Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

10 ta’ Lulju: Santa Veronika Giuliani

“F’qalbi nħoss ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ”. ~ Santa Veronika Giuliani.

04-veronica-giuliani-mini03.jpgSANTA VERONIKA GIULIANI
Reliġjuża
1660 – 1727

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Ħsieb: Mill-kitbiet ta’ Santa Veronika Giuliani bit-titlu ‘Il-konverżjoni tal-midinbin’:

F’din il-paġna meħuda mid-djarju tagħha, il-qaddisa tistqarr li għall-konverżjoni tal-midinbin kienet tinsab lesta li tagħti ħajjitha.

Il-lum erġajt ħassejt l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’qalbi, u għaddejt lejl sħiħ mimli bl-uġigħ u t-turmenti. Ikun imfaħħar il-Mulej! Dalgħodu qerrejt u naħseb li l-qrara saħħitni għal aktar tbatija. Waqt it-tqarbin kelli l-grazzja li nħoss f’qiegħ qalbi l-preżenza ta’ Alla; ruħi ħasset xi ħaġa ġdida tinbet ġo fiha. Minn xi żmien ’il hawn qed inħoss f’qalbi ċerta qawwa ġejja mill-Ispirtu, iżda ma nafx ngħid x’inhi sew. Hawn sa nsemmi biss l-effetti li ħalliet fija.

L-ewwel ħaġa: l-għarfien ta’ dnubieti u l-indiema minnhom; ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ; tama qawwija fil-ħniena ta’ Alla u fit-tjieba tal-imqaddsa Verġni Marija.

It-tieni ħaġa: għalkemm inħoss ruħi waħdi nitħabat f’baħar ta’ tiġrib, dlonk inħoss fija qawwa misterjuża li ġġib fuqi l-kalma u dak il-ħin nimtela bi sliem li ma bħalu li jġagħalni nafda b’saħħti kollha fir-rieda ta’ Alla.

It-tielet ħaġa: meta x-xitan jgħakkisni b’ħafna tiġrib ġewwieni, u fl-istess ħin, minħabba dmiri, ikun jeħtieġli ndur bl-oħrajn u naqdi bosta qadjiet ’l hawn u ’l hinn, dik il-qawwa misterjuża tgħinni neħles il-qadjiet li jkolli mingħajr biss ma nintebaħ. Fl-aħħar ninduna li dak li jkolli nagħmel nagħmlu mingħajr ma nkun naf kif. Dan jiġri l-aktar f’ħinijiet mill-aktar importanti, bħal meta nersaq għas-sagramenti, nagħmel il-meditazzjoni jew nibda xi taħdita spiritwali ma’ xi ħadd.

Jiġu waqtiet li fihom inħoss dwejjaq kbar u nibda nħossni fiergħa minn kull sentiment. Dak il-ħin nibda naħseb li m’iniex sa nibqa’ ħajja. Meta nkun f’dil-burdata nibda nħoss li anki meta nqerr inkun qed nitlef iż-żmien. Iżda hekk kif f’qalbi nħoss taħrika mqar ċkejkna ta’ dik il-qawwa misterjuża, nibda nħossni mibdula u mimlija bl-enerġija. Imbagħad kollox jibda jiġini ħafif, anki l-aktar ħwejjeg tqal. Kif inkun f’riġlejn il-konfessur nibda nħoss tikber fija l-kunfidenza ta’ bint; leħnu nibda nqisu leħen Alla dieħel f’ruħi. Nibda nħossni qisni qiegħda quddiem mera li fiha nara ’l Alla u lili nnifsi flimkien ma’ dak kollu li għamilt. U nqerr b’indiema kbira.

Naħseb li dan ġej minn dik il-qawwa misterjuża li nħoss f’qalbi. Imma ma nafx u lanqas nista’ nfisser sewwa x’inhi, anki jekk fil-qrar imqaddes ħassejt li għandi ngħid kollox lil min qiegħed minflok Alla. Ħa jsir kollox għall-glorja ta’ Alla!

Għaliex Alla ta l-istigmata lil Franġisk ta’ Assisi u lil Veronika Giuliani? Alla biss jaf ir-raġunijiet l-iktar profondi, iżda kif josserva Celano, is-sinjali estern tas-salib huwa konferma tal-impenn ta’ dawn il-qaddisin lejn is-salib fil-ħajja tagħhom. L-istigmata li dehret fil-laħam ta’ Veronika kienet rabbiet l-għeruq fil-qalb tagħha ħafna snin qabel. Kienet konklużjoni xierqa għall-imħabba tagħha lejn Alla u għall-karità tagħha lejn ħutha l-bnedmin.

  • U int, lest/a li bħal Santa Veronika Giuliani dak li ssofri toffrieh b’imħabba lejn Ġesu’ Msallab u f’għaqda miegħU, għall-konverżjoni tal-midinbin?

Talba: O Mulej, Santa Veronika Giuliani għaddiet ħajjitha ta’ Klarissa fit-talb u l-kontemplazzjoni, waqt li tħabtet kemm felħet biex dejjem issir tixbah lil Ġesù msallab. Bi ħlas għal din l-imħabba tagħha lejn il-misteru tas-salib, Inti għoġbok tagħtiha d-don tal-Pjagi mqaddsa; agħti lilna lkoll l-għarfien li meta ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ta’ kuljum ma’ dawk li batejt Int għalina, aħna nkunu qed inkomplu l-ħidma ta’ salvazzjoni għall-erwieħ fid-dinja. Għalhekk agħmel li nagħmlu dan b’imħabba ġeneruża u b’ħafna paċenzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-veronica-giuliani_17.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-veronica-giuliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Veronica_Giuliani

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

4 ta’ Lulju: Santa Eliżabetta tal-Portugall

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla”. ~ Ġesu’ f’Mattew 5:9.

Sancta_Isabel_Regina_(1893)_-_Francisco_Vilaça.pngSANTA ELIŻABETTA TAL-PORTUGALL
Reġina
1271 – 1336

Tagħrif: Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali. Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lir-Re Denis tal-Portugall. Kellhom żewġt itfal.

