10 ta’ Mejju: San Ġwann ta’ Avila

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Avila

“L-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla.” – 1 Korintin 3:19

S.Giovanni D'AvilaSAN ĠWANN TA’ AVILA
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1500 – 1569

Tagħrif: Dan is-saċerdot, mistiku u kittieb, kien meqjum ħafna fi Spanja tas-seklu 16. Kien ħabib ta’ San Injazju ta’ Loyola u diversi qaddisin oħra magħrufa; għen ħafna lil Santa Tereża ta’ Avila (ara Santa Tereża ta’ Avila), lil San Pietru ta’ Alcantara, lil San Franġisk Borgia (ara San Franġisk Borgia) u lil San Ġwann ta’ Alla (ara San Ġwann ta’ Alla) bil-pariri siewja tiegħu.

Il-qaddis twieled fil-provinċja ta’ Ciudad Real (xi 70 mil ’il bogħod minn Toledo), Spanja, iben uniku ta’ familja għanja ta’ nisel Lhudi. Niesu bagħtuh l-Università ta’ Salamanca jistudja l-liġi, imma din il-karriera xejn ma kienet togħġbu. Hu għadda tliet snin jitlob u jitgħakkes id-dar.

Fuq suġġeriment ta’ Franġiskan, bejn is-snin 1520-1526 Ġwanni studja l-Filosofija u t-Teoloġija f’Alcalà taħt Domingo de Soto. Sadanittant laħqu mietu ommu u missieru u kien ordnat qassis fl-1525. Kien jinqala’ ħafna għall-predikazzjoni. Mixtieq ħafna li jmur il-missjoni tal-Messiku, hu qassam il-biċċa kbira li wiret lill-foqra, imma l-arċisqof ta’ Sivilja xtaqu jibqa’ Spanja u jipprietka fl-Andalusija, li dik il-ħabta kienet maħkuma mill-Mori u kellha bżonn tisma’ l-messaġġ tal-Vanġelu.

Għamel dan b’suċċess kbir għal disa’ snin. Imma fl-1531-3 kellu jidher quddiem l-Inkwiżizzjoni, akkużat li kien jgħallem ir-rigoriżmu u li l-għonja ma jistgħux isalvaw. Għamel ukoll xi żmien il-ħabs b’theddida li jiġi anki kkundannat għall-mewt. Billi dawn l-akkużi ma ġewx ippruvati, hu kien meħlus u mogħti appoġġ kbir mill-poplu.

Ħalla diversi kitbiet, l-aktar ittri u prietki li juru qdusija profonda. L-iktar opra magħrufa tiegħu, Audi filia, trattat fuq il-perfezzjoni, miktuba fl-1530, kitibha għal Donna Sancha Carillo li rrinunzjat għall-ġid u għan-nobbiltà tagħha biex tgħix ħajja ta’ talb u solitudni.

San Ġwann t’Avila marad ħafna fl-aħħar ħmistax-il sena ta’ ħajtu. Minħabba l-ammirazzjoni kbira li kellu għal San Injazju ta’ Loyola tħajjar isir Ġiżwita, imma l-provinċjal ta’ Andalusija tah parir jibqa’ saċerdot Djoċesan, b’danakollu jinsab midfun fil-knisja tal-Ġiżwiti ta’ Montilla.

San Ġwann t’Avila miet ta’ 69 sena fl-10 ta’ Mejju, 1569 u kien iddikjarat qaddis mill-Papa Pawlu VI fl-1970. Fl-20 t’Awwissu, 2011 il-Papa Benedittu XVI qal li dan il-qaddis ma jdumx ma jkun iddikjarat Duttur tal-Knisja. Infatti, dan seħħ fis-7 ta’ Ottubru, 2012.

Ħsieb: San Ġwann ta’ Avila kien jaf li l-ħajja tal-Insara tista’ tikkontradixxi l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu. Dan iseħħ meta nippruvaw ngħixu kif jgħid il-Malti: ‘sieq waħda ‘l hawn u oħra ‘l hemm’ jew ‘fit-triq tan-nofs’, billi nippruvaw noħolqu kompromessi mat-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja. Fis-Seklu 16, fi Spanja, dawk li kienu favur ir-riforma tal-Knisja sikwit kienu jiġu suspettati b’ereżija. San Ġwann ta’ Avila baqa’ sod fit-tagħlim Nisrani awtentiku li eventwalment ġie rikonoxxut bħala għalliem affidabbli ħafna tal-Fidi Nisranija.

Kemm hu importanti, li anki aħna, fiż-żmien tal-lum ma ninġarrux mill-kurrent. Ma nistgħux ninġarru ma’ tagħlim qarrieqi li b’mod fin, imur kontra t-tagħlim veru Nisrani. Huwa essenzjali li l-Verità nxandruha kif inhi u mhux nippruvaw induru magħha jew insemmu li jaqblilna! Ġesù qal lill-Appostli Tiegħu, “Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, … id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:19; ara wkoll Ġwanni 17:14, 16).

Bl-istess mod, il-kitba tal-ewwel Appostli ta’ Ġesù spiss kienet tinkludi fiha l-immaġni tad-“dinja” li tirrappreżenta oppożizzjoni lejn it-tagħlim tal-vanġelju. “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja” (Rumani 12:2), għallem l-Appostlu Pawlu, “Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla” (1 Korintin 3:19).

Jeħtieġ li aħna nkunu viġilanti f’dinja li tbiegħdet wisq minn dak li huwa spiritwali. Hija ħaġa mill-aktar essenzjali li aħna niċħdu kull ħaġa li mhijiex konforma mal-istandards tagħna, li fil-proċess nirrifjutaw li nikkonsenjaw ruħna għal dak li nixtiequ l-aktar: il-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla.

