14 ta’ Lulju: San Kamillu De Lellis

Verżjoni Vidjo: San Kamillu De Lellis

“Kont marid u żortuni.” – Ġesù  f’Mattew 25:36.
“Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.” – Ġesù f’Mattew 5:7.

Lellis2.jpgSAN KAMILLU DE LELLIS
Saċerdot
1550 – 1614

Tagħrif: San Kamillu twieled f’Bocchianco, l-Italja, fl-1550. Tilef ’l ommu meta kellu tlettax-il sena. Kiber bi spirtu avventuruż u ta’ sbatax-il sena ħalla d-dar u daħal suldat biex jiġġieled mal-Venezjani kontra t-Torok, iżda minħabba ferita li kellu f’siequ ħalla l-armata u daħal l-isptar ta’ San Ġakbu, f’Ruma.

Meta ħareġ mill-isptar raġa’ daħal suldat fl-armata ta’ Venezja u mar jiġġieled kontra t-Torok. Meta ġie lura mill-ġlied, ħalla l-armata u tilef kull ma kellu fil-logħob. Biex ma jaqax jittallab daħal jaħdem mal-Kapuċċini ta’ Manfredonja fl-1574.

Wara xi ftit xhur ġie impressjonat minn parir li tah il-Gwardjan tal-patrijiet, u beda jibdel ħajtu.

Fl-1575 huwa talab u ġie aċċettat bħala ajk, u hekk ħa l-libsa ta’ Kapuċċin. Iżda billi l-ferita f’riġlu baqgħet tinkwetah,, iddeċieda li jerġa’ jmur l-isptar ta’ San Ġakbu. Hawn sab il-vokazzjoni tiegħu li jdur bil-morda. Bid-dedikazzjoni u bl-abbiltà tiegħu fix-xogħol, rebaħ l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, u wasal biex ġie maħtur Direttur tal-isptar.

Bil-ħsieb li jipprovdi nies li jkunu kkwalifikati biex iduru bil-morda, huwa ġabar nies miegħu li kienu lesti li jiddedikaw ruħhom għal dan ix-xogħol. Sadanittant bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu San Filippu Neri, huwa sar saċerdot, fl-1584, meta kellu 34 sena.

Fl-istess sena waqqaf is-Soċjetà tal-Qaddejja tal-Morda. Fl-1607 huwa rriżenja minn Superjur tal-Ordni minħabba saħħtu. Miet f’Ruma fl-14 ta’ Lulju, 1614 fil-għomor ta’ 64 sena. Sa l-aħħar baqa’ jdur bil-morda minkejja l-ferita li kellu. Ġie kkanonizzat fl-1746; il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-infermieri.

Ħsieb: Il-logħob tal-flus kien l-akbar vizzju li kellu, li kien faqqru u ġiegħlu jistħi, imma bl-għajnuna t’Alla, huwa rnexxielu jegħleb dan il-vizzju u jħalli lil Alla jagħmel xi ħaġa sabiħa u kbira b’ħajtu. Dan il-qaddis huwa l-fundatur tal-Ministri tal-Morda, ordni ta’ qassisin u ajkijiet li jieħdu ħsieb il-morda, illum magħrufa bħala “Kamilljani.”

Is-Soċjetà tal-Qaddejja tal-Morda li huwa waqqaf, kienu mhux biss iduru bil-morda fl-isptarijiet, imma wkoll fil-ħabsijiet, fid-djar u fit-toroq speċjalment meta kienu jinqalgħu xi epidemji bħal ma hija l-pesta u kienu jmorru fuq il-fruntieri tal-battalji jduru bis-suldati feruti. Kienu jġibu salib aħmar meħjut mal-libsa fuq sidirhom. Nistgħu ngħidu li kien San Kamillu li beda dak li llum insejħu s-Soċjetà tar-Red Cross u wkoll l-Ambulanza.

Meta Kamillu minħabba l-mard ma setax jimxi aktar, kien jitkaxkar minn sodda għal oħra biex jara jekk il-morda kellhomx bżonn xi ħaġa. L-uġigħ li kien iġarrab kien jinkoraġġih biex jirsisti aktar għall-oħrajn. Flimkien ma’ San Ġwann ta’ Alla, (ara San Ġwann ta’ Alla) hu l-qaddis protettur tal-isptarijiet, tal-infermiera u ta’ dawk kollha li jduru bil-morda.

