9 ta’ Lulju: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

“Ifirħu wkoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 1: 6-7.

DAS-MARTYRIUM-DER-MOeNCHE-VON-GORKUM_74-IV_69231.jpgSAN ĠWANN MINN KOLONJA U SĦABU
Martri ta’ Gorcum
? – 1572

Tagħrif: Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.

Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.

Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.

Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.

Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-viżti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.

Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.

Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.

Ħsieb: Kien fix-xahar ta’ Ġunju tal-1572, li l-Kalvinisti ħakmu f’idejhom il-belt ta’ Gorcum fl-Olanda. Qabdu lil dawn l-insara li semmejna li kienu joqgħodu f’dik il-belt, u bdew jeħduhom minn raħal għal ieħor u jwaqqgħuhom għaż-żufjett quddiem in-nies kollha tal-pajjiż. Qafluhom imbagħad fil-ħabs ta’ Brielle u hemm tawhom kull għamla ta’ tortura biex iġagħluhom jiċħdu l-fidi Kattolika fl-Ewkaristija u fil-primat tal-Papa. Damu mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Għalxejn ipprova jaqbeż għalihom William of Orange, għaliex xorta l-kmandant Watergerzen ħareġ il-mandatt li wara torturi mill-aktar ħarxa jmorru għall-forka. Huma baqgħu sħaħ fi twemminhom u għażlu li jieħdu l-martirju. Fost dawn il-martri tal-Olanda, insibu lid-Daniż San Wilhad ta’ 90 sena, l-ixjaħ wieħed fosthom.

It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017, fl-omelija tiegħu mid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Il-Knisja hi magħmula minn poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju. Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.

Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi l-glorja tal-Knisja, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.

L-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom. Nazzarda ngħid, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.

Kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur. Jien nitlobkom biex toffru quddies għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu.”

  • U int, titlob għall-insara ppersegwitati madwar id-dinja li lanqas jissemmew fl-aħbarijiet?
  • Lest/a li jwaqqgħuk għaż-żufjett filwaqt li inti tibqa’ tistqarr il-fidi tiegħek fi Kristu u fil-Knisja li hu waqqaf?

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi Kattolika l-popli tal-Olanda u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann minn Kolonja u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/martyrs-of-gorkum.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/the-19-martyrs-of-gorkum

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Gorkum

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

6 ta’ Lulju: Santa Marija Goretti

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Goretti

“Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” – Santa Marija Goretti.

St Maria Goretti 2SANTA MARIJA GORETTI
Verġni u Martri
1890 – 1902

Tagħrif: Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890. Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira. Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb. Ommha wkoll kienet illitterata.

Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol. Sena wara missierha miet.

Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina. Ħafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.

Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma’ familja oħra. Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tieqaflu. Kien ukoll jheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.

Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha. Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma riedx li jagħmlu hekk. Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna. Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.

Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċeviet il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.

Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs. Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu. Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu. Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu. Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini.

Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju, 1950.

Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilka ta’ San Pietru. Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti. Hekk ukoll Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkupptejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ. Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.

Ħsieb: Meta ta’ ħdax-il sena, Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina, hija mmaturat il-proponiment tagħha li tmut qabel ma tikkommetti d-dnub, Marija sofriet il-martirju għall-għożża tas-safa meta kellha ftit inqas minn tnax-il sena, ħames ġimgħat biss wara l-ewwel tqarbina tagħha. “Le,” hija qalet lil Alessandro, “Alla ma jridx din il-ħaġa. Din dnub: inti tmur l-infern jekk tagħmilha,” u kompliet tgħidlu li kienet lesta li tmut milli tagħmel dak id-dnub.

Marija, mhux biss ħafret lil Alessandro qabel mietet, iżda qalet li kellha tiftakar fih fil-ġenna. Hija ġiet imsejħa Santa Anjeże tas-seklu 20, u tqiegħdet bħala protettriċi u mudell tat-tfajliet insara.

Marija seta’ kellha problemi bil-katekiżmu, iżda hija ma kellha l-ebda problema fil-fidi. Ir-rieda ta’ Alla kienet il-qdusija, id-diċenza, ir-rispett għall-ġisem, ubbidjenza assoluta u fiduċja totali. F’dinja kumplessa, il-fidi tagħha kienet sempliċi: Huwa privileġġ li tkun maħbub/a minn Alla, u li tħobb lilu – ikun xi jkun il-prezz li trid tħallas.

