19 ta’ Awwissu: San Ġwann Eudes

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Eudes

“L-għaqda tan-nisrani ma’ Ġesu’ Kristu hija aktar nobbli, aktar intima u aktar perfetta mill-għaqda tal-membri kollha tal-ġisem mar-ras tagħhom.” San Ġwann Eudes

maxresdefault (1)SAN ĠWANN EUDES
Saċerdot
1601 – 1680

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Ri, Normandija (Franza), fl-1601. Meta kellu 14-il sena, missieru daħħlu jistudja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ Caen.

Fl-1623, daħal fil-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta’ Franza. Ordna saċerdot fl-1625, u beda l-ħajja appostolika billi mar jaħdem man-nies li kienu mardu bil-pesta li kienet qed tagħmel straġi fin-Normandija.

Fl-1631, faqqgħet epidemija oħra, u Ġwanni reġa’ mar jgħin lill-vittmi. Biex ma jinfettax lil sħabu r-reliġjużi bil-marda, kien jgħix għalih waħdu f’daqxejn ta’ għarix f’nofs għalqa. Imbagħad għall-għaxar snin li ġew wara, intefa’ jiġri ma’ Franza kollha jippriedka l-missjonijiet fil-parroċċi.

Fl-1641, bil-għajnuna ta’ Madaleine Lamy, fetaħ dar għan-nisa u x-xebbiet li kienu jixtiequ jinqalgħu minn ħajja ħażina. Tliet snin wara fdaha f’idejn is-Sorijiet Visitaturi ta’ Caen.

Fl-1643 ħareġ mill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani biex iwaqqaf il-“Kongregazzjoni ta’ Ġesù u ta’ Marija”, magħrufa wkoll bħala “tal-Ewdisti”, għall-formazzjoni tal-kleru u għax-xogħol tal-Missjonijiet. Il-Qaddis fetaħ numru ta’ Seminarji.

Fl-1650, waqqaf “is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju” li l-għan prinċipali tagħhom kien li jaħdmu għan-nisa penitenti. Din il-kongregazzjoni baqgħet dejjem tikber, u fl-1835 ħarġet minnha l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur.

Waqqaf ukoll l-“Għaqda tal-Qalb tal-Omm l-aktar Ammirabbli”, li hi bħat-Terz Ordni ta’ San Franġisk.

San Ġwann kellu jħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni qawwija mill-Ġansenisti, u minn xi Oratorjani. Kien ġie kkalunjat speċjalment wara li waqqaf is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju. Għal xi żmien kien itteħidlu l-permess li jippriedka u jqarar. F’dak iż-żmien, intefa’ jikteb u jxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn il-Qalb ta’ Marija. Fost il-kitba spiritwali tiegħu nsibu “Id-devozzjoni lejn il-Qalb Adorabbli ta’ Ġesù” u “L-Ammirabbli Qalb tal-Wisq Imqaddsa Omm Alla”.

Miet f’Caen, fid-19 ta’ Awwissu 1680, meta kellu 79 sena, u ġie kkanonizzat mill-Papa Piju XI fl-1925.

San Ġwann Eudes hu magħruf bħala wieħed minn tal-ewwel nett u mill-aqwa li xerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Immakulata ta’ Marija.

Ħsieb: Għaliex qiegħed/qegħda hawn? Ma rridx infisser hawn f’dan is-sit, imma għaliex qiegħed/qegħda hawn f’din id-dinja? X’inhu l-iskop ta’ ħajtek? Din hija l-aktar mistoqsija importanti li wieħed għandu jistaqsi. U minkejja dan, huwa faċli li wieħed jinjora din il-mistoqsija meta jinqabad fid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum.

L-aktar tweġiba sempliċi għal din il-mistoqsija hija li: Int tinsab hawn għall-Imħabba. Int ġejt maħluq/a għall-imħabba. Anzi ġejt maħluq/a biex ikollok għaqda mal-Imħabba Nnifisha li hi Alla nnifsu. Għax kif jgħid San Ġwann: ‘Alla huwa Mħabba.’ (1 Ġwanni 4:8)

Hi propju din l-għaqda ma’ Alla Mħabba, li l-aktar tispikka f’dan il-qaddis tal-lum, Ġwann Eudes, li kellu devozzjoni speċjali lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Araw ftit x’kiteb dwar l-għaqda ma’ Alla li tibda f’din id-dinja u tilħaq il-milja tagħha fis-Sema:

“M’hemmx ħajja vera għalik jekk mhux f’Ġesu’ Kristu, għax huwa Hu s-sors tal-ħajja vera. Irid ikun kemm is-sors kif ukoll l-iskop ta’ ħajtek. Int magħqud ħaġa waħda ma’ Ġesu’ kif il-ġisem hu magħqud mar-ras. Għalhekk għandu jkollok nifs wieħed miegħu, ruħ waħda, ħajja waħda, rieda waħda, moħħ wieħed, qalb waħda u Hu għandu jkun in-nifs tiegħek, qalbek, imħabbtek, ħajtek, kollox. Dawn id-doni kbar f’min qed jimxi wara Kristu, jibdew malli tirċievi s-Sagrament tal-Magħmudija. Jiġu miżjuda u msaħħa permezz tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni (tal-Griżma) u billi wieħed jagħmel użu tajjeb minn grazzji oħra li jagħti Alla, (u billi ma jitraskurax is-Sagrament tal-Qrar). Permezz tas-Sagrament tat-Tqarbin, din l-għaqda tilħaq il-perfezzjoni.”

Hekk kitbilna San Ġwann Eudes. Inti temmnu dan? Verament temmnu? Inħeġġek iġġedded il-fidi tiegħek f’din ir-realta’ li inti tagħmel parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. U issa, f’dak kollu li se tgħix, kun dak li verament int u għix dak li nħlaqt għalih.

Talba: O Mulej, Int ħlaqtni għalik, biex inħobbok u ngawdik, Tjubija infinita’, Sbuħija li ma tistax tiġi deskritta; tħallinix nitlef il-viżjoni sublimi tiegħek, li Int l-għan aħħari ta’ ħajti u r-raġuni għalfejn għandi nitqabad; tħallix li jiena nintilef fi pjaċiri tal-mument li mbagħad jisfgħu fix-xejn u li ħlejjaq oħra jistgħu joffruli. Ammen. (Talba ta’ San Ġwann Eudes)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/08/saint-john-eudes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-eudes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Eudes

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

18 ta’ Awwissu: Santa Elena

Verżjoni Vidjo: Santa Elena

“Bnejt kemm knejjes ‘l Alla l-għoli
Fejn jingħata kull tifħir;
Hawn l-Insara b’qima nġabru,
Minnhom bogħod kien it-tkasbir.
Fi xjuħitek ridt issib
L-għuda mqaddsa tas-Salib.” 