U aħna, x’lesti nagħmlu għall-morda u n-nies fil-bżonn ta’ żminijietna llum? Jalla, fuq il-kliem tal-Mulej stess, “Kont marid u żortuni” (Mattew 25:36), nagħrfu naraw lil Kristu fil-morda tagħna, f’dawk li jkunu qed isofru, u f’min ikollu bżonn l-għajnuna tagħna f’kull qasam tas-soċjetà.

Il-Mulej ta lil San Kamillu mħabba speċjali lejn il-morda. Ejjew nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħu, inebbaħna, li bil-qadi tagħna lejn ħutna naqilgħu l-grazzja li naslu għand Alla mimlija opri tajba fl-aħħar ta’ ħajjitna. Kemm ikun sabiħ imbagħad il-kliem tas-Sultan li jinkludik mal-imberkin:

“Is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mattew 25:34-40).

  • U int, tixtieq li meta jasal il-waqt, tisma’ dan il-kliem ta’ Ġesù u tifhem li qed jirreferi għalik minħabba li f’ħajtek tkun urejt ħniena minn qalbek mal-proxxmu tiegħek?

Talba: O Alla, int żejjint bi grazzja liema bħalha lis-saċerdot San Kamillu de Lellis biex jaqdi bi mħabba kbira lill-morda; għall-merti tiegħu, sawwab fina l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, biex naqdu lilek f’ħutna l-bnedmin, ħa nkunu nistgħu nqawwu qalbna li minn din il-ħajja ngħaddu għal għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-camillus-de-lellis.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-camillus-de-lellis/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Camillus_de_Lellis

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Marzu: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

“Temmnux, l-aħwa, li l-assistenza, tikkonsisti biss f’li tingħata mediċina u ikel lill-morda. Hemm tip ieħor ta’ assistenza … l-għajnuna tal-qalb li tempatixxi mal-persuna li ssofri”. ~ Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Maria-Josefa-Sancho-de-GuerraSANTA MARIJA JOSEFA SANCHO DE GUERRA
Reliġjuża
1842 – 1912

Tagħrif: Marija Josefa Sancho de Guerra, twieldet fis-7 ta’ Settembru, 1842, fil-belt ta’ Vitorja, fi Spanja, fir-reġjun Bask. Missierha kien Bernabe Sancho, u ommha Petra de Guerra, hija kienet l-ewwel wild tagħhom.

Ta’ 7 snin tilfet lil missierha u baqgħet tgħix ma’ ommha u ħutha, fejn ħadet formazzjoni reliġjuża tajba minn ommha li wasslitha biex tkun ippreparata tajjeb biex tagħmel l-ewwel tqarbina ta’ 10 snin.

Ta’ 15-il sena marret għal xi żmien tgħix ma’ xi qraba f’Madrid, biex tkompli l-edukazzjoni tagħha. Marija Josefa kienet devota ħafna tal-Ewkaristija u tal-Verġni Mqaddsa Marija. Kellha sensibbilità kbira għall-foqra, morda u dawk weħidhom.

Ta’ 18-il sena rritornat lura d-dar u bdiet ittarraf lil ommha bil-ħajra li kellha li tidħol reliġjuża. Ħadet diversi pariri iżda ma setgħetx tasal għal deċiżjoni ma’ liema ordni se tingħaqad. Meta kienet kważi ddeċidiet, fl-1860, mardet bit-tifu, u din ħaditha bħala l-id t’Alla għaliex kienet se tieħu għażla żbaljata.

