24 ta’ Lulju: Beata Marija Mercedes Prat

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Mercedes Prat

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġesù fi Ġwanni 15:13.

Mercedes Prat y PratBEATA MARIJA MERCEDES PRAT
Verġni u Martri
1880 – 1936

Tagħrif: Mercedes Prat twieldet f’Barċellona, fis-6 ta’ Marzu, 1880. L-għada, hija ġiet mgħammda. Għamlet l-ewwel tqarbina tagħha, fit-30 ta’ Ġunju, 1890.

Minn ċkunitha Mercedes ingħatat kompletament lil Alla. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li hija ma tersaqx biex tirċievi l-Ewkaristija.

Kellha mħabba kbira għall-proxxmu u għamlet dak li setgħet sabiex tnibbet din il-kwalità ta’ mħabba f’ħaddieħor.

Meta kienet fl-iskola, kienet magħrufa għat-tjubija tagħha u għad-dedikazzjoni tagħha għall-istudju. Kienet eċċellenti fil-ħjata u fit-tpinġija, għaliex kienet imżejna bit-talent tal-arti.

Fl-1904, hija ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Tortosa, u bdiet in-novizzjat tagħha. Hija għamlet l-ewwel professjoni tagħha, fl-1907.

Fl-1920, Swor Mercedes inbagħtet il-Motherhouse, Barċellona. Kien hemm taqlib sħiħ, il-Gvern kien anti-kattoliku u ma kellu l-ebda simpatija lejn il-Knisja.

Minn hawn beda l-martirju għal Swor Mercedes. Fis-19 ta’ Lulju tal-1936, il-komunità kellha tħalli l-iskejjel tagħha u taħrab. Hija kienet waħda mir-reliġjużi, u fit-23 ta’ Lulju ġiet arrestata u xkubettatha, għaliex kienet soru.

Hija mietet filgħodu kmieni nhar l-24 ta’ Lulju, 1936. Ġiet ibbeatifikatha mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fid-29 ta’ April, 1990.

Aktar dettalji
Il-Beata Marija Mercedes Prat kienet reliġjuża għal qalb t’Alla: sinċiera u dejjem prudenti fi kliemha, kalma, ġentili, ta’ tjieba kbira għal kulħadd iżda ta’ karattru sod. Hija tħarrġet b’żelu u dedikazzjoni fl-appostolat tat-tagħlim f’diversi skejjel. Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet immarkata minn sempliċità qawwija u għotja sħiħa ta’ mħabba lejn Alla u l-aħwa. Alla kien il-maħbub tagħha u l-imħabba tagħha għalih kompliet dejjem tikber, sal-punt li kienet lesta li tagħti ħajjitha għal Alla.

L-ewwel jiem tal-gwerra Spanjola għamlu minnha waħda mill-ewwel vittmi tal-gwerra. Ġiet arrestata mill-militanti flimkien ma’ soru oħra tal-komunità, u wara ġurnata ta’ turmenti morali, ġiet fuċillata ma’ priġunieri reliġjużi oħra. Mietet wara agunija twila, li matulha ħafret lill-eżekuturi tagħha, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Ħsieb: Imma min fejn ġabet il-qawwa biex taħfer u tibqa’ fidila lejn Kristu, anke sal-Martirju? Il-Papa Franġisku f’quddiesa tal-Kanonizzazzjoni għal grupp ta’ 800 qaddis martri, (12 ta’ Mejju, 2013) jgħid hekk:

“Il-Kelma t’Alla li stednitna għal fedeltà lejn Kristu, anke sal-Martirju; tfakkarna mill-ġdid fl-urġenza u fis-sbuħija li nwasslu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu lil kulħadd; u tkellimna dwar ix-xhieda tal-imħabba li mingħajrha kemm il-martirju kif ukoll il-missjoni jitilfu kull togħma nisranija.

L-Atti tal-Appostli, meta jkellmuna mid-djaknu Stiefnu, l-ewwel martri, jinsistu jtennulna li hu kien bniedem “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (6:5; 7:55). Xi jfisser dan? Ifisser li huwa kien mimli bl-Imħabba t’Alla, li l-persuna kollha tiegħu, il-ħajja tiegħu kienu mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet, b’mod li hu seta’ jimxi wara Ġesù bil-fedeltà sħiħa sal-għotja tiegħu nnifsu.

Imma l-martri fejn sabu l-qawwa biex jibqgħu fidili? Żgur fil-fidi li tara ‘l hemm mill-limiti tal-ħarsa tagħna bħala bnedmin, lil hemm minn tmiem il-ħajja f’din l-art, li tgħinna nikkontemplaw “is-smewwiet miftuħa” – kif itenni San Stiefnu – u lil Kristu ħaj fuq il-lemin tal-Missier. Għeżież ħbieb tiegħi, ngħożżu dil-fidi li rċivejna u li hija l-veru teżor, inġeddu l-fedeltà tagħna għall-Mulej, anke qalb it-tfixkil u meta nsibu ruħna mhux mifhmuha; Alla ma jonqosna qatt fil-qawwa u s-serenità.

Fil-waqt li nagħtu qima lill-Martri …, nitolbu ‘l Alla li jagħti l-qawwa lil tant insara li, f’tant pajjiżi fid-dinja, illum ukoll qegħdin isofru vjolenza; nitolbuh ukoll jagħtihom il-kuraġġ tal-fedeltà u li jwieġbu l-ħażin bit-tajjeb.

It-tieni ħsieb nistgħu nieħduh mill-kelmiet ta’ Ġesù li mill-Evanġelju: “Nitlob għal dawk li għad jemmnu bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġwanni 17:20). 

Ejjew inkunu ġenerużi m’Alla, ma ngħixux il-fidi weħidna – bħallikieku kien possibbli tgħix il-fidi għalik waħdek – imma li ngħadduha lill-oħrajn, ngħaddu l-ferħ tal-Evanġelju bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja f’kull ambjent li fih inkunu ninsabu. F’kull post li fih ngħixu, inwasslu r-raġġi ta’ dil-ħajja tal-Evanġelju! Il-fidi tgħallimna naraw il-wiċċ ta’ Ġesù li jidher jirrifletti fl-ieħor jew l-oħra, li nirbħu l-indifferenza u l-individwaliżmu, li jherru l-komunitajiet insara u jherru lill-qlubna.