Kemm-il darba nkun naħseb fuq il-ħwejjeġ tas-sema, u ħsibijiet tad-dinja jiġu bla rażan itellfuni mis-safa! Ħalli nġib quddiem għajnejja lill-qaddisa Santa Marija Goretti, li tagħha qed niċċelebraw il-festa llum. Din ippreferiet tmut milli tagħmel id-dnub.

Ejjew nitolbu lil Santa Marija Goretti, biex hi li bil-qawwa tal-grazzja t’Alla, għalkemm fl-età ta’ tnax-il sena, ma qagħaditx taħsibha biex ixxerred demmha u tissagrifika ħajjitha biex tipproteġi l-verġinità tagħha, tħares ħarsa ħelwa fuq il-bniedem tal-lum li ħafna drabi ma jaħsibhiex darbtejn biex jitbiegħed mit-triq tas-salvazzjoni billi jaqa’ fi dnubiet kontra s-safa, b’mod speċjali fi żmien meta l-pornografija hija għafsa ta’ ftit buttini ‘l bogħod!

Ejjew nitolbuha tgħallimna, b’mod speċjali liż-żgħażagħ tagħna, li għall-imħabba ta’ Ġesù, għandna fil-pront u bil-kuraġġ kollu naħarbu dak kollu li joffendi lil Alla, jew li jtebba’ lir-ruħ bid-dnub. Nitolbuha biex taqlgħalna mingħand il-Mulej, ir-rebħa fuq it-tentazzjonijiet u s-serħan mid-dwejjaq tal-ħajja, ħalli meta jmiss lilna, aħna wkoll inkunu nistgħu nidhru safja quddiem Alla u jkun jistħoqqilna li ngawduh għal dejjem fil-glorja tal-ġenna.

  • “Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” Hekk stqarret Santa Marija Goretti u tassew baqgħet soda sal-aħħar fil-proponiment li għamlet anki fil-mumenti tal-akbar prova! U inti, kapaċi tgħid dan il-kliem u tgħixu verament fil-mumenti tal-prova tiegħek?

Talba: O Alla, għajn tal-innoċenza, ħabib ta’ l-erwieħ safja, inti tajt il-grazzja tal-martirju lill-qaddejja tiegħek Marija Goretti meta kienet għadha fil-fjur ta’ ħajjitha; bħalma lilha żejjintha bil-kuruna tar-rebħa wara taqbida ħarxa, hekk ukoll, bit-talb tagħha, agħmel li aħna nibqgħu sħaħ fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-maria-goretti-530

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-maria-goretti/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Goretti

Saint Maria Goretti full movie on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/zAiGK1XjedVY6pXA83EyjCVFA

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/first-christian-martyrs-church-rome-2/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/firsaint-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpgSAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Marzu: Santa Perpetwa u Santa Feliċita

Verżjoni Vidjo: Santa Perpetwa u Santa Feliċita

“Ibqgħu qawwija fil-fidi, u ħobbu lil xulxin. Tħallux is-sofferenzi jaqtgħulkom qalbkom”. ~ Santa Perpetwa qalet dan il-kliem lil xi Nsara li rat meta kienet fl-arena.

2526bda451430de71c6347d23a0b5cee_LSANTA PERPETWA U SANTA FELIĊITA
Martri tal-Ewwel Seklu
? – 203

Tagħrif: Santa Perpetwa kienet mara sinjura, edukata fl-aħjar skejjel, żagħżugħa ta’ 22 sena, miżżewġa u kellha tarbija. Kienet mill-belt ta’ Thuburbo, ftit ‘l isfel minn Kartaġni, fl-Afrika ta’ Fuq (illum it-Tuneżija).

Santa Feliċita kienet ilsira, seftura ta’ Perpetwa, u kienet qed tistenna tarbija, li fil-fatt welditha meta kienet il-ħabs, ftit ġranet qabel mietet.

It-tnejn kienu qed iħejju ruħhom biex jitgħammdu, meta fil-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu, ġew arrestati u mitfugħin il-ħabs, flimkien mal-ilsiera Revokatu, Saturninu u Sekundulu, u wara wkoll il-Katekist Saturu.

Missier Perpetwa riedha tiċħad il-Fidi biex issalva ħajjitha. Darba minnhom urietu vażett u qaltlu: “Missier, qed tara dan il-vażett? Jista’ dan ikun xi ħaġa oħra? Lanqas jien ma nista’ nkun ħaġa oħra għajr nisranija”.

