Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

27 ta’ Marzu: Beatu Pellegrin minn Falerone

Verżjoni Vidjo: Beatu Pellegrin minn Falerone

“Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà”. Meta l-Beatu Pellegrin minn Falerone ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, huwa qallu dan il-kliem li mmarka l-ħajja kollha tiegħu.

Santino-Holy-Card-B-Beato-Pellegrino-da-Falerone

BEATU PELLEGRIN MINN FALERONE
Reliġjuż Franġiskan
miet c.1232

Tagħrif: Dan il-beatu ħass il-ħajra li jsir reliġjuż Franġiskan wara li sema’ lill-Fundatur jipprietka f’Bologna. Meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.”

Pellegrin kien ġej minn familja għanja u nobbli ta’ Falerone, f’Ascoli Piceno, fl-Italja Ċentrali. Studja l-filosofija u d-Dirittu Kanoniku f’Bologna, u kien diġà imkisser sewwa fix-xjenzi sagri u profani. Minkejja dan, hu aċċetta l-profezija ta’ San Franġisk bħallikieku kien kmand u, għal ħajtu kollha, ried jibqa’ dejjem sempliċiment fratell lajk, mogħti għas-servizzi l-iktar umli u spiss moħbijin f’kunventi żgħar u ftit magħrufa.

Skont il-Beatu Bernard ta’ Quintavalle, Pellegrin wettaq l-ideal tal-Franġiskan perfett u kien wieħed mir-reliġjużi l-aktar eżemplari. Xtaq ħafna li jkun jista’ jmut martri fost l-infidili, u, bħal San Franġisk innifsu, anki siefer lejn l-Art Imqaddsa, fost il-Misilmin. Il-Beatu Pellegrin bil-ftit il-ftit ġibed lejh lill-Misilmin minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu.

Meta rritorna fl-Italja, Pellegrin beda jfittex jinħeba f’postijiet u f’kunventi l-aktar imbegħda. Rarament kien iżur il-familja għanja tiegħu; u meta kien iżurhom kien għal żjarat qosra biex iħeġġeġ lil niesu li ma jintrabtux mad-dinja u jħobbu aktar lil Alla. Imma, aktar ma kien jinħeba, u aktar ma jipprova jgħix ħajja fqira u umli, aktar bdew ifittxuh in-nies, l-aktar ukoll minħabba l-fama tal-mirakli.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu kien fil-kunvent ta’ San Severino Marche, fejn miet għadu żagħżugħ, għall-ħabta tas-sena 1232. Il-fdalijiet tiegħu għadhom f’San Severino. Il-kult lejn il-Beatu Pellegrino kien ikkonfermat fl-1821 minn Piju VII, u b’hekk approva l-qima lejh li kienet ilha 600 sena. Hu mfittex kontra l-uġigħ tad-dras.

Ħsieb: Interessanti kif meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” U hekk għamel u għex tassew. L-umiltà hija l-bażi ta’ kull sejħa nisranija, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li wieħed iħaddan. X’inhi eżatt din l-umiltà? Kif tgħix bħala bniedem umli? U x’jgħallimna Ġesù nnifsu dwar l-umiltà?

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd 28 ta’ Awwissu, 2016, spjegaha b’dan il-mod:

“Ġesù jgħid: “Meta xi ħadd jistiednek għat-tieġ, tmurx tfittex il-postijiet ta’ quddiem li ma jmurx ikun hemm xi mistieden akbar minnek u dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek: ċedilu postok!”….. Imma, meta tkun mistieden, mur oqgħod fil-postijiet ta’ wara” (Luqa 14:8-9). B’din ir-rakkomandazzjoni Ġesù ma jridx jagħti xi regola ta’ mġieba soċjali imma lezzjoni dwar il-valur tal-umiltà. L-istorja tgħallem li l-kburija, il-kilba li rridu nilħqu aktar ‘il fuq, il-vanità, meta niddandnu, huma l-kawża ta’ ħafna ħażen. U Ġesù jgħinna nifhmu kemm hu meħtieġ li nfittxu l-aħħar post, jiġifieri li nfittxu li niċċekknu u li ninħbew: l-umiltà. Meta aħna, quddiem Alla nqiegħdu lilna nfusna f’din id-dimensjoni ta’ umiltà, allura Alla jgħollina, imil lejna biex jerfgħana għal ħdejh; “għax min jitgħolla jiċċekken, u min jiċċekken jitgħolla” (Luqa 14:11).

Il-kliem ta’ Ġesù juri ċar atteġġjamenti differenti għal kollox u opposti għal xulxin: l-atteġġjament ta’ min jagħżel postu u l-atteġġjament ta’ min iħalli lil Alla jagħtih il-post u jistenna l-ħlas mingħandu. Ma ninsewhiex: Alla jħallas ħafna aktar mill-bnedmin! Hu jagħtina post ferm isbaħ minn dak li jtuna l-bnedmin! Alla jtina post qrib qalbu u l-ħlas tiegħu hu l-ħajja eterna. “Tkun beatu – jgħid Ġesù – ….. Tirċievi l-ħlas fil-qawmien tal-ġusti!” (Luqa 14:14).

U dak li tiddeskrivi t-tieni parabbola, li fiha Ġesù jurina l-atteġġjament ta’ diżinteress li għandu jkollha l-ospitalità, meta jgħid hekk: “Meta tagħmel ikla stieden lill-foqra, lill-immankati, liz-zopop u lill-għomja; u tkun imbierek għax dawn ma jpattulekx lura” (Luqa 14:13-14). Ifisser li tagħżel il-gratwità minflok il-kejl opportunist li jfittex il-ħlas lura, li jfittex l-interess u jfittex li jistgħana aktar. Infatti, il-foqra, is-sempliċi, dawk li ma jiswew xejn, qatt ma jistgħu jroddulek lura l-istedina għall-ikla. B’hekk Ġesù juri li hu jippreferi lill-foqra, lill-imwarrbin, li huma l-magħżulin fis-Saltna t’Alla, u jibgħat il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, li hu s-servizz lejn il-proxxmu għall-imħabba t’Alla.

Illum, Ġesù jagħti leħen lil min m’għandux u lil kull wieħed u waħda minna jagħmlilna appell imqanqal biex niftħu qlubna u nagħmlu tagħna t-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-foqra, tal-morda, tal-emarġinati, tar-rifuġjati, ta’ min hu tellief fil-ħajja, ta’ min hu mwarrab fil-ġenb mis-soċjetà u minħabba l-prepotenza ta’ min hu l-aktar setgħan. U fir-realtà, dawn in-nies skartati jirrappreżentaw lill-maġġornaza l-kbira tal-popolazzjoni.

