14 ta’ Settembru: L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

Verżjoni Vidjo: L-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

“Kemm jiddi s-salib ta’ Kristu, iġib il-ħajja, mhux il-mewt; id-dawl, mhux id-dlam; il-Ġenna, mhux it-telfien tagħha. Huwa l-injam li fuqu l-Mulej, bħal gwerrier kbir, kien ferut f’idejh, f’saqajh u f’ġenbu, imma fejjaq il-feriti tagħna. Siġra qerdetna, siġra ġabitilna l-ħajja.” – Teodoru ta’ Stoudio

jesus-on-cross-easterL-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB IMQADDES

Tagħrif: Wara li l-Ġisem Imqaddes ta’ Ġesù tniżżel minn fuq is-salib u tpoġġa fil-qabar, neħħew is-salib minn postu, tefgħuh ġo ħofra u radmuh.

Xi tliet mitt sena wara, għall-ħabta tas-sena 327, fi żmien Kostantinu, meta fuq il-Knisja reġgħet feġġet il-paċi, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, imħeġġeġ u megħjun minn Santa Elena waqt li kienet f’pellegrinaġġ fl-Artijiet Imqaddsa (326-327), ta ordni ħalli jinstabu l-imkejjen sagri. Hekk fost affarijiet oħra nstabu l-qabar ta’ Kristu, il-Kalvarju u s-Salib imqaddes. Kostantinu bena knisja fuq il-post fejn instab is-Salib, li l-konsagrazzjoni tagħha saret fl-14 ta’ Settembru, 335.

Fis-sena 614, ir-Re Kosroe II tal-Persjani kien għamel ħerba minn Ġerusalemm u mill-Artijiet Imqaddsa, u ġarraf jew ħaraq bosta knejjes u istituti reliġjużi nsara. Fost kollox kien kaxkar miegħu biċċa kbira mis-Salib li kienet miżmuma ġo relikwarju bil-ġawhar.

L-Imperatur Eraklju ta’ Kostantinopli, wara li ma rnexxilux jasal fi ftehim mal-Persjani, mexxa l-armati tiegħu kontrihom. Fis-sena 627, Kosroe II ħarab u ġie maqtul minn ibnu Siroe. Eraklju wasal fi ftehim ma’ Siroe, u fost affarijiet oħra ħa r-relikwa tas-Salib f’Kostantinopli fejn kellu laqgħa trijonfali.

Fis-sena 629, Eraklju ħa s-Salib lura Ġerusalemm. Meta wasal fit-triq li kienet tagħti għall-Kalvarju, neħħa l-ilbies ta’ Imperatur minn fuqu, libes ilbies ordinarju u ħafi, wassal ir-relikwa tas-Salib u taha lil Żakkarija, Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Din hi l-ġrajja li l-Knisja qed tfakkarna fiha llum.

Ħsieb: Is-Salib għandu żewġt uċuħ. Min-naħa waħda hemm il-krudeltà tagħna l-bnedmin li wasalna biex noqtlu lil Alla magħmul bniedem. Imma l-wiċċ l-ieħor, li rridu niftakru l-iktar, huwa propju l-imħabba għalina lkoll li ħarġet mis-salib tal-Mulej Ġesù.

Kien hemm tliet affarijiet li Alla l-Imbierek ma ħalaqx, imma ġibniehom aħna. Dawn huma t-tbatija, id-dnub, u l-mewt. Sidna Ġesù Kristu għadda minn dawn kollha, biex meta ngħaddu minnhom ma nkunux waħedna.

It-tbatija: Ġesù għadda mit-tbatija u kienet diffiċli għax lill-Missier qallu, “Għaliex tlaqtni?” Bħalma jiġri lilna! Imma l-aħħar kelma kienet, “f’idejk jien nerħi ruħi.” In-Nisrani allavolja jbati, it-tbatija m’għandux jixtieqha, imma jgħixha ma’ Kristu u jkollu l-faraġ f’qalbu.