Minkejja l-infedelta’ ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi. Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjeta’. Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi mal-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi. Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar. Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

Ħsieb: Din il-qaddisa, magħrufa wkoll bħala Isabella, kienet ukoll pro-neputija ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija u kienet tixbaħha kemm fil-virtujiet kif ukoll fis-sofferenzi li ġarrbet. L-imġiba tar-re għall-ewwel kienet waħda tajba. Hu waqqaf sptarijiet u skejjel; imma mbagħad fil-ħajja privata tiegħu kien kawża ta’ ħafna niket għal Eliżabetta u kien ukoll jittradiha. Hi kienet omm eżemplari għal uliedha, u reġina ġeneruża għall-poplu tagħha. Tat ruħha għas-servizz tal-foqra u tal-morda u l-eżempju tagħha kien twiddib kontinwu għal dawk ta’ madwarha.

Meta l-firda iddeġenerat fi ġlieda bil-miftuħ, il-kuraġġ tagħha kien il-kawża li fl-aħħar mument ma nxteridx id-demm: hi marret riekba fuq iż-żiemel fil-post tal-battalja bejn iż-żewġ gruppi ostili, bil-kurċifiss f’idejha. Hi kienet fidila għal Alla, u sal-aħħar jiem ta’ ħajjitha kienet iddedikata għall-kawża tal-paċi u l-karità.

Hija rabbiet it-tfal illeġittmi ta’ żewġha, daret bih b’dedikazzjoni fl-aħħar marda tiegħu u wasslitu biex għamel mewta qaddisa. Imbagħad bħala terzjarja Franġiskana għexet ħdejn monasteru tal-Klarissi li hija waqqfet f’Coimbra. Iżda hija mietet f’Estremoz fil-Portugall, fejn marret mal-armata ta’ binha fuq l-aħħar missjoni ta’ paċi. Għalkemm irnexxielha tirrikonċiljah man-neputi tagħha, is-sultan ta’ Kastilja, il-vjaġġ u s-sħana tas-sajf kienu l-kawża ta’ mewtha.

Ix-xogħol tal-promozzjoni tal-paċi huwa xejn ħlief sforz kalm u kwiet. Trid moħħ ċar, spirtu stabbli u ruħ kuraġġuża biex tintervjeni bejn in-nies li l-emozzjonijiet tagħhom huma hekk qliel li lesti li jeqirdu lil xulxin. Dan huwa minnu fil-każ ta’ din il-mara li għexet fil-bidu tas-seklu 14. Imma Eliżabetta kellha mħabba u simpatija profonda u sinċiera għall-bnedmin, nuqqas ta’ tħassib kważi totali għaliha nnfisha, u kunfidenza totali f’Alla. Dawn kienu l-għodod tas-suċċess tagħha.

Hawn min jagħmel lilu nnifsu strument li jġib il-paċi u jnissel l-imħabba; hawn min ifittex li jaqla’ l-inkwiet u jiżra’ l-mibgħeda. Biex tevita l-inkwiet u l-miżerja li l-ġlied iġib miegħu, Santa Eliżabetta ġieli ssugrat saħħitha u saħansitra ħajjitha. Aħna kemm nixbħuha, fid-dar tagħna, fil-post tax-xogħol, fis-soċjeta’? Kemm innisslu paċi kull fejn nersqu?

Talba: O Alla, li tnissel il-paċi u tgħożż lil min jagħti xhieda ta’ l-imħabba, int żejjint lil Santa Elisabetta tal-Portugall bil-grazzja tal-għaġeb li tgħaqqad fil-paċi lil dawk li kienu mifruda bit-tilwim; bit-talb tagħha, agħtina li aħna wkoll naħdmu ħalli nġibu l-paċi, biex nistgħu nissejjħu wliedek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2015/07/st-elizabeth-of-portugal.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-elizabeth-of-portugal/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Aragon

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Ġunju: Beata Jutta ta’ Thuringia

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40.

JuttaBEATA JUTTA TA’ THURINGIA
Nobbli
1184 – ċ.1264

Tagħrif: Jutta twieldet fl-1184 ġewwa l-Ġermanja. Kienet l-ewwel bint ta’ Hermann I ta’ Thuringia u l-ewwel mara tiegħu Sofia.

Fl-1196 hija żżewġet lil Dietrich I ta’ Meissen u kellhom ħamest itfal. Il-virtù u d-devozzjoni kienu fuq quddiem nett fil-ħajja tal-koppja. Fl-1221, kienu qed jivjaġġaw f’pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa, meta Dietrich miet.

Wara li rat li wliedha ma jkun jonqoshom xejn, ingħatat ħajjitha għal Alla. Qassmet l-ilbies lussuż tagħha, il-ġojjelli kollha tagħha, l-għamara u l-fajjenza, il-grad tagħha, u daħlet sekular Franġiskan.

Bdiet tiddedika ħajjitha għall-proxxmu, tieħu ħsieb il-morda l-iżjed il-lebbrużi, il-foqra, il-persuna b’diżabbilta’, l-għomja u kienet tilqagħhom f’darha. Kienet tara wiċċ Alla f’kull wieħed u waħda minnhom, għad li ħafna nies kienu jiddieħku biha.

Fis-sena 1260, ftit biss qabel mietet, Jutta marret f’eremitaġġ ġewwa parti pagana fil-Ġermanja. Ma kinitx tieqaf titlob għall-konverżjoni tagħhom. Aktarx mietet fis-sena 1264. Hija l-Patruna tal-Prussja.

Ħsieb: Il-Beata Jutta ta’ Thuringia semgħet is-sejħa tal-Mulej u ddedika ħajjitha f’atti ta’ karita’ lejn il-proxxmu. Imma din hija s-sejħa li Alla jagħmel lil kulħadd, b’mod speċjali lin-nisrani li qed jimxi fuq il-passi ta’ Kristu li kien moħħu kif se jkun hemm u jservi lin-nies. Il-karita’ lejn il-proxxmu hi s-sinjal tan-nisrani. Minn dan is-sinjal, in-nies tagħraf li aħna veri segwaċi ta’ Kristu. Imma x’tip ta’ karita’ hi mistennija minna? Il-Knisja tgħallem li jeħtieġ li nipprattikaw dawk li ssejħilhom: L-Opri tal-Ħniena.