F’dal ħin qed niftakar bi gratitudni fil-postijiet fejn tant volontarji joffru s-servizz tagħhom billi jagħtu jieklu lill-persuni waħedhom, foqra, bla xogħol jew mingħajr dar fissa. Dawn il-postijiet flimkien ma’ opri tal-ħniena oħrajn – bħalma huma ż-żjarat lill-morda, lill-ħabsin… – huma taħriġ tal-karità li jxerrdu l-kultura tal-gratwità, għax min iħaddimhom hu mqanqal mill-imħabba t’Alla u mdawwal mill-għerf tal-Evanġelju. B’hekk is-servizz lejn l-aħwa, iġib fid-dieher l-imħabba ta’ Kristu.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex kuljum tmexxina fit-triq tal-umiltà, Hi li kienet umli tul ħajjitha kollha, u biex tnissel fina l-ħila li nagħmlu ġesti gratwiti ta’ laqgħa u solidarjetà lejn l-emarġinati, ħalli b’hekk inkunu denji li nirċievu l-ħlas divin”.

Dan it-tagħlim kollu, Pellegrin minn Falerone fehmu sewwa, għexu tul ħajtu kollha u issa jinsab mal-kbarat fis-Saltna tas-Sema, mal-henjin. U int qed taħdem biex tgħix bħala bniedem umli billi titlef lilek innifsek biex tkun għas-servizz ta’ Alla u tal-proxxmu filwaqt li tistenna l-ħlas tal-ġusti mingħand Alla biss li jaf iħallas sewwa lil min jaqdiH b’fedelta’ sal-aħħar?

Talba: O Mulej ta’ Qalb ħelwa u umli, li dawwalt lill-qaddej tiegħek, il-Beatu Pellegrin minn Falerone permezz tal-ħeġġa li tajtu biex jikber fil-qdusija u fl-istess ħin jiċċekken quddiemek u quddiem il-bnedmin. Issa li hu jinsab mas-setgħana f’post ta’ ġieħ fis-Sema, nitolbuk biex bl-interċessjoni tat-talb tiegħu għalina, aħna wkoll ngħożżu u nagħżlu t-triq tal-umli u ngħixu biss biex nagħtu glorja Lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

Italian Version: http://www.santiebeati.it/dettaglio/90742

Alternative Reading: http://www.livinginmarche.it/cards/grandi-a-falerone-il-beato-pellegrino/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Pellegrino_da_Falerone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Jannar: San Tumas Placidi minn Cori

Verżjoni Vidjo: San Tumas Placidi minn Cori

“Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom”. ~ Alla f’Eżekjel 34:12

san-tommaso-da-coriSAN TUMAS PLACIDI TA’ CORI
Presbiteru
1655 – 1729

Tagħrif: Francesco Antonio Placidi twieled fil-belt ta’ Cori. Missieru u ommu kienu bdiewa u mietu qabel għalaq l-14-il sena u billi kien l-uniku tifel fost ħutu, kellu jmur jaħdem biex jgħajjex liż-żewġ ħutu bniet. Dam imur jirgħa n-ngħaġ għal 8 snin, sakemm ħutu żżewġu, imbagħad seta’ jwettaq ix-xewqa tiegħu li jsir Franġiskan.

Fis-7 ta’ Frar 1677, daħal fil-kunvent ta’ Orrieto u sar Fra Tumas. Għalhekk fl-1683, ordna saċerdot. Intefa’ b’ruħu u ġismu għall-appostolat: priedki u qrar. Kien jgħaddi sigħat twal fil-konfessjonarju – iżur il-morda u jassisti lill-moribondi. Ma kienx jaċċetta flus
għall-quddies.

Żewġ virtujiet predominanti li kellu kienu l-paċenzja u l-umiltà – kien jirċievi ħafna umiljazzjonijiet minn sħabu. Talab biex ikun membru tal-ermitaġġ imwaqqaf mill-ordni. Tumas bena ermitaġġ f’Civitelle u ieħor f’Palombara. Ħafna Franġiskani kienu jgħaddu ġranet f’dan l-ermitaġġ.

Bata ħafna: ħafna kienu dawk minn sħabu li abbandunawh, għax sabu li kien strett fir-regoli li kiteb. Kien jippriedka ħafna u kien jippreferi jżur postijiet li mhumiex popolari.

Miet fil-11 ta’ Jannar 1729, meta kellu 74 sena. Ġie kkanonizzat mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fil-21 ta’ Novembru, 1999.

Ħsieb: Dan li ġej huwa diskors mill-omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Kanonizzazzjoni ta’ San Tumas ta’ Cori:

“Se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom” (Eżekjel 34:12). Tumas minn Cori, qassis tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri, kien l-immaġni ħajja tar-Ragħaj t-Tajjeb. Bħala gwida mimli mħabba, hu wassal lill-aħwa fdati f’idejn il-kura tiegħu, fil-mergħat tal-fidi, dejjem animat mill-idejal Franġiskan. Fil-monasteru fejn kien, huwa wera spirtu ta’ karità u disponibbilta’ għal kull ma kien jintalab mingħandu, anke dawk l-aktar umli. Huwa għex fis-saltna tal-imħabba u s-servizz, skont il-loġika ta’ Kristu, “issagrifika lilu nnifsu, bħala vittma safja tal-paċi fuq l-altar tas-salib, u b’hekk kompla l-misteru tal-fidwa umana” (Prefazju ta’ Kristu Re).

Bħala dixxiplu awtentiku tal-Fqir ta’ Assisi, San Tumas minn Cori kien ubbidjenti lejn Kristu, Re tal-Univers. Huwa mmedita u fassal ħajtu fuq il-mudell tal-faqar evanġeliku u għamel minnha don lil Alla u lill-proxxmu tiegħu. Il-ħajja kollha tiegħu tidher bħala sinjal tal-Evanġelju, xhieda tal-imħabba tal-Missier tas-sema murija fi Kristu u fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, għas-salvazzjoni tal-bniedem”.

Huwa privileġġ għalina li aħna msejħin mill-Knisja biex nitolbu. Imma hi l-Kelma t’Alla li tkellimna l-ewwel dwar il-ħtieġa li d-dixxipli jitolbu bla ma jieqfu. Ġesù jagħtina parabbola biex jgħallimna dwar din il-ħtieġa. Jekk aħna ma nitolbux, se nintilfu aħna u ta’ madwarna. Bit-talb, aħna nwasslu lill-poplu t’Alla għas-salvazzjoni, għas-Salvatur, li hu Persuna: Ġesù.