Innu lil Santa Elena miktub minn Dwardu Żarb

oraco-a-santa-helena-mil-unidades-D_NQ_NP_754201-MLB25531850425_042017-FSANTA ELENA
Imperatriċi Awgusta
250– 330

Tagħrif: L-istorja tagħha tgħidilna li Elena, hekk imżejna bi kwalitajiet naturali, ġibdet l-attenzjoni ta’ Kustanzu Kloru, neputi tal-Imperatur Klawdju Gotiku min-naħa ta’ ommu. Kustanzu Kloru kien bniedem kapaċissimu fl-armata Rumana, fil-politika, fl-istrateġija, fil-finanzi u fil-ħeffa ta’ deċiżjonijiet importanti li kellu jieħu. Kloru ħadha b’martu u minħabba l-impenji militari, kellu jkun assenti mill-ħajja familjari.

Għalkemm ma nafux meta Elena saret nisranija u anqas nafu kemm damet tagħġinha l-grazzja ta’ Alla qabel ma ħaddnet uffiċjalment it-twemmin nisrani, madankollu nibqgħu ċerti li xi darba tgħammdet. Kristu, rebaħha u s-salib li ġarret għal snin sħaħ matul ħajjitha, ħalla frott tassew bnin għall-kristjaneżmu, u, fuq kollox, wassalha għall-qima tal-altari.

Ġara li matul il-ħajja matrimonjali tagħhom, li fiha tweldilhom tifel li ġie mogħti l-isem ta’ Kostantinu, missieru ġie assenjat l-uffiċċju ta’ Ċesare fi żmien l-Imperatur Dijoklezjanu. Dan iddeċieda li jaqsam l-imperu fil-parti tal-Punent li kienet tinkludi l-Ingilterra, Franza u parti minn Spanja u dik ta’ Lvant. Lil Kloru ġiet assenjata l-parti tal-Punent. Pero’ tpoġġietlu kundizzjoni bħala obbligu strett biex dan iseħħ, jiġifieri li Kloru jħalli lil martu Elena u jiżżewweġ lil Teodora, it-tifla tal-Imperatur.

Kienet deċiżjoni diffiċli u ta’ swied il-qalb għal bniedem ta’ dak il-kalibru. Madankollu rebħet it-tieni għażla. Kloru ħalla lil martu Elena u kien imġiegħel li ibnu Kostantinu jittieħed ukoll ‘l bogħod mid-dar bl-iskuża li dan ibnu jmur fil-Lvant taħt għajnejn Galerju bħala rahan ta’ fedeltà ta’ missieru. L-iskuża kienet li jingħatalu taħriġ militari. Hawn feġġ is-salib ta’ Elena, mifruda minn żewġha u issa minn binha wkoll għal perijodu ta’ 13 -il sena sħaħ! Elena kompliet tbati fis-skiet. Issa kellha sfida oħra quddiemha: ulied Teodora. Elena kompliet tieħu ħsieb ulied Teodora. Hawnhekk naraw jispikka f’Elena l-virtù tal-maħfra. F’soċjetà magħrufa għall-vendetta u l-vjolenza tagħha, tant li aktar tard fl-istorja, minħabba l-waqgħa tal-valuri u l-morali, l-Imperu Ruman spiċċa tfarrak, dan l-għemil erojku ta’ Elena bbrilla u ħalla impatt kbir għal min ried jara d-dawl!

Ninsabu fi żmien meta l-aħbarijiet kienu jiġu mgħoddija b’ħeffa, minħabba l-organizzazzjoni tal-Imperu Ruman. Kostantinu, miżmum minn Galerju, sar jaf bl-istat prekarju jew dgħajjef ta’ ħajjet missieru Kloru. Permess għaż-żjara tiegħu lil Kloru fil-Brittanja ġie miċħud minn Galerju. Iżda Kostantinu permezz ta’ żwiemel tant ħfief u veloċi rnexxielu jiżgiċċa r-rifjut ta’ Galerju u telaq determinat għal għonq it-triq l-aktar twila sa ma wasal fejn missieru moribond. Kbir kien il-ferħ tagħhom meta l-missier seta’ jilmaħ il-lineamenti tiegħu, dak il-wiċċ li jiftakru bħala tfajjel u li fakkruh f’dawk tal-maħbuba Elena, martu.

Kostantinu kellu x-xorti li jħoss l-aħħar nifs ta’ missieru, li qabel mewtu rrakkomandah lill-armata tiegħu, li aċċettat lil ibnu bħala suċċessur ta’ Kustanzu Kloro, l-Imperatur Awgustu. Swielu t-taħriġ li kien ħa taħt Galerju fil-Lvant. Bir-raġun kollu jissejjaħ Kostantinu l-Kbir, Il-Manju. Elena għexet f’din il-ħajja moħbija, issofri n-niket sas-sena 306 meta Kostantinu sejħilha fejnu u taha t-titlu ta’ Imperatriċi. Binha naqqax isimha u x-xbihat taghha fuq il-muniti u tal-unuri kollha li jistħoqqilha. Issa Santa Elena kellha madwar 63 sena.

Elena issa nqdiet bil-pożizzjoni tagħha ta’ unur biex tagħmel il-ġid. Hi kellha ħsieb ieħor ġo moħħha, li kien li ssib is-Salib li fuqu ssallab il-Feddej. Kollox ħejjielha binha Kostantinu u erħilha mal-wasla tagħha fil-Palestina tibni knejjes b’tifkira lil dawn il-postijiet imqaddsa. Staqsiet u fittxet bl-għajnuna tal-isqof Makarju u dlonk lemħet it-tempju lil alla Venere biex tintesa kull qima lejn postijiet hekk għeżież. Ordnat it-tneħħija tat-tempju u li jsir it-tħaffir f’dak il-post. Xejn ma naqas talb minn fommha, biex tinstab l-għuda mqaddsa tas-salib. Fejn qabel saltnu x-xbihat tal-ajkla Rumana, dik tan-nofs qamar, inkella dik tal-pjaċiri moqżieża jew l-oħra tal-minġel u l-martell, sa fl-aħħar dehru jiġu skavati xi għodda tal-passjoni u fl-aħħar is-slaleb li fuqhom temmew ħajjithom il-ħallelin u Kristu l-Feddej.

Infakkru fil-qosor erba’ biċċiet mill-istorja ta’ Elena, kif ħallihielna Rufinu:

(1) ELENA TMUR ĠERUSALEMM BIEX TFITTEX IS-SALIB: Elena, omm Kostantinu, mara ta’ fidi straordinarja u ta’ devozzjoni profonda, barra milli kienet ta’ jdejn miftuħin għall-aħħar, ġiet imnebbħa minn dehriet tas-Sema biex tmur Ġerusalemm. Hawnhekk kellha titkixxef mingħand in-nies fejn Kristu ġie mdendel fuq is-salib. L-imkien mhux la kemm tfittxu għax dawk li kellhom għalih kienu waqqfu fil-post statwa ta’ Venere biex l-insara li riedu jqimu hemm lil Kristu kienu jidhru bħallikieku jaduraw lil Venere. Minħabba f’hekk, dak l-imkien, l-insara ma tantx kienu jersqu lejh għad li ma ntesiex. Sinjal mis-sema wera fejn kien il-post. Meta Elena marret hemm u sabet ruħha fuq il-post, kif kienet imnebbħa, ġarrfet dak li kien hemm wieqaf quddiemha u li kien imniġġes. Ħaffret taħtu u niżlet ‘l isfel: sabet tlett islaleb ħdejn xulxin. Il-ferħ tas-sejba ma damx għax ma setgħux jagħżlu liema wieħed kien ta’ Kristu. Il-biċċa tavla żgħira, li fuqha Pilatu kien kiteb bil-Grieg, bil-Latin u bil-Lhudi, kienet hemm iżda ma kenitx aktar mas-salib biex tagħżlu. Mela kienu jeħtieġu sinjal ieħor mis-Sema biex jagħrfu s-salib.

