11 ta’ April: Santa Ġemma Galgani

Verżjoni Vidjo: Santa Ġemma Galgani

“Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja”. – Kolossin 1:24

Gemma-GalganiSANTA ĠEMMA GALGANI
Verġni
1878 – 1903

Tagħrif: Xebba qaddisa minn Lucca (l-Italja) li, ta’ 20 sena, mardet bit-tuberkolożi fix-xewka tad-dahar. Dil-marda t-tobba ddikjarawha inkurabbli, imma wara li talbet lil San Gabrijel tal-Addolorata (ara San Gabrijel tal-Addolorata), Ġemma fieqet għal kollox fl-ewwel Ġimgħa ta’ Marzu tal-1899.

Hawn hi talbet li tidħol soru mal-Passjonisti kif kienet ilha x-xewqa tagħha, imma t-talba tagħha ma kinitx milqugħa billi ħasbu li ma kellhiex saħħa biżżejjed. Minn dik l-istess sena beda jkollha ħafna esperjenzi spiritwali, li kollha ġew eżaminati b’reqqa mill-konfessur tagħha Patri Germano.

Għal 18-il xahar, Ġemma kellha wkoll f’idejha u f’riġlejha l-istigmati, il-pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu u esperjenzjat ukoll estasijiet u viżjonijiet. Fl-1902, reġgħet rikbitha marda qalila li wasslitha għall-mewt wara li offriet lilha nfisha b’sagrifiċċju għall-midinbin, speċjalment għas-saċerdoti indenji.

Santa Ġemma Galgani mietet fil-11 t’April tal-1903 meta kellha 25 sena. Piju XII ikkanonizzaha f’Lapsi tal-1940. Sena wara ġew ippubblikati 23 ittra lill-konfessur tagħha. Dawn juruna lil din il-qaddisa żagħżugħa bħala bniedma twajba, sinċiera u ġeneruża, umli u dejjem lesta biex tobdi lid-diretturi tagħha. Juru wkoll il-karattru ferrieħi u s-sens komun tagħha, u fuq kollox imħabbitha lejn Alla u l-apprezzament tagħha għat-tbatijiet ta’ Kristu għalina. F’xi pajjiżi, Santa Ġemma, hija mfakkra fis-16 ta’ Mejju.

Ħsieb: F’Santa Ġemma, nilmħu t-tbatijiet li l-Mulej tagħna aċċetta li jgħaddi minnhom bi mħabba għalina biex isalvana mid-dnub il-misħut. Qaddisin bħal Ġemma, Santa Katerina ta’ Siena, Padre Piju, Franġisku ta’ Assisi u bosta oħrajn:

  • fehemu dawn it-tbatijiet tal-Mulej,
  • imtlew bi gratitudni kbira lejH,
  • tnikktu għall-fatt li ftit huma n-nies li jagħtu kas tas-salvazzjoni li Ġesù ried iġibilna u xi prezz kellu jħallas għalina,
  • u xxenqu biex huma wkoll ibatu mas-Salvatur, jew bħal jippermettu lill-Mulej biex ikompli dak li beda fuq is-salib billi juża l-ġisem tagħhom.

Xi mħabba kbira tqanqal imħabbiet oħra! X’offerta ta’ mħabba bejn il-Ħallieq u l-ħlejqa, imbagħad bejn il-ħlejqa grata u l-Ħallieq mhux apprezzat! U aħna, qed ngħaqqdu bil-qalb it-tbatijiet tagħna ta’ kuljum ma’ dawk ta’ Ġesù biex titkompla s-salvazzjoni tal-erwieħ anki fiż-żmien tal-lum jew ingergru, noħduha kontra Alla u ngħixu qisna nies bla tama?

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawl II, fl-Udjenza Ġenerali , tad-19 ta’ Ottubru, 1988, dwar ‘Il-valur tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu’ jgħidilna hekk:

“L-oġġett ewlieni tal-istudju u tar-riċerka, kien u hu dak tal-valur tal-passjoni u l-mewt ta Ġesù fir-rigward tal-fidwa tagħna. Ir-riżultati milħuqa dwar dan il-punt, barra milli wassluna li nkunu nafu aħjar il-misteru tal-fidwa, servew biex jitfgħu dawl ġdid ukoll fuq il-misteru tat-tbatija umana, li dwarha setgħu jiġu skoperti dimensjonijiet mhux maħsuba ta’ kobor, ta’ skop, ta’ fertilità, minn meta sar possibli l-konfront anzi l-kollegament tagħha mas-salib ta’ Kristu.

Nerfgħu għajnejna qabel xejn lejn dak li hu mdendel mas-salib, u nistaqsu lilna nfusna: min hu dan li qed ibati? Dan huwa l-Iben ta’ Alla! L-Iben ta’ Alla, li ħa fuqu t-tbatija umana, huwa mela mudell divin għal dawk kollha li jbatu, b’mod speċjali għall-insara li jagħrfu u jaċċettaw fil-fidi s-sinifikat u l-valur tas-salib. Il-Verb Inkarnat bata skont il-pjan tal-Missier ukoll sabiex aħna nkunu nistgħu “insegwu l-passi tiegħu,” bħal ma jirrakkomanda San Pietru (1 Pt 2, 21; cf. S. Thomae “Summa Theologiae,” II, q. 46, a. 3). Bata u għallimna nbatu.

Dak li l-iktar jispikka fil-passjoni u l-mewt ta’ Kristu hija l-konformità perfetta mar-rieda tal-Missier, b’dik l-ubbidjenza li dejjem kienet meqjusa bħala d-dispożizzjoni l-iktar karatteristika u l-iktar essenzjali tas-sagrifiċċju. San Pawl jgħid dwar Kristu li huwa għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8). Fil-Ġetsemani naraw kemm din l-ubbidjenza hija doloruża: “Missier, jekk inhu possibbli, biegħed minni dan il-kalċi . . . Imma mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk 14, 36). Dan kollu għal imħabbitna, biex jagħti lill-bnedmin id-dimostrazzjoni deċiżiva ta’ mħabbtu, biex ipatti għal dnubna u jeħodna lura mit-tifrix lejn l-għaqda (Ġw 11, 52). Dan kollu għaliex fl-imħabba ta’ Ġesù tirrifletti ruħha l-imħabba ta’ Alla lejn l-umanità.

Quddiem dan il-misteru, nistgħu ngħidu li mingħajr it-tbatija u l-mewt ta’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin ma kinitx tintwera fil-profondità u l-kobor kollu tagħha. U minn naħa oħra it-tbatija u l-mewt saru, bi Kristu, stedina, stimolu, vokazzjoni għall-imħabba iktar ġeneruża bħal ma seħħ għal tant qaddisin li b’mod ġust jistgħu jkunu definiti bħala “eroj tas-salib,” u bħal ma jseħħ dejjem f’tant krejaturi, magħrufin u mhumiex, li jafu jqaddsu t-tbatija billi jirriflettu fihom infushom il-wiċċ mimli feriti ta’ Kristu, hekk dawn jassoċjaw ruħhom mal-offerta feddejja tiegħu.

