10 ta’ April: Santa Madalena ta’ Canossa

Verżjoni Vidjo: Santa Madalena ta’ Canossa

“Il-fatt li jiena twelidt markiża għandu jimpedini milli naqdi lil Ġesù Kristu fil-foqra?” – Santa Madalena ta’ Canossa

19881002_maddalena_di_canossaSANTA MADALENA TA’ CANOSSA
Fundatriċi
1774 – 1835

Tagħrif: Din hija l-fundatriċi tal-patrijiet u sorijiet ta’ “Ulied il-Karità” jew “Kanossjani.” Marija Gabriella twieldet f’Verona fl-1 ta’ Marzu, 1774. Hi kienet ġejja minn familja nobbli u għanja. Missierha miet meta kellha ħames snin u flimkien ma’ erba’ ħutha sfat abbandunata minn ommha li reġgħet iżżewġet. Madalena trabbiet minn mara Franċiża li ma kinetx tifhem lit-tifla. Ta’ 15-il sena fieqet minn marda serja u wriet il-fehma tagħha li tidħol reliġjuża, imma niesha kienu kontra għax kienu qed jittamaw li għal ġmielha u l-karattru jiġbdek tagħha kienet se tiżżewweġ banda tajba.

Ta’ 17-il sena għażlet li tidħol Karmelitana, imma rriturnat f’darha wara ftit inqas minn sena għax il-mod ta’ ħajja li għażlet kienet timpediha milli tgħin lill-foqra u tgħallem lil min kien fil-bżonn.

Għal xi snin hija kienet tamministra l-proprjetà tal-familja u fl-istess ħin kienet taħdem b’kull mod mat-tfajliet foqra, l-aktar fost dawk fil-periklu li jaqbdu ħajja ħażina. Niesha ppruvaw iżommuha fil-ħidma tagħha mal-fqar u l-baxxi għax dehrilhom li kienet qed tagħmel xogħol li ma jixraqx id-dinjità tagħha ta’ nobbli. It-tweġiba tagħha kienet dejjem l-istess: “Il-fatt li jiena twelidt markiża għandu jimpedini milli naqdi lil Ġesù Kristu fil-foqra?”

Hi kienet tgħin lill-morda fl-isptarijiet u fid-djar; kienet tixtri kotba tal-katekiżmu biex tagħtihom lill-kappillani għall-parruċċani; torganizza rtiri, tieħu ħsieb tfajliet abbandunati u tqassam kuljum ikel u flus lil dawk li kienu jħabbtu d-dar tagħha, u tagħmel żjajjar lil dawk li kienu jgħixu fi griebeġ u djar delapidati.

L-ittri tagħha lid-direttur spiritwali tagħha juru li hi għaddiet minn żminijiet ta’ skrupli u anki tibża’ li se tintilef għax ħasbet li ma kinetx qed timxi fuq ir-rieda ta’ Alla għaliha. Imma d-direttur spiritwali tagħha, Don Luigi Libera, għamlilha kuraġġ u qalilha biex tiddedika ruħha totalment għall-appostolat li kienet ġa bdiet u, fuq il-parir tiegħu, Madalena fl-1801 fetħet l-ewwel dar għat-tfajliet fil-bżonn. Kellha dik il-ħabta 27 sena.

L-Imperatur Napuljun, li kien qed jammira l-ħidma tagħha, fl-1808 taha l-kunvent ta’ San Fidenzio li qabel kien tas-Sorijiet Agostinjani. Fetħet ukoll skola f’palazz abbandunat. Kienet ukoll mistiedna Venezja biex tiftaħ dar oħra fil-monasteru qadim ta’ Santa Luċija. L-istitut tagħha kiseb l-approvazzjoni proviżorja mill-Papa Piju VII fl-20 ta’ Novembru, 1828.

Santa Madalena ta’ Canossa kellha devozzjoni speċjali lejn il-passjoni ta’ Ġesù u d-duluri ta’ Ommu Marija. Hija mietet nhar il-festa tad-Duluri fl-10 ta’ April, 1835, fl-età ta’ 61 sena. Ħajjitha tillustra perfettament dak li hi kienet tħobb tgħid lir-reliġjużi tagħha: “Il-ħajja reliġjuża mhijiex ħlief l-Evanġelju tradott fil-prattika.” Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa San Ġwanni-Pawlu II fit-2 ta’ Ottubru, 1988. Illum ir-reliġjużi rġiel tagħha huma madwar 100, imma dawk nisa jgħoddu ’l fuq minn 4,000 u għandhom missjonijiet f’21 pajjiż, fosthom f’Hong Kong, f’Goa, fis-Sudan u fl-Amerika t’Isfel.

Ħsieb: Il-ġid u l-privileġġ ma għamlu xejn biex jipprevjenu lill-qaddisa tal-lum milli ssegwi s-sejħa tagħha biex isservi lil Kristu fil-foqra. Lanqas il-protesti tal-qraba tagħha li skont huma x-xogħol li kienet qed tagħmel ma kienx jagħmel ġieħ lin-nobbiltà li tagħha kienet tagħmel parti. Imma għalina li qed ngħixu żewġ sekli wara Santa Madalena ta’ Canossa, x’messaġġ jista’ għandha għalina? Se niffoka fuq kategorija waħda ta’ nies li hija għenet; qed nirreferi għal dawk il-bosta nisa żgħażagħ li kienu qed jiġu mkaxkra mill-kurrenti ħżiena biex jipprostitwixxu lilhom infushom. Din il-problema, u problemi oħra simili relatati mal-offiżi li l-Mulej jirċievi kontra s-sitt kmandament, huma tista’ tgħid, in-norma tal-lum! Kemm għadna nagħtu importanza l-att sesswali bħala espressjoni ta’ mħabba safja bejn raġel u mara fiż-żwieġ hekk kif ħalaqha u ried li tkun Alla l-Imbierek?

Fl-ittra Pastorali bit-titlu ‘L-imħabba Sabiħa’ (il-Vanġelu tas-sesswalita’) fl-Assunta 2014, tal-Isqof Mario Grech, insibu hekk:

“Ebda mġiba sesswali ma tkun ġenwina jekk il-mutur warajha ma jkunx l-imħabba. Filfatt, fl-istupru, fil-prostituzzjoni u fil-pedofelija ma hemm ebda ħjiel ta’ mħabba. Anki n-negozju li jsir permezz tal-pornografija, bħalma huma s-servizzi li jbiegħu s-siti elettroniċi, ikun jiżżuffjetta bl-imħabba. Għaldaqstant, koppja li tfittex li tingħaqad biss fiżikament mhux f’kuntest ta’ mħabba, tkun tneżża’ s-sesswalità mit-tifsira ġenwina tagħha.  

