28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu”. ~ San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpgSAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) f’madwar is-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyons, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyons, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyons, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

F’madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu f’madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyons xi 24 sena. Billi San Irenew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyons għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika”, kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu Adversus Haereses, ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi”. Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu’, u lil dawk li kienu kontrieh jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex”, qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu l-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija li ma bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni li ma bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrijulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha ta’ l-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

2 ta’ Marzu: Santa Anjeże ta’ Praga

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Praga

“Int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur u għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu”. ~ Santa Klara ta’ Assisi lil Santa Anjeże ta’ Praga, f’waħda mill-ittri li kitbitilha. 

sv_anezkaSANTA ANJEŻE TA’ PRAGA
Reliġjuża
1211 – 1282

Tagħrif: Din il-qaddisa kienet il-fundatriċi tal-ewwel monasteru tas-Sorijiet Klarissi ’l fuq mill-Alpi.

Hija twieldet fl-1211 fi Praga, u kienet bint ir-Re Otakar I tal-Boemja u tar-Reġina Kostanza, oħt Andrea II re tal-Ungerija. Hija kienet prima kuġina ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija.

Ta’ tliet snin, Anjeże kienet mibgħuta fil-monasteru tas-sorijiet Ċisterċensi. Ta’ sitt snin ittieħdet lura Praga, u wara ġiet fdata lis-sorijiet Premostratensi ta’ Doksany biex tirċievi l-edukazzjoni li kien jixirqilha.

Fl-1220, minħabba li kienet imwiegħda bħala għarusa ta’ Enriku VII iben l-Imperatur Federiku II, Anjeże kienet meħuda fil-qorti tad-duka tal-Awstrija. Billi l-għerusija tħassret, hija marret lura Praga fl-1225. Wara riflessjoni matura hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġnità tagħha lil Alla.

Anjeże kienet semgħet minn xi predikaturi Franġiskani ġo Praga dwar il-ħajja qaddisa skont l-ispirtu ta’ San Franġisk li l-Verġni Klara kienet qed tgħix ġo Assisi. Hija nġibdet lejn dik il-kwalità ta’ ħajja u ddeċidiet li timxi fuq l-eżempju tagħha. Wara li waqqfet il-monasteru ta’ San Franġisk għas-“Sorijiet Foqra” jew “Damjaniti” (fl-1234), hija stess ingħaqdet magħhom nhar il-Pentekoste, fil-11 ta’ Ġunju, 1234.

Din l-azzjoni tagħha tant qajmet agħa fost il-klassi tal-aristokratiċi ta’ żmienha li mijiet ta’ tfajliet imxew fuq l-eżempju tagħha u daħlu f’kunvent.

Anjeże għaddiet b’kollox 45 sena bħala soru Klarissa u serviet għal żmien qasir bħala badessa fuq talba tal-Papa. Santa Klara ta’ Assisi kienet tistħajjilha hija nnifisha, u għadha teżisti korrispondenza li għaddiet bejn dawn iż-żewġ qaddisin. Flimkien ma’ Klara, Anjeże ħadmet biex tinkiseb l-approvazzjoni tar-regola ġdida li hija kienet ħaddnet.

Santa Anjeże ta’ Praga mietet fit-2 ta’ Marzu, 1282, fl-età ta’ 71 sena. Ħafna mirakli kienu attribwiti lil din il-prinċipessa-badessa. Hi kienet iddikjarata beata mill-Papa Piju IX fl-1874, u kkanonizzata mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1988.

Ħsieb: Il-familjari ta’ Anjeże ppruvaw diversi drabi oħra jgħarrsuha ma’ xi prinċep jew xi nobbli, imma hi rnexxielha teħles minnhom kull darba – l-aħħar każ kien meta hi kellha ftit inqas minn tletin sena u niesha riduha tiżżewweġ lill-Imperatur Federiku II. Imma Anjeże appellat lill-Papa Girgor IX u insistiet li x-xewqa tagħha kienet li ssir soru Franġiskana. Fl-aħħar Federiku ċeda. “M’għandix neħodha b’offiża”, qal l-imperatur, “ladarba hi ppreferiet lis-Sultan tas-Sema milli lili.”

