21 ta’ Lulju: San Lawrenz ta’ Brindisi

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz ta’ Brindisi

“Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” – San Lawrenz ta’ Brindisi.

21-San_lorenzo_da_brindisi-21SAN LAWRENZ TA’ BRINDISI
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1559 – 1619

Tagħrif: Ċesare de Rosse twieled fil-belt ta’ Brindisi, l-Italja. Fi ċkunitu ġie edukat mill-patrijiet Franġiskani Konventwali fi Brindisi. Ta’ tnax-il sena tilef lil missieru, u zijuh ħa ħsieb jibagħtu jistudja fil-kulleġġ ta’ San Mark, f’Venezja.

Fl-1575, meta kellu 16-il sena daħal mal-Kapuċċini ta’ Verona. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Lawrenz. Studja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Padova. Kien jaf tajjeb ħafna lingwi. Barra t-Taljan, kien fluwenti fil-Latin, Grieg, Ebrajk, Ġermaniż, Franċiż, Spanjol u Bhoemi. Kien student brillanti u sar espert fil-Bibbja. Ħa l-quddiesa, fl-1582, ta’ 23 sena.

Fl-1596, sar id-Definitur Ġenerali tal-Kapuċċini f’Ruma. Il-Papa Klement VIII talbu jipprietka l-Vanġelu lil-Lhud tal-belt.

Fl-1598, ġie mibgħut il-Ġermanja biex jaħdem fost il-Luterani. Meta kien il-Ġermanja huwa kien strument biex jinfetħu kunventi fi Praga, Vjenna u Gorizea.

Fuq talba tal-Imperatur Rudolfu II, huwa organizza armata biex iwaqqaf l-avvanz tat-Torok li kienu waslu biex jinvadu l-Ungerija. Hu stess personalment kien iħeġġeġ lis-suldati. Fil-battalja ta’ Stuhlweissenburg, fl-1601, l-Insara rebħu minkejja li t-Torok kienu erba’ darbiet iktar minnhom fin-numru, u hekk l-Ewropa kollha salvat.

Fl-1602, il-Kapuċċini għażluh biex ikun il-Ministru Ġenerali tal-Ordni tagħhom.

Fl-1605, il-Papa bagħtu l-Ġermanja. Huwa ddefenda bil-qawwa tiegħu kollha l-Kattoliċiżmu fil-Ġermanja u fl-Awstrija bil-kitba u bil-prietki. Minkejja l-attività kbira tiegħu kien bniedem ta’ talb.

Fl-1610, mar Spanja biex jipperswadi lir-Re Filippu III, biex jidħol fil-Lega Kattolika. Meta kien Spanja hu fetaħ dar tal-Kapuċċini f’Madrid.

Fl-1618, irtira fil-monasteru ta’ Caserta. Iżda biex jaqbeż għan-nies ta’ Napli mar ikellem lir-Re Filippu III. Wara li ltaqa’ mar-Re miet f’Lisbona, fit-22 ta’ Lulju li ħabat eżatt is-60 sena mit-twelid tiegħu. Il-Papa Ljun XIII ikkanonizzah fl-1881. Il-Papa Ġwanni XXIII iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1959.

ĦsiebSan Lawrenz jissejjaħ ta’ Brindisi għax twieled f’din il-belt taljana. Flimkien mal-beatu Benedittu Urbino beda jwaqqaf kunventi tal-kapuċċini fil-Ġermanja u jikkumbatti l-protestantiżmu n-naħa tat-tramuntana. Bdew iduru bil-morda bil-pesta u waqqfu l-provinċji tal-Boemja u tal-Awstrija. Kien magħruf bħala predikatur famuż u pprietka f’diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali. Imma dan il-qaddis jibqa’ l-aktar magħruf għal ħafna kitbiet reliġjużi tiegħu fosthom kitbiet importanti fuq il-Madonna li ġew ippubblikati f’10 volumi kbar.

Kellu memorja tal-għaġeb tant li jgħidu li kien kapaċi jikkwota ħafna mill-Bibbja bl-amment. Kien jaf diversi ilsna, fosthom il-Grieg, il-Latin, il-Lhudi, il-Franċiż, l-Ispanjol, it-Tedesk u l-Bhoemi. Dan għenu qatigħ biex ikun jista’ jkellem lin-nies ta’ pajjiżi differenti, fuq Alla. Aħna biex nitkellmu ma’ Alla mhemmx għalfejn inkunu nafu b’ħafna ilsna differenti. Ilsien wieħed hu biżżejjed. Alla jifhem bl-ilsna u bid-djaletti tad-dinja kollha. Jalla lsienna nużawh spiss biex nitkellmu bil-qalb ma’ Alla.

Id-devozzjoni kostanti tiegħu lejn l-Iskrittura, flimkien mas-sensittività kbira għall-ħtiġijiet tan-nies, tippreżenta stil ta’ ħajja li tappella lill-Insara tal-lum. Lawrenz kellu bilanċ fil-ħajja tiegħu, dik id-dixxiplina mħallta mal-għarfien qawwi tal-ħtiġijiet ta’ dawk li kien imsejjaħ biex iservi.

San Lawrenz ta’ Brindisi kien jgħid li: ‘Alla huwa mħabba u kull ma jagħmel jara l-bidu tiegħu fl-imħabba.’ Fl-Iskrittura, fl-ewwel Ittra lill-Korintin, Kapitlu 13, minn versi 4-12, insibu deskrizzjoni tal-imħabba. Aħna li aħna magħġuna mill-istess Alla-Mħabba u msejħin biex inħobbu, nistgħu nagħmlu test biex naraw fejn ninsabu fil-livell ta’ mħabba tagħna. Minflok il-kelma ‘imħabba‘, inpoġġu isimna:

  1. L-imħabba taf tistabar u tħenn;
  2. l-imħabba m’hijiex għajjura,
  3. ma tintefaħx biha nfisha,
  4. ma titkabbarx fuq l-oħrajn;
  5. ma tagħmilx dak li mhux xieraq;
  6. ma tfittixx dak li hu tagħha,
  7. xejn ma tinkorla;
  8. ma żżommx f’qalbha għad-deni,
  9. ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità;
  10. kollox tagħder,
  11. kollox temmen,
  12. kollox tittama,
  13. kollox tissaporti.
  14. L-imħabba ma tintemm qatt.

Dan it-test jurini f’hiex jonqosni nikber biex l-imħabba tiegħi tkun kif iridni nħobb Alla. HU jħobb b’dan il-mod.

Talba: O Alla, int tajt l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa lis-saċerdot San Lawrenz ta’ Brindisi, biex jaħdem għall-glorja ta’ ismek u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; bit-talb tiegħu, agħti lilna wkoll dan l-ispirtu, biex nagħrfu tajjeb x’għandna nagħmlu, u nagħmluh sewwa kif għandu jsir. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-lawrence-of-brindisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-lawrence-of-brindisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lawrence_of_Brindisi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Lulju: San Bonaventura

Verżjoni Vidjo: San Bonaventura

“Min iżomm il-kmandamenti ta’ Alla jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana. Alla ħalaq l-għerf bl-Ispirtu s-Santu, sawwbu fuq il-bnedmin kollha, u tah lil min iħobbu.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonaventura (1 Ġw 3:24; Sir 1:9a. 10).

saint-bonaventure.11-1.jpgSAN BONAVENTURA
Isqof u Duttur tal-Knisja
1218 – 1274

Tagħrif: San Bonaventura twieled bl-isem ta’ Ġwanni, f’Bagnoregio ħdejn Viterbo, l-Italja, fl-1218.

Meta kellu madwar għoxrin sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Pariġi minn fejn kiseb il-lawrja fil-Letteratura. Dak iż-żmien kien hemm il-famuż patri Franġiskan Ingliż, Alessandru ta’ Hales.

Fl-1243 daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Bonaventura. Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija. Barra mill-moħħ intelliġenti li kellu, kien imżejjen ukoll bi mħabba kbira lejn Alla. Kien bniedem ġentili, ferħan u dejjem lest li jgħin lill-oħrajn.

Ta’ 27 sena, inħatar professur tat-teoloġija u tal-Iskrittura fl-Universita’ ta’ Pariġi (1248-1257).

Fl-1257, flimkien mal-ħabib kbir tiegħu San Tumas ta’ Aquino kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.

Meta kien qrib l-40 sena, intgħażel biex ikun is-Superjur Ġenerali tal-Franġiskani. Mexxa l-Ordni għal 17-il sena. F’dan iż-żmien, fl-Ordni kien hemm kwistjoni serja bejn dawk li riedu jinterpretaw ir-regola ta’ San Franġisk litteralment speċjalment dwar il-poverta’, u dawk li riedu jimmodifikaw ir-regola; hu għaraf iżomm pożizzjoni medja.

Fl-1263, San Bonaventura ordna li fi nżul ix-xemx tindaqq il-qanpiena f’kull monasteru, u tingħad it-talba tas-Sliema għall-unur tal-Madonna. Hu kien jaħseb li kien f’dak il-ħin li l-anġlu ħabbar lill-Madonna li kellha ssir Omm Alla; minn hawn daħlet l-użanza li jindaqq l-Angelus.

Fl-1265 il-Papa Klement IV ried jagħmlu Arċisqof ta’ York fl-Ingilterra, iżda hu ma aċċettax.

Fl-1273 il-Papa Girgor X ħatru Kardinal-Isqof ta’ Albano. Jingħad li l-messaġġiera tal-Papa li wasslulu l-aħbar, sabuh fil-kċina jaħsel il-platti.

Miet fil-15 ta’ Lulju 1274, ta’ madwar 56 sena, waqt li kien qed jieħu sehem l-iktar attiv fl-erbatax-il Konċilju Ekumeniku li kien it-tieni wieħed ta’ Lyons.

