17 ta’ Lulju: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

Verżjoni Vidjo: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

“Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla.” ~ Il-Beata Julia Louise (waħda mill-martri)

7_17_Blessed_Martyrs_Compiegne-e1531805914678BEATA TEREŻA TA’ SANTU WISTIN U SĦABHA
Verġni u Martri
†1794

Tagħrif: Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-16-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma tas-sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja.

Fl-24 ta’ Ġunju, 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ tal-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom f’idejn Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla.

Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuża, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija.

Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża fi jdejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.

Ħsieb: Ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet fl-1789. Is-sorjijiet ta’ Compiegne, ġew iddikjarati lajċi: ma jistgħux jilbsu ta’ sorijiet, il-proprjetà tagħhom ġiet sekwestrata u ġew mkeċċijin mill-kunvent. Inqasmu f’erba’ gruppi u alloġġjati f’dar għal kull grupp, qrib il-Knisja ta’ Sant’Antnin. Għexu kif setgħu r-regola u l-ħajja flimkien.

Fl-1794, is-sorijiet ġew arrestati u meħudin f’Pariġi u ttrattati b’mod brutali u oxxen, neżżgħuhom mill-ilbies tagħhom u libbsuhom biċċa xkora. Ħaduhom quddiem tliet imħallfin u l-prosekutur kien Fouquier Thinvile. Ma tħallewx li jkollhom min jiddefendihom.

Ġew akkużati li kienu fanatiċi. L-akkużi kienu kollha bla provi u infantili. Swor Marie-Henrietta staqsietu x’ried jgħid biha l-kelma “fanatiċi”. Fouquier Thinville wieġeb: “Moħħkom ta’ tfal temmnu fil-ħmerijiet u għandkom użanzi redikoli.” Daħlet ħdejn sħabha u qaltilhom: “Qed tisimgħuh, għax qed ngħixu r-Reliġjon Nisranija, għandna x-xorti li ser immutu għal Alla.”

Rikkbuhom fuq karrettun għal post fejn kellhom jirċievu l-giljottina, fost it-tgħajjir u ż-żuffjett tan-nies. Matul il-vjaġġ li ħa aktar minn siegħa, is-sorijiet kantaw is-Salm 51 (Miserere), is-Salve Reġina, it-Te Deum u talb tal-agonizzanti.

L-imġiba tagħhom għaġġbet kemm lin-nies u l-uffiċjali li kienu miġburin hemmhekk jarawhom telgħin waħda wara l-oħra, jitolbu għal fuq il-ġatiblu tal-forka. Telgħu u bdew miż-żgħira l-ewwel u s-superjura l-aħħar. Kienu 16-il soru. Il-ġisem tagħhom ġie mitfugħ mill-ewwel ġo fossa flimkien mal-1282 martri oħra, kollha vittmi tat-terrur.

Dawn in-nisa kienu:

  • Il-prijura, Swor M. Tereża Madaleine Ladoine li kellha 42 sena, karattru ħelu, fuq tagħha, edukata ħafna u mara mżejna b’kull virtù.
  • Is-sotto prijura, Swor Sanit-Louis (Mary Anne Brideau), mara ta’ fommha sieket u kienet metikuluża ħafna fil-qadi ta’ dmirijietha u r-regola.
  • Il-Beata Charlotte (Mary Anne Thouret) li meta kienet tifla qatt ma kellha l-idea li tidħol soru. Ta’ 20 sena sabet ruħha f’inċident li ma nafux x’kien, li kien kaġun li daħlet soru. Batiet ħafna waqt in-novizzjat.
  • Il-Beata Euphrasia (Mary Claude Brard), mara li ma kellhiex kwiet f’ġisimha, fuq tagħha, kellha temperament eċċessiv, li minn naħa kienet eċċessiva fil-penitenzi li kienet tagħmel u min-naħa l-oħra biċ-ċajt li kienet tgħid man-nies tal-familji rjali li kienu jiġu jżurha. Kienet tinqala’ ħafna biex tikteb l-ittri.
  • Il-Beata Henrietta (Gabrielle de Croissy), kienet in-neputija tal-ministru tar-Re Colbert.
  • Il-Beata Julia Louise li kienet romlot, ir-raġel tagħha miet wara ftit żmien taż-żwieġ. Damet ħafna biex taddatta ruħha għall-ħajja tal-kunvent. Waħda mis-sentenzi li kitbet tista’ tiġi applikata għall-oħrajn li jiġu jew ġew quddiem it-tbatijiet u l-persekuzzjoni: “Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla.”
  • Il-Beata Mary Henrietta (Annette Pelras) li għall-mistoqsija li għamlet lil Fouquier Thinville, x’ried ifisser bil-kelma “fanatiċi” ġabet fuqha u fuq sħabha l-kundanna tal-mewt.
  • Iż-żewġ Beati Catherine u Tereża Soiron, li kienu sorijiet li jagħmlu l-qadi kollu. Tereża kienet mara sabiħa u rrifjutat post mal-Prinċipessa de Lamballe.

Waħda minn dawn is-16 kienet taħt it-30 sena, l-akbar waħda kellha 78 sena.

  • U int, x’lesta ssofri bi mħabba għal Kristu?

Talba: O Mulej, il-Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha, laqgħu bil-qalb is-sejħa tiegħek biex jaqdu l-missjoni tagħhom bħala Karmelitani Tereżjani umbagħad mietu martri b’kant ta’ tifħir lejk fuq fommhom, agħtina li għat-talb tagħhom, aħna naqdu r-rwol tagħna fil-Knisja llum b’ġenerożità, b’impenn nisrani u b’kuraġġ quddiem kull ostaklu li naffaċċjaw. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://carmelitesisters.ie/blessed-teresa-of-st-augustine-and-her-companions/

Alternative Reading: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-teresa-st-augustine-and-companions-ocd-virgins-and-martyrs-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Compi%C3%A8gne

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Lulju: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

“Ifirħu wkoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 1: 6-7.

DAS-MARTYRIUM-DER-MOeNCHE-VON-GORKUM_74-IV_69231.jpgSAN ĠWANN MINN KOLONJA U SĦABU
Martri ta’ Gorcum
? – 1572

Tagħrif: Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.

Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.

Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.

Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.

Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-viżti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.

Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.

Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.

