11 ta’ Awwissu: Santa Klara

Verżjoni Vidjo: Santa Klara

“Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Jiena ngħodd kollox bħala telf, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Klara (Salm 72(73):26; Filippin 3:8b).

sveta_klara1SANTA KLARA
Verġni
1193 – 1253

Tagħrif: Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193. Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan. Il-prietki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skont il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha. F’Ħadd il-Palm tal-1212, Klara flimkien ma’ waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn San Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja. Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib. Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor tal-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra. Magħha marru oħrajn. San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni. Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet. Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll. Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal-Klarissi. F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ povertà , silenzju u awsterità. Ma kinux jippossiedu propjetà. Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet. Fl-1228, il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjetà. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena. Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awwissu, 1253. Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa. Il-ġisem tagħha jinsab meqjum fil-bażilika ddedikata lilha, fil-belt t’Assisi, fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Ġorġ. Il-Papa Piju XII ħatar lil Santa Klara patruna tat-televiżjoni fl-14 ta’ Frar, 1958.

Anke oħtha Anjeże (ara Santa Anjeże ta’ Assisi) hija meqjuma bħala Qaddisa. Interessanti l-ittri li Santa Klara kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga (ara Santa Anjeże ta’ Praga) dwar l-osservanza tal-vot tal-faqar.

Ħsieb: Qari minn Ittra ta’ Santa Kjara, verġni, lil Santa Anjeże ta’ Praga bit-titlu ‘Ħares lejn il-faqar, l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu’:

“Hieni tassew il-bniedem li jingħatalu sehem mill-mejda mqaddsa, sabiex jingħaqad b’qalbu kollha ma’ Kristu, ma’ dak li bi ġmielu jgħaġġeb bla heda lill-qtajja kollha tal-qaddisin fis-sema, dak li jqanqal il-qlub bi mħabbtu u jġedded lil min iżomm ħarstu fuqu, jimla ‘l kulħadd bit-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u jsawwab dawl ħelu fuq min jiftakar fih, dak li bil-fwieħa ħelwa tiegħu l-mejtin jerġgħu jqumu għall-ħajja u bid-dehra glorjuża tiegħu jhenni l-ulied kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. Għax din id-dehra hi dija tas-sebħ ta’ dejjem, raġġ mid-dawl ta’ dejjem u mera bla nikta.

Ħares kuljum lejn din il-mera, o Sultana, għarusa ta’ Ġesù Kristu, ara dejjem wiċċek fiha, biex tiżżejjen kollok kemm int minn ġewwa u minn barra, kollok mogħnija bil-ġmiel li jsebbħek bil-ward u l-ilbiesi ta’ kull virtù, kif jixraq lil bint u għarusa l-iżjed safja tas-Sultan il-kbir. Din il-mera għandha turik ix-xbieha tal-faqar imbierek, tal-umiltà mqaddsa u tal-imħabba tal-għaġeb; u hekk, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, tkun tista’ tħares lejk innifsek fil-mera kollha.

Ħares lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din il-mera, u ara l-faqar ta’ dak li kien imfisqi u mqiegħed fuq maxtura. X’umiltà, x’faqar tal-għaġeb! Is-sultan tal-anġli u Sid is-sema u l-art, mimdud fuq maxtura!

Ħares lejn in-naħa tan-nofs, u ara l-umiltà, jew għallinqas il-faqar imqaddes, it-taħbit bla qjies u t-tbatijiet li Kristu ġarrab biex jifdi l-bnedmin.

Ħares imbagħad lejn in-naħa t’isfel ta’ din il-mera, u ara l-imħabba bla tarf li biha Kristu għoġbu jilqa’ s-salib u jieħu mewt l-aktar mistkerrha.

Din il-mera, jiġifieri Kristu, minn fuq is-salib fejn kien imdendel kellem lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemu, u wissiehom biex jaħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Hu qalilhom: Intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu u araw jekk hemmx niket bħan-niket tiegħi. Inwieġbu b’leħen wieħed u ruħ waħda għall-għaJjat u t-tnehid tiegħu, u ngħidu: ‘Taħseb u tiftakar ruħi, u tinfena ġewwa fija. Mela tħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar tal-imħabba, o Sultana tas-Sultan tas-sema.’

Ġib ukoll quddiem għajnejk b’liema għaxqa tal-għaġeb, b’liema għana u ġieħ jista’ jimliEk għal dejjem, u x-xewqat u l-imħabba kbira ta’ qalbek iġġagħlek titniehed u tgħid: ‘Iġbidni warajk, ejja niġru wara r-riħa tgħaxxaq tal-fwieħat tiegħek, Għarus tiegħi tas-sema. Ma negħjiex niġri, sa ma ddaħħalni għax-xorb ħelu tiegħek, inserraħ rasi fuq driegħek tax-xellug, tgħannaqni bil-leminija tiegħek, u l-bewsa ta’ fommok timlieni bil-hena.’ Int u taħseb f’dan kollu, ftakar ukoll fl-omm imsejkna tiegħek, għax taf li jiena nqaxt għal dejjem it-tifkira ħelwa tiegħek f’qalbi, għax lilek ngħożżok fuq kulħadd.”

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjows dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

“Aħna nsiru f’dak li nħobbu, u dak li nħobbu isawwarna f’dak li ser insiru. Jekk inħobbu l-oġġetti, insiru oġġett. Jekk ma nħobbu xejn, ma nsiru xejn. L-imitazzjoni m’għandhiex tkun li litteralment tagħmel bħal Kristu, pjuttost tfisser li ssir fi xbieha ta’ dak il-maħbub, xbieha li tingħaraf mill-bidla. Dan ifisser li aħna nsiru ġarar tal-imħabba ħanina ta’ Alla għall-oħrajn.” ~ Santa Klara

  • Qatt ħsibt kemm irid ikollok flus biex tgħix ħajja kuntenta?
  • Qatt xtaqt li jkollok flus iktar milli għandek?

Santa Klara (u San Franġisk ta’ Assisi u ruxxmata Qaddisin oħra) ħalliet kollox, lanqas ċenteżmu wieħed biss ma żammet għaliha, u qatt ma ħabblet rasha biex ikollha. Safrattant ma setgħetx tkun iktar kuntenta milli kienet. Qalbha kienet mimlija b’Alla.