Dawn li ġejjin huwa siltiet mit-Tieni Ittra li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga:

“Jiena nrodd ħajr lil Dak li mingħandu tiġi kull ħaġa tajba u kull don perfett (Ġakbu 1:17), li għoġbu jżejnek b’tant ġmiel ta’ virtù, u riedek li tiddi b’sinjali l-aktar għoljin ta’ perfezzjoni, biex ladarba int sirt tixbah lill-Missier ta’ kull perfezzjoni (Mattew 5:48) min-naħa tiegħek ikun jixraqlek li ssir perfetta, hekk li għajnejh ma jsibu xejn fik li fih xi ħjiel ta’ imperfezzjoni (Salm 138:16).

U din hija l-perfezzjoni li għaliha s-Sultan ser jgħaqqdek miegħu fil-għamara tat-tieġ tal-ġenna, fejn Hu qiegħed glorjuż fuq tron tal-­kwiekeb, għaliex int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur. Flok dan kollu, għall-imħabba tal-faqar imqaddes, u fi spirtu ta’ umilta’ kbira u ta’ karita’ l-aktar imħeġġa, għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi (1 Pietru 2:21) ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu.

Verġni fqira, tgħannaq ma’ Kristu fqir. Qis li Hu sar oġġett ta’ disprezz, u għalhekk int imxi warajh, u għall-imħabba tiegħu tarahiex bi kbira li ssir immaqdra f’din id-dinja. O Reġina l-aktar nobbli, ħares lejn l-Għarus tiegħek, l-isbaħ fost ulied il bnedmin (Salm 44:3), li biex isalvak sar l-aħħar wieħed fost il-bnedmin, immaqdar, imsawwat u midrub f’ġismu kollu, u miet fost l-eħrex tbatijiet fuq is-salib. Aħseb fuqu u kkontemplah, u xtieq b’ħeġġa li ssir tixbhu.

Jekk tbati miegħu, għad tifraħ miegħu (Rumani 8:17); jekk tmut miegħu fuq is-salib tan-niket, għad tgħammar miegħu fil-għamajjar leqqiena tal-qaddisin (Salm 109:3,22) u ismek ikun miktub fil-Ktieb tal-ħajja, u jkun imsebbaħ fost il-bnedmin. U għalhekk inti għad tiret għall-eternità u għal dejjem ta’ dejjem il-glorja tas-sema minflok l-unuri li jgħaddu ta’ din id-dinja; ikollok sehem mill-ġid li ma jispiċċa qatt minflok il-ġid li jisfa’ fix-xejn, u tgħix għal dejjem ta’ dejjem”.

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

Talba: O eżempju ta’ virtu’ mill-isbaħ, verġni glorjuża Santa Anjeże, f’din l-art int għażilt li tkun l-għarusa tar-Re tar-Rejiet u tiegħu biss u bħalu għext fil-faqar, issa, li tinsab miksija bl-ilbies tal-ferħ u mgħammra bħal għarusa bil-ġojjellerija spiritwali li tak is-Sultan qalbieni, interċedi għalina quddiemU, biex aħna wkoll nagħżlu li nitwaħdu miegħu biss, l-uniku Salvatur tagħna, ħalli naslu ngawduh għal dejjem fis-sema. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-agnes-of-bohemia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-bohemia/

or

http://www.olamnuns.com/blog/inspirations-blog/118-a-holy-princess-st-agnes-of-bohemia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Frar: Santa Agata

Verżjoni Vidjo: Santa Agata

“Hi u sejra l-ħabs, Agata kienet ferħana bħal waħda li kellha l-ġieħ tkun mistiedna għal festa ta’ tieġ, u bit-talb irrikkmandat il-martirju tagħha lill-Mulej”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Agata

f_martyrSANTA AGATA
Verġni u Martri
? – 251

Tagħrif: Din il-Qaddisa żagħżugħa tal-ewwel żminijiet, bħal Santa Anjeże, storikament ftit li xejn nafu fuqha. Nafu fi żgur li ħadet il-martirju fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Deċju, fi Sqallija.

Skont tradizzjoni, hi twieldet għand familja sinjura ħafna f’Katanja. Meta tfarfret, Kwinzjanu, Konslu ta’ Ruma, li kien prefett fi Sqallija, ried jiżżewwiġha, iżda hi ma riditx, u qaltlu li kienet għarusa lil Ġesù u riedet tibqa’ tiegħu u tiegħu biss. Biex ibeżżagħha u jġegħilha ċċedi għax-xewqa tiegħu, inqeda bl-Editt kontra l-Insara, u ħadha quddiem l-Awtorita’. Bagħtuha f’dar tal-prostituzzjoni biex idawrulha fehmitha, u ttorturawha li saħansitra qatgħulha sidirha, iżda hi baqgħet soda fl-imħabba tagħha lejn Ġesù, sakemm ġisimha ma felaħx għat-torturi u mietet, fis-sena 251.

