10 ta’ Awwissu: San Lawrenz

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz

“Lawrenz għajjat u qal: ‘Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu; ma nibżax mill-moħqrija tiegħek. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: jien nittama fih.'” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Lawrenz (Salm 17(18):3b).

St Lawrence 2SAN LAWRENZ
Djaknu u Martri
? – 258

Tagħrif: Il-kelma “Djaknu” tfisser “Qaddej.”

Wara l-appostli San Pietru u San Pawl, San Lawrenz l-aktar martri Ruman magħruf ta’ Ruma. Ma għandniex wisq dettalji ċerti fuqu ħlief li kien djaknu tal-Knisja ta’ Ruma. Jingħad li hu kien minn Huesca t’Aragona (Spanja) u ħadu miegħu Ruma l-arċidjaknu Sistu meta dan kien għaddej fuq qadja minn Huesca t’Aragona.

Meta aktar tard Sistu sar papa bl-isem ta’ Sistu II, fil-257 għażel lil Lawrenz bħala djaknu, u għalkemm kien għadu żagħżugħ, qiegħdu l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni li kienu jservu lill-Knisja ta’ Ruma.

Fis-6 ta’ Awwissu, 258 il-Papa Sistu, waqt li kien fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu ma’ xi djakni tiegħu, ġie maqbud u kkundannat għall-mewt. Jingħad li Lawrenz mar jilħqu u staqsieh kif kien sejjer għall-aħħar sagrifiċċju tiegħu mingħajr id-djaknu tiegħu. Papa Sistu jingħad li ħabbar lil Lawrenz li kellu jmut mewta ħarxa ftit jiem wara. Fil-fatt Lawrenz ġie hu wkoll maqbud mis-suldati Rumani.

San Ambroġ ħalla miktub li, skont tradizzjoni orali, Lawrenz qabel ma arrestawh, ġie mogħti tlett ijiem żmien biex inewwel lill-imperatur Valerjanu t-teżori tal-knisja, iżda d-djaknu biegħhom biex jiġu mgħejjuna l-foqra u ppreżenta lill-imperatur dawn l-istess foqra bħala teżori tal-knisja.

Lawrenz ġie għalhekk ikkundannat għal mewta l-aktar ħarxa billi jkun mixwi fuq gradilja. Il-qaddis ingħata difna xierqa fuq il-Via Tiburtina.

Prudentius, madwar is-sena 400, jgħid li l-konverżjoni ta’ Ruma saret minħabba t-talb ta’ San Lawrenz u jgħid ukoll li folol kbar kienu jmorru fil-knisja ta’ dan il-qaddis f’Ruma u li ħafna grazzji kienu jinqalgħu bl-interċessjoni tiegħu. Fis-seklu erbgħa dan il-qaddis mhux biss kellu festa iżda wkoll vġili.

Wara l-martirju, il-fdal tal-Qaddis indifen fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka ħdejn it-triq Tiburtina fil-Verano. Kostantinu l-Kbir bena bażilika fuq il-qabar tiegħu, li waqgħet u nbniet kemm-il darba. Il-knisja li hemm illum iġġib l-isem ta’ San Lorenzo Fuori le Mura, u tinsab f’idejn il-patrijiet Kapuċċini.

Imfaħħar mill-aqwa dutturi tal-Knisja, fosthom Santu Wistin, Sant’Ambroġ, u San Leone Manju, wara l-Appostli San Pietru u San Pawl, hu l-iktar martri meqjum ġewwa Ruma.

Il-Papa tal-Immakulata, il-Beatu Piju IX, ried jindifen ħdejn il-qabar ta’ San Lawrenz, u hemm jinsab tassew. Lil San Lawrenz, huma ddedikati mijiet kbar ta’ knejjes, fosthom f’Ruma, San Lawrenz “In Lucina,” “In Damaso,” mibnija mill-Papa San Damaso (366-384), “In Paneperna” u “In Miranda”.

Lilu huma ddedikati l-Katidrali ta’ Genova, Perugia, Grosseto, Trapani, Lugano u oħrajn. Il-Knisja tiċċelebra l-festa tiegħu bl-istess grad liturġiku daqs tal-festi tal-Appostli.

San Lawrenz huwa l-Patrun tal-Birgu u tar-raħal li jġib ismu ‘San Lawrenz,’ Għawdex.

ĦsiebDan kliem l-Isqof Mario Grech – mill-omelija f’jum il-festa tad-djaknu San Lawrenz:

“Lill-Isqof Ċiprijanu ta’ Kartaġni xi ħadd kitiblu hekk: Għadu kemm wasal editt ta’ Valerjanu li fih iħabbar il-qtil tal-isqfijiet u tad-djakni, fost dawn hemm id-djaknu Lorenzu. Skont l-Isqof Ċiprijanu, il-ħsieb ta’ Valerjanu ma kienx biss li joqtol lil dak u lill-ieħor, imma li f’kolp wieħed inaddaf lis-soċjetà ta’ żmienu mis-saċerdozju. Valerjanu ried joħloq l-instabbilità fi ħdan il-Knisja billi mhux biss ifieri imma saħansitra joqtol lil kull saċerdot. Nibża’ li dan l-ispirtu ta’ Valerjanu jista’ jerġa’ jibda jqajjem rasu … Hemm bżonn li fil-Knisja jkollna komunità li kapaċi tqum fuq riġlejha u tagħmel id-difiża tagħha mhux lil dik il-persuna (is-saċerdot individwali) imma l-ministeru afdat lil dik il-persuna.”

U din li ġejja hija riflessjoni ta’ Dun Daniel Xerri fuq il-fidi li kellu fi Kristu id-Djaknu Lawrenz:

  • L-imħabba ta’ Lawrenz għal Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li wasslitu sal-martirju, hi marbuta ħaġa waħda mal-fidi tiegħu.
  • X’inhi l-fidi? Hija meta “l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla” u “lil Alla li juri lilu nnifsu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-moħħ u tar-rieda tiegħu u jilqa’ bil-qalb dak kollu li Alla jurih u jitlob minnu” (Dei Verbum, 5). Din hi dik li San Pawl isejħilha “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rumani 16: 26) u li bix-xieraq, kull bniedem għandu jagħti lil Alla, proprju għax hu Alla.
  • Lawrenz emmen f’Alla u f’Iben Ġesù Kristu, afdah b’għajnejh magħluqa u ntelaq f’idejh sa fil-martirju. Sa minn tfulitu huwa ħaddan il-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret, fidi li mmarkatlu ħajtu. Il-mod kif għex u miet juri biċ-ċar li hu kien kollu kemm hu ta’ Kristu. Speċjalment fil-belt ta’ Ruma huwa ltaqa’ ma’ ħafna nsara li taw xhieda tal-fidi tagħhom b’kuraġġ u determinazzjoni. Kien fuq kollox l-eżempju tal-martri li kabbar u saħħaħ bil-qalb ta’ Lawrenz l-fidi f’Ġesù. L-eżempju ta’ dawk l-insara qalbiena li f’din il-belt xerrdu demmhom għal Kristu kien dejjem quddiem għajnejh. Nistgħu nimmaġinaw x’kien iħoss meta ma’ ħutu l-insara l-oħra kien iżur l-oqbra tal-martri u jitlob fuqhom, kif kienet id-drawwa tal-knisja f’dawk iż-żminijiet. Min jaf x’ħass meta, fuq ordni tal-Papa Sistu II innifsu, kellu jieħu ħsieb ir-relikwi għeżież tal-Appostli Pietru u Pawlu u jaħbihom fil-katakombi biex iħarishom mill-id qerrieda tal-persekuturi.
  • Meta fis-sena 257 l-Imperatur Valerjanu ħareġ l-editt biex jiġu maqtula l-membri kollha tal-ġerarkija tal-Knisja, Lawrenz fehem li issa kien imiss lilu jagħti xhieda għall-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Imqanqal mit-tħeġġiġ tal-Papa Sistu II u msaħħaħ mix-xhieda tiegħu, Lawrenz beda jarma ruħu għall-martirju. Hu kien lest li jbati u jmut għal dak li emmen fih. Bi kliem San Pawl seta’ jgħid: “Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati, imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint” (2Timotju 1:12). U wasal il-waqt tal-prova. Kien l-10 t’Awwissu tas-sena 258 meta ż-żagħżugħ Lawrenz tela’ ferħan fuq il-gradilja u ħalla lil ġismu jinħaraq bin-nar għall-imħabba ta’ Ġesù. Fil-qawwa ta’ dak in-nar kienet qed tissaffa u tilħaq il-milja tagħha l-fidi tiegħu.
  • Żgur li f’dawk il-mumenti ġew f’moħħ id-Djaknu Lawrenz l-kelmiet tal-appostlu Pietru, li snin qabel kien kiteb lill-insara tal-Asja Minuri: “Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja u għall-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu” (1Pietru 1:7). Għalhekk, “ħuti għeżież, tistgħaġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom …” (1Pietru 4:12). Żgur li ġewh ukoll f’moħħu l-kelmiet tal-appostlu Pawlu: “Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss li temmnu fih, imma saħansitra li tbatu għalih” (Filippin 1:29). San Lawrenz serva lil Kristu bħala Djaknu, emmen fih u fuq kollox bata għalih!
  • Imħeġġeġ mit-tagħlim ta’ dawn l-appostli kbar, Lawrenz kien tassew iħares lejn il-martirju bħala grazzja, li tant kien jixtieqha u jitlobha. Għax tabilħaqq, li temmen f’Ġesù hija grazzja imma li tbati għalih hija grazzja akbar.