  • Qalbek kemm hi mimlija b’Alla?

Talba: Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imb’ wiċċ fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-clare-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-clare-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Clare_of_Assisi

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

13 ta’ Marzu: Santa Ewfrasja

Verżjoni Vidjo: Santa Ewfrasja

“Billi ġa tajt ruħi lil Kristu, ma nistax nonqos mill-kelma li tajtu u niżżewweġ bniedem mortali”. ~ Santa Ewfrasja kitbet dan il-kliem lill-Imperatur Teodosju meta dan talabha tmur lura fil-qorti, għax ried iżewwiġha lil senatur żagħżugħ.  

St. Euphrasia 002 TSANTA EWFRASJA
Verġni
380 – 410

Tagħrif: Santa Ewfrasja verġni, kienet bint waħdiena ta’ Ewfrasja u ta’ Antigonu, senatur ta’ Konstantinopli. Missierha miet ftit wara twelidha, u ommha kkonsagrat ’l Alla l-bqija ta’ ħajjitha.

Biex twettaq dan il-ħsieb, ħalliet il-belt kapitali u ma’ bintha ta’ seba’ snin marret l-Eġittu , fejn għammret f’wieħed mill-oqsma art li kellha hemm, ħdejn kunvent tas-sorijiet, li tagħhom hi addottat l-għamla ta’ ħajja qalila.

L-eżempju tal-omm qanqal fiċ-ċkejkna x-xewqa li tidħol mas-sorijiet, u ommha fdatha f’idejn is-superjura, sabiex tħarriġha fil-ħajja axxetika.

Ewfrasja issa qabdet iktar bil-ħeġġa minn qabel it-triq tal-perfezzjoni, u saret għal ħutha s-sorijiet mudell ta’ umiltà, tjubija u karità. Kull tentazzjoni li kellha kienet tmur tistqarrha lis-superjuri, sabiex b’dan l-att ta’ umiljazzjoni, tkeċċiha.

Mietet ta’ xi tletin sena. San Ġwann Damaxxenu jsemmiha fit-tielet taħdita tiegħu dwar ix-xbihat sagri.

Ħsieb: Bħala tislima ta’ firda, qabel ma Ewfrasja daħlet mas-sorijiet, ommha offrietha ’l Ġesù: “Mulejja Ġesù, ilqa’ din it-tifla taħt il-protezzjoni tiegħek. Lilek biss hi tħobb u tfittex.” Ħallietha, u ħarġet mill-monasteru bid-dmugħ f’għajnejha. Ftit wara ħassha ħażin u tat l-aħħar parir lil bintha: “Ibża’ minn Alla, u aqdi lil ħutek bl-umiltà kollha. Kun umli u fqira fl-art, sabiex tkun sinjura fis-sema.”

Wara l-mewt ta’ ommha l-Imperatur Teodosju talabha tiġi lura fil-qorti, għax ried iżewwiġha lil senatur żagħżugħ. Iżda hi kitbitlu: “Billi ġa tajt ruħi lil Kristu, ma nistax nonqos mill-kelma li tajtu u niżżewweġ bniedem mortali.” Talbitu wkoll biex iqassam il-ġid tagħha kollu lill-fqar u lill-istituti tal-karità. Meta l-imperatur qara l-ittra ħariġlu d-dmugħ u s-senaturi qalulu: “Hi bint denja ta’ Antigonu, li jiġi minnek, u nisel qaddis ta’ siġra qaddisa.”

Il-kliem iqanqal imma l-eżemplu jkaxkar. Il-bint ħadet minn ommha it-tagħlim u l-eżempju. L-omm għaqlija, rawmet lil bintha Ewfrasja biex tgħix din il-ħajja bi preparazzjoni kontinwa għal li jmiss. Il-ħajja li jmiss, hija eterna u għalhekk min hu għaqli u jaf jagħmel il-kontijiet sew, jirrealizza li dawn l-erbat ijiem li għandna hawn jgħaddu bħal leħħa ta’ berqa, imma l-eternita’, imqabbla maż-żmien t’hawn, hi l-vera ħajja li tibqa’ għal dejjem. Dejjem jaqblilna, għalhekk, li bħal din l-omm u bintha u tant u tant irġiel u nisa li aħna nsejħulhom ‘qaddisin’ ngħixu hawn bil-għaqal ħalli mbagħad ikollna ħajja tal-akbar kwalita’ u glorja għal dejjem ta’ dejjem!

  • U int, tgħodd ruħek man-nies għaqlin?
  • Kemm qed tinvesti fil-ħajja li jmiss li hi l-veru ħajja li ma tintemm qatt?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin, tħeġġeġ u tagħmel minn kollox biex tara li l-oħrajn madwarek, speċjalment dawk l-aktar qrib tiegħek, huma wkoll jinvestu fil-ħajja eterna?
  • Meta se jasal it-tmiem ta’ din id-dinja ma nafux imma t-tmiem ta’ ħajjitna jista’ jasal minn mument għall-ieħor, bla avviż ta’ xejn. Se jsibek preparat/a biżżejjed biex tidħol tgawdiH għal dejjem fil-ġenna?

Talba: O Alla ta’ min iħobboK fuq kollox, bl-eżempju ta’ ħajjitha, Santa Ewfrasja tgħallimna ma naħżnux għalina teżori f’din l-art imma biss fis-Sema, fejn jibqgħu miżmuma għalina u jagħtuna post ta’ ġieħ la naslu għandeK, agħtina dan l-għerf u din l-attitudni tal-qalb biex aħna wkoll ngħixu b’mod li jogħġob lileK ħalli magħha, niġu ngawduK meta ssejħilna għal għandeK. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-euphrasia.html

Alternative Reading: http://www.sainteuphrasia.com/home/inner/10

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Euphrasia_Eluvathingal

Film on Blessed Euphrasia:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Marzu: Santa Anjeże ta’ Praga

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Praga

“Int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur u għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu”. ~ Santa Klara ta’ Assisi lil Santa Anjeże ta’ Praga, f’waħda mill-ittri li kitbitilha. 

sv_anezkaSANTA ANJEŻE TA’ PRAGA
Reliġjuża
1211 – 1282

Tagħrif: Din il-qaddisa kienet il-fundatriċi tal-ewwel monasteru tas-Sorijiet Klarissi ’l fuq mill-Alpi.