(2) KIF ĠIE MAGĦRUF IS-SALIB VERU: Mela ġara li mhux bgħid kien hemm waħda mara magħrufa li kienet marida għall-mewt b’marda kerha. L-Isqof Makarju, meta ra d-dubji tas-Sultana u ta’ madwarha, qal: ‘Ġibu t-tlett islaleb li sibna u Alla jurina liema wieħed kien dak li fuqu miet Kristu.’ Marru lkoll għand dik il-mara u, x’ħin waslu, qagħad għarrkupptejh, u għolla din it-talba: ‘Mulej, inti għoġbok li bil-passjoni ta’ Ibnek il-Waħdieni fuq is-Salib tagħti s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha, u issa, fiż-żmien li għażilt int, nebbaħt lill-qaddejja tiegħek biex tfittex kullimkien din l-għuda qaddisa li fuqha kien imdendel is-Salvatur: agħtina issa sinjal ċar biex nagħrfu liema wieħed minn dawn is-slaleb kien dak il-glorjuż, fost dawk li kienu magħmulin biex ineħħu l-ilsiera. Agħmel li din il-mara, marida għall-mewt, tieħu saħħitha mill-ġdid malli tmissha l-għuda tas-salvazzjoni.’ Malli temm it-talba ġieb fil-qrib wieħed mis-slaleb u ma ġara xejn. Imbagħad ġieb it-tieni wieħed u, xorta waħda ma ġara xejn. Iżda meta ressaq it-tielet wieħed il-mara fetħet għajnejha minnufih u qamet, saħħitha ġiet lura kollha f’daqqa, iktar milli kienet meta kienet tħossha tajba. Bdiet tiġri ma’ darha u tfaħħar il-qawwa tal-Mulej.

Qrib is-sena 328 kien wasal iż-żmien li Elena ttemm din il-ħajja, tħalli dan il-wied ta’ dmugħ li fih dejjem għarfet torbot ruħha mar-rieda ta’ Alla, biex tittajjar għal għandu u tibda’ ssaltan miegħu fis-sebħ bla tmiem. Mhux magħruf b’ċertezza l-post fejn mietet, għalkemm xi storiċi jsemmu Ruma. Iżda nafu li Elena kienet mibkija minn kulħadd. U ġisimha ġie midfun u mqiegħed fil-Mawsoleum ta’ Via Lavicana, magħruf bħala Tor Pignattara.

Ħsieb: San Andrija ta’ Kreta fl-għaxar omelija tiegħu dwar l-Eżaltazzjoni tas-Salib, jgħid: “X’ħaġa kbira li tippossedi s-Salib! Min jippossedieh, jippossedi teżor.” Aħsbu kif l-Iben ta’ Alla sar daqshekk vulnerabbli, assuma l-kundizzjoni ta’ lsir u kien ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (Filippin 2:8). Bis-salib tiegħu aħna salvati. L-istrument tat-tortura li, fil-Ġimgħa l-Kbira, wera l-ġudizzju ta’ Alla għad-dinja, sar l-għajn tal-ħajja, il-maħfra, il-ħniena, is-sinjal tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi għal kulħadd!

Elena ssammar ħaristha mas-salib. Din il-kwalità ta’ Elena, x’turina? Turina:

  • Li f’ħajjitna, bħalha, dejjem għandna nduru lejn Ġesù, l-uniku Salvatur tagħna.
  • Li għandna ngħożżu d-drawwa sabiħa tar-radd tas-Salib, għaliex is-Sinjal tas-Salib huwa s-sinteżi tal-fidi tagħna.
  • Li s-Salib jgħidilna kemm ħabbna l-Mulej. Jgħidilna li hemm imħabba f’din id-dinja li hija aqwa mill-mewt. Aqwa mid-dgħujfijiet u d-dnubiet tagħna.
  • Li l-qawwa tal-imħabba hija ferm aqwa mill-ħażen li jheddidna.

Fil-festa ta’ din il-qaddisa, aħna wkoll mistiedna, flimkien ma’ dawk ta’ rieda tajba li qed isofru f’qalbhom u f’ġisimhom, biex ngħollu għajnejna lejn is-Salib ta’ Ġesù ħalli fih niskopru l-għajn tal-ħajja, is-sors tas-salvazzjoni. Huwa hu li se jagħmilna ħielsa biex inħobbu bħalma ħabbna hu u biex nibnu dinja rikonċiljata. Għaliex minn dan is-Salib Ġesù ħa fuqu t-toqol tat-tbatijiet u l-inġustizzji tal-umanità tagħna. Fuq dan is-Salib huwa ħa fuqu l-umiljazzjoni u d-diskriminazzjoni, it-tortura sofferta f’ħafna partijiet fid-dinja minn tant ħutna subien u bniet fil-fidi għall-imħabba ta’ Kristu.

Jiġini hawnhekk il-kliem qawwi ta’ Ġesù li tant jgħodd għal din il-qaddisa: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.“(Mark 8:34-36).

F’Elena tispikka wkoll il-virtù tal-ħniena, meta ħaffret lil żewġha talli ddevorzjha biex jiżżewweġ lil Teodora minħabba l-pożizzjoni politika tiegħu u talli firduha minn binha għal snin twal. Mhux biss ħafret imma kompliet tieħu ħsieb ulied Teodora hi stess. U hawn niftakru fi kliem San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’ Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rumani 12:17-21).

Tajjeb għalhekk li quddiem din il-kwalità ta’ Elena, tal-Maħfra, nistaqsi bis-serjetà lili nnifsi:

  • Kemm qed inpatti bil-ġid għad-deni li qed nirċievi bħalma għamlet Elena?
  • Qed nagħti r-rabja tiegħi lill-Mulej bħalma għamlet hi u, minflok ma nsib vendetta għal min ħadli lil żewġi jew lil marti, inkella ċaħħadni minn uliedi, jiena nitlob għalihom?
  • L-għedewwa tiegħi naħfrilhom? Inberikom? Nagħmlilhom il-ġid?
  • F’mumenti diffiċli qiegħed naqbad il-Kelma ta’ Alla u nħalli lil Ġesù jgħallimni kif għandi nġib ruħi?