Ningħaqdu ma’ Katerina ta’ Siena u ma’ tant “qaddisin tas-salib” oħrajn (fosthom Ġemma Galgani) ma’ dan il-feddej tant ħelu u tant ħanin, li l-istess qaddisa minn Siena kienet issejjaħlu “Kristu-maħbub.” F’qalbu minfuda hemm it-tama tagħna, il-paċi tagħna.”

Talba: Għażiża Santa Ġemma Galgani, li bi mħabba lejn Ġesù sofferenti u lejn l-umanità, aċċettajt li tilqa’ fik innifsek il-pjagi divini tas-Salvatur tagħna, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna wkoll nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.  

English Version: http://www.stgemmagalgani.com/

Alternative Reading: http://passionists.ie/st-gemma-galgani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gemma_Galgani

Short film on Saint Gemma Galgani in Italian (with English subtitles):

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

28 ta’ Marzu: San Gontran

Verżjoni Vidjo: San Gontran

“L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet”. ~  1Pietru 4:8

gontranSAN GONTRAN
Re
ċ.525 – 592

Tagħrif: San Gontran kien iben ir-Re tal-Franki Klotarju I. Huwa laħaq re tal-Burgandija u parti mill-Acquitaine mal-mewt ta’ missieru li seħħet fil-561 sakemm miet 31 sena wara.

Kulma nafu dwar San Gontran ġej mill-kitba ta’ San Girgor ta’ Tours (c. 538-596), li għex fl-istess żmien u li kiteb l-istorja tal-Franki.

Kien hemm żmien fil-ħajja ta’ Gontran meta ma tantx kien jagħtik impressjoni ta’ bniedem qaddis, u difatti waqa’ fi ħtijiet gravi li jkollna ngħidu wkoll kienu effett taż-żmien li fih għex. Hu keċċa lil martu u reġa’ żżewweġ oħra bix-xewqa li jkollu nisel li jieħu s-saltna warajh. Ordna l-qtil ukoll, bla ma qagħad jaħsibha sewwa, tat-tabib li ma rnexxilux ifejjaq mara oħra tiegħu.

Imma Gontran għaraf dawn l-iżbalji tiegħu u patta għalihom il-bqija ta’ ħajtu permezz tal-karitajiet u mħabba lejn ir-reliġjon. Hu inkoraġġixxa biex isiru tliet sinodi (laqgħat ta’ isqfijiet) biex iġib ’il quddiem id-dixxiplina tal-kleru, għana diversi knejjes u monasteri, u mexxa b’ġustizzja s-sudditi tiegħu.

Meta l-artijiet tiegħu kienu maħkuma minn marda tittieħed msejħa “nar ta’ San Anton” li filġet il-poplu tiegħu, hu ried li jieħdu ħsieb is-sudditi l-aktar batuti, u offra lilu nnifsu vittma lill-ġustizzja divina għall-ġid tal-poplu tiegħu.

Miet fil-592, fl-età ta’ madwar 67 sena.

Hu kien re maħbub ħafna fost il-poplu tiegħu, li malajr beda jqimu bħala qaddis wara mewtu u ismu sab postu fil-Martiroloġju Ruman (il-ktieb li jiġbor fih l-ismijiet tal-qaddisin meqjuma mill-Knisja) bla ma qatt ġie kkanonizzat formalment.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ kull qaddis/a, anki jekk mhux ikkanonizzati formalment, għandha xi ħaġa x’tgħallimna. Il-ħajja ta’ dan ir-re Gontran, tfakkarna li fil-mixja spiritwali tagħna lejn is-Sema, mhux kif tibda l-importanti, imma kif tispiċċa. Bejn il-bidu u t-tmiem jista’ wkoll ikun hemm waqgħat, fallimenti, żbalji żgħar jew kbar, dispjaċiri, nuqqas ta’ fidi u fiduċja f’Alla. Imma għal Alla li jiswa huwa li nkunu qed nagħmlu ‘ħilitna kollha’ biex ngħixu ħajja li togħġbu. Li kieku kien jaf li wara li nagħtuH ħajjitna u nibdew nimxu warajH, ma konniex ser nerġgħu naqgħu fid-dnub, ma kienx jistabillixxi s-Sagrament tal-Qrar, li huwa wieħed mis-Sagramenti li nistgħu nirċievu għal ħafna drabi tul ħajjitna kollha.

Il-Mulej jogħbod lid-dnub għax ibegħedna minnU imma jħobb lill-midneb li jogħbod lid-dnub, imma jaqa’ fih għax huwa dgħajjef. Il-Mulej, f’kull qrara, jaħfer bil-qalb kollha lil dak il-midneb li tassew jiddispjaċih minn dnubietu u li jmur iqerr bil-fehma li ser jagħmel ħiltu kollha biex ma jidnibx iżjed u biex jevita kull okkażżjoni li tistgħu twaqqgħu fid-dnub. Din l-istorja turina propju dan:

Jingħad li fi Spanja jonoraw kurċifiss bil-driegħ tal-lemin imniżżla ‘l isfel. Taħt din l-immaġni ta’ Ġesù, jum wieħed daħal raġel biex iqerr dnubietu, iżda l-konfessur kien indeċiż jekk jagħtihx l-assoluzzjoni. Huwa mbagħad ħafirlu u żied, “Imma kun attent li ma taqax għal darb’oħra.” Il-penitent wiegħed, iżda kien dgħajjef u waqa ‘.

Imbagħad irritorna lejn il-qassis li laqgħu bi kliem iebes: “Din id-darba jien ma nagħtikx l-assoluzzjoni”. Il-penitent wieġeb, “Meta wegħedt li ma nerġax, kont sinċier, imma jien dgħajjef. Nitolbok agħtini l-maħfra tal-Mulej.” Għal darb’oħra, il-konfessur ħafirlu, imma qallu. “Din hi l-aħħar darba!”.

