattoliċi kollha biex ma jxandru xejn kontra t-tagħlim tal-Knisja. Patri Titu ġie mwissi mill-pulizija imma għalxejn. Is-sewwa ma jċedi lil ħadd. Ħbiebu ħajruh jistaħba, imma Patri Titu kien jibża’ minn Alla biss. Meta dehrilhom il-pulizija Nażista arrestaw lil Patri Titu, fejn qalulu ċar u tond li l-ħtija tiegħu kienet li ried jobdi lill-Arċisqof u mhux lilhom.

Kien mibgħut l-ewwel fil-ħabs ta’ Skeveningen. Kien f’ċella waħdu jitlob u jikteb fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża u għalih kienet ta’ faraġ kbir. Wara xahrejn intbagħat f’ħabs ieħor u fl-aħħar f’Dachau, fejn neħħewlu u ħadulu kulma kellu, kuruna, brevjar u l-ħwejjeġ, u libbsuh ta’ ħabsi bin-numru 30491. Fil-ħabs ma kien jilminta qatt, dejjem ifittex li jfarraġ u jgħin lil kulħadd. F’Dachau fost tant priġunieri oħra, l-aktar qassisin Pollakki, iltaqa’ ma’ Karmelitan, Fra Rafel Tijhuis, li waqaf ħafna ma’ Patri Titu meta dan kien ikun imsawwat bis-saqajn u bil-frosta mill-gwardjani.

Patri Titu kellu ħsiebu dejjem f’Alla. Kien iħobb igħid “Ġesù ftakar li qiegħed waħdi miegħek. Qatt ma kont hekk qrib tiegħek f’ħajti. Ibqa’ dejjem miegħi.” Imma saħħtu ma kinitx tiflaħ għan-nuqqas ta’ ikel, xogħol iebes u swat. Darba f’ġurnata ta’ xita qawwija ġie mixħut b’daqqa ta’ sieq f’għadira tajn. Dam hemm erba’ sigħat, bla ma ħadd seta’ jgħinu. Il-faraġ waħdieni tiegħu kien meta Fra Rafel Tijhuis kien jirnexxielu jġiblu bil-moħbi lil Ġesù Ewkaristija mingħand xi saċerdot Tedesk. L-istess Rafel Tijhuis ma felaħx jara lil Patri Titu jbati bil-mard li kellu. Għamel kuraġġ u mar sab il-Profs. tal-kamp li qallu biex iġiblu lil Patri Titu. Kif Patri Titu daħal fil-klinika, it-tabib bagħat lil Fra Rafel ‘il barra, u kif soltu kienu jagħmlu lill-priġunieri lil Patri Titu tawh l-injezzjoni “tal-grazzja,” jiġifieri tal-mewt.

Miet fis-26 ta’ Lulju, 1942. Lill-infermiera li tagħtu l-injezzjoni bl-aċidu karboliku ta l-kuruna tar-rużarju tiegħu li kien għamel b’xi “imbarazz” li sab fil-ħabs. “Ma nitlobx, ma nafx nitlob,” qaltlu l-infermiera meta ta l-kuruna. “Tibżax biżżejjed jekk tgħid biss fuq kull żibġa, itlob għalina midinbin,” qallha Titu Brandsma”. “Jiena nibqa nitlob għalik.” kompla jgħidilha. Dan ħareġ fix-xhieda l-infermiera tat waqt il-kawża tal-Beatifikazzjoni. L-infermiera tgħid li bis-saħħa ta’ dan hija reġgħet bdiet tipprattika l-fidi Nisranija.

Patri Titu Brandsma kien beatifikat mill-Papa Qaddis Ġwann Pawlu II fit-3 ta’ Novembru, 1985. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Il-fdalijiet tal-Beatu Titu Brandsma flimkien mal-kitbiet tiegħu kienu maħruqa fil-kamp ta’ konċentrament u taru mar-riħ, imma xhieda tiegħu daqshekk b’saħħitha u ħajja tagħmlu l-vera protettur modern tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Ħsieb: IT-TRIQ TAS-SALIB – Bi ħsibijiet tal-Beatu Titu Brandsma O.Carm:

1. Ġesù kkundannat għall-mewt ~ O Ġesù, il-poplu li f’nofsu għaddejt tagħmel il-ġid, ħallas l-imħabba tiegħek bl- ingratitudni u bl-inġustizzja, u għajjat: “Sallbu!” Imma int sofrejt aktar meta Pilatu, bl-iskuża li ried jagħmel ħaqq – bħallikieku hu kien innoċenti jew li ma seta’ jagħmel xejn quddiem dik l-għajta – minkejja li ddikjara li ma sab fik ebda ħtija, ikkundannak għall-mewt l-aktar kiefra u ta’ mistħija: dik tas-salib. Imma inti batejt u bqajt sieket. O Marija, dik l-għajta kiefra tal-poplu u dik is-sentenza inġusta ta’ Pilatu nifdulek qalbek bħal sejf ta’ niket. Imma int ukoll, bħal Ibnek Ġesù, bqajt tbati fis-skiet.

