5 ta’ Lulju: San Anton Marija Zaccaria

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Zaccaria

“Irridkom tkunu lkoll qaddisin, u qaddisin mhux żgħar.” – Hekk kien iħobb jirrepeti San Anton Marija Zaccaria lill-ulied spiritwali tiegħu.

039SAN ANTON MARIJA ZACCARIA
Saċerdot
1502-1539

Tagħrif:  San Anton twieled fi Cremona, l-Italja, fl-1502. Kien għadu ta’ ftit xhur u ommu kellha biss tmintax-il sena meta tilef lil missieru. Iżda ommu, li kienet mara qaddisa, ħadet ħsiebu sew u ma setgħetx ittellgħu aħjar.

Studja l-mediċina fl-Università ta’ Padova u fl-1524, meta kellu tnejn u għoxrin sena, laħaq tabib. Mar jaħdem f’pajjiżu, iżda ma damx ma beda jħoss li għandu jagħmel aktar ġid lir-ruħ milli lill-ġisem, għalhekk filwaqt li kompla jipprattika l-professjoni tiegħu beda jistudja biex isir saċerdot, u qaddes fl-1528, meta kellu sitta u għoxrin sena.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu mar Milan u hemm daħal fil-konfraternità tal-Għerf Divin.

Bil-għajnuna tal-Kontessa ta’ Guastella waqqaf Komunità ta’ sorijiet bl-isem ta’ “Anġeliċi ta’ San Pawl.” Wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien li l-membri jieħdu ħsieb it-tfajliet u n-nisa li jkunu qabdu jew ser jaqbdu ħajja ħażina. Dan kien l-ewwel Ordni ta’ sorijiet li kien mogħti għall-appostolat dirett bla rabta tal-klawsura.

Fl-1530 waqqaf l-Ordni tal-“Kjeriċi Regulari ta’ San Pawl” li l-għan prinċipali tiegħu kien it-tiġdid tal-kult Kattoliku u tal-ħajja nisranija bil-prietki u bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Billi ċ-ċentru tal-Ordni kien il-knisja ta’ San Barnaba, il-patrijiet ġew imsejħa Barnabiti.

Hu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka fil-knejjes u fit-toroq, ġeneralment fuq il-passjoni ta’ Ġesù. Kienet bil-ħila tiegħu li xterdet id-devozzjoni tal-Kwaranturi, jiġifieri adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija għal erbgħin siegħa konsekuttivi bħala tifkira ta’ kemm Ġesù dam fil-qabar mid-difna sal-qawmien tiegħu. Kien hu wkoll li daħħal fil-Knisja d-drawwa li jindaqqu l-qniepen kull nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Meta kien qed jipprietka fil-belt ta’ Guastella ħassu ħażin, ħaduh Cremona fid-dar ta’ ommu li kienet għadha ħajja, fejn miet fl-età ta’ 37 sena, fil-5 ta’ Lulju, 1539.

Sebgħa u għoxrin sena wara mewtu sabu ’l ġismu għadu sħiħ. Ġie kkanonizzat fis-27 ta’ Mejju, 1897 mill-Papa Ljun XIII.

Ħsieb: Omm Anton-Marija Zaccaria li kienet żagħżugħa meta miet żewġha, irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ biex tiddedika ruħha għall-edukazzjoni ta’ binha u f’opri ta’ karità.

Anton-Marija kien konxju ħafna tat-tbatijiet tan-nies ta’ żmienu, u xewqan li jfejjaqhom iżjed mill-ġrieħi tar-ruħ aktar milli minn dawk tal-ġisem, għalhekk aktar tard, wieġeb għas-sejħa li jsir saċerdot.

Minbarra ż-żewġ fundazzjonijiet, huwa waqqaf ukoll it-tielet waħda bl-isem, “I Maritati di San Paolo,” li tinvolvi lajċi miżżewġa f’impenn appostoliku kostanti.

Billi kien mixli bħala eretiku u ribell, il-qaddis kellu jmur Ruma, imma kien dikjarat meħlus minn kull akkuża.

Il-drawwa tal-40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat u tad-daqq tal-qniepen nhar ta’ Ġimgħa fit-3.00 p.m. b’tifkira tal-mewt ta’ Kristu, jeżistu wkoll fostna l-Maltin u l-Għawdxin.

San Anton Marija Zaccaria miet mifni bix-xogħol iebes u bil-penitenzi, waqt waħda mill-missjonijiet tiegħu fi Guastella. Minkejja li l-ordni tiegħu llum jgħodd inqas minn 500 membru, għandhom diversi missjonijiet fil-Brażil, fiċ-Ċile, fl-Arġentina, fil-Kongo u fl-Afganistan.

L-awsterità tal-ispiritwalità ta’ San Anton Marija Zaccaria u l-qawwa tal-predikazzjoni tiegħu, probabbilment kienet tqanqal reazzjoni ħażina f’ħafna nies illum. Meta anke xi psikjatri jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ sens tad-dnub, jista’ jkun il-waqt li ngħidu lilna nfusna li mhux kull ħażen huwa spjegat minn diżordni emozzjonali, subkonxji u passjonijiet tas-sensi, influwenza tal-ġenituri, eċċ. Il-prietki dwar il-mewt u l-infern fi żminijietna donnhom jidhru antikwati. Minflok dawn, illum tajna lok għal omeliji pożittivi, inkoraġġanti u Bibliċi. Huwa veru li neħtieġu l-assigurazzjoni tal-maħfra, inqas ansjetà, u ġejjieni mimli tama. Imma għadna bżonn profeti biex iqajmuna mir-raqda li ninsabu fiha u jgħidulna li: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġwanni 1: 8).

  • U int, kemm int konxju tal-mewt, ġudizzju, infern u ġenna hekk li qed tgħix b’dawn f’moħħok?
  • X’qed tikkontribwixxi ta’ ġid għall-proxxmu tiegħek?
  • Probabbilment ma tistax twaqqaf kongregazzjonijiet, imma qiegħed bħal San Anton Marija Zaccaria tnissel ferħ, hena, paċi, faraġ, bi kliemek, bl-imġiba tiegħek, bl-eżempju tiegħek u bil-mod kif iġġib ruħek ma’ ħaddieħor?
  • Tagħmel użu mill-bosta adorazzjonijiet Ewkaristiċi li jiġu organizzati fil-knejjes tagħna jew mill-kappelel tal-adorazzjoni li għandna miftuħa għal ħin twil kważi f’kull belt jew raħal?

Talba: Agħtina, Mulej, li nimxu fuq l-għerf ta’ Kristu, li jisboq kull għerf ieħor, u nitgħallmuh skont l-ispirtu ta’ l-appostlu San Pawl, kif tgħallmu Sant’Anton Marija Zaccaria, biex seħħlu jxandar bla heda l-bxara tas-salvazzjoni lill-Knisja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-anthony-mary-zaccaria-529

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-zaccaria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Maria_Zaccaria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

1 ta’ Ġunju: San Ġustinu

Verżjoni Vidjo: San Ġustinu

“Ix-xewqa tiegħi hi li nħobb lilek, Mulej Ġesù biex wara ningħaqad miegħek fil-ġenna.” – San Ġustinu

51JymOFG1PLSAN ĠUSTINU
Apoloġista lajk u Martri
100 – 165

Tagħrif: San Ġustinu twieled f’Nablus, fis-Samarja, f’madwar is-sena 100, għand familja ta’ oriġini Grieg.