Minn studju nazzjonali li sar dan l-aħħar minn Dar Ġużeppa Debono, jidher li ġeneralment imġiba sesswali mħarbta fost l-adolexxenti tagħna hija sintomu ta’ nuqqas ta’ mħabba li huma jkollhom fil-familja, fl-iskola u fis-soċjetà b’mod ġenerali. F’soċjetà li tisfrutta t-tbatija tagħhom billi toffrilhom soluzzjonijiet taparsi faċli, huma jispiċċaw jaqgħu f’attività sesswali li mhux biss tpoġġi f’riskju s-saħħa tagħhom, imma tkun ta’ dannu psikoloġiku u sentimentali għalihom u għall-oħrajn.

Hemm bżonn inkunu protagonisti fl-edukazzjoni sesswali ta’ wliedna. Mill-istudju msemmi, jidher is-siwi tal-ħidma li qed iwettqu l-edukaturi fl-iskejjel tagħna. Fl-istess ħin jibqa’ l-fatt li l-adolexxenti tagħna jiksbu ħafna mill-informazzjoni dwar is-sess mill-ħbieb u mill-mezzi tal-komunikazzjoni, fosthom l-internet.

Tidher id-diffikultà tal-ġenituri biex jgħixu s-sejħa tagħhom bħala l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom. Edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba titlob formazzjoni għall-kastità. Għalkemm illum il-kastità mhix suġġett li niddiskutu fit-tokk, naf b’żgħażagħ u koppji għarajjes u miżżewġa li jipprattikawha. Il-kastità ma tfissirx li wieħed jastjeni milli jkollu relazzjoni sesswali, jew li wieħed jistmerr l-imħabba sesswali, imma li “jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu u jgawdi s-sliem.” Huwa minnu li l-kastità titlob sagrifiċċju, imma s-sagrifiċċju huwa triq li twassal għall-kuntentizza.  

Nagħmel appell lill-Poplu ta’ Alla biex inħossu tagħfas fuqna r-responsabbiltà li niffurmaw aktar ruħna sabiex inxandru l-Vanġelu tas-Sesswalità lill-bniedem ta’ żmienna. Importanti li l-kelma tal-Verità tkun imsieħba minn kelma ta’ Ħniena, sabiex it-tagħlim tal-Knisja dwar is-sesswalità umana jiġi mwassal tassew bħala Bxara Tajba aktar milli bħala sensiela ta’ kundanni li jaqtgħu qalb il-bniedem li kuljum jitqabad mad-dgħufija tiegħu.”

Talba: O Alla ħanin, f’Santa Madalena ta’ Canossa dewwaqtna ftit mill-ħniena bla tarf tiegħek li għandek lejn il-foqra u dawk li l-aktar jeħtieġu tal-għajnuna u l-kenn tiegħek, agħtina l-istess spirtu ta’ ħniena biex aħna ngħinu lin-nies f’diffikultà li għandna fostna llum, bla ma nħallu l-preġudizzji tan-nies iwaqfuna milli nagħmlu dan. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-magdalen-of-canossa.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-magdalen-of-canossa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Magdalene_of_Canossa

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19881002_maddalena_di_canossa_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

14 ta’ Marzu: Santa Matilde

Verżjoni Vidjo: Santa Matilde

“Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla”. ~ Ġesù f’Mark 10:23.

St_Matilda_001SANTA MATILDE
Reġina
895 – 968

Tagħrif: Matilde (bl-Ingliż Maud) ingħad dwarha li kienet ir-reġina ideali għal nazzjon Nisrani. Isimha bil-Ġermaniż jfisser “qawwija fit-taqbida”. Hija kienet bint il-Konti Teodoriku tas-Sassonja u twieldet qrib is-sena 895.

Minn ċkunitha rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn nannitha, jisimha wkoll Matilde, li kienet badessa fil-monasteru tal-kanonikessi ta’ Herford, fejn daħlet wara li romlot. Hawn Matilde tgħallmet ir-rakkmu, u kisbet imħabba għax-xogħol, għat-talb u għall-qari spiritwali.

Baqgħet fil-monasteru sakemm il-ġenituri tagħha żewġuha, fis-sena 913, lil Enriku l-Kaċċatur. Enriku sar duka wara l-mewt ta’ missieru, u fid-919, laħaq ukoll re tal-Ġermanja.

Bħala reġina, Matilde kienet xempju ta’ virtujiet Insara; kienet iżżur u tfarraġ lill-morda u lill-imnikktin, tgħallem, tgħin lill-ħabsin, u tħabrek ukoll biex il-ħżiena jbiddlu ħajjithom. Żewġha kien ukoll jingħaqad magħha f’dawn l-opri tajba.

Hija kellha b’kollox ħames ulied: tlieta subien u żewġt ibniet. Fost dawn insemmu lill-futur imperator, Otto I il-Kbir; lil Ġerbera, li żżewġet lir-re Lwiġi IV ta’ Franza; l-arċisqof qaddis ta’ Cologne, Bruno; u Enriku mlaqqam “il-ġellied”, li kellu jikkuntenta li jsir duka tal-Bavarja.

Wara ftit li romlot, Matilde warrbet kull xorta ta’ vanità, u ngħatat aktar għall-opri ta’ għajnuna għall-fqar. Ħasbet ukoll biex qrib il-qabar ta’ żewġha, fi Queslinberg, tibni kunvent tas-sorijiet li baqgħet tieħu ħsiebu għal tletin sena.

Ir-Re Enriku miet wara li saltan għal sittax-il sena. Kienet ix-xewqa tal-mejjet li ibnu l-kbir Otto jinħatar bħala re warajh. Imma Matilde għażlet lil binha l-fustani Enriku u ġie nkurunat re fit-8 ta’ Awwissu, 936.

Santa Matilde mietet ta’ 73 sena fl-14 ta’ Marzu, 968 fi Queslinberg, u kienet midfuna ħdejn żewġha fil-kappella tal-kastell. Kienet magħrufa bħala mara ta’ tjubija tal-għaġeb u reġina qaddisa. Hija Patruna tal-ommijiet li uliedhom jiddiżappuntawhom.

Ħsieb: Matilde kellha ssofri ħafna għall-iżball li għamlet, għax iż-żewġ uliedha Enriku, u aktar Otto, għaddewha minn persekuzzjoni twila u ħarxa. Kienu wkoll jeħduha kontra tagħha għax, qalu, li kienet idejha wisq miftuħa fil-karitajiet tagħha. Hija bil-moħbi kienet tirsisti ħafna biex tgħin lill-foqra fil-postijiet remoti tal-pajjiż, u bniet anke skejjel biex tgħinhom fl-edukazzjoni.

