28 ta’ Frar: Beata Marija Caritas Brader

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Caritas Brader

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla”. ~ Beata Marija Caritas Brader

mariacaridadMADRE MARIJA CARITAS BRADER
Fundatriċi
1860 – 1943

Tagħrif: Maria Josefa Carolina Brader twieldet f’Kaltbrunn fl-Isvizzera fl-14 ta’ Awwissu 1860. Missierha kien Joseph Sebastian Brader u ommha, Marija Anna Carolina Zahner. Maria Josefa Carolina kienet l-unika tifla li kellhom.

Maria Josefa kienet intelliġenti ħafna u fl-1880 ddeċidiet li minflok ma tmur l-Università tidħol mal-Franġiskani – u ħadet l-isem: Marija-Caritas (Karità). Fl-1882 għamlet l-aħħar voti mas-sorijiet tal-klawsura.

Fl-ewwel snin, b’permess speċjali, għallmet fl-iskola fejn kienet tmur bħala tifla u wara ftit laħqet kap ta’ din l-iskola. Wara ftit il-Papa ta l-fakultà li l-Ordnijiet tas-Sorijiet Klawstrali jistgħu joħorġu jgħallmu.

Ġara li ħafna isqfijiet fil-pajjiżi tal-Missjoni talbuhom biex jiftħu l-iskejjel. L-Isqof Pedro Schumacher tal-Ekwador talab lis-superjura Maria Hilf biex tibgħat xi sorijiet. Is-superjura stess, Madre Marija Bernarda Butler li ġiet ibbeatifikata fid-29 ta’ Ottubru 1995, flimkien ma’ ħames sorijiet fosthom Suor Marija Caritas, marru l-Ekwador.

Għal 5 snin Swor Marija Caritas kienet għalliema u katekista fil-belt ta’ Chone. Fl-1893 marret tagħmel appostolat fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja.

Bl-għajnuna ta’ saċerdot Ġermaniż, Father Reinaldo Herbrana, waqqfet kongregazzjoni, tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija Immakulata, li tagħha saret l-ewwel superjura. L-ewwel sitt sorijiet kienu mill-Isvizzera u wara bdew ġejjin tfajliet Kolombjani.

Kienet l-ewwel Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni l-ġdida mill-1893 sal-1919 u wara mill-1928 sal-1940 reġgħet saret Superjura Ġenerali u matul dawn is-snin għamlet il-voti tad-djar fl-Amerika. Ta’ 80 sena talbet li ma tibqax Superjura.

Fis-27 ta’ Frar 1943 mietet fil-Belt ta’ Pasto fil-Kolombja. Fis-sena 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu ll ibbeatifikaha.

Ħsieb: Meta Swor Marija Caritas, fl-1893 marret fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja. Iż-żona tal-appostolat kienet tinkludi t-territorju ta’ xatt il-baħar, il-muntanji għoljin tal-Andes u l-pjanura tal-għoljiet ta’ madwar l-Andes. In-nies kienu fqar immens u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu perikolużi ħafna. Swor Marija Caritas kellha mħabba kbira għal dawn in-nies u għamlet minn kollox biex ittaffilhom il-problemi tagħhom.

Lis-sorijiet tagħha kienet tinkuraġġihom u tgħinhom biex jakkwistaw diplomi akkademiċi u kienet tgħidilhom:

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla.”

Fuq kollox kienet tħabbrek biex jgħixu l-Ispirtu Franġiskan, u jgħożżu l-faqar biex ikunu jistgħu jgħinu lill-fqar u jkunu ta’ eżempju għalihom.

L-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù fl-Ewkaristija wasslitha biex titlob u tikseb permess għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament Divin fil-kunvent. Hija ħalliet dan l-aktar teżor prezzjuż u qaddis fil-Kongregazzjoni tagħha flimkien ma’ rispett kbir lejn is-saċerdoti.

  • U int, tfittex li tmur ħdejn Ġesu Ewkaristija għal xi ħin ta’ Adorazzjoni?
  • Taf b’xi kappella tal-Adorazzjoni qrib ta’ fejn toqgħod int li forsi tkun miftuħa għal xi ħin tul il-jum?

