Venerabbli Margerita De Brincat

Verżjoni Vidjo: Venerabbli Margerita De Brincat

mmargeritaMARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952

Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.

Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.

Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.

Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.

Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba”, il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità”.

Il-Għan Qaddis
Il-fini ta’ l-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pieta’, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.

Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.

L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.

Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.

Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Sentejn wara il-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.

Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.

L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu mportanza kbira lill-Katekiżmu.

Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù 1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.

Hi ta’ mportanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.

L-attivita’ tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.

Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.

Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.

Venerabbli
Nhar it-Tlieta 21 ta’ Jannar 2014, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda.  L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.  F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet fit-21 ta’ Jannar 2014 fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika”.  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Links about Margerita De Brincat:

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29612709/margherita-de_brincat
  2. https://mt.wikipedia.org/wiki/Madre_Maria_Debrincat
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-17-M.Margerita.htm
  4. http://gozodiocese.org/2013/08/28/madre-margherita-de-brincat-taghrif-mill-kongregazzjoni-tal-kawzi-tal-qaddisin/
  5. http://fcjmalta.org/?page_id=61
  6. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120129/life-features/Mother-Margherita-Debrincat-in-love-with-love-as-a-way-of-life.404592
  7. http://gozonews.com/43437/madre-margerita-de-brincat-to-be-proclaimed-venerable/
  8. https://medjugorjemalta.blogspot.com/2014/01/papa-frangisku-jagraf-il-virtujiet.html
  9. http://www.franccj.com/franccj/en/2016/07/16/la-nostra-storia/
  10. http://www.franccj.com/franccj/blog/2016/05/14/malta-4-luglio-2014-madre-margherita-de-brincat-e-venerabile/
  11. https://www.velar.it/libro/madre-margherita-de-brincat/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Venerabbli Margerita De Brincat huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan u mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

19 ta’ Mejju: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

“L-Ispirtu s-Santu għallimni nadura, infaħħar, inbierek u nirringrazzja lil Sidna Ġesù Kristu fit-tabernaklu, l-ħin kollu, anke waqt ix-xogħol, u kif inkun għaddejja bil-ħajja ta’ kull jum, mal-ġurnata.” – Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija

1200px-Verena_Bernarda_Buetler2SANTA MARIJA BERNARDA TAL-QALB IMQADDSA TA’ MARIJA
Reliġjuża
1848 – 1924

Tagħrif: Verena Butler, għax dan kien l-isem li ngħatat meta tgħammdet, twieldet fit-28 ta’ Mejju 1848, ġewwa Auw, Aargau, fl-Isvizzera, minn familja ta’ bdiewa. Hija kienet ir-raba’ minn tmien ulied.

Minn età bikrija ħafna uriet li kienet persuna miġbura u tgawdi intimità speċjali m’Alla. Hija kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Minn kmieni ħafna ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta bdiet titfarfar hija tgħarrset, iżda ndunat li ż-żwieġ ma kienx il-vokazzjoni tagħha, għalhekk ħassret u bdiet taħseb biex tingħaqad ma’ ordni reliġjuża. Fl-1866, hija ngħaqdet mal-Ordni tas-Sorijiet tas-Salib Imqaddes, ġewwa Menzingen, iżda ma kienx għadda wisq żmien li ma rritornatx lura lejn darha biex titlob u tiddixxerni, għaliex bdiet tħoss li dik ma kinitx il-propja sejħa tagħha.

Fit-12 ta’ Novembru, tal-1867, ingħaqdet mas-Sorijiet tal-Ordni Franġiskan Kapuċċin, fil-kunvent ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, f’Altstatten, l-Isvizzera. Hija ħadet l-isem ta’ Swor Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, u ħadet il-professjoni solenni fl-4 ta’ Ottubru, 1871. Hija serviet bħala Majjistra tan-novizzi u Madre Superjura għal tliet darbiet.

Fl-1888, marret ukoll il-missjoni fl-Ekwador, f’parti fejn ma kien hemm l-ebda reliġjuż. Hemm hija waqqfet il-Missjoni Franġiskana tas-Sorijiet Ulied Marija Għajnuna tal-Insara, biex ikun jista’ jitwettaq dan ix-xogħol. Hija kienet is-Superjura għal 30 sena. Fl-1895, kien hemm rivuluzzjoni kontra l-Kattoliċi u hi u s-sorijiet tagħha ġew eżiljati. Għalhekk huma marru l-Kolumbja u bdew imexxu l-operat tagħhom hemm. Dejjem kienet tirrepeti li l-Evanġelju huwa l-kewkba u l-gwida tagħha.

Hija mietet fis-19 ta’ Mejju, 1924, ġewwa Cartagena, Bolivar, Kolumbja, b’kawżi naturali u l-qabar tagħha mal-ewwel sar post ta’ pellegrinaġġi. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ibbeatifikaha fid-29 ta’ Ottubru, 1995 u l-Papa Emeritus Benedittu XVI, ikkanonizzaha fit-12 ta’ Ottubru, 2008. Illum is-sorijiet tagħha jkomplu jaħdmu fl-iskejjel, kulleġġi u kindergartens. Anke ġewwa sptarijiet u djar residenzjali fl-Isvizzera, il-Kolumbja, il-Brażil, l-Awstrija, Liechtenstein, l-Italja u xi pajjiżi Afrikani.

Ħsieb: Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, biż-żmien fehmet, l-istess kif għamlu fundaturi oħra qabilha, fosthom Santa Roża Venerini (ara Santa Roża Venerini), li l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-katekiżmu huma meħtieġa u essenzjali għal kull żmien fl-istorja tal-bniedem fid-dinja.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar L-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis (28 ta’ Ottubru, 1965) insibu dan li ġej:

“Metodi differenti ta’ edukazzjoni
4. Fil-qadi tad-dmir tagħha li teduka, il-Knisja, ħerqana li tuża l-mezzi kollha li jwasslu għal skop, tfittex fuq kollox li tuża l-għodda li huma proprji tagħha. L-ewwel fost dawn il-mezzi huwa t-tagħlim katekistiku li jdawwal u jsaħħaħ il-fidi, jgħajjex il-ħajja skont l-ispirtu ta’ Kristu, iwassal ‘l-insara għal parteċipazzjoni aktar konxja u attiva fil-misteru liturġiku u jqanqalhom għal ħidma appostolika. Il-Knisja tagħti importanza wkoll lill-mezzi l-oħra li jagħmlu sehem mill-wirt komuni tal-bnedmin u li jgħinu ħafna biex jirfinaw l-ispirtu tagħhom u jiffurmaw il-bnedmin; hija tfittex li lil dawn il-mezzi timliehom bl-ispirtu tagħha u televahom. Eżempji ta’ dawn il-mezzi huma l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali, is-soċjetajiet differenti ta’ natura kulturali jew sportiva, l-għaqdiet taż-żgħażagħ u, l-aktar, l-iskejjel.