Kollox ingħatalna b’rigal. Kollox huwa providenza ta’ Alla. Issa Alla ma jipprovdix għal ftit b’ammonti kbar u għal ħafna b’ammonti żgħar, m’għandux preferenzi u ma jħarisx lejn l-uċuħ. Xi jfisser dan? Ifisser li l-provvisti li għandna fuq din id-dinja biex il-bniedem jgħix b’dinjità, huma ta’ kulħadd u fl-istess ħin m’huma ta’ ħadd. Aħna lil Alla ngħidulu ‘Missierna’, ‘Missier Ġust’, ‘Missier Ħanin’ li ħalaqna sforz l-imħabba u tana d-dinja biex nieħdu ħsiebha ħalli minnha jkollna l-għejxien. Il-Malti jgħid: ‘Jinħabbu bħall-aħwa.‘ Issa jekk tassew ninħabbu bħall-aħwa, għandna nippruvaw inqassmu l-ġid tal-art bejn kulħadd b’mod ġust, kulħadd skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Ġesù nnifsu qal ċar u tond li “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23). Għaliex? Għax ġeneralment min għandu ħafna ġid materjali, xorta mhux kuntent u dejjem irid aktar u aktar. Meta fl-aħħar ta’ ħajtu jintebaħ li kien għani quddiem il-bnedmin imma fqir quddiem Alla għax ma jkun investa xejn fil-Bank tas-Sema, ġieli jkun tard wisq! Imma dan mhux il-każ ta’ din ir-reġina twajba Santa Matilde.

Fil-każ tagħha, il-grazzja ta’ Alla għarfitha taqsam ġidha, jew aħjar dak li ġie provdut, ma’ dawk li magħhom kienet qed issir ġustizzja, ma’ dawk li kellhom bosta bżonnijiet u ma setgħux jgħixu b’dinjità. B’dan il-mod, għalkemm mhux mifhuma u ppersegwitatha minn uliedha stess, din ir-Reġina għaqlija ħażnet teżor fis-sema u huwa propju hemm li llum issaltan qrib ir-Re Etern li hija ħabbet b’qalbha kollha.

  • U int, idejk miftuħa biex tgħin lil dawk fil-bżonn mill-providenza li għandek u li inti ssejħilha tiegħek?
  • Tara lil kulħadd bħala ħuk jew oħtok, ulied l-istess Missierna li hu fis-Smewwiet, hekk li tittratta lil kulħadd b’dinjità għax huwa/hija iben/bint Alla bħalek?
  • Lest/a li tiġi mwarrab/a u ppersegwitat/a għax tagħmel dak li hu sewwa u ġust quddiem Alla?

Talba: Mulej, Santa Matilde kienet reġina twajba li mexxiet is-saltna tagħha b’għaqal kbir u b’ġenerożità lejn dawk li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna, bit-talb tagħha għalina, agħtina mexxejja tajba u għaqlin kullimkien fid-dinja, li jagħrfu jqassmu b’mod ġust il-ġid tal-pajjiżi biex jittaffew il-problemi tal-faqar, tal-mard, tal-vizzji, tal-qagħad, u ta’ kull ħaġa oħra li tnaqqas id-dinjità tagħna l-bnedmin, ulied Alla l-Missier. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-matilda.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-matilda-177

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matilda_of_Ringelheim

March 14 – Saint Matilda on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/Khu1hu88NF336uSkcMDy34faG

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Frar: Beata Marija Caritas Brader

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Caritas Brader

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla”. ~ Beata Marija Caritas Brader

mariacaridadMADRE MARIJA CARITAS BRADER
Fundatriċi
1860 – 1943

Tagħrif: Maria Josefa Carolina Brader twieldet f’Kaltbrunn fl-Isvizzera fl-14 ta’ Awwissu 1860. Missierha kien Joseph Sebastian Brader u ommha, Marija Anna Carolina Zahner. Maria Josefa Carolina kienet l-unika tifla li kellhom.

Maria Josefa kienet intelliġenti ħafna u fl-1880 ddeċidiet li minflok ma tmur l-Università tidħol mal-Franġiskani – u ħadet l-isem: Marija-Caritas (Karità). Fl-1882 għamlet l-aħħar voti mas-sorijiet tal-klawsura.

Fl-ewwel snin, b’permess speċjali, għallmet fl-iskola fejn kienet tmur bħala tifla u wara ftit laħqet kap ta’ din l-iskola. Wara ftit il-Papa ta l-fakultà li l-Ordnijiet tas-Sorijiet Klawstrali jistgħu joħorġu jgħallmu.

Ġara li ħafna isqfijiet fil-pajjiżi tal-Missjoni talbuhom biex jiftħu l-iskejjel. L-Isqof Pedro Schumacher tal-Ekwador talab lis-superjura Maria Hilf biex tibgħat xi sorijiet. Is-superjura stess, Madre Marija Bernarda Butler li ġiet ibbeatifikata fid-29 ta’ Ottubru 1995, flimkien ma’ ħames sorijiet fosthom Suor Marija Caritas, marru l-Ekwador.

Għal 5 snin Swor Marija Caritas kienet għalliema u katekista fil-belt ta’ Chone. Fl-1893 marret tagħmel appostolat fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja.

Bl-għajnuna ta’ saċerdot Ġermaniż, Father Reinaldo Herbrana, waqqfet kongregazzjoni, tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija Immakulata, li tagħha saret l-ewwel superjura. L-ewwel sitt sorijiet kienu mill-Isvizzera u wara bdew ġejjin tfajliet Kolombjani.

Kienet l-ewwel Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni l-ġdida mill-1893 sal-1919 u wara mill-1928 sal-1940 reġgħet saret Superjura Ġenerali u matul dawn is-snin għamlet il-voti tad-djar fl-Amerika. Ta’ 80 sena talbet li ma tibqax Superjura.

Fis-27 ta’ Frar 1943 mietet fil-Belt ta’ Pasto fil-Kolombja. Fis-sena 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu ll ibbeatifikaha.

Ħsieb: Meta Swor Marija Caritas, fl-1893 marret fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja. Iż-żona tal-appostolat kienet tinkludi t-territorju ta’ xatt il-baħar, il-muntanji għoljin tal-Andes u l-pjanura tal-għoljiet ta’ madwar l-Andes. In-nies kienu fqar immens u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu perikolużi ħafna. Swor Marija Caritas kellha mħabba kbira għal dawn in-nies u għamlet minn kollox biex ittaffilhom il-problemi tagħhom.