Xi żmien wara, il-penitent irritorna, iżda l-qassis qallu bi kliem sod, “Inti erġajt waqajt għal darb’oħra f’dan l-istess dnub, l-intenzjoni tiegħek mhix sinċiera.” Ir-raġel wieġeb, “Huwa veru li ta ‘sikwit nerġa’ naqa’, imma għax jiena dgħajjef. Jiena raġel marid, imma l-indiema tiegħi hija sinċiera.” Il-qassis qallu, “Le, m’hemm l-ebda maħfra għalik.” Kien hawn li mill-Kurċifiss instemgħet karba. Kristu deher jaqla’ idu l-leminija, jgħolliha ‘l fuq u jagħmel fuq ras ir-raġel is-sinjal tas-salib li bih tah l-assoluzzjoni għal dnubietu. Fl-istess ħin leħen qal lill-qassis: “Ma kontx int li xerridt id-demm tiegħek għalih!” (Santiago de Compostela, Spanja: https://www.cristianitoday.it/crocifisso-braccio-destro-schiodato/)

Mhux hekk, imma, għal dak il-midneb li għax iħobb id-dnub ma jħobbx lil Alla, ifittex lid-dnub b’qalbu kollha u jekk imur iqerr, jagħmel dan mhux għax verament iddispjaċih u niedem minnu u lanqas bl-intenzjoni li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jerġax jaqa’ jew li mhux se jerġa’ jfittex l-okkażjoni. Dan ma jistax jirċievi l-grazzji tas-Sagrament u ma jistax jogħġob lil Alla, għax l-għażla tiegħu mhix favur Alla, imma favur id-dnub li huwa jħobb. Hu veru li l-bniedem għandu ġibda lejn il-ħażen u jixtiequ, imma min irid jgħix tassew ħajja hienja, għandu jfittex li jaħrab kull okkażżjoni tad-dnub u/jew jikkumbatti bir-rieda tiegħu kollha biex ma jidnibx. Alla jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Għandna nfittxu l-għajnuna tat-talb, tal-qari tal-Bibbja, tal-Qrar, tal-Quddies u t-Tqarbin u anki nistgħu nsibu għajnuna minn diversi gruppi u għaqdiet kattoliċi. Minflok il-mumenti tad-dnub, għandna nippruvaw nimlew il-ħin tagħna, b’xi passatemp jew b’xi eżerċizzju fiżiku. M’għandnix inħallu lil moħħna jieqaf jaħseb u jfittex l-okkażjoni tad-dnub. Għandna wkoll induru lejn il-Madonna, li hi l-Omm l-iżjed safja u nitolbuha tieqaf magħna f’dan kollu.

Irridu nibqgħu nissieltu BLA MA NAQTGĦU QALBNA u l-Paċi t’Alla tkun dejjem sehemna għal issa u għal li ġej.

Talba: O Mulej ħanin, Inti tajt il-grazzja tiegħek ta’ ndiema sinċiera u ta’ modi kif tpatti għad-dnubiet lir-re Gontran, agħti lilna wkoll l-istess grazzja biex ma nitbegħdu qatt mis-Sagrament tal-Qrar u mill-proponiment li kemm nistgħu ma noffenduk qatt iżjed, imma ngħixu ħajja ta’ qdusija li togħġbok. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.catholiclane.com/st-gontran-king/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-guntramnus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Guntram

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Frar: Santa Katerina Ricci

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Ricci

“Irridu nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna”. ~ Santa Katerina Ricci

bec8fa2e836714a387478feae475fc87SANTA KATERINA DE RICCI
Verġni
1522 – 1589

Tagħrif: Santa Katerina De Ricci kienet soru Dumnikana. Hi magħrufa fuq kollox għall-ħajja mirakoluża u mistika tagħha. Alessandra Lucrezja Romola – isimha qabel ma saret soru – kienet tħobb titlob weħidha sa minn tfulitha. Riedet issir soru, u daħlet mas-sorijiet Dumnikani ta’ San Vincenzo di Prato, bil-kunsens ta’ missierha, fl-1535, ta’ tlettax-il sena.

Fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha kellha ssofri ħafna għax ma kienitx mifhuma minħabba l-grazzji straordinarji li kellha, iżda l-umiltà u l-qdusija tagħha sa fl-aħħar ħarġu rebbieħa.

Wara dan ġiet magħżula għal bosta uffiċċji importanti, hekk li sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet superjura jew viċi-superjura. Il-passjoni ta’ Kristu kienet is-suġġett tal-meditazzjonijiet tagħha, u minn Ġesù kellha d-don li tieħu sehem fid-duluri tiegħu bl-impressjoni tal-istigmati.

Ma’ dan il-fenomenu żdied aktar tard ieħor: għal bosta snin, ta’ kull ġimgħa, minn nofsinhar tal-Ħamis sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, il-qaddisa kienet iġġedded f’ġisimha d-duluri u l-ġrajjiet prinċipali tal-passjoni ta’ Ġesù. Dawn l-estasijiet tagħha ġew ikkontrollati u awtentikati bir-reqqa l-aktar skrupluża, u ma damux ma bdew jiġbru ħafna devoti mill-inħawi ta’ Prato.

Din il-ġrajja hekk tal-għaġeb saret l-ewwel darba fi Frar tal-1542, meta l-qaddisa għalqet l-għoxrin sena, u baqgħet sejra minn ġimgħa għal ġimgħa, bla qatt ma taqta’, għal tnax-il sena, meta spiċċat għat-talb tagħha nnifisha u tas-sorijiet sħabha, għax il-fama tagħhom kienet qiegħda tiġbed lejn il-kunvent bosta nies ta’ kull kategorija, hekk li l-paċi u l-osservanza regulari tal-komunità kienu qegħdin isofru.

Qalb dawk li marru jżuruha kien hemm bosta prelati għoljin tal-Knisja, isqfijiet u kardinali, fost oħrajn il-Kardinali Cervini, Alessandro dei Medici u Aldobrandini, it-tlieta telgħu fuq it-tron tas-suċċessuri ta’ San Pietru bl-isem ta’ Marċellu II, Klement VIII u Ljun XI. Kienet ukoll iżżomm korrispondenza epistolari mal-Papa San Piju V, ma’ San Filippu Neri.

Wara marda twila għaddiet minn din id-dinja għall-oħra fil-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna tal-1589, ta’ sebgħa u sittin sena. It-talb, il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni kienu l-mezzi li bihom għamlet progressi hekk kbar.

Ħsieb: Santa Katerina Ricci saret famuża għat-tagħlim sod tagħha, li ħafna minnu hija kkomunikatu b’ittri lis-sorijiet, lill-qassisin u lil-lajċi. Din li ġejja hija kitba dwar “Il-Perfezzjoni Nisranija fil-qosor” lil waħda mis-sorijiet żgħażagħ:

“1. Inżommu lil Alla fl-ewwel post: Għandna ninsistu magħna nfusna biex niddistakkaw qalbna u r-rieda tagħna mill-imħabbiet kollha ta’ din id-dinja, ħlief mill-imħabba ta’ Alla. M’għandniex inħobbu l-ebda ħaġa li tintemm. Fuq kollox, m’għandniex nħobbu lil Alla b’mod egoistiku biex nakkwistaw xi ħaġa għalina nfusna mingħandu, imma b’imħabba safja daqs it-tjubija tiegħu stess.

2. Kull ma nagħmlu, nagħmluh għall-unur ta’ Alla: Irridu nidderieġu l-ħsibijiet, il-kliem u l-azzjonijiet kollha tagħha għall-unur tiegħu. U bit-talb, bl-istruzzjonijiet u bl-eżempju t-tajjeb infittxu l-glorja tiegħu biss, kemm jekk dawn nagħmluhom għalina nfusna, kemm wkoll jekk għal ħaddieħor, sabiex permezz tal-azzjonijiet tagħna kollha aħna nkunu nistgħu nħobbu u nunuraw lil Alla. Din it-tieni ħaġa togħġbu aktar minn tal-ewwel, għax hi tassew skont ir-rieda tiegħu.