L-importanza tal-iskola
5. Fost il-mezzi kollha ta’ edukazzjoni għandha importanza speċjali l-iskola li, bis-saħħa tal-missjoni tagħha, filwaqt li taħseb il-ħin kollu biex trawwem il-fakultajiet intellettwali, tiżviluppa l-kapaċità ta’ ġudizzju, tintroduċi l-patrimonju kulturali li bnew il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, iġġib ‘il quddiem is-sens tal-valuri, tħejji għall-ħajja professjonali u tifjorixxi fost dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu u li jistgħu ikunu ta’ kundizzjoni soċjali u ta’ karattri differenti, sens ta’ ħbiberija li jiddisponihom biex jifhmu lil xulxin. Barra hekk, l-iskola tikkostitwixxi bħal ċentru li biex ikun attiv u jiżviluppa, jeħtieġ li jaħdmu flimkien il-familji, l-għalliema, is-soċjetajiet differenti li għandhom skop kulturali, ċiviku u reliġjuż, is-soċjetà ċivili u l-komunità umana kollha.

Għalhekk hija tassew sabiħa u importanti s-sejħa ta’ dawk kollha li, waqt li jgħinu lill-ġenituri biex jagħmlu dmirhom ta’ edukaturi, u f’isem il-komunità umana, jassumu d-dmir li jedukaw fl-iskejjel. Din il-vokazzjoni titlob kwalitajiet speċjali tal-moħħ u tal-qalb, tħejjija attenta ħafna u dispożizzjoni kontinwa ta’ tiġdid u ta’ addattament.

Dmirijiet u jeddijiet tal-ġenituri
6. Il-ġenituri għandhom l-ewwel dritt u dmir, li huma wkoll dritt u dmir inaljenabbli, li jedukaw ‘l uliedhom; jeħtieġ għalhekk li huma jkollhom libertà vera li jagħżlu l-iskola għalihom. Għaldaqstant l-Awtorità pubblika, li jmiss lilha li tħares u tiddefendi l-libertajiet taċ-ċittadini, għandha tirrispetta l-ġustizzja distributtiva u għalhekk tqis illi tagħti sussidji sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu bil-libertà tassew, skont ma tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, l-iskejjel għal uliedhom”.

Għad-Dokument sħiħ ara: http://www.laikos.org/vat2_gravissimum_educationis_ver2017.htm

Talba: O Santa Marija Bernarda tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, li minkejja li ħadt iż-żmien biex fhimt Alla x’ried minnek eżatt u li flimkien mas-sorijiet tiegħek iltqajt ma’ persekuzzjonijiet, int kont ta’ ispirazzjoni għal ħafna li mxew fuq il-passi tiegħek u dawn għadhom sal-lum jagħtu l-edukazzjoni u l-kura meħtieġa lil bosta tfal fi żmienna llum, agħmel li aħna nitħeġġu bl-istess spirtu ta’ servizz li kellek int u li nagħrfu nedukaw u ngħallmu l-valuri nsara fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/mary-bernard-butler

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7423

Wikipedia: https://fr.wikipedia.org/wiki/Maria_Bernarda_B%C3%BCtler

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/2008/ns_lit_doc_20081012_verena_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Mejju: San Ġorġ Preca

Verżjoni Vidjo: San Ġorġ Preca

“Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat u f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu. Huwa jixbah lil wieħed sid li mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.” – Sirak 21:17 [20 Vulg.]; Mattew 13:52.

DunGorg01SAN ĠORĠ PRECA
Saċerdot Malti u Fundatur tas-Soċjetà  tad-Duttrina Nisranija
1880 – 1962

Tagħrif: San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta nhar it-12 ta’ Frar, 1880. Il-ġenituri tiegħu kienu Vinċenzo Preca u Natalina Cervalo. Il-ħajja Nisranija bdieha fis-17 ta’ Frar, meta tgħammed fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu jew ta’ San Duminku, fil-Belt Valletta. Ma kienx jinqala’ wisq għal-logħob, imma ġieli daħal f’xi bawxata. Darba wieħed żagħżugħ b’saħħtu dendlu maċ-ċinta ta’ San Gejtanu u werwru.

Ta’ madwar 17-il sena, ħdejn il-Mall tal-Furjana, iltaqa’ ma’ wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liċeo, Dun Ercole Mompalao, u dan qallu: “Preca, int għad tikber, u nies li jirrispettaw lil Alla jidħlu fil-familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek.” Wara l-istudji tiegħu fil-Liċeo, daħal is-Seminarju jitħejja għal saċerdot. Fit-8 ta’ April, 1905 miet Dun Alwiġ Galea, il-konfessur ta’ Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu, Dun Alwiġ deherlu f’ħolma u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu ’l-poplu tiegħu.” F’żgħożitu dan il-kliem ta’ Dun Ercole sar verità meta bi skuża ta’ sigarett, tħabbeb ma’ grupp ta’ żgħażagħ ta’ Luċitu fil-Ħamrun.

Ftit qabel ma ġie ordinat saċerdot, Ġorġ Preca, żviluppa komplikazzjonijiet fil-pulmun u skont il-professur ma kienx fadallu wisq ħajja. Imma Alla ried mod ieħor u nhar it-22 ta’ Diċembru, 1906 ħa l-quddiesa.

Beda jlaqqa’ lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-knisja Ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken li kienu krew f’nru. 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjetà tad-Duttrina Nisranija): grupp ta’ żgħażagħ lajċi ffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-Reliġjon Kattolika, mibgħuta biex jgħallmu lill-poplu.

L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909, Dun Ġorġ irċieva l-ordni li jagħlaq l-oqsma kollha. Il-qaddej ta’ Alla obda bi qsim il-qalb iżda mingħajr tlaqliq. Kienu l-kappillani stess li insistew li tiġi rrevokata l-ordni tal-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech.

Bejn l-1914 u l-1915, bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u inġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu l-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itellfulhom il-paċi ta’ qalbhom.

Fl-1916, l-Isqof Dom Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjetà. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-fundatur, l-istess Isqof Caruana approva s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta’ April, 1932.

Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew “Xirka ta’ Ulied il-Papa” għaliex ried jisħaq fuq il-lealtà lejn il-Papa. Intant, iżda, kważi b’ċajta, il-post fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel soċji ngħata l-laqam ta’ ‘museum’ (mużew) u biż-żmien il-laqam tal-post sar l-isem tal-għaqda, u baqa’. Dun Ġorġ fassal akrostiku mill-kelma “M.U.S.E.U.M” bil-Latin: “Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus!” (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!). Il-fergħa tan-nisa bdiet Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta’ Ġannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali.