Lis-sorijiet tagħha kienet tinkuraġġihom u tgħinhom biex jakkwistaw diplomi akkademiċi u kienet tgħidilhom:

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla.”

Fuq kollox kienet tħabbrek biex jgħixu l-Ispirtu Franġiskan, u jgħożżu l-faqar biex ikunu jistgħu jgħinu lill-fqar u jkunu ta’ eżempju għalihom.

L-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù fl-Ewkaristija wasslitha biex titlob u tikseb permess għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament Divin fil-kunvent. Hija ħalliet dan l-aktar teżor prezzjuż u qaddis fil-Kongregazzjoni tagħha flimkien ma’ rispett kbir lejn is-saċerdoti.

  • U int, tfittex li tmur ħdejn Ġesu Ewkaristija għal xi ħin ta’ Adorazzjoni?
  • Taf b’xi kappella tal-Adorazzjoni qrib ta’ fejn toqgħod int li forsi tkun miftuħa għal xi ħin tul il-jum?

(ara lista ta’ Kappellel tal-Adorazzjoni u sib dik l-aktar qrib tiegħek)

Talba: O Alla, li qaddist lil Swor Marija Caritas permezz tal-imħabba kbira li tajtha lejn il-persuni taħt il-kura tagħha, hekk li kienet tagħmel ħilitha kollha biex ittaffilhom il-problemi, agħtina l-kuraġġ biex nimxu fuq il-passi tagħha ta’ virtu’ u nkunu aħna wkoll ta’ għajnuna għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-caridad-brader-160

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2017/02/blessed-maria-caridad-brader-foundress/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Josefa_Karolina_Brader

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Jannar: Santa Eliżabetta Anna Seton

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta Anna Seton

“Nafu fiċ-ċert li Alla tagħna jsejjħilna għal ħajja qaddisa. Aħna nafu li hu jagħtina kull grazzja, kull grazzja abbundanti; u għalkemm aħna erwieħ tant dgħajfa, din il-grazzja għandha l-qawwa li tgħenna negħelbu kull ostaklu u diffikultà”. ~ Santa Eliżabetta Anna Seton

setonSANTA ELIŻABETTA ANNA SETON
Omm, Edukatura u Fundatriċi
1774 – 1821

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet fi New York City u kienet bint Richard Bayley, li kien professur tal-anatomija f’dik li llum tissejjaħ Columbia University. Ħuha minn omm oħra kien l-arċisqof James Roosevelt Bayley ta’ Baltimore. Kienet edukata u mtellgħa fir-reliġjon protestanta minn missierha li kien Episcopalian.

Ta’ 20 sena (1794) żżewġet lin-negozjant William Magee Seton u nvolviet ruħha f’ħidma soċjali billi għenet, fl-1797, fit-twaqqif tas-Soċjetà għall-għajnuna tan-nisa romol fqar bi tfal żgħar.

Ta’ 29 sena (1803) sabet ruħha armla b’ħamest itfal meta żewġha miet f’Pisa, l-Italja, fejn kien mar biex jieħu saħħtu. L-għajnuna u l-eżempji sbieħ tal-familja kattolika Filicchi li laqgħetha għandha meta kienet fl-Italja impressjonawha ħafna u nisslu fiha interess fir-reliġjon Kattolika.

Wara sitt xhur fl-Italja, Eliżabetta Seton marret lura fl-Istati Uniti u, fl-1805, il-fidi tagħha fl-Ewkaristija mexxietha flimkien mal-ħames uliedha biex saret Kattolika. Minħabba f’hekk niesha u ħbiebha ħaduha kontriha u abbandunawha.

Dr. Dubourg, superjur tas-Sulpizjani f’Baltimore, stedinha tibda skola għall-bniet f’din il-belt. Għemejjel ta’ ħniena kienu dejjem parti minn ħajjitha u għalhekk malajr fetħet skola għat-tfal foqra f’Baltimore bl-għajnuna ta’ erbat iħbieb tagħha. L-iskola mxiet ‘il quddiem u aktar tard is-superjur tas-Sulpizjani, bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Carroll, ta lil Eliżabetta u ‘l sħabha regola ta’ ħajja. Kellhom ukoll il-permess li jagħmlu l-professjoni reliġjuża u jilbsu l-abitu reliġjuż.

Fl-1809, Eliżabetta ħadet il-komunità żagħżugħa tagħha f’Emmitsburg, fil-Maryland, fejn hi addottat ir-regola tal-Ulied tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul. Din il-komunità reliġjuża ġdida bdiet tissejjaħ s-Sorijiet (tal-Karità) ta’ San Ġużepp.

Fid-19 ta’ Lulju tal-1813 Madre Seton u sbatax minn sħabha għamlu l-voti u taw bidu għas-sistema ta’ skejjel parrokkjali fl-Istati Uniti, bla ma ttraskuraw il-qadi tal-foqra u speċjalment tan-nies ta’ kulur. Hi kienet tħarreġ lill-għalliema u hi stess ħejjiet text-books għall-użu fl-iskejjel.

Waqqfet ukoll orfanatrofji f’Filadelfja u fi New York. Is-sorijiet tagħha malajr xterdu mal-Istati Uniti u meta hi mietet, fl-4 ta’ Jannar 1821, ta’ 47 sena, kellhom diġà 20 dar. Is-sorijiet tagħha llum huma l-aktar numerużi fl-Istati Uniti u l-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa tassew kbir. Santa Eliżabetta Anna Seton kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Pawlu VI fl-1975.

Ħsieb: Tassew li fost diversi opri li wetqet, kienet Santa Eliżabetta Anna Seton li waqqfet l-ewwel skola Kattolika b’xejn għat-tfajliet fl-Amerika. Imma l-aktar li xtaqt nenfasizza r-riflessjoni tal-lum hu fuq il-fatt li kienet “omm” u kemm nissottovalutaw dan ir-rwol tant meħtieġ fil-Knisja u fis-soċjeta’.

Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tas-7 ta’ Jannar 2015, jgħid hekk dwar il-valur tal-ommijiet:

“Kull bniedem jaf ħajtu lil omm, u kważi dejjem jaf lilha wkoll ħafna mill-bqija ta’ ħajtu, mill-formazzjoni umana u spiritwali tiegħu. Imma l-omm, anki jekk hi eżaltata ħafna mil-lat simboliku, – tant poeżiji, tant affarijiet sbieħ li jingħadu poetikament fuq l-omm – ftit hi mismugħa u ftit issib għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, ftit hi meqjusa fir-rwol ċentrali tagħha fis-soċjetà. 