Inevitabbilment, l-għemejjel ta’ dawk li jippruvaw jimxu fuq l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla jafu jwasslu għal nuqqas ta’ ftehim jew saħansitra kunflitt ma’ dawk il-membri tal-familja u dawk il-ħbieb li ma jemmnux fl-istess prinċipji. Dejjem se jkun hemm dan il-kunflitt. Kull ġenerazzjoni li ppruvat timxi wara l-pjan ta’ Alla kellha l-isfidi tagħha. Fi żmien il-qedem, il-profeta Isaija għamel il-kuraġġ lill-Iżraelin, li lilhom huwa sejjaħ “intom li tagħrfu l-ġustizzja, … il-liġi tiegħi f’qalbkom.” Lilhom huwa qal, “La tibżgħux mit-tagħjir tan-nies; u minn tkasbirhom la tiregħxux” (Isaija 51:7). Iżda tkun xi tkun il-kawża ta’ kunflitt ma’ dawk li ma jifhmux jew ma jemmnux il-pjan ta’ Alla, dawk li jifhmuh huma dejjem mitlubin biex jagħżlu l-mod kif irid il-Mulej mhux kif trid id-dinja.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar bdejna naraw il-pubbliku ġenerali jaċċetta l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ u ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess. Is-sapport, l-edukazzjoni u saħansitra l-ħtiġijiet okkupazzjonali tal-midja qed joħolqu ċerti sfidi diffiċli għan-nisrani veru. Jeħtieġ li nimxu wara l-liġijiet u t-tagħlim tal-evanġelju fil-ħajja personali tagħna, sewwasew hekk kif aħna nippruvaw nuru mħabbitna lejn kulħadd. Hekk kif nagħmlu dan, xi kultant aħna jkollna niffaċċjaw, iżda mingħajr ma nibżgħu, dak li Iżaija sejjaħlu “t-tagħjir tan-nies.”

  • U int, tixhed bħal San Ġwann ta’ Avila għall-Verità tal-Aħbar it-Tajba u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika kif ġiet żvelata mill-Mulej Ġesù Kristu lill-Appostli Tiegħu u lis-suċċessuri tagħhom fil-Knisja?

Talba: Mulej, San Ġwann ta’ Avila baqa’ sod fl-istqarrija tal-Fidi awtentika u kien ta’ dawl għall-poplu tiegħek, anki jekk kellu jaffaċċja akkużi foloz u anki ħabs, agħmel li b’talbu għalina aħna wkoll nixhdu għalik anki jekk fi żmienna, naffaċċjaw kull forma ta’ kuntrarju u skomdu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-of-avila/

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=3944

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_%C3%81vila

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Marzu: San Benjamin

Verżjoni Vidjo: San Benjamin

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. ~ Ġesù f’Mattew 10: 32-33

BenjaminSAN BENJAMIN
Djaknu u Martri
† c. 424

Tagħrif: Fil-bidu tas-seklu ħamsa, l-insara tal-Persja kienu gawdew tnax-il sena ta’ paċi. Fis-sena 420, matul ir-renju ta’ Isdegard, iben is-Sultan Sapor III, dan is-sliem kien disturbat miż-żelu xejn għaqli ta’ Abdas, isqof nisrani, li ħaraq it-tempju tal-alla Nar, is-santwarju kbir tal-Persjani. Ir-re Isdegard hedded li jeqred il-knejjes kollha tal-insara kemm-il darba l-isqof ma jibnix mill-ġdid dak it-tempju.

Billi Abdas irrifjuta li jagħmel dan, allura t-theddida ġiet esegwita; il-knejjes ġew meqruda, lil Abdas qatluh, u bdiet persekuzzjoni ġenerali li damet sejra 40 sena. Isdegard miet fl-421, imma ibnu u suċċessur tiegħu, Varanes, komplew il-persekuzzjoni b’qilla akbar. L-insara kienu sottomessi għall-moħqrijiet mill-aktar kiefra.

Fost dawk li sofrew kien hemm Benjamin, djaknu, li kien mitfugħ il-ħabs. Fl-aħħar, ambaxxatur tal-imperatur ta’ Kostantinopli qalagħlu l-ħelsien bil-kundizzjoni li hu qatt ma jkellem iktar lil ħadd min-nies tas-sultan dwar ir-reliġjon.

Iżda San Benjamin kien iħoss li kien dmir tiegħu li jipprietka lil Kristu, u li ma setax iżomm is-skiet. Għalkemm ġie meħlus fuq il-ftehim li sar bejn l-ambaxxatur u l-awtoritajiet Persjani, hu ma riedx joqgħod ma jitkellimx, u ma kien jitlef ebda opportunità li jxandar lil Kristu. Wara li ġagħluh isofri ħafna, San Benjamin tawh il-martirju għall-ħabta tas-sena 424.

Ħsieb: San Benjamin ħa bis-serjetà l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32-33). Benjamin ma ċaħadx lill-Mulej u hekk huwa sofra l-konsegwenzi terribbli li ġabu magħhom l-mexxejja ħżiena. Sakemm ma nkunux lesti li nitilfu ħajjitna għal Kristu, aħna mhux se nirtu s-Saltna Tiegħu, u lanqas għandna nirtuha. Illum, agħti l-qalb tiegħek lil Ġesù u għix ħajtek għaliH biss, ħalli Hu jkun jista’ jippreparalek post għalik fis-Saltna Eterna Tiegħu.

Dan li ġej huwa kliem Chiara Lubich:

“Ġesù jħeġġiġna biex ngħixu bis-sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier. Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . .  ”. Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċirkustanza oħra tal-ħajja. Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalbna minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh. Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom.” (Ġwanni 15:20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.”

Talba: Għażiż Ġesù, agħmel li aħna qatt ma nibżgħu nistqarruk quddiem il-bnedmin, billi nsemmgħu leħenna b’ l-imħabba għaliK u nuru li aħna tiegħeK u miegħeK. Nitolbuk li, bħal San Benjamin, aħna nkunu dejjem lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, anke meta affaċċjati minn persekuzzjonijiet u diffikultajiet ta’ kull xorta. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/03/st-benjamin-deacon-martyr.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-benjamin-the-deacon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benjamin_the_Deacon_and_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Marzu: San Leonardu Murialdo

Verżjoni Vidjo: San Leonardu Murialdo

“Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun mgħolli.” Dawn iż-żewġ sentenzi, li kienu l-programm ta’ ħajjet San Leonardu Murialdo, huma minquxin fuq qabru.

