F’dan is-sit Malti ssibu 'Qaddis għal kuljum' ta' matul is-sena f'paġni mqassma f'Tagħrif, Ħsieb, Talba, Liturġija tas-Sigħat, Testi bl-Ingliż u Vidjos dwar Qaddisin popolari u dawk inqas popolari, u aktar …
Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.
Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.
Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.
Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.
Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.
Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.
Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.
Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.
Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.
Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.
Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.
Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.
Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.
Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.
Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.
Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.
P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).
Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.
Tagħrif: Patri Avertan Fenech huwa wild ewlieni u waħdieni ta’ Duminku Fenech u Marija Attard. Huwa twieled nhar l-10 ta’ Lulju 1871 il-Mosta u ġie mgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali u semmewh Lwiġi għal San Alwiġi Gonzaga li bħalu kellu jispikka għall-virtù tas-safa.
Mid-dar huwa tgħallem jitlob u jikber fil-fidi. Il-familja għalkemm fqira kienet għanja fil-ħajja tal-fidi. Missieru kien jaqta’ l-ġebel f’barriera u ommu kienet seftura mas-sinjuri Grech Mifsud. Dawn is-sinjuri kellhom dar il-Belt biswit is-santwarju tal-Karmnu u aktarx li minn hemm huwa wiret l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu.
Lwiġi kellu karattru sensibbli, u galbat, dejjem jilqgħek bit-tbissima fuq wiċċu. Imġibtu ma’ sħabu kienet eżemplari u kien juri li miġbud għall-ħajja tat-talb u l-virtù, hekk li l-Arċipriet tal-Mosta għażel li jagħmillu l-Preċett qabel il-Griżma, ħaġa rarissima, dak iż-żmien. Iktar ma’ beda jikber, kompliet tikber miegħu is-sejħa għall-ħajja reliġjuża Karmelitana u meta lill-ġenituri wrihom din ix-xewqa huma bagħtuh jistudja l-Latin u t-Taljan għand qassis in-Naxxar.
Fis-6 ta’ Frar 1888 il-Vigarju Provinċjali Patri Lwiġi Malfatti laqgħu fin-novizzjat il-belt u sena wara pprofessa fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt. Imbagħad nhar is-27 ta’ Frar 1892 ipprofessa solenni fl-oratorju tan-Novizzjat fil-Belt. Wara dan huwa kompla l-formazzjoni fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan u kellu b’surmast lil Patri Francesco Raiti li iktar tard ġie magħżul isqof ta’ Trapani.
Fl-1896 ġie magħżul bħala prefett tal-kjeriċi minħabba l-ħajja virtuża u integra tiegħu u fil-5 ta’ Lulju 1896 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Camilleri OSA u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Mal-ordinazzjoni ntefa’ għall-ministeru tal-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Ukoll l-imġiba tiegħu kemm waqt it-talb u l-quddiesa kif ukoll fil-komportament tal-ħajja ta’ kuljum u fir-relazzjoni ma’ ħutu fil-komunità kienet ta’ edifikazzjoni u ammirazzjoni speċjalment għax kien jgħix tassew kontinwament fil-preżenza ta’ Alla.
Il-modestja, l-umità, il-faqar u s-safa tiegħu kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali, fosthom Dun Mikiel Gonzi, li iktar ’il quddiem sar Arċisqof ta’ Malta, u li kien lettur is-Seminarju, kif ukoll is-seminaristi. Mons. Ġużeppi de Piro stqarr mal-isqof li s-seminaristi kienu jmorru jqerru għand dan il-patri Karmelitan ta’ fama qaddisa flok għand il-konfessur tas-seminarju.
Il-ħajja ta’ reliġjuż tassew u kif għandu jkun qanqlet lis-superjuri tiegħu biex iqegħduh l-ewwel bħala viċi-surmast u imbagħad bħala surmast tan-novizzi. Huwa dam 26 sena jaqdi dan il-ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt idejh. Minnu tgħallmu jaħarbu l-għażż, jgħixu ħajja ta’ talb u osservanza reliġjuża tar-Regola, fl-ubbidjenza, fil-faqar evanġeliku u fis-safa u qadi tal-poplu ta’ Alla skont l-ispirtu u l-kariżma tal-Karmelu. F’dan ir-rwol tiegħu Patri Avertan ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta fi żmien l-epidemija tal-Ispanjola fil-kura personali li kien jieħu tan-novizzi milquta minn din l-epidemija, b’riskju wkoll għal ħajtu.
Patri Avertan qeda diversi uffiċċji fosthom bħala delegat provinċjali għall-Kapitlu Ġenerali f’Ruma fl-1919 fejn ħalla impressjoni fuq il-Pirjol Ġenerali u fuq il-kapitulari minn madwar id-dinja, għall-umiltà, l-ispirtu ta’ talb u l-manswetudni tiegħu. Kulħadd kien iżommu b’qaddis, kemm ħutu r-reliġjużi kif ukoll in-nies li kienu jfittxuh għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Kien ta’ edifikazzjoni fis-sabar qalb it-tiġrib u offra lilu nnifsu għall-konverżjoni tal-midinbin.
Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl-1932 li ħallih b’ġismu nofsu paralizzat u b’fommu mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11 il-sena u nofs saru issa mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom kien iwassal il-Vanġelu. Patri Avertan qatt ma kien predikatur. Leħnu ma kienx jagħtih, imma dejjem ippriedka bl-eżempju ta’ ħajtu u issa f’dan il-mument spikka bl-eżempju ta’ virtù u l-għaqda ma’ Alla f’rassenjazzjoni serena mar-rieda ta’ Alla. Qatt ma naqas mit-tbissima lil min kien iżuru, qatt ma lmenta fuq nuqqas ta’ ikel kemm minħabba l-għaks tal-gwerra kif ukoll għax ma setax jiekol ikel solidu.