Iva, it-talb tibbenifika int u l-għeżież tiegħek bih. Li titlob hu li tiftaħ qalbek ma min taf li jħobbok b’mod etern u jixtieqlek il-ġid aktar milli tixtiequ int għalik innifsek jew għall-għeżież tiegħek. Titlob ifisser li tagħraf li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna. Hu dejjem magħna u jekk nafdawh, jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni. Mingħajru m’aħna xejn u ma nistgħu nagħmlu xejn.

  • U int, tfittex li jkollok esperjenza tal-imħabba ta’ Ġesù f’talb ta’ spiss, fis-solitudni tal-qalb tiegħek?
  • Tagħraf li mingħajr it-talb, li huwa l-mod kif tikkomunika ma’ Alla u kif tħalli lil Alla jikkomunika l-grazzji tiegħu lilek, ma tistax tirċievi dik l-għajnuna u l-qawwa li għandek bżonn biex tgħix ta’ nisrani veru u b’hekk issalva ruħek?
  • Tifhem li t-talb huwa l-privileġġ u l-arma qawwija tan-nisrani li biha wieħed jakkwista erwieħ għal Alla, li jekk ma jsibux min jitlob għalihom, x’aktarx jintilfu fin-nirien ta’ dejjem?

Iva, dan huwa l-privileġġ u l-qawwa tagħna l-insara: IT-TALB. Min jipprattikah b’attitudni tajba, ibiddel id-dinja billi jbiddel il-qlub tan-nies u jagħmilhom reċipjenti tajba tal-grazzja ta’ Alla li ssalva. Dan, San Tumas Placidi minn Cori fehmu sewwa u kien għalhekk li ta ħajtu għal dan il-għan.

Talba: O Alla, li ispirajt lil San Tumas ta’ Cori biex isibek fis-solitudni, u biex irawwem fih imħabba vera lejn il-proxxmu, agħtina li fuq l-eżempju tiegħu, aħna wkoll nikkontemplaw is-sema, filwaqt li nibqgħu dejjem attenti għall-ħtiġijiet ta’ ħutna f’din l-art. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://catholic.net/plugins/convertpdf/docs/articulos.php?id=1846

Alternative Reading: http://365rosaries.blogspot.com/2013/01/january-19-2013-saint-tommaso-da-cori.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Tommaso_da_Cori

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Diċembru: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal

“Minkejja s-sofferenzi kollha li ġarrbet, wiċċha qatt ma tilef is-serenita’ tiegħu, u lanqas qatt darba ma naqset mill-fedelta’ li Alla talab minnha.” ~ Dan il-kliem dwar Santa Ġovanna Franġiska de Chantal qalu San Vinċens de Paul li kien direttur spiritwali tagħha meta kienet Superjura tal-Kunvent ta’ Pariġi.

St-Jane-de-ChantalSANTA ĠOVANNA FRANĠISKA DE CHANTAL
Armla u Reliġjuża
1572 – 1641

Tagħrif: Santa Ġovanna twieldet f’familja prominenti f’Dijon, Franza, fit-28 ta’ Jannar 1572. Kellha żewġ ħutha subien, wieħed ikbar u l-ieħor iżgħar minnha. Omma mietet meta twieled it-tieni tifel meta Ġovanna kellha biss sena u nofs.

Ta’ 20 sena, missierha żewwiġha lill-Baruni de Chantal li kien seba’ snin ikbar minnha, u kellha sitt itfal li minnhom għexu erbgħa. Hija gawdiet żwieġ hieni sakemm disa’ snin wara li żżewġu sfat deżolata meta żewġha miet f’inċident waqt li kien għall-kaċċa, fl-1601.

Fl-1604, meta kellha 32 sena ltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet sal-mewt tiegħu fl-1622. Taħt it-tmexxija tiegħu hi ħaffet b’ħeġġa ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, u ħabirket kemm felħet f’opri ta’ mħabba għall-foqra u l-aktar għall-morda.

Meta San Franġisk urieha l-proġett tiegħu li jifforma l-Kongregazzjoni tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni, hija laqgħet bil-ferħ il-proposta tiegħu u offriet li tgħinu b’ħilitha kollha.

Bintha l-kbira żżewġet lil ħu San Franġisk de Sales, binha ta’ erbatax-il sena ħa ħsiebu ħuha li kien l-Arċisqof ta’ Bourges, u ż-żewġt ibniet l-oħra ngħaqdu magħha fil-Kongregazzjoni li waqqfet ma’ San Franġisk fl-1610, f’Annecy, meta l-Qaddisa kellha 45 sena.

Il-Qaddisa mexxiet il-Kongregazzjoni b’għaqal kbir, u ratha tikber hekk malajr li sa qabel ma mietet kienu ġa nfetħu 86 kunvent.

Santa Ġovanna mietet f’Moulins, f’wieħed mill-kunventi tagħha, fit-13 ta’ Diċembru 1641, fl-eta’ ta’ 69 sena. Ġisimha ħaduh f’Annecy u difnuh ħdejn dak ta’ San Franġisk de Sales. Il-Papa Klement XIII iddikjaraha qaddisa fl-1767.

Ħsieb: Minn traġedja, jista’ joħroġ ħafna tajjeb, anke meta s-sitwazzjoni tidher bla tama. Santa Ġovanna Franġiska De Chantal tilfet lil żewġha u ġarbet it-trattament krudili ta’ missieru, iżda spiċċat biex misset il-ħajjiet u l-qlub ta’ ħafna nies meta waqfet l-Ordni tal-Viżitazzjoni tal-Madonna. Jekk int ukoll għaddejt minn traġedja fil-ħajja tiegħek, itlob lil Alla biex jgħinek titratta ma’ kwalunkwe feriti sentimentali jew psikoloġiċi, jew anki rabja li jista’ jkollok għal xi persuna/i. Importanti li aħna l-insara ma nieqfux nagħmlu t-tajjeb u l-ġid lill-proxxmu tagħna anki meta aħna nkunu rċevejna xi forma ta’ deni mingħand min stennejna li se jħobbna. Meta aħna niltaqgħu mal-kuntrarju, wiċċna jrid jibqa’ bħal ma baqa’ dak ta’ Santa Ġovanna (hekk kif qal fuqha d-direttur spiritwali tagħha San Franġisk de Sales), jitbissem biex jagħmel kuraġġ lill-oħrajn.