2. Ġesù mġiegħel jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’kuraġġ hemm moħbi quddiem it-tbatija u fit-tgħanniqa tiegħek mas- Salib, li b’kefrija qegħdulek fuq spallejk biex fuqu jsammruk u joqtluk! Inti għannaqtu għall-imħabba tiegħek lejja, biex hekk tpatti għal dnubieti u ttaffi t-tbatijiet tiegħi. O Marija, x’għafsa ta’ qalb ħassejt, meta s-salib tqil u tal-biża’ tqiegħed fuq spallejn Ibnek.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba taħt is-salib ~ O Ġesù, quddiem id-dgħufija tagħna, u mifnija mid-diżgrazzji li jkidduna, inti ridt tagħtina eżempju ta’ kuraġġ. X’umiljazzjoni kellha tkun għalik, is-Sid tas-sema u l-art, li ma kontx kapaċi ġġorr salibek bi kburija u b’qawwa, imma li taqa’ tul it-triq. O Marija, min jaf xi tbatija ħassejt, meta rajt lil Ibnek hekk umiljat, li jċedi taħt is-salib. Kemm batejt meta rajt li ħadd ma għenu, minflok qajmuh bl-herra u ġagħluh jieħu mill-ġdid fuq spallejh is-salib!

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima ~ O Ġesù, x’dulur kiefer ieħor ġarrabt meta bla ma ridt, kellek tħalli lill-għażiża Ommok taqsam miegħek it-tbatijiet, li int aċċettajt minħabba fina. Min jaf kemm xtaqt teħlisha minn dawn id-duluri ġodda. Imma dawn kellhom iservu għall-qdusija u l-glorja tagħha: u ridt li jkunu sinjal għal Ġwanni u għalina biex nersqu lejk, l-Imgħallem divin tagħna. O Marija, għalkemm kien diffiċli għalik, imħabbtek ġagħlitek timxi l-istess triq tas-salib li għadda minnha Ibnek, u mħabbtek kaxkret magħha lil Ġwanni wkoll.

5. Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’dulur u x’umiljazzjoni, li wieħed barrani kien imġiegħel jgħinek, filwaqt li dawk li jħobbuk, bħalma kien Ġwanni – li żgur, kieku seta’, kien lest li jġorr is-salib tiegħek – ma tħallewx jersqu lejk! Lil min nixbah jien, lil Xmun jew lil Ġwanni? O Marija, kemm tbatija kellek iġġarrab meta s-suldati, bl-għan li jaraw lil Ibnek jasal ħaj sa fuq is-salib, m’aċċettawx l-għajnuna ta’ dixxiplu, iżda ġagħlu jgħinu wieħed barrani.

6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù ~ O Ġesù, x’ġentilezza wrejt tul it-triq tas-salib, meta bħala tifkira ta’ tbatijietek inti stampajt il-Wiċċ divin tiegħek fuq il-velu li bih il-mara twajba naddfet lill-Wiċċ qaddis tiegħek. Jalla din ix-xbieha tibqa’ mnaqqxa f’moħħi, biex dejjem inżomm quddiem għajnejja t-tbatijiet tiegħek bħala eżempju. O Marija, x’teżor kellu jkun għalik dan il-velu mqaddes! B’liema ħniena inti kkontemplajtu, u x’kuraġġ u x’qawwa tatek din it-tifkira tat-tbatijiet ta’ Ibnek.

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib ~ O Ġesù, ma kienx biżżejjed għall-għedewwa tiegħek li taħt it-toqol tas-salib inti taqa’ darba biss, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejk bi tmaqdir fin-nuqqas ta’ ħila tiegħek. O Marija, kemm qsim il-qalb għan-nuqqas ta’ għajnuna murija ma’ Ibnek l-għażiż. Żgur li ħarist madwarek, biex tara jekk xi ħadd riedx jieħu fuq spallejh it-toqol kbir tas-salib, u bħaċ-Ċirinew, titolbu jerfa’ l-piż kollu.

8. Ġesù jitkellem ma’ wlied Ġerusalemm ~ O Ġesù, il-kliem li inti għedt lin-nisa li tħassruk tul it-triq tas-salib, tgħidu lili wkoll: “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom, għaliex jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk aħdar, x’sejjer jiġri miz-zokk niexef?” Qed niftakar ukoll il-kliem l-ieħor: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-sema, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-sema.” Mhux biżżejjed li jien nitħassar it-tbatijiet tiegħek, jeħtieġ ukoll nieħu sehem miegħek, u b’qalb ġeneruża naċċetta minn idejk in-niket u l-provi li inti tibgħatli, u nġorrhom f’għaqda sħiħa miegħek. Inti d-dielja, aħna l-friegħi: jekk ma nibqgħux magħqudin Miegħek, ninxfu u ma nkunu niswew għal xejn. O Marija, inti mhux biss urejt ħniena, imma mxejt ma’ Ibnek it-triq kollha tas-salib: ħu lili wkoll miegħek.