San Bonaventura ħalla ħafna kotba ta’ għerf kbir.

Il-Papa Sistu IV iddikjarah Qaddis fl-1482, u l-Papa Sistu V fl-1588 ikkonfermah Duttur tal-Knisja u sejjaħlu Duttur Serafiku.

Ħsieb: Qari mill-ktejjeb “Il-mixja tar-ruħ lejn Alla,” tal-isqof San Bonaventura, bit-titlu ‘L-Ispirtu s-Santu wriena għerf mistiku’:

“Kristu huwa t-triq u l-bieb. Kristu huwa s-sellum u l-mezz li jwassalna għand Alla, qisu l-għatu tat-tpattija mqiegħed fuq l-arka ta’ Alla u l-misteru li kien moħbi sa minn dejjem. Indawru wiċċna sewwa lejn dan l-għatu u nħarsu lejh imdendel mas-salib, b’ħarsa ta’ fidi, tama u mħabba, ta’ qima, stagħġib, hena, għożża, foħrija u ferħ, jekk nagħmlu dan, aħna nagħmlu miegħu l-Għid, jiġifieri ngħaddu miegħu, għax fuq l-għuda tas-salib naqsmu l-Baħar tal-Qasab, inħallu l-Eġittu u nidħlu fid-deżert fejn nieklu mill-manna l-moħbija, u nistrieħu ma’ Kristu fil-qabar qisna mejtin minn barra, għalkemm minn ġewwa nisimgħu – skont ma nistgħu f’din il-ħajja – il-kelma li Kristu fuq is-salib qal lill-ħalliel niedem: ‘Illum tkun miegħi fil-ġenna.’

Biex din il-mogħdija tkun sħiħa, jenħtieġ inħallu warajna kull ħidma tal-moħħ u nagħtu mħabbitna bil-qawwa kollha tagħha lil Alla ħa ninbidlu fih. Dan isir b’mod mistiku u moħbi mill-iżjed; ħadd ma jaf jagħmlu dan ħlief min jaqla’ l-grazzja; ħadd ma jaqla’ l-grazzja ħlief min jixtieqha; ħadd ma jista’ jixtieqha ħlief min jitħeġġeġ minn ġewwanett bin-nar tal-Ispirtu s-Santu li Kristu bagħat fuq l-art. Għalhekk jgħid l-Appostlu li dan l-għerf mistiku wrihulna l-Ispirtu s-Santu.

Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn, staqsi lill-grazzja mhux lill-għerf, lix-xewqa mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim ta’ l-ittra, lill-għarus mhux lill-imgħallem, lil Alla mhux lill-bniedem, liċ-ċpar mhux lid-dija; tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa ta’ l-għaġeb u bi mħabba liema bħalha. Dan in-nar hu Alla nnifsu, il-forġa tiegħu tinsab f’Ġerusalemm, u jqabbadha Kristu bin-nar qawwi tal-passjoni mħeġġa tiegħu, dak in-nar li ħadd ma jħossu tassew ħlief min jgħid: ‘Aktar nagħżel nibqa’ bla nifs, u aħjar il-mewt għalija.’ Min iħobb din il-mewt jista’ jara lil Alla, għax tassew minnha hi l-kelma tiegħu meta qal: Ħadd ma jarani u jgħix. Ejjew mela mmutu u nidħlu fis-sħaba mudlama, insikktu fina t-tħassib żejjed, il-ġibdiet ta’ qalbna u l-ħolm ta’ moħħna, ngħaddu flimkien ma’ Kristu msallab minn did-dinja għal għand il-Missier, biex hu jurina l-Missier u ngħidu flimkien ma’ Filippu: ‘Biżżejjed għalina; nisimgħu flimkien ma’ Pawlu: Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; u nifirħu ma’ David u ngħidu: Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Imbierek il-Mulej għal dejjem, u ħa jgħid il-poplu kollu: Ammen! Ammen!’

L-akbar preokkupazzjonijiet ta’ San Bonaventura kienu l-imħabba t’Alla, it-talb u l-kontemplazzjoni. Baqa’ msemmi għall-prietki tiegħu. Jingħad li darba, waħda mara xiħa li semgħetu jipprietka, u li kienet taf kemm kien bniedem għaref, qaltlu: “X’xorti kbira għandek inti! Bil-għerf tiegħek inti tista’ tant tagħraf ’l Alla u ssir qaddis kbir.” Imma San Bonaventura weġibha: “Biex issir qaddis kbir mhux għerf li hemm bżonn, iżda li tkun tħobb ħafna lil Alla, u din il-ħaġa jista’ jagħmilha anki l-iktar bniedem injurant.”

Il-bniedem li hu dejjem ferħan, għandu sinjal qawwi li fih hemm il-grazzja ta’ Alla. (San Bonaventura)

Talba: Aħna u niċċelebraw it-tifkira tad-daħla tal-isqof San Bonaventura fis-sema, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li nimxu ‘l quddiem bit-tagħlim u l-għerf tiegħu, u nħabirku bla heda biex insiru nixbhuh fil-ħeġġa ta’ mħabbtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bonaventure-522

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bonaventure/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bonaventure

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Lulju: Santa Veronika Giuliani

Verżjoni Vidjo: Santa Veronika Giuliani

“F’qalbi nħoss ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ.” ~ Santa Veronika Giuliani.

04-veronica-giuliani-mini03.jpgSANTA VERONIKA GIULIANI
Reliġjuża
1660 – 1727

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju, 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Ħsieb: Mill-kitbiet ta’ Santa Veronika Giuliani bit-titlu ‘Il-konverżjoni tal-midinbin’:

F’din il-paġna meħuda mid-djarju tagħha, il-qaddisa tistqarr li għall-konverżjoni tal-midinbin kienet tinsab lesta li tagħti ħajjitha.

Il-lum erġajt ħassejt l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’qalbi, u għaddejt lejl sħiħ mimli bl-uġigħ u t-turmenti. Ikun imfaħħar il-Mulej! Dalgħodu qerrejt u naħseb li l-qrara saħħitni għal aktar tbatija. Waqt it-tqarbin kelli l-grazzja li nħoss f’qiegħ qalbi l-preżenza ta’ Alla; ruħi ħasset xi ħaġa ġdida tinbet ġo fiha. Minn xi żmien ’il hawn qed inħoss f’qalbi ċerta qawwa ġejja mill-Ispirtu, iżda ma nafx ngħid x’inhi sew. Hawn sa nsemmi biss l-effetti li ħalliet fija.

L-ewwel ħaġa: l-għarfien ta’ dnubieti u l-indiema minnhom; ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ; tama qawwija fil-ħniena ta’ Alla u fit-tjieba tal-imqaddsa Verġni Marija.

It-tieni ħaġa: għalkemm inħoss ruħi waħdi nitħabat f’baħar ta’ tiġrib, dlonk inħoss fija qawwa misterjuża li ġġib fuqi l-kalma u dak il-ħin nimtela bi sliem liema bħalu li jġagħalni nafda b’saħħti kollha fir-rieda ta’ Alla.

It-tielet ħaġa: meta x-xitan jgħakkisni b’ħafna tiġrib ġewwieni, u fl-istess ħin, minħabba dmiri, ikun jeħtieġli ndur bl-oħrajn u naqdi bosta qadjiet ’l hawn u ’l hinn, dik il-qawwa misterjuża tgħinni neħles il-qadjiet li jkolli mingħajr biss ma nintebaħ. Fl-aħħar ninduna li dak li jkolli nagħmel nagħmlu mingħajr ma nkun naf kif. Dan jiġri l-aktar f’ħinijiet mill-aktar importanti, bħal meta nersaq għas-sagramenti, nagħmel il-meditazzjoni jew nibda xi taħdita spiritwali ma’ xi ħadd.

Jiġu waqtiet li fihom inħoss dwejjaq kbar u nibda nħossni fiergħa minn kull sentiment. Dak il-ħin nibda naħseb li m’iniex sa nibqa’ ħajja. Meta nkun f’dil-burdata nibda nħoss li anki meta nqerr inkun qed nitlef iż-żmien. Iżda hekk kif f’qalbi nħoss taħrika mqar ċkejkna ta’ dik il-qawwa misterjuża, nibda nħossni mibdula u mimlija bl-enerġija. Imbagħad kollox jibda jiġini ħafif, anki l-aktar ħwejjeg tqal. Kif inkun f’riġlejn il-konfessur nibda nħoss tikber fija l-kunfidenza ta’ bint; leħnu nibda nqisu leħen Alla dieħel f’ruħi. Nibda nħossni qisni qiegħda quddiem mera li fiha nara ’l Alla u lili nnifsi flimkien ma’ dak kollu li għamilt. U nqerr bi ndiema kbira.

Naħseb li dan ġej minn dik il-qawwa misterjuża li nħoss f’qalbi. Imma ma nafx u lanqas nista’ nfisser sewwa x’inhi, anki jekk fil-qrar imqaddes ħassejt li għandi ngħid kollox lil min qiegħed minflok Alla. Ħa jsir kollox għall-glorja ta’ Alla!

Għaliex Alla ta l-istigmata lil Franġisk ta’ Assisi u lil Veronika Giuliani? Alla biss jaf ir-raġunijiet l-iktar profondi, iżda kif josserva Celano, is-sinjali estern tas-salib huwa konferma tal-impenn ta’ dawn il-qaddisin lejn is-salib fil-ħajja tagħhom. L-istigmata li dehret fil-laħam ta’ Veronika kienet rabbiet l-għeruq fil-qalb tagħha ħafna snin qabel. Kienet konklużjoni xierqa għall-imħabba tagħha lejn Alla u għall-karità tagħha lejn ħutha l-bnedmin.