30-San Leonardo Murialdo-30SAN LEONARDU MURIALDO
Saċerdot
1828 – 1900

Tagħrif: Il-messaġġ tal-ħajja u tal-ħidma ta’ dan il-qaddis hu mill-aktar attwali. Hu għadda ħajtu jiddefendi l-fqir u l-batut, u dan għamlu billi ħa għalih il-kawża tal-ħaddiema li għalihom ħaraq bħal f’sagrifiċċju lill-Ħallieq l-enerġija kollha tiegħu.

Il-ħidma tal-qaddis Murialdo f’appostolat soċjali, bit-tħejjija ta’ żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol, bil-kura tal-orfni u tal-abbandunati u bl-interess enormi li wera f’kull aspett tal-ħajja tal-ħaddiema aktar tidher fid-dawl veru tagħha meta wieħed iqis li Leonardo twieled f’familja sinjura u ta’ demm aristokratiku. Kien it-tielet fost disa’ wlied ta’ bankier għani minn Torin.

Ta’ 18-il sena, wara li kien diġà beda jistudja għal inġinier, beda l-kors għal qassis. Kien ta’ intelliġenza mhux komuni. Ordna ftit qabel għalaq it-23 sena. Dun Ġwann Bosco talbu jieħu ħsieb l-Oratorju ta’ San Lwiġi għat-tfal diffiċli ġejjin mis-slums ta’ Torin. Fl-1866 (ta’ 38 sena) ġie inkarigat jieħu ħsieb il-kulleġġ tal-“Artigianelli” li fih kienu jitħarrġu apprentisti żgħażagħ għall-azjendi li bdew jinbtu. Aċċetta proviżorjament, u dam f’dil-kariga 34 sena! Bata, ħadem u ttallab il-karità biex isostni l-kulleġġ u ż-żgħażagħ tiegħu, b’fiduċja kbira fil-Providenza u bil-motto Fare e Tacere –“Agħmel (Aħdem) u iskot” dejjem quddiem għajnejh.

Hu waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ San Ġużepp (Patrijiet Ġużeppini) li għadhom sa llum jieħdu ħsieb il-formazzjoni professjonali u reliġjuża tat-tfal. Il-kong., li bdiet f’Torin, xterdet mal-Italja kollha u aktar tard fl-Amerika u nħawi oħra tad-dinja.

San Leonardo Murialdo ntebaħ li kien wasal iż-żmien li l-kattoliċi b’sens għoli ta’ dover u bi dritt bħala ċittadini, jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-pajjiż u fil-ħajja politika tiegħu. Kien devot kbir tal-Ewkaristija, tal-Madonna u ta’ San Ġużepp.

Miet jaħdem sal-aħħar nhar it-30 ta’ Marzu, 1900, fl-età ta’ 71 sena u nofs. Pawlu VI iddikjarah qaddis fit-3 ta’ Mejju, 1968. Fuq qabru hemm minquxin żewġ sentenzi li kienu l-programm ta’ ħajtu: Naħdmu u nżommu s-silenzju; Min jumilja ruħu jkun imgħolli.

Ħsieb: San Leonardu Murialdo kien jgħin b’kull mod li jista’ lil min hu batut, hekk pereżempju ħa d-drawwa li kull filgħaxija jdur il-belt jiġbor il-ħaddiema taċ-ċmieni, idaħħalhom f’daru u jsaħħanhom madwar spiritiera ddaħħan. Ħutu bniet “ittieħdu” mill-imħabba ta’ ħuhom saċerdot u bdew jagħtuh daqqa t’id f’din l-opra, u bdew jaħslu l-ħwejjeġ kollha nugrufun ta’ dawk l-imsejkna.

Dan jurina kemm għandna bżonn insaħħu l-kelma mitkellma bix-xhieda. Il-kliem iqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Li kieku San Leonardu Murialdo għallem lil ħaddieħor x’għandu jagħmel biss, kien jolqot lill-intellett, imma x-xhieda tmiss il-qalb. Ix-xhieda għandha qawwa didattika tremenda. Kien għalhekk li ma’ ħafna qaddisin, kienu jingħaqdu ħafna nies biex jgħinu fil-missjoni li l-qaddis/a tkun bdiet. Min ikollu l-gazz jibda, u min jitħajjar u jagħżel li jkompli. U int, f’liema minn dawn il-gruppi qiegħed/qegħda?

Fi Ġwanni 21:15-17, insibu dan li ġej: “Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”

‘Tħobbni int?’
Il-kelmiet ta’ Ġesù lil Pietru jgħoddu għal kull wieħed u waħda minna. Id-domanda ta’ Ġesù tfakkarni fid-dgħufija tiegħi u fil-Ħniena tiegħu. Tfakkarni li l-qofol ta’ kull ministeru pastorali huwa l-imħabba: l-imħabba lejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ħabbna qabel ħabbejnieh aħna, kif ukoll l-imħabba lejn kull membru tal-merħla tiegħu.

‘Iva Mulej, inti taf li nħobbok.’
Inti tafni. Inti taf dnubieti u l-waqgħat tiegħi. Inti taf lil qalbi, lil ruħi. Inti taf il-ġewwieni tiegħi. Inti taf li mingħajrek ma jien xejn u ma nista’ nagħmel xejn. Inti taf. U għaliex taf u minkejja dak li taf, inti tafdani u qiegħed tafdali l-merħla għażiża tiegħek, il-merħla li inti fdejt bid-demm għażiż tiegħek. “Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.” Li tirgħa tfisser li tieħu ħsieb, li tindokra, li titma, li tmantni, li twennes, li tiggwida.

Dan kollu rridu nagħmluh bil-kelma li tqanqal u fuq kollox b’eżempju li jkaxkar. Dan kollu rridu nagħmluh bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ ħlewwa ma’ kull membru tal-merħla u, meta meħtieġ, bil-bastun quddiem il-lupu.

Mulej, jiena naf, imma nitolbok tfakkarni dejjem, li l-ħrief u n-nagħaġ mhumiex tiegħi iżda huma tiegħek. Inti qiegħed tafdahomli u jiena rrid nagħti kont tagħhom lilek. Kun miegħi dejjem biex fija jaraw lilek, biex ma nkunx għalihom ta’ tfixkil, iżda nkun għalihom ta’ għajnuna, ta’ kenn, ta’ wens u ta’ ġieħ.