Santa Agata hi waħda mill-Patruni ta’ Malta li missirijietna emmnu li ħelsithom mit-theddid tal-Musulmani.

L-isem ta’ Santa Agata (li jfisser “twajba”) jissemma fl-ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

Għandna provi li d-devozzjoni lejha hi waħda antika ħafna fil-Knisja. B’danakollu ftit wisq għandna tagħrif ċert dwarha. Fi Sqallija, kemm Palermo kif ukoll Katanja jippretendu l-unur tat-twelid ta’ Agata. Santa Agata hija waħda mill-patruni minuri ta’ Malta u d-devozzjoni lejha hija antika ferm.

Hawn Malta, diversi knejjes żgħar huma ddedikati lilha. Ta’ min isemmi li l-Casa Madre tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat, mibdija mill-qaddej t’Alla Mons. Ġużeppi De Piro, hi ddedikata lil Santa Agata, kif għaliha wkoll huma msemmija l-katakombi li hemm taħtha.

Ħsieb: Qari minn priedka fuq Sant’Agata, ta’ San Metodju, isqof ta’ Sqallija:

“Illum qed niċċelebraw it-tifkira tal-martri Sant’Agata. Hi martri mill-kbar u magħrufa ħafna għat-taqbida li tqabdet fl-imgħoddi, imma qisha għadha fi żmienna titqabad u tirbaħ sa issa minħabba l-mirakli li Alla jagħmel biha, biex bħallikieku jsebbaħha u jżejjinha kuljum b’kuruna ġdida.

Hija verġni, għax twieldet permezz tal-Verb ta’ Alla, li ma jmutx, imma li sar ukoll bniedem u miet minħabba fina; twieldet bis-saħħa tal-Iben ta’ Alla, li hu wieħed mal-Missier, u li, kif jgħid Ġwanni t-teologu, lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla. Din hi t-tfajla verġni li stidnitkom għall-ikla mqaddsa tagħna; hija dik ix-xebba mgħarrsa lil raġel wieħed, li hu Kristu, kif jgħid San Pawl fuq l-għaqda taż-żwieġ.

Hija verġni li, fid-dawl spiritwali tagħha, kienet tħammar u ssebbaħ xufftejha, ħaddejha u lsienha bid-demm tal-Ħaruf veru ta’ Alla, u li l-ħin kollu kienet iżżomm f’moħħha u ġġorr f’qalbha l-mewt ta’ min ħabbha b’tant ħeġġa u xerred demmu għaliha. Il-fidi li stqarret libbsitha libsa mmarkata tajjeb ħafna bil-marka ħamra u li ma titħassarx tad-demm ta’ Kristu, libsa mżejjna bir-rubini għanja ta’ xbubitha, jiġifieri dik il-virtù li kienet il-priedka qawwija tagħha f’ħajjitha, u li biha baqgħet titkellem bla heda wara mewtha.

Agata hija xebba tajba tassew, ladarba Alla għażilha b’sehmu. U Alla, li hu l-għajn ta’ kull tjieba, taha bħala don lill-Għarus tagħha, u taha lilna wkoll permezz tax-xirka tagħna fit-tajjeb, ħalli b’hekk donnu jsaħħaħ u jwettaq it-tifsira ta’ isimha.

Jekk Alla hu l-aqwa tjieba fih innifsu, min jista’ qatt jgħaddih fi-ħwejjeġ tajba li hu jagħti? U għalhekk min se jsib ħaġa li hi ta’ min jifraħ biha u jfaħħarha aktar minn Agata?

Għax l-istess isem Agata jfisser ħwejjeġ tajba, u għalhekk hija taqbel sewwa ħafna ma’ dak li qegħdin ngħidu. Bl-għemejjel glorjużi tagħha, Agata kisbet isem tajjeb, li fih innifsu hu xhieda mill-isbaħ tal-kobor ta’ għemilha.