L-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku. “Individwu” jfisser “li ma tistax taqsmu”. Imma l-ommijiet “jinqasmu”, ibda minn meta jilqgħu iben fi ħdanhom biex jagħtuh lid-dinja u jrabbuh. Huma l-ommijiet l-aktar li jobogħdu l-gwerra, li toqtlilhom lil uliedhom.  

L-Arċisqof Oscar Arnulfo Romero kien jgħid li l-ommijiet iġarrbu “martirju matern”. Fl-omelija għall-funeral ta’ saċerdot maqtul mill-iskwadri tal-qtil, hu tenna dak li qal il-Konċilju Vatikan II:

“Kollha kemm aħna rridu nkunu lesti mmutu għall-fidi tagħna, anki jekk il-Mulej ma jagħtiniex dan l-unur… Li nagħtu ħajjitna ma jfissirx biss niġu maqtula; nagħtu ħajjitna, ikollna spirtu ta’ martirju, ifisser li ningħataw fid-doveri tagħna, fis-silenzju, fit-talb, fit-twettiq onest ta’ dmirijietna; f’dak is-silenzju tal-ħajja ta’ kuljum; nagħtu ħajjitna ftit ftit! Iva, kif tagħtiha omm, li bla biża’, bis-sempliċità tal-martirju matern, tnissel f’ġufha iben, tagħtih id-dawl, treddgħu, trabbih u tieħu ħsiebu bi mħabba. Dan ifisser tagħti ħajtek. Dan hu martirju”.

Soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem, hemm minqux il-valur tal-fidi fil-ħajja ta’ bniedem. Hu messaġġ li l-ommijiet li jemmnu jafu jgħadduh mingħajr ħafna spjegazzjonijiet: dawn jiġu wara, imma ż-żerriegħa tal-fidi qiegħda f’dawk l-ewwel waqtiet mill-aktar prezzjużi. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha”.

Talba: O Alla, Int qaddist lil Eliżabetta Anna Seton b’don u grazzji; bħala mara u omm, edukatura u fundatriċi, sabiex setgħet tgħaddi ħajjitha f’servizz lejn il-poplu tiegħek. Agħtina li permezz tal-eżempju u t-talb tagħha, aħna wkoll naslu biex nitgħallmu nesprimu l-imħabba tagħna lejk fl-imħabba u l-qadi tagħna lejn il-bnedmin kollha li fihom għandna naraw lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-elizabeth-ann-seton.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-ann-seton-105 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_Ann_Seton

Film on the life of Elizabeth Ann Seton:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

St Elizabeth of Hungary 3SANTA ELIŻABETTA TAL-UNGERIJA
1207 – 1231

Tagħrif: Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdita’.

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja. Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha. Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna. Kellhom tlitt itfal.

Sa minn ċkunitha kellha qalbha tajba mal-fqar u l-morda. Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv. Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda. Ġieli ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgħid: “Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata tal-Imperatur Frederiku II, fl-1227, 18-il ġurnata wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha Ġertrude.

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha. Eliżabetta, li issa kellha 20 sena, waqgħet f’faqar kbir għax il-qraba tagħha (min-naħa ta’ żewġha) ċaħħdu lil din l-armla żagħżugħa minn kull kenn u mezzi għaliha u għal uliedha. Hi kellha tmur minn post għal ieħor tittallab il-karità, imma l-virtujiet tagħha kienu akbar mill-isfortuni tagħha. Irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ. Minflok, hija ritirat ġewwa Eisenak, imbagħad fil-kastell ta’ Pottenstin. Iżda wara, għażlet li tgħix ġo dar modesta, ġewwa Marburgo.

Inkitbet mat-terz’ordni tal-franġiskani u kienet iżżur il-morda darbtejn matul il-jum u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, tant li ftaqret hi stess. Kienet tmur titlob il-karita’ u tagħmel l-aktar xogħlijiet umli fejn kien meħtieġ. Din l-għażla ta’ ħajja qajmet rabja kbira fost il-kunjati tagħha, tant, li waslu biex ħadulha l-kustodja ta’ wliedha. Imma xejn ma seta’ jtellef jew inaqqas il-ġentilezza jew it-tjubija tagħha, lanqas is-severità eċċessiva tas-saċerdot li għażlet bħala direttur spiritwali tagħha.

Fl-aħħar, kisbet lura xi ftit mill-ġid li kellha u permezz tiegħu ħasbet għall-futur ta’ wliedha imma qassmet il-bqija tas-sehem tagħha f’opri ta’ karità.

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena. Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha. Hija l-Patruna tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja u tat-Terzjarji Franġiskani.

Ħsieb: Eliżabetta tal-Ungerija fehmet tajjeb il-lezzjoni li Ġesù għallimna meta ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: Il-Kristjan għandu jkun wieħed li jservi l-bżonnijiet l-aktar umli ta’ ħaddieħor, anke jekk wieħed iservi minn pożizzjoni għolja. Ta’ demm irjali li kienet, Eliżabetta setgħet tirrenja fuq is-suġġetti tagħha, imma minflok hija serviethom b’qalb tant kbira u umli li l-ħajja qasira tagħha rebħet għaliha post speċjali fil-qlub ta’ ħafna.

Insibu din l-affermazzjoni li ġejja dwar is-servizz u d-dedikazzjoni ta’ Eliżabetta lejn il-foqra u l-morda f’din l-ittra:

“Hija kellha d-drawwa li żżur personalment il-morda kollha darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, Hija ħadet ħsieb b’mod personali lil dawk li l-aktar kienu jimbuttawk minħabba l-mard tagħhom. Hija tat jieklu li xi wħud, akkwistat soddod lil xi oħrajn, ġarret xi wħud fuq spallejha stess u kienet tinvolvi ruħha f’bosta servizzi oħra għall-ġid tagħhom”.

U jekk se nitkellmu dwar il-ħajja tat-talb ta’ Santa Eliżabetta, il-konfessur tagħha Fr. Konrad ħallielna tassew xhieda eżemplari:

“Jiena nikkonferma quddiem Alla li, għalkemm kienet iddedika għal xogħlijiet bħal dawn tal-ħajja attiva, rari rajt mara kontemplattiva bħala Eliżabetta. Xi nisa u rġiel reliġjużi nnutaw ħafna drabi li, meta hija kienet tkun lestiet it-talb privat tagħha, kien ikollha dawl emanenti f’wiċċha u, bħar-raġġi tax-xemx, kienu jiddu minn għajnejha”.