Fil-kunvent minkejja li ppruvaw jieħdu ħsiebu kif setgħu kien hemm skarsità fl-ikel u anke fil-kumdità. Il-kunvent ġie trasformat f’uffiċini tas-Servizzi Ċivili bil-ħaddiema tad-Dockyard, il-patrijiet ukoll kienu jsostnu b’karità r-refuġjati tal-gwerra. Nieqes minn kollox issa kien tassew jixbah lill-kurċifiss li lejh kien iħares u lilu kien juri meta kienu jitħassruh. F’din il-qagħda huwa tassew kif jgħid San Pawl kien qed jgħix il-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Xewqa waħda żamm, dik li jfieq ħalli jqaddes! F’wieħed mill-irtiri tiegħu kiteb hekk:
“Aħna riżoluti, o Ġesù, li nirrinunzjaw kollox għal imħabbtek u, mgħannqin mas-salib tiegħek irridu ngħixu u mmutu bħalek, privi mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja u ma nixtiequx ħlief dawk tas-Sema. Din hija l-unika xewqa tagħna, li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata li niġu ngawduk għall-eternità ġewwa l-ġenna kif inti wegħedtna. Hekk Ikun.” Il-marda tiegħu kellha tkun għalih il-martirju li hu ġarr b’qalb sħiħa.
Miet fl-1 novembru 1943 għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Il-konfessur tiegħu Patri Ġerardu Paris Dumnikan xehed li qatt ma dineb gravement. Bosta xtaqu jaraw il-ġisem mejjet ta’ Patri Avertan fiċ-ċella tiegħu fejn in-nies setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Ġie midfun fil-kripta taħt il-knisja. Ma’ mewtu xterdet il-fama tal-qdusija. Fil-gazzetti xterdet l-aħbar li miet reliġjuż qaddis. Il-qabar tiegħu sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fil-25 sena mill-mewt tiegħu l-Arċisqof Mikiel Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu li tqegħdu f’qabar ġdid fil-kannierja.
Fl-2014 f’għeluq is-70 sena minn mewtu l-fdalijiet indifnu fil-kappella tal-Madonna tar-Rocca tal-Karmnu tal-Mdina. Bosta huma dawk li jiġu jżuru qabru u ċ-ċella tiegħu , jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. Illum Patri Avertan huwa mudell għar-reliġjużi kollha fl-għażla ta’ Alla fl-ewwel post ta’ ħajjitna. Lil ħutu Karmelitani ifakkarhom dejjem fil-primat tal-kontemplazzjoni u quddiem l-insara jiddi bħala xempju tas-safa tal-qalb. Bħala saċerdot ifakkar u jqanqal bl-eżempju ta’ ħajtu lis-saċerdoti biex jingħataw għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Fl-aħħarnett f’dinja u kultura li tiddiskuti dwar jaqbilx li bi “ħniena” nagħtu l-mewt lil min jinsab f’mard terminali Patri Avertan jiddi bħala mudell u xempju tad-dinjità u l-valur tal-bniedem ukoll f’dawn il-kundizzjonijiet .
Mitlubin mill-Postulaturiċi tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Patri Avertan Fenech, Karmelitan, biex tinfetaħ din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba ta’ Patri Avertan Fenech, Karmelitan jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B’kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata ma’ l-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier ta’ l-istess Tribunal.
Nordnaw li dan l-Editt jitwaħħal fil-bieb tal-Kurja għal xahrejn u jitwaħħal fin-notice boards tal-parroċċi għall-istess żmien. Mogħti mill-Kurja Tagħna fil-Furjana, illum 9 ta’ Jannar, 2017, festa tal-Magħmudija tal-Mulej.
Il‑Ħamis 2 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il‑proċess tal‑kawża għall‑Qdusija ta’ Patri Avertan Fenech, fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu, l‑Imdina. Wara, fl‑istess Knisja huwa bierek ix‑xemgħat u ta’ bidu għall‑purċissjoni lejn il‑Katidral biex ikompli l‑Quddiesa Pontifikali li saret fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, filwaqt li ċċelebra Jum il‑Ħajja Kkonsagrata.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina
“Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom” (Luqa 2:21). L-Evanġelju tal-lum jibda b’din l-espressjoni li għall-familja Lhudija kienet tfisser li mit-twelid tat-tarbija kienu għaddew erbgħin jum skont il-liġi ta’ Mosè. Il-familja ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija hija sottomessa għal-liġi bħal kull familja Lhudija oħra, sottomessa għal-liġi ta’ Mose. Ġesù ta’ erbgħin jum jittieħed Ġerusalemm u jidħol għall-ewwel darba fit-Tempju. Daħal diversi drabi oħra matul ħajtu fuq din l-art. Daħal biex ikeċċi l-bejjiegħa tat-tempju, daħal biex jgħid li huwa d-dawl tad-dinja. Illum ma jgħidhiex hu din il-kelma, imma jgħidha Xmun, dan “ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu” (v. 25).
Aħna u nibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech, inħarsu lejh bħala eżempju sabiħ ta’ kif il-persuna kkonsagrata tista’ tkun, fil-każ tiegħu, “raġel ġust u tajjeb li jistenna l-faraġ ta Israel u li l-Ispirtu kien fuqu”. Anke lil Patri Avertan, bħalma ngħata lil Xmun, ingħata d-don sabiħ li huwa u jistenna l-faraġ tal-Mulej, ikun mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu tal-Mulej u jagħraf il-preżenza tal-Mulej.
Jiena nixtieq insellmilkom, għeżież reliġjużi rġiel, għeżież reliġjużi nisa, membri tal-Istituti sekulari u tal-Ordo Virginum f’dan il-jum li l-Knisja tixtieq ikun ukoll iddedikat għalikom u l-awgurju, it-talba li nagħmlilkom huwa li fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin ikkonsagrati lill-Mulej, intom tistennew b’ħerqa “l-faraġ ta’ Israel”, intom tkunu doċli għal dak li jnebbaħ fikom, fil-qalb tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.
Illum aħna nilqgħu lil Ġesù bħalma laqgħu f’dirgħajh Xmun bħala s-salvazzjoni li ħejja l-Mulej għall-popli kollha: “id-dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Israel” (v. 32). Salvazzjoni, dawl, glorja. Jekk aħna rridu nikkolegaw dan il-mument ta’ dawl, ta’ glorja, ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, inħarsu lejn it-Trasfigurazzjoni fejn is-Salvatur ukoll jidher ukoll bħala dawl: “wiċċu sar jiddi bħax-xemx” (Mattew 17:2) u jiddi fil-glorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn insejħulu wkoll fis-sbuħija tat-Tabor, bħala ‘is-Salvatur’.