  • U int, lest/a li bħal Santa Veronika Giuliani dak li ssofri toffrih bi mħabba lejn Ġesù Msallab u f’għaqda miegħU, għall-konverżjoni tal-midinbin?

Talba: O Mulej, Santa Veronika Giuliani għaddiet ħajjitha ta’ Klarissa fit-talb u l-kontemplazzjoni, waqt li tħabtet kemm felħet biex dejjem issir tixbah lil Ġesù msallab. Bi ħlas għal din l-imħabba tagħha lejn il-misteru tas-salib, Inti għoġbok tagħtiha d-don tal-Pjagi mqaddsa; agħti lilna lkoll l-għarfien li meta ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ta’ kuljum ma’ dawk li batejt Int għalina, aħna nkunu qed inkomplu l-ħidma ta’ salvazzjoni għall-erwieħ fid-dinja. Għalhekk agħmel li nagħmlu dan bi mħabba ġeneruża u b’ħafna paċenzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-veronica-giuliani_17.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-veronica-giuliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Veronica_Giuliani

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

13 ta’ Ġunju: Sant’Antnin ta’ Padova

Verżjoni Vidjo: San Antnin ta’ Padova

“Il-ġust jiżhar bħall-ġilju, u jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej. Jikseb it-tifħir fil-ġemgħa tal-magħżulin.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (Ħosegħa 14.6b; Salm 91(92):14; Sirak 24:1).

san antonio.jpgSANT’ANTNIN TA’ PADOVA
Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1191 – 1231

Tagħrif: Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn Sant’Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu. Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

Fis-16 ta’ Jannar,1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sema’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki.

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sema’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Għamel ħafna ġiri jipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu “Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura.”

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-“ħobż ta’ San Antnin.”

Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Miet meta kellu 40 sena mifni mill-predikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju, 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. Sant’Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilka li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

Ħsieb: Aktarx li dan il-qaddis hu fost l-aktar popolari fost l-insara. Hu kien jeħodha kontra l-vizzjijiet ta’ żmienu, bħalma huma l-użura (self b’imgħaxijiet għoljin) u x-xeħħa, b’linġwaġġ qawwi u kultant aħrax ukoll. Għalkemm Sant’Antnin kien ġej minn familja aristokratika, hu kien veru ħabib tal-fqar u tal-maħqurin. Jingħad li għamel ħafna mirakli, l-aktar wara mewtu. Sant’Antnin hu msejjaħ fil-każi ta’ ħwejjeġ mitlufin.

Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, saċerdot:

“Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna. Dawn il-bosta ilsna huma l-ħafna xhieda li tingħata lil Kristu, bħalma huma l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza; li aħna nitkellmu bihom meta nuruhom lill-oħrajn fina nfusna. Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil. Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. Kliem għandna kemm irridu, imma fatti xejn, u għalhekk il-Mulej jisħetna, kif seħet is-siġra tat-tin għax fiha ma sabx frott imma weraq biss. Kif jgħid San Girgor: “Għall-predikatur hemm liġi li torbtu biex juri bl-għemil kull ma jxandar bil-kliem.” Għalxejn wieħed jiftaħar li jaf il-liġi jekk b’għemilu jġib fix-xejn it-tagħlim tiegħu.

L-Appostli kienu jitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu. Hieni min jitkellem skont kif inebbħu l-Ispirtu s-Santu u mhux kif tgħidlu rasu! Għax hemm xi wħud li jitkellmu skont ma jħossu huma, jisirqu kliem ħaddieħor u jxandruh bħallikieku tagħhom, anzi jgħidu li hu tagħhom. Fuq dawn u oħrajn bħalhom, il-Mulej b’fomm Ġeremija jgħid: ‘Arawni kontra l-profeti li jisirqu kliemi wieħed mingħand l-ieħor. Arawni kontra l-profeti, jgħid il-Mulej, li jħollu lsienhom u jxandru t-teħbir. Arawni kontra dawk li jħabbru ħolm giddieb, jgħid il-Mulej, u jgħiduh u jqarrqu bil-poplu bil-gideb tagħhom u bit-tpaċpiċ tagħhom, meta ma kontx jien li bgħatthom, anqas ikkmandajthom, u ma huma ta’ ebda fejda għal dan il-poplu, jgħid il-Mulej.’

Mela nitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu jagħtina li nitkellmu; bl-umiltà u l-qima kollha nitolbuh isawwab fina l-grazzja tiegħu, biex nhar Għid il-Ħamsin niċċelebrawh sewwa bil-perfezzjoni tal-ħames sensi tagħna u bil-ħarsien ta’ l-għaxar kmandamenti nimtlew bi spirtu qawwi ta’ ndiema, nitkebbsu b’ilsna tan-nar ħa nfaħħruh, ninxtegħlu bid-dawl tal-glorja tal-qaddisin, u jistħoqqilna naraw lit-Trinità Alla wieħed.”

Din li ġejja hija silta minn prieTka ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati; aħfru u ssibu l-maħfra; agħtu u jingħatalkom.” Ara kif f’dis-silta tal-Vanġelu mqaddes hemm ħames ħwejjeġ ta’ importanza kbira: ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru u agħtu.

Hu ħanin min jagħder in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Għalhekk fil-ħniena nsibu l-mogħdrija, bħallikieku l-ħniena ssir bil-mogħdrija. U billi l-ħniena tal-Missier tas-sema lejk għandha tliet uċuħ, hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ.

Il-ħniena tal-Missier hi għażiża, wiesgħa u għanja. Għażiża għax issaffi l-bniedem mill-vizzji, bħalma jgħid Bin Sirak: “Għażiża ħnientu fi żmien il-għawġ, daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.” Fi żmien il-għawġ, jiġifieri meta nkunu magħkusa bid-dnubiet, tinżel fuqna xita ta’ grazzja li ġġeddidna u taħfrilna d-dnubiet.

Il-ħniena tal-Missier wiesgħa, għax hi u miexja ’l quddiem fiż-żmien, ir-ruħ tikber u titwessa’ bl-għemejjel it-tajba. Għalhekk fis-Salm insibu: “Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt skont is-sewwa tiegħek.”

Il-ħniena tal-Missier hi għanja fil-għaxqa tal-ħajja taż-żmien li ġej. Dwarha fil-Ktieb ta’ Tobija nsibu dan: “Min jibża’ minnek jaf żgur li hu sa jikseb il-kuruna tal-ħajja jekk ħajtu tkun tqiegħdet fit-tiġrib; hu jkun meħlus mill-għawġ u jkun jista’ jilqa’ l-ħniena tiegħek jekk qabel jilqa’ t-twiddib.”

Hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ. Jekk dineb kontrik aħfirlu; jekk ħareġ mit-triq tas-sewwa għallmu; jekk bil-ġuħ itimgħu biex jiġi f’tiegħu.” 

U dawn żewġ talbiet ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Spirtu Mqaddes, nar ta’ mħabba, ejja strieħ fuq kull wieħed minna, ħejjilna lsienna biex jistqarr ħtijietna, biex aħna u ngħidu kollox bla ma naħbu xejn, niksbu l-ħajja tal-ġenna biex hemm nissieħbu għal dejjem fit-tifħir flimkien mal-anġli. Dan jista’ jseħħ bil-għajnuna tiegħek, int li tgħix u ssaltan għal dejjem. Ammen.

Nitolbuk, Mulej Alla wieħed u tlieta, li r-ruħ li inti ħlaqt tasal għandek qawwija u sħiħa f’dak l-aħħar jum ta’ hemm u ta’ nar, x’ħin jinqasam il-ħabel fiddien, ilqagħha, biex ħielsa min-nases tal-ħażen, tiġi għandek bil-ħelsien u l-glorja ta’ wlied Alla, bil-għajnuna tiegħek stess, Alla wieħed u tlieta, li int imbierek għal dejjem. Ammen.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġjiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skont it-tagħlim nisrani. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-anthony-of-padua.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-of-padua/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_of_Padua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Mejju: San Bernardinu ta’ Siena

Verżjoni Vidjo: San Bernardinu ta’ Siena

“L-isem ta’ Ġesù huwa l-glorja tal-predikaturi, għaliex id-dija li tgħammex ta’ ismu, iġġiegħel li l-kelma tiegħu tiġi mħabbra u mismgħuha.” – San Bernardinu ta’ Siena

SOD-0520-SaintBernadineofSiena-790x480SAN BERNARDINU TA’ SIENA
Saċerdot
1380 – 1444

Tagħrif: San Bernardinu twieled f’familja nobbli u sinjura fit-8 ta’ Settembru, 1380, f’Massa Marittima f’dik li kienet ir-Repubblika ta’ Siena, l-Italja, fejn missieru kien Gvernatur.

Meta kellu tliet snin tilef lil ommu u ta’ sitt snin lil missieru, u rabbietu zitu li bagħtitu l-iskola u kellu edukazzjoni tajba.

Sar ġuvni ferrieħi u ħabrieki. Ma kienx jista’ għall-kliem ħażin u mġiba indiċenti.

Fl-1400, meta kellu 20 sena, faqqgħet l-epidemija tal-pesta fi Siena, u flimkien ma’ żgħażagħ oħra mar jgħin fl-isptar ta’ Santa Maria della Scala li kien ikun tant mimli bil-morda li ġieli mietu 20 ruħ f’ġurnata waħda. Uħud minn sħabu mardu u mietu, iżda hu ħelisha għalkemm marad għal bosta xhur.

Fit-8 ta’ Settembru, 1402, meta kellu 22 sena, daħal mal-Franġiskani, illum magħrufa bħala “Konventwali”, u fit-8 ta’ Settembru, 1404 qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu.

