29 ta’ Mejju: Beatu Ġużeppi Kowalski

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġużeppi Kowalski

La l-Mulej miegħi, m’għandix għax nibża’; x’jista’ jagħmilli l-bniedem? Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, u nħares b’wiċċi minn quddiem lejn l-għedewwa tiegħi.” – Salm 118:6-7

Kowalski2BEATU ĠUŻEPPI KOWALSKI
Presbiteru u Martri
1911 – 1942

Tagħrif: Il-Beatu Ġużeppi Kowalski twieled f’Siedliska, il-Polonja, fl-1911. Fl-1927, ingħaqad mas-Sależjani u pprofessa fid-29 ta’ Ġunju, 1934. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Mejju, 1939. Kien is-segretarju għall-provinċja Sależjana ta’ Krakaw fil-Polonja.

Kien edukatur u għalliem fuq il-kariżma tal-kongregazzjoni ta’ Don Bosco. Anke kien jinqeda bil-mużika, filfatt waqqaf kor ta’ żgħażagħ, bi skop u biex jagħtih l-għajnuna fl-appostolat.

Kien qed jagħmel appostolat fil-parroċċa ta’ Marija għajnuna tal-insara. Fit-23 ta’ Mejju 1941, daħlu n-Nażi u ġie arrestat flimkien ma’ 11 oħra minn sħabu. Ġew trasportati għall-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz.

Wara 14-il xahar, f’dan il-kamp, fl-4 ta’ Lulju, 1942, xi gwardjani ġagħluh jirfes kuruna tar-rużarju biex jikkalpestaha. Il-beatu rrifjuta. L-istess gwardjani bdew jittorturawh u wara qatluh billi għarquh. Kellu 31 sena.

Fit-13 ta’ Ġunju, 1999, San Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikah, f’Varsavja, flimkien ma’ 107 martri ieħor Pollakk, martri tan-Nażiżmu.

Ħsieb: Il-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau – min ma semax b’dan l-isem għal kollox imdemmi? Min ma venvnux ma’ widnejh il-ħruxijiet li twettqu f’dan il-post tant mistkerraħ f’isem ir-razza pura?

Il-frażi magħrufa mal-erbat irjieħ tad-dinja: Arbeit macht frei, bl-ilsien Malti, “ix-xogħol jagħmlek ħieles,” tgħid minn kollox barra l-verità! Fil-fatt hija tikxef l-gidba faħxija Nażista li x-xogħol mhux talli ma jagħmlekx ħieles u ma jagħtikx id-dinjità li jistħoqqlok bħala bniedem talli jissuġġettak għall-moħqrija imfamja ta’ ħaddieħor! Ix-xogħol iebes u bla ħniena kellu għan wieħed u speċifiku: il-mewt! Il-qerda ta’ min kien jaħdmu! X’kontradizzjoni iddoqq l-iskotti!

It-tieni gidba li n-Nażisti kienu jimlew l-irjus ta’ dawk li kienu joħduhom fil-kamp tal-konċentrament għall-qerda tagħhom stess kienet li fil-kamp huma kienu se jsibu ħajja ġdida. Dik il-ħajja li dejjem ħolmu li jkollhom. Żinn mill-kbar nett! Il-ħażen Nażista fassal pjan faħxi ta’ terrur. Imma, għax kien pjan tal-infern, ġie imżejjen b’ħafna xinxilli u mgeżwer b’ħafna karti sbieħ u kkuluriti.

Ibda biex mal-wasla tagħhom il-priġunieri kienu jintlaqgħu mill-orkestra fil-bidu tal-kamp. Jaħasra! Speċi biex jagħtuhom merħba kbira! Hux hekk trid tbellagħhieli? U x’ma kinux idoqqulhom! L-aktar, sintendi, il-biċċiet tal-kompożitur li l-Fuhrer kien imġennen warajh: Wagner! U għax Wagner u mhux ħaddieħor? Għaliex f’dan il-kompożitur kienet teċċella l-mibegħda kontra l-Lhud. Tgħidlix li biex taparsi tintegra lill-Lhud hemm bżonn li tipprova toqtlilhom dak li jagħmilhom Lhud? Jekk tagħmel dan ngħidlek bla tlaqliq: “Qarrieq!”