Hemm ukoll kelma oħra fuq Ġesù li l-persuna kkonsagrata ma tistax taħrab minnha. Xmun iħares lejn omm it-tarbija, berikhom u qal lil Marija: “ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh” (Luqa 2:34) signum contradictionis. Il-persuna kkonsagrata, in-Nisrani mpenjat ikolli ngħid ukoll, ma jistax jevita din il-liġi, din il-providenza li jkun sinjal li jmeruh. L-ewwel nett għaliex il-ħajja tan-Nisrani imma b’mod speċjali l-ħajja tal-persuna kkonsagrata hija kontra l-kurrent u allura hemm din it-tensjoni kontinwa bejn l-ideali li huma espressi fl-ubbidjenza, fil-faqar, fil-kastità, u l-kontro-valuri ta’ dinja li tfittex l-awtonomija, li tfittex il-flus u l-pjaċir. It-talba tagħna hija li l-Mulej li jżurna meta jżurna, isibna bħal Xmun, persuni ġusti, twajba, mimlija tama għax kontinwament qegħdin fit-tensjoni li nistennew il-“faraġ ta’ Israel” mhux il-faraġ tad-dinja imma l-faraġ li jagħtina l-Mulej stess.
“Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja, il-paċi tiegħi” (Ġw 14, 27). Meta aħna nitkellmu fuq il-paċi li jkun hemm fil-qalb, mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li nħoss, għalkemm il-paċi b’mod speċjali fl-esperjenza tat-talb, hija wkoll sensibbli, imma hija xi ħaġa iżjed profonda, hija don tal-Mulej. Il-kriterju tal-paċi huwa l-kriterju ta’ min ir-rieda tiegħu hija marbuta mar-rieda ta’ Ġesù li fit-tribunal tal-kuxjenza tiegħu li huwa t-tribunal tal-verita’, iħossu – mhux bil-ħass tas-sentimenti – imma bil-persważjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu, verament f’paċi ma’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: aħna qegħdin f’paċi ma’ Alla? San Ġorġ Preca kien iħobb isemmi u jgħid: “Alla tagħna hu Alla tal-paċi” u t-tislima tiegħu bħala rxoxt, bħala rebbieħ fuq il-mewt, hija “il-paċi magħkom”.
Għalhekk jiena nitlob anke bl-intereċessjoni tal-qaddej ta’ Alla Patri Avertan, bl-interċessjoni ta’ tant erwieħ ikkonsagrati li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi, biex aħna nkunu preżenza ta’ paċi vera fil-komunitajiet tagħna, bejnietna, u fis-soċjetà. Il-paċi ta’ min jistenna bil-ġustizzja u bit-tjieba, il-faraġ li jagħti l-Mulej, il-paċi ta’ min it-tama tiegħu fil-Mulej, il-paċi ta’ min iħobb b’imħabba tant kbira li jaf iħaddan saħansitra min għamel il-ħsara jew min iweġġgħu.
Niftakru llum ukoll mhux biss fi Xmun, imma ukoll fil-mara anzjana, qaddisa: f’Anna bint Fanwel li “kienet imdaħħla fiż-żmien” – bħal ħafna membri tal-ħajja kkonsagrata llum, mhux bilfors kienu miżżewġin bħalha, imma din “għamlet seba’ snin miżżewġa, imbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena” – u qed nara xi wħud li jfakkruni f’din l-età – “ma kienetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u t-talb” (Luqa 2:37). Kemm hu ritratt sabiħ ta’ Anna, bint Fanwel, li kienet għaddiet minn diversi mħabbiet, kellha wkoll it-togħma tal-imħabba miżżewġa, imma mbagħad minħabba li sfat armla żagħżugħa, sabet ukoll l-imħabba fit-tempju, “lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u fit-talb”.
Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-preżenza tkun ukoll preżenza fekonda fil-Knisja, il-preżenza ta’ nisa ferħana bl-għotja tagħhom li lejl u nhar jaqdu lill-Mulej “fis-sawm u t-talb”. Hi ukoll bdiet tfaħħar l’Alla u “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (v.38). Anna hija dik li tintgħażel biex tibda titkellem dwar it-tarbija. Xmun jagħraf it-tarbija, li hija l-Messija, is-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja, jagħti l-profezija lil ommu u lil żewġha Ġużeppi, imma hija Anna magħżula biex “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”. Tgħiduli: “mhux bilfors la mara?” Mhux bilfors, imma l-mara, fost dawn iż-żewġ profeti, hija magħżula biex tkun l-evanġelista li twassal l-aħbar it-tajba ma’ kull min kien qiegħed jistenna.
Il-poplu tagħna huwa għatxan għal din l-Aħbar it-Tajba. Għandu bżonn nisa li filwaqt li jgħaddu ħajjithom fit-tempju “lejl u nhar fis-sawm u fit-talb” isibu wkoll il-ħin, il-ferħ li jitkellmu fuq Ġesù ma’ min forsi qiegħed jistennih, jixxennaq għalih mingħajr ma jaf. Kemm nies għandhom kull ma jridu u qishom m’għandhom xejn. Kemm nies li jagħmlu l-esperjenzi tal-kontro-valuri tal-awtonomija, tar-rikezza u tal-pjaċiri tad-dinja, iħossu vojt kbir fil-qalb tagħhom. Forsi warrbu lil Ġesù għax jiddejqu jersqu lejh, forsi għax ħassew u jħossu li aħna se nikkundannawhom, li m’hemmx post għalihom fit-Tempju u hemm bżonn isibu min, li t-tempju jafu sew, li “fis-sawm u fit-talb” waslu f’intimità ma’ Alla li hu imħabba u jisimgħuh jitkellem fuq it-tarbija ta’ Betlehem.
Nitolbu l-interċessjoni ta’ Patri Avertan u ta’ tant erwieħ oħra kkonsagrati għall-vokazzjonijiet. Ikun futur fqir għal Malta jekk ikollha tiftaqar mill-preżenza tar-reliġjużi, tal-Istituti Sekulari u tal-Verġni kkonsagrati. Din il-kelma ta’ tjubija, din il-kelma profetika, intom tafu li għandna bżonnha, intom tafu wkoll li hemm urġenza li din ngħadduha minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti fl-għalqa tiegħu. Nitolbu llum lill-Madonna fil-misteru tal-ferħ tal-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempju hi li ma kellhiex l-opportunita’ li toffri l-offerta tas-sinjuri. M’offrietx ħaruf, imma offriet, għax dak l-unika offerta li jsemmi San Luqa, żewġt bċieċen. Infatti hemm ikonografija ħelwa ta’ San Ġużepp bil-gaġġa biż-żewġ bċieċen jew gamiem. Imma fl-istess ħin kienet għanja ħafna għax lit-tempju tagħti żewġ għasafar u f’idejha kienet qed tħaddan l-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhiex bżonn iġġib ħaruf magħha dik li kellha fi ħdanha lill-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U dik li fl-għajnejn tad-dinja, il-mara tal-mastrudaxxa kienet fqira, kienet għanja imma għaliex kellha fi ħdanha l-ħaruf ta’ Alla, kienet ukoll imnebbħa permezz ta’ Xmun bit-tbatija li kellha tgħaddi minnha. Dan ukoll huwa allura mument ta’ dulur. Intom tafu, li fid-devozzjoni popolari dan l-episodju għandu żewġt uċuħ: misteru tal-ferħ u wieħed mid-duluri ta’ Marija Santissima, meta Xmun jgħidilha: “u inti, sejf jinfidlek ruħek” (v. 35).
