12 ta’ Ġunju: Santa Pawla Frassinetti

Verżjoni Vidjo: Santa Pawla Frassinetti

“Kunu fjakkoli u ħġejjeġ jaħarqu biex kull fejn tmissu taħarqu bin-nar tal-imħabba t’Alla.” – Santa Pawla Frassinetti

Paula Frassinetti 2781207816_0107fa361b.jpgSANTA PAWLA FRASSINETTI
Reliġjuża
1809 – 1882

Tagħrif: Din il-fundatriċi tas-sorijiet Dorotej twieldet f’Ġenova, tifla unika fost ħamest aħwa. L-erba’ ħutha subien kollha saru saċerdoti. Meta Pawla kellha 9 snin ommha mietet, u hi qiegħdet il-fiduċja tagħha f’Marija omm Ġesù, filwaqt li ddedikat lilha nfisha għal missierha u l-erba’ ħutha subien.

Missierha li kien ta’ karattru possessiv, ma riedx jibgħatha l-iskola, imma hu nnifsu għallimha taqra u tikteb. Pawla malajr xorbot ħafna tagħlim dwar ir-reliġjon u l-kultura mid-diskussjonijiet li kienu jagħmlu ħutha s-seminaristi ikbar minnha.

Pawla ntbagħtet għand ħuha l-kbir Dun Ġużepp, kappillan ta’ Quino għal xi żmien. Hawn ġiet f’kuntatt mal-attivitajiet parrokkjali u malajr saret konxja tal-vokazzjoni tagħha. Ma kinitx trid ħlief li tgħallem u tieħu ħsieb ta’ tfal bniet oħra, l-aktar dawk fqar u emarġinati.

Bil-parir ta’ ħuha u saċerdoti oħra, ta’ 25 sena tat bidu għall-istitut “Figlie de Santa Fede” (Ulied il-Fidi Mqaddsa), li wara, l-isem inbidel f’dak ta’ Sorijiet ta’ Santa Dorotea. Imma l-ewwel grupp tferrex, u baqa’ biss dawk li kienu l-aktar dedikati. Ma’ dawn, fit-12 ta’ Diċembru tas-sena 1834, kellu bidu l-istitut il-ġdid.

Santa Pawla Frassinetti mietet fil-11 ta’ Ġunju tas-sena 1882, fl-età ta’ 73 sena. Ġiet ibbeatifikata fit-8 ta’ Ġunju tas-sena 1930, u l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fil-11 ta’ Marzu tas-sena 1984, iddikjaraha qaddisa.

Ħsieb: Bħal f’kull ħajja oħra tal-qaddisin u b’mod speċjali ta’ Fundaturi, id-diffikultajiet fil-ħajja ta’ Pawla ma naqsux; imma hi, b’kuraġġ, b’ġenerożità u b’fidi qawwija, baqgħet sejra ’l quddiem, tiftaħ diversi kunventi ta’ sorijiet tagħha ddedikati b’mod speċjali għat-tagħlim tal-bniet. Bagħtet l-ulied tagħha fil-Brażil u fil-Portugall, u llum tinsab imxerrda fi 15-il pajjiż. Hija kitbet ħafna ittri lis-sorijiet tagħha li juru kemm kienet tgħożżhom bħala wliedha, u li fihom kienet tagħtihom ħafna pariri sbieħ. L-ittri jikxfu wkoll kemm il-qaddisa kienet bniedma ta’ ħajja spiritwali għolja. F’ittra minnhom kitbet:

“Qawwi qalbek kemm tista’, u meta tħoss id-diffikultajiet tal-ħajja, dur spiss bit-talb lejn Alla. Kemm aħna xortina tajba aħna l-insara! M’hemm l-ebda sitwazzjoni fil-ħajja tagħna li fiha ma narawx lil Ġesù miexi quddiemna. Hu mhux biss jurina fejn għandna mmorru, imma Hu wkoll it-triq … Hu dejjem magħna biex itina l-kuraġġ.”

Waqt mumenti ta’ tiġrib, Pawla kienet tħeġġeġ lis-sorijiet tagħha b’dawn il-kelmiet: “Kunu fjakkoli u ħġejjeġ jaħarqu biex kull fejn tmissu taħarqu bin-nar tal-imħabba t’Alla.” Meta fis-sena 1878 miet il-Papa Piju IX li ma kellux ħlief stima u kliem ta’ kuraġġ għall-opra appostolika tagħha. Il-qaddisa mietet bil-kliem fuq fommha: “Madonna tiegħi qatt tinsa li jiena bintek.”

Is-sorijiet Dorotej, fosthom f’Malta, jagħtu s-sehem tagħhom fix-xandir tal-evanġelju permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel, it-tagħlim reliġjuż u l-formazzjoni tal-mexxejja, irtiri, ħidma missjunarja u ħafna forom oħra ta’ ħidma soċjali, b’mod speċjali fost it-tfal, il-foqra, l-emigranti, iż-żgħażagħ u n-nisa.

Is-Sorijiet ta’ Santa Pawla Frassinetti waslu f’Malta fl-1911 wara li ġew imkeċċija mill-Portugall fi żmien ta’ persekuzzjoni. Huma stabbilixxew ruħhom f’dar fl-Imdina u fl-1921 ittrasferew il-kunvent u l-iskola tagħhom għad-dar li ngħatat lilhom minn Mons. Alfredo Mifsud, li ħutu l-bniet ħadu l-edukazzjoni tagħhom mid-Dorotej f’Ruma, u waħda minnhom, Elena, ingħaqdet mal-istess sorijiet. Minbarra l-Iskola Sekondarja li ġiet trasferita mill-Imdina għall-kumpless il-ġdid f’Ħaż-Żebbuġ f’Settembru 1998, is-sorijiet għandhom ukoll skola f’Tas-Sliema li nfetħet fl-1958. L-iskola tal-Imdina ġiet trasferita għal tal-Virtù għal dsatax-il sena, u issa tinsab fil-kumpless il-ġdid f’Ħaż-Żebbuġ mill-1997.