Dan hu dak li spjega l-Papa Franġisku fl-Udjenza tal-Erbgħa 12 ta’ Ottubru 2016:

“Ġesu’ qalilna: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Luqa 6:36). Dan hu mpenn li jisfida l-kuxjenza u l-għemil ta’ kull Nisrani. Fil-fatt, mhux biżżejjed tagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fil-ħajja tiegħek; hemm bżonn li kull min jirċeviha jsir ukoll sinjal u strument tagħha għall-oħrajn. Barra minn hekk, il-ħniena mhix riservata biss għal xi mumenti partikulari, imma tħaddan il-ħajja kollha tagħna ta’ kuljum.

Għalhekk, kif nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena? Ejja ma naħsbux li dan ifisser li nagħmlu xi sforzi kbar jew ġesti ikbar milli nifilħu ta’ bnedmin li aħna. Le, mhuwiex hekk. Il-Mulej jurina triq wisq iżjed sempliċi, magħmula minn ġesti żgħar li, imma, f’għajnejh għandhom valur għoli, tant li hu qalilna li fuq dawn għad isir ħaqq minna. Fil-fatt, fost l-isbaħ paġni tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu t-tagħlim li b’xi mod nistgħu nsejħulu t-“testment ta’ Ġesù” min-naħa tal-evanġelista, li daq direttament fil-ħajja tiegħu l-għemil tal-Ħniena. Ġesù jgħidilna li kull darba li nagħtu x’jiekol lil min hu bil-ġuħ u x’jixrob lil min hu bil-għatx, li nlibbsu persuna għarwiena u nilqgħu lil barrani, li nżuru lill-marid jew lill-ħabsi, dan inkunu nagħmluh lilu stess (ara Mattew 25:31-46). Il-Knisja dawn sejħitilhom “opri tal-ħniena korporali”, għax huma għajnuna lill-persuni fil-ħtiġijiet materjali tagħhom.

Imma hemm ukoll seba’ opri tal-ħniena msejħa “spiritwali”, li jolqtu ħtiġijiet daqstant ieħor importanti, fuq kollox illum, għax imissu l-intimu tal-persuni u spiss joħolqu tbatija ikbar. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru waħda li daħlet ħafna fil-lingwaġġ komuni: “Nieħdu bis-sabar lill-persuni li jdejquna”. U minn dawn hawn; persuni li jdejquna nsibu ħafna! Taf tidher ħaġa ftit li xejn importanti, li ġġibilna tbissima, imma fiha sentiment ta’ mħabba kbira; u dan jgħodd ukoll għas-sitta l-oħra, li tajjeb infakkruhom: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum! “Kieku taf kemm inħossni mdejjaq…” – “Dak Alla jgħinek, imma jien m’għandix ħin…”. Le! Nieqaf, nisimgħu, naħli l-ħin u nfarrġu, dak hu ġest ta’ ħniena u dan inkun nagħmlu mhux biss miegħu, imma nkun nagħmlu ma’ Ġesù!

Matul is-sekli, tant persuni sempliċi qegħduhom fil-prattika, u hekk taw xhieda ġenwina tal-fidi. Barra dan, il-Knisja, fidila lejn Sidha, għandha mħabba preferenzjali għall-iżjed dgħajfa. Spiss huma l-eqreb nies lejna li għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. M’hemmx bżonn noħorġu nfittxu għemejjel kbar xi nwettqu. Aħjar nibdew minn dawk l-iżjed sempliċi, li l-Mulej jurina bħala l-iżjed urġenti. F’dinja li b’xorti ħażina hi milquta mill-marda tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aħjar mediċina. Fil-fatt, jedukawna għall-attenzjoni lejn l-iżjed ħtiġijiet bażiċi tal-“iċken fost ħutna” (Mattew 25:40), li fihom hemm preżenti Ġesù. Ġesù hu dejjem preżenti hemm. Fejn hemm bżonn, persuna li hi fil-bżonn, kemm jekk materjali u kemm jekk spiritwali, hemm jinsab Ġesù.

Li nagħrfu wiċċu f’dak ta’ min hu fil-bżonn hi tassew sfida kontra l-indifferenza. Tgħinna biex nishru dejjem, u nevitaw li Kristu jgħaddi minn biswitna bla ma nagħrfuh. Tiġini f’moħħi l-frażi ta’ Santu Wistin: “Timeo Iesum transeuntem” (Serm., 88, 14, 13), “Nibża’ mill-Mulej għaddej” u jien nibqa’ ma nagħrfux, li l-Mulej jgħaddi minn quddiemi f’waħda minn dawn il-persuni ċkejknin, fil-bżonn u jien ma nintebaħx li dan hu Ġesù. Nibża’ li l-Mulej jgħaddi u jien nibqa’ ma nagħrfux! Staqsejt lili nnifsi għaliex Santu Wistin qal li jibża’ mill-Mulej għaddej. Sfortunatament it-tweġiba qiegħda fil-mod kif inġibu ruħna aħna: għax spiss aħna moħħna band’oħra, indifferenti, u meta l-Mulej jgħaddi qrib tagħna aħna nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.

L-opri tal-ħniena jerġgħu jqajmu fina l-ħtieġa u l-ħila li l-fidi nżommuha ħajja u ħawtiela bl-imħabba. Jiena konvint li permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum nistgħu nġibu rivoluzzjoni kulturali vera, kif seħħ fl-imgħoddi. Jekk kull wieħed u waħda minna, ta’ kuljum, jagħmel minn dawn l-opri, din tkun rivoluzzjoni fid-dinja! Imma lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna. Kemm qaddisin għadhom imfakkra sal-lum mhux għall-opri kbar li wettqu, imma għall-imħabba li għarfu jgħaddu!