Ejjew ningħaqdu magħha fil-ferħ tagħha u fid-dulur tagħha u nafdaw lill-Knisja f’Malta f’idejn ta’ San Ġużepp li ma jitkellimx, imma sema’ kollox u kellu ħarsa qalila lejn Xmun x’ħin beda jisma’ bis-sejf, imma mbagħad irrealizza li hu kellu wkoll jitgħallem li din it-tarbija mħabbra fil-ħolm lilu u li hu kellu jsemmih Ġesù, mhux kellu jkun salvazzjoni, dawl, u glorja imma wkoll ħaruf tas-sagrifiċċju, sinjal li jmeruh. Jalla aħna wkoll ikollna l-kuraġġ nilqgħu lil Ġesù fid-dawl tiegħu u fis-salib tiegħu biex hekk aħna wkoll bħal tant qaddisin qabilna, inkunu nies ġusti u twajba li “jistennew il-faraġ ta’ Israel u l-Ispirtu s-Santu ikun fuqna”.
MARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952
Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.
Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.
Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.
Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.
Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba”, il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità”.
Il-Għan Qaddis
Il-fini ta’ l-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pieta’, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.
Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.
L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.
Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.
Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesu’.
Sentejn wara il-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.
Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.
L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.
L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu mportanza kbira lill-Katekiżmu.
Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’.
Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù 1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.
Hi ta’ mportanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.
L-attivita’ tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.
Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.
Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.
Tagħrif: Dun Mikiel twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru 1933, l-ewwel fost tnax-il aħwa, iben Coronato u Anna neè Tabone. Billi kien jaħdem Malta bħala kuntrattur u bennej, missieru kien mar joqgħod bil-familja b’kollox fil-Ħamrun u hekk Dun Mikiel għadda l-ewwel sitta jew seba’ snin ta’ ħajtu joqgħod Malta. Fl-1940, wara li faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, Coronato ddeċieda li jirritorna lura bil-familja tiegħu lejn raħal twelidu. Hawn iċ-ċkejken Mikiel beda jiffrekwenta l-MUSEUM fejn fl-1945 ġie aċċettat bħala kandidat.
Ta’ għaxar snin beda wkoll jistudja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Mis-superjuri u l-għalliema kien miżmum bħala student intelliġenti, serju, eżemplari, ta’ ħajja tajba u attent biex iwettaq dmirijietu sewwa. Aktar tard huwa ddeċieda li jimxi wara Kristu fit-triq tas-saċerdozju. Bħala seminarista huwa kien kapaċi jidħak u jiċċajta ma’ sħabu imma fl-istess ħin iħobb il-ħajja ta’ ġabra u talb. Huwa ġie ordnat djaknu mill-isqof Mons Ġużeppi Pace fl-20 ta’ Diċembru 1958 u presbiteru fit-12 ta’ April 1959.
Fost il-ħidmiet pastorali li wettaq b’żelu kbir, Dun Mikiel ħadem ħafna maż-żgħażagħ. Għal ħafna snin kien direttur spiritwali tal-Football Club Nadur Youngsters fejn, barra mit-talb qabel kull partita, qatt ma kien jonqos li jgħaddilhom kelma tajba. Huwa kien jorganizza laqgħa fix-xahar għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tiegħu u aktar tard waqqaf il-grupp ta’ talb imsejjaħ GYM talb Madonna Ta’ Pinu. Huwa beda joħroġ ukoll il-fuljett ta’ darba fix-xahar “Il-Ħbieb isejħu”. Baqa’ ħafna attiv fil-MUSEUM u spiss kien iżur id-diversi oqsma ta’ Għawdex.
Huwa ħabb ħafna lis-saċerdoti u ħadem kemm felaħ biex jgħinhom f’kull bżonn tagħhom. Fl-1966 beda joħroġ fuljett għalihom, “Aggiornamento”, li fih kien jittratta temi spiritwali u pastorali attwali. Huwa dejjem ħadem id f’id mal-isqof tiegħu, fi spirtu ta’ komunjoni u ubbidjenza, u għen lil sħabu s-saċerdoti jgħixu f’dan l-ispirtu. Anke meta ma kienx mifhum jew sab lil min ma jaqbilx miegħu, huwa dejjem ġarrab kollox fis-skiet għall-imħabba ta’ Kristu.
Kellu ħeġġa kbira għall-erwieħ. Kien lest jissagrifika lilu nnifsu, anke sa tard bil-lejl, biex jisma’, ifarraġ u jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu fil-qrar jew fid-direzzjoni spiritwali. Ħafna nies, fosthom numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, kienu jżommuh bħala d-direttur spiritwali tagħhom. Mix-xhieda ta’ ħajtu u mill-għerf tal-Ispirtu li kellu gawdew ukoll għal ħafna snin is-seminaristi Għawdxin fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju. Kien, fil-fatt, direttur spiritwali fis-Seminarju Maġġuri mill-1970 sal-1996. Dun Mikiel kien jibqa’ jsegwihom anke wara l-ordinazzjoni u meta kienu jkunu msefrin.
Kellu spirtu missjunarju kbir. Fit-2 ta’ Ottubru 1982 huwa waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bil-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn il-missjonijiet u jorganizza aħjar il-ħidmiet lokali favur il-missjoni. Ma’ dan il-Grupp huwa organizza esperjenzi missjunarji fl-Eġittu, il-Kenja, l-Etjopja, il-Pakistan, l-Indja, il-Brażil, it-Tuniżija, l-Alġerija u l-Perù.