(ara lista ta’ Kappellel tal-Adorazzjoni u sib dik l-aktar qrib tiegħek)

Talba: O Alla, li qaddist lil Swor Marija Caritas permezz tal-imħabba kbira li tajtha lejn il-persuni taħt il-kura tagħha, hekk li kienet tagħmel ħilitha kollha biex ittaffilhom il-problemi, agħtina l-kuraġġ biex nimxu fuq il-passi tagħha ta’ virtu’ u nkunu aħna wkoll ta’ għajnuna għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-caridad-brader-160

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2017/02/blessed-maria-caridad-brader-foundress/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Josefa_Karolina_Brader

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Frar: Santa Anna Line

Verżjoni Vidjo: Santa Anna Line

“Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew nghidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”. ~ Ġesu’ f’Mattew 10: 40,42

St_Anne_LineSANTA ANNA LINE
Martri
c. 1565 – † 1601

Tagħrif: Din hija waħda mill-40 martri Ingliżi li l-Qaddis Papa Pawlu VI kkanonizza flimkien fl-1970. Hi u żewġha huma eżempju erojku ta’ dedikazzjoni minn lajċi fi żmien ta’ persekuzzjoni.

Anna née Heigham kienet bint ġenituri Kalvinisti akkaniti; ikkonvertiet għar-reliġjon Kattolika flimkien ma’ ħuha meta kien għad ma kellhiex 20 sena. Minħabba f’hekk it-tnejn kienu maqtugħin mill-wirt.

Fl-1585, meta hi kellha dsatax-il sena, iżżewġet lil Roger Line, ikkonvertit tal-età tagħha li malajr ġie arrestat għax kien imur għall-quddies. Huwa wkoll kien ġie maqtugħ mill-wirt u miet fl-eżilju fi Fjandra fl-1594.

Anna sabet ruħha f’faqar kbir u bdiet tieħu ħsieb dar kbira f’Londra, li Fr. John Gerard, Ġiżwita, kien fetaħ biex jilqa’ fiha lill-qassisin fiz-żmien tal-persekuzzjoni Protestanta.

Minkejja s-saħħa dgħajfa tagħha, Anna kienet tagħmel kollox f’din id-dar, tant li kienu laqqmuha s-“Sinjura Marta”. Hi wriet li kienet mara ta’ kapaċità, diskreta, u ġentili. Fil-ħin liberu tagħha kienet tgħallem lit-tfal u taħdem ir-rakkmu.

Wara l-ħarba famuża ta’ Fr. Gerard mit-Torri ta’ Londra fl-1597, hi marret f’dar oħra. Biex id-dedikazzjoni tagħha tkun permanenti u aktar kompleta, Anna ħadet il-voti ta’ faqar, kastità u ubbidjenza u, minkejja l-periklu, nuqqas ta’ saħħa u uġigħ ta’ ras kważi kontinwu, kienet tgawdi paċi kbira.

Il-folla kbira li nġabret filgħodu kmieni nhar il-Kandlora tas-sena 1601 qanqlet suspett, u meta waslu l-pulizija, il-qassis kien diġà ħarab, imma sabu kamra mimlija nies u kollox lest għall-quddiesa. Anna ġiet arrestata u mitfugħa l-ħabs.

Fis-26 ta’ Frar hi kienet akkużata li laqgħet għandha saċerdot: il-prova prinċipali kien l-altar li nstab fid-dar. Instabet ħatja u kkundannata għall-mewt; qatluha l-għada.

Meta ġiet ikkundannatha għall-mewt, hi laqgħet is-sentenza tagħha bil-ferħ għax hi kienet spiss tgħid lil Fr. Gerard: “Jien nixtieq, aktar minn kollox, li mmut għal Kristu.”

Lill-folla li nġabret f’Tyburn hija qaltilhom:

“Jiena ġejt is-sentenzjata għall-mewt għax tajt kenn lil qassis Kattoliku, u tant m’għandix indiema li għamilt hekk li b’qalbi kollha nixtieq li flok wieħed nilqa’ elf.”