Naħsbu f’Madre Tereża, ikkanonizzata ftit ilu: ma nfakkruhiex għal ħafna djar li fetħet mad-dinja kollha, imma għax kienet tmil lejn kull persuna li kienet issib f’nofs ta’ triq biex troddilha d-dinjità tagħha. Kemm tfal mitluqa għafset ma’ dirgħajha; kemm moribondi sieħbet fuq l-għatba tal-eternità hi u taqbdilhom idejhom! Dawn l-opri ta’ ħniena huma l-karatteristiċi tal-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu li jieħu ħsieb tal-iċken fost ħutu biex lil kull wieħed u waħda jwassal il-ħlewwa u l-qlubija ta’ Alla. Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, ħa jkebbes fina l-Ispirtu s-Santu x-xewqa li ngħixu b’dan l-istil ta’ ħajja: tal-inqas nagħmlu waħda ta’ kuljum, tal-inqas! Nitgħallmu mill-ġdid bl-amment l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali u nitolbu lill-Mulej jgħinna nqegħduhom fil-prattika ta’ kuljum u kull darba li naraw lil Ġesù f’persuna fil-bżonn”.

Talba: O Alla, int tajt lill-Beata Jutta ta’ Thuringia l-grazzja li tagħraf u tweġġaħ lil Kristu fin-nies ta’ madwara u f’kull xorta ta’ bżonn tagħhom: bit-talb tagħha, agħmel li nħobbu bi mħabba kbira lil kulħadd, l-aktar lill-foqra, l-imġarrba u lil dawk li huma diffiċli li nħobbuhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.franciscanmedia.org/blessed-jutta-of-thuringia/

Alternative Reading: http://reginamag.com/saint-jutta-of-thuringia-widow/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jutta_of_Thuringia

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Ġunju: Beata Mikelina ta’ Pesaro

“Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar tal-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom”. ~ Il-Papa Franġisku fl-Udjenza tat-18 ta’ Ġunju 2016.

michelina_of_pesaro__federico_barocci__vatican_museum_.jpgBEATA MIKELINA TA’ PESARO
Penitenti
1300 – 1356

Tagħrif: Mikelina twieldet ġewwa Pesaro, belt qrib Loreto, l-Italja, fl-1300, minn familja sinjura, Matelli u ‘l quddiem, ta’ 12-il sena hija wkoll iżżewġet raġel sinjur, mill-familja ta’ Malatesta. Kienet ta’ natura ferriħija u jiġrilha x’jiġrilha tibqa’ dejjem bi tbissima, qisha mingħajr ebda problema.

Ta’ 20 sena tilfet lil żewġha u Mikelina sabet ruħha trid trabbi lil binha tarbija weħidha. Hija ppruvat tfittex il-kuntentizza fid-dinja u għalhekk ħajjitha saret mimlija b’ġiri ‘l hawn u ‘l hemm, ikliet, festini u tbaħrid.

Wara ftit żmien għaddejja f’din il-ħajja ta’ xalar indunat li kienet qed tabbanduna lil binha. Bdiet tinduna li kien jeħtiġilha toqgħod iżjed attenta kif tuża l-ħin u l-flus tagħha. Bdiet tħossha vojta minn ġewwa, u għalhekk iddeċidiet li tissetilja għall-ħajja ta’ adulta aktar responsabbli.

Mara qaddisa, Sirjana, li kienet lajka Franġiskana ndunat li Mikelina ma kinitx mara ħażina, kull ma kellha bżonn ftit direzzjoni spiritwali. Din offritilha l-ħbiberija tagħha u malajr saru ħbieb. Din il-mara qaddisa influwenzatha ħafna lil Mikelina. Hija saret mara responsabbli ħafna, tieħu ħsieb lil binha u l-darha u bdiet tqatta’ ħafna ħin fit-talb.

Fil-ħin liberu tagħha kienet tmur tgħin lill-foqra, romol u dawk fil-bżonn. Araha ddur bil-morda u l-anzjani, speċjalment dawk li ma kellhomx min idur bihom.

Wara ftit binha marad u miet u hekk iżjed iddedikat ħinha kollu għall-fqar. Biż-żmien hija wkoll daħlet lajka Franġiskana. Għall-ewwel, niesha, meta bdew jaraw li qed tagħti l-ilbiesi lussużi li kellha u l-ġojjelli, u tiekol ikel sempliċi, bdew jinkwetaw, iżda imbagħad ikkonvinċew ruħhom li Mikelina kienet saret ruħ qaddisa.

Hija baqgħet tgħix f’darha, f’Pesaro ħajjitha kollha, li ġiet fi tmiema fid-19 ta’ Ġunju, fl-1356, meta Mikelina kellha 56 sena. Ftit qabel mietet marret pellegrinaġġ l-Art Imqaddsa u dawk li kienu magħha qalu li fuq il-kalvarju raw lil Mikelina f’estasi.

Wara mewtha, in-nies tal-belt, bħala rispett għall-memorja tagħha, iddeċidew li dejjem, fid-dar tagħha, jħallu xemgħa tixgħel. Seħħew bosta mirakli fuq qabarha. Ġiet ddikjarata Beata fl-1737. Fl-1950, id-dar tal-Beata Mikelina saret knisja.

Ħsieb: Fil-ħajja ta’ din il-qaddisa tal-lum, bħal fil-ħajja ta’ ħafna mill-qaddisin, naraw li kien hemm “konverżjoni” – bidla minn ħajja aljenata u mehdija fil-pjaċiri bla rażan tad-dinja għal waħda ta’ dawl, ta’ paċi vera fil-qalb u ta’ għaqda ma’ Alla li jrid iddewwaqna l-ħniena u l-imħabba tiegħu sa minn din id-dinja. Din il-“konverżjoni” ma jfissirx li hija faċli jew bla problemi u tbatija. Hija mixja li kull nisrani hu mistieden li jagħmel. Mixja li nistgħu ngħidu, toħdilna ħajjitna kollha.

Fil-Katekeżi tiegħu dwar il-Ħniena u l-Konverżjoni (18 ta’ Ġunju 2016), il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“X’inhi l-konverżjoni? Hi preżenti tul il-Bibbja kollha, u b’mod partikulari fil-predikazzjoni tal-profeti, li kontinwament jistiednu lill-poplu “jerġa’ lura għand il-Mulej” biex jitolbu maħfra u jibdel l-istil ta’ ħajtu. Li nikkonvertu, skont il-profeti, ifisser li nibdlu d-direzzjoni li nkunu mexjin fiha u nduru għal għand il-Mulej, bil-konvinzjoni li hu jħobbna u mħabbtu hi dejjem fidila. Nerġgħu nduru għal għand il-Mulej.