Dun Ġorġ, kien magħruf ma’ kulħadd bħala bniedem ta’ Alla u n-nies kienu jfittxuh bi ħġarhom għax kliemu ma kienx dak tas-soltu, kliemu kien iqanqal il-qlub ta’ kulħadd. Fuq kollox in-nies jibqgħu jiftakruh għall-imħabba li kellu lejn Alla u lejn il-proxxmu. Kien bniedem ta’ umiltà, tant li xtaq li ma’ mewtu jintesa. Ħajtu kienet prietka ta’ manswetudni. Kien jimxi bil-ħlewwa ma’ kulħadd u ħafer b’mod sinċier lil kull min għamillu l-ħsara.

San Ġorġ ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f’Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-Publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150. It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika mehdija tfittex lil Alla biss. Mhux ta’ b’xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta l-fejqan lil xi wħud.

Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjetà  tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u Skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Peru, f’Londra u fl-Albanija.

Dun Ġorġ Preca ħadem kemm felaħ biex ixerred it-tagħlim tal-Evanġelu fil-gżejjer Maltin. Bla dubju, kien appostlu tal-kelma ta’ Alla, speċjalment tal-Evanġelu li kien isejjaħlu “Leħen il-Maħbub.” Kien jaqra l-qlub tal-bnedmin u kien imżejjen bid-don sopranaturali li jħabbar bil-quddiem dak li kellu jseħħ. Kien b’danakollu saċerdot ta’ umiltà kbira, twajjeb, ħelu, ġeneruż. Kien ragħaj qaddis tal-poplu ta’ Alla.

Stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-inkarnazzjoni. Sa mill-1917, beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, “Verbum Dei Caro Factum Est” (Ġwanni 1, 14). Ried li s-soċji jilbsu badge b’dan il-kliem. Mill-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata ‘dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin’, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied malti.

Fil-mumenti diffiċli ta’ ħajtu u tas-soċjetà tiegħu, Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta’ sidtna Marija. Nhar il-21 ta’ Lulju, 1918 inkiteb bħala terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f’Settembru, 1919 għażel l-isem ta’ Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-M.U.S.E.U.M jinkitbu fil-labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Bon Kunsill (ara Madonna tal-Bon Kunsill). Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża (ara l-Madonna tal-Midalja Mirakoluża) u minħabba f’hekk il-knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda hi ddedikata lilha.

Fit-2 ta’ Ottubru, 1952 il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta’ Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Dun Ġorġ Preca miet fid-dar “San Gejtanu,” Triq il-Parroċċa, Santa Venera, Malta, nhar il-Ħamis filgħaxija tas-26 ta’ Lulju, 1962. Huwa ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjetà Maltija u eluf kbar ta’ nies. Indifen fil-kripta taħt il-knisja tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda, li malajr saret post ta’ pellegrinaġġi.

Il-miraklu approvat għall-beatifikazzjoni sar f’Raħal Ġdid nhar it-3 ta’ Frar, 1964 meta Charles Zammit Endrich fieq f’daqqa minn distakk tar-retina wara li qiegħed taħt rasu relikwja ta’ Dun Ġorġ.

Il-Kawża ta’ Beatifikazzjoni tiegħu ġiet mibdija fl-1975. Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu fid-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa ta Beatifikazzjoni fuq il-Fosos tal-Furjana, Malta. Huwa kien ikkanonizzat mill-Papa Benedittu XVI li sejjaħlu “ħabib ta’ Ġesù” u ddikjara li San Ġorġ Preca huwa “t-tieni missier tal-fidi tal-poplu Malti u Għawdxi.” Il-festa liturġika tiegħu taħbat fid-9 ta’ Mejju. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca.

Wara l-fejqan mirakoluż ta’ tarbija (Eric Catania) ftit wara l-beatifikazzjoni, Dun Ġorg ġie ddikjarat qaddis f’Ruma nhar il-festa tat-Trinità Qaddisa, il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, 2007. Nhar it-8 ta’ Novembru, 2008 ġiet inawgurata l-ewwel parroċċa f’Malta ddedikata lil dan l-ewwel qaddis Malti fi zona magħrufa bħala s-Swatar.

Agħfas fuq SAN ĠORĠ PRECA biex tniżżel dokument b’aktar tagħrif dwaru.

Ħsieb: Qari mill-Ittri ta’ San Ġorġ Preca, saċerdot (Ittra lil Rakele Camilleri tas-26 ta’ Ġunju, 1934: Arkivju tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, Malta) bit-titlu ‘It-Tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid.’:

“Inkellmuhom lit-tfal fuq Alla, fuq in-Novissmi, u fuq il-ħajja tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu fejn naraw tant eżempji ta’ umiltà, ta’ karità, ta’ manswetudni, ta’ paċenzja. X’ħasra hawn mad-dinja kollha akkawża tan-nuqqas ta’ tagħlim! Għalhekk nagħmlu kemm nistgħu biex niġbdu żgħażagħ ta’ xi speranza, u fuq kollox nitolbu l-Padrun tal-ħsad li jqanqal u li jibgħat Hu stess fl-Oqsma ħafna soċji.

Biżżejjed li jiena ngħidlek li l-Ispirtu s-Santu jara wisq sbieħ is-saqajn ta’ dawk li jgħallmu ħwejjeġ tajba, ħwejjeġ tal-paċi. Ilkoll intom f’idejn Alla, u għalhekk qatt m’għandkom tiddejqu, għax fl-ebda ħaġa ma jonqoskom. Intom qegħdin tagħmlu l-missjoni tal-Maħbub Ġesù, Mgħallem wieħed tal-bnedmin, li ġie fid-dinja biex jilluminaha bit-tagħlim tiegħU. Dan it-tagħlim tiegħU li aħna qegħdin nikkomunikawh lil min ma jafux, u nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ngħixu l-ħajja spiritwali li hija tant triq dejqa. Jiena kuljum nirrikmandakom fil-quddiesa; u nitolbu ‘l Alla lkoll kemm aħna jagħmel miżerikordja magħna. Oh x’unur li Alla tant maestuż jogħġbu jinqeda bina għal servizz hekk ħelu, hekk glorjuż, hekk importanti!”