Sar filosofu kbir pagan li kien jammira ħafna lil Platun. Imma, bil-għerf u bit-tagħlim kollu li kellu, qatt ma ħassu sodisfatt.

Darba, meta kien qrib Lixandra, l-Eġittu, iltaqa’ ma’ raġel xiħ li kien Nisrani u dan tah ħjiel li r-Reliġjon Nisranija setgħet twieġeb tajjeb għall-mistoqsijiet li kienu qed jinkwetawh, l-iżjed dwar l-eżistenza u l-ħajja.

Sadattant hu kien jistagħġeb bil-ferħ, bil-paċi u bil-kuraġġ li l-Insara kienu juru fil-martirju tagħhom. Din il-fidi ħajja tal-Insara, flimkien mal-istudju li kien beda jagħmel tal-Iskrittura, ġabu fih il-konverżjoni tiegħu, u tgħammed meta kellu madwar tletin sena. Hekk sar l-ewwel filosofu Nisrani.

Għallem u ddefenda b’ħila kbira u b’kuraġġ qawwi r-Reliġjon Nisranija f’bosta postijiet, minn Efesu fejn kien dam bosta snin, sa Ruma fejn fetaħ skola li dawk li jattendu fiha kien jeħtiġilhom jistudjaw ir-Reliġjon Nisranija.

Il-kitba fuq ir-Reliġjon u l-apoloġiji tiegħu li tnejn minnhom huma indirizzati lill-Imperatur Antoninus u lis-Senat, jagħmluh bħala wieħed mill-aqwa difensuri tal-Fidi Nisranija.

Fi żmien Marku Awrelju, ġie akkużat li kien Nisrani, u flimkien ma’ sitt għorrief oħra Nsara, ħamest irġiel u mara, ġie msawwat u wara sofra l-martirju ta’ qtugħ ir-ras, meta kellu madwar 65 sena, fis-sena 165.

Hu u San Efrem huma l-uniċi Missirijiet tal-Knisja li ma kinux saċerdoti jew isqfijiet jew papiet.

Ħsieb: Ġustinu għalxejn fittex is-sewwa fuq Alla fit-tagħlim tas-setgħet pagani (Stojċi, Peripateliċi, Pitagorej u Platoniċi). Sabha fir-Reliġjon Nisranija, meta aktar tard ġie arrestat madwar is-sena 165, ma’ sitt dixxipli tiegħu, mill-prefett tal-belt, Rustiku, ħabib u surmast tal-imperatur Marku Awrelju, filosfu pagan, li kellu skola ħdejn dik ta’ Ġustinu u kien jgħir għalih. L-atti tal-martirju tiegħu huma ġenwini żgur u huwa dan li ġej:

“Arrestaw lill-qaddisin u ħaduhom quddiem Rustiku, il-prefett ta’ Ruma. Imbagħad tellgħuhom il-qorti u Rustiku l-prefett qal lil Ġustinu: ‘Qabel xejn, stqarr li temmen fl-allat, u isma’ mill-imperatur.’ Ġustinu wieġeb: ‘Jekk aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Sidna Ġesù Kristu, din m’hix raġuni biex niġu akkużati u arrestati.’

Rustiku qallu: ‘X’tagħlim tistqarr?’ Ġustinu wieġeb; ‘Jiena fittixt it-tagħlim kollu, imma ħaddant it-tagħlim veru nisrani, għalkemm dan it-tagħlim ma jogħġobx lil min hu fl-iżball.’

Rustiku l-prefett qallu: ‘Dan hu t-tagħlim li jogħġbok, ja msejken?’ Ġustinu wieġeb: ‘Iva, għax naf li jaqbel mal-prinċipji s-sewwa.’

Rustiku l-prefett qallu: ‘U liema huma dawn il-prinċipji?’ Ġustinu wieġeb: ‘Li aħna nqimu lil Alla tal-insara, u ngħidu li hu waħdu ħalaq u sawwar fil-bidu l-ħlejjaq kollha, dawk li jidhru u dawk li ma jidhrux; inqimu lil Sidna Ġesù Kristu, Bin Alla, li l-profeti ħabbru li kellu jiġi biex ixandar is-salvazzjoni u jkun l-imgħallem ta’ dixxipli magħżula. Jien m’iniex ħlief bniedem, u ftit wisq nista’ ngħid fuq dan Alla bla qjies; imma nemmen fil-qawwa tal-profeti li ħabbru minn qabel li dan hu l-Iben ta’ Alla, kif diġà għedtlek. Naf li l-profeti kienu mnebbħa mis-sema dwar il-miġja tiegħu fost il-bnedmin.’

Rustiku qallu: ‘Jiġifieri, mela, int nisrani?’ Ġustinu wieġeb: ‘Iva, nisrani.’

Il-prefett qal lil Ġustinu: ‘Ismagħni, int li mingħalik għaref u taħseb li dan it-tagħlim huwa veru: jekk nagħtik is-swat u naqtagħlek rasek, int persważ li se titla’ s-sema?” Ġustinu wieġeb: ‘Jekk inbati dan li qiegħed tgħid, nittama li hu jilqagħni għandu; għax naf li Alla, sa l-aħħar taż-żmien, jibqa’ jerfa’ din il-grazzja għal dawk kollha li jkunu għexu sewwa.’

Rustiku l-prefett qallu: ‘Mela inti tistenna li se titla’ s-sema biex tieħu xi premju li jixraqlek?’ Ġustinu wieġeb: ‘Mhux nistenna. Imma naf sewwa, u jiena żgur ħafna minn dan.’

Rustiku l-prefett qallu: ‘Ara, niġu għall-kwistjoni tagħna, għax jenħtieġ li naqtgħuha u ma għandniex żmien x’nitilfu. Taqblu li toffru flimkien is-sagrifiċċju lill-allat?’ Ġustinu wieġeb: ‘Min hu moħħu floku m’huwiex se jħalli t-tjieba u jaqa’ fil-ħażen.’

Rustiku l-prefett qallu: ‘Jekk ma tagħmlux skont l-ordni, tiġu maħqura bla ħniena ta’ xejn.’ Ġustinu wieġeb: ‘Din hi x-xewqa tagħna, li nbatu għall-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu, u hekk insalvaw, għax mewt bħal din issaħħaħna bil-fiduċja meta nidhru għall-ħaqq aktar tal-biża’ li Sidna s-Salvatur għad jagħmel minn kulħadd.’

Il-martri l-oħrajn qablu miegħu u qalu: ‘Agħmel li trid; għax aħna nsara, u ma noffrux sagrifiċċji lill-idoli.’