Wara li qaddes, qala’ l-permess li jmur f’eremitaġġ fuq l-għolja ta’ Capriola biex jgħix flimkien ma’ dawk li ħaddnu r-riforma franġiskana tal-Osservanti (illum Frati Minuri). Dawk is-snin fis-skiet (1404-1417) swewlu ħafna għall-prietki li wara ntefa’ għalihom. L-ewwel prietka tiegħu kienet ukoll fit-8 ta’ Settembru.

Il-Papa Martin V, fl-1427, ried jagħmlu Isqof ta’ Siena, iżda ma aċċettax it-talba li jsir Isqof ta’ Ferrara u wara ta’ Urbino li kien għamillu l-Papa Ewġenju IV. Imbagħad fl-1438, aċċetta li jkun il-Vigarju Ġenerali tal-Ordni, fejn dam sa l-1443 meta rriżenja biex ikun jista’ jkompli l-missjoni tiegħu li jipprietka.

San Bernardinu xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Kull meta kien jipprietka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha, I.H.S. Iesus Hominis Salvator, Ġesù Salvatur tal-Bniedem. Dawn it-tliet ittri narawhom spiss użati fil-knejjes – fuq l-ostji, fuq pjaneti, fuq il-bizzilla tat-trieħi u fuq affarijiet oħra.

Ħadem ħafna għar-riforma tal-ordni. Kabbar b’mod tal-għaġeb ir-riforma Osservanti li sabha tħaddan biss 130 reliġjuż, il-biċċa l-kbira ajkijiet, u ħallieha b’4,000 imqassmin f’iktar minn 300 kunvent. Insista però li l-patrijiet Osservanti, li tagħhom kien l-ewwel Vigarju Ġenerali, jibqgħu taħt l-ubbidjenza tal-Ġeneral tal-Minuri Konventwali.

Miet fl-20 ta’ Mejju, 1444 f’Aquila fl-età ta’ 64 sena, fil-kunvent tal-Minuri Konventwali tal-Aquila meta kien fi triqtu biex imur jipprietka f’Napli lejliet it-Tlugħ fis-sema ta’ Kristu, u ġie midfun fl-istess knisja tagħhom. Ġie kkanonizzat mill-Papa Nikola V, fl-24 ta’ Mejju, 1450.

Il-Papa Nikola V iddikjarah l-ewwel qaddis tal-Osservanti biss sitt snin wara mewtu, nhar l-Għid il-Ħamsin tas-Sena Mqaddsa. Fl-1957 il-Papa Piju XII ħatru patrun tal-predikaturi Taljani.

Ħsieb: Hemm il-periklu li naraw biss l-attività li għamel Bernardinu ta’ Siena: li ħa ħsieb in-nies tal-morda, li pprietka, li studja, li kien amministratur tajjeb u ninsew is-sors minn fejn kien iġib l-enerġija tiegħu. M’għandniex xi ngħidu li Bernardinu seta’ kien kontemplattiv kbir kieku kellu ċ-ċans. Huwa kellu din l-opportunità, u ħadha u għexha fil-ħajja ta’ kuljum.

Frott il-ħajja ta’ talb u kontemplazzjoni tiegħu, f’San Bernardinu tkebbset devozzjoni kbira lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù, tant li kull meta kien jipprietka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha, I.H.S. Iesus Hominis Salvator,:
hu kien jgħid: “L-isem ta’ Ġesù huwa l-glorja tal-predikaturi, għaliex id-dija li tgħammex ta’ ismu, iġġiegħel li l-kelma tiegħu tiġi mħabbra u mismgħuha.” Fl-ittra lil Filippin 2:9-11, insibu: “Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier’.”

Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ April, 2013, il-Papa qal dan id-diskors dwar l-Isem ta’ Ġesù fl-omelija tiegħu f’Santa Marta:

“Fl-Atti tal-Appostli (4:1-12), insibu r-rakkont tal-episodju ta’ meta Pietru u Ġwanni, arrestati għaliex ‘ħabbru f’Ġesù il-qawmien mill-imwiet,’ jiġu mkarkrin quddiem is-Sinedriju. Għall-mistoqsija fuq għaliex kienu fejqu liz-zopp qrib il-bieb tat-Tempju, Pietru wieġeb: ‘Għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù Kristu.’ Fl-isem ta’ Ġesù, ‘Hu hu s-Salvatur; dan l-isem, Ġesù. Meta wieħed jgħid Ġesù, huwa propju hu,’ jiġifieri dak li jagħmel il-mirakli.” “Pietru jirrivela verità meta jgħid ‘għamilnieh fl-isem ta’ Ġesù” għaliex huwa jwieġeb ispirat mill-Ispirtu Santu. Infatti, aħna, ‘Ma nistgħux nistqarru lil Ġesù, ma nistgħux nitkellmu dwar Ġesù, ma nistgħu ngħidu xejn dwar Ġesù mingħajr l-Ispirtu Santu.’ Huwa propju l-Ispirtu Santu li ‘jimbuttana biex nistqarru lil Ġesù jew biex nitkellmu dwar Ġesù jew biex ikollna fiduċja f’Ġesù.’ U huwa propju hu li jkun qribna  ‘fil-mixja ta’ ħajjitna, dejjem.’

Ħa nirrakkuntalkom esperjenza personali tiegħi, marbuta ma’ tifkira ta’ raġel, missier tmien ulied, li jaħdem fil-kurja arċiveskovili ta’ Buenos Aires. ‘Qabel ma joħroġ, qabel ma kien imur biex jagħmel xi ħaġa li kien ikollu jagħmel – qal – kien dejjem ilissen bejnu u bejn ruħu: ‘Ġesù’. Darba minnhom staqsejtu: ‘Imma għaliex dejjem tgħid Ġesù?’ ‘Meta jien ngħid Ġesù,’ weġibni dan ir-raġel umli, inħossni qawwi, inħossni li nistà naħdem, għax naf li hu jkun maġenbi, li hu jieħu ħsiebi.’ Madankollu, dan ir-raġel ‘ma studjax teoloġija: għandu biss il-grazzja tal-Magħmudija u l-qawwa tal-Ispirtu.’ U din ix-xhieda tiegħu lili għamlitli tant tajjeb. L-isem ta’ Ġesù. M’hemm ebda isem ieħor. Forsi jagħmlilna tajjeb ilkoll, lilna li ngħixu f’dinja li toffrilna tant ‘salvaturi’.”

Kultant, “meta jkun hemm diversi problemi, il-bnedmin jafdaw ruħhom mhux lil Ġesù, imma għal realtajiet oħra,” saħansitra jirrikorru għal sħaħar sedutturi “sabiex isolvu s-sitwazzjonijiet,” jew inkella “jmorru jikkonsultaw il-karti tax-xorti” biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Imma mhux billi nirrikorru għand is-sħaħar u għall-karti tax-xorti li nsibu s-salvazzjoni: din tinsab “fl-isem ta’ Ġesù. U hemm bżonn li nagħtu xhieda ta’ dan! Hu huwa l-uniku Salvatur.”

  • U int, issejjaħ l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù biex jgħinek taġixxi f’Ismu u għall-glorja tiegħu?
  • Iżommu lil Ġesù bħala l-uniku Salvatur li dejjem għandna nirrikorru għandu?
  • Tirsisti biex twassal lil Ismu lill-oħrajn ħalli huma wkoll jagħżluh bħala s-Salvatur tagħhom?

Nagħlaq b’din it-talba sabiħa li tbierek lil Alla:
Ikun imbierek Alla.
Imbierek l-Isem Imqaddes tiegħu.
Imbierek Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.
Imbierek l-isem ta’ Ġesù.
Imbierka l-Qalb imqaddsa tiegħu.
Imbierek id-Demm għażiż tiegħu.
Imbierek Ġesù fis-Santissmu Sagrament tal-artal.
Imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu.
Imbierka l-kbira Omm Alla Marija Santissima.
Imbierka l-Imqaddsa u Immakulata Konċezzjoni tagħha.
Imbierek it-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema.
Imbierek l-Isem ta’ Marija Verġni u Omm.
Imbierek San Ġużepp għarus kastissimu tagħha.
Imbierek Alla fl-anġli u l-qaddisin kollha tiegħu.

Talba: O Alla, inti żrajt imħabba liema bħalha lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù fis-saċerdot San Bernardinu ta’ Siena; agħmel li, bil-merti u t-talb tiegħu, nitkebbsu dejjem bl-ispirtu ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-bernardine-of-siena.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bernardine-of-siena/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernardino_of_Siena

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Mejju: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

“L-Ispirtu s-Santu għallimni nadura, infaħħar, inbierek u nirringrazzja lil Sidna Ġesù Kristu fit-tabernaklu, l-ħin kollu, anke waqt ix-xogħol, u kif inkun għaddejja bil-ħajja ta’ kull jum, mal-ġurnata.” – Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

1200px-Verena_Bernarda_Buetler2SANTA MARIJA BERNARDA TAL-QALB IMQADDSA TA’ MARIJA
Reliġjuża
1848 – 1924

Tagħrif: Verena Butler, għax dan kien l-isem li ngħatat meta tgħammdet, twieldet fit-28 ta’ Mejju 1848, ġewwa Auw, Aargau, fl-Isvizzera, minn familja ta’ bdiewa. Hija kienet ir-raba’ minn tmien ulied.