U x’jgħidli l-Mulej Ġesù? “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: ‘Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor minn għandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.’ (Luqa 6:27-36)

Tajjeb li nagħrfu kwalità oħra ta’ Elena, li hi dik tat-Talb. Kien propju l-kuntatt tagħha ma’ Alla fit-talb li ta lil din il-qaddisa l-qawwa u l-kuraġġ li tibqa’ għaddejja f’din il-ħajja, minkejja d-diffikultajiet u l-qsim ta’ qalb li għaddiet minnhom. Ħa nsaqsi bis-serjetà lili nnifsi:

  • X’qed nagħmel fil-mumenti koroh tal-maltempati f’ħajti?
  • Qed nirrikorri għat-talb bħalma għamlet Elena jew inkella qed ninġarr mar-riħ?
  • Jekk ittradewni issa waqajt fl-istess nassa jien, il-għaliex bdejt nittradixxi kif ġib u laħaq?
  • Jekk serquni, qed nisraq?
  • Jew għaliex għamluli l-ħsara, dan jagħtini l-permess li nagħmel il-ħsara jien?
  • Ma nafx li t-talb ikabbarni fis-sabar?
  • Ma nafx li bit-talb jinfaqgħu l-ħitan żonqrija tal-ħażen?

Talba: Imperatriċi qaddisa Elena, permezz tad-devozzjoni u l-ħeġġa tiegħek li bihom kont imqanqla biex tfittex sa ma ssib is-salib tal-Feddej tagħna, nitolbok biex b’talbek taqlagħli l-grazzja li nsofri bil-paċenzja t-taħbit u s-saram ta’ din il-ħajja, bil-ħsieb li wara s-salib, hemm il-glorja tistennieni. Irrid li bħalek nilqa’ bil-qalb is-slaleb ta’ ħajti bi mħabba għal Kristu li miet għalija fuq is-salib. Naf li jekk nagħmel dan, jien ukoll għad ningħaqad miegħu u miegħek fil-ferħ tas-sema li ma jintemm qatt! Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2017/08/saint-helena.html

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=21532&cid=41967&ecid=41967&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Helena_(empress)

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa ġie addattat minn paniġirku ta’ Fr Mario Attard OFM Cap għal jum il-festa ta’ Santa Elena.

17 ta’ Awwissu: Santa Giovanna Delanoue

Verżjoni Vidjo: Santa Giovanna Delanoue

“Kompli f’dak li bdejt. L-Ispirtu t’Alla jinsab miegħek. Obdi kull ma jgħidlek u tibża’ xejn.” San Alwiġi de Montfort lil Santa Giovanna Delanoue

jeanne-et-enfts-m-m-vitSANTA GIOVANNA DELANOUE
(Santa Giovanna tas-Salib)
1666 – 1736

Tagħrif: Iż-żgħira fost 12-il aħwa, Giovanna twieldet fis-sena 1666. Il-familja tagħha kellha negozju żgħir imma ta’ suċċess. Meta ommha li kienet armla mietet, ħalliet il-ħanut li kellhom f’Saumur fi Franza f’idejn bintha ta’ 25 sena, li fih il-ġenituri tagħha kienu jservu l-ikel lill-pellegrini.

Ma kinitx tifla ħażina, imma moħħha kien kif ser tagħmel il-flus u wettqet diversi dnubiet żgħar biex jirnexxielha tagħmel dan. Hija bdiet tiftaħ il-ħanut il-Ħadd.

Darba kienet tifla devota, imma issa ftit kien għad fadlilha mħabba f’qalbha. Ommha kienet dejjem ġeneruża mat-tallaba. Giovanna, għall-kuntrarju, kienet tixtri l-ikel ftit qabel il-pranzu, biex b’dan il-mod, hija setgħet tgħid lit-tallaba li kienu jiġu jħabbtu mal-bieb matul il-ġurnata: “M’għandi xejn x’nagħtikom.”

Giovanna ma sabitx kuntentizza f’din it-tip ta’ ħajja. Darba żammet għandha b’xejn lil mara xiħa li kienet tara l-viżjonijiet. Din ħabritilha li xi darba hi għad tkun ta’ għajnuna kbira għall-foqra. Giovanna laqgħet din it-taħbira b’xettiċiżmu, imma ż-żjara ta’ din il-mara, ħawdet tant lil Giovanna spiritwalment, li din marret talbet parir mingħand saċerdot, għalqet in-negozju l-Ħadd u bdiet tagħmel għemil ta’ penitenza. Meta l-mara xiħa reġgħet ġiet għandha, Giovanna għarfet li l-vokazzjoni tagħha ma kinitx in-negozju, iżda li taqdi lill-foqra.

Sa fl-aħħar meta hija kellha 27 sena, saċerdot twajjeb għenha tibda tgħix skont il-fidi, u bdiet tixgħel bl-imħabba u bil-fervur nisrani. Hija mbagħad fehmet li kellha tagħti flusha lil min jeħtieġ u mhux trekkinhom għall-gwadann tagħha personali. Hi bdiet tieħu ħsieb il-familji foqra u l-orfni. Eventwalment, għalqet il-ħanut tagħha biex tkun tista’ tiddedika aktar ħin għalihom u għat-38 sena li segwew wara, hija kienet aktar tagħti milli tirċievi.

Hija tat l-aqwa libsa li kellha u Alla ħallasha b’esperjenza spiritwali li damet tliet ijiem, li fiha rat minn qabel il-kongregazzjoni tagħha. In-nies kienu jsejħu lid-dar tagħha mimlija orfni, “Dar tal-Providenza” li setgħet tilqa’ fiha 300 marid. Hi kkonvinċiet nisa oħra biex jgħinu f’din il-ħidma.

Giovanna għexet ħajja ta’ sagrifiċċju u kienet tipprattika l-penitenza. Meta ltaqa’ magħha San Alwiġi de Montfort, għall-ewwel ħaseb li kienet ħarxa magħha nnifisha, minħabba li kienet supperva. Imma mbagħad irrealizza li qalbha kienet mimlija mħabba għal Alla. Hu qallha: “Kompli f’dak li bdejt. L-Ispirtu t’Alla jinsab miegħek. Obdi kull ma jgħidlek u tibża’ xejn.”

Giovanna mietet fil-paċi fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1736 fl-età ta’ 70 sena. In-nies ta’ Saumur qalu, “Dik in-negozjanta ċkejkna għamlet aktar ġid lill-foqra ta’ Saumur mill-kunsilliera kollha f’daqqa tal-pajjiż. X’mara dik! U x’persuna qaddisa!” Hi ġiet iddikjarata “beata” mill-Papa Piju XII fl-1947, l-istess sena meta San Alwiġi de Montfort kien iddikjarat qaddis. Ġiet ikkanonizzata fil-31 ta’ Ottubru tas-sena 1982 minn Papa Ġwanni Pawlu II, u hija l-fundatriċi tas-sorijiet ta’ Sant’ Anna tal-Providenza ta’ Saumur li jieħdu ħsieb il-fqar, il-morda u dawk li ħadd ma jagħti kashom.