Hija tgħallimna wkoll nilqgħu lil kulħadd mingħajr preġudizzji, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr domandi għalxejn, bi mħabba sinċiera. Fil-waqt li nagħtu l-aħjar tagħna nfusna u fuq kollox naqsmu magħhom dak li għandna l-aktar prezzjuż, li m’humiex il-ħidmiet tagħna jew l-organizzazzjonijiet tagħna; Le! Dak li għandna bħala l-aktar li jiswa huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu.

Fl-aħħarnett, it-tielet ħsieb. Fl-Evanġelju Ġesù jitlob lill-Missier b’dawn il-kelmiet: “Jien għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġwanni 17:26). Il-fedeltà sal-mewt tal-martri u x-xandir tal-Evanġelju lil kulħadd għandhom l-għeruq tagħhom fl-imħabba t’Alla li hija msawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rumani 5,5) u fix-xhieda li għandna nagħtu għal din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  

Ejjew inħobbu kif Ġesù ħabbna, u dan ifisser li ma ningħalqux fina nfusna, fil-problemi tagħna, fl-ideat tagħna, fl-interessi tagħna, f’din id-dinja żgħira li tant iġġibilna ħsara, imma noħorġu u mmorru niltaqgħu ma’ min jeħtieġ attenzjoni, mogħdrija, għajnuna, biex inwasslulhom qribhom l-imħabba mħeġġa u ħerqana t’Alla; u dan nagħmluh b’ġesti ta’ delikatezza, interess sinċier u mħabba.

Il-fedeltà għal Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex inwassluh bil-kelma u bil-ħajja, filwaqt li nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla bl-imħabba tagħna, bil-karità tagħna lejn kulħadd: dawn huma eżempji li jdawwlu u tagħlim li joffrulna l-Qaddisin imxandra llum, imma li fl-istess waqt iqajmu wkoll mistoqsijiet lil ħajjitna nisranija:

  • Kif jiena fidil/a għal Kristu?
  • Jiena kapaċi li “nuri” l-fidi tiegħi bir-rispett, imma wkoll bil-kuraġġ?
  • Jiena attent/a għall-oħrajn, nittendi min huwa fil-bżonn, nara f’kulħadd aħwa li rrid inħobb?

Inġorru magħna dawn il-mistoqsijiet biex naħsbu fuqhom.”

Talba: Mulej Alla ta’ missirijietna, imliena bix-xjenza tas-salib, li biha żejjint lill-Beata Marija Mercedes Prat fil-waqt tal-martirju; agħtina, għat-talb tagħha, li dejjem infittxu lilek bħala l-ogħla Verità u nħarsu b’qalb sħiħa sal-mewt il-patt etern ta’ mħabbtek imwettaq bid-demm ta’ Ibnek għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-maria-mercedes-prat-ocd-virgin-and-martyr-mf

Alternative Reading: http://www.meditationsfromcarmel.com/content/blessed-maria-mercedes-prat-0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-the-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas CNN Documentary:

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

5 ta’ Ġunju: San Bonifaċju

Verżjoni Vidjo: San Bonifaċju

Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma ħajjitna stess, Daqskemm sirtu għeżież għalina. Uliedi, minħabba fikom jien qiegħed inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar ġewwa fikom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonifaċju (1Tessalonkin 2:8; Galatin 4:19).

06-05-St-BonifaceSAN BONIFAĊJU
Isqof u Martri
673 – 754

Tagħrif: San Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja, twieled f’Devonshire, l-Ingilterra fis-sena 673, bl-isem ta’ Winfrid.

Ta’ seba’ snin beda l-edukazzjoni tiegħu għand il-Benedittini fil-monasteru ta’ Exeter, u ta’ erbatax, daħal mal-Benedittini ta’ kunvent qrib Exeter, u wara mar f’dak ta’ Nursling, qrib Winchester, fejn kien id-direttur tal-iskola, u kiteb l-ewwel grammatika Latina li qatt inkitbet fl-Ingilterra.

Sar saċerdot meta kellu 30 sena b’xewqa kbira li jmur missjunarju fil-Ġermanja. Qata’ xewqtu fis-sena 719, meta bil-Barka Appostolika tal-Papa Girgor II mar il-Ġermanja.

Inċident li ġara, għenu ħafna fil-konverżjoni tal-Ġermanja. Kien hemm siġra kbira f’Hessja, iddedikata lil wieħed mill-allat foloz, u n-nies kienu jmorru jagħmlu ċerimonji reliġjużi, jitolbu u joffru s-sagrifiċċji quddiemha. San Bonifaċju ddeċieda li jeqridha, u bil-għajnuna ta’ xi Nsara qaċċatha. Hu ħaseb li kien ser jinqala’ nkwiet kbir, u forsi anke jitlef ħajtu, iżda ġara l-kuntrarju għax tribù wara tribù bdew ġejjin għandu biex jikkonvertu, tant li kellu jitlob lis-Superjuri tiegħu biex jibagħtulu iżjed patrijiet u magħhom sorijiet biex jgħinuh.

Fis-sena 722, mar Ruma biex jagħti tagħrif dwar il-ħidma tiegħu, u qabel ma telaq lura lejn il-missjoni tiegħu, ġie kkonsagrat isqof mill-Papa San Girgor II, u bidel ismu f’Bonifazju (jagħmel tajjeb).

Fis-sena 748, il-Papa San Żakkarija ħatar lil Bonifaċju Arċisqof ta’ Mainze u Primat tal-Ġermanja.

Protett u megħjun mir-Re Karlu, imsejjaħ “il-Martell”, irnexxielu jikkonverti bosta pagani. Ma damux ma ngħaqdu miegħu bosta missjunarji ingliżi oħra. Bonifaċju waqqaf id-djoċesijiet ta’ Erfurt, Buraburg u Wurzburg, kif ukoll dik ta’ Eichstatt, waqt li hu baqa’ isqof ta’ Mainz.