Ħsieb: Kien fix-xahar ta’ Ġunju tal-1572, li l-Kalvinisti ħakmu f’idejhom il-belt ta’ Gorcum fl-Olanda. Qabdu lil dawn l-insara li semmejna li kienu joqgħodu f’dik il-belt, u bdew jeħduhom minn raħal għal ieħor u jwaqqgħuhom għaż-żufjett quddiem in-nies kollha tal-pajjiż. Qafluhom imbagħad fil-ħabs ta’ Brielle u hemm tawhom kull għamla ta’ tortura biex iġagħluhom jiċħdu l-fidi Kattolika fl-Ewkaristija u fil-primat tal-Papa. Damu mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Għalxejn ipprova jaqbeż għalihom William of Orange, għaliex xorta l-kmandant Watergerzen ħareġ il-mandatt li wara torturi mill-aktar ħarxa jmorru għall-forka. Huma baqgħu sħaħ fi twemminhom u għażlu li jieħdu l-martirju. Fost dawn il-martri tal-Olanda, insibu lid-Daniż San Wilhad ta’ 90 sena, l-ixjaħ wieħed fosthom.

It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017, fl-omelija tiegħu mid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Il-Knisja hi magħmula minn poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju. Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.

Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi l-glorja tal-Knisja, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.

L-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom. Nazzarda ngħid, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.

Kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur. Jien nitlobkom biex toffru quddies għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu.”

  • U int, titlob għall-insara ppersegwitati madwar id-dinja li lanqas jissemmew fl-aħbarijiet?
  • Lest/a li jwaqqgħuk għaż-żufjett filwaqt li inti tibqa’ tistqarr il-fidi tiegħek fi Kristu u fil-Knisja li hu waqqaf?

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi Kattolika l-popli tal-Olanda u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann minn Kolonja u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/martyrs-of-gorkum.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/the-19-martyrs-of-gorkum

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Gorkum

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpgSAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Mejju: San Ġwann Houghton u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Houghton u sħabu

“Min irid isalva ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.” – Ġesù f’Mattew 16:25.

220px-John_HoughtonSAN ĠWANN HOUGHTON u sħabu martri
†1535

Tagħrif: San Ġwann Houghton kien Ingliż, minn Essex. Kien il-prijur taċ-Ċertosini ta’ Londra. Għax ħadha kontra r-Re Henry VIII, meta dan għamel lilu nnifsu l-kap tal-knisja fl-Ingilterra, ġie mgħallaq flimkien ma’ tlieta oħra (Santu Wistin Webster u San Robertu Lawrence, Ċertosini bħalu u San Rikardu Reynolds, patri ta’ Santa Briġida) f’Tyburn, Londra, fl-4 ta’ Mejju, 1535.

Dawn kienu l-ewwel martri tal-persekuzzjoni protestanta fl-Ingilterra. Meta kienu sejrin għall-martirju, San Tumas Moore rahom mit-tieqa tal-ħabs, hu miet ukoll martri ftit aktar minn xahrejn wara, u qal li kienu sejrin għall-mewt “ferħanin daqs l-għarajjes għat-tieġ tagħhom.”

Il-Beatu Papa Pawlu VI, ikkanonizzahom flimkien ma’ 36 martri oħra, Ingliżi u minn Wales, fil-21 ta’ Ġunju, 1970.

Is-36 martri l-oħra huma: it-tliet benedittini Alban Roe, Ambrose Barlow u John Roberts; l-10 Ġiżwiti, Edmund Campion, Robert Southwell, Alexander Bryant, David Lewis, Edmund Arrowsmith, Henry Morse, Henry Walpole, Nicholas Owen (Brother), Philip Evans u Thomas Garnet; iż-żewġ Franġiskani John Jones (osservant minn Wales) u John Wall (Rikollett); l-Agostinjan John Stone ta’ Canterbury; it-13-il qassis Djoċesan: John Southworth ta’ Westminster, Cuthberth Mayne, Edmund Genings, Eustace White, John Almond, John Baste, John Kemble, John Lloyd minn Wales, John Payne, John Plessington, Luke Kirby, Polydore Plasden u Ralph Sherwin; u s-seba’ lajċi, l-irġiel Philip Howard, Konti ta’ Arundel, Swithun Wells, John Rigby u Richard Gwynn minn Wales, u n-nisa Margaret Clitherow ta’ York, Anne Line u Margaret Ward. Flimkien magħrufin bħala l-40 martri tal-Ingilterra u ta’ Wales. Barra minn dawn l-40 mietu mijiet ta’ martri oħra fl-Ingilterra u Wales, li bosta minnhom huma wkoll beati.

Ħsieb:Min irid isalva ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mattew 16:25). Nistgħu nifhmuha anki fi ħwejjeġ żgħar ta’ ħajjitna: meta ninsa lili nnifsi biex naqdi bil-qalb lil xi ħadd, inġarrab ċerta paċi u ferħ. “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35). U l-esperjenza turina kemm hu minnu dan, meta ħabbejna bis-serjetà. Iktar ma jkun kbir is-sagrifiċċju biex naqdi, iktar ikun il-ferħ li nġarrab. (Fr. Harry Formosa, Sibt ’l Alla fid-Deżert)

Ġesù hu l-mudell per eċċellenza tal-ogħla mħabba: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” Din l-imħabba li Ġesù wera magħna; u jistenna li fir-relazzjoni tagħna miegħu nkunu mmotivati minn din l-istess kwalità ta’ mħabba. Ġesù ma jridx li nagħmlu l-affarijiet tajba biex sempliċiment inkunu għamilniehom, bħal per eżempju nattendu għall-quddiesa biex sempliċiment inkunu attendejna għaliha. Le, imma jrid li nattendu għall-quddies, nitqarbnu, nitolbu, nagħmlu karità, u kull att tajjeb ieħor, imqanqlin mill-imħabba tal-ħbiberija tagħna miegħu. Fil-Vanġelu Ġesù jsejħilna ħbieb. Li hu ħabibna hu privileġġ, unur u ta’ fejda mill-ikbar għalina. Jalla aħna nagħrfu nżommu ’l Ġesù bħala l-ikbar ħabib tagħna. (Dun Anton Sammut)

It-Tnejn 14 ta’ Mejju, 2018, fl-omelija tiegħu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“Bħala destin aħna rċevejna l-imħabba ta’ Ġesù. Din ma kinitx kumbinazzjoni għax il-vokazzjoni tagħna hi propju li nibqgħu ħbieb ta’ Ġesù. Aħna rċevejna dar-rigal bħala ‘destin’; il-ħbiberija ma’ Ġesù, din hi l-vokazzjoni tagħna, li ngħixu ħbieb ta’ Ġesù. L-Appostli kienu rċevew dar-rigal huma wkoll, aktar qawwi, imma l-istess bħal tagħna. Aħna l-insara lkoll irċevejna dar-rigal: li naslu sal-qalb ta’ Ġesù, għall-ħbiberija miegħu. Hu rigal li l-Mulej dejjem iħarsu għax hu fidil.