Għal aktar informazzjoni, mur f’din il-link: http://thechurchinmalta.org/en/posts/1683/the-sisters-of-st-dorothy

Talba: Mulej, Int sejjaħt lil Santa Pawla Frassinetti biex taqdik fost iċ-ċkejknin tiegħek, l-aktar dawk foqra u li kienu jeħtieġu l-għajnuna; agħti lilna lkoll il-grazzja li nsibuk fl-oħrajn madwarna u li nservuk b’qalb imħeġġa bin-nar ta’ mħabbtek f’dawk l-aktar fil-bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-paula-frassinetti.html

Alternative Reading: http://saintsresource.com/paula-frassinetti

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paula_Frassinetti

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Frar: Beata Marija Caritas Brader

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Caritas Brader

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla”. ~ Beata Marija Caritas Brader

mariacaridadMADRE MARIJA CARITAS BRADER
Fundatriċi
1860 – 1943

Tagħrif: Maria Josefa Carolina Brader twieldet f’Kaltbrunn fl-Isvizzera fl-14 ta’ Awwissu 1860. Missierha kien Joseph Sebastian Brader u ommha, Marija Anna Carolina Zahner. Maria Josefa Carolina kienet l-unika tifla li kellhom.

Maria Josefa kienet intelliġenti ħafna u fl-1880 ddeċidiet li minflok ma tmur l-Università tidħol mal-Franġiskani – u ħadet l-isem: Marija-Caritas (Karità). Fl-1882 għamlet l-aħħar voti mas-sorijiet tal-klawsura.

Fl-ewwel snin, b’permess speċjali, għallmet fl-iskola fejn kienet tmur bħala tifla u wara ftit laħqet kap ta’ din l-iskola. Wara ftit il-Papa ta l-fakultà li l-Ordnijiet tas-Sorijiet Klawstrali jistgħu joħorġu jgħallmu.

Ġara li ħafna isqfijiet fil-pajjiżi tal-Missjoni talbuhom biex jiftħu l-iskejjel. L-Isqof Pedro Schumacher tal-Ekwador talab lis-superjura Maria Hilf biex tibgħat xi sorijiet. Is-superjura stess, Madre Marija Bernarda Butler li ġiet ibbeatifikata fid-29 ta’ Ottubru 1995, flimkien ma’ ħames sorijiet fosthom Suor Marija Caritas, marru l-Ekwador.

Għal 5 snin Swor Marija Caritas kienet għalliema u katekista fil-belt ta’ Chone. Fl-1893 marret tagħmel appostolat fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja.

Bl-għajnuna ta’ saċerdot Ġermaniż, Father Reinaldo Herbrana, waqqfet kongregazzjoni, tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Marija Immakulata, li tagħha saret l-ewwel superjura. L-ewwel sitt sorijiet kienu mill-Isvizzera u wara bdew ġejjin tfajliet Kolombjani.

Kienet l-ewwel Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni l-ġdida mill-1893 sal-1919 u wara mill-1928 sal-1940 reġgħet saret Superjura Ġenerali u matul dawn is-snin għamlet il-voti tad-djar fl-Amerika. Ta’ 80 sena talbet li ma tibqax Superjura.

Fis-27 ta’ Frar 1943 mietet fil-Belt ta’ Pasto fil-Kolombja. Fis-sena 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu ll ibbeatifikaha.

Ħsieb: Meta Swor Marija Caritas, fl-1893 marret fil-belt ta’ Tuquerres fil-Kolombja. Iż-żona tal-appostolat kienet tinkludi t-territorju ta’ xatt il-baħar, il-muntanji għoljin tal-Andes u l-pjanura tal-għoljiet ta’ madwar l-Andes. In-nies kienu fqar immens u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu perikolużi ħafna. Swor Marija Caritas kellha mħabba kbira għal dawn in-nies u għamlet minn kollox biex ittaffilhom il-problemi tagħhom.

Lis-sorijiet tagħha kienet tinkuraġġihom u tgħinhom biex jakkwistaw diplomi akkademiċi u kienet tgħidilhom:

“Aktar ma tkunu infurmati, aktar tistgħu tagħmlu ġid għar-reliġjon qaddisa tagħna u l-glorja t’Alla.”

Fuq kollox kienet tħabbrek biex jgħixu l-Ispirtu Franġiskan, u jgħożżu l-faqar biex ikunu jistgħu jgħinu lill-fqar u jkunu ta’ eżempju għalihom.

L-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù fl-Ewkaristija wasslitha biex titlob u tikseb permess għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament Divin fil-kunvent. Hija ħalliet dan l-aktar teżor prezzjuż u qaddis fil-Kongregazzjoni tagħha flimkien ma’ rispett kbir lejn is-saċerdoti.

  • U int, tfittex li tmur ħdejn Ġesu Ewkaristija għal xi ħin ta’ Adorazzjoni?
  • Taf b’xi kappella tal-Adorazzjoni qrib ta’ fejn toqgħod int li forsi tkun miftuħa għal xi ħin tul il-jum?

(ara lista ta’ Kappellel tal-Adorazzjoni u sib dik l-aktar qrib tiegħek)

Talba: O Alla, li qaddist lil Swor Marija Caritas permezz tal-imħabba kbira li tajtha lejn il-persuni taħt il-kura tagħha, hekk li kienet tagħmel ħilitha kollha biex ittaffilhom il-problemi, agħtina l-kuraġġ biex nimxu fuq il-passi tagħha ta’ virtu’ u nkunu aħna wkoll ta’ għajnuna għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-caridad-brader-160

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2017/02/blessed-maria-caridad-brader-foundress/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Josefa_Karolina_Brader

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Frar: San Pietru Damiani

Verżjoni Vidjo: San Pietru Damiani

“San Pietru, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja mqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru Damiani.

St. Peter DamianSAN PIETRU DAMIANI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1007 – 1072

Tagħrif: San Pietru Damiani twieled f’Ravenna, l-Italja, fl-1007, għand familja numeruża u fqira ħafna. Meta kien għadu ċkejken tilef lil missieru.

Sa minn tfulitu beda jaħdem, billi daħal ma wieħed ragħaj, u kien jirgħalu l-merħliet.

Ħuħ il-kbir, li kien miżżewweġ, ħadu miegħu, imma kien jittrattah ħażin. Imbagħad ħuh ieħor li kien jismu Damian u kien sar Arċipriet ta’ Ravenna ħadu miegħu, rabbieh, u edukah. Bħala rikonoxximent lejn dan ħuh, Pietru ħa ismu, u beda jissejjaħ Pietru Damiani.