Imbagħad hija bieset il-forka, qagħdet għarkopptejha u bdiet titlob. Kellha biss xi 35 sena.

Hija ġiet iddikjarata Beata mill-Papa Piju XI fil-15 ta’ Diċembru, 1929, u kkanonizzata bħala martri fil-25 ta’ Ottubru 1970, mill-Papa Pawlu VI.

Santa Anna Line tista’ titqies bħala mudell u patruna tan-nisa li jieħdu ħsieb id-djar tas-saċerdoti.

Ħsieb: Il-Mulej Ġesu’ wiegħed premju lil kull min jagħti mqar “tazza ilma frisk” (Mattew 10:40,42) lill-missjunarji tiegħu. Anna Line tat aktar għan-nom tas-saċerdozju – tat il-ħajja tagħha stess. Forsi ma tantx għad hawn min għadu japprezza l-kobor tas-saċerdozju fiż-żminijiet tal-lum, għax ix-xitan qed jagħmel minn kollox biex minħabba xi ftit minnhom, jagħti reputazzjoni ħażina lil kollha kemm huma. Is-saċerdoti qieshom l-ajruplani, meta jaqa’ wieħed, id-dinja kollha ssir taf b’dan. Imma kemm iwasslu erwieħ fid-destinazzjoni tagħhom li hija s-Sema, dan ma jixxandarx?

Min hu s-Saċerdot? 

Ejjew naħsbu għal ftit mumenti fuq il-kobor tas-Saċerdozju fil-Knisja:

  • fuq il-qawwa tas-saċerdoti li jaħfru d-dnubiet f’isem Alla,
  • fuq is-setgħa li jikkonsagraw sempliċi ħobż fil-Ġisem, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Sidna Ġesu’ Kristu,
  • fuq ir-responsabbilta’ tremenda tas-saċerdoti fejn jidħol id-destin etern tal-erwieħ immortali li huma fdati f’idejhom,
  • li huma għandhom jigwidaw lill-erwieħ billi jxandrulhom il-Verita’ Sħiħa u jwissuhom biex iżommu fit-triq id-dritta tal-Kmandamenti t’Alla.

Issa, is-Sagrament tal-Ordni Sagri huwa wieħed mit-tliet Sagramenti li bniedem jista’ jirċievi darba biss, għax dawn iħallu siġill dejjiemi fir-ruħ ta’ min jirċevihom.

Minħabba l-effett kbir u l-influenza sinifikanti fuq il-ħajja tal-bniedem, il-Knisja tpoġġi persuni bħala għajnuna, anki meta dawn is-sagramenti jirċevihom adult.

  • Fejn, mela, nistaqsi, huma l-isponsers għas-saċerdot?
  • Huwa din il-grazzja mhux tqila biżżejjed biex jistħoqqilha dan is-sapport?

Ċertament li l-Mulej fada lis-saċerdoti kollha tiegħu ma’ San Ġwann f’idejn il-merti tal-Omm Imbierka taħt is-salib! Imma hi ma tkunx ferħana li jkollha llum iben jew bint li jgħinuha f’din ir-responsabbilta’ permezz ta’ interċessjoni, sagrifiċċji u kull xorta ta’ għajnuna lis-saċerdoti li huma l-ulied ta’ qalbha? Ċertament li ħadd m’għandu dubji dwar dan.

X’sejħa nobbli hi din li wieħed jilqa’ fuqu l-missjoni li jissapportja lil xi saċerdoti, billi jgħinhom fir-responsabbilta’ mmensa tagħhom fejn jidħlu l-affarijiet qaddisa t’Alla f’dinja dejjem iżjed sekularizzata. Tissapportjahom bit-talb speċjali tiegħek, biċ-ċaħdiet żgħar jew kbar li inti toffri lill-Mulej għalihom, b’offerta b’imħabba tad-diffikultajiet li ġġib magħha l-ħajja tiegħek ta’ kuljum u flimkien ma’ għajnuna prattika fil-parroċċi, knejjes, kappelli, djar, kunventi, skejjel, sptarijiet u postijiet oħra fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. F’dan int tassew iben u bint is-Sinjura! F’dan int tassew għajnuna xierqa għas-saċerdoti.