Hija twieldet fl-1211 fi Praga, u kienet bint ir-Re Otakar I tal-Boemja u tar-Reġina Kostanza, oħt Andrea II re tal-Ungerija. Hija kienet prima kuġina ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija.

Ta’ tliet snin, Anjeże kienet mibgħuta fil-monasteru tas-sorijiet Ċisterċensi. Ta’ sitt snin ittieħdet lura Praga, u wara ġiet fdata lis-sorijiet Premostratensi ta’ Doksany biex tirċievi l-edukazzjoni li kien jixirqilha.

Fl-1220, minħabba li kienet imwiegħda bħala għarusa ta’ Enriku VII iben l-Imperatur Federiku II, Anjeże kienet meħuda fil-qorti tad-duka tal-Awstrija. Billi l-għerusija tħassret, hija marret lura Praga fl-1225. Wara riflessjoni matura hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġnità tagħha lil Alla.

Anjeże kienet semgħet minn xi predikaturi Franġiskani ġo Praga dwar il-ħajja qaddisa skont l-ispirtu ta’ San Franġisk li l-Verġni Klara kienet qed tgħix ġo Assisi. Hija nġibdet lejn dik il-kwalità ta’ ħajja u ddeċidiet li timxi fuq l-eżempju tagħha. Wara li waqqfet il-monasteru ta’ San Franġisk għas-“Sorijiet Foqra” jew “Damjaniti” (fl-1234), hija stess ingħaqdet magħhom nhar il-Pentekoste, fil-11 ta’ Ġunju, 1234.

Din l-azzjoni tagħha tant qajmet agħa fost il-klassi tal-aristokratiċi ta’ żmienha li mijiet ta’ tfajliet imxew fuq l-eżempju tagħha u daħlu f’kunvent.

Anjeże għaddiet b’kollox 45 sena bħala soru Klarissa u serviet għal żmien qasir bħala badessa fuq talba tal-Papa. Santa Klara ta’ Assisi kienet tistħajjilha hija nnifisha, u għadha teżisti korrispondenza li għaddiet bejn dawn iż-żewġ qaddisin. Flimkien ma’ Klara, Anjeże ħadmet biex tinkiseb l-approvazzjoni tar-regola ġdida li hija kienet ħaddnet.

Santa Anjeże ta’ Praga mietet fit-2 ta’ Marzu, 1282, fl-età ta’ 71 sena. Ħafna mirakli kienu attribwiti lil din il-prinċipessa-badessa. Hi kienet iddikjarata beata mill-Papa Piju IX fl-1874, u kkanonizzata mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1988.

Ħsieb: Il-familjari ta’ Anjeże ppruvaw diversi drabi oħra jgħarrsuha ma’ xi prinċep jew xi nobbli, imma hi rnexxielha teħles minnhom kull darba – l-aħħar każ kien meta hi kellha ftit inqas minn tletin sena u niesha riduha tiżżewweġ lill-Imperatur Federiku II. Imma Anjeże appellat lill-Papa Girgor IX u insistiet li x-xewqa tagħha kienet li ssir soru Franġiskana. Fl-aħħar Federiku ċeda. “M’għandix neħodha b’offiża”, qal l-imperatur, “ladarba hi ppreferiet lis-Sultan tas-Sema milli lili.”

Dawn li ġejjin huwa siltiet mit-Tieni Ittra li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga:

“Jiena nrodd ħajr lil Dak li mingħandu tiġi kull ħaġa tajba u kull don perfett (Ġakbu 1:17), li għoġbu jżejnek b’tant ġmiel ta’ virtù, u riedek li tiddi b’sinjali l-aktar għoljin ta’ perfezzjoni, biex ladarba int sirt tixbah lill-Missier ta’ kull perfezzjoni (Mattew 5:48) min-naħa tiegħek ikun jixraqlek li ssir perfetta, hekk li għajnejh ma jsibu xejn fik li fih xi ħjiel ta’ imperfezzjoni (Salm 138:16).

U din hija l-perfezzjoni li għaliha s-Sultan ser jgħaqqdek miegħu fil-għamara tat-tieġ tal-ġenna, fejn Hu qiegħed glorjuż fuq tron tal-­kwiekeb, għaliex int stmellejt il-kobor tas-saltna tad-dinja u qist bħala ħaġa ta’ bla siwi ż-żwieġ mal-lmperatur. Flok dan kollu, għall-imħabba tal-faqar imqaddes, u fi spirtu ta’ umilta’ kbira u ta’ karita’ l-aktar imħeġġa, għażilt li timxi b’rieda sħiħa fuq il-passi (1 Pietru 2:21) ta’ Dak li immeri­tajt li tkun l-għarusa tiegħu.

Verġni fqira, tgħannaq ma’ Kristu fqir. Qis li Hu sar oġġett ta’ disprezz, u għalhekk int imxi warajh, u għall-imħabba tiegħu tarahiex bi kbira li ssir immaqdra f’din id-dinja. O Reġina l-aktar nobbli, ħares lejn l-Għarus tiegħek, l-isbaħ fost ulied il bnedmin (Salm 44:3), li biex isalvak sar l-aħħar wieħed fost il-bnedmin, immaqdar, imsawwat u midrub f’ġismu kollu, u miet fost l-eħrex tbatijiet fuq is-salib. Aħseb fuqu u kkontemplah, u xtieq b’ħeġġa li ssir tixbhu.

Jekk tbati miegħu, għad tifraħ miegħu (Rumani 8:17); jekk tmut miegħu fuq is-salib tan-niket, għad tgħammar miegħu fil-għamajjar leqqiena tal-qaddisin (Salm 109:3,22) u ismek ikun miktub fil-Ktieb tal-ħajja, u jkun imsebbaħ fost il-bnedmin. U għalhekk inti għad tiret għall-eternità u għal dejjem ta’ dejjem il-glorja tas-sema minflok l-unuri li jgħaddu ta’ din id-dinja; ikollok sehem mill-ġid li ma jispiċċa qatt minflok il-ġid li jisfa’ fix-xejn, u tgħix għal dejjem ta’ dejjem”.