Fl-1032 ta’ ħamsa u għoxrin sena laħaq professur. Iżda l-ħajja tad-dinja ma għoġbitux. Ried jgħix f’għaqda ikbar ma’ Alla, u fl-1035 ħalla l-karriera ta’ għalliem li kien qabad b’suċċess, u daħal mal-Benedittini fil-monasteru ta’ Fonte Avellana, fuq il-muntanji Appennini.

Il-mortifikazzjonijiet u l-penitenzi li kien jagħmel kienu qed iħassrulu saħħtu, u s-Superjuri tiegħu meta ndunaw, biex ma jħalluhx ikompli jagħmilhom, talbuh jintefa’ fuq il-kitba u l-priedki, u biex jagħti l-irtiri. Kellu mħabba speċjali lejn il-Madonna.

Fl-1043, meta kellu 36 sena, ġie magħżul biex ikun Abbati ta’ Fonte Avellana, u fl-1057, il-Papa Stiefnu IX, ħatru Kardinal-Isqof ta’ Ostia.

Ħabrek kemm felaħ bil-kitba u bil-kelma biex jikkumbatti l-abbużi skandalużi li kienu komuni fil-Knisja: l-inkontinenza, il-lussu żejjed, il-laxkezza tal-kleru, ix-xiri u l-bejgħ ta’ benefiċċji ekkleżjastiċi. Pietru Damiani jibqa’ magħruf għall-kitbiet tiegħu, fosthom il-Liber Gomorrhianus, ippublikat fl-1051, li fih il-qaddis jikkundanna ’l-kleru li ma kienx qed jgħix il-vokazzjoni tiegħu, u l-Liber Gratissimus li jitkellem dwar il-validità tal-ordinazzjonijiet bis-simonija. (simonija = l-intenzjoni determinata li wieħed jixtri, jew ibigħ, ħwejjeġ sagri)

Għamel missjonijiet diplomatiċi li wħud minnhom kienu tassew diffiċli, għal seba’ Papiet, bħala Delegat tagħhom. Fl-aħħar, il-Papa Alessandru II, tah permess imur jgħix kif xtaq, fis-solitudni tal-monasteru ta’ Fonte Avellana. Iżda wkoll minn hemm għamilha ta’ Delegat tal-Papa f’missjonijiet tqal oħra. Darba fi triqtu lura minn Ravenna fejn kien mar b’Missjoni, marad sew u kellu jirtira fil-monasteru ta’ Santa Maria Vecchia f’Faenza, fejn miet fit-22 ta’ Frar 1072 meta kellu 65 sena.

Ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XII, fl-1828.

Ħsieb: Minħabba li San Pietru Damiani kien ibati ħafna bin-nuqqas ta’ rqad u b’uġigħ ta’ ras, huwa msejjaħ minn dawk li jsofru minn dawn l-inkonvenjenzi.

Fuq qabru ried li jinkitbu dawn il-kelmiet: “Dak li int, kont jien; dak li jien għad tkun int. Ftakar fija u itlob għalija. Ħenn għal Pietru li l-fdal tiegħu jinsab hawn. Itlob ‘l Alla jħenn għalija.”

San Pietru Damiani kien jitkellem b’konvinzjoni kbira fuq il-ġenna minħabba l-esperjenza sħiħa tiegħu ta’ kontemplazzjoni divina.

Hu kien profeta jgħajjat kontra kull ħaġa minn ġewwa jew minn barra li żżomm lill-bnedmin marbutin ma’ din id-dinja. Kien jinkoraġġixxi ħafna d-dixxiplina.

San Pietru Damiani żviluppa t-teorija tas-“sempliċità qaddisa” li biha l-bniedem juża l-għerf filwaqt li jibqa’ maħlul għal kollox minn kull rabta.

Dawn pariri ta’ San Pietru Damiani:

  • “Tħallix li l-qtigħ ta’ qalb jagħmel bik,
  • toqgħodx tgemgem u titlewwem,
  • tkunx qalbek sewda u mdejjaq, u
  • qis li n-nuqqas ta’ kuraġġ ma jtelliflekx sabrek; imma
  • kun dejjem wiċċek għad-dawl, spirtu ferħan,
  • u fommok mimli bir-radd ta’ ħajr”.

Naħseb nagħmlu sew li nsegwu dawn il-pariri sempliċi, prattiċi u qaddisa. Mhux li kien aħna l-Maltin ingemgmu inqas, inkunu iżjed kuraġġużi u inqas imdejqa u nkunu mimlija bi gratitudni li nirringrazzjaw lil Alla għax dan inissel il-veru ferħ li mbagħad jidher ukoll fuq wiċċna. Alla biss jista’ jagħtina dan il-ferħ li jibda hawn u ma jintemm qatt.

Talba: O Alla li tista’ kollox, agħtina l-għajnuna biex nimxu fuq it-twissijiet u l-eżempju tal-isqof San Pietru Damiani, ħalli nagħżlu lil Kristu fuq kollox u ningħataw dejjem għas-servizz tal-Knisja tiegħek, biex naslu fil-hena u d-dawl ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-peter-damian.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-damian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Damian

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Jannar: San Ġwann Bosco

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Bosco

“Ġiebu quddiem Ġesù xi tfal ċkejknin biex imisshom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, qalilhom: Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna ta’ Alla. Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.” ~ Ġesu’ Mark 10:13-14; Mattew 18:5

don-bosco-square-notext2_16307588901_oSAN ĠWANN BOSCO
Saċerdot
1815 – 1888

Tagħrif: San Ġwann Bosco, wieħed mill-akbar ħbieb taż-żgħażagħ, twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Biex tkompli tagħqad, ta’ sentejn tilef lil missieru, iżda ommu, minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

F’awtobijografija li kiteb fuq talba tal-Papa Piju IX, S. Ġwann Bosco jgħid li meta kien għadu tfajjel ra f’ħolma ħafna tfal jilagħbu f’bitħa, li bdew jitkellmu ħażin u huwa beda jsawwathom biex iwaqqafhom; imbagħad raġel liebes l-abjad (li kien Ġesù) u sinjura sabiħa (il-Madonna) wrewh li huwa kellu jirbaħ lil dawn it-tfal bl-umiltà u l-ġentilezza.

Meta kellu sittax-il sena daħal il-Liċeo ta’ Chieri. Minkejja l-istudju li kellu, kien isib ħin biex jiġbed it-tfal tar-raħal tiegħu lejh, saħansitra kien jagħmlilhom kummiedji u bużullotti, biex wara, imbagħad jeħodhom il-knisja u jkellimhom fuq Ġesù.