Kien iħobb sinċerament lil art twelidu, iħoss għall-ħtiġijiet tal-poplu u jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet soċjali. Stinka biex il-Moviment Azzjoni Soċjali jibda jwettaq il-ħidma tiegħu f’Għawdex ukoll.
Kien saċerdot ferħan li għex is-saċerdozju tiegħu b’mod sħiħ. Is-sigriet tiegħu kien l-għaqda intima tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb. Kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna Ta’ Pinu. Kellu mħabba kbira għall-Quddiesa ta’ kuljum, għall-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, għal-Liturġija tas-Sigħat u għar-Rużarju. Lill-Madonna Ta’ Pinu, li spiss kien iżurha fis-Santwarju tagħha, kien jafdalha kull ħidma tiegħu. Huwa kellu xewqa kbira li ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu jitrawwem xi Ordni ta’ patrijiet kontemplattivi, iżda dan it-tentativ ma rnexxiex. Għen ukoll biex tinfetaħ komunità tas-Sorijiet Dumnikani tal-Klawsura fix-Xagħra, iżda anke dan il-proġett rah ifalli quddiem għajnejh, liema żewġ esperjenzi kkawżawlu tbatija interjuri kbira. Iżda hu, ta’ bniedem spiritwali li kien, għaraf jaċċetta dawn il-fallimenti bi spirtu ta’ fidi u rassenjazzjoni f’idejn Alla. Kien jemmen li Alla għandu ż-żmien u t-triqat tiegħu, u ma ħalla xejn jaqtgħalu qalbu.
Is-saħħa fiżika tiegħu kienet dejjem xi ftit dgħajfa iżda hu, b’kuraġġ u b’fiduċja fl-għajnuna tas-sema, qatt ma żamm lura milli jagħti lilu nnifsu sal-aħħar. L-ispirtu ta’ sagrifiċċju u r-rabta ta’ qalbu mar-rieda tal-Missier, li wera f’kull ħidma pastorali tiegħu, uriha speċjalment fl-aħħar snin tal-mard tiegħu. Kien ilu jbati ħafna minn diversi tipi ta’ mard kroniku, fosthom l-ażżma u l-Parkinson’s disease, sakemm fis-sena 2000 kellu jinxteħet fis-sodda għal kollox. Hemmhekk baqa’ joffri lilu nnifsu bħala offerta ħajja lil Alla sakemm miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju 2004. Fit-2 ta’ Awwissu sar il-funeral tiegħu li għalih attendew 116-il qassis. Kienu preżenti wkoll il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u personalitajiet oħra flimkien ma’ folla kbira ta’ nies minn Malta u Għawdex.
“Lawrenz għajjat u qal: Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu; ma nibżax mill-moħqrija tiegħek. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: jien nittama fih”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Lawrenz (Salm 17(18):3b).
SAN LAWRENZ
Djaknu u Martri
? – 258
Tagħrif: Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej”.
Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. Ma għandniex wisq dettalji ċerti fuqu ħlief li kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma. Jingħad li hu kien minn Huesca ta’ Aragona (Spanja) u ħadu miegħu Ruma l-arċidjaknu Sistu meta dan kien għaddej fuq qadja minn Huesca t’Aragona.
Meta aktar tard Sistu sar papa bl-isem ta’ Sistu II, fil-257 għażel lil Lawrenz bħala djaknu, u għalkemm kien għadu żagħżugħ, qiegħdu l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni li kienu jservu lill-Knisja ta’ Ruma.
Fis-6 ta’ Awwissu 258 il-Papa Sistu, waqt li kien fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu ma’ xi djakni tiegħu, ġie maqbud u kkundannat għall-mewt. Jingħad li Lawrenz mar jilħqu u staqsieh kif kien sejjer għall-aħħar sagrifiċċju tiegħu mingħajr id-djaknu tiegħu. Papa Sistu jingħad li ħabbar lil Lawrenz li kellu jmut mewta ħarxa ftit jiem wara. Fil-fatt Lawrenz ġie hu wkoll maqbud mis-suldati Rumani.
San Ambroġ ħalla miktub li, skont tradizzjoni orali, Lawrenz qabel ma arrestawh, ġie mogħti tlett ijiem żmien biex inewwel lill-imperatur Valerjanu t-teżori tal-knisja, iżda d-djaknu biegħhom biex jiġu mgħejjuna l-foqra u ppreżenta lill-imperatur dawn l-istess foqra bħala teżori tal-knisja.
Lawrenz ġie għalhekk ikkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi jkun mixwi fuq gradilja. Il-qaddis ingħata difna xierqa fuq il-Via Tiburtina.
Prudentius, madwar is-sena 400, jgħid li l-konverżjoni ta’ Ruma saret minħabba t-talb ta’ San Lawrenz u jgħid ukoll li folol kbar kienu jmorru fil-knisja ta’ dan il-qaddis f’Ruma u li ħafna grazzji kienu jinqalgħu bl-interċessjoni tiegħu. Fis-seklu erbgħa dan il-qaddis mhux biss kellu festa iżda wkoll vġili.
Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano. Kostantinu l-Kbir bena bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.
Imfaħħar mill-aqwa dutturi tal-Knisja, fosthom Santu Wistin, Sant’Ambroġ, u San Leone Manju, wara l-Appostli San Pietru u San Pawl, hu l-iktar martri meqjum ġewwa Ruma.
Il-Papa tal-Immakulata, il-Beatu Piju IX, ried jindifen ħdejn il-qabar ta’ San Lawrenz, u hemm jinsab tassew. Lil San Lawrenz, huma ddedikati mijiet kbar ta’ knejjes, fosthom f’Ruma, San Lawrenz “In Lucina”, “In Damaso”, mibnija mill-Papa San Damaso (366-384), “In Paneperna” u “In Miranda”.
Lilu huma ddedikati l-Katidrali ta’ Genova, Perugia, Grosseto, Trapani, Lugano u oħrajn. Il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu bl-istess grad liturġiku daqs tal-festi tal-Appostli.
San Lawrenz huwa l-Patrun tal-Birgu u tar-raħal li jġib ismu ‘San Lawrenz’, Għawdex.