Aktar ħsibijiet ta’ San Ġorġ Preca:

  • O Alla, inti ħlaqtna għaliK u ħlaqtna biex ngħixu għaliK dejjem, u li ma mmutu qatt jekk aħna nħarsu l-ġustizzja tiegħeK.
  • Satana, qattiel sa mill-bidu, mimli għira għalina l-bnedmin, bil-qerq tiegħu daħħal fid-dinja d-dnub u l-mewt,
  • U inti għal din id-diżgrazzja li ġiet fuqna mid-dnub oriġinali ftaħt it-teżori tal-ħniena tiegħeK.
  • O Alla inkomprensibbli fil-ġudizzji tiegħeK u f’kollox, inti tassew tobgħod id-dnub, iżda tippermettih, għalkemm ma tridu qatt.

Xerrdu ma’ kullimkien, bil-kelma u bl-eżempju, id-dawl tad-duttrina tas-saħħa, u intom għadd tiddu bħall-kwiekeb. Meta intom tkunu kawża volontarja li dnub jiġi evitat minħabba fit-tagħlim li intom tkunu tajtu, Alla jbierek mhux biss lil dak li jkun ġab rebħa fit-tentazzjoni, iżda wkoll lil dak li jkun għallmu; u anke ’l dawk ukoll li jkunu kkoperaw biex isir it-tagħlim.

L-Ispirtu t’Alla huwa spirtu ta’ mħabba għaliex Alla huwa mħabba u kwalunkwe imħabba fl-atti tagħha – timxi wisq ’il bogħod minn kull xorta ta’ deni. Min ma jaħfirx żgur li mhux iben t’Alla, missier ħanin ta’ kulħadd, tajbin u ħżiena.

Min hu li jħares lejn il-kurċifiss u ma jikkwitax f’mistrieħ perfett? Dnubietek ibeżżgħuk? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jien ħallast għalik.’ Xi ħadd ġab ruħu ħażin miegħek? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena għamilt il-ġid u ħallsuni b’deni.’ Inti mweġġa’ jew imnikket? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena innoċenti f’baħar ta’ uġigħ u ta’ niket.’ Tinsab inti nieqes minn xi ħaġa? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kwieta għax jiena msallab għarwien.’ Inti mżeblaħ? Stħajjel lill-kurċifiss jgħidlek: ‘ħares ’l hawn u kkwieta għax jien Alla, oġġett ta’ tmaqdir, ta’ żufjett u ta’ daħk.’

F’kelma waħda f’kull stat tiegħek spiritwali għandek issib dejjem faraġ x’tiġbed minn Kristu kurċifiss li jgħid lil kull min iħares lejh li kollox jispiċċa mal-mewt: delizzji u biki. Ara qatt taħseb li inti spiritwali, jekk biex timita titfa’ għajnejk band’oħra ħlief fuq il-kurċifiss – Kristu waħdu biss it-triq, is-sewwa u l-ħajja u ħadd ma jasal fis-saltna tal-paċi ta’ dejjem ħlief permezz tiegħU biss. Tfittex il-pjaċiri li jgħaddu? Kun af li m’intix skular veru ta’ Kristu, li bata għalina u ħallielna l-eżempju li nimxu warajh li dnub ma għamilx. Iddeċiedi, immela, li quddiem it-tbatija tgħid sinċerament: “O Salib, is-sliem għalik!”

Alla Missier, jiena nemmen li int kapaċi toħroġ it-tajjeb anki minn esperjenzi ta’ tbatija u mill-iżbalji kbar li nagħmlu aħna l-bnedmin. Għinni biex l-iżbalji li għamilt jiswewli biex nitgħallem minnhom jien u anki ħaddieħor. Ammen.

Sinjur Alla, agħtini l-paċi tiegħeK: iż-żmien l-imgħoddi nħares lejh u nsewwed qalbi għan-nuqqasijiet ta’ attenzjoni fuq il-liġi tiegħek. Iżda jien naf li int il-Missier tagħna u li aħna wliedek, kreaturi ta’ jdejk, u b’hekk jiena nistrieħ fik meta nerħi ruħi fl-idejn tiegħek. Ammen.

  • U int kif qed timita lil dan il-Qaddis Malti li għamel bosta ġid f’pajjiżu/pajjiżna?

Talba: Mulej Ġesù, nitolbuK sabiex it-tagħlim u l-eżempju li tana San Ġorġ Preca jkunu ta’ salvazzjoni għal ruħna. Jalla l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tal-MUSEUM jibqgħu jiżdiedu.

O Alla, int sejjaħt lis-saċerdot tiegħek, San Ġorġ Preca għall-ministeru tal-evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bit-tagħlim tiegħu u msaħħin bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta’ dawk li jemmnu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7212

Alternative Reading: http://www.independent.com.mt/articles/2007-06-04/news/the-first-maltese-saint-dun-gorg-preca-a-biography-174428/

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/George_Preca

Wikipedia in Maltese: https://mt.wikipedia.org/wiki/Dun_%C4%A0or%C4%A1_Preca

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ April: Santa Ġulja Billiart

Verżjoni Vidjo: Santa Ġulja Billiart

“Għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar. Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” ~ Ġakbu 1:2-4

billiart-2SANTA ĠULJA BILLIART
Reliġjuża
1751 – 1816

Tagħrif: Ġulja twieldet minn familja devota ta’ gabilotti minn Picardy (fil-Grigal ta’ Franza). Minn kmieni wriet ġibda profonda lejn il-ħwejjeġ spiritwali u ta’ 14-il sena għamlet wegħda ta’ kastità perpetwa.

Sentejn wara waqgħet diżgrazzja fuq missierha: tilef ir-razzett u l-għelieqi tiegħu, u minħabba f’hekk Ġulja kellha toħroġ mid-dar u tmur taħdem. Kienet żagħżugħa li l-imħabba tagħha lejn Alla kienet tinħass u tittieħed minn oħrajn, tixtieq li tkun ta’ għajnuna spiritwali liż-żgħażagħ ta’ madwarha.

Kellha l-permess, lejn is-sena 1770, meta kellha madwar 19-il sena, li titqarben kuljum – ħaġa ma tantx kienet komuni f’dawk iż-żminijiet minħabba l-ereżija Ġansenista. Imma mbagħad, meta kellha 23 sena, seħħet ġrajja li ħalliet effett ikrah fuqha. Sar attentat fuq il-ħajja ta’ missierha, u x-xokk kellu tant effett fuq il-mara żagħżugħa li hi, bil-biża’, baqgħet ipparalizzata, baqgħet inkapaċi, zoppa u fis-sodda għat-30 sena li ġew wara. Imma l-ispirtu tagħha ma tkissirx. Il-ħajja mistika fid-dar u l-għaqda intima tagħha ma’ Alla saru aktar profondi.