Ċkejken għamilha ta’ ragħaj u mbagħad ta’ kamrier u ta’ ħajjat fil-belt ta’ Chieri. Il-ħin li kien jibqagħlu kien jiddedikah għall-istudju u l-qari tajjeb. Ta’ 20 sena daħal is-seminarju bl-għajnuna ta’ saċerdot li miġbud mill-imġiba eżemplari taż-żagħżugħ kisiblu post bla ħlas. Ġie ordnat saċerdot fl-1841, ta’ 26 sena.

Waqt li darba kien qed iżur ħabs ma’ Don Cafasso, kappillan tal-ħabsijiet, osserva b’niket kbir il-kundizzjoni miżera tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, u ddeċieda li jiddedika ħajtu għall-edukazzjoni ċivili u morali ta’ dawn l-imsejknin.

Jum minnhom (fit-8 ta’ Diċembru, 1841), waqt li kien qed jilbes għall-quddiesa, sema’ lis-sagristan ikeċċi tifel mill-knisja għax ma riedx jgħin fil-quddiesa. Sejjaħlu, għamel ħbieb miegħu, u din il-laqgħa maċ-ċkejken Bartolomeo Garelli kienet iż-żerriegħa tal-“oratorju” li hu waqqaf fil-knisja ta’ San Franġisk u mbagħad, wara ħafna taħbit u ġarr minn naħa għal oħra, f’Valdocco, fil-parti baxxa ta’ Turin (1846).

Fil-bidu l-oratorju kien ġa jgħodd seba’ mitt tifel. Ommu marret tgħix miegħu biex tgħinu u baqgħet miegħu l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha. It-tfal kienu jħobbu jsejħulha “Mamma Margherita”.

Fl-1872, bil-għajnuna ta’ Santa Marija Domenika Mazzarella, waqqaf ukoll il-Komunita’ tas-Sorijiet Salesjani biex jieħdu ħsieb it-tfajliet u għal-lajċi għamel it-tielet ordni ta’ Kooperaturi Salesjani.

San Ġwann Bosco kien ukoll kittieb prolifiku, u kiteb mhux biss kitbiet reliġjużi, imma wkoll kitbiet oħra biex jgħallem liż-żgħażagħ tiegħu u lill-poplu inġenerali. Beda l-famuża kollana Letture Cattoliche b’librett fuq xi suġġett partikulari kull xahar li kellha influwenza kbira fost il-poplu Taljan.

Kien ukoll imfittex għall-pariri u ġie kkonsultat minn Papiet, mexxejja tal-istat, Ministri tal-Gvern, eċċ. Kien ukoll medjatur bejn is-Santa Sede u l-Istat fi żminijiet diffiċli. Kien bniedem ta’ diplomazija kbira, organizzatur mill-aħjar, u mexxej mill-aqwa.

Lil sħabu kien jgħidilhom: “Qisu liż-żgħażagħ bħala wliedkom. Titilfux il-paċenzja magħhom. Ixbħu lil Ġesù li ħa tant paċenzja bl-appostli, bin-nuqqas ta’ manjieri tagħhom, bl-injoranza tagħhom, u wkoll bl-infedelta’ tagħhom. Hu tħallat mal-midinbin b’tant ħlewwa li għaġġeb lil xi wħud.”

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Don Bosco kien magħruf mad-dinja kollha. L-opra tiegħu bdiet tixtered mad-dinja kollha fejn il-missjunarji tiegħu Salesjani ħadu ħsieb skejjel, orfanatrofji, u kull xorta ta’ opra oħra għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Meta San Ġwann Bosco miet fil-31 ta’ Jannar 1888 fl-età ta’ 72 sena, is-soċjetà tas-Salesjani kellha diġà 250 dar mad-dinja kollha b’aktar minn 130,000 tifel, li minnhom kienu joħorġu 18,000 apprendist fis-sena.

Iddikjarah beatu u qaddis il-Papa Piju XI; l-għada tal-kanonizzazzjoni l-Gvern Taljan nedieha vaganza pubblika. Hu l-qaddis patrun tal-apprendisti. B’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu.

Ħsieb: Is-subien kienu jħossu mill-ewwel li San Ġwann Bosco kien iħobbhom. Kien jemmen fil-ħbiberija, fl-apprezzament tal-isforzi, kien iqanqal sens ta’ responsabbiltà u jwarrab okkażjonijiet ta’ diżubbidjenza – kollox fil-preżenza ta’ Alla kollu mħabba u ħniena. Qrar u Tqarbin ta’ spiss, tagħlim sod tal-katekiżmu u taħriġ fis-snajja’ manwali kienu parti mill-metodu Salesjan. Il-metodu tiegħu tal-edukazzjoni ma jafx b’kastigi.

“Kemm tista’ aħrab il-kastigi u fittex li tikseb l-imħabba qabel il-biża’ … Ma niftakarx li qatt għamilt użu mill-kastigi; bil-grazzja t’Alla dejjem ksibt, anki minn tfal li kienu jidhru refrettarji, mhux biss dak li d-dmir jitlob, imma wkoll dak li qalbi kienet tixtieq.”

Fl-istess ħin dejjem wissa lill-ġenituri kontra dik il-ħlewwa għamja u sensibbli lejn uliedhom li minnhom tagħmel ġugarell imħassar u mhux bniedem ta’ karattru.

Dan li ġej huwa parti minn qari mill-Ittri ta’ San Ġwann Bosco, bit-titlu ‘Dejjem ħabrikt minn qalbi’:

“Qabel xejn, jekk irridu nidhru kollna ħrara li t-tfal tagħna jkunu tassew hienja u nħajjruhom jaqdu dmirijiethom tajjeb, jenħtieġ li qatt ma tneħħu minn quddiem għajnejkom li intom qegħdin minflok il-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ għeżież li għalihom dejjem ħabrikt minn qalbi u tħabatt u qdejt dmirijieti ta’ qassis, u mhux jiena biss imma s-soċjetà Salesjana kollha.

Ma nistgħux ma nħaddmux xi setgħa fuqhom, imma ejjew inħarsu lejhom bħala wliedna, u nkunu fosthom qisna l-qaddejja tagħhom, bħal Ġesù, li ġie mhux biex jikkmanda imma biex jobdi; l-istess ħjiel ta’ setgħa jmissu jġagħalna nistħu; is-setgħa tagħna fuq it-tfal ma nħaddmuhiex jekk mhux biex naqduhom aħjar.