“Fl-eżempju ta’ San Lawrenz, għandna prova tal-qawwa tal-grazzja t’Alla. Hu kien jara ġismu jinħaraq bla ma jitlef il-paċi ta’ ruħu; u aħna bil-maqlub ma nafux insofru l-iċken uġigħ jew dispjaċir bla ma nitilfu l-paċi.” ~ Br. Louis

  • U int, fis-sofferenzi tiegħek tixbhu xejn lil San Lawrenz, billi bħalu żomm l-kalma u l-paċi?
  • Jew forsi ġieli żbilt u tlift il-paċi ta’ qalbek, u forsi wkoll telliftha lil ħaddieħor?

Henjin tassew inkunu aħna jekk nimitaw lil San Lawrenz fis-sabar tiegħu!

Talba: O kbir u glorjuż San Lawrenz, illi ġejt ikkundannat għall-mewt tan-nar bati, u soffrejt din il-piena hekk kbira b’tant qawwa tant li sirt wirja ta’ ammirazzjoni fis-sema u fl-art: ftakar issa mela f’dik it-talba li għamilt ’l Alla fuq is-sodda kollha nar. Kif inti tlabt illi Ruma tibqa’ dejjem kattolika, hekk ukoll issa, bl-interċessjoni tiegħek, aqla’ rebħiet ġodda lill-Knisja fuq tant għedewwa li għandha. Agħmel li tibqa’ sħiħa fil-fidi, u qaddisa fil-valuri, u hekk imbiegħda mill-perikli u mill-ideat foloz ta’ żminijietna, tkompli twassal biss lil Kristu lid-dinja li tant għandha għatx għalih. Ammen. (Strofa minn Novena ta’ San Lawrenz)

O Alla, int ħeġġiġt bi mħabbtek lil San Lawrenz, qaddej kbir u fidil tal-Knisja tiegħek, li kiseb il-glorja tal-martirju; agħmel li ngħożżu dak li huwa ħabb u nimxu fuq it-tagħlim li tana. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-lawrence/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-lawrence-563

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Lawrence

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Awwissu: San Gejtanu

Verżjoni Vidjo: San Gejtanu

“Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” – Ġesù f’Mattew 6:33.

St CajetanSAN GEJTANU
Saċerdot
1480 – 1547

Tagħrif: San Gejtanu twieled f’Vicenza, l-Italja, fl-1480, minn familja sinjura u nobbli.

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat mill-Università ta’ Padova.

Irritorna Vicenza u sar Senatur. Iżda beda jħoss li għandu jservi ‘l Alla iktar mill-qrib. Fl-1506, mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516.

Fl-1518, mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f’idejh.

F’Vicenza sar membru tal-Oratorju ta’ San Ġirolmu, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jdur bil-morda inkurabbli.

Fl-1520, mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Fl-1523, telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini.” Carafa kien irriżenja minn Isqof biex seta’ jingħaqad ma’ Gejtanu.

Huma kienu jirrifjutaw benefiċċji u bla ma jittallbu, kienu jiddependu fuq id-donazzjonijiet volontarji li l-providenza t’Alla kienet tibgħat. Il-motto fuq l-arma tagħhom kien: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla.” Fost il-prattiċi piji li tradizzjonalment ġew imxerrda mill-Kjeriċi Regolari nsibu l-“att erojku” li bih wieħed iċedi mhux biss il-valur satisfatorju tal-opri tajba li jwettaq f’ħajtu iżda wkoll is-suffraġji, favur l-erwieħ tal-Purgatorju.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa’ ntgħażel Carafa.

Fl-1543, kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis,” il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jisselfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta’ Napli.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X. Gejtanu kien wieħed mir-riformaturi kbar kattoliċi u ħafna mir-riformi li wettaq il-Konċilju ta’ Trentu kienu antiċipati minn San Gejtanu u mqegħdin fil-prattika minnu ħafna qabel ma tlaqqa’ l-konċilju.

Waħda miż-żewġ parroċċi tal-Ħamrun hija ddedikata lill-“Qaddis tal-Providenza,” San Gejtanu Thiene.

Ħsieb: Mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun (6 ta’ Jannar, 2018):

Id-devozzjoni lejn il-Verb Inkarnat wasslet lil Gejtanu ta’ Thiene biex imur jitlob qrib il-maxtura ta’ Ġesù. Imma kien konxju tad-dgħjufija tiegħu, kien konxju ukoll tad-dnubiet tiegħu. Quddiem l-imħabba li wrieh l-Imgħallem, dejjem kien iħossu mhux żelanti biżżejjed. “Għal ħafna snin,” jgħid, “ħallejt lill-imsejkna ruħ tiegħi tindarab f’ġerħat li fnew, kont imfissed u nagħti l-għala wisq lill-ġisem, lid-dinja u lill-għadu ta’ ruħi.”

Meta naqraw dawn il-kliem ta’ San Gejtanu, nifhmu li qisna qegħdin naqraw xi kumment li niktbu aħna fuqna nfusna. Meta aħna nersqu lejn il-qaddisin, nagħmlu kuraġġ kbir. L-ewwel kuraġġ li nagħmlu huwa li nifhmu li huma m’għandhom l-ebda problema jistqarru d-dgħjufija tagħhom. M’għandhom l-ebda kumpless żejjed biex jistqarru li huma midinbin u midinbin ta’ vera. Mhijiex umiltà falza din ta’ San Gejtanu, imma umiltà vera ta’ bniedem dgħajjef li għandu bżonn jagħmel għażla.  

Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu aħna nafuha. Id-deċiżjoni ta’ San Gejtanu hija dik li ma jċedix quddiem id-dgħufija u d-dnubiet tiegħu. Hu jsemmi d-dnubiet tal-ġisem, id-dnubiet tad-dinja, il-fatt li jċedi għall-għadu. 

X’inhu l-messaġġ għalina? Jekk San Gejtanu, konxju mid-dgħufija tiegħu, ikollu l-esperjenza tad-dija tal-wiċċ ħanin tal-Mulej jiddi fuqu, inti wkoll, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex nitpaxxew bil-ħniena u d-dija tas-sebħ tal-Mulej fis-sagramenti, fil-Qrar, fl-Ewkaristija. 

Aħna rridu nkunu bħal San Gejtanu, bħal San Ġorġ Preca, li jindikawlna lil Ġesù, u nħarsu lejh u nilqgħuh mingħand Marija. Bħalma kien jgħid San Ġwann tas-Salib: “Jekk inti tilqa’ lil Marija, hi tiġi għandek, toqgħod għandek u ġġib magħha lill-Verb Inkarnat, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem.”

Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-Madonna hi u tagħtina lil Ġesù, u nitolbu l-interċessjoni ta’ San Gejtanu biex dak li għadda minnu u li kkonvertieh, “inqum, u għalkemm ma jistħoqqlix, jiena nkun qaddej tas-sid umli tiegħek,” aħna wkoll inkunu qaddejja tas-Sid umli tagħna għax nafu li afdalna teżor kbir, nafu li l-“ġarar tagħna tal-fuħħar,” imma għalina biżżejjed il-grazzja tiegħu”.