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

Talba: O eżempju ta’ virtu’ mill-isbaħ, verġni glorjuża Santa Anjeże, f’din l-art int għażilt li tkun l-għarusa tar-Re tar-Rejiet u tiegħu biss u bħalu għext fil-faqar, issa, li tinsab miksija bl-ilbies tal-ferħ u mgħammra bħal għarusa bil-ġojjellerija spiritwali li tak is-Sultan qalbieni, interċedi għalina quddiemU, biex aħna wkoll nagħżlu li nitwaħdu miegħu biss, l-uniku Salvatur tagħna, ħalli naslu ngawduh għal dejjem fis-sema. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-agnes-of-bohemia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-bohemia/

or

http://www.olamnuns.com/blog/inspirations-blog/118-a-holy-princess-st-agnes-of-bohemia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Frar: Beata Adeodata Pisani

Verżjoni Vidjo: Beata Adeodata Pisani

Mulej, kull min jitbiegħed minnek jintilef. Jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi. Min jingħaqad mal-Mulej huwa spirtu wieħed miegħu”. ~ Salm 72(73):27a. 28a; 1 Korintin 6:17 

25-Beata Maria Adeodata Pisani-25BEATA ADEODATA PISANI
Verġni u Reliġjuża
1806 – 1855

Tagħrif: Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Ħsieb: Swor Marija Adeodata Pisani għaddiet il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha bħala xbieha mill-aqwa ta’ konsagrazzjoni reliġjuża Benedittina fil-Monasteru ta’ San Pietru. It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lejn ħutha s-sorijiet u l-maturita’ fil-qadi tad-dmirijiet tagħha: dawn kienu jiffurmaw il-ħajja qaddisa u fis-skiet ta’ Marija Adeodata. Moħbija fil-qalba tal-Knisja, qagħdet f’riġlejn il-Mulej tisma’ t-tagħlim tiegħu (ara Luqa 10:39), filwaqt li daqet dak li jibqa’ għal dejjem (ara Kolossin 3:2). Bit-talb, bix-xogħol u bl-imħabba, saret nixxiegħa ta’ dak il-frott spiritwali u missjunarju li mingħajru l-Knisja ma tistax tippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu, għax il-missjoni u l-kontemplazzjoni ma jgħaddux mingħajr xulxin.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II jgħid hekk dwarha:

“L-eżempju qaddis ta’ Swor Adeodata żgur għen biex iġib ‘il quddiem it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża tal-Monasteru tagħha. Nixtieq nirrikmanda għall-interċessjoni tagħha intenzjoni speċjali tiegħi. Dan l-aħħar sar ħafna biex il-ħajja reliġjuża tadatta ruħha għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu fil-ħajja tal-lum, u s-siwi ta’ dan jidher fil-ħajjiet ta’ ħafna nisa u rġiel reliġjużi. Iżda hemm bżonn tiġdid tal-apprezzament tar-raġunijiet teoloġiċi profondi għal din il-forma speċjali ta’ konsagrazzjoni. Għadna qed nistennew il-frott sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fuq il-valur traxxendentali ta’ dik l-imħabba speċjali ta’ Alla u ta’ l-oħrajn li twassal għall-ħajja tal-voti tal-faqar, kastita’ u ubbidjenza. Nirrikmanda lill-irgiel u lin-nisa ta’ ħajja kkonsagrata l-eżempju ta’ maturita’ u ta’ responsabbilta’ personali li kienu jidhru b’mod tant sabiħ fil-ħajja tal-Beata Adeodata.”

U dan diskors mill-omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Frar 2015):

“Illum niftakru fil-Beata Adeodata Pisani li bħal-lum niċċelebraw it-tifkira liturġika tagħha imma din l-imbierka soru tal-klawsura tal-monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, ħafna drabi, peress li tiġi ċċelebrata fir-Randan, ninsewha. Adeodata Pisani għexet fil-kunvent tal-klawsura l-Imdina bħas-sorijiet li kienu jitolbu f’din il-kappella, mijiet ta’ snin ilu, ingħatat kollha kemm hi għall-ministeru tat-talb u tal-penitenza u sabet it-triq tal-imħabba sabiħa.

Aħna m’aħniex fil-klawsura, qegħdin fid-dinja, aħna wkoll irridu nsibu t-triq tal-imħabba sabiħa billi nagħtu ħajjitna skont l-istat tagħna.

  • Min hu miżżewweġ jagħti ħajtu fl-imħabba skont l-istat ta’ miżżewweġ u jitlob għall-grazzja tal-fedeltà.
  • Min hu armel jgħix il-vokazzjoni tiegħu, kultant ta’ solitudni, billi jfittex li fil-knisja jkun preżenza ta’ għerf, ta’ għaqal u ta’ tama, mhux jingħalaq waħdu.
  • Min hu żagħżugħ igawdi l-ħajja mingħajr ma jitkisser jew ikisser lil ħaddieħor, imma jitlob li jkollu vokazzjoni li tkun ta’ ġid għal kulħadd inkluża għalih innifsu.
  • Min hu saċerdot u min hu Isqof iqis li l-imħabba tiegħu jgħixha billi jagħti ħajtu għall-merħla.

U hekk nitolbu lill-Beata Adeodata Pisani biex titlob għalina ħalli nħarsu lejn il-ħniena ta’ Alla u nagħmlu kuraġġ”.

(ara informazzjoni dwar is-Sorijiet Benedittini tal-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina)

Talba: O Alla, għajn ta’ kull ġid, inroddulek ħajr li fil-Beata Marija Adeodata, tajtna mudell ta’ ħajja qaddisa. Mimlija b’imħabbtek, għaddiet ħajjitha fit-talb, fiċ-ċaħda tagħha nnifisha, u fil-ħarsien tar-Regola ta’ San Benedittu fis-skiet tal-Monasteru. Agħmel Mulej, li kif f’ħajjitha l-Beata Marija Adeodata għenet tant lill-oħrajn, hekk issa bl-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu ħajja qaddisa mibnija fuq it-talb, l-imħabba tal-proxxmu, u t-twettiq tar-rieda tiegħek hekk kif għexet hi għall-imħabba tiegħek u ta’ Ommna l-Verġni Marija. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-maria-adeodata-pisani-158

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/footsteps/BL_Maria_Adeodata_Pisani.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Adeodata_Pisani

Beatifikazzjoni ta’ Swor Adeodata Pisani, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Frar: Santa Skolastika

Verżjoni Vidjo: Santa Skolastika

“Il-verġni qaddisa talbet lil Alla biex ħuha ma jitlaqhiex; seħħilha taqla’ iżjed mingħand is-Sid ta’ qalbha, għax ħabbitu iżjed. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Skolastika / Salm 132 (133):1

st-scholasticaSANTA SKOLASTIKA
Verġni
480 – 547

Tagħrif: Santa skolastika twieldet fis-sena 480. Kienet tiġi oħt San Benedittu u x’aktarx tewmija miegħu. Hi kienet ikkonsagrata verġni meta kienet għadha żagħżugħa.