Matul is-sitt snin terribbli tar-Rivoluzzjoni Franċiża (1789-95), diversi drabi kienet fil-periklu tal-mewt mir-Repubblikani, u għalhekk malajr kellha tmur f’Compiègne, f’Amiens, f’Bethancourt u finalment terġa’ f’Amiens. Kien possibbli tisma’ quddiesa u titqarben biss darba kultant, meta xi saċerdot maħrub kien ikun fil-qrib. Minkejja dan kollu, Ġulja kompliet tmexxi l-ħidmiet tagħha ta’ karità mid-dar tagħha, ħerqana b’mod speċjali biex tpatti għat-tagħlim żbaljat ta’ żmienha billi tipprovdi, permezz ta’ ħbieb twajba, għall-edukazzjoni tat-tfal fqar orfni u aktar tard, għall-bniet inġenerali.

Bil-kooperazzjoni tal-Viskontessa Francoise Blin de Bourden, u ta’ Padre Varin, is-superjur tal-hekk imsejħin tal-Patrijiet tal-Fidi, Santa Ġulja fl-aħħar, f‘Awwissu tal-1803, meta kellha 52 sena, għamlet il-ħidma tagħha fuq bażi permanenti billi waqqfet l-“Istituti tas-Sorijiet ta’ Notre Dame.” Fis-sena ta’ wara, il-qaddisa li allura kienet għadha ma tistax timxi, kienet imħeġġa minn qassis biex tagħmel pass u timxi għall-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù, u hi sabet lilha nfisha mfejqa għal kollox mill-paraliżi tagħha. Hi issa setgħet tiddedika l-bqija ta’ 12-il sena ta’ ħajjitha biex ixxerred l-istitut tagħha.

Waqqfet xi għaxar kunventi fi Franza u fil-Belġju minkejja l-oppożizzjoni li sabet u li ma kinux jifhmuha. Kellha tivjaġġa ħafna, spiss fuq karettun jew bil-mixi. Is-saħħa u l-kuraġġ tagħha ma kellhomx limiti.

Mietet fit-8 ta’ April tas-sena, 1816 fl-età ta’ 65 sena u ġiet iddikjarata qaddisa fl-1969 mill-Papa Pawlu VI.

ĦsiebL-immobilità ta’ Santa Ġulja Billiart bl-ebda mod ma fixklet l-attivitajiet tagħha. Minkejja t-tbatija tagħha, hija rnexxielha tgħin fit-twaqqif ta’ Ordni ta’ tagħlim li kienet tipprovdi tagħlim kemm tal-foqra kif ukoll tas-sinjuri. Kull wieħed u waħda minna għandu limitazzjonijiet, iżda l-agħar marda li wieħed jista’ jkollu hija l-paraliżi spiritwali għax din iżżommna milli nservu lil Alla hawn fuq l-art u wara mmorru ngawduh fis-Sema. Minkejja li Santa Ġulja Billiart ma ħallitx il-limtazzjoni tagħha tillimitha minn dak li riedet tagħmel għal Alla, dik tagħha kienet prova li rrikjediet ħafna paċenzja minn naħa tagħha. Aħna kemm nipprattikawha l-paċenzja meta nkunu għaddejjin minn kull xorta ta’ provi?

It-Tnejn, 12 ta’ Frar, 2018, fl-omelija tiegħu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal dan li ġej:

“Nitolbu lill-Mulej biex itina l-virtù tal-paċenzja meħtieġa minn min jinsab f’mixja u jġorr fuq spallejh diffikultajiet u provi. Ġakbu l-Appostlu jikteb li meta l-fidi tgħaddi mill-prova, tiġġenera l-paċenzja. Xi jfisser, li nieħdu paċenzja fil-ħajja meta ngħaddu mill-provi? Mhux faċli tifhimha din. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn il-paċenzja kristjana u r-rassenjazzjoni, bejn il-paċenzja kristjana u s-sens ta’ telfa. Il-paċenzja kristjana hi virtù ta’ min hu miexi mhux ta’ min hu wieqaf u magħluq.

Meta bniedem ikun miexi jiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet li mhux dejjem huma favorevoli. Għalija, il-virtù f’mixja turi l-veru paċenzja tagħha f’dawk il-ġenituri li titweldilhom tarbija marida jew diżabbli. Imma għall-grazzja t’Alla, li hu ħaj, dawn huma n-nies paċenzjużi. Dawn irabbu lill-wild tagħhom bi mħabba, sal-aħħar. U mhux faċli ġġorr piż bħal dan għal snin sħaħ. Madankollu, il-ferħ li għandhom wild itihom il-forza biex jieħdu paċenzja u din mhix rassenjazzjoni. Jiġifieri din hi l-virtù li tiġi meta bniedem ikun f’mixja. Il-paċenzja nisranija ma timxix fit-triq tat-telfa.

Mill-oriġini tal-kelma “paċenzja” għandna aktar x’nitgħallmu. Fit-tifsira tal-kelma jidħol ukoll is-sens ta’ responsabbiltà, għax min jieħu paċenzja ma jmilx taħt it-tbatija, imma din terfgħu ‘l fuq bil-ferħ. Il-paċenzja tfisser li wieħed jiffaċċja d-diffikultà mhux jgħaddiha fuq spallejn ħaddieħor. Il-paċenzja hi l-għerf li wieħed jagħraf jiddjaloga mal-limitazzjonijiet tiegħu. 

Jekk inħarsu lejn l-istorja tas-salvazzjoni, kompla jgħid, naraw il-paċenzja ta’ Alla, Missierna li mexxa lill-poplu rasu iebsa kull darba li dan kien jagħmel xi idolu u jibda jħares lejn naħa oħra. Hi paċenzja wkoll dik li l-Missier tagħna tas-Sema għandu ma’ kull wieħed u waħda minna meta jakkumpanjana u jistenniena. Dan hu Alla li bagħat lil Ibnu biex bil-paċenzja jerfa’ fuq spallejh il-missjoni tiegħu u b’rieda soda jaffronta l-passjoni.

B‘dan f’moħħna, illum nistgħu nitolbu għall-poplu ta’ Alla: “Mulej, agħti lill-poplu tiegħek il-paċenzja biex jagħraf jerfa’ l-provi”. U nitolbu wkoll għalina ta’ kemm-il darba ma konniex paċenzjużi. Meta l-affarijiet ma jmorrux kif irriduhom u jitlgħalna….. Imma ieqaf ftit, aħseb fil-paċenzja ta’ Alla l-Missier. Il-paċenzja hi virtù sabiħa, nitolbuhielu lill-Mulej.”