Santa Ġovanna Franġiska De Chantal kienet tgħid: “Żomm għajnejk fuq Alla u ħallih jagħmel Hu. Dan huwa dak kollu li għandek għalfejn tinkwieta dwaru.” Imma, tgħiduli, li aħna ngħidu wkoll: “Għin ruħek biex Alla jgħinek.” Mela kif ser nifhmu eżatt fejn għandna nagħmlu xi ħaġa u fejn għandna sempliċiment nafdaw u nintelqu f’idejn Alla?

Ċertament li għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza, għax Ġesu’ stess qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana li tħallilek wiċċek imbissem bħal ta’ Santa Ġovanna fost ħafna tiġrib, hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! U dan li riedet tfisser il-qaddisa tal-lum għax Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn!

Meta lill-Mulej nitolbuh xi ħaġa spesifika għax jidhrilna li hi tajba għalina, ir-risposti tiegħu jistgħu jkunu erbgħa: IVA, LE, STENNA jew SE NTIK XI ĦAĠA AĦJAR (ma jagħtikx dak li titolbu eżatt, biex jagħtik xi ħaġa aħjar li forsi int stess mhux qed taraha bħalissa). Għalhekk, wara li nkunu għamilna ħilitna kollha, jeħtieġ li nkomplu nafdawh bis-serjeta’ u b’imħabba filjali u Hu stess jurina maż-żmien x’kien l-aħjar għalina u b’mod speċjali għal ruħna, li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għalih għax hi l-vera aħna u ser tibqa’ għal dejjem.

Tajjeb ukoll li bħal Santa Ġovanna Franġiska De Chantal, infittxu li jkollna direttur spiritwali tajjeb, għaqli u għaref ħalli jakkumpanjana fil-vjaġġ spiritwali tagħna lejn is-Sema pajjiżna.

TalbaO Alla, int żejjint b’merti kbar lil Santa Ġovanna Franġiska de Chantal f’kull stat ta’ ħajja li minnu għaddejtha; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu dejjem fidili mas-sejħa tagħna li nxerrdu bla heda madwarna d-dawl tal-eżempji t-tajba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-jane-frances-de-chantal/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jane-frances-de-chantal-567

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jane_Frances_de_Chantal

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

19 ta’ Novembru: Santa Anjeże ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Assisi

“Hekk kif nittama fik O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek.” ~ Santa Anjeże ta’ Assisi

Agnes_Assisi-186x300SANTA ANJEŻE TA’ ASSISI
Verġni
c.1197 – 1253

Tagħrif: 

Il-Familja ta’ Anjeże u tfulitha
Santa Anjeże twieldet f’Assisi fl-1197 minn ġenituri nobbli. Il-familja tagħha kienet toqgħod f’palazz ħdejn il-kattidral ta’ San Rufino. Missierha kien kavallier għani jismu Favarone di Offreduccio u ommha Ortolana kienet ukoll minn familja nobbli u għanja. Hija kienet il-fustanija fost tlett aħwa bniet. Il-kbira, Klara, kienet tlett snin ikbar minnha. Oħtha ż-żgħira kien jisimha Beatrice. Fil-magħmudija lil Anjeże semmewha Katarina.

Katarina kienet tifla sempliċi u sensibbli li fi ċkunitha ġarrbet mal-familja tagħha t-tbatija kkaġunata mill-irvell li fl-1198, iċ-ċittadini tal-klassi tan-nofs ta’ Assisi (il-‘minores’) għamlu kontra l-aristokrazija ta’ Assisi (l-‘maiores’). Il-familja ta’ Anjeże kellha ssib kenn fil-kastell ta’ Cocorano u meta fl-1202 faqqgħet il-gwerra bejn Assisi u Perugia, kellha taħrab għal Perugia fejn għexu refuġjati għand ħbieb ta’ fiduċja sas-sena 1205.

Fil-gwerra bejn Assisi u Perugia, Franġisku Bernardone kien waqa’ priġunier għal sena u aktar tard, wara marda, ikkonverta u minn ġuvni xalatur b’ambizzjoni li jsir kavallier, huwa beda jgħix ħajja ta’ sempliċita’ u faqar fuq il-passi ta’ Kristu fqir, umli u msallab. Dlonk ingħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja evanġelika uħud minn sħabu stess, fosthom Rufino, kuġin ta’ Klara u Katarina. Fl-1209, din l-Għamla ta’ Ħajja ta’ Franġisku u l-ewwel kumpanni tiegħu ġiet approvata oralment mill-Papa Innoċenz III.

Żgħożitha
Katarina kienet marbuta ma’ oħtha Klara b’imħabba kbira. It-tnejn kienu jaqblu ħafna u jaħsbuha l-istess. Hija kellha 15-il sena meta fit-18 ta’ Marzu 1212, Klara ħarbet mid-dar biex tħaddan il-ħajja evanġelika fuq l-eżempju ta’ Franġisku ta’ Assisi. Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nru 24) naqraw li Klara kienet tixtieq ħafna li oħtha tifhem il-frugħa tad-dinja u bħala tingħata lil Alla u kienet titlob bil-ħerqa li bħalma hi u oħtha kienu qalb waħda u qrib ħafna fl-ispirtu meta kienu fid-dinja, ikunu wkoll rieda waħda bejniethom fis-servizz ta’ Alla’.

Katarina tingħaqad ma’ oħtha Klara
Xi 16-il jum wara, fl-4 ta’ April 1212, Katarina marret tara lil oħtha f’monasteru tal-Benedittini jismu Sant’Angelo di Panzo, qrib Assisi, fin-naħa ta’ lvant ta’ Monte Subasio, fejn kienet sabet kenn temporanju. Klara qaltilha: ‘Ftakar, għażiża oħti li jum wieħed fit-tempju tal-Mulej, aħjar minn elf jum f’post ieħor (ara Salm 83,10). Iż-żgħożija u s-sbuħija jgħebu. Il-ħajja tintemm u hawn xejn ma jibqa’. Għażiża oħti, kieku kellek idduq il-ħlewwa tal-imħabba tal-Mulej! Hija mħabba dejjem ġdida, li ħadd ma jista’ jeħodilna!’