3. Nixxenqu biss għar-rieda ta’ Alla li hi għall-aħjar tagħna: Għandna nimmiraw dejjem iżjed biex nagħmlu r-rieda divina: billi ma nixtiequ li jiġri xejn aktar, ħażin jew saħansitra tajjeb, f’din il-ħajja ta’ ħażen, biex b’hekk inżommu lilna nfusna dejjem għad-dispożizzjoni ta’ Alla, b’qalbna u b’ruħna fil-paċi. Imma irridu wkoll nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsiebna tagħna nfusna”.

  • U int għaraft li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna?
  • Temmen li Hu dejjem magħna u jekk nafdawh, Hu jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni?
  • Tifhem li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, Hu li tagħna kull ma għandna b’rigal?

Kompli afdaH bis-serjeta’ u b’imħabba filjali u Hu stess jurik maż-żmien x’kien l-aħjar li jippermetti f’ħajtek għall-ġid tiegħek u b’mod speċjali għall-ġid ta’ ruħek li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għaliH għax hi l-vera int u dik li ser tibqa’ għal dejjem.

Talba: O Alla li tista’ kollox, int wassalt lil oħtna Santa Katerina Ricci għall-qdusija permezz tal-kontemplazzjoni tal-passjoni ta’ Ibnek. Filwaqt li niftakru fil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek, għinna biex isiru predikaturi kuraġġużi u għalliema dedikati ta’ dawn il-misteri. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-de-ricci-146

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-catherine-dei-ricci

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Ricci

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Jannar: Santa Margerita tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita tal-Ungerija

“Imbierka Margerita li kienet tiddi bis-safa tal-anġli, li ddedikat lilha nnfisha lil Dak li huwa l-Għarus tal-verġinita perpetwa u l-Iben tal-Verġni perpetwa”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Margerita tal-Ungerija

margaret1-e1426572286347.jpgSANTA MARGERITA TAL-UNGERIJA
Verġni
1242 – 1270

Tagħrif: Din il-qaddisa kienet bint ir-re twajjeb Bala IV tal-Ungerija. Imrobbija mas-Sorijiet Dumnikani fil-kunvent li kien bena missierha fil-gżira ta’ S. Margerita
fid-Danubju, ħdejn Buda. Ipprofessat soru ta’ 12-il sena.

Għalkemm kienet għadha żgħira, kienet tgħaddi lil kulħadd fid-devozzjoni u kellha bosta dehriet mis-sema. Kien il-gost tagħha li taqdi lil kulħadd; qatt ma kienet titkellem fuqha nnifisha; anzi kien jiddispjaċiha li ma kinitx imwielda minn ġenituri fqar.

Il-prattika tal-mortifikazzjoni kienet għal qalbha ferm, hekk li ma kinitx tikxef il-mard li kienet issofri biex ma tiġix meħlusa mill-osservanza tar-regolamenti. Kellha devozzjoni kbira lejn il-Kurċifiss, u kienet ta’ sikwit, tbus salib żgħir li kellha fuqha.

Ix-xewqa tagħha kienet li titlob quddiem l-altar tal-Kurċifiss. L-isem ta’ Ġesù kien dejjem fuq xofftejha. Spiss kienet tintilef minn sensiha quddiem Ġesù Sagramentat, speċjalment waqt il-quddiesa u meta kienet tilqa’ f’qalbha lil Ġesù, kienet tgħaddi lejl fit-talb.

Il-ferħ tagħha fil-festi tal-Madonna kien jidher fuq wiċċha u kienet tunurhom bir-reċita tal-Uffiċċju tal-Madonna fil-ġranet kollha tal-Ottava. Jekk xi ħadd kien juri ruħu offiż magħha, kienet tinxteħet għarkopptejha titlob maħfra.

Mietet kif kienet ħabbret, fit-28 ta’ Jannar tas-sena 1271, wara marda qasira.

Ħsieb: Interessanti, li l-maġġoranza tal-qaddisin kienu jgħaddu ħinhom quddiem Ġesu’ Kurċifiss, jimmeditaw il-pjagi divini tiegħu. Santa Margerita tal-Ungerija hija waħda minn dawn li għarfet fis-salib tal-Mulej, l-għola att ta’ mħabba safja minn naħa tal-Iben t’Alla u l-ħajja li għexet kienet tweġiba għal din it-tip ta’ mħabba li laqgħet mingħand Ġesu’, li żammietu b’Għarus Divin tagħha.

Is-salib hu s-sinjal il-kbir tal-fidwa. Fuqu Ġesu’ ta ħajtu b’fidwa għall-kotra. Il-figura ta’ Ġesù fuq is-salib għandha tkun iċ-ċentru tar-riflessjoni ta’ kull nisrani. San Ġorġ Preca jgħid li l-Kurċifiss huwa “l-Ktieb il-Kbir.” Infatti, Ġesù msallab huwa mera doppja: jurina l-imħabba ta’ Alla għalina, u fih nistgħu naraw ukoll sa fejn tasal l-imħabba tagħna.

Idejn il-Kurċifiss
Il-pali ta’ jdejn Ġesù huma mtaqqbin, minfudin bl-imsiemer. Idejn Ġesù huma miftuħin beraħ, lesti biex ikomplu jqassmu l-imħabba, kif dejjem għamel matul ħajtu. Huma jdejn li ħadmu: fix-xogħol tal-injam meta kien għadu d-dar, imbagħad biex ifejjaq il-mard, jimla bil-kuraġġ, ibierek…

Issa ħares ftit lejn idejk …

  • Taħseb li jdejk huma miftuħin jew magħluqin?
  • Huma jdejn ġenerużi, jaqsmu mal-oħrajn, jew huma jdejn magħluqin u marsusin, iżommu kollox għalihom u ma jridu jagħtu xejn lil ħadd?
  • Tħoss li int ġeneruż mal-oħrajn?
  • Tħossok lest tgħin lill-oħrajn?
  • Idejk huma bieżla, jew dejjem fil-but, għażżenin, ma jridu jagħmlu xejn?
  • Dmirijietek – id-dar, l-iskola, fuq il-post tax-xogħol … – twettaqhom sewwa, jew taħrabhom?

Riġlejn il-Kurċifiss
Riġlejn Ġesù ma jistgħux jitħarrku. Huma mwaħħlin mal-għuda. Imma kemm mili terrqu dawk ir-riġlejn! Ġesù kien dejjem jivvjaġġa, idur minn post għall-ieħor iwassal l-Aħbar tas-salvazzjoni.