Ħsieb: Dan kliem l-Isqof Mario Grech – mill-omelija f’jum il-festa tad-Djaknu San Lawrenz:
“Lill-Isqof Ċiprijanu ta’ Kartaġni xi ħadd kitiblu hekk: Għadu kemm wasal editt ta’ Valerjanu li fih iħabbar il-qtil tal-isqfijiet u tad-djakni, fost dawn hemm id-djaknu Lorenzu. Skont l-Isqof Ċiprijanu, il-ħsieb ta’ Valerjanu ma kienx biss li joqtol lil dak u lill-ieħor, imma li f’kolp wieħed inaddaf lis-soċjetà ta’ żmienu mis-saċerdozju. Valerjanu ried joħloq l-instabbilità fi ħdan il-Knisja billi mhux biss ifieri imma saħansitra joqtol lil kull saċerdot. Nibża’ li dan l-ispirtu ta’ Valerjanu jista’ jerġa’ jibda jqajjem rasu … Hemm bżonn li fil-Knisja jkollna komunità li kapaċi tqum fuq riġlejha u tagħmel id-difiża tagħha mhux lil dik il-persuna (is-saċerdot individwali) imma l-ministeru afdat lil dik il-persuna”.
U din li ġejja hija riflessjoni ta’ Dun Daniel Xerri fuq il-fidi li kellu fi Kristu id-Djaknu Lawrenz:
L-imħabba ta’ Lawrenz għal Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li wasslitu sal-martirju, hi marbuta ħaġa waħda mal-fidi tiegħu.
X’inhi l-fidi? Hija meta “l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla” u “lil Alla li juri lilu nnifsu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-moħħ u tar-rieda tiegħu u jilqa’ bil-qalb dak kollu li Alla jurih u jitlob minnu” (Dei Verbum, 5). Din hi dik li San Pawl isejħilha “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rumani 16: 26) u li bix-xieraq, kull bniedem għandu jagħti lil Alla, proprju għax hu Alla.
Lawrenz emmen f’Alla u f’Iben Ġesù Kristu, afdah b’għajnejh magħluqa u ntelaq f’idejh sa fil-martirju. Sa minn tfulitu huwa ħaddan il-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret, fidi li mmarkatlu ħajtu. Il-mod kif għex u miet juri biċ-ċar li hu kien kollu kemm hu ta’ Kristu. Speċjalment fil-belt ta’ Ruma huwa ltaqa’ ma’ ħafna nsara li taw xhieda tal-fidi tagħhom b’kuraġġ u determinazzjoni. Kien fuq kollox l-eżempju tal-martri li kabbar u saħħaħ bil-qalb ta’ Lawrenz l-fidi f’Ġesù. L-eżempju ta’ dawk l-insara qalbiena li f’din il-belt xerrdu demmhom għal Kristu kien dejjem quddiem għajnejh. Nistgħu nimmaġinaw x’kien iħoss meta ma’ ħutu l-insara l-oħra kien iżur l-oqbra tal-martri u jitlob fuqhom, kif kienet id-drawwa tal-knisja f’dawk iż-żminijiet. Min jaf x’ħass meta, fuq ordni tal-Papa Sistu II innifsu, kellu jieħu ħsieb ir-relikwi għeżież tal-Appostli Pietru u Pawlu u jaħbihom fil-katakombi biex iħarishom mill-id qerrieda tal-persekuturi.
Meta fis-sena 257 l-Imperatur Valerjanu ħareġ l-editt biex jiġu maqtula l-membri kollha tal-ġerarkija tal-Knisja, Lawrenz fehem li issa kien imiss lilu jagħti xhieda għall-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Imqanqal mit-tħeġġiġ tal-Papa Sistu II u msaħħaħ mix-xhieda tiegħu, Lawrenz beda jarma ruħu għall-martirju. Hu kien lest li jbati u jmut għal dak li emmen fih. Bi kliem San Pawl seta’ jgħid: “Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati, imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint” (2Timotju 1:12). U wasal il-waqt tal-prova. Kien l-10 t’Awwissu tas-sena 258 meta ż-żagħżugħ Lawrenz tela’ ferħan fuq il-gradilja u ħalla lil ġismu jinħaraq bin-nar għall-imħabba ta’ Ġesù. Fil-qawwa ta’ dak in-nar kienet qed tissaffa u tilħaq il-milja tagħha l-fidi tiegħu.
Żgur li f’dawk il-mumenti ġew f’moħħ id-Djaknu Lawrenz l-kelmiet tal-appostlu Pietru, li snin qabel kien kiteb lill-Insara tal-Asja Minuri: “Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu” (1Pietru 1:7). Għalhekk, “ħuti għeżież, tistgħaġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom …” (1Pietru 4:12). Żgur li ġewh ukoll f’moħħu l-kelmiet tal-appostlu Pawlu: “Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss li temmnu fih, imma saħansitra li tbatu għalih” (Filippin 1:29). San Lawrenz serva lil Kristu bħala Djaknu, emmen fih u fuq kollox bata għalih!
Imħeġġeġ mit-tagħlim ta’ dawn l-appostli kbar, Lawrenz kien tassew iħares lejn il-martirju bħala grazzja, li tant kien jixtieqha u jitlobha. Għax tabilħaqq, li temmen f’Ġesù hija grazzja imma li tbati għalih hija grazzja akbar.
“Fl-eżempju ta’ San Lawrenz, għandna prova tal-qawwa tal-grazzja t’Alla. Hu kien jara ġismu jinħaraq bla ma jitlef il-paċi ta’ ruħu; u aħna bil-maqlub ma nafux insofru l-iċken uġigħ jew dispjaċir bla ma nitilfu l-paċi”. ~ Br. Louis
U int, fis-sofferenzi tiegħek tixbħu xejn lil San Lawrenz, billi bħalu żomm l-kalma u l-paċi?
Jew forsi ġieli żbilt u tlift il-paċi ta’ qalbek, u forsi wkoll telliftha lil ħaddieħor?
Henjin tassew inkunu aħna jekk nimitaw lil San Lawrenz fis-sabar tiegħu!
Talba: O kbir u glorjuż San Lawrenz, illi ġejt ikkundannat għall-mewt tan-nar bati, u soffrejt din il-piena hekk kbira b’tant qawwa tant li sirt wirja ta’ ammirazzjoni fis-sema u fl-art: ftakar issa mela f’dik it-talba li għamilt ’l Alla fuq is-sodda kollha nar. Kif inti tlabt illi Ruma tibqa’ dejjem kattolika, hekk ukoll issa, bl-interċessjoni tiegħek, aqla’ rebħiet ġodda lill-Knisja fuq tant għedewwa li għandha. Agħmel li tibqa’ sħiħa fil-fidi, u qaddisa fil-valuri, u hekk imbiegħda mill-perikli u mill-ideat foloz ta’ żminijietna, tkompli twassal biss lil Kristu lid-dinja li tant għandha għatx għalih. Ammen. (Strofa minn Novena ta’ San Lawrenz)
O Alla, int ħeġġiġt b’imħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)
Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDFjew WORD biex tniżżel id-dokument.