Il-kliem u l-eżempju ta’ Klara ħajjru lil Katarina biex hi wkoll tikkonsagra ruħha lil Alla. Infatti, Katarina qalet lil Klara li hi ġiet biex toqgħod magħha għax hi wkoll xtaqet taqdi lil Alla biss. Għal dan il-kliem Klara għannqitha bil-ferħ waqt li qaltilha : ‘Inrodd ħajr lil Alla, oħti l-aktar għażiża, għax il-Mulej għoġbu jisma’ talbi’. U hekk Klara akkwistat l-ewwel kumpana tagħha.

Katarina tirreżisti lill-familja tagħha
Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nmr 25 u 26) insibu rakkont dwar kif malli l-familja ndunat bil-ħarba ta’ Katarina, tnax il-raġel armati taħt it-tmexxija ta’ zijuha Monaldo, marru għaliha. Sabuha barra mill-klawsura u għalhekk setgħu jerfgħu jdejhom fuqha. Kaxkruha mal-art, qattgħulha ħwejjiġha u sawtuha. Klara ma setgħet tagħmel xejn ħlief titlob imbikkija biex oħtha tingħata rieda sħiħa, u biex il-qawwa ta’ Alla tegħleb is-saħħa ta’ dawk l-irġiel. U hawn ġara miraklu doppju. F’daqqa waħda, il-ġisem tat-tfajla sar hekk tqil li dawk l-irġiel kollha ma felħux ikaxkruha aktar. Għalhekk l-irġiel ħallewha filwaqt li bdew jisħtu u jgħidu li kielet iċ-ċomb! Iz-ziju Monaldo tilef il-kontroll u kif kien ser ixejjrilha daqqa, ħass uġigħ kbir fi driegħu li baqa’ paralizzat u merfugħ fl-arja. Klara fl-aħħar ipperswadiet lil qraba tagħha jħallu lil oħtha magħha.

Fil-bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi hemm meqjum il-fdal tal-kranju (għadam tal-iskutella tar-ras) ta’ Katarina, u f’dan il-fdal għadha tidher traċċa ta’ daqqa li kienet qalgħet mis-suldati kiefra meta marru għaliha f’Sant’Angelo di Panzo.

Wara din il-ġrajja, Franġisku nnifsu qata’ xagħar Katarina, ikkonsagraha lil Alla u bidel l-isem tat-tfajla minn Katarina għal Anjeże. Dan għaliex Franġisku xebbaħha mal-Ħaruf bla tebgħa peress li hi wkoll xerrdet demmha biex tmur warajh fit-taqbida li kellha ma’ qrabatha. Tixbaħ wkoll lill-verġni u martri Rumana Anjeże li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja tat ħajjitha għal Kristu.

Fil-kunventin ta’ San Damjan
Tul l-erba’ xhur li Klara u Anjeże damu f’Sant’Angelo di Panzo, Franġisku ħejja kollox biex jeħodhom f’kunventin tipikament Franġiskan, f’San Damjan, barra l-ħitan tal-belt ta’ Assisi. F’dak il-post, fl-1206 kien kellmu Ġesu’ Msallab u mimli b’faraġ tas-sema, ħass li kellu jitlaq id-dinja għal kollox. Ftit taż-żmien wara, waqt li kien qed isewwi l-knisja beda jsejjaħ b’leħen għoli bl-ilsien franċiż lill-bdiewa li kienu jinsabu f’dawk l-inħawi: ‘Ejjew u għinuni nibni l-monasteru ta’ San Damjan, għaliex għad jiġu joqgħodu fih nisa li bil-fama u bil-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tas-sema fil-Knisja mqaddsa kollha tiegħu’. Din il-profezija seħħet meta Klara u Anjeże daħlu f’dak il-post fqir. Tfajliet ħbieb u qraba, u xebbiet oħra li bosta minnhom kienu nobbli ngħaqdu magħhom f’San Damjan u l-komunita’ kompliet tikber b’mod tal-għaġeb. Fl-1229, Beatrice, oħthom iż-żgħira ħaddnet il-ħajja evanġelika. Saħansitra, ommhom Ortolona, meta romlot, daħlet soru f’San Damjan. Fi żmien qasir saru komunita’ ta’ ħamsin. Twaqqfu wkoll monasteri oħra f’diversi postijiet fl-Italja u anke fi Franza, Spanja, fil-belt ta’ Praga, il-Ġermanja, il-Polonja… Anjeże baqgħet f’San Damjan sas-sena 1220 meta Franġisku bagħatha twaqqaf monasteru f’Monticelli, ħdejn Firenze (ara ‘Il-Fjuretti ta’ San Franġisk’, Kap XV). Waqqfet monasteri oħra tax-Xbejbiet Foqra f’Mantova, fil-Feltrino u postijiet oħra fit-Toscana u forsi aktar ‘l bogħod… u reġgħet lura f’San Damjan matul l-aħħar ġimgħat tal-ħajja ta’ oħtha Klara, f’Lulju/Awwissu 1253.

Fil-Proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Klara, Anjeże tissemma’ f’żewġ episodji li ġraw qabel it-tluq tagħha għal Monticelli. Fir-rakkont tal-miraklu taż-żejt fil-ġarra mwettaq minn Klara li ġara fl-1213 (ara Proc. I, 15), l-ewwel xhud Pacifica di Guelfuccio meta mitluba tgħid liema mis-Sorijiet l-oħra kienu preżenti, fost l-oħrajn issemmi lil Swor Anjeże, oħt Santa Klara. Sr Ċeċilia, is-sitt xhud, meta kienet qed tixhed dwar l-ispirtu tal-profezija li kellha Klara, tgħid ‘li oħtha Swor Anjeże – li ftit taż-żmien ilu għaddiet minn din il-ħajja – kienet hemm, tisma’.’ (ara Proc,VI, 15).

Xhieda oħra tas-snin li fihom Anjeże għexet ma’ Klara f’San Damjan insibuha fil-‘Fjuretti ta’ San Franġisk’ (nmr 33) li jirrakkontaw il-ġrajja meta l-Papa Girgor IX mar iżur lil Klara u din bierket il-ħobż u minnufih fuq il-ħbejżiet kollha deher is-sinjal tas-salib. ‘F’dak iż-żmien f’dak il-monasteru kienu jgħixu Sor Ortolana, omm Santa Klara, u Sor Anjeże, oħtha, it-tnejn li huma, flimkien ma’ Santa Klara, mimlijin bil-virtujiet u bl-Ispirtu s-Santu, u kien hemm ukoll ħafna Sorijiet oħra qaddisa’.