  • U inti qed tieħu ħsieb tkun ta’ dawl u gwida għal ħaddieħor permezz ta’ kliemek, u l-aktar permezz tal-eżempju ta’ ħajtek?
  • Jekk tgħid li tħobb lil Ġesù, qed tieħu ħsieb bl-istess imħabba u kura li wera magħna Hu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, lil dawk il-persuni li Huwa tak f’ħajtek?
  • Min jaf jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb hux isejjaħlek biex toħodlu ħsieb ukoll ta’ nagħaġ oħra li għandu fil-merħla kbira tiegħu bi mħabba għaliH kif sejjaħ lil San Leonardu Murialdo? Itlob!

Talba: O Mulej Ragħaj Divin, lit-tfal u liż-żgħażagħ tajthom lil San Leonardu Murialdo bħala ragħaj għaqli u gwida tajba tagħhom, kompli sejjaħ aktar żgħażagħ ġenerużi minn fost il-merħla tiegħek, biex imqanqlin mill-eżempji tal-ħajjiet tal-qaddisin tiegħek, jagħżlu li għall-imħabba tiegħek, jgħixu ħajja ta’ servizz lill-merħla tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-leonardo-murialdo.html

Alternative Reading: http://www.santiebeati.it/dettaglio/32800

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonardo_Murialdo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Marzu: San Ġwann Ogilvie

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Ogilvie

“Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni”. ~ Ġesù fi Ġwanni 17:21

ogilviesalamanca.jpgSAN ĠWANN OGILVIE
Ġiżwita u Martri
1579 – 1615

Tagħrif: Dan il-qaddis kien bin il-baruni ta’ Drum-na-Keith fl-Iskozja; kien imrobbi bħala kalvinista. Kien mibgħut jistudja fi Franza, u hawn, bħala student beda jinteressa ruħu fuq il-kontroversji reliġjużi li kienu jifirdu ’l qrabatu.

Ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika fil-Kulleġġ Skoċċiż f’Louvain (1596) meta kellu sbatax-il sena. Mar imbagħad jistudja f’Regensburg u ngħaqad mal-Ġiżwiti fi Brno tliet snin wara, fl-1599.

Għal għaxar snin John Ogilvie ħadem fl-Awstrija, l-aktar fi Graz u fi Vjenna. Imbagħad kien assenjat lill-provinċja Franċiża, u kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1610. Minn dak iż-żmien xtaq u talab li jintbagħat lura jaħdem f’pajjiżu fl-Iskozja. Xewqtu ġiet maqtugħa fl-1613.

Minħabba l-liġijiet kontra s-saċerdoti nsara, hu vvjaġġa bl-isem ta’ John Watson, bħala negozjant taż-żwiemel jew bħala suldat. Hu sab li ħafna nobbli Skoċċiżi aċċettaw ir-reliġjon protestanta, almenu minn barra, u ma kinux lesti jgħinu saċerdot ipprojbit.

Billi f’pajjiżu ma tantx irnexxa, John Ogilvie mar Londra biex jikkuntattja wieħed mill-ministri tar-re u mbagħad mar Pariġi għall-konsultazzjoni, imma qalulu biex jirritorna lura fl-Iskozja, kif fil-fatt għamel.

F’Edinburgh hu qagħad għand wieħed avukat u għamilha ta’ għalliem għal ibnu, jamministra s-sagramenti lil ġemgħa ta’ kattoliċi, jipprietka u jżur il-ħabsijiet. Iżda wara ħdax-il xahar ġie mikxuf u arrestat fi Glasgow.

Għadda ħames xhur fil-ħabs fejn kien maħqur billi ma jagħtuhx jiekol u ma jħalluhx jorqod, qatgħulu xagħru u waddbuh kemm -il darba fl-art. Darba nżamm imqajjem għal tmint ijiem sħaħ f’attentat biex jikxef ismijiet ta’ Kattoliċi oħra. Mill-ħabs irnexxielu joħroġ b’kuntrabandu.

San Ġwann Ogilvie ġie kkundannat għal tradiment high treason imma offrewlu li jiġi meħlus u ħafna benefiċċji għoljin kieku kellu jiċħad ir-reliġjon tiegħu. Billi ma aċċettax, hu kien mgħallaq fi Glasgow minħabba d-difiża tiegħu tas-supremazija tal-Papa, fl-10 ta’ Marzu, 1615 meta kellu 36 sena. Iddikjarah qaddis Pawlu VI fl-1976.

Ħsieb: Ġwanni għex fi żmien meta la l-Kattoliċi u lanqas il-Protestanti ma kienu lesti li jittolleraw lil xulxin. Meta fittex fl-Iskrittura, sab kliem li kabbrulu l-viżjoni tiegħu. Għalkemm sar Kattoliku u miet għall-fidi tiegħu, huwa fehem xi jfisser il-kliem “kattoliku żgħir”, il-firxa wiesgħa ta’ dawk li jemmnu li jħaddnu l-Kristjaneżmu. Anke issa, huwa bla dubju ta’ xejn, jifraħ fl-ispirtu ekumeniku mrawwem mill-Konċilju Vatikan II u jingħaqad magħna fit-talb tagħna għall-għaqda ma’ dawk kollha li jemmnu.

Il-Mulej Ġesù jrid li aħna l-Insara – kemm jekk Kattoliċi bħalna, kemm jekk Ortodossi, jew Anglikani, jew Luterani – nagħmlu minn kollox biex nersqu aktar lejn xulxin, u biex flimkien nagħtu xhieda tal-Aħbar it-Tajba li ġabilna Kristu bit-tagħlim u l-mirakli tiegħu, kif ukoll bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Ħafna huma l-Insara li jinġabru flimkien sabiex jitolbu għall-għaqda. Ġesù  stess, lejlet il-Passjoni tiegħu, talab bil-ħerqa lill-Missier: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġwanni 17:21)

Kull sena, bejn it-18 ta’ Jannar u l-25 ta’ Jannar, Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu tal-Ġnus, San Pawl, issir din il-ġimgħa ta’ talb intensiv mill-insara biex jingħelbu l-firdiet bejn il-Knejjes u d-denominazzjonijiet insara differenti. Sfortunatament, tul il-medda tas-sekli, il-Knisja għaddiet minn bosta firdiet, fosthom il-firda tal-Ortodossi fis-Seklu Ħdax, u aktar tard, il-firda tal-Protestanti, fis-Seklu Sittax.