Però ħafna drabi aħna m’aħniex fidili, nitbiegħedu bi dnubietna, bil-kapriċċi tagħna. Iżda hu jibqa’ fidil lejn dil-ħbiberija. Fil-Vanġelu, Ġesù ma jsejħilniex aktar ‘qaddejja’ imma ‘ħbieb’. Dan Hu ma jinsiehx għax Hu fidil. Saħansitra ma’ Ġuda, għax l-aħħar kelma li jgħidlu qabel it-tradiment hi propju ‘ħabib’, ma jgħidlux ‘itlaq’l hemm.’

Ġuda mar ifittex id-destin ġdid tiegħu li hu għażel liberament, tbiegħed minn Ġesù. Din hi l-apostasija (iċ-ċaħda): li nitbiegħedu minn Ġesù. Ħabib li jsir għadu jew ħabib li jsir indifferenti jew li jsir traditur.

Minflok Ġuda jintgħażel Mattija, biex ikun xhud tar-Riżurrezzjoni, xhud ta’ din l-imħabba. Il-ħabib, hu dak li jafda s-sigrieti tiegħu mal-ieħor. “Sejjaħtilkom ħbieb għax dak li smajt mingħand Missieri għarraftu lilkom ukoll”, jgħid Ġesù fil-Vanġelu. Għalhekk din hi ħbiberija li rċevejna bħala destin tagħna bħalma kienu rċevewha Ġuda u Mattija.

Naħsbu ftit f’dan: Hu qatt ma jiċħad dar-rigal, jibqa’ jistenniena sal-aħħar. U meta aħna, minħabba d-dgħufija tagħna nitbegħedu minnu, Hu jibqa’ jistenna. Hu jkompli jgħid:

  • Ħabib, għadni nistennik.
  • Ħabib, xi trid?
  • Ħabib għaliex tittradini b’bewsa?

Hu fidil u aħna għandna dejjem nibqgħu nitolbuh il-grazzja li nibqgħu f’imħabbtu, nibqgħu fil-ħbiberija tiegħu, dik il-ħbiberija li aħna rċevejna bħala rigal mingħandu”.

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi kattolika l-popli kollha u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann Houghton u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://catholicismpure.wordpress.com/2011/05/09/st-john-houghton-and-the-carthusian-martyrs/

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=27894&cid=54101&ecid=54101&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Houghton_(martyr)

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ April: Beatu Nikol Roland

Verżjoni Vidjo: Beatu Nikol Roland

“Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” – Ġesù f’Mark 10:14-16

065-Nicolas-ROLANDBEATU NIKOL ROLAND
Reliġjuż
1642 – 1678

Tagħrif: Twieled f’Reims – l-istess belt li fiha twieled San Ġwann Battista de la Salle, fl-1642. Ordna saċerdot fl-1665.

Il-predikazzjoni, il-formazzjoni Nisranija taż-żgħażagħ, u b’mod speċjali tal-kleru, kienu wisq għal qalbu. Intebaħ bil-miżerja kemm temporali kif ukoll spiritwali taż-żgħażagħ u għalhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Bambin Ġesù, iddedikati għall-edukazzjoni Nisranija tal-bniet fqar ta’ Reims.

Nikol kien kanonku, flimkien ma’ San Ġwann Battista de la Salle (ara San Ġwann Battista de la Salle), tal-Katedral ta’ Reims, u kien ukoll id-direttur spiritwali ta’ Ġwanni de la Salle. Kien hu li ggwidah u ħeġġu biex jirċievi d-djakonat u jkompli biex jilħaq saċerdot. Bejn Roland u Ġwanni kien hemm differenza ta’ 11-il sena.

Meta Roland beda jħoss l-għejja, talab lil Ġwanni de la Salle biex ikun l-eżekutur tat-testment tiegħu, u fdalu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb u jiggwida l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet li kien waqqaf. Roland miet ta’ 35 sena fis-27 ta’ April, 1678.

Kien sena wara li Adrien Nyel, ma’ żagħżugħ ieħor Christof, mar jiltaqa’ ma’ San Ġwann Battista de la Salle biex jitolbu jgħinu ħalli jwaqqaf skola għas-subien. Kien hawn li Alla wrieh ix-xewqa li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tas-subien fqar. Ġwann Battista De La Salle kellu allura 27 sena.

Ħsieb: Il-Malti jgħid: ‘Kappell ma jmejjilx lill-ieħor’ u nistgħu ngħidu li fl-istejjer tal-qaddisin, spiss ninnutaw li l-Mulej ilaqqa’ l-qaddisin flimkien tul il-vjaġġ tagħhom fid-dinja biex dawn ikunu ta’ għajnuna, sapport, gwida, kuraġġ u appoġġ lil xulxin fil-missjonijiet fdati lilhom mis-Sema. L-eżempju li għandna llum huwa tal-Beatu Nikol Roland u San Ġwann Battista de la Salle.

Il-Mulej dejjem jibagħtilna persuna jew persuni f’ħajjitna li xi kultant ipattu għan-nuqqasijiet ta’ persuni oħra li sippost kellhom ikunu ta’ għajnuna u għal xi raġuni jew oħra, ma kienux. U għal dawk li forsi ma kellhomx lanqas persuna waħda li setgħet tgħaddilhom kelma tajba, parir qaddis, tgħallimhom dwar l-imħabba t’Alla għalihom u ddewwaqhom xi ftit minn din l-imħabba, il-Mulej tana bosta tagħlim fil-kitbiet u l-ħajjiet tal-qaddisin. Għal min jinteressah u jfittex li jsir jaf dwar Alla u kif nistgħu ngħixu fil-prattika t-tagħlim tiegħu u tal-Knisja Kattolika li waqqaf Hu, jista’ jiddedika ħin apposta u jaqra dwar il-ħajjiet tal-qaddisin.

Infatti diversi qaddisin sabu l-ispirazzjoni tagħhom fil-qari tal-ħajjiet ta’ qaddisin oħra. Huma sabu fl-eżempju tagħhom mudell għal ħajjithom u tqanqlu bil-bosta biex jimitawhom. Nistgħu nibqgħu fi xtutna u nagħtu l-eżempju ta’ San Ġorg Preca li kellu mħabba speċjali lejn il-qaddisin li kien iħares lejhom bħala veri ħbieb ta’ Alla. Kien iħobb jirrakomanda l-qari tal-ħajja tagħhom għax minnhom wieħed jikseb ġid spiritwali kbir. Ħalla miktub: “Aqraw ħajjiet il-qaddisin, u f’qasir żmien jitnissel fikom l-ispirtu ta’ Kristu. Dal-qari jqawwikom fil-fidi, iħeġġiġkom għat-taħriġ tal-virtù u jqanqalkom biex f’kollox tirrikorru lejhom, tant huma setgħana quddiem Alla.” (Is-Sinagoga l-Ġdida, n. 9).