Rustiku l-prefett xandar is-sentenza u qal: ‘Dawn li ma ridux jissagrifikaw lill-allat u jobdu l-ordni ta’ l-imperatur, jittieħdu minn hawn u jingħataw is-swat, u mbagħad jieħdu l-piena tal-mewt skont il-liġijiet tagħna.’ Il-qaddisin martri taw glorja lil Alla. Imbagħad ħaduhom fil-post tas-soltu, u qatgħulhom rashom. U hekk mietu martri biex jistqarru lis-Salvatur.

“… Jekk int trid li tgawdi l-vera hena, għandek tħossok kuntent fis-sofferenzi u l-provi li tkun qed iġġarrab u jweġġgħulek qalbek. Imma jekk inti tpoġġi t-tama tiegħek fil-pjaċiri tas-sensi, dawk ikunu mumenti ta’ ferħ superfiċjali …” Med. 34.2

TalbaO Alla, int għoġbok li l-martri San Ġustinu jilqa’ l-bluha tas-salib, u b’mod tal-għaġeb urejtu l-qligħ kbir li hemm filli nagħrfu ‘l Ġesù Kristu; bit-talb tiegħu, agħtina li nbiegħdu minna kull tagħlim qarrieq ħalli nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-justin-martyr.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-justin/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Justin_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

5 ta’ Mejju: San Nunzio Sulprizio

Verżjoni Vidjo: San Nunzio Sulprizio

“Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek,” u Ġesù wieġbu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi.” – Luqa 23: 42-43

1532011679474SAN NUNZIO SULPRIZIO
1817 – 1836

Tagħrif: Twieled f’dar fqira f’Pesco Sansonesco (Pescara) fl-Italja minn ġenituri ta’ ħajja verament Nisranija. Semmewh Nunzio f’ġieħ il-Lunzjata. Tilef lil missieru meta kellu tliet snin; tliet snin wara mietet ukoll ommu.

Minħabba f’hekk ta’ sitt snin ġabritu magħha nanntu Anna-Rosa, mara twajba ta’ ħajja reliġjuża li għaliha l-quddiesa u r-rużarju ta’ kuljum kienu l-ewwel u qabel kollox. Minn ħoġorha beda jixrob l-ispiritwalità sempliċi u soda li tant kellu bżonn fil-mixja ta’ ħajja li għalih kienet qed tħejjih il-providenza.

Nanntu mietet meta hu kien għadu m’għalaqx is-seba’ snin, u għalhekk Nunzio mar jgħix ma’ zijuh ħaddied, li kien iebes ħafna miegħu. Kien iħaddmu ħafna, isawwtu, kien ikollu joqgħod fil-kantina jiġbed il-minfaħ tal-forġa u xi drabi jdejh imtlew bid-demm. Imma fost dan kollu Nunzio kien isib faraġ fit-talb u wasal biex iġarrab l-hena fit-tbatija.

Bilkemm kien jiekol sa jixba’; saħħtu bdiet sejra lura, irkopptu bdiet tintefaħ sa waslet biex infetħitlu ferita u ma kienx jista’ jimxi, u kellu huwa stess jagħmel krozza. Nunzio kien jinġabar fit-talb u joffri t-tbatijiet għall-midinbin.

Meta ntbagħat l-isptar it-tobba qatgħuha li ma kienx hemm fejqan għalih u għalhekk reġa’ ntbagħat lura d-dar, fejn kellu jgħix taħt il-kefrija ta’ zijuh li kien bniedem ta’ qalb iebsa.

Imma zijuh ieħor li kien jinsab Napli talab lill-Kurunell Karl Wochinger li beda jinteressa ruħu miż-żagħżugħ, u dan ħaseb biex iġibu fil-belt ta’ Napli u bagħtu l-ewwel fi sptar imbagħad ġabru miegħu fid-dar tiegħu stess.

Nunzio kien ilu jixtieq li jsir saċerdot u li jidħol f’kunvent fejn seta’ jinġabar iżjed fit-talb u l-meditazzjoni. Imma xewqtu ma ġietx mitmuma għax il-mard qarreb il-mewt tiegħu.

Miet fil-5 ta’ Mejju, 1836 meta kellu 19-il sena u 22 ġurnata. San Pawlu VI ddikjara lil Nunzio Sulprizio Beatu fl-1 ta’ Diċembru, 1963 u l-Papa Franġisku kkanonizzah fl-14 ta’ Ottubru, 2018.

Ħsieb: San Nunzio Sulprizio kien iħobb spiss jitkellem fuq il-ġenna, u lil kull min kien jagħmillu xi pjaċir, il-grazzi tiegħu kienet tkun: “La nkun il-ġenna niftakar fik u nitlob għalik.” L-aħħar ħaġa li talab qabel miet kien li jagħtuh f’idejh il-kurċifiss u, wara li rċieva l-aħħar sagramenti, b’ħarstu msammra fuq ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzji, lissen l-aħħar kelmiet tiegħu: “Il-Madonna! Araw kemm hi sabiħa …!”

Il-maġġoranza tal-qaddisin, b’mod speċjali dawk li, bħala dan il-qaddis żagħżugħ tal-lum, id-dinja tathom fuq wiċċhom bl-aħrax, kien ħsiebhom fil-ġenna, kienu jgħixu bil-ħsieb tal-ġenna u dan kien jagħtihom il-kuraġġ, il-faraġ u l-qawwa biex jaffaċċjaw kull taħbit. Minħabba l-ħsieb tal-ġenna, kull jum bi tbatijietu kien iġib miegħu it-tama, tama ta’ ħajja oħra, tal-veru ħajja, fejn it-tbatija li nkunu sofrejna b’attitudni nisranija, tissaraf fi ħlas kbir.

Il-Papa Franġisku, fl-omelija tas-Solennità ta’ Kristu Sultan, (24 ta’ Novembru, 2013) qal hekk:

“Kristu huwa ċ-ċentru tal-istorja tal-umanità, u wkoll iċ-ċentru tal-istorja ta’ kull bniedem. Lilu nistgħu nirreferu l-ferħ u t-tamiet tagħna, in-niket u d-dwejjaq tagħna li bihom hija mgħaġuna ħajjitna. Meta Ġesù huwa ċ-ċentru tagħna, il-mumenti wkoll l-aktar imdalma tal-eżistenza jiġu mdawla, u jagħtina tama, kif seħħ għall-ħalliel it-tajjeb tal-Vanġelu tal-lum.

Waqt li l-oħrajn kollha Jduru lejn Ġesù b’disprezz – “jekk Inti l-Kristu, ir-Re Messija, salva lilek innifsek u inżel mis-salib” , dak il-bniedem li kien żbalja f’ħajtu, fl-aħħar jitgħannaq niedem ma’ Ġesù Mislub u jitolbu: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Luqa 23, 42). U Ġesù jwiegħdu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v 43): is-Saltna tiegħu. Ġesù jlissen biss kelma ta’ maħfra, mhux waħda ta’ kundanna; u meta l-bniedem isib il-kuraġġ li jitlob maħfra, il-Mulej ma jħalli qatt tintilef talba bħal din.

