12 ta’ Lulju: San Ġwann Gualbertu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Gualbertu

“Meta tkunu se tagħżlu abbati (superjur), agħżluh fost dawk l-aktar umli, l-aktar doċli (ta’ karattru ħelu), u l-aktar mortifikat.” – San Ġwann Gualbertu.

St. John GualbertSAN ĠWANN GUALBERTU
Abbati
985 – 1073

Tagħrif: Ftit huma d-dettalji ċerti li waslulna dwar San Ġwann Gualbertu, fundatur tal-Benedittini Vallambrosani.

Imwieled bejn is-snin 985 u 995, Ġwanni kien ġej mill-familja nobbli Visdomini minn Firenze u kien imħarreġ fl-armi. Darba, f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, meta kellu 18-il sena, waqt li kien akkompanjat minn qaddejja armati, iltaqa’ ma’ dak li kien qatillu lil ħuh, u dan ma kienx armat, waħdu u f’post minn fejn ma setax jiżgiċċa. Kien ġà se joqtlu biex jitħallas għall-mewt ta’ ħuh, meta dan niżel għarkupptejh f’riġlejh u talbu jaħfirlu għall-imħabba ta’ Ġesù msallab. Milqut mill-grazzja, Ġwanni ftakar fil-kmand ta’ Ġesù li għandna naħfru lill-għedewwa tagħna, u għannqu bħala ħuh.

Jingħad li kif daħal fil-knisja deherlu li ra lil Ġesù kurċifiss ibaxxilu rasu bħala sinjal ta’ approvazzjoni għall-att ta’ maħfra li għamel.

Ftit wara hu daħal fl-abbazija ta’ San Miniato f’Firenze pajjiżu, iżda wara telaq minn hemm biex jeħles mis-simonija u biex isib aktar faqar u skiet.

Hu għażel Vallis Umbrosa, wied kollu boskijiet fit-Toskana fejn waqqaf ordni ġdid taħt ir-regola ta’ San Benedittu. Huwa kellu ajkijiet biex jagħmlu xogħol manwali u jieħdu ħsieb l-affarijiet ta’ barra l-klawsura.

Il-qaddis kien rigoruż fuq is-silenzju u d-diskors bħala appostolat. Huwa ħejja l-patrijiet tiegħu biex jitqabdu fit-Toskana kontra l-bejgħ ta’ uffiċċji tal-knisja u kontra n-nuqqas ta’ osservanza taċ-ċelibat tal-kleru.

San Ġwann Gualbertu miet fit-12 ta’ Lulju, 1073 ta’ 88 sena. Qabel ma miet, lill-irħieb tiegħu qalilhom: “Meta tkunu se tagħżlu abbati (superjur), agħżluh fost dawk l-aktar umli, l-aktar doċli (ta’ karattru ħelu), u l-aktar mortifikat.”

Bla ma ntebaħ, hu kien qed ipinġi profil tal-karattru tiegħu nnifsu. San Ġwann Gualbertu kien ikkanonizzat fl-1193.

Ħsieb: Il-Papa Benedittu XVI, għamel dan l-appell meta wasal il-Portugal, fil-11 ta’ Mejju, 2010: “Il-kattoliċi għandhom ikunu lesti li joffru l-martirju f’soċjetà sekularizzata.” San Ġwann Gualbertu saħaq ħafna dwar li wieħed għandu jżomm il-ġabra u s-silenzju, u ma kienx l-uniku! Imma għaliex din l-enfasi dwar l-importanza tas-silenzju?