  • U int, kemm temmen fil-Providenza Divina?
  • Kemm hi kbira l-fiduċja tiegħek f’Alla?
  • Inti tħalli lil Alla jużak biex inti stess tkun providenza għal ħaddieħor?

Talba: O Alla, inti tajt lis-saċerdot San Gejtanu l-grazzja li jgħix ħajja bħal tal-appostli; agħmel li aħna, bl-eżempju u t-talb tiegħu, inqiegħdu dejjem fik it-tama tagħna u qatt ma nieqfu nfittxu s-saltna tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-cajetan.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cajetan/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cajetan

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija De Liguori

Verżjoni Vidjo: San Alfons Marija De Liguori

“Il-Mulej jaqtagħalhom xewqithom lil dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alfons Marija De Liguori (Salm 144(145):19-20; 1 Ġwanni 3:9).

santo-afonso-1.jpgSAN ALFONS MARIJA DE LIGUORI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1696 – 1787

Tagħrif: San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru, 1696. Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-età ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Università ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: “Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew.”

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna tal-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra. Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla d-djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi. Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awwissu 1787, ta’ 91 sena. L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma “It-Teoloġija Morali,” “Il-Glorji ta’ Marija,” u “Il-Visti lil Ġesù Sagramentat.” Fl-1839, il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

Aktar dettali
San Alfons kien iben ta’ kaptan tax-xwieni rjali. Meta kien qed jagħti rtir f’kunvent tas-sorijiet fi Scala, iltaqa’ ma’ Swor Marija Celeste u għarrfitu b’viżjoni li kellha dwar twaqqif ta’ ordni reliġjuża ġdida – u li kienet taqbel ma’ viżjoni oħra li l-Isqof Falcoia kellu aktar qabel f’Ruma. Il-qaddis għaraf li l-viżjoni kienet ġenwina. Alfons għalhekk, sena wara (fl-1731), organizza l-kunvent tas-sorijiet skont ir-regola li Swor Celeste kellha fil-viżjoni, u twaqqfet il-kongregazzjoni tas-sorijiet tas-Santissimu Redentur.

Hu mar joqgħod fi Scala fejn hemm ta bidu għat-twaqqif tal-fergħa tal-irġiel tal-Kongregazzjoni tas-Santissimu Redentur, imsejħin Redentoristi. Dawn huma ddedikati biex jipprietkaw missjonijiet speċjalment fi nħawi traskurati. L-ordni tar-Redentoristi kibret u fl-1743, il-Kunsill Ġenerali għażel lil Alfons bħala superjur.

Matul il-biċċa l-kbira tal-91 sena ta’ ħajtu, San Alfons kellu vot li ma jaħlix mument żmien. Barra li pprietka kemm felaħ missjonijiet fil-kampanja u fl-irħula, iddedika ruħu għall-kitba. Irrifjuta li jsir Isqof ta’ Palermo, imma fl-1762 kien imġiegħel jaċċetta li jsir Isqof ta’ Sant’Agata dei Goti ħdejn Napli.

Huwa inawgura programm maħsub biex jirriforma l-kleru, il-monasteri, u d-djoċesi kollha kemm huma, u ħabrek biex itaffi l-kundizzjonijiet tal-fqar u tal-injoranza.

Marid u batut bir-rewmatiżmu, li ħallieh ipparalizzat sakemm miet, huwa rriżenja minn isqof fl-1775 (wara li kien ilu 13-il sena) u rtira f’Noċera. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta naqaslu ħafna d-dawl ta’ għajnejh, sofra ħafna minħabba l-ordni tiegħu. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajtu sofra wkoll minn dipressjoni kbira spiritwali u għadda minn dak li hu msejjaħ il-lejl mudlam tar-ruħ. Imma mbagħad dan l-istat inbidel fi żmien ta’ paċi u dawl mis-sema, u esperjenza viżjonjiet, estasijiet u anki pprofetizza ġrajjiet li seħħew wara.

Ħsieb: Qari mill-Opri tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori bit-titlu ‘L-imħabba ta’ Kristu’:

“Il-qdusija u l-perfezzjoni spiritwali tinsab kollha fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, Alla tagħna, li hu l-aqwa ġid u l-Feddej tagħna. L-imħabba hi dik li tgħaqqad flimkien u tħares il-virtujiet kollha li jagħmlu lill-bniedem perfett.

Forsi Alla ma jistħoqqlux l-imħabba kollha tagħna? Hu ħabbna sa minn dejjem. Huwa jgħidilna: ‘Ġib quddiem għajnejk, ja bniedem, li jien ħabbejtek l-ewwel. Kont għadek ma rajtx id-dawl, id-dinja kienet għadha ma saritx, imma jien kont ġa ħabbejtek. Ili nħobbok minn kemm ili neżisti.’

Alla jaf li l-bniedem jinġibed lejn min jagħmillu l-ġid, u għalhekk ried jagħtih id-doni tiegħu biex iħajru jintrabat miegħu bl-imħabba: “Irrid naqbad lill-bnedmin għal imħabbti bl-istess xbiek li huma stess iħallu ‘l min jaqbadhom: bix-xbiek tal-imħabba.”

Kien għalhekk li hu ta dawk id-doni kollha lill-bniedem. Tah ir-ruħ, u żejjinhielu bil-memorja u d-dehen u r-rieda biex ikun jixbah lilu; tah il-ġisem mogħni bis-sensi; u ħalaq għalih is-smewwiet u l-art bit-tiżjin kollu tagħhom. Dan kollu għamlu għall-imħabba tal-bniedem, biex il-ħlejjaq kollha jaqdu lill-bniedem, u l-bniedem iħobb lil Alla biex iroddlu ħajr għal dan il-ġid kollu.

U mhux biss ried jagħtina dawn il-ħlejjaq sbieħ, imma, biex nagħtuh imħabbitna, wasal ukoll li jagħtina lilu nnifsu kollu kemm hu. Huwa tana lil Ibnu l-waħdieni: sa hawn wasal il-Missier etern! Huwa rana lkoll mejtin minħabba dnubietna, rana nieqsa mill-grazzja tiegħu; x’għamel? L-imħabba bla tarf li għandu għalina ġagħlitu jibgħtilna lil Ibnu l-għażiż, biex iħallas għalina u jroddilna l-ħajja li tlifna bid-dnub.

Biex jeħles lilna, anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina, u flimkien miegħu tana kull ġid, jiġifieri, il-grazzja, l-imħabba u l-ġenna, ġid li żgur huwa inqas minn Ibnu: Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?”

“Din hi l-paċi li tibqa’ għal dejjem, li fl-esperjenza tal-qaddisin, tegħleb kull għerf. Tgħaddi kull pjaċir li jegħleb kull sodisfazzjon mis-sensi, minn laqgħat soċjali, xalati u pjaċiri oħra tad-dinja; huma kemm huma fiergħa u qarrieqa, isaħħru s-sensi għal dak il-mument, imma ma jagħtux il-ferħ dejjiemi; minflok iweġġgħu lill-bniedem fil-qiegħ ta’ ruħu fejn tassew jinsab il-veru paċi.” ~ San Alfons Marija de Liguori

Meta San Alfons induna li kien ittradut, beka bil-kbir. Ipprova bil-kwiet u bl-ordni jirranġa l-iżball għalkemm ma rnexxilux, iżda qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu. Ġesù wkoll kien ittradut b’bewsa!

  • Jekk qatt xi ħadd jidħak bik (jingannak, jittradik, iqarraq bik, issirlek xi inġustizzja) x’ser tagħmel malli tintebaħ b’dak li jkun ġralek?
  • Ser tnissel fik mibegħda, ser tpatti u tivvendika ruħek?

Talba: O Alla, int dejjem ixxettel fil-Knisja tiegħek eżempji ġodda tal-virtù; agħtina li, fil-ħidma għall-erwieħ, ikollna l-ħerqa tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori, biex miegħu nissieħbu fil-premju tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-alphonsus-liguori/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-alphonsus-liguori-550

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Alphonsus_Liguori

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Lulju: San Injazju ta’ Loyola

Verżjoni Vidjo: San Injazju ta’ Loyola

“Jekk wieħed għandu d-don tal-kelma, jinqeda bih qisu kliem ta’ Alla; jekk wieħed għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu qisu bis-setgħa li qiegħed jagħtih Alla, biex f’kollox ikun imsebbaħ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Fuq kollox, ikollkom imħabba qawwija lejn xulxin.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Injazju ta’ Loyola (1 Pietre 4:11. 8a).