Perpetwa u Feliċita kienu kkundannati għall-mewt, biex jittieklu mill-annimali selvaġġi fl-anfiteatru. It-trabi tagħhom ittieħdu u trabbew mill-Insara. Billi l-annimali selvaġġi ma messewhomx, ġew maqtula bix-xabla mill-gladjaturi, fis-7 ta’ Marzu, 203. Isimhom insibuh fir-Raba’ Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

Ħsieb: Ir-rakkont tal-martirju ta’ Santa Perpetwa u Santa Feliċita u sħabhom, li seħħ f’Kartaġni (fl-Afrika ta’ fuq) fis-sena 203 taħt l-Imperatur Severus hu wieħed mid-dokumenti awtentiċi l-aktar interessanti tal-Knisja tal-qedem. Permezz tiegħu waslitilna stampa ħajja tal-esperjenzi tagħhom kif ukoll tal-personalitajiet tagħhom. Fih hemm djarju ta’ Perpetwa nnfisha, u paġna miktuba minn martri ieħor, u r-rakkont tal-għeluq minn xi ħadd li kien xhud ta’ dak li kiteb, u li ħafna jaħsbu li kien Tertulljanu.

Il-grupp ta’ martri kienu ġew konvertiti għall-fidi nisranija minn sekular jismu Saturus, li ngħaqad magħhom minn rajh fil-ħabs li fih kienu mitfugħin talli ma ridux joffru sagrifiċċju lill-allat. Perpetwa tat ’il binha-tarbija lil missierha pagan biex jieħu ħsiebu, imma baqgħet sħiħa fil-fehma tagħha minkejja l-appelli ħerqana li għamlilha missierha.

Feliċita bdiet titlob li tfittex twelled it-tarbija tagħha li ma tmurx titlef iċ-ċans tal-martirju. Meta bdiet tingħi bl-uġigħ tal-ħlas u suldat staqsieha: “Mela kif se tissaporti l-uġigħ tal-martirju?”, hi pronta qaltlu: “Bħalissa qiegħda nsofri jien; imma dak il-ħin (tal-martrirju) ħaddieħor ikun qed isofri hu minfloki.” Hi welldet tifla fil-ħabs u baqgħet sħiħa fil-fehma tagħha anki meta ħadulha t-tarbija.

Dak li kellu jagħti d-daqqa tal-mewt lil Perpetwa tant tqanqal mill-qawwa li wriet Perpetwa li hi nnifisha kellha tiggwidalu x-xabla tiegħu għal fuq għonqha. Il-martirju tagħhom sar magħruf mal-Knisja kollha – Santu Wistin ipprietka għall-ġieħ tagħhom mill-inqas tliet darbiet. L-ismijiet ta’ Santa Perpetwa u Santa Feliċita jissemmew fil-kanoni Ruman tal-quddiesa.

“Ibqgħu qawwija fil-fidi, u ħobbu lil xulxin. Tħallux is-sofferenzi jaqtgħulkom qalbkom.” Santa Perpetwa qalet dan il-kliem lil xi Nsara li rat meta kienet fl-arena u issa qed tgħidu lilna lkoll. Kemm qed inżommu sħiħ fil-fidi u nħobbu lil xulxin bla ma naqtgħu qalbna?

Talba: O Kbir Alla, Int li għoġbok iżżejjen lil dawn iż-żewġ ommijiet żgħażagħ, Santa Perpetwa u Santa Feliċita b’fidi kbira u soda, li resqu lejn il-martirju b’kuraġġ kbir, agħmel li jkunu għalina ta’ eżempju biex b’fidi qawwija jkunu xhieda għall-oħrajn fiż-żminijiet tal-lum, mod speċjali fost l-ommijiet u n-nisa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-perpetua-and-st-felicity.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-perpetua-and-felicity/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Passion_of_Saint_Perpetua,_Saint_Felicitas,_and_their_Companions

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwsew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesu’ qal lil Pietru: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja”.

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas’. Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib”.

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Frar: San Ansgar

Verżjoni Vidjo: San Ansgar

“Kieku kien jistħoqqli dawn it-tip ta’ favuri mingħand Alla tiegħi, kieku kont nitolbu li jagħmilli miraklu wieħed: dak li bil-grazzja Hu jagħmel minni raġel tajjeb”. ~ San Ansgar lil wieħed mill-segwaċi tiegħu li kien immeraviljat bil-mirakli kollha li kien qed iwettaq dan il-qaddis. 