Ħsieb: Jgħidu li ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ u li ‘bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus,’ imma jgħidu wkoll li ‘ħdejn il-paċi u l-kuntentizza tal-qalb, ma joqgħod xejn’. Nistgħu ngħidu li l-flus huma kollox, jew li min għandu l-flus hu l-aktar bniedem kuntent u li ma jonqsu xejn? Kristu jwissina: “Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” (Mattew 16:26)

Il-paċi u s-serħan tal-moħħ u l-qalb, li jiġu biss minn Alla, huma b’xejn. Madanakollu, biex wieħed jakkwisthom, ma jridx ikollu qalbu mimlija b’xi ħaġa oħra li m’għandha l-ebda valur etern – bħall-flus! Imma kif nistgħu ngħaddu mingħajr flus? Le ma nistgħux tassew, imma nistgħu ma nkunux regħba għall-flus tant li nissagrifikaw lilna nfusna u ġieli anki lill-għeżież tagħna. Kemm inċaħdu lit-tfal mill-attenzjoni meħtieġa li jkollhom bżonn fi tfulithom f’isem il-bżonn li naqalgħu l-flus! Kemm nitraskuraw ġieli anki lill-membri l-oħra tal-familja; bħal żwiġijietna u forsi l-ġenituri tagħna anzjani jew morda! U xi ngħidu għad-drabi meta jkollha taqbeż barra l-Quddiesa tal-Ħadd u/jew il-ħin ta’ talb, għax minħabba x-xogħol, ma nsibux ċans għalihom, u wara nkunu wisq għajjiena!

Kemm hu sewwa mela, li wieħed jgħix bil-moderazzjoni u bl-għaqal f’kollox u mbagħad jiddependi fuq il-Providenza Divina għal dak li jkollu bżonn tassew. Filfatt, Kristu jgħidilna li Missierna tas-Sema jaf x’neħtieġu, (Mattew 6:33) u wkoll: “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mattew 6:26) u f’Ġakbu 1:17, insibu li “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier.” Mela ejjew ma nħallux lix-xitan iqarraq bina, jgħamina bix-xenxilli tal-flus, biex imbagħad jitilfilna ruħna!

Jgħaddi ż-żmien u aktar ma nikbru, aktar nirrealizzaw li l-flus mhux kollox, u li m’għandniex ninvestu wisq fil-ħajja t’hawn, għax hemm oħra tistenniena. Il-kwalità tal-ħajja li jmiss, mhux talli ma tiddependix minn kemm jirnexxielna nakkwistaw u naqalgħu ġid materjali f’din id-dinja, talli għall-kuntrarju, huwa dak li nkunu tajna lill-ħaddieħor – dan u dan biss nieħdu magħna fl-eternità u fuq dan ser nieħdu l-ħlas.

Nistgħu ngħidu għalhekk, li malli Giovanna ngħatat il-grazzja li tagħraf kemm kienet żbaljata fil-fehma tagħha fejn jidħlu l-flus, hija bdiet issib il-ferħ tagħha f’li tgħin lil ħutha fil-bżonn. U hawn niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal, “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) u Kristu jkompli jgħidilna: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.” (Mattew 6:19-21) U hekk issuktat tagħmel Giovanna u dan mela tassew lil qalbha li issa kienet imfawra bl-imħabba t’Alla. F’dan naraw kemm hu tassew minnu dak li stqarr Santu Wistin meta sab lil Alla f’ħajtu wara ħafna snin jgħix fil-frugħa: “Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx Fik.”

Talba: Bl-interċessjoni tiegħek, għażiża negozjanta ċkejkna tas-Sema, agħmel li aħna nagħrfu npoġġu l-valur tal-flus bħala dak li hu, dak li jgħinna ngħaddu hawn f’din l-art u ngħinu lil dawk li nieqsa mill-ħtiġijiet tal-ħajja. Jalla fuq l-eżempju sabiħ tiegħek, qalbna tkun dejjem iżjed miftuħa u mimlija mogħdrija lejn ħutna l-bnedmin. Ammen.

English Version: http://www.holyspiritinteractive.net/dailysaint/august/0817.asp

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-joan-of-the-cross/

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19821031_delanoue_en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jeanne_Delanoue

 

 

 

16 ta’ Awwissu: San Stiefnu tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: San Stiefnu tal-Ungerija

“Kun ħanin ma dawk kollha li qed isofru l-vjolenza. Żomm dejjem f’qalbek l-eżempju tal-Mulej li qal, ‘Ħniena rrid mhux sagrifiċċju.’ San Stiefnu tal-Ungerija

St. Stephen King of HungarySAN STIEFNU TAL-UNGERIJA
Re
975 – 1038

Tagħrif: San Stiefnu twieled fis-sena 975, fi Gran, il-belt ewlenija tal-Ungerija ta’ dak iż-żmien, u tawh l-isem ta’ Vajk.

Tgħammed fis-sena 985, flimkien ma’ missieru li kien Duka tal-Maġjari (Ungeriżi) u ħa l-isem ta’ Istvan (Stiefnu).

Meta kellu 20 sena, Stiefnu żżewweġ lil Gisela, oħt l-Imperatur San Enriku II. Sentejn wara, miet missieru, u hu laħaq floku bħala d-Duka tal-Maġjari.

Wara li saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-Ungerija, xtaq jikkonverti ’l pajjiżu kollu u jagħmlu nisrani. Għalhekk bagħat lil San Asteriku għand il-Papa Silvestru II, biex jikseb min għandu l-permess li jkun jista’ jwaqqaf djoċesijiet ħalli jorganizza l-Knisja f’pajjiżu, u biex il-Papa jagħtih it-titlu ta’ Re.

Asteriku, li wara sar l-Arċisqof tal-Ungerija ġie lura minn Ruma bil-permess u b’kuruna. Din il-kuruna kienet maħduma b’mod li setgħet toqgħod eżatt fuq il-kuruna li l-Imperatur Mikiel II kien ta lil missier San Stiefnu.

Illum din “il-kuruna ta’ San Stiefnu” hi miżmuma bħala waħda mir-rikkezzi l-iktar għeżież u prezzjużi tal-Ungerija.

Stiefnu ġie nkurunat Sultan tal-Ungerija minn Asteriku li issa kien il-Legat tal-Papa, fil-belt ta’ Gran, fl-1001.

San Stiefnu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jistabbilixxi l-Knisja fuq pedamenti sodi billi waqqaf djoċesijiet, ġab ħafna missjunarji biex jippritkaw il-Vanġelu f’kull rokna tal-pajjiż, u bena bosta knejjes u monasteri fosthom il-magħruf monasteru ta’ San Martin għall-Patrijiet Benedittini.

Fl-1031, tilef l-uniku iben li kellu, Emeriku, li kien werriet tat-tron, f’diżgrazzja waqt li kien għall-kaċċa.

San Stiefnu miet fil-15 ta’ Awwissu tas-sena 1038, nhar il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna li lejha kellu devozzjoni kbira u kien għamilha l-Patruna ta’ pajjiżu.

Difnuh ħdejn ibnu Emeriku, u t-tnejn ġew ikkanonizzati flimkien, fl-1083, mill-Papa San Girgor VII.