Minn età bikrija ħafna uriet li kienet persuna miġbura u tgawdi intimità speċjali m’Alla. Hija kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Minn kmieni ħafna ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta bdiet titfarfar hija tgħarrset, iżda ndunat li ż-żwieġ ma kienx il-vokazzjoni tagħha, għalhekk ħassret u bdiet taħseb biex tingħaqad ma’ ordni reliġjuża. Fl-1866, hija ngħaqdet mal-Ordni tas-Sorijiet tas-Salib Imqaddes, ġewwa Menzingen, iżda ma kienx għadda wisq żmien li ma rritornatx lura lejn darha biex titlob u tiddixxerni, għaliex bdiet tħoss li dik ma kinitx il-propja sejħa tagħha.

Fit-12 ta’ Novembru, tal-1867, ingħaqdet mas-Sorijiet tal-Ordni Franġiskan Kapuċċin, fil-kunvent ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, f’Altstatten, l-Isvizzera. Hija ħadet l-isem ta’ Swor Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, u ħadet il-professjoni solenni fl-4 ta’ Ottubru, 1871. Hija serviet bħala Majjistra tan-novizzi u Madre Superjura għal tliet darbiet.

Fl-1888, marret ukoll il-missjoni fl-Ekwador, f’parti fejn ma kien hemm l-ebda reliġjuż. Hemm hija waqqfet il-Missjoni Franġiskana tas-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara, biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol. Hija kienet is-Superjura għal 30 sena. Fl-1895, kien hemm rivuluzzjoni kontra l-Kattoliċi u hi u s-sorijiet tagħha ġew eżiljati. Għalhekk huma marru l-Kolumbja u bdew imexxu l-operat tagħhom hemm. Dejjem kienet tirrepeti li l-Evanġelju huwa l-kewkba u l-gwida tagħha.

Hija mietet fis-19 ta’ Mejju, 1924, ġewwa Cartagena, Bolivar, Kolumbja, b’kawżi naturali u l-qabar tagħha mal-ewwel sar post ta’ pellegrinaġġi. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ibbeatifikaha fid-29 ta’ Ottubru, 1995 u l-Papa Emeritus Benedittu XVI, ikkanonizzaha fit-12 ta’ Ottubru, 2008. Illum is-sorijiet tagħha jkomplu jaħdmu fl-iskejjel, kulleġġi u kindergartens. Anke ġewwa sptarijiet u djar residenzjali fl-Isvizzera, il-Kolumbja, il-Brażil, l-Awstrija, Liechtenstein, l-Italja u xi pajjiżi Afrikani.

Ħsieb: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, biż-żmien fehmet, l-istess kif għamlu fundaturi oħra qabilha, fosthom Santa Roża Venerini (ara Santa Roża Venerini), li l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-katekiżmu huma meħtieġa u essenzjali għal kull żmien fl-istorja tal-bniedem fid-dinja.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar L-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis (28 ta’ Ottubru, 1965) insibu dan li ġej:

“Metodi differenti ta’ edukazzjoni
4. Fil-qadi tad-dmir tagħha li teduka, il-Knisja, ħerqana li tuża l-mezzi kollha li jwasslu għal skop, tfittex fuq kollox li tuża l-għodda li huma proprji tagħha. L-ewwel fost dawn il-mezzi huwa t-tagħlim katekistiku li jdawwal u jsaħħaħ il-fidi, jgħajjex il-ħajja skont l-ispirtu ta’ Kristu, iwassal ‘l-insara għal parteċipazzjoni aktar konxja u attiva fil-misteru liturġiku u jqanqalhom għal ħidma appostolika. Il-Knisja tagħti importanza wkoll lill-mezzi l-oħra li jagħmlu sehem mill-wirt komuni tal-bnedmin u li jgħinu ħafna biex jirfinaw l-ispirtu tagħhom u jiffurmaw il-bnedmin; hija tfittex li lil dawn il-mezzi timliehom bl-ispirtu tagħha u televahom. Eżempji ta’ dawn il-mezzi huma l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, is-soċjetajiet differenti ta’ natura kulturali jew sportiva, l-għaqdiet taż-żgħażagħ u, l-aktar, l-iskejjel.

L-importanza tal-iskola
5. Fost il-mezzi kollha ta’ edukazzjoni għandha importanza speċjali l-iskola li, bis-saħħa tal-missjoni tagħha, filwaqt li taħseb il-ħin kollu biex trawwem il-fakultajiet intellettwali, tiżviluppa l-kapaċità ta’ ġudizzju, tintroduċi l-patrimonju kulturali li bnew il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, iġġib ‘il quddiem is-sens tal-valuri, tħejji għall-ħajja professjonali u tifjorixxi fost dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu u li jistgħu ikunu ta’ kundizzjoni soċjali u ta’ karattri differenti, sens ta’ ħbiberija li jiddisponihom biex jifhmu lil xulxin. Barra hekk, l-iskola tikkostitwixxi bħal ċentru li biex ikun attiv u jiżviluppa, jeħtieġ li jaħdmu flimkien il-familji, l-għalliema, is-soċjetajiet differenti li għandhom skop kulturali, ċiviku u reliġjuż, is-soċjetà ċivili u l-komunità umana kollha.

Għalhekk hija tassew sabiħa u importanti s-sejħa ta’ dawk kollha li, waqt li jgħinu lill-ġenituri biex jagħmlu dmirhom ta’ edukaturi, u f’isem il-komunità umana, jassumu d-dmir li jedukaw fl-iskejjel. Din il-vokazzjoni titlob kwalitajiet speċjali tal-moħħ u tal-qalb, tħejjija attenta ħafna u dispożizzjoni kontinwa ta’ tiġdid u ta’ addattament.

Dmirijiet u jeddijiet tal-ġenituri
6. Il-ġenituri għandhom l-ewwel dritt u dmir, li huma wkoll dritt u dmir inaljenabbli, li jedukaw ‘l uliedhom; jeħtieġ għalhekk li huma jkollhom libertà vera li jagħżlu l-iskola għalihom. Għaldaqstant l-Awtorità pubblika, li jmiss lilha li tħares u tiddefendi l-libertajiet taċ-ċittadini, għandha tirrispetta l-ġustizzja distributtiva u għalhekk tqis illi tagħti sussidji sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu bil-libertà tassew, skont ma tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, l-iskejjel għal uliedhom”.

Għad-Dokument sħiħ ara: http://www.laikos.org/vat2_gravissimum_educationis_ver2017.htm

Talba: O Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, li minkejja li ħadt iż-żmien biex fhimt Alla x’ried minnek eżatt u li flimkien mas-sorijiet tiegħek iltqajt ma’ persekuzzjonijiet, int kont ta’ ispirazzjoni għal ħafna li mxew fuq il-passi tiegħek u dawn għadhom sal-lum jagħtu l-edukazzjoni u l-kura meħtieġa lil bosta tfal fi żmienna llum, agħmel li aħna nitħeġġu bl-istess spirtu ta’ servizz li kellek int u li nagħrfu nedukaw u ngħallmu l-valuri nsara fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/mary-bernard-butler

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7423

Wikipedia: https://fr.wikipedia.org/wiki/Maria_Bernarda_B%C3%BCtler

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/2008/ns_lit_doc_20081012_verena_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Mejju: San Leopoldu Bogdan Mandi

Verżjoni Vidjo: San Leopoldu Bogdan Mandi

Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” – Ġesù fi Ġwanni 20:21-23

MANDICSL-002SAN LEOPOLDU BOGDAN MANDI
Reliġjuż
1866 – 1942

Tagħrif: Twieled fit-12 ta’ Mejju, 1866 fil-Boka Kotorska (illum Montenegro). Missieru kellu flotta tas-sajd fil-baħar Adrijatiku, kien mill-villaġġ ta’ Żaku, raħal xi 28 kilometru l-bogħod minn Split. Kien it-tnax-il wild u l-oriġini tal-familja tiegħu kienet dik nobbli mill-provinċja tal-Bosnija. Biż-żmien il-familja tilfet ħafna mill-ġid tagħha.

Huwa kellu diżabilità, li affettwatlu kemm l-istatura kif ukoll l-fakultà tal-kliem.

F’Novembru tal-1882, meta kellu 16-il sena Bogdan mar Undine, l-Italja fis-seminarju tal-Kapuċċini Venezjani. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Leopoldu. F’Mejju tas-sena ta’ wara, ipprofessa, u erba’ snin wara, fl-1888 ħa l-voti perpetwi. F’Settembru 1890, Leopoldo kien ordnat presbiteru ġewwa Venezja.

Billi kien Kroat, fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Leopoldo kellu jmur fl-Italja ta’ Isfel. Hu xtaq ħafna jerġa’ jirritorna f’pajjiżu biex jipprietka lin-nies t’hemmhekk iżda minħabba d-diżabilitajiet tiegħu u mard fl-istonku, artrite u vista batuta, ma tħalliex mis-superjuri tiegħu.

Għalhekk baqa’ fl-Italja u kien iqatta’ ħafna ħin fil-konfessjonarju. Dan għamlu għal 34 sena sħaħ. Kien mimli kompassjoni u ħniena għall-penitent, u kien jitrattah b’sensittività kbira. Kien ħafna favur il-ħajja u ma kienx joqgħod lura milli jitkellem fi kwistjonijiet fejn jidħlu t-tfal. Ħadem ħafna biex iwaqqaf orfanatorji għat-tfal iltiema.

Kien devot kbir tal-Verġni Marija u kien isejħilha l-Imgħallma Qaddisa. Kien jgħid ir-rużarju sikwit u kien iqaddes kuljum maġenb l-altar tal-Uffiċċju tal-Verġni Marija. Wara l-quddiesa kien imur iżur il-morda fl-isptarijiet u d-djar tax-xjuħ madwar Padova. Ma kinetx tonqos vista fl-infermerija tal-Kapuċċini u kien idur il-patrijiet ifarraġhom u jqawwilhom qalbhom u jsaħħaħhom fil-fidi.