Talba: O Alla li tista’ kollox, Int sejjaħt lil Santa Ġulja Billiart biex twieġeb bil-ferħ għall-imħabba ta’ Ibnek Mislub, billi ddedikat ħajjitha għall-edukazzjoni tat-tfal, minkejja l-limitazzjonijiet li ġarrbet. Agħmel li t-talb u l-eżempju tagħha, jispirawna biex aħna wkoll inwieġbu b’paċenzja mimlija mħabba lejn Ġesù Msallab, u naqdu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor bi qdusija vera u mill-qalb. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-julie-billiart.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-julie-billiart/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Julie_Billiart

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Frar: San Ġirolmu Emiliani

Verżjoni Vidjo: San Ġirolmu Emiliani

“Jekk inti tibqa’ kostanti fil-fidi, quddiem il-prova, il-Mulej jagħtik il-paċi u l-mistrieħ għal xi żmien f’din id-dinja u għal dejjem f’li jmiss”. ~ San Ġirolmu Emiliani

Saint_Jerome_EmilianSAN ĠIROLMU EMILIANI
Saċerdot
1481 – 1537

Tagħrif: San Ġirolmu twieled f’Venezja, l-Italja, fl-1481. Meta kien għadu tifel, tilef lil missieru. Ommu rabbietu fil-biża’ t’Alla; iżda l-passjonijiet ħżiena fgaw iż-żerriegħa tajba. Ta’ ħmistax il-sena telaq mid-dar, u ma damx ma daħal suldat, fejn ittraskura u sar indifferenti għar-Reliġjon.

Ħa sehem fid-difiża ta’ Castelnuovo kontra l-lega ta’ Cambraj u waqa’ priġunier (1508). Fil-ħabs kienet tistennieh il-grazzja t’Alla; daħal fih innifsu u beda jaħseb fuq l-istat infeliċi ta’ ruħu. Malli ħeles mill-ħabs mar għamel pellegrinaġġ lill-Madonna ta’ Treviso, bi twettieq ta’ wegħda li kien għamel. Xi għaxar snin wara, meta kellu 25 sena, waqa’ priġunier.

Fil-fatt ħarab mill-ħabs, u tassew biddel ħajtu, u xtaq isir qassis. Waqt li kien jistudja kien ukoll isib ħin iżur il-morda, u jgħallem ir-reliġjon lit-tfal iltiema.

Fl-1518, meta kellu 37 sena sar qassis, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jieħu ħsieb it-tfal u jedukahom speċjalment lil dawk li kienu orfni jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom. Meta fl-1528 faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Venezja, ħa f’idejh l-isptar li kien twaqqaf minn San Gejtanu, u kont issibu kullimkien jgħin u jfarraġ.

Iżda l-iltiema kienu saru l-mimmi t’għajnejh. Kera dar għalihom u bl-għajnuna ta’ xi sekulari kien jieħu ħsiebhom għal kollox u jrabbihom hu. Fl-1531, mar Verona u hemmhekk bena sptar ieħor. Mar Brescia u bena orfanatrofju. Minn hemm mar Bergamo fejn bena żewġt orfanatrofji, wieħed għas-subien u l-ieħor għall-bniet, u hawn fetaħ ukoll dar għan-nisa u x-xebbiet li jkunu għaddejjin minn perjodu ħażin f’ħajjithom.

Żewġ qassisin oħra ngħaqdu miegħu għal dan ix-xogħol, Alessandro Besuzio u Agostino Bariso. Fl-1532, waqqaf Kongregazzjoni li l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb l-iltiema, il-morda u l-foqra. Il-membri tagħha kienu saċerdoti, li ġew imsejħin Somaski għax id-dar ċentrali tal-Kongregazzjoni kienet f’raħal żgħir, qrib Milan, jismu Somaska. Skont ir-regola tal-kongregazzjoni x-xogħol ewlieni tal-membri għandu jkun it-trobbija tal-iltiema u l-ħsieb tal-fqar u l-morda.

San Ġirolmu kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem ir-Reliġjon lit-tfal bil-Katekiżmu, f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

Il-qaddis miet ta’ 56 sena fit-8 ta’ Frar tal-1537, martri taż-żelu tiegħu: ittieħed Bergamo waqt li kien idur bil-morda u miet Somaska. San Ġirolmu ġie kanonizzat fl-1767 u għamluh Patrun tal-orfni u tat-tfal abbandunati fl-1928.

Ħsieb: Ladarba beda jivvjaġġa ‘l bogħod minn dik il-fortizza tal-ħabs, qatt ma waqaf jiġri! Huwa studja, ġie ordnat saċerdot, u vvjaġġa matul it-Tramuntana tal-Italja. Stabbilixxa orfanatrofji, sptarijiet, u djar għall-orfni, għat-tfal abbandunati, għal nisa f’diffikulta’, u għal nies imwarba ta’ kull tip. Waqt li eżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu f’Ewropa li nofsha għadha Protestanti, huwa kiteb l-ewwel katekiżmu f’forma ta’ mistoqsija u r-risposta. Bħal ħafna qaddisin, ħadem fuq li ħadem u deher qisu kien qiegħed kullimkien fl-istess ħin, ileħħaq ma’ kull opra tajba, u kien jieħu ħsieb lil kulħadd minbarra lilu nnifsu. Filwaqt li kien qed idur bil-morda, ġie infettat u miet martri għall-ġenerożità. Huwa kien, b’mod naturali, it-tip ta’ bniedem li attira bosta segwaċi li eventwalment iffurmaw fi Kongregazzjoni reliġjuża u rċevew approvazzjoni ekkleżjastika fl-1540.

Il-ħajja tiegħu kienet tiddependi fuq ħaġa waħda u hija lezzjoni għalina lkoll. Is-sofferenza emottiva, fiżika jew psikoloġika, meta tiġi maħkuma jew ikkontrollata, tista’ tkun preludju għall-gratitudni intensa u għall-ġenerożità kbira.

  • Ħadd ma jimxi fit-triq aktar ħieles minn dak li qabel kien ostaġġ.
  • Ħadd ma jgawdi sodda sabiħa u komda bħal xi ħadd li darba kien jorqod fit-toroq.
  • Ħadd ma jiġbed nifs ta’ arja friska ta’ filgħodu bħal xi ħadd li għadu kemm sema’ lit-tabib jgħidlu li l-kanċer m’għadux hemm.

Ġirolmu Emiliani qatt ma tilef il-gratitudni li mliet lil qalbu fil-mument tal-ħelsien tiegħu mill-ħabs. Kollox kien ġdid. Kulħadd kien żagħżugħ. Id-dinja kienet tiegħu. U hu seta’ jinvesti l-enerġija kollha tiegħu f’servizz lil Alla u lill-proxxmu għax issa kiseb il-liberta’.