Barra minn hekk, Santa Eliżabetta turina l-ħtieġa li għandu jkollna, fil-vjaġġ tal-fidi tagħna, gwida spiritwali kwalifikata li takkumpanjana lejn il-qdusija. Eliżabetta segwiet bir-reqqa l-istruzzjonijiet tad-direttur spiritwali tagħna u dan hu ta’ eżempju għalina lkoll. Li wieħed jikber fil-ħajja spiritwali huwa proċess diffiċli. Huwa faċli li naqgħu f’ħafna żbalji jekk ma jkollniex lil xi ħadd li jiddixxiplinana.

Santa Eliżabetta saret qaddisa mhux għax iżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel ma għalqet għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar, iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra, ħliet saħħitha ddur bil-morda.

  • U int, għażilt lil xi saċerdot tajjeb u għaref bħala d-direttur spiritwali tiegħek, biex jigwidak u jakkumpanjak fil-vjaġġ tal-ħajja tiegħek?
  • Inti kemm tarah lil Alla f’ħutek il-bnedmin hekk li tasal tiftaqar u taħli saħħtek għalihom?
  • Sa fejn tasal imħabbtek għal Alla fl-oħrajn?

Talba: Missier Ħanin, nitolbuk biex tferra’ r-raġġi kollhom dawl tal-grazzji tiegħek fil-qlub tagħna: ħalli bit-talb glorjuż ta’ San Eliżabetta, nistgħu nitgħallmu npoġġu fil-ġenb il-ġid ta’ din id-dinja mudlama, biex dejjem iżjed nifirħu bil-konsolazzjonijiet tiegħek tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-of-hungary-56

Alternative Reading: https://ccdocle.org/about-us/our-patron-saint-st-elizabeth-of-hungary

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Ottubru: San Tumas ta’ Villanova

Verżjoni Vidjo: San Tumas ta’ Villanova

“Jekk trid li Alla jisma’ t-talb tiegħek, isma’ l-vuċi tal-foqra. Jekk tixtieq li Alla jantiċipa l-ħtiġijiet tiegħek, ipprovdi lil dawk il-persuni li huma fil-bżonn mingħajr ma tistenna li jistaqsuk. Antiċipa b’mod speċjali l-ħtiġijiet ta’ dawk li jistħu jittalbu. Jekk iġġegħelhom jittalbu l-karita’, tkun qed iġġegħelhom jixtruha. ~ San Tumas ta’ Villanova

Luca-Giordano-Charity-of-St.-Thomas-of-VillanovaSAN TUMAS MINN VILLANOVA
Isqof
1488 – 1555

Tagħrif: San Tumas twieled Fuentellana, fil-Kastilja, Spanja u ħa ismu minn Villanueva, xi żewġ mili bogħod, fejn trabba fil-prattika tar-reliġjon u tal-karità.

Kull nhar ta’ Ġimgħa missieru, Alonso Tumas Garcia, kien jagħti lill-fqar kull ma jaqla’ dak il-jum mill-mitħna, barra mill-ħobż li kien jagħti kuljum. Fil-festi l-kbar kien iżid ħatab, inbid u flus.

Meta miet żewġha, Lucia Martinez Castellanos, ommu, baqgħet tagħti l-istess karità u bdiet tagħti lbies u għajnuna lix-xebbiet fqar tal-inħawi.

Ta’ 16-il sena, Tumas mar l-università ta’ Alkalà, fejn, wara li kiseb il-grad ta’ M.A. u tat-Teoloġija, beda jgħallem il-Loġika u l-Filosofija (1514). Sew bħala student, kemm bħala professur, kien xempju ta’ regolarità fid-dmirijiet ta’ nisrani u kien iqassam il-ħin tiegħu bejn it-talb, l-istudju u l-prattika tal-opri tajba. Fost l-iskulari tiegħu kellu l-magħrufin Encina u Duminku Soto.

Wara sentejn irrofta l-kattedra ta’ Filosfija fl-Università ta’ Salamanca u daħal mal-Agostinjani (1516) ta’ hemm. Fin-novizzjat wera li kien ġa mrawwem fil-penitenzi, fil-meditazzjoni u fl-ubbidjenza. Sena wara ntrabat u wara sena oħra ordna saċerdot. Beda jgħallem it-Teoloġija Skolastika fil-kunvent ta’ Salamanka, żied ukoll il-predikazzjoni tal-kelma ta’ Alla fl-ibliet ewlenin ta’ Spanja, bħal Valencia u Valladolid, fejn l-Imperatur Karlu V ħatru predikatur tal-qorti imperjali u kunsillier tal-istat.

Tumas kellu bosta karigi importanti fl-ordni: pirjol Salamanka, Burgos u Valladolid; darbtejn provinċjal, ta’ Andalusija u ta’ Kastilja, minn fejn bagħat l-ewwel missjunarji Agostinjani fil-Messiku (1533). Waqt li kien pirjol Valladolid ġietu n-nomina ta’ arċisqof ta’ Valencia (5 ta’ Awwissu 1544). L-ewwel ħaġa li għamel, beda żjara tad-djoċesi u daħħal bosta digrieti kontra l-abbużi tal-qtil, tad-divorzju, tal-konkubinaġġ u ta’ bosta privileġġi u eżenzjonijiet eċċessivi.

Żar ukoll il-ħabsijiet u għalaq dawk li kienu taħt l-art. Reġa’ waqqaf l-isptar, maħruq f’inċendju; bena żewġ kulleġġi wieħed għas-seminaristi u l-ieħor għat-tfal fqar; ħadem ħafna għall-konverżjoni sinċiera ta’ bosta “Moriscos” jew “insara ġodda” li kienu saru nsara biex jaħarbu mill-inkwiżizzjoni; fetaħ “creche” ħdejn il-palazz għall-iltiema u għat-tfal tal-fqar; u b’liġijiet u bl-eżempju ħadem bla mistrieħ għar-riforma tal-kleru u tal-poplu.

L-idea tiegħu ta’ isqof kienet li hu marbut mad-djoċesi bħalma għarusa tkun marbuta mal-għarus u l-preokkupazzjoni tiegħu kienet li jaqdi dmirijietu kif jixraq.

Tah kolp ta’ anġina f’Awwissu 1555 u miet fit-8 ta’ Settembru waqt li kien jisma’ l-quddiesa f’kamartu.

Ħsieb: Insibu ħafna figuri komiċi li jdaħħku lil ħafna nies imma Tumas ta’ Villanova kiseb figura aktar tad-daħk bil-ħeġġa determinata tiegħu u bir-rieda tiegħu li jħalli lill-foqra, li kienu jiffullaw wara l-bieb tiegħu, jieħdu vantaġġ minnu. Kien iġiegħel lil sħabu jisħtu minħabba f’dan, imma Ġesù kien kuntent ħafna bih. Ħafna drabi jkollna t-tentazzjoni li nħarsu l-immaġni tagħna fl-għajnejn ta’ ħaddieħor mingħajr ma nirriflettu biżżejjed dwar kif qed iħares lejna Kristu. Tumas għandu jħeġġiġna biex naħsbu mill-ġdid dwar il-prijoritajiet tagħna.