Leopoldo marad bil-marda tal-kanċer li wasslitu għall-mewt fl-età ta’ 76. Waqt li kien qed jipprepara l-liturġija ħassu ħażin u ħaduh fiċ-ċella. Huwa miet imdawwar bil-patrijiet sħabu jkantaw is-Salve Regina.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja u parti mill-kunvent fejn kien jgħix Leopoldo ġew ibbumbardjati iżda ċ-ċella tiegħu baqgħet intatta. Dan kien ħabbru Leopoldo qabel mewtu. Huwa qal “Hawnhekk Alla wera wisq ħniena ma’ nies. Din għandha tibqa’ monument tat-tjubija tiegħu.”

Il-Papa San Pawlu VI bbeatifikah fit-2 ta’ Mejju, 1976. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kkanonizzah fis-16 ta’ Ottubru, 1983. San Leopoldo jissejjaħ l-Appostlu tal-Għaqda.

Ħsieb: Bħal San Piju tal-Pjagi, San Leopoldu Bogdan Mandi Franġisk kien iqatta’ ħafna ħin fil-konfessjonarju jamministra s-Sagrament tal-Qrar jew tal-Ħniena f’isem Kristu. Dan għamlu għal 34 sena sħaħ. Il-kompassjoni u ħniena li kellu lejn il-penitent, flimkien mas-sensittività kbira li bihom kien jitrattahom, kienu jixhdu kemm Alla huwa dejjem lest li jaħfrilna bil-qalb għamilna x’għamilna u ħawwadna kemm ħawwadna, jekk aħna nduru lejH niedma u bi proponiment li nħallu warajna d-dnub tagħna. Imma għaliex importanti daqshekk dan is-Sagrament li mingħajru ma nistgħux nirċievu l-maħfra u nsalvaw ruħna? X’nesperjenzaw fil-Qrar?

Dawn li ġejjin huma ġabra ta’ kwotazzjonijiet dwar il-Qrar …

Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma. (Ġesù lill-appostli fi Ġwanni 20:21-23)

Dawk li jersqu għas-Sagrament tal-Penitenza jirċievu mill-ħniena ta’ Alla l-maħfra għall-offiżi li jkunu għamlulu u minnufih jiġu ukoll rikonċiljati mal-Knisja li huma jkunu darbu bi dnubiethom, u li, permezz tal-imħabba, tal-eżempju tajjeb, u tat-talb, tħabrek għall-konverżjoni tagħhom. (Konċilju Vatikan II, Lumen gentium, nru 11)

Id-dnub hu qabel xejn offiża lil Alla, ksur tar-rabta tagħna miegħu. Fl-istess waqt, id-dnub jolqot ukoll ix-xirka tal-Knisja. Għalhekk il-konverżjoni ġġib fl-istess waqt il-maħfra ta’ Alla u r-rikonċiljazzjoni mal-Knisja li tiġi mfissra u sseħħ liturġikament bis-sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni. (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nru 1440)

Tibżgħux mill-Qrar! Meta wieħed ikun għadu qiegħed jistenna biex iqerr, iħoss il-mistħija, imma mbagħad meta jtemm il-Qrara, joħroġ ħieles, kbir, sabiħ, maħfur, safi, hieni. Dan hu s-sabiħ tal-Qrar! (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 19 ta’ Frar, 2014)

Hu Ġesù li jinsab hemm, u Ġesù hu wisq itjeb mill-qassisin, Ġesù jilqgħek għandu, jilqgħek għandu b’tant imħabba. Agħmel il-qalb u mur qerr! (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 19 ta’ Frar, 2014)

Is-Sagrament tal-Penitenza, jew Qrar, hu, fil-fatt, bħal “tieni Magħmudija”, li tfakkarna dejjem fl-ewwel waħda biex tibni fuqha u ġġeddidha. (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 13 ta’ Novembru, 2013)

Il-Qrar mhux xi seduta f’kamra tat-tortura, imma festa! (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 13 ta’ Novembru, 2013)

Anki meta l-bieb li l-Magħmudija fetħitilna biex nidħlu fil-Knisja jitbexxaq xi ftit, minħabba fid-dgħufijiet u d-dnubiet tagħna, il-Qrar jiftħu mill-ġdid, għax hu bħal tieni Magħmudija li taħfrilna kollox u ddawwalna biex nimxu ’l quddiem bid-dawl tal-Mulej. (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 13 ta’ Novembru, 2013)

Il-Qrar mhuwiex ġudizzju, iżda laqgħa ma’ Alla li jaħfer u jinsa kull dnub ta’ kull bniedem li ma jagħjiex jitlob il-ħniena tiegħu. (Il-Papa Franġisku, Omelija f’Santa Marta, 23 ta’ Jannar, 2015)

Il-qrar mhuwiex xi magna tal-ħasil biex tneħħi t-tbajja’, imma laqgħa mal-Missier li jgħaqqad, jaħfer u jagħmel festa. (Il-Papa Franġisku, Omelija f’Santa Marta, 23 ta’ Jannar, 2015)

Ħuti, il-wiċċ ta’ Alla huwa wieħed ta’ ħniena, li dejjem għandu l-paċenzja. U din hija l-ħniena tiegħu… Jifhimna. Jistenniena. Jekk nagħrfu nduru lura lejh b’qalb niedma, huwa ma jegħjiex jaħfrilna. (Il-Papa Franġisku, L-ewwel Angelus tiegħu, 17 ta’ Marzu, 2013)

Tinsewhx dan: Il-Mulej ma jegħja qatt jaħfer! Huwa aħna li negħjew, li nitolbu maħfra. (Il-Papa Franġisku, L-ewwel Angelus tiegħu, 17 ta’ Marzu, 2013)

Il-qawwa ħelliesa ta’ dan is-sagrament, fejn l-istqarrija vera tad-dnub tagħna tiltaqa’ mal-kelma ħanina ta’ maħfra u sliem min għand Alla, jeħtieġ li kull Kattoliku jerġa’ jiskopriha u jagħmilha tiegħu. (Il-Papa Benedittu, Omelija f’Washington, 17 ta’ April, 2008)

Il-Qrar hu t-tieni Magħmudija, il-magħmudija tad-dmugħ. (San Girgor Nazjanzenu)

Alla dejjem qiegħed hemm qabilna, ilu minn dejjem ifittixna, u hu li jsibna l-ewwel. Forsi xi ħadd minnkom għandu xi jtaqqal lil qalbu u jaħseb: ‘Għamilt hekk, għamilt dan… Tibżgħux! Hu qed jistenniekom! Hu missier: dejjem jistenniena! Kemm hi ħaġa sabiħa li fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni niltaqgħu mat-tgħanniqa ħanina tal-Missier, niskopru l-konfessjonarju bħala l-post tal-Ħniena.’ (Il-Papa Franġisku, Messaġġ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016, 15 ta’ Awwissu, 2015, 2)

Niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser li nħallu ddawwarna tgħanniqa kollha mħabba: hi t-tgħanniqa tal-ħniena bla tarf tal-Missier… U jien ngħidilkom: kull darba li aħna mmorru nqerru, Alla jgħannaqna miegħu, Alla jagħmlilna festa! Ejjew nimxu f’din it-triq. (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 19 ta’ Frar, 2014)

Ħadd ma għandu jitħalla barra mill-ħniena ta’ Alla… Kemm hi kbira l-imħabba li biha jħares lejna Ġesù! B’liema mħabba hu jfejjaq il-qalb midinba tagħna! Qatt ma jbeżżgħuh dnubietna. Naħsbu fl-iben il-ħali li, meta jiddeċiedi li jerġa’ lura għand missieru, joqgħod jaħseb x’diskors ħa jagħmillu, imma l-missier bilkemm iħallih jitkellem, jgħannqu miegħu (ara Lq 15:17-24). Hekk jagħmel Ġesù magħna. “Missier, għandi ħafna dnubiet…” – “Imma Hu jkun kuntent jekk int tmur: se jgħannqek miegħu b’ħafna mħabba! La tibżax”… Ma ninsewx li Alla kollox jaħfer, u Alla dejjem jaħfer. Ejja ma negħjewx nitolbu maħfra. (Il-Papa Franġisku, Omelija f’Ċelebrazzjoni Penitenzjali, 13 ta’ Marzu, 2015)

Il-maħfra ta’ dnubietna mhix xi ħaġa li nistgħu nagħtu aħna stess lilna nfusna. Jien ma nistax ngħid: ‘Naħfer id-dnubiet tiegħi.’ Il-maħfra rridu nitolbuha, nitolbuha lil xi ħadd ieħor, u fil-Qrar nitolbu maħfra lil Ġesù. Il-maħfra mhix frott it-tħabrik tagħna, imma hi rigal. (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 19 ta’ Frar, 2014)

Il-Qrar ta’ spiss hu ta’ għajnuna kbira. Hu minnu: id-dnubiet tagħna huma dejjem l-istess, imma aħna d-djar tagħna, il-kmamar tagħna nnaddfuhom ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa, anki jekk il-ħmieġ ikun dejjem l-istess; biex ngħixu fl-indafa, biex nerġgħu nibdew mill-ġdid. Inkella, il-ħmieġ, anki jekk ma jidhirx, jibqa’ jinġema’. Xi ħaġa simili nistgħu ngħidu dwar ir-ruħ, dwari nnifsi: jekk qatt ma mmur inqerr, ir-ruħ tiegħi tintelaq u fl-aħħar nibda nidra lili nnifsi kif jien u ma nibqax nifhem li rrid nitħabat biex insir aħjar, li rrid nimxi ’l quddiem. U dan it-tindif ta’ ruħna li Ġesù jagħtina fis-Sagrament tal-Qrar jgħinna biex inżommu l-kuxjenza tagħna dejjem attenta, iżjed miftuħa, u għalhekk, jgħinna wkoll biex nikbru spiritwalment u bħala bnedmin… Hu ta’ għajnuna kbira li nqerru regolarment biex inżommu r-ruħ tagħna nadifa u sabiħa u biex fil-ħajja nibqgħu nikbru jum wara l-ieħor. (Il-Papa Benedittu XVI, Laqgħa kateketika mat-tfal li kienu rċevew l-Ewwel Tqarbina matul is-sena, 15 ta’ Ottubru, 2005)