Ġesù għamel mill-konverżjoni l-ewwel kelma tal-predikazzjoni tiegħu: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba” (Mark 1:15). Hu b’din it-taħbira li hu jidher quddiem il-poplu, isejjaħlu biex jilqa’ l-kelma tiegħu bħala l-aħħar kelma defenittiva li l-Missier ilissen lill-bnedmin (ara Mark 12:1-11). Meta nqabbluh mal-predikazzjoni tal-profeti, Ġesù jinsisti wisq aktar fuq id-dimensjoni interjuri tal-konverżjoni. Fil-fatt, fiha hemm il-persuna sħiħa involuta, b’qalbha u ruħha kollha, biex issir ħolqien ġdid, persuna ġdida. Tibdel il-qalb, u dak li jkun, jiġġedded.

Meta Ġesù jsejjaħ għall-indiema ma jridx jidher bħala mħallef tal-persuni, imma jagħmel dan billi jibda joqgħod jkun qrib tagħhom, jaqsam fil-qagħda tagħhom ta’ bnedmin, u allura tat-triq, tad-dar, tal-mejda… Il-ħniena lejn dawk li kellhom bżonn jibdlu ħajjithom dehret fil-preżenza tiegħu kollha mħabba, biex kulħadd iħossu jagħmel parti mill-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni. Ġesù kien jipperswadi lin-nies bl-imħabba, u b’din l-imġiba tiegħu Ġesù kien imiss il-qiegħ nett tal-qalb tal-persuni u huma kienu jħossuhom miġbuda mill-imħabba ta’ Alla u ħerqana li jibdlu ħajjithom. Ngħidu aħna, il-konverżjonijiet ta’ Mattew (ara Mattew 9:9-13) u ta’ Żakkew (ara Luqa 19:1-10) seħħu propju hekk, għax ħassew lil Ġesù jħobbhom u, permezz tiegħu, ħassewhom maħbuba mill-Missier. Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar tal-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom.

Għeżież ħuti, kemm drabi aħna wkoll inħossu l-bżonn ta’ bidla li tinvolvi l-persuna sħiħa tagħna! Kemm drabi ngħidu lilna nfusna: “Hemm bżonn ninbidel, ma nistax nibqa’ sejjer hekk… Ħajti, f’din it-triq, m’hix se tagħti frott, sa tkun ħajja bla siwi u jien mhux sa nkun kuntent”. Kemm drabi jiġuna dawn il-ħsibijiet, kemm drabi!… U Ġesù, maġenbna, b’dirgħajh miftuħa għalina, qed jgħidilna: “Ejja, ejja għandi. Ix-xogħol ħalli lili nagħmlu: jien nibdillek qalbek, jien nibdillek ħajtek, jien nagħmlek ferħan”. Imma aħna, dan nemmnu fih jew le? Nemmnu jew le? Intom x’taħsbu: dan temmnu fih jew le? Inqas ċapċip u iktar leħinkom: temmnu jew ma temmnux? …

Ġesù li jinsab magħna qed jistedinna nibdlu ħajjitna. Huwa hu li, bl-Ispirtu s-Santu, jiżra’ fina dan it-tħassib serju biex nibdlu ħajjitna (hekk kif għamel fil-ħajja ta’ Mikelina ta’ Pesaro) u nkunu xi ftit aħjar. Mela ejjew nisimgħu l-istedina tal-Mulej u ma nagħmlulux reżistenza, għax huwa biss jekk ninfetħu għall-ħniena tiegħu li aħna nsibu l-ħajja vera u l-ferħ veru. Jeħtieġ biss niftħu beraħ il-bieb, u nħallu lilu jagħmel il-bqija. Hu kollox jagħmel, imma aħna rridu nkunu li niftħu beraħ il-qalb tagħna biex hu jista’ jfejjaqna u jmexxina ’l quddiem. Niżgurakom li nkunu ħafna iżjed ferħanin”.

Talba: Mulej Alla, int kont ġeneruż fi ħnientek lejn il-Beata Mikelina ta’ Pesaro u meta rajt il-bidla għall-aħjar li ddeċidiet li tagħmel f’ħajjitha, minn persuna aljenata fl-affarijiet materjali, wassaltha għall-qdusija li ridt tara fiha. Kun ħanin magħna lkoll u agħtina li nkun niedma b’mod sinċier għal dnubietna hekk li naslu li nogħġbuk ħalli meta jasal il-waqt, inkunu nistgħu nfaħħruk għall-ħniena tiegħek għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-michelina-of-pesaro.html

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2016/06/20/blessed-michelina-of-pesaro/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Michelina_of_Pesaro

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Ġunju: Santa Margerita

“Margerita qanqlet lir-re għall-opri ta’ ġustizzja, ħniena, karità u virtujiet oħra li fihom kollha, bil-grazzja ta’ Alla, hi wasslitu biex iwettaq ix-xewqat tagħha. Għaliex hu, billi ra li Kristu kien jgħammar fil-qalb tar-reġina, kien dejjem lest biex jimxi fuq il-parir tagħha”. ~ Kitba li għandna dwar Santa Margerita minn wieħed kontemporanju.

tumblr_n5i8unAIgw1tqs7hlo1_500SANTA MARGERITA
Reġina tal-Iskozja
†1093

Tagħrif: Margerita kienet prinċipessa Ingliża li kienet imrobbija fil-qorti ta’ San Stiefnu, re tal-Ungerija.

Wara li rritornat l-Ingliterra hija baqgħet biss għal żmien qasir fil-qorti tar-re Edwardu l-Konfessur, għaliex meta n-Normanni rebħu l-Ingilterra (1066) hi kellha terġa’ tmur fl-eżilju.