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba ~ O Ġesù, bit-tliet waqgħat tiegħek taħt is-salib, inti ridt tpatti għat-tliet ċaħdiet tal-appostlu tiegħek, li kien jaħseb li huwa qawwi, u għall-waqgħat imtennija tagħna fid-dnub. Inti wrejtna wkoll li wżajt il-ftit saħħa li kien baqagħlek biex tasal sal-quċċata tal-għolja tal-martirju. Fis-salib, u fit-tbatijiet li tibgħatilna, int tgħallimna nagħmlu ħilitna kollha ħalli naqdu d-dmirijiet li l-ħniena tiegħek fdatilna f’idejna, u biex kull darba li aħna naqtgħu qalbna u nogħtru, inħarsu lejn il-waqgħat tiegħek taħt is-salib u minnhom nieħdu l-qawwa li jkollna bżonn. O Marija, int kont xhieda ta’ kif Ibnek uża sal-aħħar ħiltu kollha; għinna nħarsu lejh meta t-twettiq tad-dmirijiet ta’ ħajjitna jsiru tqal wisq biex inġorruhom.

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu ~ O Ġesù, kif irnexxielek tixrob il-kalċi tat-tbatija sal-qiegħ, b’rieda sħiħa li tkun mislub mal-għuda iebsa tas-Salib, imneżża’ minn kollox! Għażilt il-kalċi tal- morr u warrabt ix-xarba li riedu jagħtuk biex itaffulek it-tbatijiet. O Marija, żgur li qalbek kienet mimlija b’qawwa speċjali fit-tbatija tiegħek ma’ Ibnek, filwaqt li rajtu mneżża’ minn ħwejġu kollha, jirrifjuta x-xorb li bih seta’ jnaqqas is-sensibilità tiegħu għall-uġigħ. Kemm kien qawwi għalik dan l-eżempju biex quddiem din il-kefrija kollha inti tibqa’ magħquda miegħu.

11. Ġesù msammar mas-salib ~ O Ġesù, kellha tkun ħaġa tassew tal-biża’ għalik li tkun mislub mal-għuda tas-salib bl-imsiemer hekk ħorox, biex imdendel minn dawn il-feriti, tmut bil-mod il-mod. O Marija, is-sejf tad-dulur imħabbar minn Xmun nifidlek qalbek, l-aktar meta smajt id-daqqiet kiefra tal-martell, li bihom il-qattiela nifdu l-idejn u r-riġlejn tal-Iben divin tiegħek u waħħluh mas-salib.

12. Ġesù jmut fuq is-salib ~ O Ġesù, għalina huwa misteru li ma nistgħux nifhmuh, kif inti, fi tmiem il-ħidma tiegħek, ridt tmut għalina u tidħol fis-saltna tal-mewt bħallikieku l-missjoni kollha tiegħek kienet falliment, bħallikieku ħajtek kollha kienet bla fejda, hekk li fid-deher kienet rebħa għall-għedewwa tiegħek. O Marija, min jaf x’ħassejt meta rajt it-tmiem tal-missjoni ta’ Ibnek, li tarah imut quddiem għajnejk bl-aktar mewta kiefra u ta’ mistħija, ukoll jekk il-fidi tiegħek kienet tgħidlek il-kuntrarju: li Huwa kellu jirbħilna l-ħajja mill-ġdid proprju permezz ta’ din it-triq.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib ~ O Ġesù, x’eżempju tajt lil Ommok wara mewtek, meta ħallejt il-ġisem mejjet tiegħek jitqiegħed fi ħdanha. Dan kellu jżidilha d-dulur tagħha u wkoll jagħmilha ħaġa waħda mad-dulur u t-tbatijiet tiegħek, imma fl-istess ħin Inti mlejtha bil-qawwa tiegħek biex imbagħad tkun tista’ tagħmilha ‘Sultana tal-Martri.’ O Marija, Omm tad-duluri, meta l-Knisja tikkontemplak bil-ġisem ta’ Ġesù fi ħdanek, tpoġġi fuq fommok dawn il-kelmiet: “O intom, li għaddejjin minn hawn, araw jekk hemmx dulur bħal tiegħi!” Għallimni nikkontempla miegħek il-Ġisem ta’ Ibnek divin, biex magħkom inġorr it-tbatijiet tiegħi.