Huma wliedna, u għalhekk, meta nrażżnuhom jekk jonqsu, inreġġgħu lura l-korla kollha tagħna, jew għallinqas inberrduha tant li nkunu qisna warrabnieha għal kollox. Ma nkunux nies bi spirtu mħawwad, b’ħars ta’ tmaqdir f’għajnejna, bi kliem iniggeż f’fommna, imma nkunu nies li jħennu llum u jittamaw għall-quddiem, kif jixraq jagħmlu dawk li huma tassew missirijiet, kollhom ħeġġa biex jikkoreġu u jmexxu lil uliedhom tassew għall-aħjar.

U fiċ-ċirkustanzi l-aktar tqal, iżjed jaqbel li nitolbu lil Alla bil-ħniena u bl-umiltà, milli ninfexxu f’ħafna tpaċpiċ li mhux biss iriegħex lil min jisimgħu imma ma jkun ta’ ebda fejda għal min hu ħati”.

  • U inti kemm għandek paċenzja mal-oħrajn sakemm dawn forsi jitgħallmu u/jew jikbru?
  • Kemm taqdi b’umilta’ lil dawk ta’ madwarek?

Minn San Ġwann Bosco nitgħallmu li l-persuni ma jinbidlux meta takkużahom, tiġġudikom u tikkundannahom. Anzi b’attitudni ta’ dan it-tip aktar se tbegħdhom minnek. Il-persuni jibdew jinbidlu bil-mod il-mod bl-imħabba, bil-paċenzja, bis-sabar, bil-ħniena, bil-ħlewwa, b’kelma tajba f’waqtha u tinsiex b’ħafna talb u eżempju tajjeb.

Talba: O Alla, li erfajt lil San Ġwann Bosco, il-konfessur tiegħek, biex ikun missier u għalliem taż-żgħażagħ, u permezz tiegħu, bl-għajnuna tal-Verġni Marija, waqqaft familji ġodda fil-knisja tiegħek, nitolbuk bil-ħerqa, mimlijin bl-istess nar ta’ mħabba, nirbħu l-erwieħ u naqdu lilek biss. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-31-saint-john-bosco-priest/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-bosco-133

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Bosco

Film on the life of Saint John Bosco:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Jannar: San Mutien-Marie Wiaux

Verżjoni Vidjo: San Mutien-Marie Wiaux

“L-għalliema l-oħra ta’ suġġetti speċjalizzati ma kellhomx kontroll u ordni, filwaqt li kif jasal Brother Mutien fix-xena, kienet taqa’ kalma kbira. Kien jogħġobna ħafna għall-ħlewwa u d-devozzjoni tiegħu, u għall-qdusija li kienet tidher tiddi fil-persuna tiegħu”. ~ Impressjoni tal-istudenti fuq San Mutien-Marie Wiaux

mutien_marie1SAN MUTIEN-MARIE WIAUX
Reliġjuż
1841 – 1917

Tagħrif: Lwiġi Ġużeppi Wiaux twieled f’Millet, qrib Gosselies fil-Belġju. Il-ġenituri tiegħu, li kienu ħaddiema foqra, tawh edukazzjoni reliġjuża profonda. Ta’ 15-il sena ddeċieda li jingħaqad mal-kongregazzjoni ta’ San Ġwann Battista de la Salle li ftit qabel kienu fetħu skola qrib id-dar tagħhom. Fl-1 ta’ Lulju 1871 beda n-novizzjat u biddel ismu f’ Mutien-Marie.

Meta temm in-novizzjat kien destinat biex jibda karriera ta’ għalliem, u kien mibgħut f’Chimay u fi Brussels, imbagħad fil-kulleġġ ta’ Malonne. Meta ġie biex iġedded il-voti temporanji, il-kunsill tal-komunità deherlu li ma kienx adattat biex ikompli fil-vokazzjoni, billi ma tantx kien jinqala’ biex jgħallem, imma mbagħad aċċettawh wara li ddefendieh brother sieħbu. Sadattant Mutien-Marie speċjalizza fil-mużika; għalhekk qabbduh biex jgħallem lil dawk li kienu se jibdew dan is-suġġett. Imma l-vera vokazzjoni ta’ Mutien-Marie kienet li jgħallem il-Katekiżmu. Talab u ngħata l-permess li jibda korsijiet kateketiċi fost l-istudenti tal-kulleġġ. Kien jagħti għalhekk dawn il-lezzjonijiet għal ħafna snin kull nhar ta’ Sibt.

Il-ħajja tiegħu ta’ talb u komunikazzjoni ma’ Alla kienet il-bażi tal-qdusija ta’ Br. Mutien-Marie: kien bniedem jitlob bla waqfien. Mill-Ewkaristija u mid-devozzjoni lejn il-Madonna kiseb il-qawwa u d-determinazzjoni li kellu bżonn biex jegħleb id-diffikultajiet iebsin li ltaqa’ magħhom u biex jimxi ’l quddiem fil-ħajja ta’ qdusija. Kellu mħabba mħeġġa lejn il-Madonna u qiegħed lilu nnifsu taħt il-ħarsien matern tagħha.

F’Novembru 1916, fl-eqqel tal-ewwel gwerra dinjija, kien ordnat mit-tabib biex jieħu perjodu ta’ mistrieħ; saħħtu kienet marret lura ħafna. Mutien-Marie Wiaux ħejja ruħu għall-mewt bl-aħħar sagramenti, u miet nhar it-30 ta’ Jannar 1917 ta’ ftit aktar minn 77 sena.

Il-Qaddis Papa Pawlu VI ddikjarah Beatu f’Ottubru 1977; kien iddikjarat Qaddis mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-1989.

Ħsieb: Dan huwa diskors mill-omelija fil-jum tal-kanonizzazzjoni ta’ Brother Mutien-Marie Wiaux:

“Illum il-Knisja tunura bniedem reliġjuż sempliċi ħafna. Matul ħajtu, huwa wettaq ir-rieda tal-Mulej fil-pront. Fidil lejn id-domanda u s-sagrifiċċji personali li titlob ir-Regola, San Mutien-Marie Wiaux kellu l-kobor ta’ min hu umli.