Imma kemm aħna mqabdin mal-idejat ta’ ħaddieħor! Miskin hu dak li jagħti kas ta’ x’jaħsbu, x’jgħidu u x’jixtiequ minnu l-oħrajn. Aħna maħluqa liberi fuq ix-xbieha t’Alla. Din hi d-dinjita’ ta’ kull nisrani – li jgħix il-ħajja fil-milja kollha tagħha billi ma jimxix fuq il-passi tal-maġġoranza, imma fuq dawk tal-Verita’. Ħajti, dak li nagħżel, ma jiddependix fuq dak li jagħżlu li jagħmlu l-oħrajn. Għalhekk m’għandix inħalli x’jaħsbu, x’jgħidu u kif se jittrattawni l-oħrajn, jikkundizzjunaw l-azzjonijiet tajba u qaddisa li l-Mulej ippoġġili f’qalbi biex jien inwettaq għalih.

In-nisrani ħieles! L-Iben ta’ Alla stabbilixxa l-liberta’ tagħna bis-salvazzjoni tiegħu għalhekk aħna msejħa biex ngħixu bħala dawk ħielsa tassew! (Ġwanni 8:36) Mela ejjew nieqfu ngħixu qisna skjavi ta’ dak li jixtiequ jaraw fina l-oħrajn. Aħna Sid wieħed biss għandna – lil Ġesu’ Kristu u Hu biss għandu jkun il-mudell perfett ta’ ħajjitna.

Iva, ħafna drabi biex ngħix ta’ nisrani veru, irrid niddefendi dak li nemmen anki jekk dan ifisser li nispiċċa waħdi u mwarrab minn nies, qisni xi ħadd stramb jew iblah. Ma jimpurtax! Is-Sewwa dejjem jirbaħ u għada pitgħada dawk stess li llum iżebilħuni jew iwarbuni, għad jagħtuni raġun, u forsi l-ġenerazzjoni ta’ warajja tiddikjarani qaddis/qaddisa. Hekk ġralhom ħafna qaddisin li fi żmienhom kienu ppersegwitati, imżebilħa u ġieli anki maqtula. Wara xi snin, il-poplu tellgħhom għall-glorja tal-altari! Imma l-aktar importanti għal dawn kienet il-glorja li kisbu għall-Imgħallem tagħhom li ħabbew bis-serjeta’ u l-importanti għaliH kien li issa ppremjhom kif wiegħed li jagħmel ma’ min jippersevera sal-aħħar.

  • U jien, ikkundizzjonat mill-opinjoni tan-nies fuqi jew kburi/ja li qed inħobb b’mod liberu lil Alla li ħabbni u ħallni minn dnubieti bil-mewt tiegħu għalija?
  • Xi prijoritajiet għandi f’ħajti? Il-programm biex inħobb lil Alla b’qalbi kollha, b’ruħi kollha u bil-qawwa tiegħi kollha, u lill-proxxmu tiegħi kif ħabbna l-Mulej, huwa l-għan ewlieni tiegħi?
  • Qed naħdem biex nikber dejjem iżjed fil-qdusija personali tiegħi bla ma npoġġi limiti u kundizzjonijiet?

Tassew li l-virtu’ li l-aktar li tispikka f’San Tumas ta’ Villanova hija l-karita’ estrema tiegħu lejn il-foqra u n-nies fil-bżonn. Il-Malti jgħid: ‘Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxxkar’. Huwa evidenti ħafna li dan l-eżempju ħadu mingħand il-ġenituri tiegħu. Missieru kien joffri l-paga kollha tal-jum tal-Ġimgħa għall-foqra u wara mewtu, martu kompliet din l-użanza qaddisa warajh. U Tumas, bħal kull tifel/tifla xorob bħal sponża dawn l-eżempji tal-ġenituri tiegħu. X’effett u x’impatt għandhom il-ġenituri fuq l-ulied! Kemm għandna nkunu konxji ta’ dan. Kemm l-eżempji tajba, kif ukoll dawk ħżiena jintisġu mat-trobbija tal-ulied u dawn, anki jekk mhux fi tfulithom jew żgħożithom, jibdew juru l-istess ħajriet u inklinazzjonijiet, tant li jaslu jagħmluhom tagħhom.

X’responsabbilta’ għandhom għalhekk il-ġenituri, l-edukaturi, l-għalliema u l-kuraturi ta’ kull tip. Irridu nagħtu kont lil Alla tal-eżempji li qed nagħtu liċ-ċkejknin li għalihom l-adulti huma mudelli. Hemm premju kbir għal dawk li jnisslu eżempji u drawwiet tajba u qaddisa fiż-żgħar; bħat-Talb ta’ kuljum, il-Quddies, is-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin, il-ħniena u l-karita’ lejn il-proxxmu, l-għajnuna lil min hu fil-bżonn fejn ikun possibli u d-dixxiplina fuqna nfusna biex ma nħallux li nitkaxkru mill-passjonijiet umani tagħna. Kemm teżisti telqa fil-familji tagħna llum! Mulej, iftħilna għajnejna u permezz tal-eżempji tal-qaddisin li ħabbewk tassew, urina x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-ħajja tagħna bħala nsara.

  • U jien, x’eżempji qed nagħti lil dawk ta’ madwari, b’mod speċjali liż-żgħar?
  • X’tip ta’ eżempji qed nagħżel li nagħmel tiegħi; ta’ dawk li jistgħu jgħinnuni nikber fil-mixja spiritwali tiegħi jew ta’ dawk li jistgħu ifixkluni u jtellfuni t-Triq tas-Sewwa li Kristu witta għalija b’demmU l-għażiż?

Talba: Inħobbok, Mulej, b’kull mod u mingħajr ma nagħmel limiti għal imħabbti lejk. Int ma għamilt l-ebda limiti għal dak kollu li wettaqt għalija, inti ma qagħadtx tkejjel id-doni tiegħek. Jien m’hinix se nkejjel imħabbti lejk. Inħobbok, Mulej, bis-saħħa tiegħi kollha, bil-qawwa tiegħi kollha, u sa kemm niflaħ. Ammen. (Talba ta’ San Tumas ta’ Villanova)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-thomas-of-villanova-710

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-of-villanova/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_of_Villanova

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Settembru: San Vinċens De Paul

Verżjoni Vidjo: San Vinċens De Paul

“Mur għand il-foqra u ssib lil Alla.” San Vinċens De Paul

700c36_450379d7c938438f81163d14456d11bb_mv2SAN VINĊENS DE PAUL
Saċerdot
1581 – 1660

Tagħrif: San Vinċens twieled f’Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, Franza, fl-24 ta’ April 1581. Il-ġenituri tiegħu kellhom daqsxejn ta’ razzett żgħir li minnu kienu jaqgħilu l-għajxien tagħhom. Meta l-missier ra li ibnu Vinċens kien inklinat ħafna lejn l-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f’kulleġġ immexxi mill-Franġiskani.