Lejn xi wħud minnhom Dun Ġorġ Preca wera wkoll imħabba speċjali, u ried li l-ħajja tagħhom tkun magħrufa sewwa mill-membri tal-għaqda tiegħu għall-imitazzjoni. Fost dawn hemm San Franġisk ta’ Assisi, li mhux biss daħħlu fil-Litanija tal-Qaddisin fil-ktieb ta’ l-Arloġġ Museumin, imma wkoll għażlu bħala l-Qaddis Protettur tal-virtù tal-Faqar.

  • U int, kemm tħalli l-ħajjiet u t-tagħlim tal-qaddisin ikunu ta’ ispirazzjoni u mudell għal ħajtek?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a preferit/a tiegħek li tixtieq timita u żżomm bħala l-patrun/a tiegħek jew il-kumpann/a tal-vjaġġ ta’ ruħek?
  • Kemm titlob l-interċessjoni tal-qaddisin, b’mod speċjali meta tkun fi żmien tal-akbar bżonn?

Talba: O Alla, inti żejjint lis-saċerdot Beatu Nikol Roland, b’żelu pastorali għat-taħriġ tal-kleru u b’edukazzjoni taż-żgħażagħ fqar. Bl-eżempju u bl-interċessjoni tiegħu, agħtina l-istess spirtu ta’ karità, sabiex naqduk billi ngħinu lil dawk li inti tħobb. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nicolas-roland/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/27-April-B.-NICOLAS-ROLAND.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicolas_Roland

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Marzu: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħall-kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.” –Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ċirillu ta’ Ġerusalemm (Danjel 12:3).

St-Cyril-Apostle-to-the-SlavsSAN ĊIRILLU TA’ ĠERUSALEMM
Isqof u Duttur tal-Knisja
315 – 386

Tagħrif: San Ċirillu twieled fis-sena 315 minn ġenituri nsara, u ġie edukat f’Ġerusalemm. Ġie ordnat saċerdot minn San Massimu, l-Isqof ta’ Ġerusalemm. Kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem u jipprepara l-katekumeni għall-magħmudija.

Meta San Massimu miet, Ċirillu laħaq floku fis-sena 349, fi żmien meta l-Knisja kellha tħabbat wiċċha bil-kbir ma’ l-ereżija ta’ Arju, li Ċirillu kkumbatta b’ħiltu kollha.

Fis-sena 357, ġie mkeċċi minn Ġerusalemm minn Akaċju, l-Arċisqof Metropolitan ta’ Ċesarija li kien Arjan, u mar f’Tarsus. Iżda sentejn wara, il-Kunsill ta’ Selewkja ġabu lura f’Ġerusalemm. Fis-sena 360, Akaċju reġa’ keċċieh bl-għajnuna tal-Imperatur Kostanzu, iżda sena wara ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Ġuljanu (li ‘l quddiem ġie msejjaħ l-“Apostata”), li kien laħaq flok Kostanzu.

San Ċirillu ra l-attentat ta’ Ġuljanu l-Apostata jisfaxxa fix-xejn meta bi sfida għall-kliem ta’ Ġesù ried jerġa’ jibni t-tempju ta’ Ġerusalemm.

Għat-tielet darba, Ċirillu ġie mkeċċi minn Ġerusalemm. Din id-darba mill-Imperatur Arjan Valent fis-sena 367. Ħdax-il sena wara, ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Teodosju, fejn baqa’ sakemm miet fil-paċi, tmien snin wara, fit-18 ta’ Marzu, 386.

Fis-sena 381, attenda l-Konċilju ta’ Kostantinopli, fejn aċċetta l-verżjoni sħiħa tal-Kredu ta’ Niċea.

Ħsieb: Ċirillu jidher li twieled fi żmien meta kien qed jibda żmien ġdid għall-insara għax Kostantinu l-Kbir ta l-libertà lill-Knisja. Hekk kif sar saċerdot, l-isqof tiegħu Massimu tah l-inkarigu li jipprietka fir-Randan lil dawk li qed jitħejjew għall-magħmudija, u fi żmien il-Għid lil dawk li jkunu tgħammdu ġodda. Huwa qeda dan id-dmir b’effett kbir, mhux tant mill-elokwenza tiegħu daqskemm mill-eżempju billi ħajtu kienet taqbel perfettament ma’ dak li kien jipprietka.

Ċirillu kellu dik il-ħabta madwar 34 sena. Hu kellu jġarrab ħafna persekuzzjonijiet minħabba li kien difensur qalbieni tat-twemmin kattoliku kif definit mill-Konċilju ta’ Niċea (325), kontra l-Arjani li kienu jiċħdu d-divinità ta’ Kristu.

Ċirillu kien imkeċċi mis-sede ta’ Ġerusalemm minn Akaċju, isqof Arjan ta’ Ċesarea, li kien jgħid li kellu ġurisdizzjoni fuq Ġerusalemm. Dan Akaċju laqqa’ sinodu Arjan biex jikkundanna lil Ċirillu fuq il-pretest li dan l-isqof qaddis kien biegħ oġġetti tal-Knisja biex jgħin lill-foqra bil-ġuħ; imma fil-verità kkundannah għax kien jopponi l-Arjaniżmu.

Fis-sena ta’ wara (379), il-Konċilju ta’ Antjokja bagħat lil San Girgor ta’ Nissa fil-Palestina biex jinvestiga akkużi li qalgħu kontra San Ċirillu, fosthom li hu ma kienx ordnat isqof b’mod regolari u li hu ma kienx konformi mal-Konċilju ta’ Niċea. San Girgor ta’ Nissa, wara eżami bir-reqqa, irraporta lura lill-Konċilju li s-sede ta’ Ġerusalemm kienet imħabbta mill-partiti u l-Arjaniżmu, imma l-fidi tagħha u dik ta’ Ċirillu kienu ortodossi (jiġifieri jaqblu mal-fidi vera kattolika).