F’Auschwitz biss inqatlu mal-1,100, 000! U hawn għadni ma semmejtx l-eluf ta’ Pollakki, Russi, Ċeki, Franċiżi, Taljani, Olandiżi, Rumeni, Serbi, Kroati u, saħansitra Ingliżi. Ħażen iġib il-ħażen. La l-priġunier ma kellu ebda dinjità umana allura għamel bih li trid. Aħqru. Sawtu. Agħtih kull xorta ta’ kastig. U, jekk int kapaċi fix-xjenza medika allura għaliex ma tesperimentax fuqu? Anki bla loppju? Tqallajt nara l-blokk fejn Josef Mengele, l-anġlu tal-mewt, kien iwettaq l-esperimenti tiegħu.

Insibu wkoll il-post fejn kienu jgħallqu lill-priġunieri. In-Nażisti riedu jgħaddu l-messaġġ li magħhom ma tiċċajtax. Għal kull pruġinier li jaħrab għaxra jħallsu għalih. U, jekk dan ma kienx biżżejjed, xi priġunieri kienu jiġu kkastigati bl-aktar mod krudili. Bħal, ngħidu aħna, fi spazju żgħir kienu jagħsru erba’ priġunieri flimkien. Inkella kienu jħalluhom imutu bil-ġuħ u bil-għatx.

Mhux ta’ b’xejn li wħud minnhom ippreferew jiġru lejn il-barbed wire biex jixxukjaw ruħhom u jmutu ħesrem! Dak li jgħid George Santayana jagħmel sens kbir: “Dawk li ma jiftakrux fl-imgħoddi huma ikkundannati li jirrepetuh.” Ejjew nibqgħu niftakruh biex ma nirrepetuhx!

F’kuntrast ma’ dan kollu li semmejna, dawn li ġejjin huma kitbiet tal-Beatu Ġużeppi lill-ġenituri tiegħu mill-kamp tal-konċentrament:

  • Toqogħdux tinkwetaw fuqi; jiena qiegħed f’idejn Alla. Irrid nassigurakom li qiegħed inħoss l-għajnuna tiegħu f’kull pass li nagħmel. Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, jien ninsab ferħan u kompletament fil-paċi.
  • F’kull pass li nagħmel jien inħoss il-qawwa ta’ Alla. Kull fejn inkun, kull ma jiġri minni, jien qiegħed f’idejn il-Providenza Divina li qed tħares fuq in-nazzjonijiet u fuq kull individwu.

Il-bniedem li jintelaq kompletament f’Alla, isib lil Alla anki f’post daqshekk makabru! Int tafdah lil Alla bl-istorja ta’ ħajtek?

Talba: O Mulej, Int assistejt u mlejt bil-ferħ lill-qaddej tiegħek il-Beatu Ġużeppi Kowalski waqt li huwa kien għaddej minn tiġrib kbir, assisti lilna lkoll nitolbuK, filwaqt li għadna għaddejja minn dan il-wied tad-dmugħ biex il-fiduċja tagħna fiK ma tiġi qatt nieqsa. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://catholicwideweb.wordpress.com/2010/05/29/blessed-joseph-kowalski-salesian-martyr-of-poland/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-jozef-kowalski/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/J%C3%B3zef_Kowalski_(priest)

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn kitba ta’ Fr Mario Attard OFM Cap.