Illum aħna lkoll nistgħu naħsbu fl-istorja tagħna, fil-mixja tagħna. Kull wieħed minna għandu l-istorja tiegħu; kull wieħed minna għandu wkoll l-iżbalji tiegħu, id-dnubiet tiegħu, il-mumenti hienja tiegħu u l-mumenti mdalma. Jagħmlilna tajjeb f’dan il-jum, naħsbu fl-istorja tagħna u nħarsu lejn Ġesù, u minn qalbna nirrepetu bosta drabi, imma minn qalbna, fis-skiet, kull wieħed minna: ‘Ftakar fija, Mulej, issa li qiegħed fis-Saltna tiegħek! Ġesù, ftakar fija għax jien irrid insir tajjeb, imma m’għandix qawwa, ma nistax: jiena midneb, jiena midneb. Imma ftakar fija, Ġesù! Inti tista’.’ Ejjew nagħmluh dan ilkoll, kulħadd f’qalbu, bosta drabi. ‘Ftakar fija, Mulej, Inti li int fiċ-ċentru, Inti li int fis-Saltna tiegħek!’

Il-wegħda ta’ Ġesù  lill-ħalliel it-tajjeb tagħtina tama kbira: tgħidilna li l-grazzja t’Alla hija dejjem aktar abbundanti mit-talba li tkun tennithielu. Il-Mulej jagħti dejjem aktar, huwa wisq ġeneruż, jagħti dejjem aktar minn dak li nitolbuh: itolbu jiftakar fik, u jwasslek fis-Saltna tiegħu! Ġesù huwa proprju ċ-ċentru tax-xewqat ta’ ferħ u ta’ salvazzjoni. Immorru lkoll flimkien f’din it-triq!”

  • U int, tgħix kull ġurnata bil-ħsieb tal-Ġenna li Alla wiegħed lil dawk li jduru lejH bi ndiema u li jgħixu dak li kkmandana?

Talba: Għażiż San Nunzio Sulprizio, inti wegħedt li meta tkun il-ġenna, titlob għal dawk li jkunu għadhom f’dan il-wied tad-dmugħ, nitolbuk għalhekk biex tiftakar fina lkoll biex b’talbek aħna wkoll ngħixu din il-ħajja bil-ħsieb tal-ġenna li jfarraġna. Ammen.  

English Version: https://dioceseoftrenton.org/news/blessed-nunzio-sulprizio-a-poor-kid-who

Alternative Reading: https://catholicsaintsguy.wordpress.com/2016/05/05/the-poor-kid-who-could-never-catch-a-break/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nunzio_Sulprizio

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Frar: San Pietru Damiani

Verżjoni Vidjo: San Pietru Damiani

“San Pietru, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru Damiani.

St. Peter DamianSAN PIETRU DAMIANI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1007 – 1072

Tagħrif: San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007, għand familja numeruża u fqira ħafna. Meta kien għadu ċkejken tilef lil missieru.

Sa minn tfulitu beda jaħdem, billi daħal ma wieħed ragħaj, u kien jirgħalu l-merħliet.

Ħuħ il-kbir, li kien miżżewweġ, ħadu miegħu, imma kien jittrattah ħażin. Imbagħad ħuh ieħor li kien jismu Damian u kien sar Arċipriet ta’ Ravenna ħadu miegħu, rabbieh, u edukah. Bħala rikonoxximent lejn dan ħuh, Pietru ħa ismu, u beda jissejjaħ Pietru Damiani.

Fl-1032 ta’ ħamsa u għoxrin sena laħaq professur. Iżda l-ħajja tad-dinja ma għoġbitux. Ried jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla, u fl-1035 ħalla l-karriera ta’ għalliem li kien qabad b’suċċess, u daħal mal-Benedittini fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, fuq il-muntanji Appennini.

Il-mortifikazzjonijiet u l-penitenzi li kien jagħmel kienu qed iħassrulu saħħtu, u s-Superjuri tiegħu meta ndunaw, biex ma jħalluhx ikompli jagħmilhom, talbuh jintefa’ fuq il-kitba u l-priedki, u biex jagħti l-irtiri. Kellu mħabba speċjali lejn il-Madonna.

Fl-1043, meta kellu 36 sena, ġie magħżul biex ikun Abbati ta’ Fonte Avellana, u fl-1057, il-Papa Stiefnu IX, ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia.

Ħabrek kemm felaħ bil-kitba u bil-kelma biex jikkumbatti l-abbużi skandalużi li kienu komuni fil-Knisja: l-inkontinenza, il-lussu żejjed, il-laxkezza tal-kleru, ix-xiri u l-bejgħ ta’ benefiċċji ekkleżjastiċi. Pietru Damiani jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu, fosthom il-Liber Gomorrhianus, ippublikat fl-1051, li fih il-qaddis jikkundanna ’l-kleru li ma kienx qed jgħix il-vokazzjoni tiegħu, u l-Liber Gratissimus li jitkellem dwar il-validità tal-ordinazzjonijiet bis-simonija. (simonija = l-intenzjoni determinata li wieħed jixtri, jew ibigħ, ħwejjeġ sagri)

Għamel missjonijiet diplomatiċi li wħud minnhom kienu tassew diffiċli, għal seba’ Papiet, bħala Delegat tagħhom. Fl-aħħar, il-Papa Alessandru II, tah permess imur jgħix kif xtaq, fis-solitudni tal-monasteru ta’ Fonte Avellana. Iżda wkoll minn hemm għamilha ta’ Delegat tal-Papa f’missjonijiet tqal oħra. Darba fi triqtu lura minn Ravenna fejn kien mar b’Missjoni, marad sew u kellu jirtira fil-monasteru ta’ Santa Maria Vecchia f’Faenza, fejn miet fit-22 ta’ Frar 1072 meta kellu 65 sena.

Ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XII, fl-1828.

Ħsieb: Minħabba li San Pietru Damiani kien ibati ħafna bin-nuqqas ta’ rqad u b’uġigħ ta’ ras, huwa msejjaħ minn dawk li jsofru minn dawn l-inkonvenjenzi.

Fuq qabru ried li jinkitbu dawn il-kelmiet: “Dak li int, kont jien; dak li jien għad tkun int. Ftakar fija u itlob għalija. Ħenn għal Pietru li l-fdal tiegħu jinsab hawn. Itlob ‘l Alla jħenn għalija.”

San Pietru Damiani kien jitkellem b’konvinzjoni kbira fuq il-ġenna minħabba l-esperjenza sħiħa tiegħu ta’ kontemplazzjoni divina.

Hu kien profeta jgħajjat kontra kull ħaġa minn ġewwa jew minn barra li żżomm lill-bnedmin marbutin ma’ din id-dinja. Kien jinkoraġġixxi ħafna d-dixxiplina.

San Pietru Damiani żviluppa t-teorija tas-“sempliċità qaddisa” li biha l-bniedem juża l-għerf filwaqt li jibqa’ maħlul għal kollox minn kull rabta.