Ippresieda fil-konċilji li saru fi Franza mis-sena 743 sas-sena 747 u l-Papa San Żakkarija ħatru Primat tal-Ġermanja. Kien Bonifaċju li nkuruna lir-Re Pepin, bin Karlu l-Martell fi Soissons. Imma Bonifaċju kellu jinkuruna l-ħajja appostolika tiegħu bil-martirju.

Fil-5 ta’ Ġunju 754, lejlet il-Pentekoste, meta kellu madwar 73 sena, peress li wara l-mewt ta’ San Willibrordu (ara San Willibrordu), xi nsara fl-Olanda kienu qed jerġgħu jsiru pagani, kien jinsab fl-Olanda biex jamministra l-Griżma tal-Isqof lil numru ta’ Nsara li kienu għadhom kemm ikkonvertew. Ġara li waqt li kien qed ilesti ruħu għaċ-ċerimonja grupp ta’ pagani qabżu fuqu u qatlu lilu flimkien ma’ San Eoban u xi ħamsin Nisrani li kienu preżenti, bid-daqqiet tax-xwabel f’Dokkum.

Il-fdal ta’ San Bonifaċju, l-“Appostlu tal-Ġermanja”, jinsab meqjum fl-Abbazija ta’ Fulda, l-iktar waħda importanti mill-Abbaziji kollha li Bonifaċju waqqaf fil-Ġermanja, fejn bosta mirakli seħħew fuq qabru.

Ħsieb: Qari mill-Ittri ta’ San Bonifaċju, isqof u martri, bit-titlu ‘Raghaj imħeġġeġ, jishar fuq il-merħla ta’ Kristu’:

“Il-Knisja qisha dgħajsa kbira qiegħda taqsam il-baħar tad-dinja, il-mewġ tal-ħafna tiġrib iħabbatha f’din il-ħajja. U għalhekk ma tridx min jitlaqha weħidha, imma min imexxiha. Il-missirijiet ta’ l-imgħoddi jagħtuna eżempju, Klement u Kornelju u ħafna oħrajn f’Ruma, Ċiprijanu f’Kartaġni, Atanasju f’Lixandra, fi żmien l-imperaturi pagani, baqgħu jmexxu d-dgħajsa ta’ Kristu, anzi l-għarusa għażiża tiegħu, jiġifieri l-Knisja, u għallmuha, iddefendewha, u tħabtu u batew għaliha saħansitra sat-tixrid ta’ demmhom.

Jien u naħseb f’dawn in-nies u f’oħrajn bħalhom, inħossni nitkexkex u nirtogħod bil-biża’, u d-dlamijiet ta’ dnubieti jdawrruni. U kont nagħżel bil-qalb kollha li nitlaq għalkollox it-tmun tal-Knisja li darba ħadt f’idejja, li kieku din il-ħaġa stajt inwettaqha bl-eżempju ta’ xi ħadd mill-Missirijiet jew bl-Iskrittura Mqaddsa.

Din hi l-verità. U billi l-verità tista’ tkun imħabbta, imma ma tistax tintrebaħ u titqarraq, l-ispirtu mħabbat tiegħi jmur jistkenn għand dak li permezz ta’ Salamun qal: Ittama f’Alla b’qalbek kollha, u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek. Fi triqatek kollha aħseb fih, u hu jwittilek il-mogħdijiet tiegħek. U qal ukoll: Isem il-Mulej hu torri qawwi: fih jistkenn il-ġust u jkun salv.

Nieqfu fis-sewwa u nħejju ruħna għat-tiġrib, biex nistennew l-għajnuna mingħand Alla u ngħidulu: Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

Nittamaw f’dak li għabbiena bit-toqol tiegħu. Dak li ma nifilħux inġorru aħna, inġorruh bil-qawwa ta’ dak li jista’ kollox u li qalilna: Il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif. Nieqfu qawwijin fit-taqbida sa jum il-Mulej, għax ġew fuqna jiem ta’ dwejjaq u niket. U, jekk Alla jogħġbu, ħa mmutu għall-liġi mqaddsa ta’ missirijietna, biex jistħoqqilna niksbu magħhom il-wirt ta’ dejjem.

Ma nkunux bħal klieb li ma jinbħux, ma nagħmlux bħal min jibqa’ jħares sieket, ma nkunux ħaddiema mħallsa li jaħarbu mill-lupu, imma nkunu rgħajja mħeġġa, jishru fuq il-merħla ta’ Kristu, ixandru l-kelma lill-kbar u ż-żgħar, lill-għonja u l-foqra, ta’ kull grad u ta’ kull għomor, skont il-ħila li Alla jagħtina, f’ħin f’waqtu jew le, kif qalilna San Girgor fil-ktieb tiegħu fuq il-ħidma pastorali.

Bonifaċju kien għamel mossa tajba favur il-kristjaneżmu, fl-attentat tiegħu biex jeqred is-superstizzjoni pagana. Ġurnata waħda, fil-preżenza ta’ folla kbira, qabad mazza u qaċċat siġra tal-ballut li kienet fuq il-muntanja Gudenburg. Din is-siġra kienet meqjusa sagra. Din waqgħet u nqasmet f’erba’ biċċiet. Il-folla stenniet li l-allat tagħhom jeqirdu lil Bonifaċju, iżda x’ħin raw li ma ġara xejn, għarfu li l-allat tagħhom kienu bla qawwa u ma jeżistux. Mill-bċejjeċ tas-siġra għamel planki li bihom bena kappella”.

  • U int u jien, kemm aħna kapaċi nuru l-fidi tagħna fil-pubbliku?

Talba: Agħtina, Mulej, l-għajnuna bit-talb tal-martri San Bonifaċju, li għallem il-fidi tiegħek u ta xhieda għaliha bit-tixrid ta’ demmu; agħmel li aħna wkoll inżommu sħiħ fl-istess fidi u b’qalbna qawwija nistqarruha bl-għemil. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-boniface.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-boniface/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Boniface

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Ġunju: San Marċellinu u San Pietru

Verżjoni Vidjo: San Marċellinu u San Pietru

“Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem.” – 1 Pietru 5:10

june2SAN MARĊELLINU U SAN PIETRU
Martri
? – 304

Tagħrif: San Marċellinu kien qassis u San Pietru kien eżorċista.