St-AnsgarSAN ANSGARJU (OSCAR)
Isqof
801 – 865

Tagħrif: San Ansgarju, appostlu tad-Danimarka u tal-Isvezja, twieled fis-sena 801, f’Amiens, Franza, għand familja nobbli.

Ġie edukat mill-patrijiet benedittini fil-monasteru ta’ Corbie l-Qadim, f’Picardy, Franza, u wara sar patri fl-istess monasteru.

Fis-sena 826, mar id-Danimarka bħala missjunarju, iżda ftit li xejn kellu suċċess. Wara tliet snin, fuq stedina tar-Re Bjorn, mar l-Isvezja, fejn irnexxielu jikkonverti xi ftit nies, u bena l-ewwel knisja nisranija.

F’inqas minn sentejn, fis-sena 832, ġie msejjaħ biex ikun l-Abbati tal-Monasteru ta’ Corbie l-Ġdida, f’Westphalia, il-Ġermanja, u l-Isqof ta’ Umburgo (Hamburg).

Wara tlettax-il sena bħala Isqof ta’ Umburgo, fis-sena 845, kellu x-xorti ħażina li jara n-Normanni jinvadu u jħarbtu l-pajjiż, u minħabba fihom ukoll, id-Danimarka u l-Isvezja reġgħu qalbu għall-paganiżmu.

Fis-sena 848, ġie maħtur Arċisqof ta’ Brema, l-Ġermanja, u sitt snin wara, fis-sena 854, flimkien ma’ grupp ta’ missjunarji, reġa’ mar id-Danimarka. Irnexxielu jikkonverti lir-Re Erik ta’ Jutland, u wara lir-Re Olaf tal-Isvezja.

Miet fil-paċi fi Bremen fis-sena 865, u ġie midfun fil-Katidral tal-Belt.

Wara l-mewt tiegħu, l-Isvezja reġgħet saret pagana u baqgħet hekk għal żewġ sekli, sakemm reġgħu marru hemm missjunarji oħra.

Ħsieb: Ansgar (jew Oskar) jissejjaħ l-Appostlu tal-Iskandinavja għax ħadem ħafna fid-Danimarka u fl-Isvezja. Ansgar kien predikatur u amministratur jinqala’. Kien bniedem mogħti għat-tgħakkis u jħobb il-foqra. Kien jixtieq imut martri, iżda miet fil-paċi fi Bremen fl-età ta’ 65 sena. B’xorti ħażina wara l-mewt ta’ San Ansgar (jew Oskar) l-Isvezja reġgħet lura kompletament għall-paganiżmu.

L-istorja tirreġistra dak li n-nies jagħmlu, aktar milli dak li n-nies huma. Iżda l-kuraġġ u l-perseveranza tal-irġiel u n-nisa bħal Ansgar jistgħu jiġu biss minn bażi solida ta’ kuraġġ u perseveranza Missjunarja. Il-ħajja ta’ Ansgar għandha tfakkarna wkoll li Alla jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin li nagħmlulu aħna. Kristu jieħu ħsieb tal-effetti tal-apostolat bil-mod uniku tiegħu, imma l-ewwel interess tiegħu jibqa’ dejjem il-qdusja tal-appostli u d-dixxipli nfushom. L-appostolat jiġi wara. Jiġifieri, minkejja li l-istorja tirrakkuntalna li wara l-mewt ta’ Ansgar, in-nies reġgħet lura għall-paganiżmu, Alla kien kuntent bil-qdusija tal-qaddej tiegħu Ansgar, minkejja li forsi deher li falla fil-vokazzjoni tiegħu bħala missjunarju. Alla jinteressah mill-persuna li tagħmel ħilitha biex tħobbu aktar milli mis-suċċessi miksuba b’riżultat tal-appostolat li l-persuna tagħmel.

Rakkont ħelu dwar dan il-qaddis, jgħid li wieħed mill-segwaċi ta’ San Ansgar kien immeraviljat bil-mirakli kollha li kien qed jagħmel dan il-qaddis. Ansgar sab rimedju għal dan u qallu: “Kieku kien jistħoqqli dawn it-tip ta’ favuri mingħand Alla tiegħi, kieku kont nitolbu li jagħmilli miraklu wieħed: dak li bil-grazzja Hu jagħmel minni raġel tajjeb.”