Matul is-60 sena ta’ ħajja reliġjuża li hu għex fl-isfond, huwa pprattika r-Regola tal-Brothers tal-Iskejjel Insara b’ġenerożità kbira. Għalih xejn ma kien iktar importanti mill-ubbidjenza, xejn ma kien jagħmlu ferħan daqs il-faqar, xejn ma kien daqshekk urġenti daqs l-obbligi tal-ħajja komuni, li jilqa’ l-istudenti jew xi ħadd ieħor li javviċinah. Huwa kien leali lejn il-kompiti kollha li ġew fdati lilu u jum wara jum ta ħajtu lill-Mulej mingħajr riservi li kienet saret naturali għalih.

Għalliem tal-mużika u tal-arti, Brother Mutien iddedika ruħu għall-bosta servizzi li kienu meħtieġa f’istituzzjoni ta’ skola kbira u f’kull waħda minnhom, il-preżenza ta’ Alla kienet iddawwlu b’mod kostanti. Is-sens tiegħu ta’ talb, impressjona lill-Brothers u lill-istudenti tiegħu sal-punt fejn ġie msejjaħ “il-Brother li jitlob dejjem”.

Bir-rużarju f’idejh, huwa dejjem kien jinvoka lill-Verġni Mbierka kif juruna kliemu stess: “Biex tikseb unjoni intima mal-Mulej tagħna, ħu l-mogħdija ta’ Marija fejn m’hemm l-ebda tebgħa jew dell li jistgħu jżommuk fi triqtek lejn Ġesù”.

Il-messaġġ tiegħu ma ġiex espress f’termini ta’ għerf f’għajnejn id-dinja. Huwa wera lill-brothers, lill-għalliema u liż-żgħażagħ, il-veru sinifikat ta’ ħajja umilment offruta. Huwa ħares lejh innifsu bħala dgħajjef u fqir, u dan għamlu karitattiv lejn kull min kien jafdah bl-uġigħ tiegħu. 

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla u nitolbu lil San Mutien-Marie Wiaux biex juri lill-għalliema ta’ żminijietna biex jitgħallmu kif għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-vjaġġ tagħhom tal-fidi, sabiex huma jiftħu għalihom is-sbuħija tal-Messaġġ tal-Vanġelju u jistiednuhom iġġeddu bla waqfien il-konverżjoni tagħhom mitluba minn Kristu s-Salvatur u biex jieħdu sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja”.

Dan parti mid-diskors tal-Papa Franġisku waqt laqgħa mad-dinja tal-iskola Taljana (10 ta’ Mejju 2014). Jgħid hekk:

“Għaliex inħobb l-iskola? Se nipprova ngħidilkom. Għandi xbieha. Hawnhekk smajt li wieħed ma jikbirx waħdu, li dejjem hemm xi ħarsa li tgħinek tikber. U jien għandi x-xbieha tal-ewwel għalliema tiegħi, dik il-mara, dik it-teacher, li ħaditni taħt ġwenħajha meta kelli sitt snin, fl-ewwel livell tal-iskola. Imbagħad mort inżurha tul ħajjitha kollha sa meta ħallietna fl-età ta’ 98 sena. U din il-fakra tagħmilli tajjeb! Inħobb l-iskola għax dik il-mara għallmitni nħobbha. Din hi l-ewwel raġuni għaliex jien inħobb l-iskola.

Imbagħad, inħobb l-iskola għax dik teduka għas-sewwa, għat-tajjeb u għas-sabiħ. Dawn it-tlieta jmorru f’daqqa. L-edukazzjoni ma tistax tkun newtra: jew hi pożittiva jew negattiva: jew tagħni jew tfaqqar; jew tgħin lill-persuna tikber jew addirittura tista’ tikkorrompiha. Jekk ħaġa hi vera, hi wkoll tajba u sabiħa; jekk hi sabiħa, hi tajba u vera; jekk hi tajba, hi vera u sabiħa. U flimkien, dawn l-elementi jgħinuna nikbru u jgħinuna nsiru nħobbu l-ħajja anki meta ma nkunux f’sikitna, anki f’nofs il-problemi. L-edukazzjoni vera tgħinna nsiru nħobbu l-ħajja, tiftħilna quddiemna l-milja tal-ħajja!

U fl-aħħar irrid ngħid li fl-iskola ma niksbux biss għarfien, kontenut, imma nitgħallmu wkoll drawwiet u valuri. L-edukazzjoni tingħata biex isiru magħrufin tant affarijiet, jiġifieri tant kontenuti importanti, biex nidraw ċerti drawwiet u anki biex inħaddnu l-valuri. U dan hu importanti ħafna”.

Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Mutien-Marie Wiaux għall-ġenituri, għalliema, kull min jaħdem fi skola u għall-istudenti kollha, filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant għalliema li verament iħobbu lill-istudenti tagħhom u jaqdu dmirijiethom sew u mill-qalb.

Sit b’Riżorsi għall-Katekisti u l-Għalliema tar-Reliġjon Kattolika:  http://frankbalzan.wixsite.com/katekisti/about

Talba: Mulej Alla, agħmel li l-ħajja u x-xhieda ta’ Brother Mutien tnebbaħna biex ngħixu aktar fidili lejn is-sejħa tiegħek biex nimxu fil-Preżenza Tiegħek u nikbru fil-qdusija. Wassalna biex niskopru s-sempliċità tal-Vanġelu u ngħixu ħajja ta’ apprezzament u ta’ ringrazzjament ma’ Ġesù l-Iben tiegħek. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq  jew  biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.lasalle.org/en/who-are-we/lasallian-holiness/saint-mutien-marie-wiaux/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/30-January-Saint-MUTIEN-MARIE.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mutien-Marie_Wiaux

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Jannar: Santa Eliżabetta Anna Seton

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta Anna Seton

“Nafu fiċ-ċert li Alla tagħna jsejjħilna għal ħajja qaddisa. Aħna nafu li hu jagħtina kull grazzja, kull grazzja abbundanti; u għalkemm aħna erwieħ tant dgħajfa, din il-grazzja għandha l-qawwa li tgħenna negħelbu kull ostaklu u diffikultà”. ~ Santa Eliżabetta Anna Seton

setonSANTA ELIŻABETTA ANNA SETON
Omm, Edukatura u Fundatriċi
1774 – 1821

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet fi New York City u kienet bint Richard Bayley, li kien professur tal-anatomija f’dik li llum tissejjaħ Columbia University. Ħuha minn omm oħra kien l-arċisqof James Roosevelt Bayley ta’ Baltimore. Kienet edukata u mtellgħa fir-reliġjon protestanta minn missierha li kien Episcopalian.