Ħsieb: Li kellna nistaqsu fil-qalb tagħna x’tip ta’ gvernijiet u mexxejja jeżistu fid-dinja, nistgħu verament inwieġbu li dawn huma kollha ambaxxaturi spiritwali li jiddefendu l-valuri vera, il-qdusija tas-Sagrament taż-Żwieġ, u li dejjem lesti biex itaffu l-faqar sal-punt li anki joħorġu minn bwiethom biex jgħinu lin-nies? San Stiefnu tal-Ungerija kien propju dan it-tip ta’ mexxej. U tassew, kull min hu fl-awtorità, għandu l-piż ta’ dawk li ngħatawlu għall-kura tiegħu fuq spaltu u jrid jagħti kont lil Alla ta’ kif ikun inqeda bil-pożizzjoni awtorevoli tiegħu. Kristu jwissina li: “Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.” (Luqa 12:48)

Forsi jien u int m’għandna l-ebda awtorità fuq livell għoli, imma s-sehem tagħna bħala nsara jeħtieġ li nagħtuh, anzi, nistgħu u għandna nieħdu sehem fit-tmexxija. Imma, tgħiduli, mhux kulħadd jista’ jkun fil-parlament jew f’xi pożizzjoni awtorevoli li jkollha saħħa biżżejjed li tinfluwenza it-tmexxija. Allura, tgħiduli, kif nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna ta’ nsara? Tajjeb li nippruvaw insemmgħu kif nistgħu leħenna u l-pożizzjoni tagħna kulħadd kif jista’ (anki forsi bil-facebook), imma l-aktar li hu meħtieġ u mitlub minna huwa t-TALB.

Jekk nitolbu bil-fidi, b’impenn u b’dedikazzjoni għall-mexxejja tad-dinja, nafu li t-talb, minkejja li mhix xi ħaġa li taqa’ taħt is-sensi, huwa l-arma moħbija u qawwija li biha n-nisrani konvint, iċaqlaq il-muntanji! Iva, iċaqlaq l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li forsi b’nuqqas ta’ għarfien għaqli, ikunu ser jagħmlu deċiżjonijiet żbaljati b’effett negattiv fuq il-pajjiż. Iċaqlaq qlub ġenerużi biex b’intenzjonijiet retti, jagħżlu li jidħlu għal impenji kbar u jieħdu responsabbiltajiet fuqhom b’kuraġġ u b’fedeltà ġenwina lejn Alla u lejn il-poplu.

Imma kemm hawn min verament jitlob b’impenn għall-mexxejja tagħna? Nitolbu għall-morda, għall-mejtin għeżież tagħna jew għal dawk bi problemi. Imma għall-gvernijiet? Għall-membri parlamentari? Għall-kunsillieri? Għall-imħallfin? Għall-għalliema? U l-lista ta’ dawk li l-aktar jinfluwenzaw lill-oħrajn tkompli …

Talba: Għażiż Re twajjeb u għaqli Stiefnu, lejk ukoll induru fit-talb tagħna għall-mexxejja tal-pajjiżi. Kun int li bl-interċessjoni tiegħek għalihom, iddawwalhom fl-għażliet tagħhom, ħalli dawn ikunu bħalma kienu tiegħek, imdawla mill-valuri tal-Vanġelu. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/st-stephen-of-hungary.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-stephen-of-hungary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Stephen_I_of_Hungary

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

15 ta’ Awwissu: Il-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija Mtella’ fis-Sema

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu… Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.” Luqa 1 : 46-49, 52

Assumption_841568IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLA’ FIS-SEMA

Tagħrif: Fl-ewwel ta’ Novemru 1950, il-Papa Piju XII iddikjara li hi verità rrivelata lilna minn Alla li meta l-Verġni Mqaddsa Marija għalqilha ż-żmien tagħha f’din id-dinja, ġiet bil-qawwa ta’ Alla mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hi d-domma tal-Assunzjoni. Hija differenti mill-Axxensjoni, it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, għax Ġesù tela’ bil-qawwa tiegħu stess.

Sa mill-bidu tal-ħames seklu, f’Ġerusalemm, kienet diġa’ bdiet issir il-festa tat-tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Bil-mod il-mod din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fi knejjes oħra.

Storikament ma għandna xejn fiż-żgur fejn u meta ġrat il-mewt tal-Madonna. Wara li Ġesù tela’ s-sema, il-Madonna baqgħet Ġerusalemm, u kienet mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad flimkien ma’ San Ġwann marret Efesu. Probabbilment wara xi żmien, reġgħet marret Ġerusalemm fejn mietet bejn is-sena 5 u 15 wara l-Axxensjoni ta’ Ġesù.

Dawk li jmutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħhom għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum. Dan hu t-twemmin tagħna.

Bi grazzja speċjali, Alla ried li dak li għad jiġri fl-aħħar jum lil dawk li jmutu fi Kristu, iseħħ fil-Verġni Mqaddsa sa mill-bidu tal-mewt tagħha, billi ġisimha bla ma jara t-taħsir jinbidel f’ġisem glorjuż.

Marija mtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, hija l-Patruna prinċipali ta’ Malta.

Ħsieb: Il-ħsieb ta’ xi jsir minna wara li ntemmu l-ħajja tagħna fuq din l-art, iqanqal fina emozzjonijiet varji. Meta wieħed jara lill-għeżież tiegħu jmutu u jisfgħu bla ħajja, jew jattendi għad-difna tagħhom, kważi jidher li dan huwa t-tmiem. Ħafna jistaqsu:

  • Tgħid kollox jispiċċa mal-mewt tal-ġisem?
  • Tgħid mhux ser nerġa’ niltaqa’ ma’ dawk li jiena tant ħabbejt f’ħajti?
  • Imma jekk hemm xi tip ta’ ħajja oħra, din f’hiex tikkonsisti?
  • Fejn se nkunu, u xi kwalità ta’ ħajja se jkollna… aħjar jew agħar minn din li nafu s’issa?
  • Imma kif se nqattgħuh il-ħin, jew aħjar l-eternità?
  • Se jkollna dak kollu li bih nimlew qalbna?

Uħud jibqgħu jistaqsu, uħud anki jinfixlu! Imma oħrajn ifittxu bil-għaqal kollu u bil-fidi, x’uriena Alla, anki permezz tal-Knisja mwaqqfa minnu, dwar dak li jseħħ minn kull wieħed u waħda minna meta nħallu din l-art. Propju għalhekk, illum il-Knisja tpoġġielna lil Ommna Marija mtella’ s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, għax kien minnha li Alla ried jibda. Ried jurina kif kulħadd huwa msejjaħ għal dan l-istess destin.

Hi propju s-Solennità li qed niċċelebraw illum, li tikxef u tħabbar x’futur hemm lest għalija u għalik, jekk bħal Marija ngħixu dak li jitlob minna Alla. Uħud iridu jkunu jafu l-futur. Alla wriena li l-futur etern tagħna, jiddependi fuq kif nagħżlu li ngħixu dan iż-żmien li għad jintemm.