Dawn pariri ta’ San Pietru Damiani:

  • “Tħallix li l-qtigħ ta’ qalb jagħmel bik,
  • toqgħodx tgemgem u titlewwem,
  • tkunx qalbek sewda u mdejjaq, u
  • qis li n-nuqqas ta’ kuraġġ ma jtelliflekx sabrek; imma
  • kun dejjem wiċċek għad-dawl, spirtu ferħan,
  • u fommok mimli bir-radd ta’ ħajr”.

Naħseb nagħmlu sew li nsegwu dawn il-pariri sempliċi, prattiċi u qaddisa. Mhux li kien aħna l-Maltin ingemgmu inqas, inkunu iżjed kuraġġużi u inqas imdejqa u nkunu mimlija bi gratitudni li nirringrazzjaw lil Alla għax dan inissel il-veru ferħ li mbagħad jidher ukoll fuq wiċċna. Alla biss jista’ jagħtina dan il-ferħ li jibda hawn u ma jintemm qatt.

Talba: O Alla li tista’ kollox, agħtina l-għajnuna biex nimxu fuq it-twissijiet u l-eżempju tal-isqof San Pietru Damiani, ħalli nagħżlu lil Kristu fuq kollox u ningħataw dejjem għas-servizz tal-Knisja tiegħek, biex naslu fil-hena u d-dawl ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-peter-damian.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-damian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Damian

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Jannar: San Lawrenz Ġustinjani

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz Ġustinjani

“Permezz tal-prattika tat-talb nistgħu nibnu Ċittadella li ma tistax tiġi meqruda, fejn għandna nkunu protetti b’mod sigur kontra l-għedewwa kollha tagħna”. ~ San Lawrenz Ġustinjani

98457SAN LAWRENZ ĠUSTINJANI
Isqof, Konfessur u Patrijarka ta’ Grado
1381 – 1455

Tagħrif: Twieled Venezja minn familja nobbli. Ommu baqgħet armla kmieni, b’ħafna wlied u għażlet li titqaddes billi tati ruħha għall-edukazzjoni tagħhom bla ebda ħsieb li terġa’ tiżżewweġ. Fiċ-ċkejken Lawrenz kixfet minn kmieni ruħ nobbli u ġeneruża u għalhekk bdiet minn kmieni tiżra’ ż-żerriegħa ta’ ħajja devota u ta’ perfezzjoni. Iċ-ċkejken kien iwieġeb ‘l ommu li bil-grazzja t’Alla kien irid isir qassis.

Ta’ 19-il sena sema’ s-sejħa t’Alla u bil-parir ta’ zijuh Don Querini, wara li rrifjuta ż-żwieġ, daħal mal-kongregazzjoni tal-Kanonċi Sekulari ta’ San Ġorġ fil-kunvent ta’ Alga, gżira żgħira ħdejn Venezja. Kien ġa hekk imrawwem fil-mortifikazzjoni, li s-superjuri kellhom inaqqsuhomlu minflok ma jġagħluh iżidhom. Kien għal kulħadd xempju ta’ faqar, ta’ mortifikazzjoni, ta’ ġabra u ta’ umiltà. Kien iħobb imur jitlob il-karità bil-ħorġa fuq spaltu, bla ma jistħi minn ħadd.

Wara li ordna saċerdot (1406) ġie magħżul bħala pirjol tal-komunità u ftit wara bħala ġeneral tal-kongregazzjoni. Għamel riforma tad-dixxiplina u daħħal kostituzzjoni ġdida li biha l-kanonċi minn sekulari saru regulari. Il-fama tiegħu ta’ qaddis u ż-żelu tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ ġibdu fuqu l-attenzjoni ta’ Ewġenju IV, li fit-22 ta’ Mejju 1433 għamlu isqof ta’ Castello.

Kellu jaċċetta fuq qalbu; iżda ħa l-pussess hekk bil-kwiet li ħbiebu ma sarux jafu bih qabel maċ-ċerimonja kienet ġa spiċċat. Bħala isqof, kif ukoll bħala reliġjuż, baqa’ eżemplari fil-ħeġġa tal-imħabba lejn Alla u tal-karità mal-fqar. Ġedded knejjes imġarrfin, waqqaf parroċċi ġodda, għen il-fondazzjoni ta’ kunventi ġodda u rriforma l-ħajja u d-dixxiplina tal-kanonċi taħtu.

Iżda fuq kollox kienet tiddi l-karità nisranija u l-ġenerożità tiegħu. Kull ma kien jaqla’ kien jagħtih lill-fqar, waqt li hu nnifsu kien jgħix ħajja sempliċi u ta’ faqar. Meta wħud osservawlu li kien imissu joqgħod aktar attent għal ġieħu, tal-Knisja u tar-repubblika, kien iwieġeb li l-virtù kienet l-unika żina tal-karattru ta’ isqof u li l-fqar kollha tad-djoċesi kienu membri tal-familja tal-isqof. Ma kienx iżomm miegħu ħlief ħamsa min-nies.

La kellu arġenteriji u lanqas ilbies fin – sodda tat-tiben imgħottija bi gverta ħarxa. Hekk seta’ jikseb ir-rispett u l-imħabba ta’ kulħadd u r-riformi l-aktar iebsa fost il-kleru u l-poplu. Kien ifittex il-progress tal-ħajja Nisranija sew bil-predikazzjoni kemm bil-kitba. Kienu jqimuh id-dinjitarji sew tal-Knisja, kemm tal-istat u sew ta’ ġo pajjiżu u kemm ta’ barra pajjiżu.

Meta fl-1451 miet il-patrijarka ta’ Grado, il-Papa Nikola V ħatru bħala s-suċċessur, billi neħħa s-sedi ta’ Castello li kienet taħt il-patrijarka ta’ Grado u ttrasferixxa Venezja s-sedi ta’ Grado. Għalhekk il-qaddis hu wkoll magħruf bħala l-ewwel patrijarka ta’ Venezja, għad li dan it-titlu ma bediex qabel l-1751.

L-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu għaddihom b’dan il-piż fuq spallejh, li hu aċċetta bl-ordni tal-Papa u mitlub mid-doġe ta’ Venezja. In-neputi tiegħu, Bernardu Ġustinjani, li kiteb ħajtu bil-Latin, jirrakkonta bosta mirakli u profeziji tal-qaddis. Kien għadu kemm temm jikteb l-opra tiegħu. “Gradi tal-Perfezzjoni” meta qabdu deni qawwi. Riedu jpoġġuh fuq sodda tajba, iżda ma riedx jibdilha mat-tiben.

Talbuh jagħmel testment iżda ma kellu xejn xi jħalli. Biss wissa lil kulħadd biex ikunu tajbin u ordna li jidfnuh bla pompi, bħala reliġjuż, fil-kunvent ta’ San Ġorġ, iżda s-senat oppona ruħu għal dan wara mewtu. Marċellu, dixxiplu tiegħu u ta’ familja nobbli, beda jolfoq u jibki bħal tifel. Il-qaddis farrġu u qallu li fil-Għid ta’ wara jkunu flimkien. Miet fit-8 ta’ Jannar tal-1455. Ġismu, bl-ordni tas-senat, jinsab fil-bażilika ta’ San Mark, Venezja.