Il-Mulej wiegħed: “Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ Lili, … u kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax huwa dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.” (Mattew 10:40,42)

J’Alla il-ħlas tal-Mulej ikun il-grazzja li int ikollok dejjem saċerdot li jagħtik kuljum lil Ġesu’ fis-Sagrament Imqaddes u fl-aħħar ta’ ħajtek ferħ etern.

(ara Channel fuq Youtube b’Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara Ktieb ta’ Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti)
(ara kif tista’ tkun Omm Spiritwali għas-Saċerdoti – Fr Hayden Williams OFM Cap)

Talba: Għinna Mulej, għat-talb ta’ Santa Anna Line, biex nerġgħu inqajmu fina u fl-oħrajn reverenza lejn is-Saċerdozju fil-Knisja, li Inti fil-ħniena tiegħek waqqaft biex minnu nirċievu l-grazzji tiegħek. Agħmel li naslu biex nagħtu s-sapport tagħna lis-saċerdoti tiegħek, bit-talb u bl-offerta tas-sagrifiċċji tagħna ta’ kuljum, b’għajnuna fil-prattika fil-parroċċi u fil-postijiet kollha fejn is-saċerdoti jkunu qed iwettqu l-appostolat tagħhom. Għinna ngħinuhom ikunu saċerdoti qaddisin! Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-anne-line-d-1601-2/

Alternative Reading: http://www.newadvent.org/cathen/09270b.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anne_Line

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Frar: Beata Adeodata Pisani

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Frar: San Ethelbert

Verżjoni Vidjo: San Ethelbert

“Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. ~ Ġesu’ f’Luqa 4:43

StEthelbertSAN ETHELBERT
Re ta’ Kent
? – †616

Tagħrif: Ethelbert inħatar Re ta’ Kent fil-560, u estenda s-setgħa tiegħu għan-naħa ta’ isfel tal-Ingilterra. Huwa żżewweġ lill-prinċipessa nisranija Bertha, bint Charibert Re tal-Franki. B’hekk daħlet għall-ewwel darba l-fidi nisranija fl-Ingilterra Anglo-Sassona għaliex missier Bertha insista li bintu tkun tista’, bil-libertà, tipprattika t-twemmin tagħha f’dak il-pajjiż.

Meta Santu Wistin ta’ Canterbury wasal l-Ingilterra, fil-597, flimkien mal-40 irħieb Benedittini li kienu ntbagħtu hemm mill-Papa San Girgor il-Kbir, hu kellu merħba sabiħa mir-Re Ethelbert minkejja li sa dak iż-żmien kien għadu pagan, u tahom is-setgħa li jippriedkaw il-Vanġelu kemm iridu.

Imqanqal mill-eżempju tal-fidi ta’ martu, kif ukoll mill-ħeġġa ta’ Santu Wistin u l-irħieb tiegħu, Ethelbert għażel li jħaddan il-fidi nisranija, u rċieva l-magħmudija nhar l-Għid il-Ħamsin tal-istess sena (597) minn idejn Santu Wistin. Dan jixhdu wkoll San Beda l-Venerabbli. B’hekk Ethelbert sar l-ewwel Re nisrani ingliż, u minn dak inhar ‘il quddiem ta s-sapport tiegħu għall-kawża ta’ Kristu fis-saltna tiegħu.

Kontra s-slaten ta’ żmienu li kienu jimponu t-twemmin tagħhom fuq is-sudditi tagħhom, Ethelbert kien ħalla lis-sudditi fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex kien iżomm li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera konverżjoni, u inkoraġġixxa l-ħidma tal-missjunarji nsara. Għad li ma sforza lil ħadd isir nisrani bilfors, kienu ħafna mis-sudditi tiegħu li saru nsara fis-saltna tiegħu, li kienet tikkomprendi l-parti kbira tal-Ingilterra. Kien il-fundatur tal-katidrali ta’ Canterbury.