San Ċirillu għex ħajja ta’ sofferenzi għall-kawża tas-sewwa. Hu kkalkolat li dan l-isqof qaddis għamel b’kollox sittax-il sena fl-eżilju. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm huwa l-awtur tal-famuż Catecheses, sensiela profonda, u fl-istess ħin sempliċi, ta’ erbgħa u għoxrin prietka fuq il-Kredu, il-Missierna u s-sagramenti tal-Għid. Din l-opra kitibha meta hu kien għadu sempliċi saċerdot, għall-ħabta tas-sena 347. Din tiegħu hija waħda mill-opri l-aktar prezzjużi tal-antikità.

  • U int, tibqa’ sod/soda fit-twemmin tiegħek meta tiġi affaċċjat ma’ kull xorta ta’ kuntrarju, meta jwarrbuk u jikkundannawk inġustament?
  • Tpoġġi t-tama tiegħek kollha f’Alla f’kull mument ta’ ħajtek?
  • Kemm tirsisti biex tibqa’ xxandar is-sewwa bla biża’ bil-kliem, forsi bil-kitba, imma b’mod speċjali bl-eżempju ta’ ħajtek?

Talba: O Alla, permezz tal-isqof San Ċirillu inti tajt għajnuna tal-għaġeb lill-Knisja tiegħek biex tifhem aħjar il-misteru tas-salvazzjoni; agħmel li, bit-talb tiegħu, aħna nagħrfu dejjem iżjed lil Ibnek biex ikollna l-ħajja bil-kotra. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-cyril-of-jerusalem.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cyril-of-jerusalem/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb hu huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Marzu: Beatu Pietru Rene Roque

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Rene Roque

“Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.” – Ġesù f’Mattew 16:25

pedro renato rogue. seton basilicaBEATU PIETRU RENE ROQUE
Saċerdot
1758 – 1796

Tagħrif: Kien saċerdot minn Vannes u twieled fl-1758. Kien l-uniku wild fil-familja, u missieru miet ftit wara li twieled hu, waqt li kien ġej lura minn xogħol fuq negozju, għalhekk qatt ma ra lil Pietru.

Kien ta’ saħħa fraġli ħafna u bniedem ta’ statura żgħira u dgħajfa.

Ġie ordnat saċerdot fl-1782 u sar il-kappillan tas-sorijiet “Dames de la Retracte” (Xebbiet tal-Irtir). Iżda wara erba’ snin mar Pariġi u daħal fil-kongregazzjoni tal-Lazaristi, magħrufin bħala l-kongregazzjoni tal-missjoni ta’ San Vinċenz de Paul.

Hu kien għadu ma temmx in-novizzjat, li s-superjuri bagħtuh bħala professur tat-teoloġija fil-belt ta’ Vannes, art twelidu. Kien fiż-żmien li kien Vannes li faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża u hawn wera eroiżmu biex iwettaq kull xorta ta’ appostolat.

Fl-1791, irrifjuta li jieħu l-Ġurament Kostituzzjonali tar-Reġim Rivoluzzjonarju. Fuq l-eżempju tiegħu, ħafna saċerdoti li kienu ddeċidew li jieħdu dan il-ġurament, irrifjutawh ukoll. Meta s-sitwazzjoni saret iżjed ħarxa u l-għassa kienet iżjed intensa beda jmur iqaddes fid-djar privati u jkompli l-appostolat tiegħu klandestinament. Iżjed ’il quddiem kellu saħansitra jbiddel ismu.

Fl-lejlet il-Milied tal-1795, mar jieħu l-vjatku lil xi morda u wieħed eretiku kixfu, ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs. Waqt li kien il-ħabs kiteb artiklu bħala difiża tal-Knisja Kattolika u kien iwettaq appostolat fost il-ħabsin.

Meta ġie mogħti s-sentenza tal-mewt niżel għarkupptejh, talab lil Alla u ġie mogħti l-giljottina. Kien l-1 ta’ Marzu, 1796. Ġie bbeatifikat fl-10 ta’ Mejju, 1934. Ir-relikwi tiegħu huma meqjuma f’ Vannes.

Ħsieb: Ir-rakkont jgħid hekk: Fit-3 ta’ Marzu, 1796, is-saċerdot Pietru Rene Roque kien meħud mill-ħabs fejn kien miżmum f’lejliet il-Milied ta’ qabel, meta kien ġie arrestat minħabba l-akkuża li ħa l-Vjatku lil raġel marid f’Vannes, Franza. Ir-Rivoluzzjonarji damu ħafna jippruvaw jikkonvinċuh ħalli jbidlulu fehemtu u jġegħluh jaġġorna ruħu għall-bdil taż-żminijiet, u jaddatta ruħu għar-riti ta’ qima li kienu ġew adottati mill-awtoritajiet rivoluzzjonarji, iżda Fr Roque (li kien magħmul ċkejken tant li kien magħruf bħala le petit prete min-nies tal-lokal) żamm sod fil-fidi tiegħu.

Qabel l-eżekuzzjoni, il-kullar Ruman tiegħu ġie maqtugħ, rasu ġiet imqaxxra u għalhekk ma kien għad fadallu l-ebda sinjal tas-saċerdozju tiegħu, u jdejh ġew marbuta wara dahru. Fit-triq lejn il-giljottina, beda jkanta kanzunetta ta’ tifħir li kien kiteb fil-ħabs, u rnexxielu jagħti l-arloġġ tiegħu lill-bniedem li kien ittradih. Ommu kienet preżenti waqt il-proċess kollu, fejn kienet abbużata b’mod orribli mir-Rivoluzzjonarji li bdew jgħajtu magħha u jgħidulha, “Int rabbejt monstru!” Kienet ukoll preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ binha, li kienet ser tiġi mwettqa minn wieħed mill-istudenti preċedenti tiegħu.

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete Et Exsultate “Ifirħu u Thennew” Tal-Qdusija Tiegħu Franġisku dwar ‘Is-Sejħa għall-Qdusija fid-Dinja tal-Lum’ insibu dan li ġej:

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.”

90. Ġesù nnifsu jisħaq li din il-mixja hi kontra l-kurrent sal-punt li tagħmel minna persuni li b’ħajjithom stess jisfidaw lis-soċjetà, persuni li jagħtu fastidju. Ġesù jfakkar kemm nies huma ppersegwitati u ġew ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax għexu l-impenji li ħadu ma’ Alla u mal-oħrajn. Jekk ma nixtiqux li nispiċċaw mgħarrqa f’medjokrità mudlama, ejja ma nippretendux li jkollna ħajja komda, għax “min irid isalva ħajtu, jitlifha.” (Mattew 16:25).