Wara ftit żmien hija rnexxielha tidħol fl-istitut tas-Servi ta’ Marija. Bdiet tħoss li kienet imsejħa li twettaq iżjed xogħol minn dak li kienet qed tagħmel. Bil-pariri tal-konfessur tagħha San Soledad Torres Acosta, u l-Arċisqof Claret telqet mill-istitut tas-Servi ta’ Marija. Fir-Rebbiegħa tal-1871, meta kellha 29 sena, ġewwa Bilbao, waqqfet l-istitut tas-Servi ta’ Ġesù. Ingħaqdu magħhom tnejn oħra minn sħabha. Dan l-istitut ġdid ġie mwaqqaf bl-intenzjoni li jgħin lill-morda fl-isptarijiet u fi djarhom, l-anzjani, it-tfal u dawk bla dar.

Mietet fl-20 ta’ Marzu, 1912 wara marda qalila u snin twal ta’ tbatija kbira. Id-djar tagħha dakinhar kienu jġibu 43, u kellha iżjed minn 1000 soru. Indifnet ġewwa ċ-ċimiterju ta’ Bilbao, iżda fl-1926, billi l-fama tal-qdusija tagħha kibret ġiet trasferita għall-kappella tal-istitut. Ġiet ibbeatifikata fis-27 ta’ Settembru, 1992 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II u fl-1 ta’ Ottubru, 2000 l-istess Papa kkanonizzaha.

Ħsieb: Marija Josefa kienet l-ewwel superjura, u żammet din il-kariga għal 41 sena. Kienet tivvjaġġa minn komunità għal l-komunità, ħafna vjaġġi perikolużi u diffiċli, biex tkun tista’ tmexxi tajjeb id-djar tagħha, sakemm marda twila żammitha f’Bilbao. Minn dakinhar ’il quddiem kellha żżomm biss kuntatt permezz tal-korrispondenza. Dan ma fixkilhiex li tkun aġġornata b’kull ħaġa li kienet qed tiġri fid-djar tagħha.

Li nikkuraw u nieħdu ħsieb il-morda hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena li din il-qaddisa qdiet sew tul ħajjitha kollha u ħarġet lil ħafna oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Dan li ġej huma xi siltiet mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei, Tal-Qroqq (8 ta’ April, 2018), fil-festa tal-Ħniena Divina:

“Jeħtieġ naraw lill-Mulej f’xulxin, naraw ’l Mulej fil-pazjenti tagħna. Ejjew immiddu jdejna biex ngħinu lill-pazjent. Il-pazjenti li qegħdin hawnhekk għandhom pjagi fir-ruħ, fil-ġisem, fil-psike tagħhom. Il-Mulej qed isejħilna biex innewlu jdejna, l-id tal-faraġ, l-id tal-mediċina u tax-xjenza, tal-kura, anke dik palljattiva, meta dak li jkun ikollu bżonn dak it-tip ta’ intervent u mediċina. U hawnhekk fejn immissu l-pjagi ta’ Ġesù, hemm bżonn ukoll narawh fil-fidi u naraw ukoll l-irxoxt tiegħu.

F’dan il-post nirrealizzaw li l-ħajja ma jistax ikun tintemm b’dak li qed naraw hawnhekk. Ġo fina hemm istint qawwi li jipperswadina li ma jistax ikun li l-ħajja tispiċċa hawnhekk; li dan it-taħbit kollu u l-inkwiet għal dawn l-erbat ijiem. U dak li qal u wiegħed Ġesù jibda jagħmel ħafna u ħafna sens. Min hu dak li jegħleb lid-dinja jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? L-ikbar rebħa tal-bniedem hija din: li jemmen u jafda f’Ġesù.

Illum nitolbu u ninvokaw il-ħniena tiegħu fuq kull persuna li għandha bżonn il-kura f’dan il-post, imma nitolbu ħafna wkoll għall-istaff, għall-istaff mediku, l-istaff anċillari ta’ dan l-isptar biex hawnhekk ikun dejjem ambjent ta’ fejqan, fejn il-ħarsa ta’ mħabba li nagħtu lil xulxin, anke jekk ma tfejjaqx il-ġisem, tagħti balzmu u faraġ lir-ruħ.

U din tkun tassew opra tal-ħniena. Ma nistgħux aħna ma nfakkrux l-opri tal-ħniena fil-jum tal-ħniena u li żżur lill-morda, li tikkurahom u tieħu ħsiebhom hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena. U għalhekk il-barka ta’ Alla tkun fuq dan il-post qaddis, imqaddes bit-tbatija, imma wkoll fuq kull min qed jagħti ħajtu b’mod professjonali biex dan il-post ikun tassew post ta’ fejqan”.