‘Altera Clara’ – Klara oħra
Għal ħabta tal-1220, il-Kardinal Ugolino, li wara sar il-Papa Girgor IX, kiteb ittra lil Klara li hija xhieda tal-istima profonda li kellu għal Klara u għal Anjeże u għall-‘qaddejja l-oħra ta’ Kristu’ u tal-fiduċja kbira li kellu fit-talb tagħhom. Ugolino xtaq jerġa’ jara lil Klara u lil ħutha s-Sorijiet; u jiftakar b’mod speċjali f’Anjeże, li magħha juri rabta qawwija meta jsejħilha ‘oħtu’. ‘Insellem lil verġni Anjeże, oħti, u lil ħutek kollha fi Kristu’. Lil Anjeże isejħilha wkoll ‘qaddejja umli u l-iżjed ċkejkna ta’ Kristu’.

Aktar minn tletin sena wara, fl-1253, fir-raba’ ittra tagħha lil Santa Anjeże ta’ Praga, Klara stess tqis lil Anjeże oħtha daqsha u tikteb hekk: ‘Dawn l-istess uliedi imbagħad, imma b’mod partikulari l-verġni l-aktar għaqlija, Anjeże, oħtna, jirrikmandaw ruħhom bil-qawwa kollha fil-Mulej lilek u lil uliedek.’

Il-fatt li Franġisku għażel lil Anjeże bħala ‘l-mibgħuta speċjali’ biex twaqqaf monasteru f’Monticelli, Firenze, juri li Franġisku wkoll kellu stima kbira għall-personalita’ u l-kwalitajiet li kienu jżejnu lil Anjeże. Bħal oħtha kienet animata minn ideali evanġeliċi li għexithom b’xeħta u qawwa ġdida.

Pellegrina għall-imħabba ta’ Kristu
Għall-imħabba ta’ Kristu, Anjeże aċċettat li tmur Monticelli biex bħala Badessa tkun eżempju ħaj għal grupp ta’ xebbiet żgħażagħ li xtaqu jgħixu l-istess stil ta’ ħajja ta’ Klara u ħutha f’San Damjan. Imma l-firda minn oħtha Klara, mis-sorijiet u mill-‘benniena ‘ tagħha f’San Damjan swietilha sagrifiċċju mill-akbar lil Anjeże. Dan jidher mill-ittra li kitbet lil Klara li fiha stqarritilha: ‘Irridek tkun taf, għażiża ommi, li għalija l-firda minnek u mis-sorijiet l-oħra li jien kont nemmen li se ngħix u mmut magħhom, hi piena kbira għall-aħħar; inħoss niket kbir f’ruħi u f’ġismi…. u b’danakollu hawn qed inġarrab faraġ kbir u ħaqqkom tifirħuli tassew. Firdiet bejnietna m’hawnx, u hawn sibt għaqda tal-għaġeb, aktar milli ħsibt li hu possibbli. Kollha laqgħuni b’ferħ kbir u huma kuntenti ħafna bija; kollha kemm huma wegħduni l-ubbidjenza bl-akbar qima.’

Spirtu missjunarju
Minkejja d-distanzi, Anjeże u ħutha f’Monticelli kienu jħossuhom ġisem wieħed u spirtu wieħed fi Kristu ma’ Klara u s-sorijiet f’San Damjan, Assisi. Kull fejn marret twaqqaf monasteru, Anjeże xerrdet Vanġelu ħaj bil-ħajja siekta, sempliċi u serena tagħha. Dan l-ispirtu missjunarju li ta frott kotran kien imsoqqi minn ġewwa b’ħajja interjuri li ħjiel tagħha nsibuha fil-‘Vita Agnetis’ li hemm imdaħħla fil-‘Kronaka tal-24 Ġeneral’.

Il-mewt ta’ Anjeże
F’Lulju jew Awwissu 1253, Anjeże marret lura f’San Damjan u kienet imbikkija qrib oħtha Klara meta din kienet qed tmut. Imma Klara qaltilha: ‘Ja oħt l-aktar għażiża, Alla jogħġbu li jiena nitlaq, iżda int tibqax tibki, għax dalwaqt tiġi tgħaġġel warajja għand il-Mulej.’ (ara ‘Leġġenda ta’ Santa Klara, nmr 43). Skont l-istess ‘Leġġenda’ fin-numru 48 insibu : ‘Ftit jiem wara (l-mewt ta’ Klara fil-11 ta’ Awwissu 1253) Anjeże wkoll ġiet imsejħa għat-Tieġ tal-Ħaruf, u marret wara oħtha Klara fil-ferħ ta’ dejjem: hemm it-tnejn li huma bniet ta’ Sijon, aħwa bid-demm, bil-grazzja u bis-saltna, ifaħħru lil Alla bla heda’. X’aktarx li Anjeże mietet fis-27 ta’ Awwissu 1253 imma skont it-tradizzjoni mietet tlett xhur wara fis-16 ta’ Novembru 1253.

Anjeże indifnet fis-sepolcretto ta’ San Damjan u fis-sena 1260 il-fdalijiet tagħha ġew meħuda fil-Bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi, u mqiegħda f’kappella ddedikata lilha. Il-Papa Benedittu XIV iddikjara lil Anjeże qaddisa fl-1752, imma l-kult tagħha f’Assisi hu ħafna eqdem, u jixhdu għalih il-mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha u li huma mniżżlin fil-‘Vita Agnetis’. Fil-Bażilka ta’ Santa Klara wieħed jista’ jara x-xena tal-mewt tal-qaddisa f’affresk ta’ Puccio Capanna (skola ta’ Giotto), li fiha Anjeże tidher għarkupptejha fuq il-ġisem mejjet ta’ oħtha Klara.

Ħsieb: Dan li ġej hu kliem Santa Anjeże ta’ Assisi:

“Niġi, O Mulej, fis-santwarju tiegħek biex nara l-ħajja u l-ikel ta’ ruħi. Hekk kif nittama fik  O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek. Ippermettili, Ġesù Divin, biex nersaq aktar qribek, hekk li ruħi kollha tkun tista’ tagħti qima lill-kobor tal-Majesta’ Tiegħek; li l-qalb tiegħi, bl-affermazzjonijiet l-aktar ħelwin tagħha, tista’ tirrikonoxxi l-imħabba infinita Tiegħek; li l-memorja tiegħi tista’ tinżamm fuq il-misteri ammirabbli li hawnhekk jiġu mġedda kuljum, u li s-sagrifiċċju ta’ kull ma’ jien jakkumpanja Lilek”. 