91. Biex ngħixu l-Evanġelju, ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwarna jkun favurina, għax ħafna drabi l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi tad-dinja jkunu qed jilagħbu kontrina. San Ġwanni Pawlu II qal li “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”. F’soċjetà aljenata bħal din, maqbuda f’orkestrazzjoni politika, medjatika, ekonomika, kulturali u saħansitra reliġjuża li xxekkel l-iżvilupp awtentiku uman u soċjali, il-ħajja tal-Beatitudnijiet issir diffiċli u tista’ wkoll tidher f’dawl ikrah, ta’ suspett, u tiġi mwaqqgħa għaż-żufjett.

94. Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz. Ġesù jgħid li jkun hemm il-ferħ meta “jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija” (Mattew 5:11). Drabi oħra jkun żebliħ li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh. Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Evanġelju minkejja l-problemi li toħolqilna, din hi l-qdusija.”

  • U int, qed tmur kontra l-kurrent minħabba Kristu u l-fidi Kattolika Rumana tiegħek?
  • Qed tibqa’ sod/a fl-istqarrija tal-fidi u fix-xhieda tiegħek ta’ veru nisrani/ja, kull darba li tiltaqa’ ma’ kull forma ta’ kuntrarju, gideb u insulti?
  • Filwaqt li inti miexi/ja fid-dawl ta’ Kristu u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika, x’inhu l-aktar importanti għalik: kif qed jarak Alla jew kif qed jiġġudikak il-bniedem?

Lil omm il-Beatu Pietru Rene Roque, qalulha li ‘rabbiet monstru’, mentri fir-realtà din l-omm kellha l-unur li tgħid li binha miet martri għal Kristu u l-Knisja niżżlitu mal-lista tal-Beati! Hu lanqas ma miet iddisprat, għax fi triqtu lejn il-giljottina, esprima l-ferħ tiegħu billi beda jkanta tifħir lil Alla! Kemm għandna x’nitgħallmu mill-qaddisin!

Talba: O Beatu Pietru Rene Roque, Patrun tal-morda, itfa’ l-ħarsa tiegħek fuq dawk li jinsabu fuq is-sodda ta’ tbatijiethom. Issa li inti tinsab fis-sema, u li għandek qawwa kbira quddiem Alla, idħol għalina b’talbek, ħalli aħna wkoll niksbu s-saħħa f’ġisimna u b’mod speċjali f’ruħna ħalli nkomplu nagħtu xhieda għal Kristu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna kif għamilt int. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=375

Alternative Reading: http://ierardineto.blogspot.com/2016/09/pedro-renato-rogue-sacerdote-martir-da.html

or

http://wdtprs.com/blog/2016/05/ask-father-should-i-say-amen-if-the-priest-is-making-up-prayers/

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba Nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorità tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedeltà tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwa sew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesù qal lil Pietru: ‘Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.’ Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja.”

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas.’ Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib.”

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Frar: Beatu Piju IX

Verżjoni Vidjo: Beatu Piju IX

“Agħtini armata li titlob ir-Rużarju u jien nirbaħ lid-dinja.” – Il-Beatu Piju IX

1c4fe5c14e3883065f554969acafIL-BEATU PIJU IX
Papa
1792 – 1878

Tagħrif: Dan il-Papa kellu l-itwal pontifikat fl-istorja tal-Knisja. Kien jismu Giovanni Maria Mastai Ferretti u twieled fit-13 ta’ Mejju, 1792 f’Senigallia.

Missieru xtaqu jidħol fil-gwardja Svizzera tal-Papa iżda kien rifjutat għax kien ibati b’attakki epileptiċi. Reġa’ beda jistudja t-teoloġija u, meta fieq mill-marda li kellu, ġie ordnat saċerdot fl-1819.

Fis-sena 1823, akkumpanja lid-delegat appostoliku ġewwa ċ-Ċilì. Kien maħtur Isqof ta’ Spoleto fl-1827, u ta’ Imola fl-1832. Bħala arċisqof ta’ Spoleto huwa kkontrolla l-irvell kontra l-Awstrijaċi b’attitudni ta’ benevolenza.

Kien maħtur kardinal fl-1840. Ġie magħżul Papa fl-1846 wara l-mewt tal-Papa Girgor XVI. Piju IX, li kellu reputazzjoni liberali, beda jgħix dak li kien magħruf għalih. Huwa ħabbar amnestija lill-priġunieri politiċi u għamel ħafna riformi fl-Istati Papali. Imma, għalkemm saru ħafna riformi, kien hemm dawk li riedu aktar.

Meta l-Papa rrifjuta li jingħaqad fil-gwerra kontra l-Awstrija, tilef ħafna mill-popolarità tiegħu. Fl-10 ta’ Novembru 1848, ir-radikali qatlu lill-prim ministru tiegħu Rossi, u tista’ tgħid li prattikament daħlu għall-Papa, iżda fl-24 tal-istess xahar irnexxielu jaħrab bil-moħbi għal Gaèta. Dam eżiljat f’din il-belt sal-4 ta’ Settembru, 1849. Fl-istess sena 1849, armata Franċiża stabbiliet mill-ġdid l-awtorità tal-Papa ġewwa Ruma u fl-1850 Piju IX mill-ġdid daħal fil-Belt Eterna.

Fl-1860, Cavour u Garibaldi ħatfu ħafna mill-istati tal-Papa u, fl-1870, meta l-armata Franċiża rtirat minn Ruma, daħlu l-Pjemontiżi. Piju IX għamel reżistenza simbolika u nqafel ġol-Vatikan. Issielet bla ma rnexxielu biex iħares is-setgħa temporali, garanzija tal-indipendenza spiritwali.

Jekk kien sfortunat fl-isfera temporali, Piju IX wera lilu nnifsu mexxej kbir fil-ħwejjeġ spiritwali. Dan il-Papa jissejjaħ “il-Papa tal-Immakulata” għax kien hu li pproklama, nhar it-8 ta’ Diċembru 1854, id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija. Permezz tal-enċiklika Quanta Cura u s-“Sillabu” dan il-Papa kkundanna “ċerti erruri taż-żminijiet moderni.”

Kien hu wkoll li laqqa’ l-ewwel Konċilju Vatikan li pproklama l-infallibiltà tal-Papa meta jitkellem “ex cathedra” fuq fidi u morali.

Papa Piju IX b’kollox mexxa l-Knisja għal 32 sena. Huwa miet f’Ruma fis-7 ta’ Frar, 1878. Kien iddikjarat Beatu f’Ruma flimkien mal-Papa Ġwanni XXIII fit-3 ta’ Settembru, 2000 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Kien matul il-pontifikat tal-Beatu Piju IX li Għawdex ġiet iddikjarata bħala djoċesi għaliha.