Sabet kenn fil-qorti ta’ Malcolm Canmore, re tal-Iskozja, li aktar tard iżżewwiġha. Din il-mara istruwita u twajba bilfors li ħalliet impressjoni qawwija fuq ir-re, li kien mexxej kapaċi, u fuq il-poplu ta’ dan il-pajjiż imbiegħed li, f’dak iż-żmien, kien għadu xi ftit primittiv.

Għandna miktub dwarha minn wieħed kontemporanju: “Hi qanqlet lir-re għall-opri ta’ ġustizzja, ħniena, karità u virtujiet oħra li fihom kollha, bil-grazzja ta’ Alla, hi wasslitu biex iwettaq ix-xewqat tagħha. Għaliex hu, billi ra li Kristu kien jgħammar fil-qalb tar-reġina, kien dejjem lest biex jimxi fuq il-parir tagħha.”

Margerita kienet mudell ta’ mara miżżewġa u omm eċċellenti. Kellha tmien ulied; tlieta minnhom okkupaw, wieħed wara l-ieħor, it-tron tal-Iskozja.

Kienet tonfoq il-ġid tagħha fuq opri ta’ karità, il-ħin liberu tagħha fit-talb u l-kura tal-morda u tal-iltiema. Il-prudenza u l-viżjoni tagħha bħala mara li tara fil-bogħod, ġiebu l-introduzzjoni ta’ kultura avvanzata barranija u ta’ drawwiet Rumani fis-saltna tagħha, mingħajr iżda ma ġiebu magħhom nuqqas ta’ qbil jew skuntentizza.

Santa Margerita Reġina mietet fl-10 ta’ Ġunju 1093, erbat ijiem biss wara żewġha. It-tnejn kienu midfunin fil-knisja tal-abbazija ta’ Dunfermline (fil-Majjistral ta’ Edinbourgh) li huma kienu waqqfu. Kienet ikkanonizzata fl-1250 u fl-1673 Klement X ddikjaraha patruna tal-Iskozja.

Ħsieb: Ir-Reġina Santa Margerita kienet il-mara li jkellimna fuqha tant tajjeb il-ktieb tal-Proverbji, kapitlu 31:

“Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar. Fuqha tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur ikunlu ta’ ġid. Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tħażżem ġenbejha bil-qawwa, u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha. Tara r-riżq tax-xogħol tagħha; lanqas bil-lejl ma titfi l-musbieħ tagħha. Tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken. Żewġha magħruf f’bieb il-belt, meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż. Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa, tħares daħkana lejn il-ġejjieni. Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha. Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha, minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt. Uliedha jqumu u hienja jsejjħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: ‘Ħafna nisa wrew ħila kbira imma inti lkoll għaddejthom.’ Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha. Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha” (ara Proverbji 31:10-31).

Margerita kienet il-reġina li għexet b’qalb u b’fidi kbira dak li jgħidilna Ġesù fil-kapitlu 25 ta’ San Mattew:

“Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mattew 25:34-40).

Dan il-kliem, ifakkarna fil-wegħda li jagħmel Ġesù lil dawk kollha li jħennu minn qalbhom għall-proxxmu tagħhom, bħalma ħennet din ir-reġina f’ħajjitha. “Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mattew 5:7). Il-karità kbira li wettqet f’ħajjitha man-nies ta’ pajjiżha, tant li idha x-xellugija ma kinitx taf x’kienet qed tagħmel idha l-leminija, tat il-frott tagħha bid-deher. Kienet il-mara “li fetħet idejha beraħ mal-fqir”, kif ifakkarna l-Ktieb tal-Proverbji.

Fil-poeżija Waħdi Dun Karm kiteb hekk: “Omm! … xi ħlewwa, xi tjieba ta’ isem! Omm, il-kelma tal-faraġ fil-hemm, Omm, il-kelma tal-ħniena fil-ħtija, Omm, il-kelma li trażżan id-demm”. Margerita, omm imfawra bl-imħabba lejn żewġha, uliedha u n-nies fil-bżonn ta’ żminijietha. Margerita, li resqet lil familja tagħha lejn Ġesu’. Margerita, li bl-għaqal tagħha għenet lil żewġha r-re biex imexxi s-saltna bil-ġustizzja, bil-prudenza u bil-virtujiet insara bħala l-pedament.

  • Alla u n-nies li jafuk, xi jsibu xi jfaħħru fik?
  • Tmexxi ħajtek u dik ta’ min hu qribek bil-għaqal, bil-ġustizzja, bil-ħniena, bil-karita’ u bil-virtujiet insara l-oħra?
  • Kif qed tinfluenza lil ħaddieħor?
  • In-nies jistgħu jilmħu lil Ġesù fik?

Talba: O Mulej, kif fl-isfond tal-ħajja tiegħek kellek lil ommok Marija li ħeġġitek tgħin lill-koppja tat-tieġ ta’ Kana fil-bżonn tagħhom, hekk ir-reġina Margerita kienet il-mara ta’ ħila li qanqlet lil żewġha r-re u lil uliedha, biex jgħixu skont it-tagħlim tiegħek; agħtina li aħna wkoll nitlibsu bis-sentimenti tiegħek u b’hekk ninfluwenzaw lil xulxin għat-tajjeb skont il-Vanġelu. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: https://www.historic-uk.com/HistoryUK/HistoryofScotland/St-Margaret/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-margaret-of-scotland/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margherita_of_Savoy

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Mejju: Santa Ġovanna Antida Thouret

“Alla huwa kullimkien, il-foqra huma kullimkien. Dan huwa biżżejjed għalina”. ~ Santa Ġovanna Antida Thouret

image062SANTA ĠOVANNA ANTIDA THOURET
Reliġjuża
1765 – 1826

Tagħrif: Dil-qaddisa twieldet qrib Besancon, fi Franza, minn familja ta’ bdiewa. Wara l-mewt ta’ ommha kellha tieħu ħsieb seba’ ħutha iżgħar minnha. Ta’ 22 sena daħlet mas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul f’Pariġi.

Meta r-Rivoluzzjoni Franċiża xoljiet u xerrdet ir-reliġjużi kollha, fosthom is-Sorijiet tal-Karità, Antida reġgħet sabet ruħha Besancon weħedha, bla ħadd minn sħabha u bla gwida.