16 ta’ Frar: Beatu Ġużeppi Allamano

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġużeppi Allamano

“Qatt ma jkollna tama biżżejjed fil-Providenza ta’ Alla. Hu li jagħti l-ikel lill-għasafar tas-sema, ċertament li lilna ser jagħtina b’abbundanza akbar”. ~ Beatu Ġużeppi Allamano

giuseppe-allamano-70c0c55f-1d8b-4cd8-b9e7-649da679e1f-resize-750BEATU ĠUŻEPPI ALLAMANO
Saċerdot
1851 – 1926

Tagħrif:  Dan il-beatu hu l-fundatur tal-missjunarji tal-Consolata. Hu twieled f’Castelnuovo d’Asti fil-21 ta’ Jannar 1851, ir-raba’ minn ħames ulied. Ommu kienet oħt San Ġużeppi Cafasso (festa: it-23 ta’ Ġunju). Missieru miet meta hu kellu tliet snin. Studja fl-oratorju ta’ San Ġwann Bosco f’Valdocco, u dan il-qaddis kien wieħed mid-diretturi spiritwali tiegħu.

Hu daħal is-seminarju djoċesan ta’ Turin f’Jannar 1866 u kien ordnat saċerdot ta’ 22 sena, fl-20 ta’ Settembru 1873. Seba’ snin wara (fit-2 ta’ Ottubru 1880) kien maħtur rettur tas-santwarju tal-Madonna Consolata f’Turin, li ġabu ħafna ’l quddiem u għamlu għajn ta’ tiġdid spiritwali għad-djoċesi kollha. Hu kien ukoll jgħallem it-Teoloġija fis-seminarju.

Fl-1889 insibuh Ruma fejn mar jassisti għall-beatifikazzjoni ta’ zijuh Don Cafasso. Waqt li kien hemm, iltaqa’ ma’ missjunarju Taljan jaħdem fiċ-Ċina, Padre Bonzano, li ħajjar lil Allamano jwaqqaf istitut missjunarju ġdid. Dan seħħ fid-29 ta’ Jannar 1901 u li ssemma għall-Consolata.

Fl-1902 l-istitut tal-Consolata bagħat l-ewwel żewġ missjunarji tiegħu lejn il-Kenja. Tmien snin wara sar vigarju u wieħed miż-żewġ saċerdoti nħatar isqof. Fuq il-parir tal-Papa San Piju X, Padre Ġużeppi Allamano fl-1910 waqqaf ukoll istitut ieħor tas-sorijiet tal-Consolata. Malajr, il-membri taż-żewġ istituti żdiedu sewwa u nfetħu missjonijiet ġodda fl-Afrika tal-Lvant.

Don Allamano kien bniedem paċenzjuż u dejjem lest biex jgħin lil min jitolbu l-għajnuna. Kien jinsisti ħafna mal-missjunarji tiegħu li, qabel kollox, kellhom ikunu ta’ ħajja qaddisa biex ikunu jistgħu jqaddsu lil oħrajn. Riedhom ukoll li jistudjaw l-użanzi u l-kultura tal-pajjiżi li jmorru jaħdmu fihom. Ħabrek ħafna li jkollhom katekisti tajbin u vokazzjonijiet minn fost in-nies tal-pajjiż.

Huwa kien grat ħafna lejn il-benefatturi tal-istituti tiegħu, u speċjalment lejn il-ġenituri tal-missjunarji li mhux biss taw minn ġidhom imma lil uliedhom stess għall-missjoni.

Ħsieb: Matul ħajtu, il-Beatu Ġużeppi Allamano esperjenza l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. Hu dejjem ħeġġeġ lil ta’ madwaru biex jitolbu b’kunfidenza kbira, mingħajr “il-biża’ li ma jiksbux dak li jkunu talbu għalih”, għaliex il-Mulej “jagħti dak li nitolbuh lil dawk li jafdawh”.

Ġużeppi fehem kif Alla l-Missier jinteressah minn uliedu kollha, speċjalment dawk f’diffikultà. Huwa jassigura li, “Ħadd minn dawk li jafdaw Fih ma jisfaw imħawwda”, għaliex il-Mulej “Jista’, jaf kif u jrid jgħinna.” 