Ħsieb: Papa Piju IX kien bniedem ta’ ħlewwa u qdusija kbira. Kien bniedem li ħabb lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Kien bniedem ragħaj, li fuq l-eżempju ta’ Pietru mexxa l-bastiment f’serenità ta’ baħar kalm u fil-qilla tal-mewġ għoli. Ħadem bis-sħiħ għall-‘id spiritwali tal-Italja, tal-Ingilterra, tal-Olanda, tal-Polonja, tal-Amerika ta’ Fuq, ta’ Burma, taċ-Ċina, tal-Ġappun u tal-Awstralja. Iżda għall-Għawdxin, Papa Piju IX huwa l-Papa li ta l-Indipendenza għal dik li hi s-sovranità ta’ Djoċesi għal Għawdex.

Apparti li l-Papa Piju IX għolla lil Għawdex għad-dinjità ta’ djoċesi, għandu rabta oħra interessanti ma’ Malta għaliex kien kardinal Malti, Fabrizio Sceberras Testaferrata li ordnah saċerdot fl-1819. Dakinhar kien iġib l-isem Giovanni Maria Ferretti.

Fl-istess katidral t’Għawdex, wieħed għad jista’ jara l-bolla Singulari Amori, id-digriet pontifikali li permezz tiegħu, il-beatu Piju IX kien għolla lill-gżira Għawdxija għad-dinjità ta’ djoċesi. L-isqof t’Għawdex, Mario Grech ħabbar li t-tifkira speċjali tal-150 sena mit-twaqqif tad-djoċesi Għawdxija se ssir fis-16 ta’ Settembru, 2014.

Xtaqt ninkludi siltiet mill-Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-150 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, (16 ta’ Settembru, 2014) tal-Isqof Mario Grech:

“Bi mħabba singulari Alla ħabb din il-gżira meta mija u ħamsin (150) sena ilu, permezz tal-Papa Piju IX, waqqaf din id-Djoċesi. Matul dawn il-mija u ħamsin sena kienet il-Kelma ta’ Alla li serviet ta’ bastun biex ħafna setgħu jimxu t-triq tal-ħajja.

  • Matul dawn is-snin il-Kelma ta’ Alla ssawbet bħal balzmu fuq il-ġerħat ta’ ħafna.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li tat il-qawwa lil għadd kbir ta’ familji biex ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u jibqgħu magħqudin.
  • Kienet din il-Kelma li saħħret mijiet ta’ żgħażagħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża – biżżejjed insemmi li kienu żewġ Għawdxin ulied din il-Knisja li waqqfu żewġ istituti ta’ ħajja reliġjuża: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Dumnikani.
  • Kien il-Vanġelu li qanqal diversi ispirazzjonijiet ta’ tant proġetti soċjali u kulturali.
  • Misjuqa minn din il-Kelma, xi wħud waqqfu monumenti kbar tal-karità bħalma kienu d-djar tat-tfal u l-Arka.

Imma l-passat mhux garanzija tal-futur. Fil-preżent, ix-xewqa tiegħi hija li jkollna Knisja li tagħti aktar prijorità lill-Kelma salvifika ta’ Alla. Għalhekk nara li rridu ninvestu aktar fil-katekeżi, partikularment tal-kbar. Jiddispjaċini li hemm diversi li jistgħu jmiddu għonqhom għal din il-ħidma imma jippreferu jibqgħu b’idejhom marbuta. Irridu naħdmu biex l-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, tkun verament ċelebrazzjoni li tirrakkonta l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għalina.

Fuq kollox, ilkoll għandna bżonn nitolbu aktar u aħjar. Dan kollu jgħodd għal kulħadd: għalija Isqof, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi. Imma din ix-xorta ta’ ħidma pastorali tfisser li rridu nagħmlu konverżjoni pastorali – nara l-ħtieġa urġenti li bħala Knisja nadottaw il-pastorali tagħna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Jekk nittraskuraw it-talb u l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali tagħna tnin. Ċerti żbalji fil-ħajja tagħna jixhdu li għandna ħajja spiritwali fqira. Jekk ma nistinkawx biex inkunu Knisja spiritwali, inkunu nagħtu raġun lil min jgħid li l-Knisja hija istituzzjoni ta’ poter jew li għandha xi aġenda politika! L-aġenda tal-Knisja hija waħda: dik diġà mfassla mill-Vanġelu!

  • U int, b’liema mod qed tagħti s-sehem tiegħek fil-Knisja biex din taqdi l-missjoni tagħha dejjem aħjar?

Talba: Mulej Ġesù Kristu, inti tajtna ‘l Ommok Marija li aħna nqimu bħala l-Omm tagħna li dejjem lesta biex tgħinna; bil-qalb nitolbuk li kull x’ħin infittxu l-għajnuna ta’ din l-Omm, jistħoqqilna ngawdu l-frott tas-salvazzjoni tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. (Talba tal-Beatu Papa Piju IX)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq  jew  biex tniżżel id-dokument.

Aktar informazzjoni bil-Malti: https://benghisa.wordpress.com/l-immakulata-kuncizzjoni/96-2/

English Version: https://www.smp.org/resourcecenter/resource/7775/

Alternative Reading: http://www.piustheninth.com/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_IX

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20000903_pius-ix_en.html

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Jannar: San Benild Romançon

Verżjoni Vidjo: San Benild Romançon

“Ir-raġuni tal-eżistenza tiegħi hija l-Appostolat Nisrani: Jekk ngħallem biss ix-xjenza u suġġetti oħra, inkun ħlejt ħajti u saħħti. Jekk immut ngħallem ir-Reliġjon, inkun mitt fl-aħjar żmien ta’ ħajti.” – San Benild Romançon 

d7YveFL4_400x400SAN BENILD
Brother ta’ San Ġwann Battista De La Salle
1805 – 1862

Tagħrif: (Minħabba li l-festa liturġika ta’ dan il-Brother taħbat fit-13 t’Awwissu, u dakinhar l-iskejjel ikunu bil-vaganzi, il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata llum)

Kien jismu Pierre qabel ma’ daħal Brother ta’ De La Salle. Twieled fl-14 ta’ Ġunju, 1805. Il-familja kienet tgħix mix-xogħol tar-raba’. Ommu rawmet fih devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Ta’ 12-il sena għamel l-Ewwel Tqarbina.

Ta’ 14-il sena talab biex jidħol Brother. Missieru heddu li jnaqqaslu sehmu mill-wirt jekk jitlaq mid-dar. Fl-1820, irċieva l-barka ta’ missieru u beda n-novizzjat. Wara sena ta’ formazzjoni, ġie mibgħut jgħallem u wara sentejn ġie mitlub jgħallem fi skola oħra. Brother Benild kellu jiffaċja tfal li kienu vjolenti, vandali u mimlijin qilla.