Id-dnub: Fuq is-salib, ra lil dawk li kienu qed isallbuh u mhux hu ħafrilhom għax huwa il-Missier li jaħfer, imma pprova jiskużahom, u dar għalihom quddiem Alla l-Missier. Jekk Alla l-Missier ħafer dan id-dnub il-kbir tagħna li qtilna lil Ibnu, se jaħfer id-dnubiet kollha tagħna għax ma nistgħux nagħmlu dnub akbar minn hekk. Kemm iweġġa’ l-Mulej meta kultant wara l-Qrar nibqgħu ngħidu, ‘min jaf ħafirlix? Min jaf ħafirlekx?’ Ma tafux kif ħafer u kif jaħfer Ġesù? Insewhom id-dnubiet tal-imgħoddi ladarba qerrejtuhom. Għidulu, ‘grazzi Mulej talli ħfirtli tal-iżbalji u d-dnubiet li għamilt.’

Il-mewt: X’għamel Ġesù? Għadda mill-mewt biex ħadd minna ma jgħaddi waħdu fil-mewt imma jgħaddi ma’ Kristu, għax fi Kristu mhux biss mewt hemm: imma hemm qawmien ukoll. Kemm hu sabiħ li aħna mhux naħsbu biss fuq il-mewt, dik bilfors għax hija xi ħaġa umana. Aħsbu li Ġesù jwassalna biex naraw il-wiċċ tal-Missier! Taħsbux biss fil-mewt meta se tasal, imma kull Nisrani ngħidulu, “kemm nixtieq li narak wiċċ’imb’wiċċ!” Il-mewt mhijiex it-tmiem, il-mewt hija wkoll il-bidu ta’ ħajja oħra.

F’din il-festa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, illum nirringrazzjaw lill-Mulej għall-fidwa li ġabilna u għall-prezz għoli li ħallas biex jurina kemm iħobbna. Il-Papa Franġisku bħal-lum kien qal din l-espressjoni sabiħa: “is-salib huwa għajta ta’ mħabba, is-salib ta’ Ġesù huwa kollu mħabba.

Xtaqt naqsam magħkom ukoll silta mill-omelija tal-Arċisqof J. Scicluna tas-sena 2017 f’din l-okkażjoni għaliex laqatni r-rakkont tiegħu dwar esperjenza li kellu ġewwa sptar f’Londra. Dan ir-rakkont jagħti ħafna sens lis-sinifikat tas-salib. Qal hekk:

“L-aħwa, għadni ġej minn Londra fejn kelli l-opportunità nżur lil ħutna Maltin u Għawdxin li jitilgħu hemmhekk għall-kura speċjalizzata. U kelli l-privileġġ noqgħod ħdejn is-sodda tat-trabi tat-twelid, ta’ żgħażagħ, ta’ tfal u ta’ adulti. Il-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd, kif tafu, u inti tara s-salib ħaj u konkret. Pazjent, kien għadu żagħżugħ, qalli xi ħaġa li ma ninsieha qatt. Qalli, ‘Father, jiena kont inbiegħ is-saħħa u missetni din ix-xorti, mhijiex sabiħa. Imma meta nara t-tbatija fit-tfal taf x’ngħidlu lil Ġesù? Neħodha jiena t-tbatija tagħhom basta ma jbatux huma.’ U jiena f’qalbi għidt, ‘Hawnhekk qiegħed fil-preżenza ta’ xi ħadd li fehem il-misteru tas-salib tal-Mulej.’ Dan ma għamilx ħafna korsijiet tat-Teoloġija imma hu, bi mħabba kbira u fil-verità, lest li jitgħabba bil-mard ta’ ħaddieħor biex ma jarax lil ħaddieħor ibati.