14. Ġesù mqiegħed fil-qabar * ~ Ġesù, kull meta nħares lejk inħoss li tħobbni, li tqisni l-egħżeż fost il-ħbieb, u nħoss li nħobbok bħala l-akbar ġid li għandi. Jien naf, Mulej, li mħabbtek titlob kuraġġ u tbatija, iżda t-tbatija hi t-triq waħdanija li twassal fid-dija tal-glorja tiegħek. Mulej, jekk f’qalbi niket jiżdied ma’ niket inqisu rigal sabiħ tiegħek, għaliex jagħmilni nixbhek u jgħaqqadni miegħek. Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa; m’għandi bżonn ħadd ħliefek, ma nibżax noqgħod waħdi għaliex, Int, ħdejja. Ibqa’ hawn, Ġesù, tħallinix waħdi; kull fejn tgħix Int, Mulej, kollox ħafif … kollox sabiħ!

* Il-Beatu Titu Brandsma kien maqtul qabel temm jikteb din il-Via Sagra. Minflok ħsieb bħal fl-istazzjonijiet l-oħrajn, għandna t-talba “Quddiem xbieha ta’ Ġesù fiċ-ċella tiegħi” li huwa stess kiteb fil-ħabs ta’ Scheveningen nhar it- 12 ta’ Frar, 1942.

Talba: O Alla ħanin li tista’ kollox, int li fdejtna bil-passjoni mqaddsa ta’ Ibnek Ġesù Kristu, għoġbok li tgħaqqad mas-sofferenzi tiegħu, is-sofferenzi tal-Beatu Titu Brandsma; żomm sħiħa fina l-opra tal-ħniena tiegħek biex ngħixu dejjem fidili lejk u aħna wkoll ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma ta’ Ibnek lill-Għażiż għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-titus-brandsma-priest-and-martyr-m

Alternative Reading: http://carmelnet.org/brandsma/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Titus_Brandsma

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit: fleurdelysmalta.parish

8 ta’ Lulju: Santa Marija Ermelina ta’ Ġesù u sitt sħabha

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Ermelina ta’ Ġesù u sitt sħabha

“Mingħajr eżitazzjoni, nagħtik ir-risposta tiegħi – IVA! Jiena dħalt l-istitut b’xewqa kbira u b’konvinzjoni biex immur … Jiena nistenna dan il-mument, lesta biex nitlaq fejn l-ubbidjenza ssejjaħli, mingħajr distinzjoni ta’ pajjiżi jew xogħlijiet ….” – Santa Marija Ermelina ta’ Ġesù lil Marija tal-Passjoni, fundatriċi u superjura ġenerali tal-Komunità tagħha meta sejħitilha biex tmur għall-missjoni fiċ-Ċina.

compSANTA MARIJA ERMELINA TA’ ĠESÙ U SĦABHA
Martri taċ-Ċina
†1900

Tagħrif: Marija Ermelina ta’ Ġesù kienet is-superjura ta’ dan il-grupp ta’ sorijiet.

Imwielda f’familja fqira, il-ġenituri tagħha ma fehmux il-vokazzjoni reliġjuża tagħha, u bdiet tgħallem lil xi studenti biex tkun tista’ taqla’ xi flus u jkollha l-indipendenza.

Fl-aħħar, fl-1894, hi ħalliet id-dar u bdiet tlesti biex tidħol mal-Franġiskani Missjunarji ta’ Marija f’Vannes, fi Franza.

Mogħnija b’personalità ħelwa u mimlija mħabba, Marija Ermelina, bniet relazzjonijiet tajba fost ħutha s-sorijiet u iktar tard ma’ dawk li kienet taħdem magħhom.

Meta kienet imsejħa għall-missjoni fiċ-Ċina minn Marija tal-Passjoni, fundatriċi u superjura ġenerali tal-Komunità tagħha, Marija Ermelina kitbet: “Mingħajr eżitazzjoni, nagħtik ir-risposta tiegħi – IVA! Jiena dħalt l-istitut b’xewqa kbira u b’konvinzjoni biex immur … Jiena nistenna dan il-mument, lesta biex nitlaq fejn l-ubbidjenza ssejjaħli, mingħajr distinzjoni ta’ pajjiżi jew xogħlijiet …

Is-sitt sorijiet li marru magħha kienu Mary Adolphine, Olandiża; Maria Chiara , Taljana; Maria tal-Paċi, Taljana; Mary Amandine, Belġjana; Mary of St.Just, Franċiża; u Mary of St Nathalie imwielda Belle-Isle-in-Terre.

Marija Ermelina, flimkien mas-sorijiet tagħha, kienu stazzjonati f’Tai-Yuen-Fou, iċ-Ċina. Dawn kienu jieħdu ħsieb lin-nisa, lill-orfni, lill-morda u liż-żgħażagħ, bi mħabba kbira.

Is-seba’ Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, kienu ilhom fiċ-Ċina ftit aktar minn sena, meta ġew mitfugħa l-ħabs u mogħtija l-mewt, fid-9 ta’ Lulju, 1900. Kienet il-Boxer Revolution.