Meta Vinċens kien qed jistudja, laqa’ talba ta’ wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta’ wliedu. Hekk ma baqax iktar ta’ piż finanzjarju fuq missieru.

Fl-1596 daħal l-Universita’ ta’ Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fl-1600 sar saċerdot u baqa’ jistudja sal-1605, meta telaq lejn Marsilja biex jiġbor somma ġmielha ta’ flus li kienet imħollija lilu. Hu u ġej lura bil-baħar, il-pirati qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u lilu ħaduh Tuneż. Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien apostata, minn Nisrani sar Mawmettan. Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċens ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tuneż. Wara mawra qasira f’Ruma rritorna Franza fl-1607.

Mar Pariġi u hemm iltaqa’ ma’ Monsinjur de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kapillan ta’ Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611. Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta’ Valois, u għalliem privat ta’ wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta’ Franza.

Fl-1617 beda jippriedka l-missjonijiet. Darba meta kien f’raħal, sama’ l-aħħar qrara ta’ wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta’ Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dak in-nhar intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619 inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.

Fl-1625 waqqaf il-“Kongregazzjoni tal-Missjoni” li l-membri tagħha saru magħrufa bħala “Lazzaristi” minħabba li l-kunvent li kien qed iservi sar bħala d-Dar Ċentrali kien iġib l-isem ta’ San Lazzru “Saint Lazare”, f’Pariġi.

Bil-għajnuna ta’ Santa Louise de Marillac waqqaf il-“Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karita'” li l-“Kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fil-“wards” tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar”.

Bil-għajnuna tal-membri ta’ dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir f’Tuneż u fl-Alġier.

Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq. Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Is-sabiħa hi li ma kienx hekk minn dejjem anzi kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.

San Vinċens miet fis-27 ta’ Settembru 1660. Il-Papa Klement XII niżżel ismu fil-lista tal-Qaddisin. Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja.

Ħsieb: “Stinka biex tkun kuntent ukoll meta ssib ruħek imdawwar b’ħafna affarijiet li jikkaġunaw l-iskuntentizza. Oqgħod attent li ma taħkmekx l-għira għax din teqred l-imħabba fraterna.” (Minn ittra ta’ San Vinċens de Paul)

Id-don ta’ San Vinċens de Paul li jintegra s-servizz ta’ karita’ tiegħu ma’ ħajja profonda ta’ talb huwa wieħed mill-akbar attrazzjonijiet tiegħu għall-insara kontemporanji. It-taħlita ta’ talb u ta’ azzjoni ta’ Vinċens appellat lil għexieren ta’ eluf ta’ fidili matul l-aħħar tliet sekli. Huwa għad għandu u jibqa’ jkollu valur spiritwali li jdawwal lin-nies li:

  • jiġġieldu biex jintegraw it-talb u l-meditazzjoni b’servizz għall-proxxmu fil-bżonn;
  • jiġu eżawriti mill-attività tagħhom minflok ma jiġu nutriti minnha;
  • raw lil Alla fil-foqra, fil-morda, fin-nies bla dar, u f’dawk b’diżabbilta’.

Vinċens dejjem se jibqa’ jkun ħabib u kumpann tajjeb għal kull min ifittex bilanċ bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni, jorganizza ħidmiet tajba ta’ karita’, jiddependi fuq il-Providenza Divina, jorganizza attivitajiet intelliġenti u jintelaq b’fiduċja sħiħa f’Alla.

Il-Knisja hija għall-ulied kollha ta’ Alla, sinjuri u fqar, bdiewa u skulari, dawk sofistikati u sempliċi. Imma ovvjament l-ikbar tħassib tal-Knisja għandu jkun għal dawk li jeħtieġu l-iktar għajnuna: dawk li jkunu bla saħħa minħabba mard, faqar, injoranza jew krudeltà. Vinċent de Paul huwa patrun partikolarment xieraq għall-Kristjani kollha llum, meta l-ġuħ tassew jagħmel tiegħu, u l-għajxien għoli tal-għonja jinsab dejjem aktar f’kuntrast qawwi mad-degradazzjoni fiżika u morali li fiha ħafna minn ulied Alla huma mġiegħla jgħixu.

Id-devozzjoni ta’ Vinċens qatt ma ċċaqalqet u hu volontarjament ta ħajtu biex iservi lill-ifqar fost il-foqra. Bħal Santa Tereża ta’ Kalkutta, Vinċens ra lil Kristu fl-uċuħ tal-foqra u fittex li jservih permezz tal-ħidma tiegħu. Ix-xhieda tiegħu llum tkompli tagħti l-frott mhux biss fil-kongregazzjonijiet reliġjużi diversi li jittraċċaw l-oriġini tagħhom għal San Vinċens  de Paul, iżda wkoll fis-Soċjetà San Vinċenz de Paul, imwaqqfa fl-1833 mil-lajċi, Frederic Ozanam, u li hija organizzazzjoni internazzjonali li iservi lil dawk li jsofru minn diżastri naturali u gwerer.

  • Inti tara lil Alla fin-nies l-aktar fil-bżonn?
  • Qalbek sensittiva biżżejjed lejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn madwarek?
  • Tfittex li tgħin mill-aħjar li tista’ lill-batuti?
  • Tmur iżżur lill-morda u l-anzjani fid-djar jew sptarijiet biex tkun ta’ kenn għalihom?
  • Twarrab xi ftit flus għall-karita’?

TalbaAlla Ħanin, ġedded  fina l-ispirtu ta’ San Vinċenz De Paul,
– ħeġġeġ fina n-nar tal-imħabba tiegħek.
Alla Twajjeb, urina kif nibku ma’ dawk li jibku,
– imla l-qlub tagħna bil-kompassjoni u l-imħabba.
Alla Ħallieq, inti titlob lin-nisa u l-irġiel biex jimxu fuq l-eżempju ta’ San Vinċens De Paul,
– agħtina għajnejn li jaraw lil Kristu fil-batuti u l-foqra. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-vincent-de-paul-607

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-vincent-de-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_de_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.