Ta’ 20 sena (1794) żżewġet lin-negozjant William Magee Seton u nvolviet ruħha f’ħidma soċjali billi għenet, fl-1797, fit-twaqqif tas-Soċjetà għall-għajnuna tan-nisa romol fqar bi tfal żgħar.

Ta’ 29 sena (1803) sabet ruħha armla b’ħamest itfal meta żewġha miet f’Pisa, l-Italja, fejn kien mar biex jieħu saħħtu. L-għajnuna u l-eżempji sbieħ tal-familja kattolika Filicchi li laqgħetha għandha meta kienet fl-Italja impressjonawha ħafna u nisslu fiha interess fir-reliġjon Kattolika.

Wara sitt xhur fl-Italja, Eliżabetta Seton marret lura fl-Istati Uniti u, fl-1805, il-fidi tagħha fl-Ewkaristija mexxietha flimkien mal-ħames uliedha biex saret Kattolika. Minħabba f’hekk niesha u ħbiebha ħaduha kontriha u abbandunawha.

Dr. Dubourg, superjur tas-Sulpizjani f’Baltimore, stedinha tibda skola għall-bniet f’din il-belt. Għemejjel ta’ ħniena kienu dejjem parti minn ħajjitha u għalhekk malajr fetħet skola għat-tfal foqra f’Baltimore bl-għajnuna ta’ erbat iħbieb tagħha. L-iskola mxiet ‘il quddiem u aktar tard is-superjur tas-Sulpizjani, bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Carroll, ta lil Eliżabetta u ‘l sħabha regola ta’ ħajja. Kellhom ukoll il-permess li jagħmlu l-professjoni reliġjuża u jilbsu l-abitu reliġjuż.

Fl-1809, Eliżabetta ħadet il-komunità żagħżugħa tagħha f’Emmitsburg, fil-Maryland, fejn hi addottat ir-regola tal-Ulied tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul. Din il-komunità reliġjuża ġdida bdiet tissejjaħ s-Sorijiet (tal-Karità) ta’ San Ġużepp.

Fid-19 ta’ Lulju tal-1813 Madre Seton u sbatax minn sħabha għamlu l-voti u taw bidu għas-sistema ta’ skejjel parrokkjali fl-Istati Uniti, bla ma ttraskuraw il-qadi tal-foqra u speċjalment tan-nies ta’ kulur. Hi kienet tħarreġ lill-għalliema u hi stess ħejjiet text-books għall-użu fl-iskejjel.

Waqqfet ukoll orfanatrofji f’Filadelfja u fi New York. Is-sorijiet tagħha malajr xterdu mal-Istati Uniti u meta hi mietet, fl-4 ta’ Jannar 1821, ta’ 47 sena, kellhom diġà 20 dar. Is-sorijiet tagħha llum huma l-aktar numerużi fl-Istati Uniti u l-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa tassew kbir. Santa Eliżabetta Anna Seton kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Pawlu VI fl-1975.

Ħsieb: Tassew li fost diversi opri li wetqet, kienet Santa Eliżabetta Anna Seton li waqqfet l-ewwel skola Kattolika b’xejn għat-tfajliet fl-Amerika. Imma l-aktar li xtaqt nenfasizza r-riflessjoni tal-lum hu fuq il-fatt li kienet “omm” u kemm nissottovalutaw dan ir-rwol tant meħtieġ fil-Knisja u fis-soċjeta’.

Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tas-7 ta’ Jannar 2015, jgħid hekk dwar il-valur tal-ommijiet:

“Kull bniedem jaf ħajtu lil omm, u kważi dejjem jaf lilha wkoll ħafna mill-bqija ta’ ħajtu, mill-formazzjoni umana u spiritwali tiegħu. Imma l-omm, anki jekk hi eżaltata ħafna mil-lat simboliku, – tant poeżiji, tant affarijiet sbieħ li jingħadu poetikament fuq l-omm – ftit hi mismugħa u ftit issib għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, ftit hi meqjusa fir-rwol ċentrali tagħha fis-soċjetà. 

L-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku. “Individwu” jfisser “li ma tistax taqsmu”. Imma l-ommijiet “jinqasmu”, ibda minn meta jilqgħu iben fi ħdanhom biex jagħtuh lid-dinja u jrabbuh. Huma l-ommijiet l-aktar li jobogħdu l-gwerra, li toqtlilhom lil uliedhom.  

L-Arċisqof Oscar Arnulfo Romero kien jgħid li l-ommijiet iġarrbu “martirju matern”. Fl-omelija għall-funeral ta’ saċerdot maqtul mill-iskwadri tal-qtil, hu tenna dak li qal il-Konċilju Vatikan II:

“Kollha kemm aħna rridu nkunu lesti mmutu għall-fidi tagħna, anki jekk il-Mulej ma jagħtiniex dan l-unur… Li nagħtu ħajjitna ma jfissirx biss niġu maqtula; nagħtu ħajjitna, ikollna spirtu ta’ martirju, ifisser li ningħataw fid-doveri tagħna, fis-silenzju, fit-talb, fit-twettiq onest ta’ dmirijietna; f’dak is-silenzju tal-ħajja ta’ kuljum; nagħtu ħajjitna ftit ftit! Iva, kif tagħtiha omm, li bla biża’, bis-sempliċità tal-martirju matern, tnissel f’ġufha iben, tagħtih id-dawl, treddgħu, trabbih u tieħu ħsiebu bi mħabba. Dan ifisser tagħti ħajtek. Dan hu martirju”.

Soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem, hemm minqux il-valur tal-fidi fil-ħajja ta’ bniedem. Hu messaġġ li l-ommijiet li jemmnu jafu jgħadduh mingħajr ħafna spjegazzjonijiet: dawn jiġu wara, imma ż-żerriegħa tal-fidi qiegħda f’dawk l-ewwel waqtiet mill-aktar prezzjużi. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha”.