Ħafna drabi l-ħajja tagħna tidher tieħu xi forma ta “priġunerija” bl-għan li teħlisna minn irbit fir-ruħ tagħna jew tkabbarna fil-ħajja tar-ruħ bħalma ppermetta l-Mulej fil-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum. Meta aħna “maqbuda” f’xi sitwazzjoni ma rridux nkunu fiha, fl-aħħar nitgħallmu kif nistgħu nilliberaw lill-oħrajn minn dak li jkun qed jassarhom.

Biex wieħed jimxi fuq il-passi ta’ San Ġirolmu Emiliani, jista’, jekk ikun possibli għalih/għaliha jiddeċiedi li jsir ġenitur ta’ trabi jew tfal orfni u abbandunati jew f’xi tip ta’ bżonn. Miljuni ta’ tfal jeħtieġu l-imħabba u l-kura ta’ familja li trabbihom, familja li forsi m’għandhomx! Ikkuntattja l-aġenziji tiegħek li joffru Servizzi ta’ dan it-tip lill-Familji jew lis-Sorijiet tal-Usrulini (The Ursuline Sisters of Saint Angela Merici) li jagħmlu din il-ħidma ma’ tfal fil-bżonn u dawn ikunu jistgħu jgħidulek modi differenti li jeżistu kien wieħed jista’ jikkontribwixxi.

San Ġirolmu Emiliani, int għelibt il-ħabs biex tgħix ħajja produttiva ddedikata lil Alla u lill-bnedmin. Għin b’talbek lil dawk kollha li jinsabu f’xi forma ta’ ħabs għax huma limitati b’xi mod – fiżikament, finanzjarjament, emozzjonalment, spiritwalment, jew psikoloġikament – biex jegħlbu dak li jorbothom u jgħixu ħajja mingħajr imrar iddedikata għall-persuni fil-bżonn ta’ kwalunkwe tip, speċjalment dawk li ma jafux lil Alla.

Ejjew nitolbu wkoll lil San Ġirolmu Emiliani, għat-tfal kollha abbandunati, neqsin mill-imħabba u/jew abbużati biex b’talbu jagħtihom persuni u ċirkustanzi li jimlewhom bil-kuraġġ, u fejn ikunu jistgħu jesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ dawk li jieħduhom fil-kura tagħhom. Nitolbuh jinterċedi għalina wkoll, li forsi ninsabu marbuta b’xi forma ta’ ktajjen li qed iżommuna milli ngħixu l-ħajja li Alla ħaseb għalina.

Tifhem in-neċessita’ li tgħin bil-mezzi li għandek lill-istituti tal-Karita’? Qiegħed tgħin?

Talba: O Alla, Missier ta’ kull ħniena, int ħadt ħsieb it-tfal iltiema u bgħattilhom lil San Ġirolmu Emiliani biex jieqaf magħhom u jkunilhom missier; bit-talb tiegħu, agħtina li nħarsu b’fedelta’ sħiħa l-Ispirtu ta’ adozzjoni, li bih nissejħu wliedek, u aħna tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-jerome-emiliani.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-jerome-emiliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gerolamo_Emiliani

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Jannar: San Ġwann Bosco

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Bosco

“Ġiebu quddiem Ġesù xi tfal ċkejknin biex imisshom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, qalilhom: Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna ta’ Alla. Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.” ~ Ġesu’ Mark 10:13-14; Mattew 18:5

don-bosco-square-notext2_16307588901_oSAN ĠWANN BOSCO
Saċerdot
1815 – 1888

Tagħrif: San Ġwann Bosco, wieħed mill-akbar ħbieb taż-żgħażagħ, twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Biex tkompli tagħqad, ta’ sentejn tilef lil missieru, iżda ommu, minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

F’awtobijografija li kiteb fuq talba tal-Papa Piju IX, S. Ġwann Bosco jgħid li meta kien għadu tfajjel ra f’ħolma ħafna tfal jilagħbu f’bitħa, li bdew jitkellmu ħażin u huwa beda jsawwathom biex iwaqqafhom; imbagħad raġel liebes l-abjad (li kien Ġesù) u sinjura sabiħa (il-Madonna) wrewh li huwa kellu jirbaħ lil dawn it-tfal bl-umiltà u l-ġentilezza.

Meta kellu sittax-il sena daħal il-Liċeo ta’ Chieri. Minkejja l-istudju li kellu, kien isib ħin biex jiġbed it-tfal tar-raħal tiegħu lejh, saħansitra kien jagħmlilhom kummiedji u bużullotti, biex wara, imbagħad jeħodhom il-knisja u jkellimhom fuq Ġesù.

Ċkejken għamilha ta’ ragħaj u mbagħad ta’ kamrier u ta’ ħajjat fil-belt ta’ Chieri. Il-ħin li kien jibqagħlu kien jiddedikah għall-istudju u l-qari tajjeb. Ta’ 20 sena daħal is-seminarju bl-għajnuna ta’ saċerdot li miġbud mill-imġiba eżemplari taż-żagħżugħ kisiblu post bla ħlas. Ġie ordnat saċerdot fl-1841, ta’ 26 sena.

Waqt li darba kien qed iżur ħabs ma’ Don Cafasso, kappillan tal-ħabsijiet, osserva b’niket kbir il-kundizzjoni miżera tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, u ddeċieda li jiddedika ħajtu għall-edukazzjoni ċivili u morali ta’ dawn l-imsejknin.

Jum minnhom (fit-8 ta’ Diċembru, 1841), waqt li kien qed jilbes għall-quddiesa, sema’ lis-sagristan ikeċċi tifel mill-knisja għax ma riedx jgħin fil-quddiesa. Sejjaħlu, għamel ħbieb miegħu, u din il-laqgħa maċ-ċkejken Bartolomeo Garelli kienet iż-żerriegħa tal-“oratorju” li hu waqqaf fil-knisja ta’ San Franġisk u mbagħad, wara ħafna taħbit u ġarr minn naħa għal oħra, f’Valdocco, fil-parti baxxa ta’ Turin (1846).

Fil-bidu l-oratorju kien ġa jgħodd seba’ mitt tifel. Ommu marret tgħix miegħu biex tgħinu u baqgħet miegħu l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjitha. It-tfal kienu jħobbu jsejħulha “Mamma Margherita”.

Fl-1872, bil-għajnuna ta’ Santa Marija Domenika Mazzarella, waqqaf ukoll il-Komunita’ tas-Sorijiet Salesjani biex jieħdu ħsieb it-tfajliet u għal-lajċi għamel it-tielet ordni ta’ Kooperaturi Salesjani.