Issa ħoss ftit riġlejk mal-art …

  • Taħseb li bħalissa miexi kif suppost wara Ġesù?
  • Jew kultant toħroġ barra mit-triq?
  • U meta tkun miexi wara Ġesù, dan qed tagħmlu bil-ferħ, jew b’ħafna tqanżieħ?
  • B’liema ħeġġa tmur għall-quddiesa tal-Ħadd?
  • Tħossok miexi fit-triq tal-Vanġelu, jew qed twebbes rasek u tagħmel dak li jogħġob lilek?
  • Tħossok qiegħed tikber u timmatura, jew għadek iġġib ruħek ta’ tifel/tifla żgħir/a?
  • Kapaċi tirreżisti lil min iħajrek għall-ħażen, jew tagħmel bħall-oħrajn għax tibża’ li jidħku bik?

Fomm il-Kurċifiss
Ġesù għandu ħalqu niexef, bil-għatx. Jisquh il-ħall, u jħoss it-togħma tal-morr… Minn dak l-istess fomm joħroġ kliem ta’ talb u ta’ maħfra. Imma joħroġ ukoll il-krib tat-tbatija kbira li kien qiegħed iġarrab. Matul ħajtu kollha Ġesù uża fommu biex iħabbar is-Saltna t’Alla, biex jgħallem, biex ixandar il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, biex jistqarr il-Verità, biex ifarraġ…

Issa pprova ftakar ftit x’joħroġ minn fommok …

  • Kif titkellem?
  • Xi kliem tuża?
  • Kliemek iġib il-ħbiberija jew il-ġlied?
  • Ġieli tweġġa’ lil xi ħadd b’dak li tgħid?
  • Tieħu gost toffendi u tgħajjar?
  • Hemm xi ħadd minn sħabek li tħobb twaqqgħu għaċ-ċajt?
  • Kemm int sinċier fi kliemek?
  • Tgħid il-verità jew tinħeba wara l-gideb?
  • Ġieli tgħid kliem baxx, jew kliem doppju sens biex turi kemm taf jew forsi biex iddaħħak lil sħabek?
  • Tidgħi?
  • Meta xi ħadd ma jaqbilx miegħek, jew forsi xi ħadd tal-familja tiegħek stess iwissuk, kif tirrispondihom?
  • Bl-għajat?
  • Taf titlob skuża jew maħfra meta tiżbalja?
  • Taf taħfer lil min ikun offendiek?
  • Tħobb titkellem ma’ Ġesù fit-talb, fil-quddiesa ta’ kuljum u tal-Ħadd?
  • Jew kultant tinsa li Ġesù jkun jistenniek biex jitkellem miegħek?

Għajnejn il-Kurċifiss
Għajnejn Ġesù mislub huma ċċassati fuq il-Missier. Ġesù jħares lejn il-Missier biex jintelaq f’idejh u hekk titwettaq sa l-aħħar ir-rieda tiegħu. Ġesù jerfa’ ħarstu lejn il-Missier biex jitlob maħfra għal dawk li kkundannawh. Imma Ġesù jħares ukoll lejn dawk li qegħdin taħt is-salib, lejn dawk li kkundannawh għall-mewt hekk kerha. Iħares lejhom bl-għajnejn ta’ min qed ibati, imma fl-istess waqt bl-għajnejn ta’ min jaf iħenn, jaħfer u jħobb sal-mewt. Matul ħajtu, Ġesù ħares f’għajnejn ħafna nies, ħarsa profonda mimlija tama, kuraġġ, maħfra u mħabba. Il-ħarsa ta’ Ġesù kienet tibqa’ nieżla sal-qalb, biex juri l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bnedmin.

Issa immaġina li qiegħed quddiem mera, tħares dritt f’għajnejk …

  • X’tara miktub f’għajnejk?
  • Taf tħares f’għajnejn il-membri tal-familja tiegħek, u tinduna bl-imħabba u t-tbatija tagħhom forsi minħabba fik?
  • Tinduna bil-preżenza ta’ sħabek?
  • Meta tħares lejhom, tara biss dak li hu ikrah, dak li ma jogħġbokx?
  • Jirnexxielek tara s-sabiħ fl-oħrajn?
  • Kif tħares lejn it-tfajliet/il-ġuvintur?
  • Fejn tara li hemm bżonn l-għajnuna tiegħek, x’tagħmel?
  • Tagħti daqqa t’id, jew iġġib skuża li għandek x’tagħmel?
  • Xi jfittxu għajnejk meta tkun waħdek quddiem it-televixin?
  • Xi tfittex fuq il-mobile jew fuq l-internet?
  • Tfittex l-okkażjoni meta m’hemm ħadd miegħek id-dar biex tara l-pornografija?
  • Ġieli ħajjart lil xi ħadd minn sħabek biex jagħmel bħalek?

Qalb il-Kurċifiss
Qalb Ġesù hija miftuħa beraħ, minfuda bil-lanza. Hi l-qalb ta’ min iħobb. Hi l-qalb ta’ Ġesù, li fiha nistgħu ninħaslu minn dnubietna. Hi l-qalb miftuħa tas-Salvatur.

Issa poġġi jdejk fuq qalbek …

  • X’qiegħed tħoss?
  • X’hemm iħabbat fil-qalb tiegħek?
  • Taf tħobb?
  • Veru tħobbhom lill-membri tal-familja tiegħek, lil sħabek, lill-kollegi, lil dawk li qed jippruvaw jgħinuk?
  • Kif qed tħobbhom?
  • Kemm lest tbati biex tħobb verament?
  • Rasek iebsa?
  • Supperv/a?
  • Trid li kulħadd jagħmel dak li tgħid int?
  • Tħobb tpatti?
  • Id-dmirijiet tiegħek twettaqhom kif suppost?
  • Tħobb tgħin, anke jekk ma tkunx mitlub?

Wara dan l-eżami tal-kuxjenza, ara jeħtieġlekx tmur tirċievi s-Sagrament tal-Qrar fejn permezz tas-saċerdot, Ġesu’ japplika l-maħfra tiegħu għalik, dik il-maħfra li kisiblek meta ta ħajtu u patta għal dnubietek fuq is-Salib.