Meta San Benedittu mar Monte Cassino fejn bena l-monasteru famuż tiegħu, Santa Skolastika marret toqgħod xi ħames mili ‘l bogħod minnu, f’Plombariola, qrib Monte Cassino u hemm waqqfet monasteru għas-sorijiet li josservaw ir-Regola ta’ San Benedittu. Saret ukoll badessa (superjura) – aktarx taħt id-direzzjoni ta’ ħuha.

Kienet tmur tiltaqa’ ma’ ħuha darba fis-sena ftit qabel ir-Randan, biex jiddiskutu ħwejjeġ spiritwali u jitolbu flimkien. Billi ma kinetx tista’ tidħol fil-monasteru tiegħu, hu flimkien ma xi patrijiet kien imur jiltaqa’ magħha f’dar fil-qrib.

Papa San Girgor jirrakkonta l-aħħar laqgħa ta’ dawn iż-żewġt aħwa qaddisin li ġrat tlett ijiem qabel il-mewt ta’ Santa Skolastika u ftit ġimgħat qabel dik ta’ San Benedittu. Dan il-qaddis niżel l-għolja Cassino ma’ diversi patrijiet u qagħad ġurnata ma’ oħtu. Filgħaxija huma kielu flimkien u komplew jitkellmu sat-tard. Skolastika talbet lil ħuha biex ma jitlaqhiex, iżda jibqgħu jitkellmu sa filgħodu fuq il-hena tal-ġenna. Imma l-Abbati ħass li kellu jerġa’ lura fil-monasteru biex jgħaddi l-lejl hemm.

Skolastika bdiet titlob u tibki. Santa Skolastika kienet ħasset li ma kinetx ser iddum ħajja, għalhekk talbitu biex jgħaddu l-lejl jitolbu flimkien. Imma hu ma riedx jikser ir-regola tal-monasteru li kien għamel hu stess, u jqatta’ l-lejl barra mill-monasteru. Ġara li qamet tempesta qalila u San Benedittu ma setax joħroġ mid-dar, u hekk kellu jibqa’ d-dar ma’ oħtu. Santa Skolastika qaltlu: “Tlabtek favur u int ċħadthuli; tlabtu lil Alla u Hu tahuli.” San Girgor il-Kbir jikkummenta: “Il-Liġi tal-Imħabba rebħet fuq il-Liġi tal-ġustizzja u d-dixxiplina.”

Tlitt ijiem wara, Santa Skolastika mietet fis-sena 547 fl-eta’ ta’ 67 sena, u San Benedittu ra ‘l ruħha bħal ħamiema tittajjar lejn is-sema.

San Benedittu difinha fil-qabar li kien ħejja għalih innifsu, u meta miet hu, ġie midfun ħdejha. San Girgor jikkonkludi: “L-iġsma ta’ dawn it-tnejn qegħdin fil-post tal-mistrieħ flimkien kif fil-ħajja l-erwieħ tagħhom kienu dejjem ħaġa waħda f’Alla.” Hekk it-tewmin reġgħu ngħaqdu wara li waqqfu ż-żewġ friegħi ta’ dak l-Ordni kbir li baqa’ jiffjorixxi għal erbatax-il seklu, u n-numru ta’ Qaddisin li ta lill-Knisja jlaħħaq iktar minn 5,000.

F’Malta għandna żewġ monasteri tas-Sorijiet Benedittini: wieħed fl-Imdina (ara informazzjoni dwar il-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina) u l-ieħor il-Birgu (ara s-sit dwar il-Monasteru ta’ Santa Skolastika fil-Birgu).

Fil-Kalendarju Universali t-tifkira ta’ Santa Skolastika ssir fl-10 ta’ Frar, iżda f’Malta billi dakinhar niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, u San Pawl hu l-Patrun tagħna l-Maltin, issir fil-jum ta’ qabel.

Ħsieb: Qari mill-ktieb tad-Djalogi tal-Papa San Girgor il-Kbir, bit-titlu ‘Kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed’:

“Skolastika, oħt San Benedittu, sa minn ċkunitha kkonsagrat ruħha lil Alla li jista’ kollox. Kellha d-drawwa li darba fis-sena tagħmel żjara lil ħuha, u dan il-bniedem ta’ Alla kien jinżel jilqagħha f’kamra li l-irħieb kellhom barra mill-monasteru mhux ‘il bogħod mill-bieb.

Darba ġiet bħas-soltu, u ħuha ħa miegħu xi dixxipli u niżel jilqagħha. Għaddew il-jum kollu jfaħħru ‘l Alla u jitħaddtu bejniethom fuq ħwejjeġ qaddisa. Meta kien dieħel il-lejl, ħadu xi ħaġa tal-ikel flimkien.

Huma baqgħu jitħaddtu fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u l-ħin għamel sewwa. Għalhekk dik il-mara qaddisa talbet lil ħuha u qaltlu: “Nitolbok biex ma titlaqnix waħdi dal-lejl, imma nibqgħu ngħidu xi ħaġa fuq l-hena tal-ħajja tas-sema sa ma’ jisbaħ”. Hu weġibha: “X’inti tgħid, oħt? Ma jistax ikun li nibqa’ barra miċ-ċella!”

Meta rat li ħuha ċaħdilha t-talba tagħha, dik il-mara qaddisa qiegħdet idejha fuq il-mejda, b’subgħajha ġo xulxin, serrħet rasha fuq idejha, u talbet lil Alla li jista’ kollox. Malli refgħet rasha minn fuq il-mejda, beda jberraq u jriegħed waħda f’waħda u qabdet nieżla xita bil-qliel, hekk li la Benedittu u lanqas ħutu r-reliġjużi li kienu miegħu ma setgħu joħorġu barra mill-kamra fejn kienu bilqiegħda.