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu għall-ħabta tat-303, Pietru kien mitfugħ il-ħabs minħabba l-fidi tiegħu. Fil-ħabs fejjaq lil bint il-kalzrier, jismu Arthemius, u minħabba f’hekk il-kalzrier, martu u bintu talbu li jsiru nsara.

Pietru ħadhom għand il-qassis Marċellinu biex jgħammidhom. Minħabba f’hekk issa anki Marċellinu ġie mixħut il-ħabs u mogħti l-moħqrija. Kemm damu l-ħabs saħħew il-fidi ta’ sħabhom il-priġunieri.

Mill-ħabs ħaduhom bil-moħbi ġewwa bosk imsejjaħ Silva Nigra, u hemm qatgħulhom rashom, madwar is-sena 304 u difnuhom malajr f’ħofra li kienu ħaffru minn qabel biex żgur li ħadd ma jkun jaf fejn ġew midfuna. Iżda ġara li l-bojja li qatilhom, hu stess sar Nisrani, u flimkien ma’ Nsara oħra ħadu l-iġsma tagħhom, u difnuhom ħdejn il-katakombi ta’ Triq Labicana, fejn wara, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir bena Bażilka għall-unur tagħhom, u fiha difen ukoll lil ommu, Sant’ Elena.

Il-Papa Damasu I għamel skrizzjoni fuq il-qabar tagħhom, dwar dak li kien sema’ meta kien għadu tifel, minn fomm dak stess li kien qatalhom rashom.

Isimhom insibuh fil-Kanoni Ruman, tal-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa. Il-knisja tagħhom f’Ruma hi waħda mill-knejjes stazzjonali u kardinalizja.

Ħsieb: Min jaf kemm passaġġi mill-Iskrittura kienu jiġu f’moħħ dawk li kienu jafu li ser jiġu maħqura minħabba li huma Nsara. Eżempji ta’ passaġġi, setgħu kienu dawn:

“Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” 1Korintin 10 : 12,13

“Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem.” (1 Pietru 5:10)

U aħna, kemm aħna midħla tal-Iskrittura? Kemm infittxu li nissaħħu bil-Kelma ta’ Alla, b’mod speċjali f’mumenti iebsin? Fi Ġwanni 15:3, Ġesù jgħid lid-dixxipli: “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom.” Xi jfisser dan ħlief li meta nsiru midħla tal-Kelma ta’ Alla, din issaffina u titrasformana, iddawwalna u ssaħħaħna, tagħmilna kapaċi nsofru għal Kristu.

Chiara Lubich fil-Kelma tal-Ħajja ta’ April 2012, tgħidilna hekk:

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġwanni 15:3). “Intom ġa ndaf…”. Din x’indafa hi li qed jitkellem fuqha? Qed jitkellem fuq meta aħna nkunu lesti li niftħu qalbna għal Alla, meta ma jkun hemm xejn li jtellef (ngħidu aħna d-dnub), jew li jeħodha kontra l-kuntatt mal-affarijiet sagri, mal-laqgħa tagħna m’Alla. Biex ikollna din l-indafa neħtieġu l-għajnuna mis-Sema.

Fit-Testment il-Qadim, il-bniedem kien ġa ntebaħ li ma jistax jersaq lejn Alla bil-ħila tiegħu biss. Kien jeħtieġ li Alla jsaffilu qalbu, li jagħtih qalb ġdida. Salm mill-isbaħ jgħid hekk: “… oħloq fija, o Alla qalb safja” (Salm 51 «50», 12). Skont Ġesù hemm mezz biex insiru safjin: il-kelma tiegħu. Dik il-kelma li d-dixxipli kienu semgħu, żammew sħiħ fiha u li kienet issaffihom. Fil-fatt, il-kelma ta’ Ġesù mhijiex bħal kliem il-bniedem. Fiha hemm Kristu, bħalma jinsab b’mod ieħor fl-Ewkaristija. Biha Kristu jidħol fina. Meta aħna naċċettawha u ngħixuha, inkunu qed inħallu ’l Kristu jitwieled u jikber f’qalbna.

Il-Qaddis Papa Pawlu VI kien jgħid:

“Ġesù kif ikun preżenti f’qalbna? Ikun preżenti bix-xandir tal-Kelma li biha jasal ħsieb Alla, jasal il-Verb, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Nistgħu ngħidu li l-Mulej jitwieled fina meta aħna naċċettaw li l-Kelma tiġi tgħammar fina.” 

Il-Kelma ta’ Ġesù tixbah ukoll lil żerriegħa li tinxteħet fil-fond ta’ qalb il-bniedem li jemmen. Meta l-bniedem jilqagħha, hi tidħol fih u bħal żerriegħa tiżviluppa, tikber, tagħti l-frott, “tikkristifikah” u tagħtih is-sura tiegħu.

Meta l-Ispirtu s-Santu jqiegħed il-Kelma fil-fond ta’ qalbna, hi jkollha tassew il-qawwa li żżomm l-insara ’l bogħod mill-ħażen: sa ma’ l-Kelma taħdem fihom, u huma jinħelsu mid-dnub. Għalhekk ikunu safja. Jidneb biss min ma jismax mis-sewwa.

Mela kif irridu ngħixu biex ikun jixirqilna dan il-kliem ta’ tifħir ta’ Ġesù?

Irridu ngħixu kull Kelma t’Alla, u nitrejqu biha mument wara l-ieħor, biex ħajjitna hawn fl-art tkun dejjem mibnija fuq il-Vanġelu. Dan biex naslu li jkollna l-istess ħsibijiet u xewqat ta’ Ġesù, biex nerġgħu ngħixu lilu fid-dinja, biex lis-soċjetà, li ħafna drabi hi mħassra bil-ħażen u d-dnub, nuruha s-safa t’Alla, dan id-dawl ċar li joħroġ mill-Vanġelu.

Ejjew nippruvaw ngħixu l-aktar dik il-Kelma li turina l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin. Nagħmlu hekk jekk nistgħu, jiġifieri jekk hemm oħrajn li jaħsbuha bħalna. Tant hu hekk li San Ġwann l-Evanġelista, li mill-Vanġelu tiegħu ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, jorbotha mal-kmandament il-ġdid.