Xi ħadd li kien f’dan il-ħabs u kien baqa’ ħaj, qal li huma marru għall-mewt ikantaw “Te Deum Laudamus – Lilek O Alla nfaħħru.” Ġew ikkanonizzati fl-1 ta’ Ottubru, 2000, minn San Ġwanni Pawlu II, Papa. Is-Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija huma preżenti wkoll f’Malta.

ĦsiebIl-Missjunarji Franġiskani ta’ Marija daħlu Malta fl-1911 matul il-persekuzzjoni fil-Portugall skont ix-xewqa tal-Kardinal Ferrata. L-ewwel dar tagħhom kienet is-Seminarju Qadim fl-Imdina, wara 6 xhur, billi s-Seminarju kien imwiegħed lil kongregazzjoni oħra li ġiet eżiljata mill-Alġerija, marru f’Villa Bologna, li kienet tappartjeni lil Lord Strickland li kien fl-Awstralja u baqa’ hemm għal 7 snin .

Meta Lord Strickland ġie lura f’Malta, il-FMM marru f’Birkirkara, faċċata tal-Oratorju għal sentejn u fl-aħħar, fl-1920 huma stabbilew ruħhom f’Ħal Balzan fejn għadhom hemm sal-lum.

Il-Missjunarji Franġiskani ta’ Marija jammontaw għal 6966 Soru ta’ 80 Nazzjonalità, mifruxa fi 800 dar f’76 pajjiż madwar id-dinja fil-5 kontinenti. Il-Missjunarji Franġiskani ta’ Marija għandhom kull xorta ta’ ministeri:

  • l-edukazzjoni tat-tfal kif ukoll tal-adulti,
  • xogħol soċjali,
  • infermiera,
  • ħidma ma’ nies bi bżonnijiet speċjali u oħrajn.

M’għandhomx prijorità għal kwalunkwe xogħol ħlief li jmorru fejn il-Knisja teħtieġhom, speċjalment fost il-foqra.

Il-kariżma tal-FMM:
– L-offerta fl-imħabba tal-ħajja tagħhom għall-Knisja u għad-dinja,
– Kontemplazzjoni tal-Ewkaristija fl-Adorazzjoni
– Missjonijiet fejn iħabbru s-Saltna t’Alla
– Imħabba bħal ta’ Marija
– Spirtu Franġiskan

Id-dinamiżmu ta’ din il-kariżma huwa sostnut mill-isforz ta’ kuljum ta’ kull waħda minnhom biex jgħixu dan l-idejal, flimkien ma’ ħajja ta’ talb, b’mod speċjali quddiem Ġesù fl-Ewkaristija.

Kontemplazzjoni tal-Ewkaristija permezz ta’ Adorazzjoni
F’Malta ħafna mis-Sorijiet li għandna huma anzjani. Filwaqt li dawk iżgħar huma nvoluti f’diversi appostolati fid-djoċesi. Dawk li mhumiex attivi wisq, jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom għat-talb u l-adorazzjoni Ewkaristika.

Santa Marija tal-Passjoni, kienet tgħid: “Ġesù fl-Ewkaristija huwa ċ-ċentru tal-ħajja tagħna u l-Kostituzzjonijiet tagħna jkomplu – il-parteċipazzjoni tagħna fit-tbatija ta’ Kristu, fl-Adorazzjoni Ewkaristika, tinfirex mal-ħajja sħiħa tagħna b’radd ta’ ħajr, offerta u interċessjoni.” U tkompli – “Ġesù fl-Ewkaristija huwa l-akbar missjoni tal-Istitut. Ir-reliġjuża tfittxu fl-Ewkaristija fil-ħin liberu kollu tagħha u bħal Esther, hija tidħol għall-Knisja u għall-erwieħ.”

Dan huwa s-siġill tal-Vokazzjoni tagħhom – l-Adorazzjoni ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Dan huwa dak li jwiegħdu fil-Professjoni perpetwa – li jiddedikaw lilhom nfushom għall-Adorazzjoni ta’ Ġesù fl-Ewkaristija u li joffru ħajjithom għall-Knisja u s-Salvazzjoni tad-dinja.

  • U int, kemm tagħti importanza lill-ħin li n-nisrani hu msejjaħ li jgħaddi qrib Ġesù fl-Ewkaristija u toffri ruħek għall-ġid tal-Knisja u għas-Salvazzjoni tal-erwieħ fid-dinja?

Għal aktar informazzjoni dwar is-Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija f’Malta, ara din il-link: http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1687/the-franciscan-missionaries-of-mary

Talba: Mulej, Santa Marija Ermelina u sħabha, laqgħu bil-qalb is-sejħa tiegħek biex jaqdu l-missjoni tagħhom għalik fiċ-Ċina u hemmhekk mietu martri b’kant ta’ tifħir lejk fuq fommhom, agħtina li għat-talb tagħhom, aħna naqdu r-rwol tagħna fil-Knisja llum b’ġenerożità, b’impenn nisrani u b’kuraġġ quddiem kull ostaklu li naffaċċjaw. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.fmm.org/pls/fmm/v3_s2ew_consultazione.mostra_pagina?id_pagina=1408

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyr_Saints_of_China

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Lulju: San Anton Marija Zaccaria

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Zaccaria

“Irridkom tkunu lkoll qaddisin, u qaddisin mhux żgħar.” – Hekk kien iħobb jirrepeti San Anton Marija Zaccaria lill-ulied spiritwali tiegħu.