Talba: O Alla, Int qaddist lil Eliżabetta Anna Seton b’don u grazzji; bħala mara u omm, edukatura u fundatriċi, sabiex setgħet tgħaddi ħajjitha f’servizz lejn il-poplu tiegħek. Agħtina li permezz tal-eżempju u t-talb tagħha, aħna wkoll naslu biex nitgħallmu nesprimu l-imħabba tagħna lejk fl-imħabba u l-qadi tagħna lejn il-bnedmin kollha li fihom għandna naraw lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-elizabeth-ann-seton.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-ann-seton-105 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_Ann_Seton

Film on the life of Elizabeth Ann Seton:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Kety

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Kety

“Iġġieled kontra l-iżbalji, imma agħmilha b’mod tajjeb, bil-paċenzja, bil-ġentilezza u bl-imħabba. Il-ħruxija tagħmel ħsara lil ruħek u tħassar l-aħjar kawża”. ~ San Ġwann ta’ Kety  

30450SAN ĠWANN TA’ KETY
Saċerdot
1390 – 1473

Tagħrif: San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, Djoċesi ta’ Krakow, il-Polonja, fit-23 ta’ Ġunju 1390. Hu studja fl-Universita’ ta’ Krakow minn fejn ordna saċerdot, u wara sar professur tat-teoloġija.

Għallem għal bosta snin fl-Universita’ ta’ Krakow; imbagħad l-għira ta’ xi wħud minn sħabu pperswadiet lis-superjuri tiegħu biex jibagħtuh bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi. Iżda wara xi tmien snin raġa mar Krakow jgħallem l-Iskrittura fl-Universita’ fejn baqa’ sakemm miet.

San Ġwann kien qaddis tipiku: kien bniedem ta’ fidi safja, twajjeb, umli, ġeneruż, dejjem ferħan iżda serju, u mimli mħabba lejn għajru tant li wasal li ta’ ġidu kollu lill-foqra.

B’xewqa li jmut martri, għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa biex jippriedka fost il-Musulmani. F’ħajtu għamel erba’ pellegrinaġġi għal Ruma bil-mixi, iġorr ħwejġu fuq dahru.

San Ġwann miet fi Krakow lejliet il-Milied tal-1473. Ikkanonizzah il-Papa Klement XIII fl-1767.

Ħsieb: Dan hu dak li qal il-Papa Klement XIII dwar San Ġwann ta’ Kety:

“San Ġwann kien ta’ eżempju mill-isbaħ għall-professuri tal-Universita’, kien ispirazzjoni ta’ dedikazzjoni kompleta fid-doveri tiegħu u fit-tagħlim. … Barra mill-umilta’ kbira li kellu, kien sempliċi qisu tifel. Kuljum wara li jkun għallem kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u jqatta’ sigħat sħaħ jitlob quddiem Ġesù fl-Ewkaristija”.

Il-kelma “universitas” għandha l-idea ta’ ġabra fimkien ta’ kollox, jiġifieri tas-suġġetti u d-dixxiplini kollha, u l-idea tal-komunità. Ma tistax tgħix tassew mingħajr ma tgħolli r-ruħ u l-moħħ lejn l-għerf u t-tagħlim, mingħajr ix-xewqa li wieħed jgħolli ‘l fuq il-ħsieb u l-konoxxenza tiegħu. Ir-riċerka trid issir flimkien, waqt li tistimola interessi tajbin komuni, li wieħed jaqsam ukoll mal-oħrajn. Din hi l-karatteristika universali tal-università, karatteristika li qatt ma tieqaf milli tinkludi fiha lil kulħadd u lil kull suġġett possibbli.

Ir-riċerka tat-tajjeb, infatti, hija ċ-ċavetta biex wieħed jirnexxi fl-istudji tiegħu, l-imħabba hija l-ingredjent li jagħti t-togħma lit-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim u b’mod partikulari lid-drittijiet tal-bniedem u tal-popli.

Il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2015, fil-Laqgħa mad-Dinija tal-Iskola u l-Universita’, qal dan:

“Hemm riflessjoni li tolqot lilna lkoll: familji, skejjel, għalliema: kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jħarsux lejn id-diploma tal-università bħala ċertifikat li jagħmilhom xi ħaġa aktar minn ħaddieħor, bħala xi ħaġa li tfisser “aktar flus”, prestiġju soċjali. Le, dawn ma jfissrux hekk. Kif nistgħu ngħinuhom biex jagħrfu li din it-tħejjija hi sinjal ta’ responsabbiltà akbar quddiem il-problemi tal-lum, quddiem il-ħtieġa tal-għajnuna lill-aktar foqra, quddiem il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent?

Lilkom illum, lili, lil kulħadd, aħna mitlubin biex b’urġenza nfittxu naħsbu, nfittxu niddiskutu dwar is-sitwazzjoni attwali tagħna – u ngħid urġenti -; li nsibu l-kuraġġ naħsbu dwar liema tip ta’ kultura rridu jew nippretendu li jkollna, mhux biss għalina imma wkoll għal uliedna u għan-neputijiet tagħna. Din l-art irċevejniha b’wirt, bħala don, bħala rigal. Nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

  • Kif irridu nħalluha?
  • Liema toroq irridu nimmarkaw bihom l-eżistenza tagħna?
  • Għal liema raġuni aħna ġejna f’did-dinja?
  • Għal liema għan ġejna f’dil-ħajja?
  • Għal liema għan naħdmu u nissieltu?
  • Għalfejn qed nistudjaw?

L-Ispirtu s-Santu jispirana u jakkumpanjana għax Hu kien li sejħilna, stedinna, tana l-opportunità u fl-istess waqt, tana r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna. Jalla jtina l-qawwa u d-dawl li għandna bżonn. Hu l-istess Spirtu li fl-ewwel jum tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet biex jittrasformahom, mehdi li jagħti l-ħajja. Hu l-istess Spirtu li lid-dixxipli tahom il-qawwa fil-Pentekoste. Hu l-istess Spirtu li ma jabbandunana qatt u jitwaħħad magħna biex insibu modi ta’ ħajja ġdida. Jalla jkun Hu l-kumpann tagħna u l-gwida tagħna tul il-vjaġġ”.

Talba: San Ġwann ta’ Kety, inti kont il-professur li għamilt il-ħajja tiegħek studju fil-qdusija, nitolbuk tinterċedi għall-professuri, l-għalliema u dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ħa jkollhom l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex iwasslu dak id-Dawl u l-Għerf vera lill-istudenti. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-cantius.html

Alternative Reading: http://www.cantius.org/go/about_us/category/st_john_cantius_saints_story/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Cantius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.