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.
“Agħtini armata li titlob ir-Rużarju u jien nirbaħ lid-dinja”. ~ Il-Beatu Piju IX
IL-BEATU PIJU IX
Papa
1792 – 1878
Tagħrif: Dan il-Papa kellu l-itwal pontifikat fl-istorja tal-Knisja. Kien jismu Giovanni Maria Mastai Ferretti u twieled fit-13 ta‟ Mejju 1792 f‟Senigallia.
Missieru xtaqu jidħol fil-gwardja Svizzera tal-Papa iżda kien rifjutat għax kien ibati b’attakki epileptiċi. Reġa’ beda jistudja t-teoloġija u, meta fieq mill-marda li kellu, ġie ordnat saċerdot fl-1819.
Fis-sena 1823 akkumpanja lid-delegat appostoliku ġewwa ċ-Ċilì. Kien maħtur Isqof ta’ Spoleto fl-1827, u ta’ Imola fl-1832. Bħala arċisqof ta’ Spoleto huwa kkontrolla l-irvell kontra l-Awstrijaċi b’attitudni ta’ benevolenza.
Kien maħtur kardinal fl-1840. Ġie magħżul Papa fl-1846 wara l-mewt tal-Papa Girgor XVI. Piju IX, li kellu reputazzjoni liberali, beda jgħix dak li kien magħruf għalih. Huwa ħabbar amnestija lill-priġunieri politiċi u għamel ħafna riformi fl-Istati Papali. Imma, għalkemm saru ħafna riformi, kien hemm dawk li riedu aktar.
Meta l-Papa rrifjuta li jingħaqad fil-gwerra kontra l-Awstrija, tilef ħafna mill-popolarità tiegħu. Fl-10 ta’ Novembru 1848, ir-radikali qatlu lill-prim ministru tiegħu Rossi, u tista’ tgħid li prattikament daħlu għall-Papa, iżda fl-24 tal-istess xahar irnexxielu jaħrab bil-moħbi għal Gaèta. Dam eżiljat f’din il-belt sal-4 ta’ Settembru 1849. Fl-istess sena 1849 armata Franċiża stabbiliet mill-ġdid l-awtorità tal-Papa ġewwa Ruma u fl-1850 Piju IX mill-ġdid daħal fil-Belt Eterna.
Fl-1860 Cavour u Garibaldi ħatfu ħafna mill-istati tal-Papa u, fl-1870, meta l-armata Franċiża rtirat minn Ruma, daħlu l-Pjemontiżi. Piju IX għamel reżistenza simbolika u nqafel ġol-Vatikan. Issielet bla ma rnexxielu biex iħares is-setgħa temporali, garanzija tal-indipendenza spiritwali.
Jekk kien sfortunat fl-isfera temporali, Piju IX wera lilu nnifsu mexxej kbir fil-ħwejjeġ spiritwali. Dan il-Papa jissejjaħ “il-Papa tal-Immakulata” għax kien hu li pproklama, nhar it-8 ta’ Diċembru 1854, id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija. Permezz tal-enċiklika Quanta Cura u s-“Sillabu” dan il-Papa kkundanna “ċerti erruri taż-żminijiet moderni”.
Kien hu wkoll li laqqa’ l-ewwel Konċilju Vatikan li pproklama l-infallibiltà tal-Papa meta jitkellem “ex cathedra” fuq fidi u morali.
Papa Piju IX b’kollox mexxa l-Knisja għal 32 sena. Huwa miet f’Ruma fis-7 ta’ Frar 1878. Kien iddikjarat Beatu f’Ruma flimkien mal-Papa Ġwanni XXIII fit-3 ta’ Settembru 2000 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
Kien matul il-pontifikat tal-Beatu Piju IX li Għawdex ġiet iddikjarata bħala djoċesi għaliha.
Ħsieb: Papa Piju IX kien bniedem ta’ ħlewwa u qdusija kbira. Kien bniedem li ħabb lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Kien bniedem ragħaj, li fuq l-eżempju ta’ Pietru mexxa l-bastiment f’serenita’ ta’ baħar kalm u fil-qilla tal-mewġ għoli. Ħadem bis-sħiħ għall-‘id spiritwali tal-Italja, tal-Ingilterra, tal-Olanda, tal-Polonja, tal-Amerika ta’ Fuq, ta’ Burma, taċ-Ċina, tal-Ġappun u tal-Awstralja. Iżda għall-Għawdxin, Papa Piju IX huwa l-Papa li ta l-Indipendenza għal dik li hi s-sovranita’ ta’ Djoċesi għal Għawdex.
Apparti li l-Papa Piju IX għolla lil Għawdex għad-dinjità ta’ djoċesi, għandu rabta oħra interessanti ma’ Malta għaliex kien kardinal Malti, Fabrizio Sceberras Testaferrata li ordnah saċerdot fl-1819. Dakinhar kien iġib l-isem Giovanni Maria Ferretti.
Fl-istess katidral t’Għawdex, wieħed għad jista’ jara l-bolla Singulari Amori, id-digriet pontifikali li permezz tiegħu, il-beatu Piju IX kien għolla lill-gżira Għawdxija għad-dinjità ta’ djoċesi. L-isqof t’Għawdex, Mario Grech ħabbar li t-tifkira speċjali tal-150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi Għawdxija se ssir fis-16 ta’ Settembru.
Xtaqt ninkludi siltiet mill-Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-150 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, (16 ta’ Settembru 2014) tal-Isqof Mario Grech:
“Bi mħabba singulari Alla ħabb din il-gżira meta mija u ħamsin (150) sena ilu, permezz tal-Papa Piju IX, waqqaf din id-Djoċesi. Matul dawn il-mija u ħamsin sena kienet il-Kelma ta’ Alla li serviet ta’ bastun biex ħafna setgħu jimxu t-triq tal-ħajja.
Matul dawn is-snin il-Kelma ta’ Alla ssawbet bħal balzmu fuq il-ġerħat ta’ ħafna.
Kienet il-Kelma ta’ Alla li tat il-qawwa lil għadd kbir ta’ familji biex ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u jibqgħu magħqudin.