M’għandniex għax induru mal-lewża għax Kristu ma setgħax ikun aktar ċar milli kien rigward l-eżistenza tal-Ġenna għat-tajba u l-Infern għall-ħżiena! Infatti Kristu huwa l-aktar persuna li jitkellem dwar l-infern u jwissina: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak (b’referenza għax-Xitan) li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” (Mattew 10:28).

Tgħid qalilna dan biex sempliċiment iwerwirna? Imma fir-realtà, l-ebda kelma dwar l-infern fil-Bibbja ma twasslek biex tispiċċa l-infern – mhux jekk tieħu Kelmtu bis-serjetà.

U jien kemm qed nieħu Kelmtu bis-serjetà f’ħajti? Kliem Kristu stess iġegħelna nagħmlu eżami minn ħajjitna u naraw x’għad hemm bżonn li nirranġaw, innaqsu jew inżidu biex inkunu, kif jgħid il-Malti, dejjem bil-bagalja lesta, għax il-mument tat-tluq huwa mistur għal kulħadd.

Talba: Għażiża Ommi Marija, Alla għolliek fi glorja tassew tal-għaġeb għal mod kif int għext bis-sħiħ ir-rieda t’Alla għalik, nitolbok tgħallimni ngħix dak li naf li Alla jrid minni, ħalli meta jasal il-waqt, jien ukoll ikolli bħalek, l-istess twelid glorjuż fis-sema. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/feast-of-assumption.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-assumption-of-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Assumption_of_Mary

Film dwar l-aħħar jiem ta’ Marija:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

14 ta’ Awwissu: San Massimiljanu Marija Kolbe

Verżjoni Vidjo: San Massimiljanu Marija Kolbe

“Għal Ġesù Kristu, jien lest li nsofri ħafna aktar.” – San Massimiljanu Marija Kolbe

maxresdefaultSAN MASSIMILJANU MARIJA KOLBE
Saċerdot u Martri
1894 – 1941

Tagħrif: Dan il-Qaddis twieled fis-7 ta’ Jannar tas-sena 1894 f’Zdunska-Wola, fil-Polonja, bl-isem ta’ Rajmond.

Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910, Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljan. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fl-1912, intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija.

Fl-1914, għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljan.

Fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-“Unjoni Pija tal-Milizzja tal-Immakulata.”

Fit-28 ta’ April tas-sena 1918 ġie ordnat saċerdot, u sena wara malli ħa l-lawrija fit-teoloġija, telaq lejn Krakov fil-Polonja. Hawn ukoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, “Il-Kavallier tal-Immakulata,” u wara rivista oħra għat-tfal, “Il-Kavallier Ċkejken.”

Fl-1930, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista tal-Kavallier tal-Immakulata.

Fl-1935, reġa’ lura lejn art twelidu. Fl-1939 faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, u l-armata Ġermaniża ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.

Fis-17 ta’ Frar tas-sena 1941 ġie arrestat u fit-28 ta’ Mejju ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn, fl-ifran tiegħu ġew maħruqin fuq il-ħames miljun ruħ. Hawnhekk, Patri Kolbe sar numru: 16670. F’Lulju ntbagħat fil-kamp tal-invalidi. Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skont il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.

Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: “Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!” Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-beritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal.”

Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker biex imutu bla ikel u bla xorb. Wara ġimagħtejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Dakinhar kien l-14 ta’ Awwissu tas-sena 1941.

Fl-10 ta’ Ottubru tas-sena 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri.

Ħsieb: F’sitwazzjoni ta’ tbatija kbira, l-għajta tas-Surġent turina l-imħabba li kellu lejn martu u lejn uliedu li ma xtaqx iħallihom mingħajru. Għall-offerta tal-qaddis li talab li joħodlu postu għax tħassru, nistgħu npoġġu kliem Kristu li qalilna: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13)

L-imħabba vera hija dik li tingħata għal min tħobb, jiġifieri tkun offerta ta’ mħabba li ma toqgħodx tqis kemm se jiswielek biex tissagrifika lilek innifsek kull fejn hemm bżonn. Dan naraw li għamel Kristu nnifsu għal kull wieħed u waħda minna biex salvana mid-dnub!

Fejn aħna fl-imħabba tagħna lejn l-oħrajn, b’mod speċjali lejn dawk li huma tant qrib tagħna? Kemm qed inġibuhom qabilna u nibqgħu nħobbuhom anki jekk dan mhux dejjem faċli u komdu għalina u jitlob minna sagrifiċċji u offerta tagħna nfusna? Ejjew niftakru li Ġesù kkmandana: “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom Jien,” (Ġwanni 13:34) u nafu kif ħabbna Ġesù  .

Żgur li d-devozzjoni li Kolbe kellu lejn il-Verġni Marija wasslitu biex jagħtina eżempju mill-isbaħ ta’ din it-tip ta’ mħabba li tingħata. Marija wkoll tibqa’ tingħata għas-servizz tagħna kull meta nduru lejha.

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna minn għandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Forsi trid il-briju u piki tal-festi fil-jum iddedikat għaliha?
  • Mhux aktar tridna nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umiltà u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Kemm qed nagħtu widen għall-Kelma t’Alla fil-Bibbja?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?
  • Kemm qed nixbhu lil Ommna li tiddi bil-barkiet għax kienet lesta li tħobb lil Alla, akkost ta’ kull sagrifiċċju u tbatija personali li wassalha sal-Kalvarju?

Illum tinsab glorjuża, kif se niċċelebraw għada, għax ħadet il-premju li stħaqqilha. Il-qima vera li tixtieq minn għandna hi prinċiparjament dik li bħalha ngħixu dak li Alla kkmandana.

Talba: Ħuna Massimiljanu, int li issa qed tgawdi l-glorja tal-martri qrib il-Verġni Immakulata u Binha li inti tant ħabbejt, għinni biex fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek jien ukoll nipprattika bla ma naqta’ qalbi l-imħabba tiegħi lejn Alla u lejn kulħadd bla riservi. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/st-maximilian-kolbe.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-maximillian-kolbe-560

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maximilian_Kolbe

Film dwar il-ħajja ta’ Kolbe:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

2 ta’ Jannar: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

Verżjoni Vidjo: San Basilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu

“Il-Mulej jagħti għerf lill-għorrief u dehen lil min jagħraf l-għaqal: Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u mistura, u d-dawl jgħammar miegħu. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” ~ Daniel 2:21-22; 1 Korintin 12:11

gregory_and_basil_artwork_full_0SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

Dawn iż-żewġ qaddisin li llum il-Knisja tunurahom it-tnejn flimkien kienu ħbieb kbar ta’ xulxin qishom żewġ aħwa, għexu fl-istess żmien u fl-istess pajjiż, studjaw flimkien, kienu studjużi kbar, saru qassisin u isqfijiet, u saħansitra wara mewthom, it-tnejn ġew magħrufin bħala Dutturi tal-Knisja.

SAN BASILJU L-KBIR
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 379

Fil-familja ta’ San Basilju nsibu li n-nanna tiegħu Makrina l-Kbira, Missieru Basilju x-Xiħ, ommu Emmelja, oħtu Makrina ż-żgħira, u ħutu Girgor, Isqof ta’ Nissa, u Pietru, Isqof ta’ Sebaste, huma lkoll Qaddisin.