St_Ignatius_of_Loyola_(1491-1556)_Founder_of_the_Jesuits.jpgSAN INJAZJU TA’ LOYOLA
Saċerdot
1491 – 1556

Tagħrif: San Injazju twieled fil-kastell ta’ Loyola f’Azpeitia, Spanja, fl-1491, minn familja nobbli. Kien l-iżgħar fost tużżana tfal, u tawh l-isem ta’ Inigo li hu stess bidel f’Injazju f’madwar l-1540.

Beda jaħdem bħala paġġ fil-qorti tar-Re Ferdinandu V, u mbagħad daħal suldat u sar Kaptan fl-armata tal-Viċire ta’ Navarra.

Fl-1521, fil-battalja ta’ Pamplona kontra l-Franċiżi, balla ta’ kanun qasmitlu l-qasba ta’ siequ l-leminija u fetħitlu beraħ il-pexxul ta’ siequ l-oħra. Midrub kif kien, bagħtuh lura fil-kastell tal-familja tiegħu ta’ Loyola biex ifiq.

Meta kien qed jirkupra ġew żewġ kotba f’idejh: “Il-Ħajja ta’ Ġesù” u “Il-Ħajja tal-Qaddisin.” Tant laqtuh li ddeċieda li jagħti ħajtu lil Ġesù, u jaħdem “għall-ikbar glorja t’Alla,” kliem li kellu jsir il-motto tas-Soċjetà.

Meta fieq għamel pellegrinaġġ lis-Santwarju tal-Madonna f’Montserrat. Is-sentejn ta’ wara għaddiehom f’Manresa. Kien f’dawn is-sentejn ta’ talb u ġabra li hu beda jikteb il-ktieb famuż tiegħu “L-Eżerċizzi Spiritwali.”

Fl-1523 telaq minn Manresa u mar jagħmel pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa. Meta reġa’ lura Spanja fl-1524, ra li mingħajr edukazzjoni soda ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu, u telaq lejn Barċellona biex jibda jistudja l-Latin.

Fl-1528, mar l-Università ta’ Pariġi. Hawnhekk iltaqa’ u sar ħabib kbir ma’ sitt studenti li wieħed minnhom kien San Franġisk Saverju (ara San Franġisk Saverju), u ieħor San Pietru Faber.

Fl-1534, San Injazju u sħabu għamlu l-vot tal-kastità u tal-povertà fil-kappella ta’ Montmartre, u wegħdu li jmorru jipprietkaw il-Vanġelu fil-Palestina u joffru s-servizzi tagħhom dirett lill-Papa Pawlu III. Hekk twaqqfet is-Soċjetà ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti kif huma magħrufin illum.

Fl-1537, San Injazju u l-kumpanni tiegħu li issa kienu saru disgħa, marru Venezja u ġew ordnati saċerdoti. Billi ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa, marru Ruma u offrew lilhom infushom lill-Papa Pawlu III. Hekk l-Ordni ġie uffiċjalment imwaqqaf fl-1540.

Fl-1541, San Injazju ġie magħżul biex ikun l-ewwel Superjur Ġenerali, u għadda l-kumplament ta’ ħajtu f’Ruma, imexxi s-Soċjetà ta’ Ġesù. Miet f’Ruma, fil-31 ta’ Lulju ,1556. Kien ikkanonizzat fl-1622.

Aktar dettalji
Meta Injazju beda jaqra l-Ħajja ta’ Kristu u volum b’ħajjiet ta’ qaddisin, infetħet dinja ġdida quddiemu u ra l-vojt tal-ambizzjoni tad-dinja. Dehra mill-Madonna bil-Bambin għamlitlu kuraġġ kbir. Injazju għamel vot tal-kastità, mar fil-knisja tal-Madonna ta’ Montserrat, għamel qrara ġenerali u wara lejl talb ta l-armatura tiegħu ta’ kavallier lil wieħed tallab. Huwa għadda 11-il xahar f’Manresa jgħin fi sptar, jagħmel penitenza, isofri minn skrupli, iħoss konsolazzjonijiet, jitlob u jikteb l-Eżerċizzi Spiritwali.

Ħsieb: Qari mill-Atti ta’ Ludoviku Consalvo, kif ġabarhom minn fomm San Injazju bit-titlu ‘L-ispirti stħarrġuhom, ħa taraw ikunux ġejja minn Alla’:

“Injazju kien iħobb ħafna jaqra kotba mimlijin frugħat u kliem b’ieħor fuq il-ġrajjiet ta’ nies kbar u magħrufa. Meta ħass ruħu tajjeb, talab biex iġibulu minn dawn il-kotba biex jgħaddi ż-żmien. Billi f’dik id-dar ma kienx hemm kotba minn dawn, tawh tnejn li kien jisimhom wieħed “Il-ħajja ta’ Kristu” u l-ieħor “Ward il-qaddisin,” it-tnejn bl-Ispanjol.

Meta beda jaqra dawn il-kotba ħass fih ġibda kbira għal dak kollu li kien hemm miktub fihom, iżda xi kultant kien idawwar ħsibijietu minn dak li kien jaqra f’dawn il-kotba għal dak li kien jaqra fl-imgħoddi, u xi kultant ukoll ħsibijietu kienu jieqfu fuq il-ħafna frugħat u kliem b’ieħor li qabel kienu tant jiġbduh.

Imma mbagħad Alla, fil-ħniena tiegħu, flok dawn il-ħsibijiet fiergħa, permezz tal-kotba li kien qiegħed jaqra, kien iġiblu f’moħħu ħsibijiet oħra. Meta kien jaqra l-ħajja ta’ Kristu Sidna jew dik tal-qaddisin, kien jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min jaf, kieku nagħmel dak li kien jagħmel San Franġisk? Jew dak li kien jagħmel San Duminku?” Kien jaħseb ħafna fuq hekk, iżda wara li kien idum jaħseb mhux ħażin fuq dawn il-ħwejjeġ kienet tinqala’ xi ħaġa li treġġgħu lura għall-ħsibijiet fiergħa tal-imgħoddi u fuqhom kien jaħseb ukoll fit-tul. Dam ħafna żmien għaddej f’din il-ħajja, b’ħafna ħsibijiet kontra xulxin ġejjin f’moħħu wieħed wara l-ieħor.

F’dan it-taqlib kollu ta’ ħsibijiet, fl-aħħar beda jintebaħ li kull darba li kien ikollu ħsibijiet tad-dinja, kien, iva, iħoss hena kbir, iżda mbagħad meta kien jegħja jaħseb, kien iħoss ruħu vojta u mdejqa. Intebaħ ukoll li meta kien jaħseb fuq it-tgħakkis li kienu jagħmlu l-qaddisin, mhux biss kien iħoss hena f’ruħu waqt li jaħseb fuqhom, imma l-hena kien jibqa’ wkoll f’ruħu meta kien jieqaf jaħseb. Hu ma għarafx mill-ewwel din id-differenza u għalhekk ma rax is-siwi tagħha, iżda mbagħad, meta fetaħ għajnejn ruħu, stagħġeb biha, u, mill-istess esperjenza tiegħu, għaraf li l-ħsibijiet tad-dinja, meta jgħaddu, kienu jħalluh imdejjaq, waqt li ħsibijiet tas-sema kienu jagħmluh hieni. Din kienet l-ewwel konklużjoni li għaliha wasal dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla. Wara li għamel l-eżerċizzi spiritwali, din l-esperjenza għamel użu minnha biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu id-dixxerniment tal-ispirti.”

Sant’Injazju u xi ħbieb tiegħu kienu qed jivjaġġaw. Kellhom pjan li wara ċerta distanza jieqfu biex jitolbu flimkien. Għal tul il-vjaġġ tagħhom krew wieħed biex iġorrilhom il-bagalji. Dan ir-raġel li krew kien josserva dan il-waqfien ġurnata wara l-oħra biex jitolbu. Fl-istess ħin osserva l-impatt ta’ dan il-mumenti ta’ talb fuq dan il-grupp u fl-aħħar beda jixtieq li jitlob magħhom. Meta Injazju ġie infurmat bix-xewqa tal-kerrej, stiednu biex jingħaqad magħhom. Fl-istess ħin Injazju, ra li x-xewqa tal-kerrej, li ġurnata wara l-oħra kien jitlob magħhom, kienet minnha nnifisha talba stupenda.