Jeħtieġ li ngħixu bl-impenn il-fidi tagħna hekk li ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jekk aħna ma ngħixux il-fidi tagħna, din tmut u l-ġenerazzjonijiet futuri ma jkollhomx iċ-ċans li bħalna jduqu t-tjubija u l-kobor tal-imħabba ta’ Alla għalina f’Ibnu Ġesù. L-impenn tagħna ma jridx jieqaf meta tintemm il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, imma jrid ikun iżjed minn hekk. Irridu nkomplu nitolbu u fuq kollox rridu nikbru fl-imħabba għal xulxin. L-għaqda li Ġesù jrid fil-Knisja tiegħu u li aħna tant nixtiequ, tinbena fuq l-imħabba. L-għaqda sseħħ jekk aħna ma niqfux fuq id-differenzi ta’ bejnietna imma nfittxu li negħlbu d-differenzi tagħna bl-imħabba.

Talba: O Mulej, San Ġwann Ogilvie għadda minn persekuzzjonijiet, tiġrib u fl-aħħar ħa l-martirju għall-fidi tiegħu. Agħtina l-istess spirtu ta’ konvinzjoni u ħeġġa, biex bl-imħabba għalik, nibqgħu nikbru fil-fidi tagħna u nkomplu nwassluha lill-oħrajn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-john-ogilvie.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-ogilvie/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Ogilvie_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Frar: San Ġirolmu Emiliani

Verżjoni Vidjo: San Ġirolmu Emiliani

“Jekk inti tibqa’ kostanti fil-fidi, quddiem il-prova, il-Mulej jagħtik il-paċi u l-mistrieħ għal xi żmien f’din id-dinja u għal dejjem f’li jmiss”. ~ San Ġirolmu Emiliani

Saint_Jerome_EmilianSAN ĠIROLMU EMILIANI
Saċerdot
1481 – 1537

Tagħrif: San Ġirolmu twieled f’Venezja, l-Italja, fl-1481. Meta kien għadu tifel, tilef lil missieru. Ommu rabbietu fil-biża’ t’Alla; iżda l-passjonijiet ħżiena fgaw iż-żerriegħa tajba. Ta’ ħmistax il-sena telaq mid-dar, u ma damx ma daħal suldat, fejn ittraskura u sar indifferenti għar-Reliġjon.

Ħa sehem fid-difiża ta’ Castelnuovo kontra l-lega ta’ Cambraj u waqa’ priġunier (1508). Fil-ħabs kienet tistennieh il-grazzja t’Alla; daħal fih innifsu u beda jaħseb fuq l-istat infeliċi ta’ ruħu. Malli ħeles mill-ħabs mar għamel pellegrinaġġ lill-Madonna ta’ Treviso, bi twettieq ta’ wegħda li kien għamel. Xi għaxar snin wara, meta kellu 25 sena, waqa’ priġunier.

Fil-fatt ħarab mill-ħabs, u tassew biddel ħajtu, u xtaq isir qassis. Waqt li kien jistudja kien ukoll isib ħin iżur il-morda, u jgħallem ir-reliġjon lit-tfal iltiema.

Fl-1518, meta kellu 37 sena sar qassis, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jieħu ħsieb it-tfal u jedukahom speċjalment lil dawk li kienu orfni jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom. Meta fl-1528 faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Venezja, ħa f’idejh l-isptar li kien twaqqaf minn San Gejtanu, u kont issibu kullimkien jgħin u jfarraġ.

Iżda l-iltiema kienu saru l-mimmi t’għajnejh. Kera dar għalihom u bl-għajnuna ta’ xi sekulari kien jieħu ħsiebhom għal kollox u jrabbihom hu. Fl-1531, mar Verona u hemmhekk bena sptar ieħor. Mar Brescia u bena orfanatrofju. Minn hemm mar Bergamo fejn bena żewġt orfanatrofji, wieħed għas-subien u l-ieħor għall-bniet, u hawn fetaħ ukoll dar għan-nisa u x-xebbiet li jkunu għaddejjin minn perjodu ħażin f’ħajjithom.

Żewġ qassisin oħra ngħaqdu miegħu għal dan ix-xogħol, Alessandro Besuzio u Agostino Bariso. Fl-1532, waqqaf Kongregazzjoni li l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb l-iltiema, il-morda u l-foqra. Il-membri tagħha kienu saċerdoti, li ġew imsejħin Somaski għax id-dar ċentrali tal-Kongregazzjoni kienet f’raħal żgħir, qrib Milan, jismu Somaska. Skont ir-regola tal-kongregazzjoni x-xogħol ewlieni tal-membri għandu jkun it-trobbija tal-iltiema u l-ħsieb tal-fqar u l-morda.

San Ġirolmu kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem ir-Reliġjon lit-tfal bil-Katekiżmu, f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

Il-qaddis miet ta’ 56 sena fit-8 ta’ Frar tal-1537, martri taż-żelu tiegħu: ittieħed Bergamo waqt li kien idur bil-morda u miet Somaska. San Ġirolmu ġie kanonizzat fl-1767 u għamluh Patrun tal-orfni u tat-tfal abbandunati fl-1928.

Ħsieb: Ladarba beda jivvjaġġa ‘l bogħod minn dik il-fortizza tal-ħabs, qatt ma waqaf jiġri! Huwa studja, ġie ordnat saċerdot, u vvjaġġa matul it-Tramuntana tal-Italja. Stabbilixxa orfanatrofji, sptarijiet, u djar għall-orfni, għat-tfal abbandunati, għal nisa f’diffikulta’, u għal nies imwarba ta’ kull tip. Waqt li eżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu f’Ewropa li nofsha għadha Protestanti, huwa kiteb l-ewwel katekiżmu f’forma ta’ mistoqsija u r-risposta. Bħal ħafna qaddisin, ħadem fuq li ħadem u deher qisu kien qiegħed kullimkien fl-istess ħin, ileħħaq ma’ kull opra tajba, u kien jieħu ħsieb lil kulħadd minbarra lilu nnifsu. Filwaqt li kien qed idur bil-morda, ġie infettat u miet martri għall-ġenerożità. Huwa kien, b’mod naturali, it-tip ta’ bniedem li attira bosta segwaċi li eventwalment iffurmaw fi Kongregazzjoni reliġjuża u rċevew approvazzjoni ekkleżjastika fl-1540.