Ma’ dawk li tiltaqgħu, tistgħu twasslulhom il-ferħ li jħoss min irċieva l-maħfra tal-Missier u sab mill-ġdid il-ħbiberija sħiħa miegħU. U għidulhom li l-Missier tagħna qiegħed jistenniena, il-Missier tagħna jaħfrilna, u iżjed minn hekk, jagħmlilna festa. Jekk int tmur għandU b’ħajtek kollha, anki b’tant dnubiet, flok iċanfrek, jagħmillek festa: dan hu l-Missier tagħna. Dan intom tridu tgħiduh, għiduh lil tant nies, il-lum… nirċievu l-ħniena u nqassmu l-ħniena! (Il-Papa Franġisku, Omelija f’Ċelebrazzjoni Penitenzjali, 28 ta’ Marzu, 2014)

Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. (Salm 103:3-4)

Anki l-Papa jmur iqerr kull ħmistax, għax anki l-Papa hu midneb. (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 20 ta’ Novembru, 2013)

  • U int, tirċievi dan is-Sagrament b’mod regolari?
  • Kemm tipprepara ruħek għalih?
  • Tmur tqerr bl-attitudni t-tajba?

Talba: O Alla dejjem lest li tħenn għal min jindem, Int urejtna f’San Leopoldu Bogdan Mandi ‘l wiċċ ħanin tiegħek, agħmel li b’talbu u bl-eżempju ta’ ħajtu, b’mod speċjali tad-dedikazzjoni tiegħu biex jaħfer lin-nies f’Ismek fis-Sagrament tal-Qrar, aħna nagħrfu ngħożżu u nirċievu b’aktar impenn dan is-Sagrament li bih niġu mnaddfa minn dnubietna bis-saħħa ta’ Demmek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-leopold-bogdan-mandic.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-leopold-mandic/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leopold_Mandi%C4%87

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ April: San Franġisku ta’ Paola

Verżjoni Vidjo: San Franġisku ta’ Paola

“Jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Franġisku ta’ Paola.

24444701.jpgSAN FRANĠISKU TA’ PAOLA
Eremit
1416 – 1507

Tagħrif:  Il-ġenituri ta’ San Franġisku li kienu joqogħdu f’Paola, f’Kalabrija, l-Italja, baqgħu bla tfal għal ħmistax-il sena. Imbagħad kellhom tlieta wara xulxin. Il-kbir fosthom, Robertu, twieled fl-1416.

Meta Robertu kien għadu żgħir, intefħitlu għajnu x-xellugija hekk li kien hemm periklu li kien ser jagħma minnha. Il-ġenituri tiegħu għamlu wegħda ma’ San Franġisk t’Assisi li jekk ifiq ilibbsuh il-libsa tal-Patrijiet Franġiskani u jibagħtuh għal sena jgħix f’kunvent tal-Ordni u fieq.

Din il-wegħda ħelisha meta kellu tlettax-il sena. Wara, flimkien mal-ġenituri tiegħu mar pellegrinaġġ, u żar Ruma, Assisi u Loretu.

Meta kellu ħmistax, bidel ismu f’Franġisku, u mar jgħix għalih waħdu fuq biċċa art ta’ missieru, sakemm sab għar u beda jgħix fih. Żewġ żgħażagħ saru jafu bih u marru jgħixu miegħu. Fl-1435, bnew kappella u tliet ċelel. Qassis mill-parroċċa kien imur iqaddsilhom.

In-numru ta’ żgħażagħ li bdew imorru jissieħbu miegħu baqa’ dejjem jikber, u fl-1454, bl-għajnuna tal-poplu bena kunvent u knisja, u l-membri bdew jgħixu f’Regola ta’ faqar, umiltà u sawm kuljum. San Franġisk semma din il-Komunità tiegħu, “L-Ordni tal-Minimi” (L-iċken fost l-iżgħar).

Fuq ix-xewqa tal-Papa Sistu IV, mar jassisti lir-Re Lwiġi XI ta’ Franza, li kien qed imut. Il-Papa offra li jordnah saċerdot biex jaqdi aħjar il-missjoni tiegħu, iżda Franġisku talbu minn qalbu jħallih lajk. Wara l-mewt tar-Re Lwiġi, Karlu VIII, u warajh Lwiġi XII, żammewh fi Franza, li bis-saħħa t’hekk, San Franġisk kiseb ħafna għajnuna min għandhom biex jibni kunventi ta’ l-Ordni tiegħu fi Franza u f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Tliet xhur qabel miet, ħalla l-impenn li kellu mar-Re u mar jgħix fis-solitudni tal-monasteru fejn miet fil-Ġimgħa l-Kbira tal-1507, fl-età ta’ 91 sena, fTours, Franza. Il-Papa Ljun X għamlu Beatu fis-sena 1513 u sitt snin wara ddikjarah qaddis.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ San Franġisku ta’ Paola kienet straordinarja sa mill-mument ta’ twelidu, infatti hu twieled fis-27 ta’ Marzu, 1416 minn Giacomo Alessio msejjaħ il-“Martolilla” u Vienna da Fuscaldo, koppja ta’ ġenituri diġà avvanzati fiż-żmien.

Fiż-żmien li għamel il-kunvent biex iżomm il-wegħda, huwa wera li kellu doti eċċezjonali, kien jgħaġġeb lill-patrijiet meta kienu jarawh rieqed mal-art, jagħmel sawn kontinwu u jitlob ħafna. Kienu jitkellmu fuqu bħala dak il-bniedem li jagħmel ħwejjeġ straordinarji bħal meta mitluf fit-talb ġewwa il-kappella, nesa jixgħel in-nar biex isir l-ikel għall-patrijiet, allura meta nduna ġera ġirja waħda għall-kċina, fejn meta għamel is-sinjal tas-salib, xegħel in-nar u ftit mumenti wara l-ikel kien sar.

Wara 5 snin jgħix ta’ eremita’ fis-solitudni ngħaqdu miegħu żewġ żgħażagħ li riedu jgħixu bħalu, u fis-sena 1436 b’kappella u tlett ċellel bdiet l-ewwel żerriegħa tal-futur Ordni tal-Minimi bil-permess tal-isqof ta’ Cosenza Mons Bernardino Caracciolo. L-għaqda tiegħu kompliet tikber tant li nħasset il-ħtieġa li jkabbar il-post fejn kienu jgħixu. Huwa kien jagħmel ħafna prodiġi bħal meta b’daqqa ta’ bastun ħareġ l-ilma mill-blat biex jaqta’ l-għatx tal-ħaddiema. L-istemma tal-Ordni tiegħu hija tarka bil-kliem “Imħabba”.

Il-fama ta’ dan il-patri ta’ statura ħoxna, bil-leħja u xagħar li huwa ma kien jaqta qatt, xterdet man-naħa t’isfel u minħabba f’hekk kellu jitlaq minn Paola biex iwaqqaf aktar kunventi f’diversi lokalitajiet tal-Kalabrija. Kien mitlub biex iwaqqaf komunità f’Milazzo ġewwa Sqallija u ma’ żewġ fratelli wasal biex jaqsam Messina. Talab lil Kaptan ta’ dgħajsa tas-sajd biex jieħdu fuq id-dgħajsa u jwasslu n-naħa l-oħra, iżda meta ra li ma kellux biex iħallas, irrifjuta. Imbagħad Franġisku rabat tarf tal-mantell tiegħu mal-bastun u tela’ flimkien maż-żewġ ħutu u qasam l-baħar b’dik id-dgħajsa tal-qlugħ magħmulha tal-mument. Dan il-miraklu kien konfermat minn żewġ xhud okulari, fosthom il-kaptan Pietro Colosa ta’ Cotona, port żgħir fuq il-kosta ta’ Kalabrija, li sobgħih ħafna u qatt ma seta’ jsib konfort għar-rifjut tiegħu. Mirakli oħra għamel bil-bosta, fosthom li fejjaq il-morda, u qajjem il-mejtin.

Kien jaqbeż għall-fqar u jitkellem kontra min kien jaħqarhom. Ir-re ta’ Napli ra fih persuna perikoluża u bagħat xi suldati biex jalqgħulu ħalqu iżda huma ma setgħux jarawh għax għamel lilu nnifsu inviżibbli.

Huwa miet fit-2 ta’ April tas-sena 1507 ġewwa Franza meta kellu 91 sena. Il-qabar tiegħu sar lok ta’ pellegrinaġġi iżda ma ħelisiex mill-profanazzjoni meta l-Ugonotti ħarqu l-ġisem tiegħu u ma ħallewx ħlief irmied u ftit għadam. Il-ftit relikwi li fadal ġew ukoll profanati waqt ir-rivoluzzjoni Franċiża. Iżda fl-aħħar il-fdalijiet tiegħu sabu ruħhom ġewwa is-santwarju ta’ Paola fejn huwa meqjus bħala il-patrun tal-belt.