U aħna hekk ngħidu fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna u nirrepetu l-kliem tal-profeta Isaija: ‘tgħabba bil-mard tagħna, il-kastig tad-dnub tagħna waqa’ fuqu … mill-ġrieħi tiegħu aħna ksibna l-fejqan tagħna’ (ara Isaija 53 4.5). Dawn huma l-qaddisin tal-lum. Jien ma rridx nikkanonizzah lil dan ir-raġel, ma jafx li qed insemmih u mhux se ngħid min hu. Alla jaf min hu. Imma dawn huma l-qaddisin tal-lum, l-aħwa, u allura San Pawl kellu raġun isejjaħ lill-aħwa qaddisin, għax il-qaddisin huma dawk li minkejja li huma dgħajfa u midinbin, fehmu l-Qalb ta’ Ġesù u jippruvaw jgħixu din il-vokazzjoni.”

  • Xi jfisser is-salib ta’ Kristu għalik, li minħabba fih int tista’ taqla’ l-maħfra tad-dnubiet tiegħek permezz tas-Sagrament tal-Qrar?
  • U s-slaleb tiegħek qed tħallihom ikunu mezz ta’ purifikazzjoni u salvazzjoni għalik u għall-oħrajn billi bla ma tgerger, tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-salib biex tkompli l-fidwa li għadha u tibqa’ għaddejja sal-aħħar tad-dinja?
  • Kemm qed tfittex il-faraġ tiegħek fl-Imsallab billi timmedita spiss fuq it-tisliba ta’ Ġesù ħalli fil-ġrieħi tiegħu tkun tista’ ssib il-kenn tiegħek u minnhom tieħu s-saħħa li għandek bżonn biex tkompli tħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħek bla ma tħares lejn il-ġrieħi?

Talba: Ġesù twajjeb, aħna dnibna, dorna lura mit-triq tiegħek; o Mulej ħanin, aħfrilna l-għilt u l-ħażen kollu tagħna. Bis-salib imqaddes tiegħek, is-sinjal għażiż tal-fidwa, kullimkien u dejjem żommna taħt għajnejk, għax aħna wliedek. Ammen. (Mill-Uffiċċju tal-Qari, Innu matul is-sena, l-I Ġimgħa, il-Ġimgħa)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/exaltation-of-the-holy-cross/

Alternative reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-exaltation-of-the-holy-cross-594

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Feast_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa addattat minn żewġ omeliji, waħda tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-oħra tal-Arċisqof J. Scicluna għall-okkażżjoni tal-Festa tal-lum.

18 ta’ Awwissu: Santa Elena

Verżjoni Vidjo: Santa Elena

“Bnejt kemm knejjes ‘l Alla l-għoli
Fejn jingħata kull tifħir;
Hawn l-Insara b’qima nġabru,
Minnhom bogħod kien it-tkasbir.
Fi xjuħitek ridt issib
L-għuda mqaddsa tas-Salib.” 

Innu lil Santa Elena miktub minn Dwardu Żarb

oraco-a-santa-helena-mil-unidades-D_NQ_NP_754201-MLB25531850425_042017-FSANTA ELENA
Imperatriċi Awgusta
250– 330

Tagħrif: L-istorja tagħha tgħidilna li Elena, hekk imżejna bi kwalitajiet naturali, ġibdet l-attenzjoni ta’ Kustanzu Kloru, neputi tal-Imperatur Klawdju Gotiku min-naħa ta’ ommu. Kustanzu Kloru kien bniedem kapaċissimu fl-armata Rumana, fil-politika, fl-istrateġija, fil-finanzi u fil-ħeffa ta’ deċiżjonijiet importanti li kellu jieħu. Kloru ħadha b’martu u minħabba l-impenji militari, kellu jkun assenti mill-ħajja familjari.