Agata, bis-saħħa tal-istess tifsira ta’ isimha, tistedinna lkoll biex nersqu lejha u nfittxuha bil-ħerqa, u bl-eżempju tagħha tgħallimna biex flimkien magħha nħaffu lejn dak li hu tassew it-Tajjeb, Alla waħdu”.

  • U int, tħaffef biex tmur tiltaqa’ ma’ Kristu fit-Talb u fil-Quddies, b’mod speċjali fit-Tqarbin?
  • Iżżomm ruħek safi/safja hekk li jkun jistħoqqlok l-unur li tirċievi lil Ġesu’ fl-Ewkaristija u mbagħad jirċevik Hu fis-saltna tiegħu tas-sema meta jasal il-waqt li Hu jibgħat għalik?

Talba: Agħtina, Mulej, il-maħfra ta’ dnubietna għat-talb tal-verġni u martri Sant’Agata, li dejjem sabet grazzja quddiemek għas-safa ta’ ħajjitha u għall-qawwa li wriet fil-martirju tagħha. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-agatha.html

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-02-05

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agatha_of_Sicily

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Jannar: San Sebastjan

Verżjoni Vidjo: San Sebastjan

“O kbir martri ta’ Kristu Sebastjanu. Prinċep, prinċep Sebastjanu. Tas-sema il-liġi bil-ħeġġa int xandart. Ara ismek, ara ismek miktub fil-ktieb tal-ħajja tas-sema. U t-tifkira tiegħek ma tintesa’ qatt”. ~ Antifona ta’ San Sebastjan

0110.st_.sebastian.SAN SEBASTJAN
Martri
? – †288

Tagħrif: Bħal ħafna “Atti” tal-ewwel Martri ta’ Ruma, dawk ta’ San Sebastjan intilfu wkoll. Dak li aħna ċerti minn hu, li miet martri, jinsab midfun fi Triq Appia fejn illum fil-qrib hemm il-Bażilika ta’ San Sebastjan, u li kien ġa vvenerat fi żmien San Ambroġ (340 – 397).

Skont kitba anonima tas-seklu V, Sebastjan twieled f’Narbona (Franza t’Isfel) minn ġenituri Taljani li, meta kien għadu tifel, ħaduh u rabbewh f’Milan. Għad li kellu antipatija naturali kontra l-ħajja tal-armi, sabiex ikun jista’ jgħin il-martri u l-insara l-oħra, hu mar Ruma u daħal suldat tal-Imperatur Carinus (282-284). Il-kwalitajiet sbieħ tiegħu ġibdu l-attenzjoni tal-imperaturi Djoklezjanu u Massimjanu, li fdawlu il-kmand tal-ewwel korti. Bħala suldat kien iżur l-insara fil-ħabs u kien jgħinhom u jinkoraġġihom.

Imma fl-aħħar inqabad, u Djoklezjanu ċanfru għall-ingratitudni tiegħu. Għalxejn Sebastjan ipprotesta li hu dejjem qeda eżattament id-dmirijiet tiegħu militari, l-imperatur ordna li jiġi maqtul bil-vleġeġ. Tefgħulu diversi vleġeġ u telquh għal mejjet. Imma Sebastjan kien għadu ħaj u mara twajba jisimha Irene ħaditu f’darha u dewwietu.

Meta ħa saħħtu mill-ġdid, bix-xewqa li jmut martri, mar minn rajh quddiem Djoklezjanu u qallu li ma kienx se jsib il-paċi qabel ma jieqaf milli jxerred demm bla ħtija. Djoklezjanu reġa’ qatagħhielu għall-mewt u ġismu ntefa’ fid-drenaġġ pubbliku.
Kien għall-ħabta tas-sena 288.

Għalkemm il-leġġendi m’humiex stejjer veri, b’danakollu, jesprimu l-qawwa tal-Fidi, u l-kuraġġ li kellhom dawn l-eroj martri ta’ Kristu.

San Sebastjan hu meqjum bħala wieħed mit-tliet patruni tal-belt ta’ Ruma. Fl-ewwel sekli tal-kristjaneżmu, imma b’mod l-aktar intens fil-medju evu sas-seklu sittax dan il-kult kien jinsab qawwi ħafna fid-dinja tal-punent bil-festa tkun ċelebrata nhar l-20 ta’ Jannar. San Sebastjan għandu kult ukoll fid-dinja tal-ilvant bil-festa tkun ċelebrata nhar it-18 ta’ Jannar.