Kemm storbju jiċċirkondana madwarna u anki ġo fina. Fid-dinja li qed ngħixu fiha, is-silenzju (jew is-skiet interjuri) saru lussu li mhux kulħadd jista’ jikseb. Imma n-nisrani x’jista’ jagħmel? Alla mhux magħluq fih innifsu, imma jixtieq jinfetaħ u jidħol f’komunikazzjoni mal-umanità, magħna lkoll, miegħek li qed taqra dan bħalissa. Imma aħna, spiss qisna bħal dak il-mutu u t-trux tal-Vanġelu li bħal donnu għandna qalbna miftuħa għal kollox minbarra għall-vuċi ta’ Alla, li hi tant ġentili u ħelwa, li l-bniedem jismagħha biss meta jiskot u jirnexxielu jsib is-silenzju. Imma kemm għad hawn min għandu fidi u umiltà  biżżejjed li twassal biex wieħed jilqa’ l-Kelma t’Alla għal dik li Hi?

Il-Papa Franġisku fl-Angelus tal-Ħadd, 6 ta’ Settembru, 2015 li kien propju dwar ir-rakkont tal-fejqan tar-raġel mutu u trux, jispjegha b’dan il-mod:

“Il-Vanġelu tal-lum (Mark 7:31-37) jirrakkonta l-fejqan tal-mutu u t-trux, avveniment straordinarju li juri kif Ġesù jistabbilixxi l-komunikazzjoni sħiħa tal-bniedem ma’ Alla u mal-bnedmin l-oħra. Il-miraklu jseħħ fiż-żona tad-Dekapoli, jiġifieri f’territorju kollu kemm hu pagan; għaldaqstant il-mutu u t-trux li jittieħed għand Ġesù jsir simbolu ta’ bniedem li ma jemminx iżda li jibda mixja lejn il-fidi. Infatti, in-nuqqas ta’ smigħ tar-raġel tal-parabbola jesprimi in-nuqqas ta’ ħila li nisimgħu u nifhmu mhux biss il-kliem tal-bnedmin imma wkoll il-Kelma t’Alla. U San Pawl ifakkarna li l-fidi tinbet mis-smigħ tal-predikazzjoni. (Rumani 10:17).

L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hi li jwarrab lir-raġel ‘l-bogħod mill-folla; ma jridx jagħti pubbliċità lill-ġest li se jwettaq, imma lanqas ma jrid li kliemu jkun mgħotti mill-ħamba tal-ilħna u mit-tlablib tal-ambjent. Il-Kelma t’Alla li jagħtina Kristu teħtieġ is-silenzju biex tkun milqugħa bħala Kelma li tfejjaq, li tgħaqqad u li treġġa’ lura mill-ġdid il-komunikazzjoni.

Imbagħad naraw ċari żewġ ġesti oħra ta’ Ġesù. Hu jmiss il-widnejn u l-ilsien tal-mutu u t-trux. B’hekk jikseb lura r-relazzjoni tiegħu ma’ dak ir-raġel li ma kellu ebda komunikazzjoni. L-ewwel ma’ għamel kien li raġa’ stabbilixxa l-kuntatt. Imma l-miraklu hu rigal li jiġi mill-għoli, li Ġesù jitolbu lill-Missier; huwa għalhekk li Hu jerfa’ għajnejh lejn is-sema u jordna: “Infetaħ!”. U widnejn il-mutu u trux jinfetħu, tinħall l-għoqda li kellu fi lsienu u jibda jitkellem kif suppost (vers 35).

It-tagħlima li nisiltu minn dan l-episodju hi li Alla mhux magħluq fih innifsu, imma jinfetaħ u jidħol f’komunikazzjoni mal-umanità. Fil-ħniena bla tarf tiegħu jegħleb l-abiss infinit li hemm bejnu u bejna u jiġi għandna. Biex iqiegħed fis-seħħ din il-komunikazzjoni mal-bniedem, Alla jsir bniedem; mhux biżżejjed għalih ikellimna permezz tal-liġi u l-profeti, imma jersaq qrib tagħna u jurina lilu nnifsu fil-persuna ta’ Ibnu, il-Kelma magħmula laħam. Ġesù hu l-bennej il-kbir tal-pontijiet, li fih innifsu jibni l-pont il-kbir tal-komunjoni sħiħa mal-Missier.”

  • U int, kemm qed toħloq skiet ġewwa qalbek billi tfittex dak il-post li fih tista’ tinġabar u tħalli lil Alla jikkomunika miegħek billi jsemmgħalek Kelmtu?