Tista’ wkoll titlob bil-qalb din it-talba quddiem Kurċifiss: Ruħ ta’ Kristu, qaddisni. Ġisem ta’ Kristu, salvani. Demm ta’ Kristu, ħeġġiġni. Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni. Passjoni ta’ Kristu, sabbarni. Ġesù ħanin, ismagħni. Fil-pjagi tiegħek aħbini. Tħallini qatt ninfired minnek. Mill-għadu ħażin ħarisni. Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli. Ġewwa ħdanek ilqagħni. Biex ma’ l-anġli u l-qaddisin tiegħek, infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Talba: O Alla, li tħobb u tħares il-kastita’, li b’don tiegħek Santa Margerita tal-Ungerija għaqqdet is-sbuħija tal-verġinita’ u l-mertu tal-ħidmiet tajba tagħha, agħtina nitolbuk li permezz tal-ispirtu tal-penitenza nisranija aħna nistgħu nġeddu l-integrità ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/feast-day-18-1242-1271-st.html

Alternative Reading: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-margaret-of-hungary-op

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_of_Hungary_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Ottubru: Beatu Bonaventura minn Potenza

Verżjoni Vidjo: Beatu Bonaventura minn Potenza

“Ġesù, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Filippin 2:4-8

Blessed-Bonaventure-of-Potenza-Conventual-FranciscanIL-BEATU BONAVENTURA MINN POTENZA
1651 – 1711

Tagħrif: Twieled fl-4 ta’ Jannar 1651, ġewwa Potenza fil-limiti ta’ Napli, l-Italja ġo familja fqira, iżda għanja fil-virtujiet. Ta’ 15-il sena daħal mal-Patrijiet Konventwali Minuri, f’Noceva. Huwa kompla bl-istudji tiegħu. Is-superjuri tiegħu bagħtuh Amalfi u hemm taħt direttur spiritwali kompla jikber fil-virtujiet tal-umiltà, safa u ubbidjenza, fost oħrajn.

Kien ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Kellu ubbidjenza għamja għas-superjuri tiegħu. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu fil-parroċċa speċjalment lill-batuti, lill-fqar u lill-morda. Meta f’pajjiżu faqqgħet epidemija, lejl u nhar intefa’ b’ruħu u ġismu jdur bil-morda u jassistihom. Kien jaħdem ħafna mal-priġunieri speċjalment dawk li kienu qed jistennew il-piena tal-mewt, iqararhom u jassistihom.

Bħala saċerdot kien jippriedka u jipprattika d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kien iqatta’ ħin twil fil-konfessinarju tant li ħa l-fama tal-appostlu tal-konfessinarju u tal-ubbidjenza.

B’ubbidjenza lejn is-superjuri aċċetta l-kariga ta’ majistru tan-novizzi. Kien irawwem fl-istudenti tiegħu l-prattika tal-virtujiet tal-umiltà u l-ubbidjenza.

Wara 45 sena ta’ servizz impekkabbli, mogħni b’kull virtù Patri Bonaventura mar jingħaqad mal-Mulej. Fl-aħħar nifs ta’ ħajtu kien imdawwar minn sħabu l-patrijiet kollha, u talabhom skuża għal kull darba li naqashom. Kien is-26 ta’ Ottubru 1711. Fis-26 ta’ Novembru, 1775, il-Papa Piju VI bbeatifikah.

Ħsieb: Dan il-qaddis tal-lum jispikka l-aktar għall-umilta’ u għall-ubbidjenza għamja lejn is-Superjuri tiegħu. Jingħad li ġurnata waħda, Bonaventura qal lis-Superjur tiegħu li kienet intilfet iċ-ċavetta tas-sagristija. “Tajjeb”, qallu s-Superjur bi tbissima, “mela jkollok tfittixha fil-bir; aqbad qasba u stad għaliha.” Malajr, Bonaventura mar fejn il-bir u bil-qasba u x-xlief stad għaċ-ċavetta. Ma damx wisq qabel ma rnexxielu jtellgħha. Ovvjament, is-Superjur tiegħu baqa’ mistgħaġeb għax hu kien qallu hekk biex jiċċajta! Alla kien ippremjah b’mod mirakoluż għall-ubbidjenza għamja tiegħu.

Ġesu’ Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa, huwa l-eżempju perfett għalina lkoll fejn tidħol l-umilta’ u l-ubbidjenza, kif jgħallem San Pawl fl-Ittra lil Filippin 2:4-8 :

“Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Kristu sar għalina ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. U fl-aħħar nifsijiet tiegħu, Hu jikkonferma din l-ubbidjenza totali tiegħu bil-kliem: “Kollox hu mitmum!” (Ġwanni 19:30) – fi kliem ieħor, Ġesu’ juri li qagħad għal kollox u għamel kollox hekk kif kien mitlub minnu mill-Missier sal-aħħar.’ San Ġwann ikompli: “Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu” (Ġwanni 19:30) Ta’ min jinnota f’dan l-aħħar vers li Ġwanni jikteb li l-ewwel mejjel rasu, umbagħad radd ruħu. Is-soltu r-ras titmejjel wara li l-persuna tkun għada kif mietet. Fil-kas ta’ Ġesu’, probabli li San Ġwann ried jagħmel enfasi fuq dak il-ġest ta’ meta wieħed ibaxxi rasu b’sinjal ta’ ubbidjenza.

Kien propju dan l-għatx li mmotiva l-ħajja ta’ Ġesu’, l-għatx li jwettaq il-pjan tal-Missier kif qal lil Pietru: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11) X’imkien ieħor jgħid: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu” (Ġwanni 4:34) u post ieħor: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’dieqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Luqa 12:49-50)

X’nitgħallmu minn dan?

L-ubbidjenza u l-umilta’ huma tnejn minn ħafna virtujiet: għerf, sempliċita’, faqar evanġeliku, karita’, ħniena, fidi, tama, ġenerożita’, rażan, ħlewwa, kompassjoni, hena, sliem, sabar, tjubija, fedelta’, żelu u oħrajn. Il-virtujiet huma l-kwalitajiet tal-karattru ta’ Ġesu’ l-Mulej. L-Ispirtu s-Santu jaħdem fina sabiex aħna nsiru bħal Ġesu’, mimlijin, anzi nfuru b’dawn il-qawwiet u saħħiet interjuri.

L-UMILTÀ

Ġesu’ l-umli  (Filippin 2:5-11): “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesu’ …” L-umli hu dak li “jqis lill-ieħor aħjar minnu”, li m’għandu qatt “ifittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor”. Ġesu’ “ma qgħadx ifittex tiegħu” “xejjen lilu nnifsu” “Ċekken lilu nnifsu” Ġesu’ kif wera l-umiltà? “Ħa n-natura ta’ lsir” (Ġwanni 13:1-17) “sar jixbaħ lill-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem” (Lhud 2:14-18) Għalhekk, l-umilta’ mhix sentiment imma għażla li tħobb tant li toqrob kemm tista’ lejn min trid tgħin, issir ħaġa waħda mas-sofferenza tagħhom, tieħu fuqek il-madmad tagħhom, tidentifika ruħek magħhom, “għalhekk Ġesu’ ma jistħix isejjħilhom ħutu” (Lhud 2:11).

Servizz umli hu dak li jissorprendi. Hu servizz li ma jfittixx dak li hu tiegħu (id-drittijiet)! Hu dak li ma jippretendihiex imma jfittex il-post tal-aħħar. Id-dixxiplu umli ta’ Ġesu’ jaf li hu l-werriet tas-Saltna ta’ Alla u bħall-Mulej tas-Saltna jagħti ħajtu fis-servizz tal-aħwa bla ma jfittex il-glorja, il-kumplimenti u l-unuri.