Ġużeppi esperjenza b’mod konkret ir-realtà tal-għajnuna ta’ Alla. Huwa jgħid li: “Qatt ma jkollna tama biżżejjed fil-Providenza ta’ Alla”, għax “Hu li jagħti l-ikel lill-għasafar tas-sema, ċertament li lilna ser jagħtina b’abbundanza akbar.” Ejjew għalhekk nirrikorru lejn Alla bl-għarfien li Huwa dejjem viċin tagħna, dejjem attent għall-ħtiġijiet tagħna.

Il-Beatu għaraf li Alla l-Missier dejjem fidil għall-Wegħdiet li jagħmel! Għalhekk dejjem poġġa l-fiduċja tiegħu Fih u kien iħeġġeġ bil-kliem: “Poġġu kollox f’idejn il-Mulej mingħajr ebda biża’ għaliex Hu qatt ma jagħmel nofs l-affarijiet”, u jiddiżappunta lil uliedu li jittamaw Fih. Kien jgħid ukoll: “Agħmlu spiss atti ta’ kunfidenza fl-imħabba ta’ Alla mingħajr qatt ma taqtgħu qalbkom”. Jew “Jekk xi drabi jħallina nistennew, hu biex jgħaddina minn prova u jfakkarna kemm aħna foqra.”

Matul ħajtu kollha, il-Beatu Ġużeppi Allamano għamel esperjenza tal-għana tat-tjubija tal-Mulej. Hu, għalhekk, ħeġġeġ bil-kliem: “Kemm jieħu gost bina l-Mulej meta nemmnu fit-tjubija tiegħu. Hu jħobb jerfgħana qrib tiegħu, anke fl-affarijiet iż-żgħar u fl-avvenimenti … Huwa jifraħ meta nuru fiduċja Fih, ikun xi jkun il-kors li jsegwu tal-avvenimenti ta’ ħajjitna”. Aħna qatt ma għandna niddubitaw mill-ġenerożità ta’ Alla lejna. Meta niftakru li Hu infinitament tajjeb, għandna nagħtuh lilna nfusna bla riservi u nafdawh b’fiduċja dejjem akbar, jiġri x’jiġri.

Kull meta l-Beatu Ġużeppi Allamano kellu bżonn xi ħaġa mingħand Alla, huwa dejjem wera tip ta’ perseveranza soda. Hu jgħallem li “Sabiex niksbu favuri mingħand Alla, irridu nitolbuh b’ħafna fidi, bil-verita’ u bil-fiduċja li Hu se jwettaq il-mirakli”. U jkompli: “Kuraġġ, … u dejjem imxu ‘l quddiem fil-Mulej!”

Anke fis-sitwazzjonijiet l-iktar diffiċli tal-ħajja tiegħu, il-Beatu Ġużeppi Allamano ittama kontra kull tama (Ara Rumani 4:18). Huwa jgħid li “għandna niftħu qlubna għal tama ħajja, għal tama aqwa, għax min jittama ftit fil-Mulej, ikunu qed jonqsu, għax Hu Tjubija bla qies”.

Kemm nagħmlu sew, kieku kellna nimxu fuq il-pariri ta’ dan il-qaddis għaqli u għaref li sab fil-fiduċja tiegħu f’Alla, l-aqwa ġid, l-aqwa serħan tal-moħħ u tal-qalb. U x’inhu l-aħjar li jkollok minn dawn it-tnejn? 

Talba: O Alla u Missierna! Il-Beatu Ġużeppi Allamano għoġbok f’kull ma għamel, għax mexa fuq il-pass ta’ Ibnek l-Għażiż. Agħtina li bit-tagħlim u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nafdawk, anki fl-affarijiet iż-żgħar, għax nafu li Inti tidderieġi kollox għall-ġid tagħna stess. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-joseph-allamano/

Alternative Reading: https://theblackcordelias.wordpress.com/2009/02/16/blessed-giuseppe-allamano-february-16/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Giuseppe_Allamano

Blessed Joseph Allamano – February 16 (Italian Rap): https://gloria.tv/video/6CHFmYPLQZ9z66vSH449ZoBM4

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.