It-tagħlim tal-katekiżmu kien is-suġġett preferit tiegħu. Kien fl-1841 meta San Benild ġie mibgħut fir-raħal ta’ Saugues. Baqa’ hawnhekk sakemm miet fl-1862. Minbarra li kien il-kap tal-iskola, kien ukoll is-superjur tal-komunità. Speċjalità tiegħu kienet it-tħejjija tat-tfal biex jirċievu ’l Ġesù Sagramentat fl-Ewwel Tqarbina. Id-devozzjoni li nissel fil-qlub ta’ kulħadd lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna wettqu mirakli fl-erwieħ.

Fl-20 sena li dam f’Saugues, aktar minn 265 vokazzjoni għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża stqarrew li kienu jafu l-vokazzjoni tagħhom wara Alla lill-Brother Benild.

Miet fit-13 ta’ Awwissu, 1862 b’kankru fil-fwied meta kellu 57 sena. Il-Papa Pawlu VI ddikjarah qaddis fl-1967. Skola tal-Frères f’Tas-Sliema hija ddedikata lil San Benild.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors tal-omelija fl-okkażjoni tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Benild mill-Qaddis Papa Pawlu VI:

“Ħuti u wliedi, li issa se tqisu lil Brother Benild bħala figura eċċellenti, intom tagħmlu hekk għaliex tafu li matul ħajtu kien imżejjen bl-umiltà, bis-silenzju, bis-sempliċità li ma tantx kellhom valur fis-soċjetà li fiha sab ruħu. Intom issaqsu lilkom infuskom, x’kienu l-kwalitajiet li taw valur lil din l-eżistenza moħbija tiegħu? It-tweġiba tiġi faċilment u immedjatament: il-qdusija tiegħu tinsab fit-tip ta’ ħajja li hu għex b’referenza totali għal Alla.

Kienet din it-tip ta’ ħajja, imdawra totalment ma’ Alla,

  • totalment involuta fit-tweġiba tiegħu għall-vokazzjoni tiegħu,
  • assorbita totalment fit-talb u fl-osservanza tal-azzjonijiet xierqa għal ħajja ta’ reliġjuż,
  • totalment mimli bit-trasmissjoni tal-veritajiet kbar tar-reliġjon lill-imħuħ innoċenti ta’ studenti żgħar,
  • totalment dedikata għall-konverżazzjonijiet sempliċi u spontanja ma’ Alla, ma’ Kristu preżenti fl-Ewkaristija, ma’ Marija u Ġużeppi u l-qaddisin kollha.

Ma kinitx din ħajja karatteristika ta’ dan il-qaddis ġdid tagħna Benild? Xhieda fuqu li ntqalet repetutament hija din: Huwa kien jitlob il-ħin kollu, il-kuruna tar-rużarju qatt ma kien iħalliha minn idejh, u kienu jirreferu għalih bħala ‘r-raġel bil-kuruna tar-rużarju.’ Iżda l-qdusija tiegħu kellha aspetti oħra. Kienet, nistgħu ngħidu, arti kif wieħed jgħix, bilanċ sabiħ ta’ żewġ prinċipji mħaddna, wieħed ir-rieda interjuri u l-ieħor ir-Regola esterjuri. Huma dawn li ttrasformaw l-eżistenza umli tiegħu f’fenomenu morali tas-sbuħija umana.”

Xtaqt inżid parti mill-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lill-għalliema (18 ta’ Settembru, 2017):

“Aħna nixtiequ li min imiss magħna jkollu esperjenza li televah, li tgħallmu, li tkabbru, li timmaturah, imma l-ewwel irridu naċċettaw lil dak li jkun bil-bagalja kollha tiegħu. Intom tafu li llum diversi tfal jiġu b’bagalja ta’ trawma, jew inkella bagalja tqila ħafna li lanqas jifilħu jġorruha; mhux qed ngħid għall-bagalja tal-kotba, imma għal dik tal-esperjenza tal-ħajja.

Il-ħidma li qed tagħmel mhuwiex biss xogħol imma missjoni, vokazzjoni. Inti msejjaħ biex tkun għalliem tal-ġenerazzjonjiet futuri u waqt li qed tagħmel hekk, se titqaddes anke bil-paċenzja li jkollok bżonn tieħu. Din se tkun it-triq tal-qdusija tiegħek u fl-istess ħin ukoll ikollok il-ferħ tara l-ġenerazzjonjiet futuri, li bil-ħidma tiegħek u ta’ sħabek flimkien, qed jikbru b’saħħithom, ferħanin, jieħdu pjaċir jiġu l-iskola, u mhux jgħidu ‘uff xi dwejjaq!’

Kultant tirrealizza wkoll li t-tfal, meta jaslu l-iskola, qed iħossuhom in ‘a safe environment’ għaliex abbli barra ma jħossuhomx ‘safe.’ Dak huwa privileġġ kbir li inti bl-imħabba tiegħek, mingħajr ma ssir possessiv qed toffri lill-istudenti wkoll ‘a safe environment,’ mhux biss fiżikament imma psikoloġikament, emotivament u anke spiritwalment.”

Ejjew niftakru nitolbu għall-għalliema kollha, b’mod speċjali dawk li jgħallmu r-Reliġjon Kattolika, il-Brothers, is-soċji tal-MUSEUM u bosta katekisti u mexxejja ta’ gruppi Kattoliċi oħra fid-diversi għaqdiet li jeżistu mxerrdin mal-gżejjer tagħna. Dawn ħafna minnhom jagħmlu xogħol veru minn qalbhom, ġieli b’mod volontarju li huwa imprezzabbli kemm għall-Knisja, kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali. San Benild Romançon, itlob għalihom!

Sit b’Riżorsi għall-Katekisti u l-Għalliema tar-Reliġjon Kattolika:  http://frankbalzan.wixsite.com/katekisti/about

Talba: O Alla, int għażilt lil San Benild biex jagħti edukazzjoni nisranija lit-tfal u liż-żgħażagħ; qajjem fil-Knisja tiegħek Brothers u għalliema, nisa u rġiel, li jingħataw b’qalbhom kollha biex jedukaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, sew bħala bnedmin u sew bħala nsara. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq  jew  biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.lasalle.org/en/who-are-we/lasallian-holiness/saint-benildus-romancon/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/13-August-Saint-BENILDUS.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benildus_Roman%C3%A7on

For children:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.