L-UBBIDJENZA

“Ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt” (Filippin 2:8) Min hu l-ubbidjenti? “min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet”. (Mattew 7:21; Luqa 6:46) Alla jkellimna mhux biex jikkmandana (għalkemm għandu s-setgħa biex jagħmel dan). Alla jkellimna biex jiggwidana, biex jgħinna ninbidlu f’Ibnu.

  • Obdi sabiex tifforma ħajtek
  • Obdi biex tegħleb it-tentazzjoni
  • Obdi biex tkun taf il-moħħ ta’ Missierek
  • Obdi biex isservi lil ħutek

Ġesu’ hu l-Mulej! Mulej, Sinjur, Sid. Aħna hekk insejħulu. Is-Sid hu propjetarju. Ġesu’ hu l-Kyrios. Aħna d-doulos (qaddejja f’sens evanġeliku). Aħna tiegħu, propjeta’ tiegħu! X’jimplika dan? Nisimgħu sew lilna nfusna meta nkantaw: “dil-qalb, dal-moħħ, dal-ġisem, dir-ruħ, irrid nagħtik o Mulej”. Il-ħin, it-talenti, l-inkwiet, il-ferħ, il-mard, is-saħħa, ir-rebħiet, is-suċċessi, it-telfiet, il-fallimenti, ix-xogħol, id-divertiment, il-ġid materjali, il-familja, il-ħbieb, il-passatemp, l-imgħoddi, il-mument preżenti u l-ġejjieni. Aħna kollna tiegħu!

L-ubbidjenza tagħna lejn Ġesu’ hi kompleta meta mmorru l-ġenna. Sa dakinhar, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, nimxu b’ħilitna kollha u bid-dgħjufija tagħna fuq il-passi tiegħu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, b’saħħitna kollha u b’ruħna kollha.

X’tip ta’ ubbidjenza? Mhux ta’ skjav! Ta’ wlied maħbuba, ta’ wlied ħielsa li jagħżlu li jridu jobdu. Aħna lil min se naqdu u nobdu? Lil Alla ta’ Ġesu’ Kristu jew xi alla ieħor? : partit politiku, każin, passatemp, drawwa, ġid materjali, rabta ma’ xi mexxej … ? Liema hu t-teżor tiegħek li fih issib is-sigurta’, il-faraġ, it-tama? L-attitudni ubbidjenti tan-nisrani hi l-fedelta’ lejn is-Saltna ta’ Alla! L-ubbidjenza tad-dixxiplu lejn Ġesu hi s-sottomissjoni totali tal-persuna sħiħa għall-Mulej u l-pjanijiet tiegħu. L-ubbidjenza ta’ Ġesu’ hi l-mudell tagħna: “jiena dejjem nagħmel dak li joġgħob lilu” (Ġwanni 8:29).

Fi Ġwanni 14:21.23, Ġesu’ jgħidina: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili jħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi … Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu”.

  • U int kemm tirsisti biex tgħix fl-umilta’?
  • Qiegħed tpoġġi l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel tiegħek?
  • Tagħraf li inti midneb/midinba u li mingħajr Ġesu’ f’ħajtek ma tista’ tagħmel xejn tajjeb?
  • F’hiex int fl-ubbidjenza tiegħek lejn il-kmandamenti ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu?
  • Ir-rieda ta’ Alla hi l-għan ta’ ħajtek? Kemm int lest/a li tilħaq dak il-livell ta’ qdusija li Alla jixtieq jara fik?

Talba: O Alla li tista’ kollox, Inti għamilt lill-Beatu Bonaventura magħruf għall-virtu’ tal-umilta’ u tal-ubbidjenza, u għall-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Permezz tat-talb u l-eżempju tiegħu, agħtina li nimxu skont il-preċetti tiegħek, biex nifirħu fl-ispirtu, u navvanzaw fit-triq tal-perfezzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-bonaventure-of-potenza.html

Alternative Reading: http://thefranciscanfamily.blogspot.com/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Bonaventura_da_Potenza

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Ottubru: San Pawl tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Pawl tas-Salib

“Id-dinja tgħix bla ma taħseb fit-tbatijiet ta’ Ġesù, li huma l-miraklu tal-mirakli tal-Imħabba ta’ Alla … Ħares fuq il-wiċċ tal-Imsallab, li jistiednek timxi warajh. Huwa jkun Missier, Omm – u kollox għalik”. San Pawl tas-Salib

st.-paul-of-the-crossSAN PAWL TAS-SALIB
Saċerdot
1694 – 1775

Tagħrif: Pawlu Franġisku Daneo twieled f’Ovada, qrib Ġenova, l-Italja, fit-3 ta’ Jannar, 1694. Kien l-ewwel fost sitt itfal li baqgħu ħajjin minn tlettax. Kien wild ta’ familja nobbli li kienet fetħet negozju fil-Lombardija (l-Italja ta’ Fuq), imma li kienet ftaqret. Minn kmieni wera mħabba kbira lejn Ġesù Sagramentat u kien jagħmel ħinijiet twal jitlob quddiemu. F’żgħożitu għen lil missieru li kien negozjant. Fl-1713, priedka li sama’ mingħand il-Kappillan kebbsitlu qalbu b’imħabba ikbar lejn Alla, għalkemm baqa’ ma ddeċidiex x’vokazzjoni jħaddan.

Fl-1715, mar biex jinkiteb bħala suldat fl-armata li l-Papa Klement XI kien qed iwaqqaf biex jirreżisti lit-Torok. Kien ittama li b’hekk kien ser jagħti ħajtu għall-Fidi tiegħu. Iżda fi triqtu biex jingaġġa fil-Kruċjata, għadda fi knisja biex jinvista lil Ġesù Sagramentat. Kif kien miġbur fil-kwiet qed jitlob, ra ċar li ma kienx imsejjaħ biex ikun suldat.

Fl-1719, fl-eta’ ta’ 25 sena rċieva l-Griżma tal-Isqof. Beda jħoss iktar minn qatt qabel ix-xewqa li jwaqqaf kongregazzjoni li żżomm ħajja u ssaħħaħ il-memorja tal-Passjoni ta’ Ġesù. Hu għadda minn saċerdot għall-ieħor ifittex li jieħu parir u direzzjoni. Fl-aħħar iltaqa’ mal-Isqof Gattinara ta’ Alessandria li nkurraġġieh u ħeġġu biex iwettaq dak li kellu f’moħħu. Ta’ 26 sena ġie mgħarraf permezz ta’ viżjoni biex jibda kongregazzjoni ġdida f’ġieħ il-Passjoni.

Huwa kiteb ir-Regola fl-1720 u l-Isqof tah il-permess li jilbes l-abitu tal-‘Kjeriċi Ħafjin tas-Salib u tal-Passjoni’. Fit-22 ta’ Novembru fl-1720, l-Isqof libsu l-libsa sewda li l-Passjonisti għadhom jilbsu sal-lum. Wara, taħt id-direzzjoni tal-Isqof għamel irtir ta’ erbgħin jum.