Ħsieb: Meta San Lawrenz Ġustinjani kien għadu tifel, kien diġa beda jaspira li jrid jgħix ħajja iżjed perfetta fuq il-passi ta’ Kristu; u ta’ dsatax-il sena, kellu viżjoni tal-Għerf Etern. L-affarijiet kollha tad-dinja li qabel deheru ta’ sbuħija tlellex f’għajnejh, ikkomparati ma’ din id-dehra, issa dehru hekk mitfija li vojt kbir tħalla f’qalbu u xejn ħlief Alla ma seta’ jimlieh. Kien propju “b’din” il-viżjoni tat-tgawdija tal-Ġenna f’moħħu li l-qaddis issokta l-ħajja tiegħu. Il-ġid vera li hemm jistenniena fis-sema jekk fuq din l-art infittxu s-Saltna t’Alla l-ewwel u qabel kollox, kien dak li anima kull ħsieb, kelma u azzjoni tal-qaddis. B’din id-dehra quddiem għajnejn, huwa:

  • rrifjuta l-offerta ta’ żwieġ brillanti,
  • ħarab segretament mid-dar tiegħu f’Venezja, u ngħaqad mal-Kanonċi Sekulari ta’ San Ġorġ, u
  • wieħed wieħed huwa rnexxielu jfarrak u jieħu kontroll fuq kull stint naturali li seta’ jnaqqaslu l-unjoni tiegħu ma’ Alla li tant kien iħobb.

Meta Lawrenz daħal bħala reliġjuż, kien hemm raġel għani li mar biex jipprova jfixklu milli jissagrifika kull prospett ta’ din id-dinja. Il-patri għaqli għaraf jisimgħu bil-paċenzja waqt li dan beda jaħtfu, jirrabja miegħu u jabbużah bi vjolenza. Umbagħad wieġbu bil-kalma u bil-ġentilezza. Huwa kelmu fuq kemm hi qasira l-ħajja fuq din l-art, fuq li l-pjaċiri ta’ din id-dinja huma nċerti, u fuq il-premju inkomparabbli li kien ifittex għalih innifsu imma li xtaq li kull ħabib jiksbu. Għal dan il-kliem, ir-raġel ma seta’ jgħidlu xejn iżjed; ħass li fil-verità Lawrenz kien tassew għaqli, u li hu kien jinsab fil-bluha u fil-qerq. B’konsegwenza, ir-raġel ħalla d-dinja, sar novizz ma’ San Lawrenz u l-mewt qaddisa tiegħu assigurat dak it-teżor li qatt ma jonqos fis-sema.

Bħala superjur u ġenerali, Lawrenz kabbar u saħħaħ l-Ordni tiegħu, u bħala l-isqof tad-djoċesi tiegħu, minkejja l-malafama u l-insulti li ġarrab, ġab ir-riformi meħtieġa. L-entużjażmu tiegħu wassal biex jinħatar bħala l-ewwel Patrijarka ta’ Venezja, iżda baqa’ dejjem saċerdot umli, bil-għatx għad-dehra tas-sema. Hekk kif spiċċa l-vjaġġ tiegħu f’din l-art, Lawrenz reġa’ ra li l-viżjoni eterna issa kienet qrib u filwaqt li rrifjuta milli jpoġġuh fuq sodda komda minkejja l-uġigħ, hu esklama f’estasi: “Ġesu’ twajjeb, arani ġej!” u miet ta’ 74 sena.

  • U int, tpoġġi il-ħarsa tiegħek fuq il-premju tal-ġenna biex dak kollu li taħseb, tgħid u tagħmel ikun jirrifletti l-preparazzjoni tiegħek tat-teżor li ma jiġix nieqes fis-sema?
  • Tipprattika distakk minn dak li huwa materjali, b’mod li bil-mod il-mod inti tintrabat bis-sħiħ ma’ dak li huwa spiritwali?
  • Tfittex l-umilta’ u l-ħajja moħbija ta’ talb bħalma fittixha dan il-qaddis minkejja l-pożizzjoni għolja li ngħatatlu?
  • Tixxennaq għall-ġenna, il-vera dar tagħna b’mod li taħdem għaliha b’mod kostanti u tgħin lill-proxxmu tiegħek biex jagħmel l-istess?

Talba: Agħtina O Alla nitolbuk, li għat-talb ta’ San Lawrenz Ġustinjani, aħna ngħix b’mod li ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li nagħrfu norbtu qalbna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem, dak li int wegħedtna li tagħtina fis-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://catholicharboroffaithandmorals.com/St.%20Lawrence%20Justinian.html

Alternative Reading: http://catholicismhastheanswer.com/saint-lawrence-justinian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lawrence_Giustiniani

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Novembru: Santa Ġertrude

Verżjoni Vidjo: Santa Ġertrude

“In-nies li jħobbu ħafna ‘l Alla joqogħdu tant attenti biex ma joffenduhx, u anke d-difetti żgħar tagħhom jarawhom kbar. L-akbar miraklu li nara huwa, kif id-dinja tissaporti midinba li ma tiswa xejn bħali. Santa Gertrude.” ~ Santa Ġertrude

st-gertrude-of-nivelles6xSANTA ĠERTRUDE
Verġni
1256 – 1301

Tagħrif: Santa Ġertrude twieldet fl-1256, f’Eisleben, Ġermanja. Hi waħda mill-Mistiċi l-kbar tas-seklu tlettax.

Meta kellha ħames snin ġiet fdata f’idejn is-Sorijiet Benedittini, f’Helftne, fejn is-soru li kienet tieħu ħsiebha kienet Santa Mektilde.

It-tifla kienet intelliġenti u studjuża. Tgħallmet il-Latin u saret taf tiktbu b’ħeffa u b’eleganza.

Ipprofessat Soru fl-istess monasteru li kienet daħlet fih meta kienet għadha tifla ċkejkna.

Ta’ 26 sena kellha l-ewwel esperjenza tal-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet li baqa’ jkollha sakemm mietet, għoxrin sena wara, fis-16 ta’ Novembru 1301.

Kellha mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija, u kienet waħda minn tal-bidu nett li bdiet ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Santissima ta’ Ġesù.

Ħsieb: Fost diversi devozzjonijiet u rivelazzjonijiet li kellha din il-mistika kbira Santa Ġertrude, xtaqt li niffukaw fuq il-ġibda kbira tagħha lejn il-Knisja Purganti jew il-Knisja Sofferenti, fi kliem ieħor lejn l-Erwieħ tal-Purgatorju. Kull darba li kienet tersaq lejn l-Ewkaristija kienet titlob lil Ġesu’ biex jitfa’ u jxerred il-Ħniena tiegħu fuqhom. Waqt tqarbina partikolari, hija għamlet esperjenza ma’ Ġesu’ fil-Purgatorju. Semagħtu jgħid: “Fit-Tqarbin Imqaddes jiena neħles mill-purgatorju lil dawk li għalihom inti titlobni”.