Hu twieled f’Ċesarija, Kappadoċja (Illum parti mit-Turkija). Meta kien qed jistudja f’Ateni ltaqa’ ma Girgor Nazjanzenu u sar ħabib kbir tiegħu.

Laħaq tabib, matematiku famuż, filosofu u astrologu. Influwenzat minn oħtu, Makrina, ħalla d-dinja u mar jgħix bħala eremita, u waqqaf monasteru fuq ix-xmara Iris, fis-sena 358.

Fis-sena 364 ġie ordnat saċerdot minn Ewsebju, Arċisqof ta’ Ċisarija. Tant kien saċerdot kapaċi u ħabrieki li l-ħabib tiegħu Girgor kien qal dwaru: “L-Isqof mexxa l-poplu, u Basilju mexxa l-Isqof”.

Fis-sena 370 ġie elett Arċisqof ta’ Ċisarija bħala suċċessur ta’ Ewsebju. Irnexxielu jqajjem responsabbilta’ soċjali fost l-Insara, billi hu stess kien jittallab biex jinbnew sptarijiet, orfanatorji u skejjel. Ħadem ħafna kontra l-ereżija ta’ Arju, li kienet tiċħad id-divinita’ ta’ Kristu.

Sakemm miet fl-1 ta’ Jannar tas-sena 379, ta’ 49 sena, baqa’ dejjem attiv, b’elokwenza kbira u b’karita’ immensa, li tawh l-isem ta’ Kbir f’ħajtu, u ta’ Duttur tal-Knisja wara mewtu.

Kien jgħid: “Il-ħobż li ma tużax, hu l-ħobż ta’ min hu bil-ġuħ; l-ilbies li għandek fil-gwardarobba, hu l-ilbies ta’ min hu għarwien; iż-żarbun li ma tilbisx, huwa ż-żarbun ta’ min hu ħafi; il-flus li għandek imwarrba huma l-flus tal-fqar; l-atti ta’ karita’ li ma tagħmilx huma inġustizzji li inti twettaq.”

SAN GIRGOR NAZJANZENU
Isqof u Duttur tal-Knisja
330 – 389

San Girgor Nazjanzenu twieled f’Nazjanze, Kappadoċja fis-sena 330. Missieru Girgor Nazjanzenu x-xiħ, ommu Nonna, ħuħ Ċesarju, u oħtu Gorgonja, huma lkoll qaddisin.

Kellu temperament differenti minn ta’ ħabibu Basilju, kien aktar miġbur, ta’ għalih waħdu, u jħobb il-kwiet. Meta ħabibu mar eremita, hu mar warajh. Fis-sena 362 ġie ordnat saċerdot, u fis-sena 372 ġie kkonsagrat Isqof ta’ Sasima, mill-ħabib tiegħu San Basilju li kien Arċisqof ta’ Ċisarija. Fis-sena 380 sar il-Patrijarka ta’ Konstantinopli.

Sena wara rtira f’Nazjanze fejn mar fil-kwiet, jitlob, jikteb u jippriedka, sakemm miet fil-25 ta’ Jannar tas-sena 389, ta’ 64 sena. Hu wkoll huwa Duttur tal-Knisja.

San Girgor hu wieħed mit-tliet teoloġi l-kbar ta’ Kappadoċja, kolonni tal-Knisja fi żmienu flimkien ma’ ħabibu San Basilju u San Girgor Nissenu (ħu San Basilju). Hu magħruf bħala d-Duttur tat-Trinita’. Kien hu l-ewwel wieħed li sejjaħ lill-Madonna “Omm Alla”.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Girgor Nazjanzenu fuq il-ħbiberija tiegħu ma’ San Basilju:

“F’Atene konna qisna l-ilma ta’ xmara mnissla minn għajn waħda; il-ġibda għall-għerf bħal qasmitna f’żewġ nixxigħat għaddejjin kull waħda fi triq għaliha, li Alla mexxiehom biex jerġgħu jersqu lejn xulxin u jitwaħħdu mill-ġdid fil-ġirja tagħhom.

Konna qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma. Tassew li m’hux ta’ min joqgħod fuqhom dawk li jgħidu li kollox jinsab f’kollox; imma kulħadd għandu jemminni meta għalina t-tnejn ngħid li konna l-wieħed fl-ieħor f’kollox.

Sew il-wieħed sew l-ieħor konna nsibu l-qawwa ta’ ruħna fil-ħidma u l-istudju, filli ngħixu bit-tama tal-ħajja li ġejja u nitħejjew b’mod li, qabel ma noħorġu minn din il-ħajja, inkunu diġa’ qisna tlaqna minn hawn. B’dan il-ħsieb quddiem għajnejna konna ngħaddu jiemna u nagħmlu kollox fid-dawl tal-kmandamenti ta’ Alla, u nfittxu li nħeġġu l-imħabba għall-virtù. Mhux biex nintefaħ bija nnifsi, imma nista’ ngħid li aħna konna għal xulxin bħal riegla jew skwerra li turik jekk ħaġa hix dritta jew imgħawwġa.

Xi wħud mill-bnedmin kisbu titlu jew għax wirtuh mill-familja jew għax rebħuh huma stess bis-saħħa ta’ xi għemil jew bit-taħbit tagħhom. Imma għalina l-aqwa ħaġa u l-isbaħ titlu kien li nkunu u nissejjħu nsara”.

J’Alla l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ pilastri tal-Knisja fi żminijiethom, iwassalna biex nagħmlu l-mistoqsija kruċjali għalina l-insara:

  • X’kontribut nista’ nagħti jien fil-komunita’ nisranija tiegħi?
  • Bit-tagħlim, bit-talenti jew bl-esperjenza tagħna, nistgħu niddedikaw xi ftit aktar ħin f’servizz lejn il-Parroċċa, il-komunita’ jew l-għaqda spiritwali li fiha l-Mulej jixtieqna nkunu qaddej/ja tiegħu?

Qatt mhu se jiddispjaċina li nkunu użajna d-doni u t-talenti tagħna biex ngħinu lil ta’ madwarna jersqu iżjed viċin ta’ Alla. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej ifawwarna bis-sliem tiegħu, Hu li wiegħed ukoll li jħejji għalina post ta’ ġieħ fis-saltna tiegħu.

Talba: O Alla, inti ddawwal il-Knisja tiegħek bl-eżempju u t-tagħlim ta’ San Bażilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu; agħmel li, bl-umiltà kollha, nitgħallmu l-verità tiegħek u nuruha fl-għemil tagħna bl-imħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/2-january-saints-basil-the-great-and-gregory-nazianzen-bishops-and-doctors-memorial/

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-basil-and-st-gregorian-nazianen.html

Wikipedia for St. Basil: https://en.wikipedia.org/wiki/Basil_of_Caesarea

Wikipedia for St. Gregorian Nazianen: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregory_of_Nazianzus

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.