039SAN ANTON MARIJA ZACCARIA
Saċerdot
1502-1539

Tagħrif:  San Anton twieled fi Cremona, l-Italja, fl-1502. Kien għadu ta’ ftit xhur u ommu kellha biss tmintax-il sena meta tilef lil missieru. Iżda ommu, li kienet mara qaddisa, ħadet ħsiebu sew u ma setgħetx ittellgħu aħjar.

Studja l-mediċina fl-Università ta’ Padova u fl-1524, meta kellu tnejn u għoxrin sena, laħaq tabib. Mar jaħdem f’pajjiżu, iżda ma damx ma beda jħoss li għandu jagħmel aktar ġid lir-ruħ milli lill-ġisem, għalhekk filwaqt li kompla jipprattika l-professjoni tiegħu beda jistudja biex isir saċerdot, u qaddes fl-1528, meta kellu sitta u għoxrin sena.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu mar Milan u hemm daħal fil-konfraternità tal-Għerf Divin.

Bil-għajnuna tal-Kontessa ta’ Guastella waqqaf Komunità ta’ sorijiet bl-isem ta’ “Anġeliċi ta’ San Pawl.” Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien li l-membri jieħdu ħsieb it-tfajliet u n-nisa li jkunu qabdu jew ser jaqbdu ħajja ħażina. Dan kien l-ewwel Ordni ta’ sorijiet li kien mogħti għall-appostolat dirett bla rabta tal-klawsura.

Fl-1530 waqqaf l-Ordni tal-“Kjeriċi Regulari ta’ San Pawl” li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tiġdid tal-kult Kattoliku u tal-ħajja nisranija bil-prietki u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Billi ċ-ċentru tal-Ordni kien il-knisja ta’ San Barnaba, il-patrijiet ġew imsejħa Barnabiti.

Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù. Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu. Kien hu wkoll li daħħal fil-Knisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Meta kien qed jipprietka fil-belt ta’ Guastella ħassu ħażin, ħaduh Cremona fid-dar ta’ ommu li kienet għadha ħajja, fejn miet fl-età ta’ 37 sena, fil-5 ta’ Lulju, 1539.

Sebgħa u għoxrin sena wara mewtu sabu ’l ġismu għadu sħiħ. Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju, 1897 mill-Papa Ljun XIII.

Ħsieb: Omm Anton-Marija Zaccaria li kienet żagħżugħa meta miet żewġha, irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ biex tiddedika ruħha għall-edukazzjoni ta’ binha u f’opri ta’ karità.

Anton-Marija kien konxju ħafna tat-tbatijiet tan-nies ta’ żmienu, u xewqan li jfejjaqhom iżjed mill-ġrieħi tar-ruħ aktar milli minn dawk tal-ġisem, għalhekk aktar tard, wieġeb għas-sejħa li jsir saċerdot.

Minbarra ż-żewġ fundazzjonijiet, huwa waqqaf ukoll it-tielet waħda bl-isem, “I Maritati di San Paolo,” li tinvolvi lajċi miżżewġa f’impenn appostoliku kostanti.

Billi kien mixli bħala eretiku u ribell, il-qaddis kellu jmur Ruma, imma kien dikjarat meħlus minn kull akkuża.

Il-drawwa tal-40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat u tad-daqq tal-qniepen nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00 p.m. b’tifkira tal-mewt ta’ Kristu, jeżistu wkoll fostna l-Maltin u l-Għawdxin.

San Anton Marija Zaccaria miet mifni bix-xogħol iebes u bil-penitenzi, waqt waħda mill-missjonijiet tiegħu fi Guastella. Minkejja li l-ordni tiegħu llum jgħodd inqas minn 500 membru, għandhom diversi missjonijiet fil-Brażil, fiċ-Ċile, fl-Arġentina, fil-Kongo u fl-Afganistan.

L-awsterità tal-ispiritwalità ta’ San Anton Marija Zaccaria u l-qawwa tal-predikazzjoni tiegħu, probabbilment kienet tqanqal reazzjoni ħażina f’ħafna nies illum. Meta anke xi psikjatri jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ sens tad-dnub, jista’ jkun il-waqt li ngħidu lilna nfusna li mhux kull ħażen huwa spjegat minn diżordni emozzjonali, subkonxji u passjonijiet tas-sensi, influwenza tal-ġenituri, eċċ. Il-prietki dwar il-mewt u l-infern fi żminijietna donnhom jidhru antikwati. Minflok dawn, illum tajna lok għal omeliji pożittivi, inkoraġġanti u Bibliċi. Huwa veru li neħtieġu l-assigurazzjoni tal-maħfra, inqas ansjetà, u ġejjieni mimli tama. Imma għadna bżonn profeti biex iqajmuna mir-raqda li ninsabu fiha u jgħidulna li: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġwanni 1: 8).