Skont dan l-Evanġelista, meta aħna ninħabbu bejnietna, inkunu qed ngħixu l-Kelma li tħalli l-effetti tagħha ta’ tisfija, ta’ qdusija, ta’ ħelsien mid-dnub, ta’ grazzji, u hekk nersqu aktar qrib t’Alla. Wieħed waħdu, maqtugħ mill-oħrajn, ma jkunx jiflaħ iżomm sod għal ħafna żmien quddiem il-ġibdiet tad-dinja. Imma meta jkun hemm l-imħabba bejnietna huwa jsib ambjent b’saħħtu li jkun jista’ jgħinu jħares il-ħajja nisranija ġenwina tiegħu”.

  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li kkonvertiet lil Arthemius, u minħabba f’hekk il-kalzrier, martu u bintu talbu li jsiru nsara.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li għamlet il-qalb lill-priġunieri kollha magħqudin flimkien fl-istess stqarrija tal-fidi li mbagħad kienu lesti għat-tortura u l-mewt.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li mexxiet il-ħajja ta’ San Marċellinu u San Pietru hekk li wasslithom għall-glorja tal-martirju u għall-premju kbir fis-sema.
  • U għalik, hi l-Kelma ta’ Alla l-pedament ta’ ħajtek, dik li timmotivak, iddawwallek it-triq u l-fehmiet ta’ moħħok u dik li tgħinek tagħmel l-aqwa għażliet?

Talba: O Alla, inti turina mħabbtek u tħarisna għall-merti tax-xhieda glorjuża li tawk il-martri San Marċellinu u San Pietru; agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempji li tawna u nħossu l-għajnuna tat-talb tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-marcellinus-and-peter-487

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-marcellinus-and-peter/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marcellinus_and_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Mejju: San Kristofru Magallanes u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Kristofru Magallanes u sħabu

“Jiena innoċenti u se mmut innoċenti. Jiena naħfer b’qalbi kollha lil dawk responsabbli għall-mewt tiegħi, u nitlob lil Alla li t-tixrid ta’ demmi jservi għall-paċi tal-Messiku maqsum tagħna.” – San Kristofru Magallanes

80e93e465c342f2c913b1a647d843f56SAN KRISTOFRU MAGALLANES U SĦABU MARTRI
1915 – 1937

Tagħrif: Dawn il-25 kappillan u tliet lajċi Messikani kienu maqtulin iffuċillati jew mgħallqin bejn is-snin 1915 u 1937. Huma kienu membri ta’ moviment imsejjaħ “Cristero” li twaqqaf bħala reazzjoni kontra l-gvern anti-kattoliku tal-Messiku li għamel u inforza liġijiet kontra l-Knisja f’attentat assurd li jeqred mill-għeruq il-fidi Kattolika fil-Messiku.

Dan il-gvern immexxi minn Plutarco Calles sa wasal biex keċċa lill-membri tal-kleru barranin u pprojbixxa ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies f’xi reġjuni. Is-slogan ta’ dan il-moviment tal-“Cristero” kien: “Viva Kristu Re u l-Madonna ta’ Guadalupe!” Magallanes kien bena seminarju f’Totatiche u hu u sħabu kienu jipprietkaw u jamminstraw bil-moħbi lill-fidili.

L-aħħar kliem ta’ Magallanes li nstema’ b’leħen għoli miċ-ċella tiegħu kien: “Jiena innoċenti u se mmut innoċenti. Jiena naħfer b’qalbi kollha lil dawk responsabbli għall-mewt tiegħi, u nitlob lil Alla li t-tixrid ta’ demmi jservi għall-paċi tal-Messiku maqsum tagħna.”

Il-Papa Qaddis Ġwanni-Pawlu II fl-1992 ibbeatifika lil San Kristoforu Magallenas u sħabu martri u fis-sena 2000 l-istess Papa ddikjarahom qaddisin. Isimhom iddaħħal fil-Kalendarju Liturġiku Universali.

Ħsieb: Kull martri jirrealizza kif jevita l-eżekuzzjoni, iżda jirrifjuta li jħallas il-prezz għoli li jagħmel dan. Kuxjenza safja kienet iktar siewja minn ħajja twila. Jista’ jkollna t-tentazzjoni li nikkompromettu l-fidi tagħna meta ngħidu lilna nfusna li aħna qed inkunu sempliċement realistiċi, nittrattaw ma’ sitwazzjonijiet hekk kif insibu ruħna fihom. Imma li wieħed jaħdem għas-sopravivenza għandha tkun verament il-valur u l-għan aħħari tagħna? L-għażliet konkreti tagħna ta’ kuljum għandhom jirriflettu l-valuri profondi tagħna, dawk li “jimmarkaw” il-mod ta’ kif ngħixu. Kulħadd jista’ jimmaġina sitwazzjonijiet fejn li tkun segwaċi ta’ Ġesù huwa eħfef mis-sitwazzjoni preżenti tagħna. Il-Qaddisin, ibda minn San Kristofru Magallanes u sħabu martri, ifakkruna li l-għażliet tagħna ta’ kuljum, speċjalment f’ċirkostanzi ta’ kuntrarju, jiffurmaw il-ħajja tagħna.

Dan huwa kliem il-Papa Franġisku lill-Messikani tat-2016 fil-Vjaġġ missjunarju tiegħu li għamel f’din l-art (13 ta’ Frar):

“Naf bl-istorja twila u ta’ swied il-qalb li għextu, mhux mingħajr it-tixrid ta’ tant demm, mhux mingħajr uġigħ kiefer u agonizzanti, mhux mingħajr vjolenza u nuqqas ta’ ftehim. Nitlobkom ma taqgħux fil-paraliżi li tagħtu tweġibiet qodma għall-mistoqsijiet ġodda. L-imgħoddi tagħkom hu bir ta’ għana li qed jistenna li jiġi mħaffer, li jista’ jnebbaħ il-preżent u jdawwal il-futur. Ħażin għalikom jekk torqdu fuq il-kuruni tar-rand tagħkom! Hemm bżonn li ma titilfux il-wirt li rċivejtu, imma tħarsuh b’ħidma kostanti. Intom qed tistrieħu fuq spallejn il-ġganti: isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi fidili “sa l-aħħar”, li taw ħajjithom biex il-Knisja setgħet twettaq il-missjoni tagħha. Mill-għoli ta’ palk bħal dan intom imsejħin tixħtu ħarsa wiesa’ fuq l-għalqa tal-Mulej biex tipprogrammaw iż-żrigħ u tistennew il-ħsad.”