Il-ħajja tiegħu kienet tiddependi fuq ħaġa waħda u hija lezzjoni għalina lkoll. Is-sofferenza emottiva, fiżika jew psikoloġika, meta tiġi maħkuma jew ikkontrollata, tista’ tkun preludju għall-gratitudni intensa u għall-ġenerożità kbira.

  • Ħadd ma jimxi fit-triq aktar ħieles minn dak li qabel kien ostaġġ.
  • Ħadd ma jgawdi sodda sabiħa u komda bħal xi ħadd li darba kien jorqod fit-toroq.
  • Ħadd ma jiġbed nifs ta’ arja friska ta’ filgħodu bħal xi ħadd li għadu kemm sema’ lit-tabib jgħidlu li l-kanċer m’għadux hemm.

Ġirolmu Emiliani qatt ma tilef il-gratitudni li mliet lil qalbu fil-mument tal-ħelsien tiegħu mill-ħabs. Kollox kien ġdid. Kulħadd kien żagħżugħ. Id-dinja kienet tiegħu. U hu seta’ jinvesti l-enerġija kollha tiegħu f’servizz lil Alla u lill-proxxmu għax issa kiseb il-liberta’.

Ħafna drabi l-ħajja tagħna tidher tieħu xi forma ta “priġunerija” bl-għan li teħlisna minn irbit fir-ruħ tagħna jew tkabbarna fil-ħajja tar-ruħ bħalma ppermetta l-Mulej fil-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum. Meta aħna “maqbuda” f’xi sitwazzjoni ma rridux nkunu fiha, fl-aħħar nitgħallmu kif nistgħu nilliberaw lill-oħrajn minn dak li jkun qed jassarhom.

Biex wieħed jimxi fuq il-passi ta’ San Ġirolmu Emiliani, jista’, jekk ikun possibli għalih/għaliha jiddeċiedi li jsir ġenitur ta’ trabi jew tfal orfni u abbandunati jew f’xi tip ta’ bżonn. Miljuni ta’ tfal jeħtieġu l-imħabba u l-kura ta’ familja li trabbihom, familja li forsi m’għandhomx! Ikkuntattja l-aġenziji tiegħek li joffru Servizzi ta’ dan it-tip lill-Familji jew lis-Sorijiet tal-Usrulini (The Ursuline Sisters of Saint Angela Merici) li jagħmlu din il-ħidma ma’ tfal fil-bżonn u dawn ikunu jistgħu jgħidulek modi differenti li jeżistu kien wieħed jista’ jikkontribwixxi.

San Ġirolmu Emiliani, int għelibt il-ħabs biex tgħix ħajja produttiva ddedikata lil Alla u lill-bnedmin. Għin b’talbek lil dawk kollha li jinsabu f’xi forma ta’ ħabs għax huma limitati b’xi mod – fiżikament, finanzjarjament, emozzjonalment, spiritwalment, jew psikoloġikament – biex jegħlbu dak li jorbothom u jgħixu ħajja mingħajr imrar iddedikata għall-persuni fil-bżonn ta’ kwalunkwe tip, speċjalment dawk li ma jafux lil Alla.

Ejjew nitolbu wkoll lil San Ġirolmu Emiliani, għat-tfal kollha abbandunati, neqsin mill-imħabba u/jew abbużati biex b’talbu jagħtihom persuni u ċirkustanzi li jimlewhom bil-kuraġġ, u fejn ikunu jistgħu jesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ dawk li jieħduhom fil-kura tagħhom. Nitolbuh jinterċedi għalina wkoll, li forsi ninsabu marbuta b’xi forma ta’ ktajjen li qed iżommuna milli ngħixu l-ħajja li Alla ħaseb għalina.

Tifhem in-neċessita’ li tgħin bil-mezzi li għandek lill-istituti tal-Karita’? Qiegħed tgħin?

Talba: O Alla, Missier ta’ kull ħniena, int ħadt ħsieb it-tfal iltiema u bgħattilhom lil San Ġirolmu Emiliani biex jieqaf magħhom u jkunilhom missier; bit-talb tiegħu, agħtina li nħarsu b’fedelta’ sħiħa l-Ispirtu ta’ adozzjoni, li bih nissejħu wliedek, u aħna tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-jerome-emiliani.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-jerome-emiliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gerolamo_Emiliani

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Ottubru: Beatu Duminku Collins

Verżjoni Vidjo: Beatu Duminku Collins

“Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” – Lhud 12:2

collins-51IL-BEATU DUMINKU COLLINS
Fra Ġiżwita u Martri
1566 – 1602

Tagħrif: Twieled fl-1566 minn familja kattolika, f’Youghal, Cork, l-Irlanda. Kemm missieru u wara ħuh kienu s-sindku tal-belt. Aktarx attenda l-iskola tal-Ġiżwiti.

Fl-1583, salpa lejn Franza. Hemmhekk daħal fl-armata kattolika tad-duka Mercoeur u biż-żmien sar gvernatur militari. Biż-żmien ġie trasferit għal Spanja.

Fl-1598, iltaqa’ ma’ Ġiżwita Irlandiż li ġie biex iqarar lis-suldati fir-Randan. Duminku wrieh ix-xewqa li jidħol ġiżwita. Ma tantx għamillu kuraġġ minħabba l-livell ta’ studju, imma Dumink wieġeb li għalih kien biżżejjed li jidħol bħala Fra.

Baqa’ jirsisti għaliex għall-ewwel il-Ġiżwiti ma ridux jaċċettawh. Fl-aħħar beda n-novizzjat f’Santiago De Compostela.

Faqqgħet il-pesta u Fra Collins wera qlubija kbira, dar mal-vittmi, morda u l-moribondi.

Fl-1601, reġa’ lura l-Irlanda flimkien ma’ ġiżwita ieħor, biex jagħti l-għajnuna lis-suldati waqt il-gwerra mal-Ingliżi. Sab ruħu assedjat flimkien ma’ 143 suldat f’kastell żgħir għal diversi xhur. Hawn reġa’ mill-ġdid wera kuraġġ kbir idur mal-feruti u dawk moribondi. Saħansitra pprova jagħti lilu nnifsu bħala ostaġġ sabiex jieqaf il-ġlied, imma kien kollu għalxejn.