San Ethelbert kien kontinwament ħsiebu biex iġib ‘il quddiem il-ġid tal-poplu tiegħu. Huwa ħareġ liġijiet siewja li baqgħu miżmumin b’għożża fl-Ingilterra fiż-żminijiet li ġew wara. Huwa ħabrek biex jeqred il-paganiżmu fis-saltna tiegħu, u kien mezz biex ukoll ikkonverta Sebert, ir-Re ta’ East Saxony, flimkien man-nies tiegħu, kif ukoll lil Redwald, Re ta’ East Anglia.

San Ethelbert miet fl-24 ta‟ Frar 616, wara li kien ilu re 56 sena, u ġie midfun fl-abbazija ta’ San Pietru u San Pawl ta’ Cantebury maġenb Santu Wistin, l-ewwel arċisqof ta’ dik il-Belt.

Ħsieb: Interessanti li wieħed jinnota li dan ir-Re qaddis, Ethelbert ma mponiex ir-Relġjon Nisranija fuq is-sudditi tiegħu, imma ħallihom fil-libertà jekk iħaddnux il-fidi li issa beda jħaddan hu, għaliex għaraf li l-konverżjoni permezz tal-konvinzjoni kienet l-unika vera tweġiba għas-sejħa ta’ Alla. Alla huwa mħabba u t-tweġiba għal din l-imħabba tiegħu, ma tistax tkun ħlief imħabba libera. Fil-lingwa tal-imħabba, ma jistgħux jeżistu l-kundizzjonijiet u t-theddid li jqanqlu l-biża’. Il-biża’ mhux ġejja minn Alla.

Għalkemm il-Knisja, tibqa’ ssostni li hija universali, jiġifieri li tilqa’ u tħaddan lil kulħadd, imma dan ma tagħmlux bil-forza! Il-missjoni tal-Knisja hi li xxandar il-Verita’ tal-Vanġelu, l-unika Triq li twassal għas-salvazzjoni tal-bnedmin, għax twassal għand Kristu li Hu l-Awtur tas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Imma, bħal Kristu, li b’ġentilezza jibqa’ jħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna u jistenna biex niftħulu, jekk niftħulu, il-Knisja wkoll tħalli l-bniedem liberu li jagħmel id-deċiżżjoni tiegħu/tagħha.

Innotaw, li fil-Vanġeli, huwa Ġesu li jagħżel lid-dixxipli – hekk ukoll Hu jagħżel lilna – Huma laqgħu s-sejħa tiegħu u “Minnufih telqu x-xbiek u marru warajh..” Kemm hawn nies li jiġu msejħa iżda jagħżlu li ma jwieġbux għal din is-sejħa? F’passaġġ mill-Vanġelu ta’ San Ġwann 10:26-27, insibu: “Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”. Ġesu ma jgħidx in-nagħaġ jisimgħuni imma “in-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni..”

F’passaġġ ieħor minn Mattew 10:14 Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ‘l barra minn dik id-dar jew belt u farfru sat-trab ta’ saqajkom.” L-għażla li nimxu wara Ġesu trid tkun għażla ħielsa. Aħna rridu nitfgħu ż-żerriegħa u nħallu lil Alla jsaqqiha. Imma jekk insibu min jagħlqilna l-bieb ma jfissirx li l-missjoni tagħna spiċċat. Ġesu qal: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Luqa 4:43).

Kull min hu nisrani għandu l-istess missjoni – li jxandar l-Evanġelju … dan nistgħu nagħmluh bil-kelma u/jew bl-għemil. Billi ngħinu lil min hu fil-bżonn. Ma kinitx faċli għal Ġwanni u Ġakbu illi jħallu lil missierhom warajhom; infatti nsibu l-isem ta’ missierhom Żebedew msemmi darbtejn f’dan il-passaġġ … hawn l-Evanġelista jrid juri li l-għajta ta’ Ġesu hi dik li għandha tiġi l-ewwel f’ħajjitna. 