San Sebastjan hu patrun tal-artillieri, u hu l-patrun ta’ waħda mill-parroċċi ta’ Ħal Qormi.

Ħsieb: San Sebastjan huwa difensur tal-fidi Nisranija, huwa eżempju ħaj għal kull wieħed minnha u protettur ta’ ħafna, magħruf ukoll bħala wieħed mill-protetturi kontra l-mard tal-pesta. Ħafna rrikorrew lejn San Sebastjan f’mumenti diffiċli biex jidħol għalihom quddiem il-Mulej. Dan hu parti mid-diskors tal-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-14 ta’ Lulju 2018, lejliet il-Festa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi:

“Dan ir-raġel qaddis li għex fit-tielet seklu u miet fis-sena 288, ma beżgħax mill-bnedmin; wera li għalih Alla jiġi l-ewwel post. U bl-imħabba tiegħu lejn Alla, San Sebastjan ħeġġeġ anke lil ħaddieħor biex jgħaraf lil Ġesù bħala s-Salvatur tiegħu.

Għal Sebastjan li jkun Kristjan kienet l-iżjed ħaġa importanti.

Mhux ta b’xejn il-kundanna tiegħu hija l-glorja tiegħu. Quddiem il-bnedmin il-kundanna tiegħu kienet: ‘Sebastianus Christianus’. Għaliex meta taħt l-Imperu Ruman kienu jikkundannak għall-mewt, fuq it-tabella kienu jiktbu u jgħidulu it-‘titulus’. Dan bħalma lil Ġesù kitbulu ‘Iesus Nazarenus Rex Iudaeorum’ (INRI), ‘Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud’. Dak kien it-‘titulus’ ta’ Ġesù. In-Nisrani Sebastjan kellu t-‘titulus’ tiegħu li qiegħed imnaqqax ukoll madwar il-knisja: ‘Sebastianus Christianus’, Sebastjan li huwa ta’ Kristu, li huwa Nisrani, li huwa Kristjan. U għal Sebastjan li jkun Kristjan kienet l-iżjed ħaġa importanti.

Kien parti mill-gwardja pretorjali, kien suldat stmat. San Ambroġ jgħidilna li ħalla l-Milan u mar Ruma fejn il-persekuzzjoni kienet għadha qalila. Bl-eżempju tiegħu ta’ żagħżugħ fidil u leali, ħeġġeġ lill-Insara dgħajfin fil-fidi tagħhom. U bħalma nkantaw fl-innu: “Hemm fil-ħabs minn ta’ Nikostratu, ta’ Alla l-kelma ppridkajt”.

Sebastjan kien ukoll interċessur. Il-Knisja ta’ Ruma lil San Sebastjan tivvenerah bħala wieħed mill-interċessuri, wieħed mill-qaddisin li jidħlu quddiem Alla għall-komunità. Wara kollox, il-parroċċa tagħna taf l-oriġini tagħha lill-esperjenza qawwija li l-Qriema għamlu ta’ kemm hu qawwi t-talb ta’ San Sebastjan, b’mod speċjali fil-mumenti tant koroh tal-pesta li kienu jippjagaw ir-raħal għax hu qrib il-port minn fejn kien jiġi ħafna mard. U l-Qriema tgħallmu jitolbu lil San Sebastjan għall-protezzjoni.

Imma aħna llum, (bħal San Sebastjan) irridu nilqgħu l-Kelma ta’ Ġesù. Mela jekk il-bniedem jitlob xi ħaġa li hija kontra l-Liġi ta’ Alla, li hija kontra r-rieda ta’ Alla, l-għażla għandha tkun ċara, inkella għad baqagħlu x’jitgħallem fl-imitazzjoni ta’ San Sebastjan!!”

  • U int, kburi li nisrani/ja?
  • Tiddefendi t-twemmin tiegħek u lil ħutek insara?
  • Għandek kuraġġ li akkost ta’ kollox tinkoraġġixxi lil min ikun qed jagħmel il-ġid, u tikkundanna bil-qawwa kollha lil min ikun qed jagħmel il-ħażin?

Talba: Imliena, Mulej, bl-ispirtu tal-qawwa, u ħeġġiġna bl-eżempju sabiħ ta’ San Sebastjan, martri tiegħek, biex nitgħallmu nobdu aktar lilek milli l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-sebastian.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-sebastian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Sebastian

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.