Mar Ruma u hemm beda jistudja biex isir saċerdot. Fl-istess waqt kien idur bil-morda fl-isptar ta’ San Gallicano f’Ruma. Fis-7 ta’ Ġunju 1727, il-Papa Benedittu XIII ordnah saċerdot. Fis-sena ta’ wara, flimkien ma’ sitt kumpanni oħra mar jgħix f’Monte Argentario fejn waqqaf dak li kellu jkun l-ewwel “Irtir” (hekk kien isejjaħ id-djar tiegħu) tal-Kongregazzjoni tal-Passjonisti. Malajr żdied l-għadd ta’ dawk li riedu jimxu fuq il-passi tiegħu u kontra qalbu, San Pawl tas-Salib ġie maħtur superjur ġenerali, kariga li baqa’ biha sa ma miet.

L-ordni ġdid tal-Passjonisti kien jgħaqqad fih l-awsterità tal-ħajja Kartużjana mal-appostolat attiv tal-Ġiżwiti biex jiġbed l-erwieħ lejn Kristu permezz ta’ kontemplazzjoni devota tal-passjoni tiegħu.

Għad li kien imħabbat bil-ħsieb tat-tmexxija tal-Ordni u tat-twaqqif ta’ Irtiri ġodda, qatt ma ħalla l-predikazzjoni tal-kelma ta’ Alla. Kien jitkellem b’ħeġġa kbira fuq il-Passjoni ta’ Ġesù. Kellu ħabta jisraq qlub il-midinbin u jikkonvertihom. L-hena tiegħu kienet li jressaq in-nies lejn Alla, u hekk inissel il-paċi f’qalbhom u jagħmilhom ferħanin u kuntenti. L-għadd kbir ta’ konverżjonijiet ma naqas qatt. Alla żejnu bid-don tal-mirakli, speċjalment dawk marbutin mal-konverżjoni ta’ midinbin iebsin u li dwarhom intilfet kull tama li jbiddlu ħajjithom.

Għal sittin sena talab biex l-Ingilterra tirritorna għall-vera fidi u kellu diversi viżjonijiet konsolanti dwar din il-ħaġa. Infatti kien permezz tal-Passjonisti li l-Kardinal Newman u eluf ta’ protestanti oħra reġgħu daħlu fil-Knisja Kattolika.

L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddiehom Ruma fejn miet fit-18 ta’ Ottubru 1775, fl-eta’ ta’ 81 sena. Il-Papa Piju IX ikkanonizzah fl-1867.

Ħsieb: It-tbatija, kemm jekk hi fiżika, mentali, emozzjonali jew spiritwali, tidher li hija parti inevitabbli tal-ħajja. Xi wħud jippruvaw jaħarbu mit-tbatija. Oħrajn, diżillużi bl-uġigħ, isiru konfużi dwar it-tifsira tal-ħajja u xi wħud, inkwetati mill-ħażen fid-dinja, jistaqsu dwar l-eżistenza ta’ Alla. Kemm jekk xi ħadd qed jiġġieled kontra l-inġustizzja, iġorr il-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu stess b’dispjaċir, jew il-konsegwenzi tal-għażliet foqra ta’ ħaddieħor, mgħaffeġ mid-dnub jew mgħobbi bil-mard, Ġesù Kristu jurina li t-tbatija m’għandhiex tkun inutli. Ir-rigal tagħna nfusna fl-imħabba jinkludi aċċettazzjoni ġeneruża tat-tbatija kif il-Papa San Ġwanni Pawlu II jesprimi fit-Teoloġija tal-Ġisem:

“Huwa propju tal-qalb umana li taċċetta esiġenzi, saħansitra diffiċli, f’isem l-imħabba għal ideal u speċjalment f’isem l-imħabba lejn il-persuna (infatti l-imħabba, hija min-natura tagħha orjentata lejn il-persuna). U għalhekk f’dik is-sejħa għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, l-ewwel l-istess dixxipli u mbagħad it-Tradizzjoni kollha ħajja tal-Knisja jiskopru kmieni l-imħabba li tirreferi għal Kristu nnifsu bħala l-Għarus tal-Knisja, Għarus tal-erwieħ, li lilhom huwa rregala lilu nnifsu sal-aħħar, fil-misteru tal-Għid tiegħu u tal-Ewkaristija.” (Udjenza 79:9)

Bħala membru tat-“Tradizzjoni ħajja tal-Knisja”, San Pawl tas-Salib għażel ħajja ċelibi għar-renju tas-sema u ssieħeb fl-imħabba ma’ Kristu l-Maħbub Divin tar-ruħ u mal-Knisja tiegħu. Huwa aċċetta bil-qalb u b’rieda soda l-esiġenzi li titlob l-imħabba u daħal “fil-misteru tal-Passjoni tal-Mulej u tal-Ewkaristija”. Għal din ir-raġuni, “Ġesù Kristu u lilu msallab” (1 Korintin 2: 2) sar il-motto ta’ San Pawl tas-Salib , il-missjoni tiegħu u n-natura tal-komunità reliġjuża li waqqaf, magħruf bħala Passjonisti.

San Pawl tas-Salib kien jirsisti ħafna biex inissel paċi, ferħ u hena f’ħaddieħor. Inħallu ftit minn dan l-Ispirtu ta’ dan il-Qaddis jaħdem fina, u nibdew infittxu li aħna wkoll inkunu ta’ għajnuna biex ħaddieħor iħossu ferħan u kuntent. Inkunu strumenti tal-paċi. Imma niftakru li ħadd ma jagħti minn dak li ma għandux!

Bit-tbatija tiegħu, Ġesu’ ta lit-tbatija valur li qatt ma kellha. It-tbatija għan-nisrani saret ‘rikkezza’, għax meta naqgħduha ma dik ta’ Ġesu’ u noffruha għall-bżonnijiet tagħna jew ta’ xi ħadd, hi l-aktar talba qawwija li nistgħu noffru. Nistgħu wkoll noffruha bi tpattija għad-dnubiet u nibdew innaqsu miż-żmien tal-purgatorju. Din ir-rikkezza għandna inħaddmuha b’mod għaqli u ma naħlu xejn minnha. Int tagħmlu dan?

Fit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: ‘Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?’ Meta niftakru li Ġesu’ aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesu’, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn JIEN?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli. U int, wasalt biex tagħraf dan il-valur?

Talba: Nitolbuk, Mulej, li s-saċerdot San Pawl tas-Salib jaqlagħalna minn għandek il-grazzja tiegħek, biex hu, li ħabb is-salib bi mħabba tal-għaġeb, iħeġġiġna dejjem bl-eżempju tiegħu ħalli nilqgħu bil-kuraġġ is-salib tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.saintpaulofthecross.com/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-paul-of-the-cross/

Miracles of Saint Paul of the Cross (Alternative Reading): http://www.saintpaulofthecross.com/2009/09/miracles-of-st-paul-of-cross.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paul_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.