  • U jien kemm ngħaddi ħin fit-talb, tul il-vjaġġ ta’ ħajti?
  • Kemm-il darba nieqaf biex nitlob? F’ġurnata? F’ġimgħa? F’xahar? F’sena?

Fil-ħajja nsibu ruħna f’ċirkostanzi, fejn il-ħsibijiet huma talba. Għandna mumenti, huma x’inhuma l-attitudnijiet ta’ ġisimna, fejn ir-ruħ tkun għarkupptejha titlob.

Għal informazzjoni dwar il-Ġiżwiti f’Malta:
https://jesuit.org.mt/jesuits-in-malta/
http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1922/the-jesuits-s-j
https://www.youtube.com/watch?v=GloI-yRJjzc
https://www.youtube.com/watch?v=bk0-CsDQXIM

Talba: Ilqa’, Mulej, u ħu l-libertà tiegħi kollha, il-memorja, il-fehma, u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi, int tajtuli, u għalhekk jiena nerġa’ rroddulek u nħallih f’idejk kollu kemm hu biex tmexxini skont ir-rieda mqaddsa tiegħek. Agħtini biss imħabbtek u l-grazzja tiegħek. B’dawn biss, inkun għani biżżejjed u xejn aktar ma nkun neħtieġ. Ammen. (Talba ta’ San Injazju ta’ Loyola)

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-ignatius-of-loyola-confessor.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ignatius-of-loyola/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ignatius_of_Loyola

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Lulju: San Pietru Krisologu

Verżjoni Vidjo: San Pietru Krisologu

“Min jieħu gost max-xitan, ma jistax jifraħ ma’ Ġesù.” – San Pietru Krisologu

img-Saint-Peter-Chrysologus.jpgSAN PIETRU KRISOLOGU
Isqof u Duttur tal-Knisja
380 -450

Tagħrif: San Pietru twieled f’Imola, l-Italja, għall-ħabta tas-sena 380. L-Isqof ta’ Imola, Kornelju, ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u ordnah Djaknu.

Fis-sena 433, il-Papa Sistu III ħatru Arċisqof ta’ Ravenna.

Kien difensur kbir tal-fidi Kattolika, ħadem bis-sħiħ biex jeqred il-paganiżmu mid-djoċesi tiegħu, u b’kuraġġ kbir ipprojbixxa l-festi immorali li kienu jinżammu fil-bidu ta’ Jannar.

Tant kien predikatur tajjeb li qala’ l-isem ta’ Krisologu, li jfisser “Kliemu tad-Deheb.”

Il-prietki tiegħu kienu jkunu dejjem qosra. Hemm 176 prietka tiegħu, li għadhom ippreservati sal-lum. Kien iħeġġeġ ħafna lin-nies biex jitqarbnu spiss.

Huwa kien jeżorta bil-qawwa kollha lil Ewtiku, wara li dan kien ġie kkundannat fis-Sinodu ta’ Kostantinopli (448), biex jaċċetta l-misteru tal-inkarnazzjoni u joqgħod għat-tagħlim tal-Knisja.

San Pietru kien iċ-Ċelebrant li mexxa l-funeral ta’ San Ġermanu ta’ Auxerre fis-sena 448.

Miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 450 f’Imola, fejn kien mar biex iqim il-martri Kassjanu, protettur tiegħu.

Il-Papa Benedittu XII ipproklamah Duttur tal-Knisja fis-sena 1729.

Ħsieb: Ħsieb għall-ewwel jum tar-Randan: mill-Omelija 43 ta’ San Pietru Krisologu, Isqof ta’ Ravenna:

“Tlieta huma l-affarijiet, ħuti, li permezz tagħhom il-fidi tibqa’ sħiħa, id-devozzjoni titkattar u l-virtù tiżdied: it-talb, is-sawm u l-ħniena. Dak li t-talb jixtieq, is-sawm jittallab għalih b’suċċess u l-ħniena tirċevih. It-talb, is-sawm u l-ħniena: dawn it-tlieta jmorru dejjem flimkien. Huma jagħtu l-ħajja lil xulxin, huma inseparabbli. Għax is-sawm huwa r-ruħ tat-talb, u l-ħniena hija l-ħajja tas-sawm.

Jekk bniedem għandu waħda minnhom biss, jew m’għandux it-tlieta li huma f’daqqa, dan ma għandu xejn. Għaldaqstant dak li jitlob għandu wkoll isum, u dak li jsum għandu wkoll juri ħniena. Dak li jrid li jiġi mismugħ meta jitlob xi ħaġa, għandu jisma’ meta xi ħadd jitlob xi ħaġa lilu. Dak li ma jagħlaqx widnejh għat-talb ta’ min jitolbu, jiftaħ widnet Alla għat-talb tiegħu. Jekk xi ħadd irid li Alla jinduna li hu bil-ġuħ, għandu hu wkoll jagħraf min madwaru hu bil-ġuħ. Min jittama li jsib il-ħniena, għandu juri l-ħniena hu wkoll. Min jixtieq il-ħlewwa ta’ missier, għandu juriha l-ewwel hu. Min jixtieq li xi ħadd joffrilu xi ħaġa, għandu joffri lil ħaddieħor hu. Ma jistħoqqlux jitlob min jirrifjuta li jagħti lil ħaddieħor dak li qed jittallab għalih hu. O bniedem, ħu dan bħala l-qies għall-ħniena li turi: uri int ħniena ma’ ħaddieħor bl-istess mod, bl-istess ammont u bl-istess ħeffa li tixtieq li ssir ħniena miegħek.

Għalhekk, ejjew inħallu t-talb, il-ħniena u s-sawm ikunu talba waħda quddiem Alla. Ejjew inħalluhom ikunu għajnuna waħda għalina. Dawn huma l-ħwejjeġ li jżommu sħiħa l-belt tal-ġenna, li jħabbtu fuq il-bieb tal-kmamar ta’ Alla l-imħallef tagħna, li jsegwu l-ġrajjiet tal-bnedmin quddiem it-tribunal ta’ Kristu, li jittallbu l-ħniena għall-inġust, li jirbħu l-maħfra għall-ħatjin. Il-bniedem li m’għandux dawn bħala l-avukati tiegħu fil-ġenna lanqas ma għandu pożizzjoni żgura fuq l-art. Ladarba għandhom qawwa daqshekk kbira fil-ġenna, huma jaffettwaw il-ġrajjiet fuq l-art; imexxu l-ġid u jkeċċu d-dnewwa; jitfu l-vizzji u jkebbsu l-virtù; isaffu l-iġsma u jippurifikaw il-qlub; iġibu l-paċi lill-membri tal-ġisem u l-kwiet lill-moħħ; jibdlu s-sensi fi skejjel ta’ dixxiplina u kontroll; iwasslu l-qalb tal-bniedem biex issir tempju ta’ Alla. Permezz tagħhom il-bniedem jidher bħall-anġli, u jwasslulu l-ġieħ mingħand Alla.

Għalhekk, ħuti, jekk aħna nixtiequ li jkollna sehem mill-merti tal-qaddisin kollha, ejjew nipperseveraw fit-talb, insibu l-ħin biex insumu, u nkunu attenti għall-ħniena. In-nisrani – li huwa mlibbes l-armatura tal-Mulej, li għadda ħajtu fil-prattika ta’ dawn u ssaħħaħ permezz tagħhom – mhux se jibża’ mil-lanez tad-dnub, mill-armi tax-xitan, mill-makakkerija tad-dinja, mill-ifilsa tal-vizzji, mill-ħażen tal-ġisem, min-nases tal-pjaċiri jew mill-armi tal-mewt.

Ejjew ninġabru kull filgħodu u nitolbu, jekk mhux immexxijin mill-imħabba, almenu mmexxijin mix-xewqa li neħilsu mill-ħażen. Jekk nitraskuraw lil Alla, niġbdu fuqna żminijiet koroh. Għalhekk ejjew niksbu lura permezz tas-sawm dak li tilfna minħabba t-traskuraġni tagħna. Ejjew noffru rwieħna permezz tas-sawm, għax m’hemm xejn aqwa x’nistgħu nagħtu lil Alla. Imma biex nagħmlu dawn it-tnejn sbieħ, ejjew ma noqgħodux lura milli nuru l-ħniena. Is-sawm ma jagħmlix frott jekk ma jkunx imsoqqi bil-ħniena. Jekk il-ħniena tixxotta, is-sawm ibati n-nixfa, għax il-ħniena hija għas-sawm dak li x-xita hija għall-art.