Mbagħad ir-raġel ta’ Alla sewwed qalbu u beda jitniehed: u qalilha: “Alla li jista’ kollox jaħfirlek, oħt! X’għamilt?” Hi weġbitu: “Tlabt lilek, u ma ridtx tismagħni; tlabt lil Alla tiegħi, u semagħni. Mela issa oħroġ, jekk tista’, ħallini, u erġa’ lura fil-monasteru!”

Iżda hu, li ma riedx jibqa’ hemm minn rajh, kellu jibqa’ bilfors. U hekk ġara li għaddew il-lejl kollu mqajjmin, iferrħu ‘l xulxin bi kliemhom fuq il-qdusija tal-ħajja spiritwali.

U xejn m’hu tal-għaġeb li dik il-mara wriet ruħha aqwa minn ħuha; għax ladarba Alla hu mħabba, kif jgħid San Ġwann, nistgħu ngħidu bir-raġun kollu li hi kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed.

Ġara mbagħad li, wara tlitt ijiem, ir-raġel ta’ Alla kien bilqiegħda f’ċelltu, ħares ‘il barra b’għajnejh ‘il fuq, u lemaħ ir-ruħ ta’ oħtu barra minn ġisimha, tittajjar f’sura ta’ ħamiema u dieħla s-sema. Dik il-glorja kollha tagħha mlietu bil-ferħ, u nfexx irodd ħajr lil Alla li jista’ kollox, b’innijiet ta’ tifħir. Mbagħad bagħat lil ħutu r-reliġjużi biex iġibu l-katavru tagħha fil-monasteru, u difnuh fl-istess qabar li kien ħejja għalih innifsu.

B’hekk ġara li, bħalma l-erwieħ tagħhom kienu dejjem marbutin bejniethom f’Alla, l-iġsma tagħhom ukoll anqas fil-qabar ma nfirdu minn xulxin”.

Regolarment nilmentaw għaliex għandna ħafna x’nagħmlu, li ma nafux mnejn se nibdew u fejn se nispiċċaw, nixtiequ li l–ġurnata fiha aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa. Donnu li aktar mat-teknoloġija moderna tipprovdilna għajnuniet biex iħaffulna x-xogħol, aktar insibu x’nagħmlu. U meta kultant jirnexxilna nieħdu vaganza, mhux biss naslu lura aktar għajjiena, imma aktarx insibu li x-xogħol li ħallejna warajna jkollna npattu għalih wara.

Quddiem dan il-paradoss tal-ħajja moderna, xi nisa jħallu dan il-ġenn biex jidħlu jgħixu f’Monasteru, u fuq il-passi ta’ San Benedittu u Santa Skolastika, jagħmlu ħilithom biex iħarsu r-regola monastika ta’ silenzju, ubbidjenza u umiltà, eċċ … Kemm għandha x’tgħidilna din fid-dinja li ngħixu llum!

Fil-mixja tal-ħajja, l-Ispirtu t’Alla jsejjaħ lil min jixtieq. Is-sbuħija tal-persuna tkun ir-rigal għal Alla biex permezz ta’ ħajja dedikata għat-talb, riflessjoni u xogħol komuni fil-monasteru, jagħmlu ħajjithom vokazzjoni li tagħmel sens.

Minkejja t-taħbit u l–impenji tiegħek, nistiednek biex tfittex ftit ħin kuljum ħalli tagħmel ftit ħin ta’ riflessjoni dwar il-valur veru tas-silenzju – mhux bħala ħarba mir-realtajiet tal-ħajja, imma bħal valur nisrani fejn il-bniedem l-ewwel jiskopri tassew lilu nnifsu biex f’dak il-ħin jiskopri wkoll lil Alla.

Talba: O warda sabiħa tal-imħabba Santa Skolastika, inti kont dejjem fidila mal-Għarus Divin tiegħek billi offrejt il-volontà tiegħek kollha Lilu u b’hekk ippurifikajt lil qalbek mill-ħwejjeġ tad-dinja u kebbistha bl-imħabba divina tiegħu.

Aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-verġni Santa Skolastika, agħmel, Mulej, li nitgħallmu minnha biex naqduk bi mħabba sħiħa, u hekk ikun jistħoqqilna li tfawwarna bl-hena ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-scholastica.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-scholastica-143

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Scholastica

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Dicembru: Beata Marija tal-Anġli

Verżjoni Vidjo: Beata Marija tal-Anġli

“It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna”. ~ Beata Marija tal-Anġli

220px-Anna_Maria_FontanellaBEATA MARIJA TAL-ANĠLI
Reliġjuża
1661 – 1717

Tagħrif: Kien jisimha Marianna Fontanella, u twieldet fis-7 ta’ Jannar 1661 f’Augusta fil-provinċja ta’ Turin, l-Italja. Hija kienet bint familja nobbli mill-Pjemonte.

Minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri tagħha, fl-1675, meta kien għad kellha 15-il sena, daħlet fil-monasteru Karmelitan Tereżjan ta’ Santa Kristina ta’ Turin.

Imma għall-ewwel ma setgħetx tidra bħala novizza u kienet tistmell il-mod ġdid ta’ ħajja u lill-majjistra tagħha.

Hi għaddiet minn stati għoljin ta’ talb u kienet tagħmel penitenzi ħorox. Il-fama ta’ qdusija ta’ din il-mistika Karmelitana ħarġet ukoll barra l-monasteru u ħafna kienu jfittxuha għall-pariri tagħha fosthom anki membri tal-familja rjali.

Hija kellha qima speċjali lejn San Ġużepp, li f’ġieħu hija waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri li fetħet fl-1703 biex tilqa’ fih tfajliet li ma setgħux jingħaqdu magħhom bħala sorijiet f’Turin minħabba nuqqas ta’ wisgħa.

Bosta drabi qdiet hawn bħala majjistra tan-novizzi u prijura u fittxet li tnissel fil-komunità l-imħabba mħeġġa lejn Alla wkoll meta kienet għaddejja minn provi kbar. Meta kienet ser tingħażel bħala prijura għall-ħames darba, hija ma ħassithiex kapaċi għal din il-kariga u talbet li, jekk kienet volontà ta’ Alla, hija tmut f’qasir żmien.