  • U int, kemm int konxju tal-mewt, ġudizzju, infern u ġenna hekk li qed tgħix b’dawn f’moħħok?
  • X’qed tikkontribwixxi ta’ ġid għall-proxxmu tiegħek?
  • Probabbilment ma tistax twaqqaf kongregazzjonijiet, imma qiegħed bħal San Anton Marija Zaccaria tnissel ferħ, hena, paċi, faraġ, bi kliemek, bl-imġiba tiegħek, bl-eżempju tiegħek u bil-mod kif iġġib ruħek ma’ ħaddieħor?
  • Tagħmel użu mill-bosta adorazzjonijiet Ewkaristiċi li jiġu organizzati fil-knejjes tagħna jew mill-kappelel tal-adorazzjoni li għandna miftuħa għal ħin twil kważi f’kull belt jew raħal?

Talba: Agħtina, Mulej, li nimxu fuq l-għerf ta’ Kristu, li jisboq kull għerf ieħor, u nitgħallmuh skont l-ispirtu ta’ l-appostlu San Pawl, kif tgħallmu Sant’Anton Marija Zaccaria, biex seħħlu jxandar bla heda l-bxara tas-salvazzjoni lill-Knisja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-anthony-mary-zaccaria-529

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-zaccaria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Maria_Zaccaria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

8 ta’ Ġunju: Beata Marija Droste zu Vischering

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Droste zu Vischering

“Kemm hu invenzjoni ta’ mħabba s-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.” – San Alfons de Liguori.

Blessed_Maria_Droste_zu_Vischering00011BEATA MARIA DROSTE ZU VICHERING
Reliġjuża
1863 – 1899

Tagħrif: Twieldet fit-8 ta’ Settembru 1863, f’Munster, fil-Ġermanja, minn ġenituri nobbli. Kienet tewmija ma’ ħuha Max.

Ommha nisslet fiha mħabba kbira lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Ta’ 12-il sena għamlet l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-isqof u ħasset ix-xewqa li ssir reliġjuża.

Daħlet mas-sorijiet tal-Bon Pastur f’Munster fl-1888, meta kellha 25 sena u tawha l-isem ta’ Swor Marija tal-Qalb Divina.

Sa minn meta kienet għadha novizza ħasset lil Ġesù jsejħilha biex tkun qrib il-qalb tiegħu u tgħallmet kif tħaddan it-tbatija. Kienet devota kbira tal-Ewkaristija u sikwit kienet tħoss messaġġi mistiċi.

Fl-1864, Intbagħtet Lisbona u ftit wara saret is-superjura fil-kunvent ta’ Oporto fil-Portugall. Sentejn biss wara mardet ħafna u b’hekk setgħet tirċievi lil Ġesù Ewkaristija kuljum bħala vjatku. Dak iż-żmien ma kienx permess tqarbin ta’ spiss, imma f’waħda mill-intimitajiet tagħha ma’ Ġesù, hu wrieha kemm kellu xewqa kbira li jingħaqad aktar mal-erwieħ permezz tal-Ewkaristija, u xtaqha li tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

Ġesù rrevelalha wkoll ix-xewqa li tibda d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa billi l-erwieħ joffrulu post f’qalbhom u jikkonsagraw ruħhom lejn il-Qalb Imqaddsa.

Fl-1897, rċeviet l-ordni mingħand Ġesù biex tgħid lill-Papa jikkonsagra l-umanità kollha lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, iżda kien biss fl-1898, li hija ngħatat il-permess li tikteb Ruma lill-Papa Ljun XIII. Hija qatt ma rċeviet tweġiba għall-ittra tagħha, u għalhekk sena wara reġgħet bagħtet ittra oħra. Did-darba t-talba ntlaqgħet u l-Papa aċċetta li jikkonsagra d-dinja lill-Qalb ta’ Ġesù fil-11 ta’ Ġunju tal-istess sena.

Imma Swor Marija Droste qalbet għall-agħar u mietet waqt li kienet qed tipprepara għall-festa solenni tal-Qalb ta’ Ġesù. Hija mietet fit-8 ta’ Ġunju, 1899, u ġiet ibbeatifikata mill-Papa Pawlu VI fl-1 ta’ Novembru, 1975.

ĦsiebAħna f’hiex aħna fid-devozzjoni tagħna lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li jixtieqna nersqu lejh permezz tal-Ewkaristija?