U xi ngħidu għall-gżejjer tagħna? Fejn waslet il-fidi li ġabilna San Pawl fis-sena 60W.K., hu li miet ukoll martri ftit snin wara? Alla, fil-providenza tiegħu tal-għaġeb, lilna bagħatilna lill-Appostlu Missierna San Pawl li ra l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi, imma issa jeħtieġ li filwaqt li nibqgħu dejjem irroddu ħajr lil Alla u lilu, għat-tħabrik u l-imħabba li hu wera magħna, inżommu sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li hu tana bil-kelma u bl-eżempju tiegħu. Imma kemm qed nagħmluh dan?

Dan li ġej huwa kliem il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II li qal lilna l-Maltin fuq il-Fosos tal-Furjana fis-27 ta’ Mejju 1990, fiż-żjara pastorali tiegħu f’pajjiżna:

“Illum, jiena u ntemm iż-żjara tiegħi, nistieden il-Knisja f’Malta biex timmedita fuq is-sura ta’ tweġiba li se tagħti għall-missjoni kbira li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu meta kien sejjer lura għand il-Missier: ‘Tkunu xhieda tiegħi…. sa truf l-art’ (Atti 1:8).  Nitlobkom tirriflettu fuq ix-xhieda nobbli ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju li l-poplu ta’ dawn il-gżejjer wera tul is-sekli.  Ibda minn San Publju. Ġemgħa kbira ta’ xhieda, ħafna minnhom magħrufin biss minn Alla, żammew sħiħ fil-fidi u għożżewha biex jgħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom, imqar fi żmien ta’ persekuzzjoni u tiġrib.  U x’ngħidu mbagħad għall-għadd kbir ta’ missjunarji li ħallew xtut Malta, il-ħafna saċerdoti u reliġjużi li bil-ħidma appostolika tagħhom taw saħħa u qawwew il-Knisja f’pajjiżhom, il-ġenituri li bis-sħuħija tal-fidi tagħhom kisbu kotra ta’ frott bit-tjieba u d-devozzjoni ta’ wliedhom?  Tassew għandna għax inroddu ħajr lil Alla għal din ix-xhieda bi kliem San Pawl stess fit-tieni Qari tal-lum: Dan: ‘hu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna.’ (Efes 1:19)

Iżda mhux biżżejjed naħsbu bl-umiltà kollha u b’kull ħajr fid-don li takom Alla fl-imgħoddi.  Illum ukoll il-Knisja f’Malta trid tagħti widen għal leħen Kristu li qed jisfidakom biex tkomplu tagħtu xhieda tal-qawwa tal-imħabba tiegħu li twassal għal rikonċiljazzjoni. Kemm minnkom qasmu miegħi n-niket tagħhom għall-firdiet kbar li jinsabu f’ħafna livelli tas-soċjetà tagħkom!  Jista’ qatt xi nisrani jemmen li dawn il-firdiet ġejjin minn Alla? Fid-dawl tal-fidi li nistqarru, nistgħu qatt naċċettaw bħala ħaġa sewwa l-mibegħda għal għajrna jew nemmnu li aħna m’aħniex marbutin bil-kmandament ta’ Alla li nħobbu l-għedewwa tagħna u naħfru ‘minn qalbna’ (ara Mattew 18:35) dawk li jaħtu għalina?

Għeżież ħuti: f’isem Ġesù Kristu, bil-qawwa kollha nitlobkom ilkoll illum biex tgħarblu lilkom infuskom (ara 1 Korintin 11:28) u biex tneħħu kull ma qiegħed ifixkel il-fejqan ta’ ġerħat li ilhom wisq miftuħin.  F’isem Ġesù Kristu, nitlobkom tagħtu bidu ġdid ta’ maħfra u ta’ rispett għal xulxin. B’fiduċja kbira fil-qawwa setgħana tal-grazzja ta’ Alla, li tiġikom mis-sagrament tal-Penitenza, jalla titwettqu fil-ħidma iebsa biex jerġa’ jkun hemm fostkom rispett għal xulxin u djalogu f’kull livell tal-ħajja soċjali u nazzjonali. 

Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-insara Maltin kollha huwa li jwarrbu kull tilwim u kull għira u jegħlbu kull firda, kemm fi ħdan il-familji, kemm fil-postijiet tax-xogħol u kemm fil-ħajja politika.  Illum, il-Mulej qiegħed jisfida lil kull wieħed minnkom biex il-fidi li rċevejtu tbiddluha f’xhieda ħajja u kollha ħeġġa tal-qawwa tal-imħabba li taħfer u tħobb.  U qiegħed jistedinkom tingħaqdu ma’ ħutkom kollha mingħajr ma tħallu ‘l ħadd barra, għall-bini ta’ soċjetà li tixraq lit-tradizzjoni magħrufa ta’ fidi u ta’ virtù li hi dik Maltija!”

Mhux li kien, li aħna li ngħidu li nħobbu lil dan il-Papa qaddis, nagħtu wkoll widen għal kliemu mimli mħabba paterna f’Isem Ġesù u bħala suċċessur ta’ Pietru! Kieku kemm ikollna ambjent nisrani aħjar!  