Wieħed jista’ jimmaġina kemm kien diffiċli għal Santa Anjeże tisfida x-xewqat tal-ġenituri u l-qraba tagħha u ssegwi lil oħtha, Santa Klara. Madankollu, hija kellha tgħaddi minn dawn it-tbatijet kollha biex tasal tgħix il-vokazzjoni tagħha. Tajjeb li nitolbu l-interċessjoni ta’ din il-qaddisa biex nirċievu barka fuq il-vokazzjoni tagħna (hi x’inhi), speċjalment jekk qed naffaċċjaw oppożizzjoni u nsibu min jagħmlilna l-bsaten fir-roti tul it-triq. Ejjew nagħmlu kuraġġ fuq l-eżempju tagħha u nipperseveraw fit-triq tas-sewwa bħala.

Tul ħajjitha kollha Anjeże rawwmet b’imħabba sinċiera tlett devozzjonijiet partikulari:

  • L-ewwelnett kellha devozzjoni lejn il-Missier, li kienet tikkontemplaH fil-ħniena bla tarf tiegħu, fid-delikatezza lejn uliedu li huma tant ingrati lejH u tant bierda u indifferenti għall-imħabba paterna tiegħu.
  • It-tieni devozzjoni tagħha kienet lejn Ġesu’ fil-Passjoni u Anjeże kuljum kienet tikkontempla t-tbatijiet mill-aktar ħorox ta’ Kristu u l-ingratitudni tal-bnedmin lejn din l-imħabba bla qies tal-Feddej.
  • It-tielet devozzjoni kienet il-mogħdrija tagħha għall-Erwieħ tal-Purgatorju. Anjeże kienet taf li l-offerta tat-talb tagħha kienet tgħinhom jissaffew minn ħtijiethom biex jaslu aktar malajr, kollha dija, fil-preżenza tal-Aktar Għoli.

Imma l-karatteristika essenzjali tal-ispiritwalita’ ta’ Anjeże kienet il-kontemplazzjoni tagħha ta’ Ġesu’ Bambin. Dan għaliex Anjeże għexet fil-moħbi u fis-skiet il-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitha, anke dawk esterni li għamlu ħoss, f’adorazzjoni bla heda tar-rieda ta’ Alla. Fil-ferħ u fil-għejja ta’ kuljum, fil-paċi u fit-taqbid, fid-dawl u fid-dlam interjuri, għexet marbuta mar-rieda ta’ Alla f’isem il-fiduċja bla limiti f’Alla ta’ dawk li huma żgħar u foqra, kbar u għonja, għas-Saltna tas-Sema.

  • U int, kemm int lest/a biex tagħti post ta’ prejorita’ lil Alla u minħabba Fih twarrab dawk l-affarijiet jew dawk il-persuni li forsi qed iżommuk ‘l bogħod milli tista’ tgħix kif jixtieqek tgħix Hu?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a li lilek jispirak/tispirak b’dak li qal/et jew għex/et? Aħseb kif tista’ b’xi mod timxi fuq il-passi tiegħu/ha?

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjos dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

Talba: O Alla li minnek ġej il-vera ferħ, agħtina l-grazzja li bħal Santa Anjeże ta’ Assisi, nagħrfu li fik jinsab dak li kull bniedem jixxennaq għalih, anki jekk mhux dejjem jaf dan. Fakkarna li jekk nimxi fit-toroq tiegħek, dawn se jwassluna żgur għall-hena ta’ dejjem fis-sema fejn Int għad tkun il-premju ta’ dawk li ħallew il-ġid u l-pjaċiri tad-dinja biex jgħixu ħajja aktar mill-qrib tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-assisi/

Alternative Reading: http://www.marianhouseoftheholyspiritpcc.org/saint-agnes-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Assisi

Film of Saint Francis of Assisi:

Nota: It-Tagħrif u wħud mill-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huma meħudin mis-sit: http://www.sanfrangisk.com/12klara/SK750-00-werrej.htm

3 ta’ Novembru: San Martin De Porres

Verżjoni Vidjo: San Martin De Porres

“Infaħħru l-kobor tal-Mulej, għax għolla bid-doni tas-sema lill-qaddej umli tiegħu Martin.” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat

smdp-2SAN MARTIN DE PORRES
Reliġjuż
1579 – 1639

Tagħrif: San Martin twieled fid-9 ta’ Novembru 1579, f’Lima, il-Perù, fl-istess belt u l-istess żmien ta’ Santa Roża ta’ Lima. It-tnejn kienu ħbieb ħafna u t-tnejn saru reliġjużi Dumnikani.

Martin kien it-tifel ta’ sinjur kbir Spanjol u ta’ mara fqira sewda. Meta twieled, missieru ma riedx jaf bih, għalhekk kellu jaqsam il-faqar ta’ ommu sakemm tmien snin wara missieru aċċettah.

Ta’ tnax-il sena daħal jaħdem ma’ wieħed tabib li kien ukoll parrukkier, għalhekk tgħallem is-sena ta’ parrukkier, u wkoll kif jagħmel xi mediċini, jamministrahom, u jdewwi l-ġrieħi.

Meta kellu sittax-il sena, talab lill-Patrijiet Dumnikani biex iħalluh jgħinhom fix-xogħol tagħhom. Il-Patrijiet ħallewh, u wara disa’ snin, meta raw kemm kien żagħżugħ bil-għaqal, aċċettawh ukoll bħala fratell magħhom, fl-1603.

Bil-għajnuna ta’ xi nies li ssieħbu miegħu, waqqaf orfanatrofju, u ġabar flus biżżejjed għall-fondi permanenti ħalli xebbiet fil-bżonn tingħatalhom dota biex biha jkunu jistgħu jiżżewġu. Barra minn hekk, kien jgħin ħafna lill-ilsiera suwed li kienu jinġiebu fil-Perù mill-Afrika.

Għex ħajtu jgħin lill-foqra u lill-morda, u jittrattahom bid-dinjita’ ta’ bnedmin, u kien ifakkarahom f’Alla li jħobb bl-istess mod lill-bnedmin kollha ta’ kull ġens u ta’ kull kulur.

Miet meta kellu sittin sena, fil-kunvent tar-Rużarju Mqaddes ta’ Lima, fit-3 ta’ Novembru 1639. Lima kollha bkietu, u l-kelmiet “Miet l-ikbar ħabib tal-fqar”, kienu fuq fomm kulħadd.

Ġie beatifikat mill-Papa Girgor XVI fl-1837 u kkanonizzat fl-1962 mill-Papa Ġwanni XXIII.

