1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

Advertisements

13 ta’ Ġunju: Sant’Antnin ta’ Padova

Verżjoni Vidjo: San Antnin ta’ Padova

“Il-ġust jiżhar bħall-ġilju, u jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej. Jikseb it-tifħir fil-ġemgħa tal-magħżulin.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (Ħosegħa 14.6b; Salm 91(92):14; Sirak 24:1).

san antonio.jpgSANT’ANTNIN TA’ PADOVA
Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1191 – 1231

Tagħrif: Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn Sant’Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu. Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

Fis-16 ta’ Jannar,1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sema’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki.

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sema’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Għamel ħafna ġiri jipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu “Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura.”

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-“ħobż ta’ San Antnin.”

Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Miet meta kellu 40 sena mifni mill-predikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju, 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. Sant’Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilka li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

Ħsieb: Aktarx li dan il-qaddis hu fost l-aktar popolari fost l-insara. Hu kien jeħodha kontra l-vizzjijiet ta’ żmienu, bħalma huma l-użura (self b’imgħaxijiet għoljin) u x-xeħħa, b’linġwaġġ qawwi u kultant aħrax ukoll. Għalkemm Sant’Antnin kien ġej minn familja aristokratika, hu kien veru ħabib tal-fqar u tal-maħqurin. Jingħad li għamel ħafna mirakli, l-aktar wara mewtu. Sant’Antnin hu msejjaħ fil-każi ta’ ħwejjeġ mitlufin.

Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, saċerdot:

“Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna. Dawn il-bosta ilsna huma l-ħafna xhieda li tingħata lil Kristu, bħalma huma l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza; li aħna nitkellmu bihom meta nuruhom lill-oħrajn fina nfusna. Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil. Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. Kliem għandna kemm irridu, imma fatti xejn, u għalhekk il-Mulej jisħetna, kif seħet is-siġra tat-tin għax fiha ma sabx frott imma weraq biss. Kif jgħid San Girgor: “Għall-predikatur hemm liġi li torbtu biex juri bl-għemil kull ma jxandar bil-kliem.” Għalxejn wieħed jiftaħar li jaf il-liġi jekk b’għemilu jġib fix-xejn it-tagħlim tiegħu.

L-Appostli kienu jitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu. Hieni min jitkellem skont kif inebbħu l-Ispirtu s-Santu u mhux kif tgħidlu rasu! Għax hemm xi wħud li jitkellmu skont ma jħossu huma, jisirqu kliem ħaddieħor u jxandruh bħallikieku tagħhom, anzi jgħidu li hu tagħhom. Fuq dawn u oħrajn bħalhom, il-Mulej b’fomm Ġeremija jgħid: ‘Arawni kontra l-profeti li jisirqu kliemi wieħed mingħand l-ieħor. Arawni kontra l-profeti, jgħid il-Mulej, li jħollu lsienhom u jxandru t-teħbir. Arawni kontra dawk li jħabbru ħolm giddieb, jgħid il-Mulej, u jgħiduh u jqarrqu bil-poplu bil-gideb tagħhom u bit-tpaċpiċ tagħhom, meta ma kontx jien li bgħatthom, anqas ikkmandajthom, u ma huma ta’ ebda fejda għal dan il-poplu, jgħid il-Mulej.’

Mela nitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu jagħtina li nitkellmu; bl-umiltà u l-qima kollha nitolbuh isawwab fina l-grazzja tiegħu, biex nhar Għid il-Ħamsin niċċelebrawh sewwa bil-perfezzjoni tal-ħames sensi tagħna u bil-ħarsien ta’ l-għaxar kmandamenti nimtlew bi spirtu qawwi ta’ ndiema, nitkebbsu b’ilsna tan-nar ħa nfaħħruh, ninxtegħlu bid-dawl tal-glorja tal-qaddisin, u jistħoqqilna naraw lit-Trinità Alla wieħed.”

Din li ġejja hija silta minn prieTka ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati; aħfru u ssibu l-maħfra; agħtu u jingħatalkom.” Ara kif f’dis-silta tal-Vanġelu mqaddes hemm ħames ħwejjeġ ta’ importanza kbira: ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru u agħtu.

Hu ħanin min jagħder in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Għalhekk fil-ħniena nsibu l-mogħdrija, bħallikieku l-ħniena ssir bil-mogħdrija. U billi l-ħniena tal-Missier tas-sema lejk għandha tliet uċuħ, hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ.

Il-ħniena tal-Missier hi għażiża, wiesgħa u għanja. Għażiża għax issaffi l-bniedem mill-vizzji, bħalma jgħid Bin Sirak: “Għażiża ħnientu fi żmien il-għawġ, daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.” Fi żmien il-għawġ, jiġifieri meta nkunu magħkusa bid-dnubiet, tinżel fuqna xita ta’ grazzja li ġġeddidna u taħfrilna d-dnubiet.

Il-ħniena tal-Missier wiesgħa, għax hi u miexja ’l quddiem fiż-żmien, ir-ruħ tikber u titwessa’ bl-għemejjel it-tajba. Għalhekk fis-Salm insibu: “Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt skont is-sewwa tiegħek.”

Il-ħniena tal-Missier hi għanja fil-għaxqa tal-ħajja taż-żmien li ġej. Dwarha fil-Ktieb ta’ Tobija nsibu dan: “Min jibża’ minnek jaf żgur li hu sa jikseb il-kuruna tal-ħajja jekk ħajtu tkun tqiegħdet fit-tiġrib; hu jkun meħlus mill-għawġ u jkun jista’ jilqa’ l-ħniena tiegħek jekk qabel jilqa’ t-twiddib.”

Hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ. Jekk dineb kontrik aħfirlu; jekk ħareġ mit-triq tas-sewwa għallmu; jekk bil-ġuħ itimgħu biex jiġi f’tiegħu.” 

U dawn żewġ talbiet ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Spirtu Mqaddes, nar ta’ mħabba, ejja strieħ fuq kull wieħed minna, ħejjilna lsienna biex jistqarr ħtijietna, biex aħna u ngħidu kollox bla ma naħbu xejn, niksbu l-ħajja tal-ġenna biex hemm nissieħbu għal dejjem fit-tifħir flimkien mal-anġli. Dan jista’ jseħħ bil-għajnuna tiegħek, int li tgħix u ssaltan għal dejjem. Ammen.

Nitolbuk, Mulej Alla wieħed u tlieta, li r-ruħ li inti ħlaqt tasal għandek qawwija u sħiħa f’dak l-aħħar jum ta’ hemm u ta’ nar, x’ħin jinqasam il-ħabel fiddien, ilqagħha, biex ħielsa min-nases tal-ħażen, tiġi għandek bil-ħelsien u l-glorja ta’ wlied Alla, bil-għajnuna tiegħek stess, Alla wieħed u tlieta, li int imbierek għal dejjem. Ammen.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġjiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skont it-tagħlim nisrani. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-anthony-of-padua.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-of-padua/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_of_Padua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.