Għalkemm ma nafux meta Elena saret nisranija u anqas nafu kemm damet tagħġinha l-grazzja ta’ Alla qabel ma ħaddnet uffiċjalment it-twemmin nisrani, madankollu nibqgħu ċerti li xi darba tgħammdet. Kristu, rebaħha u s-salib li ġarret għal snin sħaħ matul ħajjitha, ħalla frott tassew bnin għall-kristjaneżmu, u, fuq kollox, wassalha għall-qima tal-altari.

Ġara li matul il-ħajja matrimonjali tagħhom, li fiha tweldilhom tifel li ġie mogħti l-isem ta’ Kostantinu, missieru ġie assenjat l-uffiċċju ta’ Ċesare fi żmien l-Imperatur Dijoklezjanu. Dan iddeċieda li jaqsam l-imperu fil-parti tal-Punent li kienet tinkludi l-Ingilterra, Franza u parti minn Spanja u dik ta’ Lvant. Lil Kloru ġiet assenjata l-parti tal-Punent. Pero’ tpoġġietlu kundizzjoni bħala obbligu strett biex dan iseħħ, jiġifieri li Kloru jħalli lil martu Elena u jiżżewweġ lil Teodora, it-tifla tal-Imperatur.

Kienet deċiżjoni diffiċli u ta’ swied il-qalb għal bniedem ta’ dak il-kalibru. Madankollu rebħet it-tieni għażla. Kloru ħalla lil martu Elena u kien imġiegħel li ibnu Kostantinu jittieħed ukoll ‘l bogħod mid-dar bl-iskuża li dan ibnu jmur fil-Lvant taħt għajnejn Galerju bħala rahan ta’ fedeltà ta’ missieru. L-iskuża kienet li jingħatalu taħriġ militari. Hawn feġġ is-salib ta’ Elena, mifruda minn żewġha u issa minn binha wkoll għal perijodu ta’ 13 -il sena sħaħ! Elena kompliet tbati fis-skiet. Issa kellha sfida oħra quddiemha: ulied Teodora. Elena kompliet tieħu ħsieb ulied Teodora. Hawnhekk naraw jispikka f’Elena l-virtù tal-maħfra. F’soċjetà magħrufa għall-vendetta u l-vjolenza tagħha, tant li aktar tard fl-istorja, minħabba l-waqgħa tal-valuri u l-morali, l-Imperu Ruman spiċċa tfarrak, dan l-għemil erojku ta’ Elena bbrilla u ħalla impatt kbir għal min ried jara d-dawl!

Ninsabu fi żmien meta l-aħbarijiet kienu jiġu mgħoddija b’ħeffa, minħabba l-organizzazzjoni tal-Imperu Ruman. Kostantinu, miżmum minn Galerju, sar jaf bl-istat prekarju jew dgħajjef ta’ ħajjet missieru Kloru. Permess għaż-żjara tiegħu lil Kloru fil-Brittanja ġie miċħud minn Galerju. Iżda Kostantinu permezz ta’ żwiemel tant ħfief u veloċi rnexxielu jiżgiċċa r-rifjut ta’ Galerju u telaq determinat għal għonq it-triq l-aktar twila sa ma wasal fejn missieru moribond. Kbir kien il-ferħ tagħhom meta l-missier seta’ jilmaħ il-lineamenti tiegħu, dak il-wiċċ li jiftakru bħala tfajjel u li fakkruh f’dawk tal-maħbuba Elena, martu.

Kostantinu kellu x-xorti li jħoss l-aħħar nifs ta’ missieru, li qabel mewtu rrakkomandah lill-armata tiegħu, li aċċettat lil ibnu bħala suċċessur ta’ Kustanzu Kloro, l-Imperatur Awgustu. Swielu t-taħriġ li kien ħa taħt Galerju fil-Lvant. Bir-raġun kollu jissejjaħ Kostantinu l-Kbir, Il-Manju. Elena għexet f’din il-ħajja moħbija, issofri n-niket sas-sena 306 meta Kostantinu sejħilha fejnu u taha t-titlu ta’ Imperatriċi. Binha naqqax isimha u x-xbihat taghha fuq il-muniti u tal-unuri kollha li jistħoqqilha. Issa Santa Elena kellha madwar 63 sena.