San Piju X, il-Papa tal-Ewkaristija jgħidilna li “l-Ewkaristija hija l-aktar ħaġa nobbli u għolja għaliex għandha bħala oġġett lil Alla nnifsu, esseri l-aktar nobbli u għoli; hija l-aktar ħaġa li lilna tqawwina għaliex tagħtina l-Awtur tal-grazzja; u l-aktar ħelwa għaliex ħelu hu l-Mulej tagħna.”

Id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija, flimkien mad-devozzjoni lejn il-Madonna, hija devozzjoni tas-sema, għaliex hija d-devozzjoni li għandhom l-Anġli u l-Qaddisin tas-sema. Tgħidilna Santa Ġemma Galgani: “Ġib quddiem għajnejk skola ġewwa l-Ġenna. Titgħallem tħobb biss. L-iskola hija ċ-ċenaklu, l-imgħallem hu Ġesu’, id-duttrina tiegħu hija Ġismu u Demmu.”

L-Ewkaristija hi Ġesù, Imħabba tagħna. Għalhekk l-Ewkaristija hija Sagrament tal-Imħabba u tal-Imħabba fil-milja tagħha: fiha jinsab Ġesu’ ħaj u veru li hu “Alla Imħabba,” dak Alla “li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja ħabbhom sal-aħħar.” (Ġwanni 13:1) “Dak li ma jħobbx ma jagħrafx lil Alla, għax Alla hu Imħabba.” (1Ġwanni 4:7)

L-Ewkaristija tirrapreżenta l-aktar espressjonijiet profondi u għolja ta’ mħabba: l-imħabba misluba, l-imħabba li tgħaqqad, l-imħabba li tagħti qima, l-imħabba li titlob. Ġesù Ewkaristija hu Imħabba misluba fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa fejn tiġġedded l-offerta tiegħu għalina; hu Mħabba li ġġib l-għaqda sagramentali u spiritwali fejn insiru ħaġa waħda meta nirċevuh fl-Ewkaristija, huwa l-Imħabba li noffru bħala qima għaliex huwa offerta ta’ adorazzjoni lil Alla il-Missier, huwa l-Imħabba li titlob għaliex permezz tiegħu u bih u fih aħna ngħaqqdu it-talb tagħna u npoġġuh f’idejn Alla biex jismagħna.

“Li Ġesù jiġi joqgħod fir-ruħ tagħna, jfisser li aħna tiegħu; hekk hu saltna perfetta ta’ mħabba,” jikteb San Pietru Giuliano Eymard. Permezz tal-Ewkaristija, f’kull min għandu qalb safja jseħħ dan “ir-renju perfett ta’ imħabba” li jressaqna lejn it-Tabernakli Mqaddsa u jgħaqqadna ma’ Ġesu’ Ostja b’umiltà u mħabba. Ġesù fl-Ewkaristija, jagħti lilu nnifsu għalina bħala sagrifiċċju bl-umiltà u mħabba infinti.

San Franġisk meta jitkellem fuq l-Ewkaristija jgħid li hija ħaġa li tgħaġġbek meta tilmaħ l-Iben t’Alla u Alla nnifsu, is-Sinjur tal-Univers, jumilja ruħu u jinħeba taħt ix-xbieha ta’ ħobż għall-għejxien u l-faraġ ta’ ruħna. “Araw ħuti kemm Alla umilja ruħu….Għalhekk ersqu biex tilqgħu lil Dak li jaf kollox fuqkom.”

San Alfons de Liguori jkompli jżid: “Kemm hu invenzjoni ta’ imħabba is-Santissmu Sagrament, li taħt il-figura tal-ħobż jressaqna lejh biex inħobbuh u nsibu lil dak li jixtieq jiltaqa’ magħna.”

Ġesù Ewkaristija huwa t-triq sigura li tmexxina lejn il-Missier, flimkien ma’ Marija l-Omm Divina tiegħu u s-saċerdot li kuljum jagħtihulna fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa.

  • U int, kemm qed tirċievi lil Ġesù ta’ spiss b’ruħ safja fl-Ewkaristija ħalli din tkun għalik is-sors li minnha jkollok il-qawwa li tgħix ħajja tajba u qaddisa?

Talba: O Mulej, dejjem preżenti magħna fl-Ewkaristija, Inti ridt lill-Beata Marija Droste zu Vischering twassal il-messaġġ tiegħek li tixtieq li l-bnedmin ikunu jistgħu jirċevuk aktar ta’ spiss u li jagħrfu jsibu f’Qalbek dik l-imħabba tħeġġeġ li trid issalvana, agħmel li aħna nitħeġġu biex niġu niltaqgħu miegħeK ta’ spiss u nirċevuK bil-qima. Ammen.

English Version: http://www.mysticsofthechurch.com/2015/11/blessed-maria-droste-her-remarkable.html

Alternative Reading: http://www.traditionalcatholicpriest.com/2014/08/13/blessed-mary-of-the-divine-heart-and-the-consecration-of-the-world-to-the-sacred-heart/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_of_the_Divine_Heart

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud mis-sit jesusandmary.