San Ġwann Bosco kien ukoll kittieb prolifiku, u kiteb mhux biss kitbiet reliġjużi, imma wkoll kitbiet oħra biex jgħallem liż-żgħażagħ tiegħu u lill-poplu inġenerali. Beda l-famuża kollana Letture Cattoliche b’librett fuq xi suġġett partikulari kull xahar li kellha influwenza kbira fost il-poplu Taljan.

Kien ukoll imfittex għall-pariri u ġie kkonsultat minn Papiet, mexxejja tal-istat, Ministri tal-Gvern, eċċ. Kien ukoll medjatur bejn is-Santa Sede u l-Istat fi żminijiet diffiċli. Kien bniedem ta’ diplomazija kbira, organizzatur mill-aħjar, u mexxej mill-aqwa.

Lil sħabu kien jgħidilhom: “Qisu liż-żgħażagħ bħala wliedkom. Titilfux il-paċenzja magħhom. Ixbħu lil Ġesù li ħa tant paċenzja bl-appostli, bin-nuqqas ta’ manjieri tagħhom, bl-injoranza tagħhom, u wkoll bl-infedelta’ tagħhom. Hu tħallat mal-midinbin b’tant ħlewwa li għaġġeb lil xi wħud.”

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Don Bosco kien magħruf mad-dinja kollha. L-opra tiegħu bdiet tixtered mad-dinja kollha fejn il-missjunarji tiegħu Salesjani ħadu ħsieb skejjel, orfanatrofji, u kull xorta ta’ opra oħra għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Meta San Ġwann Bosco miet fil-31 ta’ Jannar 1888 fl-età ta’ 72 sena, is-soċjetà tas-Salesjani kellha diġà 250 dar mad-dinja kollha b’aktar minn 130,000 tifel, li minnhom kienu joħorġu 18,000 apprendist fis-sena.

Iddikjarah beatu u qaddis il-Papa Piju XI; l-għada tal-kanonizzazzjoni l-Gvern Taljan nedieha vaganza pubblika. Hu l-qaddis patrun tal-apprendisti. B’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu.

Ħsieb: Is-subien kienu jħossu mill-ewwel li San Ġwann Bosco kien iħobbhom. Kien jemmen fil-ħbiberija, fl-apprezzament tal-isforzi, kien iqanqal sens ta’ responsabbiltà u jwarrab okkażjonijiet ta’ diżubbidjenza – kollox fil-preżenza ta’ Alla kollu mħabba u ħniena. Qrar u Tqarbin ta’ spiss, tagħlim sod tal-katekiżmu u taħriġ fis-snajja’ manwali kienu parti mill-metodu Salesjan. Il-metodu tiegħu tal-edukazzjoni ma jafx b’kastigi.

“Kemm tista’ aħrab il-kastigi u fittex li tikseb l-imħabba qabel il-biża’ … Ma niftakarx li qatt għamilt użu mill-kastigi; bil-grazzja t’Alla dejjem ksibt, anki minn tfal li kienu jidhru refrettarji, mhux biss dak li d-dmir jitlob, imma wkoll dak li qalbi kienet tixtieq.”

Fl-istess ħin dejjem wissa lill-ġenituri kontra dik il-ħlewwa għamja u sensibbli lejn uliedhom li minnhom tagħmel ġugarell imħassar u mhux bniedem ta’ karattru.

Dan li ġej huwa parti minn qari mill-Ittri ta’ San Ġwann Bosco, bit-titlu ‘Dejjem ħabrikt minn qalbi’:

“Qabel xejn, jekk irridu nidhru kollna ħrara li t-tfal tagħna jkunu tassew hienja u nħajjruhom jaqdu dmirijiethom tajjeb, jenħtieġ li qatt ma tneħħu minn quddiem għajnejkom li intom qegħdin minflok il-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ għeżież li għalihom dejjem ħabrikt minn qalbi u tħabatt u qdejt dmirijieti ta’ qassis, u mhux jiena biss imma s-soċjetà Salesjana kollha.

Ma nistgħux ma nħaddmux xi setgħa fuqhom, imma ejjew inħarsu lejhom bħala wliedna, u nkunu fosthom qisna l-qaddejja tagħhom, bħal Ġesù, li ġie mhux biex jikkmanda imma biex jobdi; l-istess ħjiel ta’ setgħa jmissu jġagħalna nistħu; is-setgħa tagħna fuq it-tfal ma nħaddmuhiex jekk mhux biex naqduhom aħjar.

Huma wliedna, u għalhekk, meta nrażżnuhom jekk jonqsu, inreġġgħu lura l-korla kollha tagħna, jew għallinqas inberrduha tant li nkunu qisna warrabnieha għal kollox. Ma nkunux nies bi spirtu mħawwad, b’ħars ta’ tmaqdir f’għajnejna, bi kliem iniggeż f’fommna, imma nkunu nies li jħennu llum u jittamaw għall-quddiem, kif jixraq jagħmlu dawk li huma tassew missirijiet, kollhom ħeġġa biex jikkoreġu u jmexxu lil uliedhom tassew għall-aħjar.

U fiċ-ċirkustanzi l-aktar tqal, iżjed jaqbel li nitolbu lil Alla bil-ħniena u bl-umiltà, milli ninfexxu f’ħafna tpaċpiċ li mhux biss iriegħex lil min jisimgħu imma ma jkun ta’ ebda fejda għal min hu ħati”.

  • U inti kemm għandek paċenzja mal-oħrajn sakemm dawn forsi jitgħallmu u/jew jikbru?
  • Kemm taqdi b’umilta’ lil dawk ta’ madwarek?

Minn San Ġwann Bosco nitgħallmu li l-persuni ma jinbidlux meta takkużahom, tiġġudikom u tikkundannahom. Anzi b’attitudni ta’ dan it-tip aktar se tbegħdhom minnek. Il-persuni jibdew jinbidlu bil-mod il-mod bl-imħabba, bil-paċenzja, bis-sabar, bil-ħniena, bil-ħlewwa, b’kelma tajba f’waqtha u tinsiex b’ħafna talb u eżempju tajjeb.

Talba: O Alla, li erfajt lil San Ġwann Bosco, il-konfessur tiegħek, biex ikun missier u għalliem taż-żgħażagħ, u permezz tiegħu, bl-għajnuna tal-Verġni Marija, waqqaft familji ġodda fil-knisja tiegħek, nitolbuk bil-ħerqa, mimlijin bl-istess nar ta’ mħabba, nirbħu l-erwieħ u naqdu lilek biss. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-31-saint-john-bosco-priest/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-bosco-133

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Bosco

Film on the life of Saint John Bosco:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.