Elena issa nqdiet bil-pożizzjoni tagħha ta’ unur biex tagħmel il-ġid. Hi kellha ħsieb ieħor ġo moħħha, li kien li ssib is-Salib li fuqu ssallab il-Feddej. Kollox ħejjielha binha Kostantinu u erħilha mal-wasla tagħha fil-Palestina tibni knejjes b’tifkira lil dawn il-postijiet imqaddsa. Staqsiet u fittxet bl-għajnuna tal-isqof Makarju u dlonk lemħet it-tempju lil alla Venere biex tintesa kull qima lejn postijiet hekk għeżież. Ordnat it-tneħħija tat-tempju u li jsir it-tħaffir f’dak il-post. Xejn ma naqas talb minn fommha, biex tinstab l-għuda mqaddsa tas-salib. Fejn qabel saltnu x-xbihat tal-ajkla Rumana, dik tan-nofs qamar, inkella dik tal-pjaċiri moqżieża jew l-oħra tal-minġel u l-martell, sa fl-aħħar dehru jiġu skavati xi għodda tal-passjoni u fl-aħħar is-slaleb li fuqhom temmew ħajjithom il-ħallelin u Kristu l-Feddej.

Infakkru fil-qosor erba’ biċċiet mill-istorja ta’ Elena, kif ħallihielna Rufinu:

(1) ELENA TMUR ĠERUSALEMM BIEX TFITTEX IS-SALIB: Elena, omm Kostantinu, mara ta’ fidi straordinarja u ta’ devozzjoni profonda, barra milli kienet ta’ jdejn miftuħin għall-aħħar, ġiet imnebbħa minn dehriet tas-Sema biex tmur Ġerusalemm. Hawnhekk kellha titkixxef mingħand in-nies fejn Kristu ġie mdendel fuq is-salib. L-imkien mhux la kemm tfittxu għax dawk li kellhom għalih kienu waqqfu fil-post statwa ta’ Venere biex l-insara li riedu jqimu hemm lil Kristu kienu jidhru bħallikieku jaduraw lil Venere. Minħabba f’hekk, dak l-imkien, l-insara ma tantx kienu jersqu lejh għad li ma ntesiex. Sinjal mis-sema wera fejn kien il-post. Meta Elena marret hemm u sabet ruħha fuq il-post, kif kienet imnebbħa, ġarrfet dak li kien hemm wieqaf quddiemha u li kien imniġġes. Ħaffret taħtu u niżlet ‘l isfel: sabet tlett islaleb ħdejn xulxin. Il-ferħ tas-sejba ma damx għax ma setgħux jagħżlu liema wieħed kien ta’ Kristu. Il-biċċa tavla żgħira, li fuqha Pilatu kien kiteb bil-Grieg, bil-Latin u bil-Lhudi, kienet hemm iżda ma kenitx aktar mas-salib biex tagħżlu. Mela kienu jeħtieġu sinjal ieħor mis-Sema biex jagħrfu s-salib.