Kienet din il-Kelma li saħħret mijiet ta’ żgħażagħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża – biżżejjed insemmi li kienu żewġ Għawdxin ulied din il-Knisja li waqqfu żewġ istituti ta’ ħajja reliġjuża: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Dumnikani.
Kien il-Vanġelu li qanqal f’diversi ispirazzjonijiet ta’ tant proġetti soċjali u kulturali.
Misjuqa minn din il-Kelma, xi wħud waqqfu monumenti kbar tal-karità bħalma kienu d-djar tat-tfal u l-Arka.
Imma l-passat mhux garanzija tal-futur. Fil-preżent, ix-xewqa tiegħi hija li jkollna Knisja li tagħti aktar prijorità lill-Kelma salvifika ta’ Alla. Għalhekk nara li rridu ninvestu aktar fil-katekeżi, partikularment tal-kbar. Jiddispjaċini li hemm diversi li jistgħu jmiddu għonqhom għal din il-ħidma imma jippreferu jibqgħu b’idejhom marbuta. Irridu naħdmu biex l-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, tkun verament ċelebrazzjoni li tirrakkonta l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għalina.
Fuq kollox, ilkoll għandna bżonn nitolbu aktar u aħjar. Dan kollu jgħodd għal kulħadd: għalija Isqof, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi. Imma din ix-xorta ta’ ħidma pastorali tfisser li rridu nagħmlu konverżjoni pastorali – nara l-ħtieġa urġenti li bħala Knisja nadottaw il-pastorali tagħna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Jekk nittraskuraw it-talb u l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali tagħna tnin. Ċerti żbalji fil-ħajja tagħna jixhdu li għandna ħajja spiritwali fqira. Jekk ma nistinkawx biex inkunu Knisja spiritwali, inkunu nagħtu raġun lil min jgħid li l-Knisja hija istituzzjoni ta’ poter jew li għandha xi aġenda politika! L-aġenda tal-Knisja hija waħda: dik diġà mfassla mill-Vanġelu!
U int, b’liema mod qed tagħti s-sehem tiegħek fil-Knisja biex din taqdi l-missjoni tagħha dejjem aħjar?
Talba: Mulej Ġesù Kristu, inti tajtna ‘l Ommok Marija li aħna nqimu bħala l-Omm tagħna li dejjem lesta biex tgħinna; bil-qalb nitolbuk li kull x’ħin infittxu l-għajnuna ta’ din l-Omm, jistħoqqilna ngawdu l-frott tas-salvazzjoni tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. (Talba tal-Beatu Papa Piju IX)
Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq jew biex tniżżel id-dokument.
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu… Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.”Luqa 1 : 46-49, 52
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA
Tagħrif: Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verita’ rrivelata lilna minn Alla li meta l-Vergni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bi-qawwa ta’ Alla mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hi d-domma tal-Assunjoni. Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesừ tela’ bil-qawwa tiegħu stess.
Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.
Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna. Wara li Ġesừ tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu. Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u l-15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesừ.
Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum. Dan hu t-twemmin tagħna.
Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sa mill-bidu tal-mewt tagħha, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.
Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.
Ħsieb: Il-ħsieb ta’ xi jsir minna wara li ntemmu il-ħajja tagħna fuq din l-art, iqanqal fina emozzjonijiet varji. Meta wieħed jara lill-għeżież tiegħu jmutu u jisfgħu bla ħajja, jew jattendi għad-difna tagħhom, kważi jidher li dan huwa t-tmiem. Ħafna jistaqsu:
Tgħid kollox jispiċċa mal-mewt tal-ġisem?
Tgħid mhux ser nerġa’ niltaqa’ ma’ dawk li jiena tant ħabbejt f’ħajti?
Imma jekk hemm xi tip ta’ ħajja oħra, din f’hiex tikkonsisti?
Fejn se nkunu, u xi kwalita’ ta’ ħajja se jkollna… aħjar jew agħar minn din li nafu s’issa?
Imma kif se nqattgħuh il-ħin, jew aħjar l-eternita’?
Se jkollna dak kollu li bih nimlew qalbna?
Uħud jibqgħu jistaqsu, uħud anki jinfixlu! Imma oħrajn ifittxu bil-għaqal kollu u bil-fidi, x’uriena Alla, anki permezz tal-Knisja mwaqfa minnu, dwar dak li jseħħ minn kull wieħed u waħda minna meta nħallu din l-art. Propju għalhekk, illum il-Knisja tpoġġielna lil Ommna Marija mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, għax kien minnha li Alla ried jibda. Ried jurina kif kulħadd huwa msejjaħ għal dan l-istess destin.
Hi propju s-Solennita’ li qed niċċelebraw illum, li tikxef u tħabbar x’futur hemm lest għalija u għalik, jekk bħal Marija ngħixu dak li jitlob minna Alla. Uħud iridu jkunu jafu l-futur. Alla wriena li l-futur etern tagħna, jiddependi fuq kif nagħżlu li ngħixu dan iż-żmien li għad jintemm.
M’għandnix għax induru mal-lewża għax Kristu ma setgħax ikun aktar ċar milli kien rigward l-eżistenza tal-Ġenna għat-tajba u l-Infern għall-ħżiena! Infatti Kristu huwa l-aktar persuna li jitkellem dwar l-infern u jwissina: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak (b’referenza għax-Xitan) li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” (Mattew 10:28).
Tgħid qalilna dan biex sempliċiment iwerwirna? Imma fir-realta’, l-ebda kelma dwar l-infern fil-Bibbja ma twasslek biex tispiċċa l-infern – mhux jekk tieħu Kelmtu bis-serjeta’.
U jien kemm qed nieħu Kelmtu bis-serjeta’ f’ħajti? Kliem Kristu stess iġġegħelna nagħmlu eżami minn ħajjitna u naraw x’għad hemm bżonn li nirranġaw, innaqsu jew inżidu biex inkunu, kif jgħid il-Malti, dejjem bil-bagalja lesta, għax il-mument tat-tluq huwa mistur għal kulħadd.
Talba: Għażiża Ommi Marija, Alla għolliek fi glorja tassew tal-għaġeb għal mod kif int għext bis-sħiħ ir-rieda t’Alla għalik, nitolbok tgħallimni ngħix dak li naf li Alla jrid minni, ħalli meta jasal il-waqt, jien ukoll ikolli bħalek, l-istess twelid glorjuż fis-sema. Ammen.
Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORDbiex tniżżel id-dokument.