  • U int, kemm qed tħalli l-għajta ta’ Ġesu’ tkun il-preorita’ f’ħajtek?
  • Meta l-Mulej iħabbatlek fuq il-bieb ta’ qalbek, iddaħħlu minnufih ħa tara xi jrid mingħandek jew tħallih jistenna, jistenna, u jistenna … ? (Ftakar li mhux ser jibqa’ jistenna għal dejjem)
  • Kemm qed tħalli lil Ġesu jibdlek f’persuna aħjar, b’fidi aqwa, bi qdusija dejjem akbar, bħalma għamel San Ethelbert, ħalli int umbagħad tkun ta’ dawl biex jinbidel ħaddieħor?

Talba: Alla tal-Ħolqien, li ffurmajt l-umanità mill-art fertili: Agħtina li aħna, fuq l-eżempji tajbin tar-Reġina Bertha u r-Re Ethelbert, nistgħu nirċievu bil-ferħ u nieħdu ħsieb iż-żerriegħa tal-Fidi li rċevejna u nxandu l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu lil kulħadd, għat-tkattir tas-Saltna tiegħek fuq l-art. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.christianity.com/church/church-history/timeline/601-900/ethelbert-1st-christian-king-of-kent-11629721.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/st-ethelbert

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/%C3%86thelberht_II_of_East_Anglia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwsew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesu’ qal lil Pietru: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja”.

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas’. Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib”.

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Frar: San Pietru Damiani

Verżjoni Vidjo: San Pietru Damiani

“San Pietru, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru Damiani.

St. Peter DamianSAN PIETRU DAMIANI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1007 – 1072

Tagħrif: San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007, għand familja numeruża u fqira ħafna. Meta kien għadu ċkejken tilef lil missieru.

Sa minn tfulitu beda jaħdem, billi daħal ma wieħed ragħaj, u kien jirgħalu l-merħliet.

Ħuħ il-kbir, li kien miżżewweġ, ħadu miegħu, imma kien jittrattah ħażin. Imbagħad ħuh ieħor li kien jismu Damian u kien sar Arċipriet ta’ Ravenna ħadu miegħu, rabbieh, u edukah. Bħala rikonoxximent lejn dan ħuh, Pietru ħa ismu, u beda jissejjaħ Pietru Damiani.

Fl-1032 ta’ ħamsa u għoxrin sena laħaq professur. Iżda l-ħajja tad-dinja ma għoġbitux. Ried jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla, u fl-1035 ħalla l-karriera ta’ għalliem li kien qabad b’suċċess, u daħal mal-Benedittini fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, fuq il-muntanji Appennini.

Il-mortifikazzjonijiet u l-penitenzi li kien jagħmel kienu qed iħassrulu saħħtu, u s-Superjuri tiegħu meta ndunaw, biex ma jħalluhx ikompli jagħmilhom, talbuh jintefa’ fuq il-kitba u l-priedki, u biex jagħti l-irtiri. Kellu mħabba speċjali lejn il-Madonna.

Fl-1043, meta kellu 36 sena, ġie magħżul biex ikun Abbati ta’ Fonte Avellana, u fl-1057, il-Papa Stiefnu IX, ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia.

Ħabrek kemm felaħ bil-kitba u bil-kelma biex jikkumbatti l-abbużi skandalużi li kienu komuni fil-Knisja: l-inkontinenza, il-lussu żejjed, il-laxkezza tal-kleru, ix-xiri u l-bejgħ ta’ benefiċċji ekkleżjastiċi. Pietru Damiani jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu, fosthom il-Liber Gomorrhianus, ippublikat fl-1051, li fih il-qaddis jikkundanna ’l-kleru li ma kienx qed jgħix il-vokazzjoni tiegħu, u l-Liber Gratissimus li jitkellem dwar il-validità tal-ordinazzjonijiet bis-simonija. (simonija = l-intenzjoni determinata li wieħed jixtri, jew ibigħ, ħwejjeġ sagri)

Għamel missjonijiet diplomatiċi li wħud minnhom kienu tassew diffiċli, għal seba’ Papiet, bħala Delegat tagħhom. Fl-aħħar, il-Papa Alessandru II, tah permess imur jgħix kif xtaq, fis-solitudni tal-monasteru ta’ Fonte Avellana. Iżda wkoll minn hemm għamilha ta’ Delegat tal-Papa f’missjonijiet tqal oħra. Darba fi triqtu lura minn Ravenna fejn kien mar b’Missjoni, marad sew u kellu jirtira fil-monasteru ta’ Santa Maria Vecchia f’Faenza, fejn miet fit-22 ta’ Frar 1072 meta kellu 65 sena.

Ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XII, fl-1828.

Ħsieb: Minħabba li San Pietru Damiani kien ibati ħafna bin-nuqqas ta’ rqad u b’uġigħ ta’ ras, huwa msejjaħ minn dawk li jsofru minn dawn l-inkonvenjenzi.

Fuq qabru ried li jinkitbu dawn il-kelmiet: “Dak li int, kont jien; dak li jien għad tkun int. Ftakar fija u itlob għalija. Ħenn għal Pietru li l-fdal tiegħu jinsab hawn. Itlob ‘l Alla jħenn għalija.”

San Pietru Damiani kien jitkellem b’konvinzjoni kbira fuq il-ġenna minħabba l-esperjenza sħiħa tiegħu ta’ kontemplazzjoni divina.

Hu kien profeta jgħajjat kontra kull ħaġa minn ġewwa jew minn barra li żżomm lill-bnedmin marbutin ma’ din id-dinja. Kien jinkoraġġixxi ħafna d-dixxiplina.

San Pietru Damiani żviluppa t-teorija tas-“sempliċità qaddisa” li biha l-bniedem juża l-għerf filwaqt li jibqa’ maħlul għal kollox minn kull rabta.

Dawn pariri ta’ San Pietru Damiani:

  • “Tħallix li l-qtigħ ta’ qalb jagħmel bik,
  • toqgħodx tgemgem u titlewwem,
  • tkunx qalbek sewda u mdejjaq, u
  • qis li n-nuqqas ta’ kuraġġ ma jtelliflekx sabrek; imma
  • kun dejjem wiċċek għad-dawl, spirtu ferħan,
  • u fommok mimli bir-radd ta’ ħajr”.

Naħseb nagħmlu sew li nsegwu dawn il-pariri sempliċi, prattiċi u qaddisa. Mhux li kien aħna l-Maltin ingemgmu inqas, inkunu iżjed kuraġġużi u inqas imdejqa u nkunu mimlija bi gratitudni li nirringrazzjaw lil Alla għax dan inissel il-veru ferħ li mbagħad jidher ukoll fuq wiċċna. Alla biss jista’ jagħtina dan il-ferħ li jibda hawn u ma jintemm qatt.

Talba: O Alla li tista’ kollox, agħtina l-għajnuna biex nimxu fuq it-twissijiet u l-eżempju tal-isqof San Pietru Damiani, ħalli nagħżlu lil Kristu fuq kollox u ningħataw dejjem għas-servizz tal-Knisja tiegħek, biex naslu fil-hena u d-dawl ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-peter-damian.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-damian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Damian

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Frar: San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto

Verżjoni Vidjo: San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto

“U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx”. ~ Apokalissi 12:1

ChildrensofFatima_(croped)SAN FRANĠISKU (1908-1919)
u
SANTA ĠJAĊINTA MARTO (1910-1920)

Tagħrif: Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna dehritilhom diversi drabi f’Fatima u tathom messaġġ ta’ penitenza u talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugall. Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucia dos Santos.

Il-Verġni Marija b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha.

F’waħda mid-dehriet il-Madonna wriet lit-tfal dehra tal-infern fejn imorru mitlufin għal dejjem il-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu. Hi talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu sagrifiċċji mhux żgħar għall-konverżjoni tal-midinbin. Meta wieħed jikkonsidra l-età żgħira tagħhom ikollok tgħid li bilfors kellhom qawwa speċjali biex jaslu li jbatu tant u b’rassenjazzjoni perfetta t-tbatijiet kbar li ġarrbu.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja; għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona, fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, l-Portugal, fit-13 ta’ Mejju 2017 (fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima). Huma l-iżgħar fost il-qaddisin mhux martri, u huma eżempju ħaj ta’ mħabba u tbatija għall-insara kollha.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Kanonizzazzjoni tal-Beati Franġisku u Ġjaċinta Marto tal-Papa Franġisku:

“Sinjura wisq sabiħa”, ikkummentaw bejniethom it-tfal li kellhom id-dehra ta’ Fatima, fi triqthom lura d-dar, f’dak il-jum imbierek tat-13 ta’ Mejju ta’ mitt sena ilu. U filgħaxija, Ġjaċinta ma rnexxilhiex tissaporti aktar u tarrfet bis-sigriet lil ommha: “Illum rajt lill-Madonna”. Huma kienu raw lil Ommna tas-Sema. Fuq l-istess post li straħu għajnejhom, waqfu l-għajnejn ta’ ħafna, imma… dawn ma rawhiex. L-Omm Verġni ma ġietx hawn biex aħna narawha: għal dan sa jkollna l-eternità kollha, jekk immorru l-Ġenna.

Inġbarna hawn biex irroddu ħajr tal-għadd bla qies ta’ barkiet li qlajna mis-Sema matul dawn il-mitt sena, li għaddew minn taħt il-mant tad-Dawl li l-Madonna, ibda minn dan il-Portugall għani bit-tama, xerrdet mal-erbat irjieħ tad-dinja. Bħala eżempji, għandna quddiem għajnejna lil San Franġisku u Ġjaċinta, li l-Verġni Marija daħħlet fil-baħar bla tarf tad-Dawl ta’ Alla billi wasslithom biex jadurawh. Minn hawn ġiet il-qawwa tagħhom li jegħlbu l-kuntrarju u t-tbatijiet. Il-preżenza divina saret kostanti fil-ħajja tagħhom, kif jidher ċar fit-talba insistenti għall-midinbin u fix-xewqa kontinwa li jibqgħu quddiem “Ġesù Moħbi” fit-Tabernaklu.

Ma stajtx ma niġix hawn biex inqim lill-Omm Verġni u nafdalha lil uliedha. Taħt il-mant tagħha ma jintilfux; minn dirgħajha jiġu t-tama u l-paċi li tant għandhom bżonn u li jien nitolb għal ħuti kollha fil-Magħmudija u fl-umanità, b’mod partikulari għall-morda u l-persuni b’diżabbiltà, il-ħabsin u l-qiegħda, il-foqra u l-imwarrbin”.

San Ġwanni Pawlu II kien għażel bħala motto tal-Papat tiegħu il-kliem “Totus Tuus”, kollni kemm jien tiegħek. Dan il-kliem kien indirizzat lejn Marija Santissima. Dan kien il-Papa li nħeles mill-mewt vjolenti sewwasew skont il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima.

Bla dubju ta’ xejn, il-beatifikazzjoni u issa anke l-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto huma sinjali ta’ Knisja li tagħraf kemm Alla għadu jibgħat qaddisin fid-dinja minkejja kollox, minkejja l-ħafna ħażin li hawn fil-globu. Tajjeb ngħidu li l-viżjunarji ta’ Fatima huma l-iżgħar persuni li kienu kkanonizzati li m’humiex martri.

Is-sejħa tal-qdusija hija sejħa għal kulħadd, hu ta’ liema eta’ hu, ta’ liema pajjiż hu, għax il-Mulej miet għal kulħadd. Int li qed taqra, int ukoll imsejjaħ/imsejħa biex issir qaddis/a u b’hekk tagħmel ħafna ġid, ġid għalik innifsek u għall-oħrajn. Qed tirsisti biex titqaddes?

Talba: O San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto, tfal għaqlin, u issa qaddisin ċkejknin, itolbu għalina midinbin, biex ma nispiċċawx fl-infern mal-ħatjin imma niskbu l-glorja tas-sema mal-henjin. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/jacinta-and-francisco-marto.html

Alternative Reading: https://denvercatholic.org/francisco-jacinta-marto-great-saints-changed-history/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francisco_and_Jacinta_Marto

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

‘The Miracle of Our Lady of Fatima full movie on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/JaCQyJA31Jb816LaA3Fvk2U3y

‘The 13th Day’ full movie (the Story of the Apparitions of Fatima) on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/vfR1YjZiwYdB14LcUcP1WemCL

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.