Mill-kitbiet ta’ San Pietru Krisologu:

Dwar il-frażi ‘Jitqaddes Ismek’ fit-talba tal-Missierna: “Nitolbu ‘l Alla biex jitqaddes Ismu għax bil-qdusija jsalva u jqaddes il-ħolqien kollu … Hu Ismu li jagħti s-salvazzjoni lid-dinja li ntilfet, iżda aħna nitolbu li dan l-Isem ta’ Alla jkun imqaddes fina b’ħajjitna. Għaliex jekk ngħixu ħajja tajba, l-Isem ta’ Alla jkun imbierek” (minn Omelija 71).

Dwar l-Inkarnazzjoni: “Meta kien għadu ma twelidx bħala bniedem, mit-tajn mhux mittiefes Alla sawwar il-bniedem; meta twieled bħala bniedem sawwar il-ġisem tiegħu ta’ bniedem minn ġisem mhux mittiefes. Dak li għoġbu jieħu ftit tajn f’idu biex jagħmel il-bniedem, għoġbu wkoll jieħu ġisem għas-salvazzjoni tagħna … Ħa n-natura tagħna l-bnedmin biex il-bniedem ma jiġġarrafx aktar; hu li ħalaq il-bniedem tal-art, ried jagħmlu wkoll bniedem tas-sema” (minn Omelija 148).

Dwar id-dinja: Alla ra d-dinja mqallba minħabba l-biża’, u minnufih beda jaħdem biex jerġa’ jsejħilha bl-imħabba jistedinha bil-grazzja, jżommha miegħu bl-għożża, u jħaddanha ma’ qalbu.

Talba: O Alla, int għażilt lill-Isqof San Pietru Krisologu biex b’qawwa kbira jxandar il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb tiegħek; bit-talb tiegħu, agħtina li nimmeditaw bla heda l-misteri tas-salvazzjoni u bl-għemil nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fihom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-peter-chrysologus-546

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-chrysologus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Chrysologus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa artiklu tas-Soċjetà Patristika Maltija (traduzzjoni ta’ Dun Jonathan Farrugia).

27 ta’ Lulju: Beatu Titu Brandsma

Verżjoni Vidjo: Beatu Titu Brandsma

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek Mulej u mhux tiegħi.” – Il-Beatu Titu Brandsma qal dan meta kien qed jiġi ttorturat, ftit qabel ma qatluh.

TBrandsma_01BEATU TITU BRANDSMA
Presbiteru u Martri
1881 – 1942

Ċempila kbira tal-qanpiena tal-bieb ħasdet il-kunvent kollu tal-Karmelitani ta’ Nejmegen fl-Olanda. Malli fetħu l-bieb, daħlu żewġ pulizija tal-Gestapo. “Irriduh,” qalu “lill-Professur Patri Titu Brandsma.” “Hawn jien,” weġibhom Patri Titu, li kien għadu kif jasal minn vjaġġ mal-Olanda kollha, li kien għamel bl-ordni tal-Arċisqof ta’ Utrecht. “Trid tiġį magħna minnufih,” reġgħu qalulu, “Imma qabel irridu nagħmlu tfittxija sewwa fil-kamra tiegħek.” U kif qalu għamlu.

Fittxew u qallbu ta’ taħt fuq il-kamra, kollha. Imlew bagalja bil-karti u ħadu lil Titu magħhom. Huma u ħerġin mill-kunvent, laħqu nġabru l-patrijiet kollha bid-dmugħ f’għajnejhom. Ħadilhom b’idejhom. Talab għarkupptejh il-barka tal-Pirjol, u bi tbissima fuq fommu qalilhom: “Ftakru fija.” Kienet il-lejla tad-9 ta’ Jannar 1942, il-bidu ta’ tbatijiet ħorox li kellhom iwasslu għall-martirju.

Patri Titu kien twieled fl-1881 f’Ugokloster, il-kbir fost disat aħwa, li ħamsa minnhom saru reliġjużi. Minn ċkunitu kien marradi, irqiq u tant kien qasir li kienu jgħidulu “It-Tikka.” Missieru kellu bżonnu biex igħinu fir-raba’ li kellu, imma malli kellu tnax-il sena Titu ried ikompli jistudja biex isir saċerdot. Fl-iskola kellu suċċessi sbieħ fl-istorja, l-Latin u l-poeżija.

Ta’ sbatax-il sena daħal Karmelitan f’Boxmeer. Saħħtu dejjem kienet ta’ tfixkil għalih, imma qatt ma ried jerġa’ lura mill-ħsieb qaddis tiegħu li jkun ta’ Alla biss. Meta kellu jibqa’ magħluq fil-kamra għal xi żmien minħabba l-marda li kellu, kiteb ktieb ta’ 300 paġna fuq l-opri ta’ Santa Tereża.

Fl-istudju tal-filosofija ħa interess kbir u kien iħobb jaqra u jisma’ fuq il-Karmelitani li f’dak iż-żmien kienu jagħmlu isem fl-Ordni Karmelitan, fosthom il-Professur Malti Patri Anastas Cuschieri. Għalkemm student fdawlu f’idejh it-tmexxija tar-rivista Karmelitana “Batista Mantovanus” li wara ħadet l-isem ta’ “Vanhederlands Carmel.” Sar saċerdot ta’ erbgħa u għoxrin sena u fil-pront intbagħat Ruma, fejn wara ħafna sagrifiċċji ħa d-Dottorat tat-Teoloġija. Malli reġa’ lura l-Olanda, ta ruħu għall-ġurnaliżmu. Għen fit-twaqqif ta’ gazzetta Kattolika u ta’ rivista oħra Karmelitana “Carmelrozen” fl-istess waqt li kien jgħallem l-istudenti Karmelitani.

Patri Titu kellu ħeġġa tal-għaġeb. Fetaħ skola tal-kummerċ, u f’Oldenzaal skola tal-arti. Kiteb ħafna kotba storiċi, filosofiċi, u beda jaqleb għall-Olandiż l-Oprį ta’ Santa Tereża. Kien dejjem iżur il-morda, jilqa’ lil kulħadd, mingħajr qatt ma jitlef it-tbissima minn fommu. Ħadem ferm għall-gazzetta Kattolika “Il-Belt ta’ Oss” u beda t-twaqqif ta’ biblijoteka pubblika li llum iġġib ismu. Kien iħobb ferm il-missjonijiet. Mar il-Brażil u xtaq li jkun missjunarju fl-Indonesja.

Fl-1923, inħatar Professur tal-Filosofija fl-Università Kattolika ta’ Nejmegen, u disa’ snin wara għażluh bħala Rettur tal-istess Università, li mexxieha ferm ‘il quddiem; kollox għall-ġieħ ta’ Alla u ta’ pajjiżu li kien iħobb ferm. Waqqaf fl-istess Università istitut fuq il-mistika Olandiża, u kien jagħmel wiċċu jittallab biex ikollu boroż ta’ studju għall-istudenti fqar. Patri Titu kien devot ferm tal-Madonna. Irnexxielu jiftaħ Kunvent tal-Karmelitani f’Nejmegen, minn fejn wara ġie arrestat. Kiseb u irranġa l-Knisja tal-Karmnu f’Magonza. Ħareġ ktieb fuq il-Mistiċiżmu Karmelitan li jsaħħar lil min jaqrah.

Minn żgħożitu kien iħobb il-faqar u kien jistmerr in-nuqqas ta’ ħaqq. Kiteb bl-aħrax kontra n-Nażismu li kien jaħqar il-Lhud, u kontra, s-Soċjaliżmu Nażista li ma kienx jaf x’inhu ħaqq. Billi fl-Olanda kien hemm ħamsa u għoxrin ġurnal Kattoliku li kienu jilħqu kważi kull familja Kattolika, l-Arċisqof De Jong ħaseb biex ħatar lil Patri Titu bħala l-Konsulent Ekklesjastiku għall-ġurnali kollha Kattoliċi tal-Olanda u bħala ċensur tal-“Gelderenger” ta’ Nejmegen.