Ħsieb: Alla jħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u jagħmel magħhom ħwejjeġ kbar. Hekk għamel ma’ Marija Santissima, kif ukoll ma’ ħafna qaddisin oħra fosthom San Martin de Porres. Meta Martin kien tfajjel ċkejken kien abbandunat minn missieru għax kien ta’ kulur, trabba u għex fil-faqar, imma kien għani f’qalbu tant li kien dejjem lest li jagħti kollox lil kulħadd speċjalment il-morda, il-foqra u l-abbandunati… Kien imżejjen b’fidi, b’imħabba, b’sempliċita’ u b’innoċenza kbira, u kellu devozzjoni kbira lejn Ġesu’ Sagramentat u lejn il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Hu kien ifittex li jgħin lil kulħadd u għalhekk in-nies kienet tmur għandu bi ħġarha, għax kien iħobbhom b’imħabba kbira. Kien jagħmel ħafna sawm u penitenzi u jgħaddi ħinijiet twal fit-talb. Bl-umilta’ u l-ħlewwa tiegħu, hu ġibed il-qlub ta’ ħafna u bl-għerf spiritwali tiegħu għaġġeb saħansitra lill-għorrief. Fl-1945, il-Papa Piju XII iddikjarah Patrun tal-Ħidmiet tal-ġustizzja soċjali fil-Peru’, u fl-1962 Papa Ġwanni XXIII iddikjarah qaddis minħabba li bil-ħajja u l-ħidma tiegħu ġab ‘il quddiem l-emanċipazzjoni tas-suwed, għeleb kull differenza razzjali u ta’ klassi u ġab il-vera fraternita’ fost il-bnedmin.

Fra Martin kien imżejjen minn Alla b’kariżmi straoridinarji bħal profezija, mirakli, estasi… li kien iwettaqhom għas-servizz tal-proxxmu tiegħu. Hu kellu d-don tal-għerf u x-xjenza tant li ħutu r-reliġjużi midħla tat-teoloġija kienu jisimgħuh jikkowta testi sħaħ mill-Iskrittura u mis-Summa Teoloġika ta’ San Tumas t’Aquino. Mhux biss, imma nies minn kull kategorija saħansitra fil-poter ekkleżjastiku u ċivili kienu jmorru għandu biex jieħdu l-pariri. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu lil kulħadd bla distinzjoni ta’ kulur jew klassi.

Kellu wkoll imħabba kbira lejn l-annimali għax fihom kien jara s-sbuħija t’Alla u kien jipprovdilhom l-ikel u jfejjaqhom mill-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħallimna l-valur tax-xogħol bħala kontinwazzjoni tal-ħidma kreattiva ta’ Alla għas-servizz ta’ ħutna l-bnedmin. Waqt li għandna naħdmu biex naqilgħu l-għajxien tagħna għandna noffru ħidmietna bħala talba lil Alla u għall-bini aħjar ta’ soċjeta’ aktar ħanina u umana.

Probabilment hu diffiċli għalina li nwaqqfu xi fondi, kif għamel San Martin, ħalli nies bi bżonn partikulari jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom! Iżda żgur li nistgħu, għall-inqas b’mod żgħir, nikkontribwixxu għal xi fondi ta’ karita’ li nisimgħu li qed jitwaqqfu minn żmien għal żmien, biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Aħna, kemm tassew nikkontribwixxu?

Dawn li ġejjin huma siltiet mill-Omelija tal-Beatu Papa Ġwanni XXIII, nhar il-Kanonizzazzjoni ta’ San Martin de Porres:

  • San Martin de Porres, bl-eżempju ta’ ħajtu, jurina liema hi t-triq li twassalna għall-qdusija u s-salvazzjoni, it-triq li l-Mulej stess jurina.
  • Din it-triq hi li tħobb ‘l Alla fuq kollox b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u tħobb lil għajrek bħalek innifsek.
  • Meta għaraf li Kristu bata għalina u tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, Martin tqanqal bi mħabba liema bħala għal Kristu msallab, u meta kien jikkontempla t-tbatijiet ħorox li l-Mulej ġarrab għalina, ma kienx jista’ jżomm id-dmugħ.
  • Kellu wkoll imħabba speċjali għas-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija, kien jgħaddi sigħat sħaħ jadura ‘l Ġesù moħbi fit-tabernaklu u dejjem kellu xewqa kbira li jirċevih fit-tqarbin.
  • Kien dejjem lest jiskuża n-nuqqasijiet tal-oħrajn u jaħfer l-agħar tkasbir, għax kien jidhirlu li jistħoqqlu l-akbar kastigi minħabba dnubietu.
  • Kien jagħmel ħiltu biex ireġġa’ lura l-ħatjin fit-triq it-tajba; b’tjieba liema bħala kien idur bil-morda.
  • Kien iqassam ikel, ilbies u mediċini lill-foqra; kien jgħin sa fejn jista’ b’kull mezz u b’ħerqa kbira, lill-bdiewa, lin-nies ta’ kulur u lin-nies ta’ razza mħallta, li dak iż-żmien kienu ttrattati agħar mill-ilsiera, u għalhekk kien jistħoqqlu li jsejħulu ‘Fra Martin tal-karità.’
  • Dan il-qaddis li bi kliemu, u bl-eżempji tal-imġieba tajba tiegħu, ġibed ħafna nies għand Alla, illum wkoll jista’ jerfagħlna b’mod tal-għaġeb ħsibijietna lejn is-sema.
  • Mhux kulħadd, jaħasra, jifhem dawn il-ħwejjeġ qaddisa, mhux kulħadd jagħtihom ġieħ, anzi tant huma dawk li jħajjarhom il-ħażen, li dawn il-ħwejjeġ jew ma jistmawhomx jew idejquhom, jew jittraskurawhom.
  • Jalla l-eżempju ta’ San Martin ikun ta’ tagħlim għal ħafna biex jurihom it-triq tas-salvazzjoni.

Talba: O Alla, int għaddejt lil San Martin de Porres mit-triq tal-umilta’ biex wassaltu fil-glorja tas-sema; agħmel li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tiegħu, biex jistħoqqilna li tgħollina miegħu fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Alternative Reading: https://www.notablebiographies.com/supp/Supplement-Mi-So/Porres-Mart-n.html

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Wikipedia in English: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_de_Porres

Film on the life of Saint Martin de Porres (with English Subtitles):

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa ta’ Fr. Charles Tonna OP.