Fi żmien tliet ġimgħat hija mardet b’mod gravi u mietet fis-16 ta’ Diċembru 1717 fl-għomor ta’ 56 sena. Kienet iddikjarata Beata mill-Beatu Piju IX fl-1865, bħala l-ewwel soru Karmelitana Taljana li telgħet għall-ġieħ tal-altari.

Ħalliet miktub: “It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna.”

Ħsieb: Beata Marija tal-Anġli għexet bħala bint vera ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, u żammet b’entużjażmu l-osservanza sħiħa tar-regola u l-kunsilli. Kienet distinta minn safa kbira – imqabbla ma’ dik ta’ San Alwiġi Gonzaga, li kienet relatata miegħu minn naħa ta’ ommha – bl-imħabba intensa tagħha biex tbati, mill-entużjażmu apostoliku li kellha, mis-suffraġji kontinwi li kienet tagħmel għall-erwieħ tal-Purgatorju, u mid-devozzjoni kbira li kellha lejn il-Verġni Marija u lejn San Ġużepp. Alla berikha wkoll b’diversi kariżmi straordinarji. Wara mewtha, hija ħalliet warajha ħafna ittri u xi rakkonti awtobijografiċi spiritwali.

Xtaqt nagħmel aċċen dwar id-devozzjoni li l-Beata Marija tal-Anġli kellha lejn San Ġużepp, hekk li f’ġieħu waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri. Kif qatt setgħet il-Beata Marija tal-Anġli tinsa lil dak li tant kien iħobb lill-Omm l-aktar ħelwa tagħha Tereża ta’ Ġesu’ u li lilha kien jobdi b’fedeltà?

Għaliex għandu jkollna devozzjoni lejn San Ġużepp?
Bħalma San Ġużepp ħadem bl-għaraq ta’ xbinu u bata kemm felaħ biex jieħu ħsieb lil martu u jrabbi u jħares mill-perikli kollha, lil Ġesù afdat f’idejh, hekk ukoll aħna msejħa biex niddedikaw ħajjitna għal Ġesù u Marija. San Ġużepp huwa meqjum ukoll fil-Karmelu bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija.

Huwa għalhekk li Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-1582), għalliema tal-ħajja tat-talb, fil-Ktieb tal-Ħajja (V/1.3; VI/3.6-8) tistqarr li meta bdiet tieħu bis-serjetà is-sejħa tagħha għall-ħajja ta’ talb ħadet bħala avukat u patrun tagħha lill-glorjuż San Ġużepp u ntelqet f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tagħha.

Mill-esperjenza tagħha, Santa Tereża tgħid li tixtieq tħajjar …

“lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi  partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna tal-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh. Dawk li jitħarrġu fil-ħajja ta’ talb għandu dejjem ikollhom ġibda specjali lejh. Jekk hemm xi ħadd li ma jistax isib surmast li jgħallmu kif jitlob, ħalli jieħu lil dan il-Qaddis glorjuż bħala għalliem tiegħu u żgur li ma joħroġx mit-triq it-tajba”.

  • U int, devot/a ta’ San Ġużepp?
  • Issejjaħlu biex iħarsek u jipproteġik kif għamel ma’ Marija u Ġesu’?

Din li ġejja hi talba lil San Ġużepp, li tassew tajjeb li nitolbuha spiss:

“O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patroċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek.

Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max-Xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna.

Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, O Protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa iddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm.

Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patroċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen”.

Talba: Nitlobuk, O Ġesù, permezz tal-interċessjoni tal-Beata Marija tal-Anġli, sabiex il-ħajja ta’ qdusija tagħha tkun ta’ kontribut f’li tgħarraf lill-bnedmin l-għeġubijiet li Int kapaċi tagħmel ma’ min jintelaq f’idejk u jafdak b’qalbu kollha, bis-sempliċita’ u bl-umilta’. Agħtina li nimxu fuq il-passi ta’ din il-qaddejja tiegħek, sabiex bħalha, naslu ngawduk fil-hena tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://hagiomajor.blogspot.com/2012/12/december-16-feast-of-blessed-mary.html

Alternative Reading: http://ocds-carmelite.blogspot.com/2008/12/blessed-mary-of-angels.html or http://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-mary-angels-ocd-virgin-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marianna_Fontanella

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Novembru: Beata Marija Fortunata Viti

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Fortunata Viti

“Żmien it-tbatija qasir, il-ferħ hu etern.” ~ Beata Marija Fortunata Viti

Beata-Maria-Fortunata1BEATA MARIJA FORTUNATA VITI
Verġni
1827 – 1922

Tagħrif: Anna Felicia Viti twieldet ġewwa Veroli fl-Italja fil-provinċja ta’ Frosinone, nhar l-10 ta’ Frar 1827. Missierha kien Luiġi Viti, li għalkemm kien sid ta’ ħafna artijiet, kellu l-vizzju tal-logħob tal-azzard u tax-xorb. Ommha, Anna, mietet meta Marija kellha 14-il sena. Marija kienet it-tielet wild minn disa’ aħwa u minħabba f’hekk kellha tieħu ħsieb il-familja wara l-mewt t’ommha. Biex ikollha l-flus għall-familja ħarġet taħdem bħala seftura.

Kellha proposta għaż-żwieġ imma ddeċidiet li minflok tagħti ħajjitha għall-ħajja reliġjuża. Fil-21 ta’ Marzu, 1851, fl-età ta’ 24 sena, Marija ngħaqdet mal-Benedittini fil-Monasteru ta’ Santa Marija de Franconi, ġewwa Veroli. Għaddiet aktar minn 70 sena fl-ordni u peress li baqgħet illitterata, għaddiet ħajjitha tagħmel xogħol tal-ħjata, ħasil u tiswija tal-ħwejjeġ – ħajja verament umli. Iżda kellha devozzjoni kbira lejn is-Sagrament Imqaddes.

Mietet fl-20 ta’ Novembru 1922 u ħdejn il-qabar tagħha seħħew ħafna mirakli. Matul ħajjitha kienu rrapurtati xi mirakli u jingħad li kellha d-don tal-profezija. Darba fost l-oħrajn, waqt quddiesa nstemgħet tibki għax kellha viżjoni li l-qassis li kien iqaddes kien ser jitlaq il-vokazzjoni tiegħu. Jingħad ukoll li żewġ tfajliet fiequ mill-marda tal-meninġite wara t-talb tagħha.