  • U int, iżżurhom lill-morda? Tipprova tfarraġhom?
  • Titlob għall-morda, għat-tobba, għall-infermiera u għal kull min għandu xogħol vokazzjonali f’dan is-settur?
  • Meta tkun marid/a int, kif tkun l-attitudni tiegħek lejn il-mard u min ikun qed jgħinek biex tfieq?
  • Toffri t-tbatijiet tiegħek, (il-pjagi tiegħek) tar-ruħ, tal-ġisem, u tal-psike tiegħek bi tpattija għal dnubietek u għal ġid ta’ ħafna erwieħ kif Ġesù offra tiegħu lill-Missier bi tpattija għal dnubietna u għas-salvazzjoni ta’ kull ruħ?

Ejjew inżommu f’moħħna wkoll li ladarba Kristu patta għad-dnubiet tagħna, il-veru marid hu:

  • dak li għadu mhux salvat bid-Demm ta’ Kristu,
  • dak li għadu jżomm qalbu magħluqa u ma jridx jirċievi l-Ħniena Divina li teħilsu mill-iskjavitu tad-dnub,
  • dak li qed iżomm ruħu ‘l bogħod mis-Sagrament tal-Qrar u jkompli jħalli lix-Xitan jagħfsu l-isfel fil-ħama tal-ħażen.

Dan hu l-mard serju u li jġib il-MEWT fina. Ejjew għalhekk nitolbu ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin, ibda minn tagħna.

Talba: O Alla ta’ kull faraġ, Int għamilt lil Santa Marija Josefa Sancho de Guerra, ‘anġlu tat-tama’ għall-morda ta’ żmienha u bil-gwida li tat lis-sorijiet tagħha, hi baqgħet preżenti fil-persuna tagħhom biex tikkura bi mħabba qaddisa lill-għeżież morda, għallimna nkunu aħna wkoll ‘anġli ta’ faraġ’ ma’ kull min hu marid jew jeħtieġ xi forma ta’ attenzjoni u mħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/misc/Angels_Demons/ANGES_josefaheartjesus.pdf

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-maria-josefa-sancho-de-guerra/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mar%C3%ADa_Josefa_Sancho_de_Guerra

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Marzu: Beata Anġela Salawa

Verżjoni Vidjo: Beata Anġela Salawa

“Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” ~ Beata Anġela Salawa

0312-24BEATA ANĠELA SALAWA
Lajka
1881 – 1922

Tagħrif: Anġela Salawa twieldet f’familja reliġjuża ġewwa Siepraw, qrib Krakovja, il-Polonja, fid-9 ta’ Settembru, 1881. Missierha kien jismu Bartlomiej u ommha kienet jisimha Ewa, u kienet il-ħdax-il wild tal-familja. Kienet debboli ħafna u ta’ saħħa dgħajfa.

Fl-1897, marret toqgħod ma’ oħtha ikbar minnha fi Krakovja u hemm bdiet taħdem ta’ seftura, fid-djar tas-sinjuri. Damet għal xi għoxrin sena f’dan ix-xogħol. Sadanittant kienet tiġbor it-tfajliet u tħarriġhom għal dan is-servizz.

Fl-1913, saret lajka tal-Ordni Franġiskan. Fl-ewwel Gwerra Dinjija, kienet tgħin lill-priġunieri kollha, mingħajr kas ta’ x’nazzjonalità huma jew x’reliġjon iħaddnu. Kienet wkoll tiġri fl-isptarijiet u ddur bis-suldati feruti u tqatta’ ħinijiet twal tikkurahom.

Fl-1917, is-saħħa dgħajfa tagħha ma ppermettitilhiex tagħmel iżjed dan l-appostolat. Qabditha marda u damet issofri, fi tbatija kbira, għal ħames snin. Fid-djarju tagħha kitbet “Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” Darba oħra kitbet: “Għażiż Ġesù, nixtieqek tkun adorat kif inti kont distrutt.”