Talba: O Marija, int ġejt meħlusa mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel, u ġismek ma rax it-taħsir fil-qabar; nitolbuk, illum, aħna u niftakru fit-twelid tal-fidi f’pajjiżna: idħol għalina quddiem Alla l-Missier, biex bħalma hu ħeles lil San Pawl minn tempesta qalila biex jasal fuq din gżiritna, hekk il-fidi tagħna tibqa’ tiġi meħlusa minn kull qerq u ħażen, u mmexxija mill-Ispirtu qaddis, nagħrfu dejjem iżjed is-sinjali taż-żminijiet, biex dak Ġesù   li inti wlidt għad-dinja bl-iva tiegħek għall-kliem tal-Anġlu, jibqa’ jitwieled ta’ kuljum fina, f’pajjiżna u fid-dinja kollha. Ammen. (Talba lill-Madonna biex issaħħaħna fil-fidi li tana San Pawl)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/06/st-cristobal-magallanes-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-crisaint-oacute-bal-magallanes-and-companions/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Crist%C3%B3bal_Magallanes_Jara

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Mejju: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

“L-Ispirtu s-Santu għallimni nadura, infaħħar, inbierek u nirringrazzja lil Sidna Ġesù Kristu fit-tabernaklu, l-ħin kollu, anke waqt ix-xogħol, u kif inkun għaddejja bil-ħajja ta’ kull jum, mal-ġurnata.” – Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

1200px-Verena_Bernarda_Buetler2SANTA MARIJA BERNARDA TAL-QALB IMQADDSA TA’ MARIJA
Reliġjuża
1848 – 1924

Tagħrif: Verena Butler, għax dan kien l-isem li ngħatat meta tgħammdet, twieldet fit-28 ta’ Mejju 1848, ġewwa Auw, Aargau, fl-Isvizzera, minn familja ta’ bdiewa. Hija kienet ir-raba’ minn tmien ulied.

Minn età bikrija ħafna uriet li kienet persuna miġbura u tgawdi intimità speċjali m’Alla. Hija kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Minn kmieni ħafna ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta bdiet titfarfar hija tgħarrset, iżda ndunat li ż-żwieġ ma kienx il-vokazzjoni tagħha, għalhekk ħassret u bdiet taħseb biex tingħaqad ma’ ordni reliġjuża. Fl-1866, hija ngħaqdet mal-Ordni tas-Sorijiet tas-Salib Imqaddes, ġewwa Menzingen, iżda ma kienx għadda wisq żmien li ma rritornatx lura lejn darha biex titlob u tiddixxerni, għaliex bdiet tħoss li dik ma kinitx il-propja sejħa tagħha.

Fit-12 ta’ Novembru, tal-1867, ingħaqdet mas-Sorijiet tal-Ordni Franġiskan Kapuċċin, fil-kunvent ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, f’Altstatten, l-Isvizzera. Hija ħadet l-isem ta’ Swor Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, u ħadet il-professjoni solenni fl-4 ta’ Ottubru, 1871. Hija serviet bħala Majjistra tan-novizzi u Madre Superjura għal tliet darbiet.

Fl-1888, marret ukoll il-missjoni fl-Ekwador, f’parti fejn ma kien hemm l-ebda reliġjuż. Hemm hija waqqfet il-Missjoni Franġiskana tas-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara, biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol. Hija kienet is-Superjura għal 30 sena. Fl-1895, kien hemm rivuluzzjoni kontra l-Kattoliċi u hi u s-sorijiet tagħha ġew eżiljati. Għalhekk huma marru l-Kolumbja u bdew imexxu l-operat tagħhom hemm. Dejjem kienet tirrepeti li l-Evanġelju huwa l-kewkba u l-gwida tagħha.

Hija mietet fis-19 ta’ Mejju, 1924, ġewwa Cartagena, Bolivar, Kolumbja, b’kawżi naturali u l-qabar tagħha mal-ewwel sar post ta’ pellegrinaġġi. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ibbeatifikaha fid-29 ta’ Ottubru, 1995 u l-Papa Emeritus Benedittu XVI, ikkanonizzaha fit-12 ta’ Ottubru, 2008. Illum is-sorijiet tagħha jkomplu jaħdmu fl-iskejjel, kulleġġi u kindergartens. Anke ġewwa sptarijiet u djar residenzjali fl-Isvizzera, il-Kolumbja, il-Brażil, l-Awstrija, Liechtenstein, l-Italja u xi pajjiżi Afrikani.

Ħsieb: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, biż-żmien fehmet, l-istess kif għamlu fundaturi oħra qabilha, fosthom Santa Roża Venerini (ara Santa Roża Venerini), li l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-katekiżmu huma meħtieġa u essenzjali għal kull żmien fl-istorja tal-bniedem fid-dinja.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar L-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis (28 ta’ Ottubru, 1965) insibu dan li ġej:

“Metodi differenti ta’ edukazzjoni
4. Fil-qadi tad-dmir tagħha li teduka, il-Knisja, ħerqana li tuża l-mezzi kollha li jwasslu għal skop, tfittex fuq kollox li tuża l-għodda li huma proprji tagħha. L-ewwel fost dawn il-mezzi huwa t-tagħlim katekistiku li jdawwal u jsaħħaħ il-fidi, jgħajjex il-ħajja skont l-ispirtu ta’ Kristu, iwassal ‘l-insara għal parteċipazzjoni aktar konxja u attiva fil-misteru liturġiku u jqanqalhom għal ħidma appostolika. Il-Knisja tagħti importanza wkoll lill-mezzi l-oħra li jagħmlu sehem mill-wirt komuni tal-bnedmin u li jgħinu ħafna biex jirfinaw l-ispirtu tagħhom u jiffurmaw il-bnedmin; hija tfittex li lil dawn il-mezzi timliehom bl-ispirtu tagħha u televahom. Eżempji ta’ dawn il-mezzi huma l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, is-soċjetajiet differenti ta’ natura kulturali jew sportiva, l-għaqdiet taż-żgħażagħ u, l-aktar, l-iskejjel.

L-importanza tal-iskola
5. Fost il-mezzi kollha ta’ edukazzjoni għandha importanza speċjali l-iskola li, bis-saħħa tal-missjoni tagħha, filwaqt li taħseb il-ħin kollu biex trawwem il-fakultajiet intellettwali, tiżviluppa l-kapaċità ta’ ġudizzju, tintroduċi l-patrimonju kulturali li bnew il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, iġġib ‘il quddiem is-sens tal-valuri, tħejji għall-ħajja professjonali u tifjorixxi fost dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu u li jistgħu ikunu ta’ kundizzjoni soċjali u ta’ karattri differenti, sens ta’ ħbiberija li jiddisponihom biex jifhmu lil xulxin. Barra hekk, l-iskola tikkostitwixxi bħal ċentru li biex ikun attiv u jiżviluppa, jeħtieġ li jaħdmu flimkien il-familji, l-għalliema, is-soċjetajiet differenti li għandhom skop kulturali, ċiviku u reliġjuż, is-soċjetà ċivili u l-komunità umana kollha.