Fl-1935, il-fdalijiet tagħha twasslu fil-knisja tal-monasteru hekk kif beda l-proċess tal-kanonizzazzjoni. Fit-8 ta’ April, 1964, il-Papa Pawlu VI ddikjaraha venerabbli, u fit-8 t’Ottubru ġiet ibbeatifikata. Il-kawża tal-kanonizzazzjoni tagħha għadha sejra. Hija patruna ta’ dawk li jbatu bil-mard mentali.

Ħsieb: Il-Beata Marija Fortunata Viti, li mietet fl-età ta’ 96, wara 72 sena ta’ talb, ħjata, tindif u tiswija fl-klawsura tal-monasteru tagħha f’Frosinone, li kien, wieħed jista’ jgħid, il-parti femminili ta’ din l-istill ta’ ħajja li għex San Charbel Mahklouf (1828-1898), l-ermità Maronita beatifikat mill-istess Papa Pawlu VI fl-1965. Kien, b’xi mod tipiku ta’ dan il-Papa li, jpoġġi mudelli tal-qdusija lill-Knisja, persuni li għexu ħajja monastika.

Fl-omelija tiegħu għall-beatifikazzjoni ta’ Beata Marija Fortunata Viti fit-8 ta’ Ottubru 1967, il-Papa Pawlu VI qal:

“Aħna mhux dispensati milli nikkondensjaw f’kelma waħda din il-ħajja, din il-qdusija, b’tali mod li nikklassifikaw taħt kelma waħda dak kollu li jista’ jingħad dwarha; il-kelma hija umiltà. Aħna esprimejna din anki fil-Beatifikazzjoni fil-Qosor tagħha, u lilna dehrilna li hi l-aktar espressjoni vera tal-eżistenza tagħha, u wkoll ir-raġuni per eċċellenza għall-glorifikazzjoni preżenti tagħha”.

Marija Fortunata Viti tippersonifika din il-virtu’ tal-umilta’. Il-kobor tagħha huwa f’dan iċ-ċokon. Hawn qegħdin fil-qafas tal-Magnificat; u dan innifsu diġa’ jgħidilna l-grad ta’ awtentiċità u spiritwalita’ profonda li nsibu fil-perfezzjoni ta’ Marija Fortunata. L-Umiltà hija l-messaġġ tagħha. Hi tistieden lilna u kważi tobbligana naħsbu mill-ġdid dwar il-valur u l-esiġenza ta’ ħajja Kristjana, ibbażata preċiżament fuq il-prattika ta’ din il-virtu’ li nistgħu nsejħulha l-Omm tal-kull virtu’.

Dan li ġej huwa rapport dwar Omelija tal-Papa Franġisku (8 ta’ April 2013) dwar l-Umilta’:

Il-Papa sostna li l-istorja kollha tal-fidi hija magħmula minn umiltà u tkellimna lkoll dwar l-umiltà. U dan jidher ukoll mill-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. F’kull ġrajja jidher li Alla ried li kollox isir fil-moħbi, li ma jsirx publiku, li bħal donnu kien mgħotti bid-dell tal-Ispirtu s-Santu. U hu għalhekk li jgħaddi mit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jbaxxi lilu nnifsu: jiġi għandna u jbaxxi lilu nnifsu. U jkompli jbaxxi lilu nnifsu sas-salib.

Alla tagħna – għaliex Hu tajjeb, għaliex mhux Alla taparsi, Huwa veru; mhux xi Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, Huwa veru – jippreferi jimxi b’dan il-mod, mit-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha tiġi mit-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li timxi fit-triq hekk, b’għajnejn baxxi: le, le. L-umiltà hija dik li jgħallimna Alla, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. L-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib.

U din hija r-regola tad-deheb tan-nisrani: jipprogressa, jimxi ‘l quddiem, ibaxxi lilu nnifsu. Ma jistax jgħaddi minn triq oħra. Jekk jiena ma nbaxxix lili nnifsi, jekk inti ma tbaxxix lilek innifsek, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nbaxxi lili nnifsi?’ Sabiex tħalli l-imħabba kollha ta’ Alla tgħaddi minn din it-triq, li hija l-unika waħda li Hu għażel – ma għażilx oħra – li twassal sas-salib. U wara, għar-rebħa tal-qawmien. Ir-rebħa tan-nisrani tieħu dil-mixja tat-tbaxxija. Naħseb li hekk jgħidu hux: tbaxxi lilek innifsek. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jbaxxi lilu nnifsu f’dan il-misteru tant sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma ta’ din l-umiltà, li hija t-triq li minnha żgur tgħaddi l-imħabba.

Meta Pawlu jgħidilna, ‘kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.’ (ara Filippin 2:3), kultant huwa diffiċli taħseb hekk. Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex huwa, fil-qiegħ nett ta’ qalbu jaf li l–imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk ma hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ bblukkata, ma tgħaddix.

F’okkażżjoni oħra, Papa Franġisku stqarr dan li ġej:

“Ma jistax ikun hemm umiltà mingħajr ma jkun hemm umiljazzjonijiet”. 

  • U int, qed tilqa’ l-umiljazzjonijiet li l-Mulej jippermetti f’ħajtek biex iżomm ruħek umli billi tagħraf li int kull ma’ int bniedem/bniedma midinba?
  • Tirrifletti ta’ spiss fuq kif Alla tbaxxa u umilja ruħu tant b’imħabba għalina?
  • Minkejja li diffiċli, int taċċetta li ħaddieħor huwa dejjem akbar minnek fil-ġieħ u li kull ħaġa tajba li hemm fik, hija grazzja ta’ Alla?
  • Skont Ġesu’, aħna ‘qaddejja li ma niswew għal xejn’. Tagħrafha din il-verita’ li aħna mingħajr Ġesu’, ma nistgħu nagħmlu xejn, propju xejn, għax kull don u kull grazzja ġejjin minnu?

Talba: Mulej, bħall-qaddejja tiegħek Beata Marija Fortunata, għinna niffokaw fuq il-premju etern li qed jistenniena fir-renju tiegħek, aktar milli fuq il-provi temporanji li niffaċċjaw f’din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://guadalupehousehi.blogspot.com/2016/11/saint-of-month-november-2016-blessed.html

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2012/11/blessed-maria-fortunata-viti/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Fortunata_Viti

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.