(2) KIF ĠIE MAGĦRUF IS-SALIB VERU: Mela ġara li mhux bgħid kien hemm waħda mara magħrufa li kienet marida għall-mewt b’marda kerha. L-Isqof Makarju, meta ra d-dubji tas-Sultana u ta’ madwarha, qal: ‘Ġibu t-tlett islaleb li sibna u Alla jurina liema wieħed kien dak li fuqu miet Kristu.’ Marru lkoll għand dik il-mara u, x’ħin waslu, qagħad għarrkupptejh, u għolla din it-talba: ‘Mulej, inti għoġbok li bil-passjoni ta’ Ibnek il-Waħdieni fuq is-Salib tagħti s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha, u issa, fiż-żmien li għażilt int, nebbaħt lill-qaddejja tiegħek biex tfittex kullimkien din l-għuda qaddisa li fuqha kien imdendel is-Salvatur: agħtina issa sinjal ċar biex nagħrfu liema wieħed minn dawn is-slaleb kien dak il-glorjuż, fost dawk li kienu magħmulin biex ineħħu l-ilsiera. Agħmel li din il-mara, marida għall-mewt, tieħu saħħitha mill-ġdid malli tmissha l-għuda tas-salvazzjoni.’ Malli temm it-talba ġieb fil-qrib wieħed mis-slaleb u ma ġara xejn. Imbagħad ġieb it-tieni wieħed u, xorta waħda ma ġara xejn. Iżda meta ressaq it-tielet wieħed il-mara fetħet għajnejha minnufih u qamet, saħħitha ġiet lura kollha f’daqqa, iktar milli kienet meta kienet tħossha tajba. Bdiet tiġri ma’ darha u tfaħħar il-qawwa tal-Mulej.

Qrib is-sena 328 kien wasal iż-żmien li Elena ttemm din il-ħajja, tħalli dan il-wied ta’ dmugħ li fih dejjem għarfet torbot ruħha mar-rieda ta’ Alla, biex tittajjar għal għandu u tibda’ ssaltan miegħu fis-sebħ bla tmiem. Mhux magħruf b’ċertezza l-post fejn mietet, għalkemm xi storiċi jsemmu Ruma. Iżda nafu li Elena kienet mibkija minn kulħadd. U ġisimha ġie midfun u mqiegħed fil-Mawsoleum ta’ Via Lavicana, magħruf bħala Tor Pignattara.

Ħsieb: San Andrija ta’ Kreta fl-għaxar omelija tiegħu dwar l-Eżaltazzjoni tas-Salib, jgħid: “X’ħaġa kbira li tippossedi s-Salib! Min jippossedieh, jippossedi teżor.” Aħsbu kif l-Iben ta’ Alla sar daqshekk vulnerabbli, assuma l-kundizzjoni ta’ lsir u kien ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (Filippin 2:8). Bis-salib tiegħu aħna salvati. L-istrument tat-tortura li, fil-Ġimgħa l-Kbira, wera l-ġudizzju ta’ Alla għad-dinja, sar l-għajn tal-ħajja, il-maħfra, il-ħniena, is-sinjal tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi għal kulħadd!

Elena ssammar ħaristha mas-salib. Din il-kwalità ta’ Elena, x’turina? Turina:

  • Li f’ħajjitna, bħalha, dejjem għandna nduru lejn Ġesù, l-uniku Salvatur tagħna.
  • Li għandna ngħożżu d-drawwa sabiħa tar-radd tas-Salib, għaliex is-Sinjal tas-Salib huwa s-sinteżi tal-fidi tagħna.
  • Li s-Salib jgħidilna kemm ħabbna l-Mulej. Jgħidilna li hemm imħabba f’din id-dinja li hija aqwa mill-mewt. Aqwa mid-dgħujfijiet u d-dnubiet tagħna.
  • Li l-qawwa tal-imħabba hija ferm aqwa mill-ħażen li jheddidna.

Fil-festa ta’ din il-qaddisa, aħna wkoll mistiedna, flimkien ma’ dawk ta’ rieda tajba li qed isofru f’qalbhom u f’ġisimhom, biex ngħollu għajnejna lejn is-Salib ta’ Ġesù ħalli fih niskopru l-għajn tal-ħajja, is-sors tas-salvazzjoni. Huwa hu li se jagħmilna ħielsa biex inħobbu bħalma ħabbna hu u biex nibnu dinja rikonċiljata. Għaliex minn dan is-Salib Ġesù ħa fuqu t-toqol tat-tbatijiet u l-inġustizzji tal-umanità tagħna. Fuq dan is-Salib huwa ħa fuqu l-umiljazzjoni u d-diskriminazzjoni, it-tortura sofferta f’ħafna partijiet fid-dinja minn tant ħutna subien u bniet fil-fidi għall-imħabba ta’ Kristu.