Imma l-foqra u l-morda ssibhom dejjem u kullimkien. Il-voti tagħha ma setgħux jiġu kkanċellati mir-rivoluzzjoni u l-qaddisa baqgħet soru bil-moħbi. Kienet tikkura l-morda u tmexxi t-talb f’postijiet moħbija, u kienet ukoll tissogra ħajjitha tgħin lis-saċerdoti fil-ħabs. Imħallta fil-folla, kienet takkompanja sal-giljottina l-ikkundannati għall-mewt, u ssegwihom b’ħarsitha sal-aħħar mument biex tagħmlilhom kuraġġ.

Aktar tard il-vigarju tad-djoċesi ried iwaqqaf stitut ġdid ta’ sorijiet fuq il-mudell ta’ San Vinċenz de Paul f’Besancon. Ġovanna meddet idejha għal din il-ħidma fil-11 ta’ April 1797 billi waqqfet is-Sorijiet tal-Karità biex tifforma għalliema, infermieri u katekisti. Għall-ewwel kien hemm ħafna kontra tagħhom (osteġġjati), imbagħad bdew jiġu ttollerati, u fl-aħħar meta tela’ fil-poter Napuljun Bonaparte, is-sorijiet kienu msejħin biex jaħdmu fl-isptarijiet u fl-iskejjel.

Billi l-klima nbidlet, l-istitut żviluppa u fl-1810, il-Marixxal Ġwakkin Murat talab lis-sorijiet biex imorru fir-renju ta’ Napli. Ġovanna Antida marret hemm ma’ tmien sorijiet oħra, waqqfet il-monasteru ta’ Regina Coeli u minn hemm bdiet biex twaqqfu disat idjar oħra.

F’daqqa waħda faqqgħet kriżi fuq il-fondazzjoni min-naħa tal-isqof ta’ Besancon, u fl-1821 marret f’dik il-belt bit-tama li żżomm il-kongregazzjoni magħquda, imma l-isqof ma laqagħhiex, anzi rrifjuta li hija tidħol fl-istitut tagħha stess.

F’dawn iċ-ċirkustanzi dolorużi, Ġovanna Antida Thouret tat lezzjoni mill-aqwa u eżempju kollu dawl għal kulħadd: tbus fis-silenzju l-bieb li kien sbarrat għaliha, u titlaq minn hemm. Taċċetta kollox biex tibqa’ fidila għall-Knisja.

Santa Ġovanna Antida Thouret mietet f’Napli, ħames snin wara din il-ġrajja doloruża, meta kellha ftit inqas minn 61 sena. Kien l-24 ta’ Awwissu 1826 u difnuha fil-knisja tar-Regina Coeli. Ġiet iddikjarata qaddisa mill-Papa Piju XI fl-1934 wara fejqan mirakoluż li kien seħħ f’Malta ftit snin qabel.

Ħsieb: Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija tiegħu fid-Dar tal-Providenza nhar l-1 ta’ Jannar 2018 qal li “50 sena ilu, is-Sorijiet tal-Karità bdew din l-avventura ta’ mħabba propju biex jgħixu l-kariżma tagħhom li jkunu s-sorijiet tal-karità, is-sorijiet li jwasslu l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla f’tant ambjenti differenti, kif għadhom jagħmlu sal-lum.”

Is-Sorijiet tal-Karità jew aħjar is-sorijiet ta’ Santa Govanna Antida Thouret ġew f’Malta fl-1868, u minnufih il-Gvern fdalhom f’idejhom l-orfanatrofji tiegħu, li dak iż-żmien kienu l-Belt Valletta. Biż-żmien il-Gvern fdalhom tlett skejjel żgħar, il-Baħrija, l-Imtaħleb u Birżebbuġa. Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb ukoll il-Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera u l-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex. Fetħu wkoll skejjel f’Ħal Tarxien, San Ġiljan u l-Gudja. L-akbar ħidma tagħhom kienet fl-isptarijiet fejn fetħu skola għall-infermiera.

Fl-1965 meta Dun Mikiel Azzopardi beda l-ħidma biex jibni fis-Siġġiewi l-ewwel dar f’Malta għall-persuni b’diżabilità ħass li ma setax imexxi din id-Dar mingħajr l-esperjenza ta’ xi kongregazzjoni reliġjuża. Wara diversi tentattivi biex ikollu l-għajnuna li kien jeħtieġ, irrikorra għas-Sorijiet ta’ Karità li issa kienu stabbilew sew fil-ħidma karittatevoli tagħhom f’Malta. Fl-1967, Dun Mikiel kiteb lill-Madre Ġenerali f’Ruma Swor Maria Candida Torchino, jitlobha li tagħti l-barka tagħha lill-Provinċja Maltija biex tiftaħ komunità tal-Kongregazzjoni tagħha fid-Dar tal-Providenza. Il-Madre Ġenerali aċċettat din it-talba u tat il-kunsens tagħha lill-Provinċjali ta’ Malta, Swor Angela Maria Corbella.

Fil-bidu tas-sena 1968, il-bini tal-ewwel dar li Dun Mikiel semma Villa Monsinjur Gonzi bħala rikonoxximent lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Sir Mikiel Gonzi li kien ta donazzjoni sostanzjali għal din l-opra kienet għoddha lesta biex tilqa’ l-ewwel residenti. Fit-12 ta’ Jannar 1968, xahar qabel daħlu l-ewwel residenti f’Villa Mons. Gonzi, il-Madre Provinċjali bagħtet komunità żgħira ta’ sorijiet li bdew jgħixu u jippreparaw għal din il-ħidma ġdida fid-Dar tal-Providenza. L-ewwel superjura ta’ din il-komunità kienet Swor Maria Assunta Mallia. Magħha kien hemm Swor Alexandra Delazzaio u Swor Agostina Cutajar. Bħala kunvent is-sorijiet ingħataw binja li sal-1962 kienet tintuża mill-fizzjali Ingliżi billi l-post fejn Dun Mikiel beda jibni Villa Monsinjur Gonzi kien Rest Camp tan-Navy Ingliża.

Nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar 1968, il-festa ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna liċ-ċkejkna Bernardette ġewwa l-grotta ta’ Masabielle ġewwa Lourdes, Dun Mikiel u s-sorijiet laqgħu l-ewwel tlett residenti f’Villa Mons Gonzi. Fl-24 ta’ Frar ta’ dik is-sena mbagħad, ġie iffirmat ftehim uffiċċjali bl-approvazzjoni tal-Arċisqof bejn l-Azzjoni Kattolika u l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Govanna Antida Thouret biex il-Provinċja Maltija tagħti s-servizzi tagħha lid-Dar. Minn dak iż-żmien sal-lum, din il-komunità baqgħet tissapportja lir-residenti b’dedikazzjoni u imħabba kbira.

Minn dak in-nhar sal-lum, din il-komunità baqgħet taqdi lir-residenti tad-dar b’dedikazzjoni u imħabba kbira. 42 soru taw is-servizz tagħhom lir-residenti tul il-ħamsin sena tal-ħidma tagħhom f’din id-Dar. Tul dan iż-żmien is-superjuri ta’ din il-komunità kienu Sor Maria Assunta Mallia, Sr Annunziata Cortis, Sr Cecilia Frendo, Sr Maria Ersilia Mifsud, Sr Madalena Fava, Sr Maria Antida Mifsud u Sr Lorenza Borg.

Fl-2003 is-sorijiet tewmin Sr Madalena Fava u Sr Fortunata Fava li servew lid-Dar bejn l-1982 sal-1994 ingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom f’din id-Dar. Dan il-premju beda jingħata kull sena mill-1995 bħala rikonoxximent pubbliku lil dawk il-persuni li jkunu taw kontribut fil-qasam tal-persuni b’diżabiltà jew fid-Dar tal-Providenza. Fl-1 ta’ Diċembru 2017 waqt Kunċert annwali mtellgħa mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann b’risq id-Dar tal-Providenza dan il-Premju ingħata wkoll lill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Govanna Antida Thouret bħal rikonoxximent għall-50 sena ta’ ħidma fid-Dar tal-Providenza.

Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar 2018 Mons Joe Galea Curmi Vigarju Ġenerali qaddes quddiesa ta’ ringrazzjament fid-Dar tal-Providenza fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta s-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bdew il-ħdima tagħhom fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi, Malta.

Fl-omelija tiegħu Mons Galea Curmi kkwota lill-Papa Franġisku li f’Evangelii gaudium, jgħid: “Jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.” Huwa rringrazzja lis-Sorijiet tal-Karità li 50 sena ilu aċċettaw l-istedina ta’ Mons. Mikiel Azzopardi u għarfu s-servizz fid-Dar tal-Providenza bħala mod mill-isbaħ kif tgħixu l-vokazzjoni tagħhom fuq l-eżempju tal-fundatriċi tagħhom Santa Govanna Antida Thouret. Huwa rringrazzja wkoll lit-42 soru li taw is-servizz tagħhom hawn tul dawn il-ħamsin sena u qalli li “kull soru hi ġrajja għaliha, ġrajja ta’ ġenerożità, u ta’ dan nuru gratitudni kbira.”

Għal din l-okkażjoni kienet preżenti l-Provinċjali tas-Sorijiet tal-Karità għal Malta u l-Italja Sr Mary Stephanos li ġiet tirrapreżenta s-Superjura Ġeneral Sr Nunzia De Gori. Fid-diskors tagħha hija fost oħrajn qalet li tista’ biss timmaġina kemm għas-sorijiet fil-bidu din il-missjoni dehret diffiċli għalihom, imma Santa Ġovanna Antida kienet tgħidilhom: “Alla huwa kullimkien, il-foqra huma kullimkien. Dan huwa biżżejjed għalina” Il-kliem ta’ Santa Ġovanna Antida qawwielhom qalbhom u saħħaħhom fl-għan tagħhom li jkomplu jservu lil Alla fil-persuna ta’ dawk li huma fil-bżonn bl-istess spirtu u imħabba li San Vinċenz De Paule u Santa Ġovanna Antida urew matul ħajjithom kollha. Illum qegħdin hawn biex fuq kollox infakkru l-fedeltà u l-ħniena li Alla wera magħhom u ma’ kull min daħal f’dan il-post sagru fejn raw biss imħabba u dedikazzjoni bla qies. Hija biss l-imħabba infinita tiegħu li tagħtina l-kapaċità li ningħataw kompletament għall-oħrajn u nuruhom id-dinjità u r-rispett, li kull persuna maħluqa xbieha t’Alla jistħoqqilha.

Fr Martin Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li żgur li r-residenti tad-Dar tal-Providenza u jistgħu jgħidu lis-Sorijiet tal-Karità l-kliem sabiħ li bih San Luqa fl-Atti tal-Appostli ddeskriva l-akkoljenza tal-Maltin wara n-nawfraġju tagħhom f’Malta: “Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha.” (Atti 28:2). Fl-isem ir-residenti huwa rringrazzja lis-sorijiet għad-dedikazzjoni tagħhom f’għotja sħiħa u disinteressata biex il-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-Dar isibu ambjent li jirrispetta d-dinjità u d-drittijiet tagħhom.

Agħfas hawn għal aktar informazzjoni dwar is-Sorijiet tal-Karita’ f’Malta.

Talba: Mulej, fuq l-eżempju tal-Fundatriċi tagħhom Santa Ġovanna Antida li kellha fiduċja għamja Fik, is-sorijiet tagħha daħlu b’ruħhom u ġisimhom għall-qadi tal-proxxmu fil-bżonn, konvinti li Inti, li sejjaħtilhom, ma kont ser tabbandunahom qatt. Agħtina li aħna wkoll ma naqtgħux qalbna aħna u nagħmlu mill-aħjar biex inservuk f’ħutna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.suoredellacarita.org/index.php?option=com_content&view=article&id=101&Itemid=139&lang=en

Alternative Reading: http://www.suoredellacarita.org/index.php?option=com_content&view=article&id=103&Itemid=140&lang=en

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jeanne-Antide_Thouret

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb hu meħud mis-sit tad-Dar tal-Providenza.