Talba: O Alla, inti tajtna lil San Ġwann Gualbertu, bi mgħallem għaref dwar il-ġabra u s-skiet lir-ruħ teħtieġ biex tkun tista’ tikkomunika miegħek fit-talb, agħmel li nħobbu s-skiet u l-ġabra bħalu u fuq kollox u li nimxu b’qalb kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-gualbert-299

Alternative Reading: http://magnificat.ca/cal/en/saints/john_gualbert.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Gualbert

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Ġunju: San Norbertu

Verżjoni Vidjo: San Norbertu

“X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” – Ġesù f’Luqa 9:25.

6-San-Norberto-de-Magdeburgo-6SAN NORBERTU
Isqof
1080 – 1134

Tagħrif: San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura ħafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja. Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdità, fil-ħela. Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu u ġie mqabbad fil-qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja biex iqassam il-karità, kien ħsiebu biss li jiddeverti.

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih. Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu, baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba. Għadda sentejn iħejji ruħu biex isir qassis u kien ordnat f’Cologne fl-1115 meta kellu 35 sena. Ftit wara rriżenja għall-benefiċċji ekklesjastiċi, biegħ il-proprjetà u qassam dak li daħħal lill-fqar; żamm biss bagħal, 40 munita tal-fidda, missal, kalċi, patena u ftit abiti sagri. Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jipprietka kull fejn kien iħoss il-bżonn. Sar predikatur kbir, u mar jipprietka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

L-isqof riedu jirriforma komunità ta’ kononiċi regolari iżda Norbertu kien strett wisq magħhom. Għalhekk huwa rtira fil-wied ta’ Prémontré ħdejn Laon fit-tramuntana ta’ Franza. Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Reims, il-Ġermanja, waqqaf l-Ordni tal-Premonstratensi jew Norbertini, kanoniċi regolari taħt ir-regola ta’ Santu Wistin, li jgħaqqdu ħajja ta’ għamla monastika ma’ ministeru attiv. L-ewwel 40 sieħeb li ngħaqdu miegħu fi ftit xhur, ipprofessaw il-voti fil-Milied tas-sena 1121. L-ordni kiber ħafna f’ħajtu.

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg mill-Imperatur Lothair II, li ried jagħmlu wkoll kanċellier. Iżda minkejja l-kariga għolja, xorta baqa’ jgħix fiċ-ċaħda bħallikieku baqa’ fil-monasteru. Il-ħeġġa tiegħu ġiebet riformi kbar fid-djoċesi, imma kellu wkoll għedewwa li għalihom ħajtu kienet ċanfira. Flimkien ma’ San Bernard Abbati ħadem ħafna biex ineħħi d-diżordnijiet kawżati mix-xiżma tal-antipapa Anakletu II.

Meta kien f’Magdeburg, fir-ritorn minn Ruma flimkien mal-Imperatur Lothaire, San Norbertu ħassu ħażin, u wara erba’ xhur marid, radd ruħu ’l Alla fis-6 ta’ Ġunju, 1134 fl-għomor ta’ 54 sena. Iddikjarah qaddis il-Papa Girgor XIII fl-1582.

Ħsieb: Bħal ħafna persuni li bdew xi forma ta’ tiġdid, riforma ta’ movimenti jew ordnijiet ġodda fil-Knisja, San Norbertu kien devot kbir tal-Bibbja. Huwa nkoraġġixxa lill-membri tal-Ordni tiegħu biex jimmudellaw ħajjithom fuq l-Evanġelju, u dan kien ifisser li jkun familjari magħha. Forsi smajtu b’kanzunetta bil-lingwa Ingliża li tieħu l-ittri tal-kelma Bibbja (BIBLE) u tgħid li dawn ifissru: ‘Basic Instructions Before Leaving Earth.