U wara t-tqarbin il-Mulej Ġesu’ kien jeħles aktar erwieħ milli hi kienet titlob għalihom. Darba meta Ġertrude kienet qed titlob b’ħerqa kbira għall-erwieħ imqaddsa hija staqsiet lill-Mulej Ġesu’ kemm erwieħ il-Ħniena Tiegħu kienet ser teħles. Huwa weġibha:

“Jekk re ta’ qalb tajba jhalli fil-ħabs, minħabba l-ġustizzja, ħabib tiegħu li nstab ħati, huwa jistenna b’xewqa kbira li xi ħadd minn nobbli tiegħu jidħol għal dak il-pruġunier u joffri xi ħaġa b’rahan biex jinħeles. Imbaghad ir-re jeħilsu bil-ferħ. Daqshekk ieħor jiena. Jiena naċċetta b’ferħ kbir dak li xi ħadd joffrili għal dawn l-imsejkna erwieħ għaliex huwa ta’ ferħ għalija li jkolli ħdejja dawk l-erwieħ li jiena għalihom ħallast prezz hekk għoli. Bit-talb tiegħek jiena nobbliga ruħi li neħles mill-purgatorju ħabsi kull darba li inti tagħmel hekk”.

Il-Mulej Ġesu’ għallem lil Ġertrude għal min għandha l-aktar titlob. Fil-jum li fih il-kommunita’ ikkommemorat flimkien il-mewt tal-ġenituri tagħhom, Ġertrude rat erwieħ ferħana jitilgħu mid-dlamijiet tal-Purgatorju bħal xintilli minn fjamma. Hija staqsiet lil Ġesu’ jekk dawk kienux kollha il-familjari tal-kommunita’. U Ġesu’ weġibha:

“Jiena hu l-eqreb qarib tiegħek, missierek u ommok. Għalhekk ħbiebi huma l-eqreb qraba għalik u dawn huma fost dawk li jiena ħlist mit-turmenti tal-purgatorju”.

Jum wieħed waqt li kienet qed titlob, Ġertrude ndunat b’persuna li kienet qiegħda bilwieqfa ħdejn il-Mulej, bilqiegħda fuq it-tron tal-glorja tiegħu u f’idejh kellu libsa mżejna mill-aqwa, li ppreżentahielha imma ma libbisilhiex. Il-qaddisa baqgħet tassew mistgħaġba u qaltlu:

“Meta għamiltlek talba simili ftit jiem ilu Inti ħadt mill-ewwel lil dik ir-ruħ tal-povra mara fil-glorja tal-ġenna. U issa Inti ma libbistx lil din il-persuna bil-libsa li wrejtha u li tant tixtieq tilbes, għall-merti tal-grazzji tiegħek”.

U l-Mulej weġibha:

“Meta xi ħadd joffrili xi ħaġa għall-erwieħ tal-purgatorju jiena nutilizzaha skont kif nara l-aħjar. Inqassam il-ħniena u l-maħfra tiegħi skont il-ġudizzju rett tiegħi”.

Din il-qaddisa kitbet din it-talba (li mbagħad saret popolari mad-dinja kollha) għall-ħelsien tal-erwieħ mill-Purgatorju:

“Missier Etern, jiena noffrilek id-demm prezzjużissmu ta’ Ibnek Divin flimkien mal-quddies kollu li jingħad fid-dinja matul dan il-jum, għall-erwieħ imqaddsa tal-Purgatorju, għall-midinbin kollha tal-knisja universali, ta’ darna u tal-familja tagħna. Ammen”.

Jingħad li meta wieħed jgħid din it-talba bid-devozzjoni u b’attenzjoni, Alla jeħles ħafna erwieħ mill-Purgatorju.

  • Int titlob għall-erwieħ tal-Purgatorju, b’mod speċjali f’dan ix-xahar iddedikat għalihom?
  • Toffri quddies u tqarbin b’sufraġju għal ruħhom fuq l-eżempju ta’ Santa Ġertrude?

Talba: O Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, ħaj u għajn tal-ħajja eterna, Teżor infinit tad-Divinità, u nar iħeġġeġ tal-imħabba, Int il-kenn u s-santwarju tiegħi. O Salvatur adorabbli u glorjuż, ikkonsma lil qalbi b’dak in-nar iħeġġeġ li ħiereġ mill-fjammi ta’ Qalbek. Ferra’ f’ruħi dawk il-grazzji li ħierġa minn Imħabbtek. Agħmel li qalbi tkun hekk magħquda ma’ Tiegħek, li r-rieda tagħna tkun waħda, u jien inwettaq dak kollu li trid minni Int. Ħa tkun ir-Rieda tiegħek ir-regola tiegħi. Ammen.

(Din it-talb hi maħsuba li oriġinarjament ġiet miktuba minn Santa Ġertrude u adattata minn San Alfons Liguori; huwa meqjus bħala l-awtur minħabba l-formulazzjoni finali tiegħu)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

Printable Prayers of Saint Gertrude: http://www.catholictradition.org/Gertrude/sg-text1.htm

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-gertrude.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-gertrude-the-great-715

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gertrude_the_Great

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

2 ta’ Novembru: Il-Fidili Mejtin Kollha

Verżjoni Vidjo: Il-Fidili Mejtin Kollha

“Int sawwartni mit-trab u libbistni bil-ġisem; Mulej, Feddej tiegħi, erġa’ qajjimni għall-ħajja fl-aħħar jum.” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat

all-soulsIL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

Tagħrif: Fit-2 ta’ Novembru, il-Knisja turi b’mod speċjali s-simpatija tagħha ma’ wliedha li qed jiġu ppurifikati fil-Purgatorju. Dan il-jum huwa magħruf ukoll bħala l-Għid tal-imwiet.

Il-Knisja fuq l-art tunura b’rispett kbir lill-mejtin tagħha, u billi huwa ħsieb qaddis u siewi li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom, (2 Makkabin 12:46) toffri suffraġi għalihom.

Sa mill-bidu nett, l-Insara kellhom ġranet fis-sena li fihom kienu jiftakru b’mod iktar mis-soltu fil-mejtin tagħhom. Fis-sena 800 kien sar ftehim bejn il-monasteri ta’ San Gall u ta’ Reichenaw li fl-14 ta’ Novembru ta’ kull sena ssir tifkira tar-reliġjużi mejtin taż-żewġ komunitajiet, u kull saċerdot iqaddes tliet quddisiet.

Fis-sena 998, San Odilo, abbati tal-monasteru ta’ Cluny, ordna li l-membri tiegħu josservaw it-2 ta’ Novembru bħala Jum it-Tifkira tal-Insara mejtin kollha. Dan il-Jum ta’ Tifkira daħal f’monasteri oħra. Fl-1008, Lieġi, Belġju, kienet l-ewwel djoċesi li addottat dan l-użu. Minn hemm baqa’ dejjem jixtered bla ma qatt ġie impost uffiċjalment mill-Knisja.