Għalhekk hija tassew sabiħa u importanti s-sejħa ta’ dawk kollha li, waqt li jgħinu lill-ġenituri biex jagħmlu dmirhom ta’ edukaturi, u f’isem il-komunità umana, jassumu d-dmir li jedukaw fl-iskejjel. Din il-vokazzjoni titlob kwalitajiet speċjali tal-moħħ u tal-qalb, tħejjija attenta ħafna u dispożizzjoni kontinwa ta’ tiġdid u ta’ addattament.

Dmirijiet u jeddijiet tal-ġenituri
6. Il-ġenituri għandhom l-ewwel dritt u dmir, li huma wkoll dritt u dmir inaljenabbli, li jedukaw ‘l uliedhom; jeħtieġ għalhekk li huma jkollhom libertà vera li jagħżlu l-iskola għalihom. Għaldaqstant l-Awtorità pubblika, li jmiss lilha li tħares u tiddefendi l-libertajiet taċ-ċittadini, għandha tirrispetta l-ġustizzja distributtiva u għalhekk tqis illi tagħti sussidji sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu bil-libertà tassew, skont ma tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, l-iskejjel għal uliedhom”.

Għad-Dokument sħiħ ara: http://www.laikos.org/vat2_gravissimum_educationis_ver2017.htm

Talba: O Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, li minkejja li ħadt iż-żmien biex fhimt Alla x’ried minnek eżatt u li flimkien mas-sorijiet tiegħek iltqajt ma’ persekuzzjonijiet, int kont ta’ ispirazzjoni għal ħafna li mxew fuq il-passi tiegħek u dawn għadhom sal-lum jagħtu l-edukazzjoni u l-kura meħtieġa lil bosta tfal fi żmienna llum, agħmel li aħna nitħeġġu bl-istess spirtu ta’ servizz li kellek int u li nagħrfu nedukaw u ngħallmu l-valuri nsara fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/mary-bernard-butler

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7423

Wikipedia: https://fr.wikipedia.org/wiki/Maria_Bernarda_B%C3%BCtler

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/2008/ns_lit_doc_20081012_verena_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Marzu: San Benjamin

Verżjoni Vidjo: San Benjamin

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. ~ Ġesù f’Mattew 10: 32-33

BenjaminSAN BENJAMIN
Djaknu u Martri
† c. 424

Tagħrif: Fil-bidu tas-seklu ħamsa, l-insara tal-Persja kienu gawdew tnax-il sena ta’ paċi. Fis-sena 420, matul ir-renju ta’ Isdegard, iben is-Sultan Sapor III, dan is-sliem kien disturbat miż-żelu xejn għaqli ta’ Abdas, isqof nisrani, li ħaraq it-tempju tal-alla Nar, is-santwarju kbir tal-Persjani. Ir-re Isdegard hedded li jeqred il-knejjes kollha tal-insara kemm-il darba l-isqof ma jibnix mill-ġdid dak it-tempju.

Billi Abdas irrifjuta li jagħmel dan, allura t-theddida ġiet esegwita; il-knejjes ġew meqruda, lil Abdas qatluh, u bdiet persekuzzjoni ġenerali li damet sejra 40 sena. Isdegard miet fl-421, imma ibnu u suċċessur tiegħu, Varanes, komplew il-persekuzzjoni b’qilla akbar. L-insara kienu sottomessi għall-moħqrijiet mill-aktar kiefra.

Fost dawk li sofrew kien hemm Benjamin, djaknu, li kien mitfugħ il-ħabs. Fl-aħħar, ambaxxatur tal-imperatur ta’ Kostantinopli qalagħlu l-ħelsien bil-kundizzjoni li hu qatt ma jkellem iktar lil ħadd min-nies tas-sultan dwar ir-reliġjon.

Iżda San Benjamin kien iħoss li kien dmir tiegħu li jipprietka lil Kristu, u li ma setax iżomm is-skiet. Għalkemm ġie meħlus fuq il-ftehim li sar bejn l-ambaxxatur u l-awtoritajiet Persjani, hu ma riedx joqgħod ma jitkellimx, u ma kien jitlef ebda opportunità li jxandar lil Kristu. Wara li ġagħluh isofri ħafna, San Benjamin tawh il-martirju għall-ħabta tas-sena 424.

Ħsieb: San Benjamin ħa bis-serjetà l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32-33). Benjamin ma ċaħadx lill-Mulej u hekk huwa sofra l-konsegwenzi terribbli li ġabu magħhom l-mexxejja ħżiena. Sakemm ma nkunux lesti li nitilfu ħajjitna għal Kristu, aħna mhux se nirtu s-Saltna Tiegħu, u lanqas għandna nirtuha. Illum, agħti l-qalb tiegħek lil Ġesù u għix ħajtek għaliH biss, ħalli Hu jkun jista’ jippreparalek post għalik fis-Saltna Eterna Tiegħu.

Dan li ġej huwa kliem Chiara Lubich:

“Ġesù jħeġġiġna biex ngħixu bis-sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier. Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . .  ”. Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċirkustanza oħra tal-ħajja. Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalbna minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh. Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom.” (Ġwanni 15:20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.”

Talba: Għażiż Ġesù, agħmel li aħna qatt ma nibżgħu nistqarruk quddiem il-bnedmin, billi nsemmgħu leħenna b’ l-imħabba għaliK u nuru li aħna tiegħeK u miegħeK. Nitolbuk li, bħal San Benjamin, aħna nkunu dejjem lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, anke meta affaċċjati minn persekuzzjonijiet u diffikultajiet ta’ kull xorta. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/03/st-benjamin-deacon-martyr.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-benjamin-the-deacon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benjamin_the_Deacon_and_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.