Din hija verità. Il-Bibbja hi l-Ktieb tal-istruzzjoni tagħna ta’ kif ngħixu ħajja tajba u dan hu dak li jgħidilna San Norbertu: “Qatt tgħejjew tistudjaw dawn il-kitbiet, fejn issibu eżortazzjoni qasira biex tibqgħu fidili fis-servizz tagħhom lejn Alla. Għax il-Kelma ta’ Alla hi nar li jħeġġeġ. Hija mimlija bin-nar tal-Ispirtu s-Santu. Hija tikkonsma l-vizzji u tippromwovi l-virtujiet. Hija tagħti l-għerf lil dawk li lesti jilqgħuh u tipprovdilhom l-ikel tas-sema. Għalhekk Kristu qal: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28)

L-għan tal-Mulej Alla huwa li aħna nsiru tassew nafuh b’mod personali fil-ħajja tagħna. Lil Alla nistgħu nitgħallmu fuqu permezz tan-natura u l-ħolqien tiegħu jew minn xi esperjenzi li nistgħu ngħaddu minnhom.(ara Rumani 1:20-23) Imma l-aktar ħaġa li tinfurmana hija żgur Il-Bibbja – Il-Kelma Mqaddsa. Fiha Alla rrevelalna lilu nnifsu bl-aktar mod ċar biex aħna nkunu nistgħu nsiru nafuh b’mod personali u niskopru l-pjan tiegħu għalina.

“Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: ‘Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.’ (Ġwanni 8:31-32).

“Wieġbu Ġesù: ‘Jiena hu t-Triq, Jien Hu il-Verità u Jien Hu l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.’ Ġwanni 14:6

Jidher ċar li Ġesù  Hu l-Verità u Hu l-Kelma. Huwa pjuttost impossibli li wieħed jiskopri tassew lil Ġesù jekk ma jkunx jaqra, jisma’ u jimxi mal-Kelma. Meta aħna nimxu mal-Kelma nkunu qegħdin nimxu mal-Verità, meta rridu tassew niskopru il-verità (Il-Verità) irridu bilfors ma nduru u nħarsu mkien iktar ħlief lejn il-Kelma. Meta niskopru il-verità (Il-Verità) mill-Kelma, niskopru lil Ġesù! Niskopru li l-Verità hi l-Persuna ta’ Ġesù stess.

Ġesù jgħidilna ċar li ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ (ara Mattew 4:4)

Infatti skont il-Kelma t’Alla dak li jqis lilu nnifsu bħala wieħed li jimxi wara Kristu tassew, irid jikber billi jiġi mitmuh il-Kelma t’Alla. Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies li anke jattendu ‘knejjes’ jew xi ‘gruppi’ ta’ talb, jibqgħu trabi spiritwalment u ‘karnali’ – jgħixu skont il-ġibdiet tal-ġisem, għax m’humiex jimxu mal-Kelma t’Alla, li hija dik li ssostnihom spiritwalment. Għalhekk jibqgħu ‘telliefa’ fil-mixja tagħhom bħala Nsara, milli jikbru u jimmaturaw u jitgħallmu jkunu tassew rebbieħa permezz ta’ Kristu u l-Kelma tiegħu.

U fl-aħħar nett, San Pawl iwissina: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu.” (Kolossin 2:8)

  • U int, kemm int familjari mal-Bibbja u kemm tfittex li tiskopri lil Alla u l-pjan tiegħu għalik permezz tal-Kelma tiegħu fiha?
  • Qed tibni ħajtek fuq il-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja kif għamlu San Norbertu u oħrajn, fuq il-Verità li hija tgħallem, fuq Kristu li qal li Hu stess huwa l-Verità?

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Norbertu biex jamministra b’mod tal-għaġeb il-Knisja tiegħek, u żejjintu bl-ispirtu tat-talb u b’ħeġġa kbira bħala ragħaj spiritwali; agħmel li, bil-għajnuna tat-talb tiegħu, il-merħla tal-fidili jkollha rgħajja skont qalbek u ssib dejjem mergħa tajba tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-norbert-of-xanten.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-norbert/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Norbert_of_Xanten

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.