Fil-gwerra l-kbira, il-Papa Benedittu XV, fl-10 ta’ Awwissu 1915, estenda dan l-użu mal-Knisja tal-Punent, u ddikjara li kull saċerdot jista’ joffri tliet quddisiet – waħda għall-Erwieħ tal-Purgatorju, oħra għall-intenzjoni tal-Papa, u oħra skont l-intenzjoni tas-saċerdot, li għal din tal-aħħar biss is-saċerdot jista’ jieħu l-elemożina.

Santu Wistin jgħid li l-Knisja turi li hi omm billi titlob għall-insara kollha mejtin, sabiex dawk li ma jkollhomx ġenituri, tfal, qraba jew ħbieb li jagħtuhom dan is-servizz, allura jirċevuh mill-Knisja, l-omm devota u komuni ta’ kulħadd.

Il-Papa San Ġwanni XXIII jiddiskrivi din it-tifkira tal-mejtin kollha li niċċelebraw illum bħala “meditazzjoni fuq veritajiet eterni li turina x’inhu dak li jgħaddi u x’inhu dak li jibqa’ jeżisti.” Fil-Liturġija tal-Mejtin, il-Knisja tgħidilna li għal dawk li jemmnu f’Alla l-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u fi tmiem iż-żmien tagħna fuq l-art darna tinbidel f’waħda għal dejjem. Dan il-kliem il-Knisja temmnu fuq kliem Kristu li qal: Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija anki jekk imut jgħix, u min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.” (Ġwanni 11:23-26)

It-talb tagħna għal ħutna l-mejtin isaħħilna wkoll it-tama li aħna għad nieħdu sehem fir-Reżurrezzjoni ta’ Kristu.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-Dawl ta’ dejjem jiddi lilhom. Jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Ħsieb: Qari mill-Ktieb tal-Isqof San Ambroġ fuq il-mewt ta’ ħuh Satiru:

“Imissna nintebħu li l-mewt hi qligħ u l-ħajja kastig, għax għalhekk San Pawl jgħid: Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. X’inhu Kristu hawn, jekk mhux il-mewt tal-ġisem u l-ħajja tar-ruħ? Mela, ħa mmutu miegħu, biex ngħixu miegħu. Għandna nidraw immutu kuljum, u nħobbu drawwa bħal din, għaliex b’hekk ir-ruħ tagħna tidra tinqata’ minn kull ma jħajjarna f’din id-dinja, u qisha togħla ‘l fuq fejn ma jilħquhiex ix-xewqat tad-dinja biex jorbtuha magħhom: b’hekk ruħna tilbes is-sura tal-mewt biex teħles mill-kastig tal-mewt ta’ dejjem. Il-liġi tal-ġisem hi kontra l-liġi tal-moħħ u twassalna għall-liġi tad-dnub. Kif se neħilsu dan? Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna.

Għandna tabib! Ħa nagħmlu dak li jgħidilna. Il-grazzja ta’ Kristu hi l-fejqan tagħna u l-ġisem tal-mewt hu ġisimna. Nitbiegħdu mill-ġisem, biex ma nibqgħux ‘il bogħod minn Kristu; għalkemm għadna fil-ġisem, ma nfitxxux dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li titlob minna n-natura tagħna, infittxu aktar dak li tagħtina l-grazzja.

U x’ngħid aktar? Bil-mewt ta’ bniedem wieħed ġiet mifdija d-dinja. Kieku ried, Kristu seta’ ma jmutx, iżda deherlu li ma għandux jaħrab mewt mistkerrha, u qies li ma setax isalvana b’mod aħjar milli jmut għalina. Għalhekk il-mewt tiegħu hi l-ħajja tal-bnedmin kollha. Aħna mmarkati bil-mewt tiegħu; meta nitolbu, inħabbru l-mewt tiegħu; meta nqaddsu, inxandru l-mewt tiegħu; il-mewt tiegħu hi rebħ, il-mewt tiegħu hi misteru, il-mewt tiegħu hi l-festa kbira tad-dinja ta’ kull sena.

X’nistgħu ngħidu aktar fuq il-mewt ta’ Kristu? Minn dak li wriena l-Mulej, kienet il-mewt biss li fittxet l-immortalità, kienet l-istess mewt li fdiet il-mewt. Ma għandniex, mela nitnikktu għall-mewt, li biha ġiet is-salvazzjoni ta’ kulħadd, ma għandniex naħarbu l-mewt, li l-Iben ta’ Alla ma stmerrx u ma warrabx minnha.

Il-mewt ma kinitx mill-bidu fin-natura, imma daħlet wara; fil-bidu Alla ma għamilx il-mewt, imma mbagħad tahielna bħala fejqan. Dan għaliex, minħabba d-dnub, il-ħajja tal-bniedem ittaqqlet biex xogħol ta’ kuljum u b’tiġrib li ma jinfelaħx, u hekk il-ħajja saret tassew imsejkna. Kien meħtieġ li dan id-deni kollu jasal fit-tmiem tiegħu, u ngħatat il-mewt biex tagħti lura dak li l-ħajja kienet tilfet. L-immortalità hi toqol u mhux barka, jekk ma jkunx hemm il-grazzja ta’ Alla.

Ruħna trid teħles minn din il-ħajja ta’ taħbit u minn dan il-ġisem imħassar bid-dnub u titħabat biex tasal għas-saltna tas-sema, biex tfaħħar lil Alla. Hemm, Ġesù, jaraw it-tieġ tiegħek, hemm fejn l-għarusa tiegħek, fost il-ferħ ta’ kulħadd, tittieħed mill-art għas-sema, mhux aktar imjassra mid-dinja imma mgħarrsa għal dejjem mal-Ispirtu għax quddiemek jersaq kull bniedem. Il-qaddis David, dan xtaq l-aktar li jara u jagħraf dan l-hena, għalhekk qal: Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta’ ħajti biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej.”

Jien lill-Mulej inqastu kemm-il darba. Ċħadt imħabbtu u ksirtha miegħu. Imma hu antiċipa d-dgħufija tiegħi u tani l-Qrar, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni biex jerġa’ jħabbibni miegħu. Hu qiegħed jagħmilli stedina speċjali biex nersaq iktar lejh. Għax kif nista’ ngawdi l-ħajja meta jien miġġieled ma’ min tani l-ħajja…? U kif nista’ ngawdi l-ħajja u nkun ferħan meta m’għandix il-paċi tiegħu f’qalbi? Fuq kollox, jista’ jkun li m’għandix żmien daqskemm qed naħseb. Il-musbieħ jista’ jintfieli bla mistenni. Għax kif jghid San Pawl, “Jum il-Mulej jasal bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) U jekk ma nkunx ippreparat … ikun tard wisq!

  • U int, il-bagalji tiegħek lesti għat-tluq li jista’ jiġi ħabta u sabta, bla avviż u bla eta’?

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb li qegħdin nagħmlulek, biex kif jissaħħaħ it-twemmin tagħna fil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, hekk titqawwa t-tama tagħna fil-qawmien mixtieq tal-qaddejja kollha tiegħek għall-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/all-souls-day.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/category/holy-days/all-souls-day/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/All_Souls%27_Day

Nota: It-Tagħrif dwar din it-Tifkira Solenni tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.