Hija mietet fit-12 ta’ Marzu, 1922. Mietet fil-faqar, iżda b’fama ta’ qaddisa. Il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikaha fl-1991, fi Krakovja.

Ħsieb: L-umiltà qatt m’għandha tiġi mifhuma bħala nuqqas ta’ konvinzjoni, perspettiva jew enerġija. Anġela ġabet l-Aħbar it-Tajba u l-assistenza materjali lil xi wħud miċ-ċkejknin tal-Mulej. Il-ħajja ta’ servizz u sagrifiċċji personali tagħha, ispiraw lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Insibu f’Mattew 25:34-36 40, li Ġesù jgħidilna hekk:

“Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Żgur li meta l-Beata Anġela Salawa għaddiet minn din il-ħajja għall-oħra, is-Sultan Divin qallha: “Ejja, imbierka minn Missieri, ħu b’wirt tiegħek is-Saltna, għax Jien kont marid u ġejt tarani …” Kemm hu nobbli x-xogħol tal-infermiera, tat-tobba, u ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Hija tassew vokazzjoni jew missjoni li wieħed idur bil-marid. Il-marid hu vulnerabbli, jeħtieġ il-kura mhux biss ta’ ġismu, mhux biss tal-istat psikoloġiku li jkun fih imma fuq kollox tar-ruħ għax mingħajr Alla, iċ-ċans hu li wieħed jiddispra.

Din li ġejja hija silta minn omelija tat-12 ta’ Frar, 2017, tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech fl-okkażjoni ta’ Jum il-Morda:

“Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum il-Morda, niftakru li l-marid qatt ma huwa piż, u l-familja u s-soċjetà huma fid-dmir li joffrulu l-kura ordinarja biex ma jbatix u jfiq. Tal-mistħija li hemm min bla kuxjenza jagħmel sfruttament finanzjarju mill-morda. Min-naħa l-oħra, nafu li ġieli jkun hemm pazjenti fl-isptarijiet li jkollhom qalbhom imtaqqla, mhux minħabba l-mard li jkollhom imma għax iħossuhom abbandunati jew sfruttati wkoll mill-familja u minn qrabathom. Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet li juruna kemm Ġesù kellu qalb li tħoss għall-marid u kien jaġixxi biex itaffi kull għamla ta’ tbatija. Illum ukoll Ġesù għadu qrib tal-marid. Ħafna drabi Alla jinqeda bina l-bnedmin, anki b’dawk li ma jemmnux jew għandhom id-dubji tal-fidi, biex idewwaq imħabbtu lill-morda. Dan jgħodd partikularment għal dawk li jaqdu fil-professjoni medika u b’ħidmiet oħra fl-isptarijiet”.

  • U inti, tmur iżżur lill-morda biex tagħmlilhom kuraġġ u turihom li qiegħed/qiegħda hemm għalihom?
  • Tara lil Ġesù fil-marid hekk li tasal biex iddur bih/biha bil-qalb akkost ta’ kull sagrifiċċju personali?
  • Titlob għall-morda, b’mod speċjali għal dawk li għadhom m’aċċettawx is-salib tal-mard tagħhom u għalhekk jinsabu konfużi u bla paċi f’qalbhom?
  • Jekk inti marid/a inti stess, tagħraf li din tiegħek hija rikkezza, hekk li jekk tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-Salib, dawn iservu għas-salvazzjoni ta’ ruħek u ta’ erwieħ oħra?

Talba: O Mulej Alla, li tfejjaq u li tfarraġ, Int żejjint lill-Beata Anġela Salawa bi spirtu ta’ qadi lejn il-morda u s-suldati feruti u minkejja n-nuqqas ta’ saħħa personali tagħha, hija tat servizz kollu mħabba lil ħafna pazjenti; agħtina l-kuraġġ biex induru bil-morda ta’ żminijietna u qatt ma narawhom bħala piż, anzi nifhmu li Int tinsab moħbi fil-persuna ta’ kull wieħed u waħda minnhom, għalhekk kull ma nagħmlu magħhom, inkunu qed nagħmluh miegħeK. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angela-salawa.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-angela-salawa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Angela_Salawa

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.