Kollox kien miexi sewwa, imma meta n-Nażisti daħlu fl-Olanda, riedu kollox taħt idejhom u kif iridu huma. Ġagħlu lill-gazzetti Kattoliċi jxandru aħbarijiet u dikjarazzjonijiet li l-Arċisqof De Jong u Patri Titu dehrilhom li huma kontra s-sewwa u kontra l-ħaqq. Patri Titu kien igħid: “Il-gazzetta Kattolika hija l-ewwel pulptu, barra mill-knisja.” Għalhekk bil-parir tal-Arċisqof De Jong bagħat ċirkulari lill-gazzetti Kattoliċi kollha biex ma jxandru xejn kontra t-tagħlim tal-Knisja. Patri Titu ġie mwissi mill-pulizija imma għalxejn. Is-sewwa ma jċedi lil ħadd. Ħbiebu ħajruh jistaħba, imma Patri Titu kien jibża’ minn Alla biss. Meta dehrilhom il-pulizija Nażista arrestaw lil Patri Titu, fejn qalulu ċar u tond li l-ħtija tiegħu kienet li ried jobdi lill-Arċisqof u mhux lilhom.

Kien mibgħut l-ewwel fil-ħabs ta’ Skeveningen. Kien f’ċella waħdu jitlob u jikteb fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża u għalih kienet ta’ faraġ kbir. Wara xahrejn intbagħat f’ħabs ieħor u fl-aħħar f’Dachau, fejn neħħewlu u ħadulu kulma kellu, kuruna, brevjar u l-ħwejjeġ, u libbsuh ta’ ħabsi bin-numru 30491. Fil-ħabs ma kien jilminta qatt, dejjem ifittex li jfarraġ u jgħin lil kulħadd. F’Dachau fost tant priġunieri oħra, l-aktar qassisin Pollakki, iltaqa’ ma’ Karmelitan, Fra Rafel Tijhuis, li waqaf ħafna ma’ Patri Titu meta dan kien ikun imsawwat bis-saqajn u bil-frosta mill-gwardjani.

Patri Titu kellu ħsiebu dejjem f’Alla. Kien iħobb igħid “Ġesù ftakar li qiegħed waħdi miegħek. Qatt ma kont hekk qrib tiegħek f’ħajti. Ibqa’ dejjem miegħi.” Imma saħħtu ma kinitx tiflaħ għan-nuqqas ta’ ikel, xogħol iebes u swat. Darba f’ġurnata ta’ xita qawwija ġie mixħut b’daqqa ta’ sieq f’għadira tajn. Dam hemm erba’ sigħat, bla ma ħadd seta’ jgħinu. Il-faraġ waħdieni tiegħu kien meta Fra Rafel Tijhuis kien jirnexxielu jġiblu bil-moħbi lil Ġesù Ewkaristija mingħand xi saċerdot Tedesk. L-istess Rafel Tijhuis ma felaħx jara lil Patri Titu jbati bil-mard li kellu. Għamel kuraġġ u mar sab il-Profs. tal-kamp li qallu biex iġiblu lil Patri Titu. Kif Patri Titu daħal fil-klinika, it-tabib bagħat lil Fra Rafel ‘il barra, u kif soltu kienu jagħmlu lill-priġunieri lil Patri Titu tawh l-injezzjoni “tal-grazzja,” jiġifieri tal-mewt.

Miet fis-26 ta’ Lulju, 1942. Lill-infermiera li tagħtu l-injezzjoni bl-aċidu karboliku ta l-kuruna tar-rużarju tiegħu li kien għamel b’xi “imbarazz” li sab fil-ħabs. “Ma nitlobx, ma nafx nitlob,” qaltlu l-infermiera meta ta l-kuruna. “Tibżax biżżejjed jekk tgħid biss fuq kull żibġa, itlob għalina midinbin,” qallha Titu Brandsma”. “Jiena nibqa nitlob għalik.” kompla jgħidilha. Dan ħareġ fix-xhieda l-infermiera tat waqt il-kawża tal-Beatifikazzjoni. L-infermiera tgħid li bis-saħħa ta’ dan hija reġgħet bdiet tipprattika l-fidi Nisranija.

Patri Titu Brandsma kien beatifikat mill-Papa Qaddis Ġwann Pawlu II fit-3 ta’ Novembru, 1985. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Il-fdalijiet tal-Beatu Titu Brandsma flimkien mal-kitbiet tiegħu kienu maħruqa fil-kamp ta’ konċentrament u taru mar-riħ, imma xhieda tiegħu daqshekk b’saħħitha u ħajja tagħmlu l-vera protettur modern tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Ħsieb: IT-TRIQ TAS-SALIB – Bi ħsibijiet tal-Beatu Titu Brandsma O.Carm:

1. Ġesù kkundannat għall-mewt ~ O Ġesù, il-poplu li f’nofsu għaddejt tagħmel il-ġid, ħallas l-imħabba tiegħek bl- ingratitudni u bl-inġustizzja, u għajjat: “Sallbu!” Imma int sofrejt aktar meta Pilatu, bl-iskuża li ried jagħmel ħaqq – bħallikieku hu kien innoċenti jew li ma seta’ jagħmel xejn quddiem dik l-għajta – minkejja li ddikjara li ma sab fik ebda ħtija, ikkundannak għall-mewt l-aktar kiefra u ta’ mistħija: dik tas-salib. Imma inti batejt u bqajt sieket. O Marija, dik l-għajta kiefra tal-poplu u dik is-sentenza inġusta ta’ Pilatu nifdulek qalbek bħal sejf ta’ niket. Imma int ukoll, bħal Ibnek Ġesù, bqajt tbati fis-skiet.

2. Ġesù mġiegħel jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’kuraġġ hemm moħbi quddiem it-tbatija u fit-tgħanniqa tiegħek mas- Salib, li b’kefrija qegħdulek fuq spallejk biex fuqu jsammruk u joqtluk! Inti għannaqtu għall-imħabba tiegħek lejja, biex hekk tpatti għal dnubieti u ttaffi t-tbatijiet tiegħi. O Marija, x’għafsa ta’ qalb ħassejt, meta s-salib tqil u tal-biża’ tqiegħed fuq spallejn Ibnek.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba taħt is-salib ~ O Ġesù, quddiem id-dgħufija tagħna, u mifnija mid-diżgrazzji li jkidduna, inti ridt tagħtina eżempju ta’ kuraġġ. X’umiljazzjoni kellha tkun għalik, is-Sid tas-sema u l-art, li ma kontx kapaċi ġġorr salibek bi kburija u b’qawwa, imma li taqa’ tul it-triq. O Marija, min jaf xi tbatija ħassejt, meta rajt lil Ibnek hekk umiljat, li jċedi taħt is-salib. Kemm batejt meta rajt li ħadd ma għenu, minflok qajmuh bl-herra u ġagħluh jieħu mill-ġdid fuq spallejh is-salib!

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima ~ O Ġesù, x’dulur kiefer ieħor ġarrabt meta bla ma ridt, kellek tħalli lill-għażiża Ommok taqsam miegħek it-tbatijiet, li int aċċettajt minħabba fina. Min jaf kemm xtaqt teħlisha minn dawn id-duluri ġodda. Imma dawn kellhom iservu għall-qdusija u l-glorja tagħha: u ridt li jkunu sinjal għal Ġwanni u għalina biex nersqu lejk, l-Imgħallem divin tagħna. O Marija, għalkemm kien diffiċli għalik, imħabbtek ġagħlitek timxi l-istess triq tas-salib li għadda minnha Ibnek, u mħabbtek kaxkret magħha lil Ġwanni wkoll.

5. Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’dulur u x’umiljazzjoni, li wieħed barrani kien imġiegħel jgħinek, filwaqt li dawk li jħobbuk, bħalma kien Ġwanni – li żgur, kieku seta’, kien lest li jġorr is-salib tiegħek – ma tħallewx jersqu lejk! Lil min nixbah jien, lil Xmun jew lil Ġwanni? O Marija, kemm tbatija kellek iġġarrab meta s-suldati, bl-għan li jaraw lil Ibnek jasal ħaj sa fuq is-salib, m’aċċettawx l-għajnuna ta’ dixxiplu, iżda ġagħlu jgħinu wieħed barrani.

6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù ~ O Ġesù, x’ġentilezza wrejt tul it-triq tas-salib, meta bħala tifkira ta’ tbatijietek inti stampajt il-Wiċċ divin tiegħek fuq il-velu li bih il-mara twajba naddfet lill-Wiċċ qaddis tiegħek. Jalla din ix-xbieha tibqa’ mnaqqxa f’moħħi, biex dejjem inżomm quddiem għajnejja t-tbatijiet tiegħek bħala eżempju. O Marija, x’teżor kellu jkun għalik dan il-velu mqaddes! B’liema ħniena inti kkontemplajtu, u x’kuraġġ u x’qawwa tatek din it-tifkira tat-tbatijiet ta’ Ibnek.