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex il-fidi nisranija tibqa’ dejjem tissaħħaħ fil-pajjiżi tal-Iskandinavja fejn San Ansgarju ħadem b’ħeġġa mill-ikbar. Imma xi ngħidu għal pajjiżna? Bħalma Ansgar jissejjaħ l-Appostlu tal-Iskandinavja, San Pawl huwa l-Appostlu ta’ Malta jew “Missierna fil-Fidi”. F’hiex inhi l-fidi li rċevejna aħna? Forsi ftit ftit qed nerġgħu insiru pagani?

Fid-Diskors tiegħu l-Papa Benedittu XVI, meta kien fil-grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta
(17 ta’ April 2010) qal dan:

“Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Malta beda b’mument ta’ talba fis-skiet fil-Grotta ta’ San Pawl li ġab għall-ewwel darba l-fidi lil dawn il-gżejjer. Il-ħidmiet appostoliċi ta’ Pawlu taw ukoll ħsad għani fil-ġenerazzjonijiet ta’ predikaturi li segwew il-passi tiegħu, u b’mod  partikolari fl-għadd kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi li imitaw iż-żelu missjunarju tiegħu billi ħallew Malta biex iwasslu l-Evanġelju fi xtut imbiegħda. Waqt li jien fostkom bħala s-Suċċessur tal-Appostlu Pietru, jien nistedinkom biex tisimgħu l-kelma ta’ Alla mill-ġdid, kif għamlu l-antenati tagħkom, u tħalluha tisfida l-modi ta’ kif taħsbu u l-mod kif tgħixu ħajjietkom.

Minn dan il-post qaddis minn fejn il-predikazzjoni appostolika xterdet ma’ dawn il-gżejjer kollha, jien insejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tidħlu għal din l-isfida eċċitanti tal-evanġelizzazzjoni ġdida. Għixu l-fidi tagħkom b’mod dejjem isħaħ:

  • mal-membri tal-familji tagħkom,
  • fl-inħawi fejn tgħixu,
  • fil-post tax-xogħol u
  • fit-tessut sħiħ tas-soċjetà Maltija.

B’mod partikolari jien inħeġġeġ lill-ġenituri, lill-għalliema u lill-katekisti biex jitkellmu ma’ oħrajn fuq il-laqgħa ħajja tagħhom infuskom ma’ Ġesù Ħaj, l-aktar maż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ Malta. “Il-fidi tissaħħaħ meta tingħadda lill-oħrajn!” (ara Redemptoris Missio, 2). Emmnu li l-mumenti tagħkom ta’ fidi jiżguraw laqgħa ma’ Alla li fis-setgħa qawwija tiegħu jmiss il-qlub tal-bnedmin. B’dan il-mod intom tintroduċu liż-żgħażagħ għas-sbuħija u l-għana tal-fidi Kattolika u toffrulhom katekeżi soda b’mod li tistednuhom għal sehem dejjem aktar attiv fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.

Id-dinja teħtieġ din ix-xhieda!

  • Quddiem tant theddidiet għas-sagralità tal-ħajja umana, u għad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja, m’għandhiex tidher il-ħtieġa li n-nies tal-lum jitfakkru l-ħin kollu fil-kobor tad-dinjità tagħna bħala wlied Alla u fis-sejħa sublimi li rċevejna fi Kristu?
  • M’għandhiex is-soċjetà l-ħtieġa li terġa’ tagħmel tagħha u tiddefendi dawn il-veritajiet morali fundamentali li jibqgħu l-pedament ta’ libertà awtentika u progress ġenwin?

Iss’issa, kif kont quddiem din il-Grotta, jien irriflettejt fuq id-don spiritwali kbir (ara Rum 1:11) li Pawlu ta lil Malta, u jien tlabt li intom tkun tistgħu żżommu bla mittiefes il-wirt imħolli lilkom mill-Appostlu l-kbir. Jalla l-Mulej iwettaq lilkom u lill-familji tagħkom fil-fidi li topera permezz tal-imħabba (ara Galatin 5:6) u tagħmilkom xhieda ferrieħa tat-tama li qatt ma tqarraq (ara Rumani 5:5)”. 

Talba: O Alla, int bgħatt lill-isqof Sant’Ansgarju biex iwassal id-dawl tiegħek lil bosta ġnus; agħtina l-għajnuna tat-talb tiegħu, ħalli nimxu dejjem ‘il quddiem fid-dawl tal-verita’ tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-ansgar/

Alternative Reading: http://stansgar.weebly.com/st-ansgar.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ansgar

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.