Fl-aħħar żammewh priġunier flimkien ma’ tnejn oħra u l-oħrajn nqatlu kollha. Kien interrogat f’Cork. Sofra terturi liema bħalhom biex jippruvaw jibdlulu fehmtu u jipperswaduh isir protestant. Saħansitra anke membri mill-familja tiegħu qalulu jagħmilha tabirruħu dar biex jeħles il-martirju, imma Duminku baqa’ ma ċediex.

Fil-31 ta’ Ottubru 1602, libes il-libsa ta’ ġiżwita, għaddewh mit-toroq ta’ beltu għall-post tal-eżekuzzjoni. Tkellem bil-ħeġġa mal-folla bl-Irlandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. Qalilhom li kien ferħan li kien reġa’ lura l-Irlanda biex jiddefendi l-fidi Kattolika. Huwa ġie mgħallaq quddiem folla emozzjonata għall-aħħar. Bil-lejl xi Kattoliċi tal-belt, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh f’post sigriet.

Mal-ewwel beda jissejjaħ venerabbli u l-fama tiegħu nxterdet mal-Irlanda u l-Ewropa. Ħafna mirakli ġew attribwiti bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fl-1992. Huwa wieħed mill-aktar beati popolari fl-Irlanda.

Ħsieb: Il-Beatu Duminku Collins huwa mfakkar l-aktar għall-mod kif żamm sod u kostanti fil-fidi tiegħu sal-aħħar. Għalkemm il-libertà u l-avvanz ġew imqiegħda quddiemu, hu għażel li “joqgħod għas-salib, bla xejn ma qies l-għajb tiegħu” (Lhud 12:2). Kienet fidi soda tassew dik tiegħu!

Mhux biss, imma l-fidi tiegħu kienet kawża ta’ ferħ kbir f’qalbu li spikka fil-ħin tal-martirju. It-tbissima tiegħu waqt dawk il-mumenti tal-aħħar, impressjonat mhux ftit lil min kien preżenti. Kien għalhekk li wieħed mix-xhieda stqarr li dik kienet tbissima li hu kien ikollu fuq fommu li kieku kien sejjer għal xi ikla tajba u mhux għall-qatla! Duminku Collins, minn naħa tiegħu stqarr li kien lest li jieħu l-martirju għal ħafna drabi oħra, dejjem bl-istess attitudni. Imma minn fejn ġietu din il-fidi tal-azzar? U aħna kif nistgħu nikbru fil-fidi fqajra tagħna?

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • nkomplu nsaqquha bit-talb u l-Qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jibker magħha billi nqaċċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Bniedem ta’ fidi, xi kultant iġib ruħu b’mod li kważi lanqas jitwemmen. Ix-xhieda skantaw b’Duminku Collins għax kien bħal donnu ‘frisk bħal ħassa’ riesaq biex jieħu l-martirju! Dan minħabba l-fiduċja tiegħu f’Alla, fiduċja bħal tat-tfal ċkejknin li jiddependu għal kollox fuq il-ġenituri tagħhom jew fuq min jieħu ħsiebhom.

Infatti, jekk infittxu fl-Iskrittura kollha ma nsibux passaġġ wieħed li hu wieħed, fejn Alla jgħidilna u jikkmandana biex ninkwetaw! Anzi Kristu nnifsu jtenni b’ħerqa kbira l-kelma: “Tinkwetawx …” (Mattew 6:25). It-tfal żgħar jinkwetaw bħall-kbar? Le tassew! Mela wara li nkunu qed nagħmlu ħilitna kollha, sa fejn jiddependi minna li nagħmlu,
għaliex għandna nibqgħu ninkwetaw?

L-inkwiet hu mxebbah ma’ min qed juża rocking chair – qed jiċċaqlaq imma mhu se jwasslek għal imkien, iħallik fl-istess post, taħli l-enerġija mentali għal xejn u bla ma jirnexxielek tbiddel xejn.

Hi biss l-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla li tista’ tagħtik raġuni biex tibqa’ titbissem. Ma’ Alla, dejjem se noħorġu rebbieħa, b’mod speċjali la nkunu nsaltnu miegħu fil-glorja. Għalhekk, din it-tip ta’ tbissima tiġi naturali bla ma jkollok bżonn tagħmel sforz fuqek innifsek minn barra. Jekk inti tkun mimli/ja bit-tjubija ta’ Alla minn ġewwa, allura ħadd qatt ma jista’ joħodlok din it-tbissima minn fuq wiċċek!

  • U int, kif qed tkabbar il-fidi tiegħek?
  • Kemm tagħmel ħiltek biex tirbaħ l-inkwiet bil-fiduċja f’Alla?
  • Min jagħmilha miegħek, jista’ jgħid li t-tbissima fuq fommok tixhed il-fidi u l-fiduċja li għandek f’Alla, irrelevanti ċ-ċirkustanzi li tkun għaddej/ja minnhom?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,  Int tajtna eżempju ta’ kuraġġ meraviljuż fil-martri tiegħek il-Beatu Duminku Collins u sħabu. Għall-ferħ li ġie mqiegħed quddiemhom, huma sofrew is-salib, bla xejn ma qiesu l-għajb tiegħu. Agħtina permezz tat-talb tagħhom li, filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-kmandamenti tiegħek, aħna wkoll inkunu nistgħu inġibu l-għaqda u l-paċi kull fejn inkunu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/blessed-dominic-collins-1566-1602-irish-martyr-jesuit-brother/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/decisions-decisions-blessed-collins-sj/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dominic_Collins

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Awwissu: Il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

Verżjoni Vidjo: Il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

“Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sa llum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ, jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi.” Ġesù dwar Ġwanni l-Battista f’Mattew 11: 7-14

the-beheading-of-st-john-the-baptist-by-caravaggio_miniIL-MARTIRJU TA’ SAN ĠWANN IL-BATTISTA

Tagħrif: San Ġwann il-Battista twieled f’Ain-Karin, ħdejn Ġerusalemm. Missieru kien Żakkarija, qassis f’Ġerusalemm. Ommu kienet Eliżabetta, kuġina tal-Verġni Marija.