  • U int, kemm tara valur f’ħajja ta’ talb, penitenza u servizz lil ħutek il-bnedmin?
  • Kemm tipprova taħbi l-għemil tajjeb tiegħek biex bih tagħti glorja ‘l Alla biss u tibqa’ umli?
  • Qed tipprova tgħix ħajja ta’ qdusija skont l-istat tal-ħajja tiegħek?

Talba: O Alla, li tkabbar lil min jiċċekken, int tellajt lil San Franġisku ta’ Paola fil-glorja tal-qaddisin tiegħek; agħtina li, bil-merti u l-eżempji tiegħu, niksbu b’wiċċ il-ġid il-premju li int wegħidt lil min iċekken lilu nnifsu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-francis-of-paola.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-of-paola/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_of_Paola

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit jesusandmary.yolasite.com.

27 ta’ Marzu: Beatu Pellegrin minn Falerone

Verżjoni Vidjo: Beatu Pellegrin minn Falerone

“Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” Meta l-Beatu Pellegrin minn Falerone ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, huwa qallu dan il-kliem li mmarka l-ħajja kollha tiegħu.

Santino-Holy-Card-B-Beato-Pellegrino-da-Falerone

BEATU PELLEGRIN MINN FALERONE
Reliġjuż Franġiskan
miet c.1232

Tagħrif: Dan il-beatu ħass il-ħajra li jsir reliġjuż Franġiskan wara li sema’ lill-Fundatur jipprietka f’Bologna. Meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.”

Pellegrin kien ġej minn familja għanja u nobbli ta’ Falerone, f’Ascoli Piceno, fl-Italja Ċentrali. Studja l-filosofija u d-Dirittu Kanoniku f’Bologna, u kien diġà imkisser sewwa fix-xjenzi sagri u profani. Minkejja dan, hu aċċetta l-profezija ta’ San Franġisk bħallikieku kien kmand u, għal ħajtu kollha, ried jibqa’ dejjem sempliċiment fratell lajk, mogħti għas-servizzi l-iktar umli u spiss moħbijin f’kunventi żgħar u ftit magħrufa.

Skont il-Beatu Bernard ta’ Quintavalle, Pellegrin wettaq l-ideal tal-Franġiskan perfett u kien wieħed mir-reliġjużi l-aktar eżemplari. Xtaq ħafna li jkun jista’ jmut martri fost l-infidili, u, bħal San Franġisk innifsu, anki siefer lejn l-Art Imqaddsa, fost il-Misilmin. Il-Beatu Pellegrin bil-ftit il-ftit ġibed lejh lill-Misilmin minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu.

Meta rritorna fl-Italja, Pellegrin beda jfittex jinħeba f’postijiet u f’kunventi l-aktar imbegħda. Rarament kien iżur il-familja għanja tiegħu; u meta kien iżurhom kien għal żjarat qosra biex iħeġġeġ lil niesu li ma jintrabtux mad-dinja u jħobbu aktar lil Alla. Imma, aktar ma kien jinħeba, u aktar ma jipprova jgħix ħajja fqira u umli, aktar bdew ifittxuh in-nies, l-aktar ukoll minħabba l-fama tal-mirakli.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu kien fil-kunvent ta’ San Severino Marche, fejn miet għadu żagħżugħ, għall-ħabta tas-sena 1232. Il-fdalijiet tiegħu għadhom f’San Severino. Il-kult lejn il-Beatu Pellegrino kien ikkonfermat fl-1821 minn Piju VII, u b’hekk approva l-qima lejh li kienet ilha 600 sena. Hu mfittex kontra l-uġigħ tad-dras.

Ħsieb: Interessanti kif meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” U hekk għamel u għex tassew. L-umiltà hija l-bażi ta’ kull sejħa nisranija, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li wieħed iħaddan. X’inhi eżatt din l-umiltà? Kif tgħix bħala bniedem umli? U x’jgħallimna Ġesù nnifsu dwar l-umiltà?

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd 28 ta’ Awwissu, 2016, spjegaha b’dan il-mod:

“Ġesù jgħid: “Meta xi ħadd jistiednek għat-tieġ, tmurx tfittex il-postijiet ta’ quddiem li ma jmurx ikun hemm xi mistieden akbar minnek u dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek: ċedilu postok!”….. Imma, meta tkun mistieden, mur oqgħod fil-postijiet ta’ wara” (Luqa 14:8-9). B’din ir-rakkomandazzjoni Ġesù ma jridx jagħti xi regola ta’ mġieba soċjali imma lezzjoni dwar il-valur tal-umiltà. L-istorja tgħallem li l-kburija, il-kilba li rridu nilħqu aktar ‘il fuq, il-vanità, meta niddandnu, huma l-kawża ta’ ħafna ħażen. U Ġesù jgħinna nifhmu kemm hu meħtieġ li nfittxu l-aħħar post, jiġifieri li nfittxu li niċċekknu u li ninħbew: l-umiltà. Meta aħna, quddiem Alla nqiegħdu lilna nfusna f’din id-dimensjoni ta’ umiltà, allura Alla jgħollina, imil lejna biex jerfgħana għal ħdejh; “għax min jitgħolla jiċċekken, u min jiċċekken jitgħolla” (Luqa 14:11).

Il-kliem ta’ Ġesù juri ċar atteġġjamenti differenti għal kollox u opposti għal xulxin: l-atteġġjament ta’ min jagħżel postu u l-atteġġjament ta’ min iħalli lil Alla jagħtih il-post u jistenna l-ħlas mingħandu. Ma ninsewhiex: Alla jħallas ħafna aktar mill-bnedmin! Hu jagħtina post ferm isbaħ minn dak li jtuna l-bnedmin! Alla jtina post qrib qalbu u l-ħlas tiegħu hu l-ħajja eterna. “Tkun beatu – jgħid Ġesù – ….. Tirċievi l-ħlas fil-qawmien tal-ġusti!” (Luqa 14:14).

U dak li tiddeskrivi t-tieni parabbola, li fiha Ġesù jurina l-atteġġjament ta’ diżinteress li għandu jkollha l-ospitalità, meta jgħid hekk: “Meta tagħmel ikla stieden lill-foqra, lill-immankati, liz-zopop u lill-għomja; u tkun imbierek għax dawn ma jpattulekx lura” (Luqa 14:13-14). Ifisser li tagħżel il-gratwità minflok il-kejl opportunist li jfittex il-ħlas lura, li jfittex l-interess u jfittex li jistgħana aktar. Infatti, il-foqra, is-sempliċi, dawk li ma jiswew xejn, qatt ma jistgħu jroddulek lura l-istedina għall-ikla. B’hekk Ġesù juri li hu jippreferi lill-foqra, lill-imwarrbin, li huma l-magħżulin fis-Saltna t’Alla, u jibgħat il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, li hu s-servizz lejn il-proxxmu għall-imħabba t’Alla.

Illum, Ġesù jagħti leħen lil min m’għandux u lil kull wieħed u waħda minna jagħmlilna appell imqanqal biex niftħu qlubna u nagħmlu tagħna t-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-foqra, tal-morda, tal-emarġinati, tar-rifuġjati, ta’ min hu tellief fil-ħajja, ta’ min hu mwarrab fil-ġenb mis-soċjetà u minħabba l-prepotenza ta’ min hu l-aktar setgħan. U fir-realtà, dawn in-nies skartati jirrappreżentaw lill-maġġornaza l-kbira tal-popolazzjoni.

F’dal ħin qed niftakar bi gratitudni fil-postijiet fejn tant volontarji joffru s-servizz tagħhom billi jagħtu jieklu lill-persuni waħedhom, foqra, bla xogħol jew mingħajr dar fissa. Dawn il-postijiet flimkien ma’ opri tal-ħniena oħrajn – bħalma huma ż-żjarat lill-morda, lill-ħabsin… – huma taħriġ tal-karità li jxerrdu l-kultura tal-gratwità, għax min iħaddimhom hu mqanqal mill-imħabba t’Alla u mdawwal mill-għerf tal-Evanġelju. B’hekk is-servizz lejn l-aħwa, iġib fid-dieher l-imħabba ta’ Kristu.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex kuljum tmexxina fit-triq tal-umiltà, Hi li kienet umli tul ħajjitha kollha, u biex tnissel fina l-ħila li nagħmlu ġesti gratwiti ta’ laqgħa u solidarjetà lejn l-emarġinati, ħalli b’hekk inkunu denji li nirċievu l-ħlas divin”.

Dan it-tagħlim kollu, Pellegrin minn Falerone fehmu sewwa, għexu tul ħajtu kollha u issa jinsab mal-kbarat fis-Saltna tas-Sema, mal-henjin. U int qed taħdem biex tgħix bħala bniedem umli billi titlef lilek innifsek biex tkun għas-servizz ta’ Alla u tal-proxxmu filwaqt li tistenna l-ħlas tal-ġusti mingħand Alla biss li jaf iħallas sewwa lil min jaqdiH b’fedelta’ sal-aħħar?

Talba: O Mulej ta’ Qalb ħelwa u umli, li dawwalt lill-qaddej tiegħek, il-Beatu Pellegrin minn Falerone permezz tal-ħeġġa li tajtu biex jikber fil-qdusija u fl-istess ħin jiċċekken quddiemek u quddiem il-bnedmin. Issa li hu jinsab mas-setgħana f’post ta’ ġieħ fis-Sema, nitolbuk biex bl-interċessjoni tat-talb tiegħu għalina, aħna wkoll ngħożżu u nagħżlu t-triq tal-umli u ngħixu biss biex nagħtu glorja Lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

Italian Version: http://www.santiebeati.it/dettaglio/90742

Alternative Reading: http://www.livinginmarche.it/cards/grandi-a-falerone-il-beato-pellegrino/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Pellegrino_da_Falerone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.