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib ~ O Ġesù, ma kienx biżżejjed għall-għedewwa tiegħek li taħt it-toqol tas-salib inti taqa’ darba biss, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejk bi tmaqdir fin-nuqqas ta’ ħila tiegħek. O Marija, kemm qsim il-qalb għan-nuqqas ta’ għajnuna murija ma’ Ibnek l-għażiż. Żgur li ħarist madwarek, biex tara jekk xi ħadd riedx jieħu fuq spallejh it-toqol kbir tas-salib, u bħaċ-Ċirinew, titolbu jerfa’ l-piż kollu.

8. Ġesù jitkellem ma’ wlied Ġerusalemm ~ O Ġesù, il-kliem li inti għedt lin-nisa li tħassruk tul it-triq tas-salib, tgħidu lili wkoll: “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom, għaliex jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk aħdar, x’sejjer jiġri miz-zokk niexef?” Qed niftakar ukoll il-kliem l-ieħor: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-sema, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-sema.” Mhux biżżejjed li jien nitħassar it-tbatijiet tiegħek, jeħtieġ ukoll nieħu sehem miegħek, u b’qalb ġeneruża naċċetta minn idejk in-niket u l-provi li inti tibgħatli, u nġorrhom f’għaqda sħiħa miegħek. Inti d-dielja, aħna l-friegħi: jekk ma nibqgħux magħqudin Miegħek, ninxfu u ma nkunu niswew għal xejn. O Marija, inti mhux biss urejt ħniena, imma mxejt ma’ Ibnek it-triq kollha tas-salib: ħu lili wkoll miegħek.

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba ~ O Ġesù, bit-tliet waqgħat tiegħek taħt is-salib, inti ridt tpatti għat-tliet ċaħdiet tal-appostlu tiegħek, li kien jaħseb li huwa qawwi, u għall-waqgħat imtennija tagħna fid-dnub. Inti wrejtna wkoll li wżajt il-ftit saħħa li kien baqagħlek biex tasal sal-quċċata tal-għolja tal-martirju. Fis-salib, u fit-tbatijiet li tibgħatilna, int tgħallimna nagħmlu ħilitna kollha ħalli naqdu d-dmirijiet li l-ħniena tiegħek fdatilna f’idejna, u biex kull darba li aħna naqtgħu qalbna u nogħtru, inħarsu lejn il-waqgħat tiegħek taħt is-salib u minnhom nieħdu l-qawwa li jkollna bżonn. O Marija, int kont xhieda ta’ kif Ibnek uża sal-aħħar ħiltu kollha; għinna nħarsu lejh meta t-twettiq tad-dmirijiet ta’ ħajjitna jsiru tqal wisq biex inġorruhom.

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu ~ O Ġesù, kif irnexxielek tixrob il-kalċi tat-tbatija sal-qiegħ, b’rieda sħiħa li tkun mislub mal-għuda iebsa tas-Salib, imneżża’ minn kollox! Għażilt il-kalċi tal- morr u warrabt ix-xarba li riedu jagħtuk biex itaffulek it-tbatijiet. O Marija, żgur li qalbek kienet mimlija b’qawwa speċjali fit-tbatija tiegħek ma’ Ibnek, filwaqt li rajtu mneżża’ minn ħwejġu kollha, jirrifjuta x-xorb li bih seta’ jnaqqas is-sensibilità tiegħu għall-uġigħ. Kemm kien qawwi għalik dan l-eżempju biex quddiem din il-kefrija kollha inti tibqa’ magħquda miegħu.

11. Ġesù msammar mas-salib ~ O Ġesù, kellha tkun ħaġa tassew tal-biża’ għalik li tkun mislub mal-għuda tas-salib bl-imsiemer hekk ħorox, biex imdendel minn dawn il-feriti, tmut bil-mod il-mod. O Marija, is-sejf tad-dulur imħabbar minn Xmun nifidlek qalbek, l-aktar meta smajt id-daqqiet kiefra tal-martell, li bihom il-qattiela nifdu l-idejn u r-riġlejn tal-Iben divin tiegħek u waħħluh mas-salib.

12. Ġesù jmut fuq is-salib ~ O Ġesù, għalina huwa misteru li ma nistgħux nifhmuh, kif inti, fi tmiem il-ħidma tiegħek, ridt tmut għalina u tidħol fis-saltna tal-mewt bħallikieku l-missjoni kollha tiegħek kienet falliment, bħallikieku ħajtek kollha kienet bla fejda, hekk li fid-deher kienet rebħa għall-għedewwa tiegħek. O Marija, min jaf x’ħassejt meta rajt it-tmiem tal-missjoni ta’ Ibnek, li tarah imut quddiem għajnejk bl-aktar mewta kiefra u ta’ mistħija, ukoll jekk il-fidi tiegħek kienet tgħidlek il-kuntrarju: li Huwa kellu jirbħilna l-ħajja mill-ġdid proprju permezz ta’ din it-triq.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib ~ O Ġesù, x’eżempju tajt lil Ommok wara mewtek, meta ħallejt il-ġisem mejjet tiegħek jitqiegħed fi ħdanha. Dan kellu jżidilha d-dulur tagħha u wkoll jagħmilha ħaġa waħda mad-dulur u t-tbatijiet tiegħek, imma fl-istess ħin Inti mlejtha bil-qawwa tiegħek biex imbagħad tkun tista’ tagħmilha ‘Sultana tal-Martri.’ O Marija, Omm tad-duluri, meta l-Knisja tikkontemplak bil-ġisem ta’ Ġesù fi ħdanek, tpoġġi fuq fommok dawn il-kelmiet: “O intom, li għaddejjin minn hawn, araw jekk hemmx dulur bħal tiegħi!” Għallimni nikkontempla miegħek il-Ġisem ta’ Ibnek divin, biex magħkom inġorr it-tbatijiet tiegħi.

14. Ġesù mqiegħed fil-qabar * ~ Ġesù, kull meta nħares lejk inħoss li tħobbni, li tqisni l-egħżeż fost il-ħbieb, u nħoss li nħobbok bħala l-akbar ġid li għandi. Jien naf, Mulej, li mħabbtek titlob kuraġġ u tbatija, iżda t-tbatija hi t-triq waħdanija li twassal fid-dija tal-glorja tiegħek. Mulej, jekk f’qalbi niket jiżdied ma’ niket inqisu rigal sabiħ tiegħek, għaliex jagħmilni nixbhek u jgħaqqadni miegħek. Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa; m’għandi bżonn ħadd ħliefek, ma nibżax noqgħod waħdi għaliex, Int, ħdejja. Ibqa’ hawn, Ġesù, tħallinix waħdi; kull fejn tgħix Int, Mulej, kollox ħafif … kollox sabiħ!

* Il-Beatu Titu Brandsma kien maqtul qabel temm jikteb din il-Via Sagra. Minflok ħsieb bħal fl-istazzjonijiet l-oħrajn, għandna t-talba “Quddiem xbieha ta’ Ġesù fiċ-ċella tiegħi” li huwa stess kiteb fil-ħabs ta’ Scheveningen nhar it- 12 ta’ Frar, 1942.

Talba: O Alla ħanin li tista’ kollox, int li fdejtna bil-passjoni mqaddsa ta’ Ibnek Ġesù Kristu, għoġbok li tgħaqqad mas-sofferenzi tiegħu, is-sofferenzi tal-Beatu Titu Brandsma; żomm sħiħa fina l-opra tal-ħniena tiegħek biex ngħixu dejjem fidili lejk u aħna wkoll ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma ta’ Ibnek lill-Għażiż għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-titus-brandsma-priest-and-martyr-m

Alternative Reading: http://carmelnet.org/brandsma/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Titus_Brandsma

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit: fleurdelysmalta.parish

25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: ‘Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek.’ Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: ‘Ma tafux x’intom titolbu;’ jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?’ Qalilhom: ‘Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli.’

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: ‘Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?’ Mela kif staqsiehom? ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi?’ Imbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: ‘Li se nixrob jien,’ biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: ‘Għandna ħila.’ Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: ‘Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.’ L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġà għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.”

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.