Sakemm kellu madwar 30 sena għex bħala eremita fid-deżert tal-Ġudea. Imbagħad ħareġ jipprieTka matul ix-xtut tal-Ġordan u jtenni:  “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 3:2)

Ħafna nies kienu jmorru jisimgħuh, li wara, uħud minnhom saru dixxipli ta’ Ġesù.

Kellu l-unur kbir li jgħammed lil Ġesù, u jurih lin-nies bħala l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġwanni kien ikkundanna ż-żwieġ ta’ Erodi Antipa ma’ Erodja li kienet il-mara ta’ ħuh. Fuq hekk Erodi arrestah u tefgħu l-ħabs. Iżda Erodja ma kinetx kuntenta b’hekk. Kienet tfittex li toqtlu. Ġietha x-xoqqa f’moxtha meta Erodi, f’jum għeluq sninu għamel ikla li għaliha stieden il-kbarat tal-pajjiż, u bint Erodja, Salome, tant għoġbitu biż-żifna li għamlet quddiemu, li ħalfilha li kien lest jagħtiha kulma titolbu mqar nofs is-saltna. Imġiegħla minn ommha, it-tfajla qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”(Mattew 14:8)

Erodi sewwed qalbu għal din it-talba, iżda biex ma jiksirx kelmtu quddiem il-mistednin, bagħat suldat biex iwettaq dak li xtaqet it-tfajla.

Il-mewt ta’ San Ġwann ġrat madwar sena qabel dik tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Mattew 14:3-12; Mark 6:17-29; Luqa 3:1-20, 9:7-9)

ĦsiebLi kellek tinzerta tara lil min qed jixrob minn tazza li fiha l-velenu, kont twaqqfu u tgħidlu? Jekk ma tgħidlux, jista’ jkun li int tkun responsabbli tal-mewt tiegħu? Forsi din nistgħu nsejħulha dnub tal-ommissjoni (li tibqa’ lura milli tagħmel dak li għandek tagħmel)?

Propju dan hu dak li l-insara huma msejħa biex jagħmlu. Qed ngħixu f’dinja tossika u mimlija b’ħafna affarijiet li għandhom is-setgħa li javvalenaw lin-nies spiritwalment u aħna għandna r-responsabbiltà li niftħu għajnejn dawk li qed jixorbu dan il-velenu!

Dan hu dak li għamel il-qaddis tal-lum, Ġwanni l-Battista, li filwaqt li f’Ġunju ċċelebrajna l-festa tat-twelid tiegħu fid-dinja, llum qed niċċelebraw it-twelid tiegħu fis-sema. Qed infakkru u nunuraw il-kuraġġ li wera fil-martirju li ħa, propju għax fetaħ għajnejn Erodi u qallu li kien qed jixrob il-velenu bir-relazzjoni immorali li kien qed jgħix. Kien għalhekk li Erodi arrestah u tefgħu fil-ħabs.

Mhux faċli li wieħed ikun leali lejn il-verità u jxandarha lill-oħrajn. Id-dinja llum tgħidilna: ‘Kollox relattiv. Int għandek il-verità tiegħek u jien għandi tiegħi!’ Imma jekk xi ħadd jgħidlek hekk, staqsih mistoqsija sempliċi: ‘Kif taf li l-verità?’ Kulħadd fih innifsu għandu kuxjenza, li jekk tkun iffurmata tajjeb, tagħraf tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-verità u l-gideb. Mingħajr dawn il-moralitajiet, kulħadd ikun f’riskju li jixrob il-velenu!

Nistgħu ngħidu li Ġwanni l-Battista kien qed jimponi t-twemmin u l-morali tiegħu fuq l-oħrajn? Le. Kien qed jgħid il-verità, u r-raġuni kienet biex jgħin lir-re jevita l-velenu li kien qed joqtlu, dak li aħna nsejħulu d-dnub. Il-fidi nisranija hija dejjem personali imma qatt privata. Għalhekk dawk li jippruvaw iġibu fix-xejn ir-reliġjon tagħna billi jgħidu li hi biss sett ta’ opinjonijiet li wieħed jista’ jsegwi fil-ħajja personali tiegħu, imma li għandu jżomm sieket dwarhom fil-pubbliku, dejjem ifallu. Qisek qed titlob lil raġel miżżewweġ, iġib ruħu ta’ raġel mhux miżżewweġ meta jkun fil-pubbliku.

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna msejħa biex ikollna l-istess kuraġġ ta’ Ġwanni l-Battista u nibqgħu nżommu sod mal-Verità (li hi Kristu nnifsu li qal: “Jiena l-Verità” (Ġwanni 14:6). Jeħtieġ li nitolbu bil-qalb lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-virtujiet tal-kuraġġ u l-qawwa, biex jirnexxielna nagħmlu dan.

Ħadd minna ma jista’ jirrepeti l-missjoni li kellu San Ġwann il-Battista, b’danakollu aħna lkoll imsejħin biex bħalu nkunu xhieda ta’ Kristu, hi x’inhi l-pożizzjoni tagħna. Bħala nsara, irridu nagħtu xhieda għal Kristu. Nagħmlu hekk bi kliemna, bil-mod kif inġibu ruħna, bl-eżempji li nagħtu, fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u kull fejn inkunu. San Ġwann, itlob għalina llum, biex fi żminijietna wkoll, ikollna l-istess kuraġġ li kellek int, għaliex hu importanti immens li minbarra ħajja nisranija tajba, aħna ma nżommux siekta quddiem l-immoralità li qed tavvalenana.

U int, kemm qed tkun tassew xhieda ta’ Kristu, bil-mod kif qed tgħix il-ħajja nisranija tiegħek?

Talba: O Alla, int ridt li San Ġwann il-Battista jkun l-Prekursur ta’ Ibnek, mhux biss fil-ħajja iżda wkoll fil-mewt; agħtina li, bħalma hu sofra l-martirju għall-verità u għall-ġustizzja, hekk ukoll aħna nissieltu bil-qawwa biex niddefendu t-tagħlim tiegħek. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-08-29

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/martyrdom-of-john-the-baptist/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Beheading_of_John_the_Baptist

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.