Jiġini hawnhekk il-kliem qawwi ta’ Ġesù li tant jgħodd għal din il-qaddisa: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.“(Mark 8:34-36).

F’Elena tispikka wkoll il-virtù tal-ħniena, meta ħaffret lil żewġha talli ddevorzjha biex jiżżewweġ lil Teodora minħabba l-pożizzjoni politika tiegħu u talli firduha minn binha għal snin twal. Mhux biss ħafret imma kompliet tieħu ħsieb ulied Teodora hi stess. U hawn niftakru fi kliem San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’ Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rumani 12:17-21).

Tajjeb għalhekk li quddiem din il-kwalità ta’ Elena, tal-Maħfra, nistaqsi bis-serjetà lili nnifsi:

  • Kemm qed inpatti bil-ġid għad-deni li qed nirċievi bħalma għamlet Elena?
  • Qed nagħti r-rabja tiegħi lill-Mulej bħalma għamlet hi u, minflok ma nsib vendetta għal min ħadli lil żewġi jew lil marti, inkella ċaħħadni minn uliedi, jiena nitlob għalihom?
  • L-għedewwa tiegħi naħfrilhom? Inberikom? Nagħmlilhom il-ġid?
  • F’mumenti diffiċli qiegħed naqbad il-Kelma ta’ Alla u nħalli lil Ġesù jgħallimni kif għandi nġib ruħi?

U x’jgħidli l-Mulej Ġesù? “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: ‘Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor minn għandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.’ (Luqa 6:27-36)

Tajjeb li nagħrfu kwalità oħra ta’ Elena, li hi dik tat-Talb. Kien propju l-kuntatt tagħha ma’ Alla fit-talb li ta lil din il-qaddisa l-qawwa u l-kuraġġ li tibqa’ għaddejja f’din il-ħajja, minkejja d-diffikultajiet u l-qsim ta’ qalb li għaddiet minnhom. Ħa nsaqsi bis-serjetà lili nnifsi:

  • X’qed nagħmel fil-mumenti koroh tal-maltempati f’ħajti?
  • Qed nirrikorri għat-talb bħalma għamlet Elena jew inkella qed ninġarr mar-riħ?
  • Jekk ittradewni issa waqajt fl-istess nassa jien, il-għaliex bdejt nittradixxi kif ġib u laħaq?
  • Jekk serquni, qed nisraq?
  • Jew għaliex għamluli l-ħsara, dan jagħtini l-permess li nagħmel il-ħsara jien?
  • Ma nafx li t-talb ikabbarni fis-sabar?
  • Ma nafx li bit-talb jinfaqgħu l-ħitan żonqrija tal-ħażen?

Talba: Imperatriċi qaddisa Elena, permezz tad-devozzjoni u l-ħeġġa tiegħek li bihom kont imqanqla biex tfittex sa ma ssib is-salib tal-Feddej tagħna, nitolbok biex b’talbek taqlagħli l-grazzja li nsofri bil-paċenzja t-taħbit u s-saram ta’ din il-ħajja, bil-ħsieb li wara s-salib, hemm il-glorja tistennieni. Irrid li bħalek nilqa’ bil-qalb is-slaleb ta’ ħajti bi mħabba għal Kristu li miet għalija fuq is-salib. Naf li jekk nagħmel dan, jien ukoll għad ningħaqad miegħu u miegħek fil-ferħ tas-sema li ma jintemm qatt! Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2017/08/saint-helena.html

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=21532&cid=41967&ecid=41967&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Helena_(empress)

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa ġie addattat minn paniġirku ta’ Fr Mario Attard OFM Cap għal jum il-festa ta’ Santa Elena.