Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

12 ta’ Settembru: L-Isem tal-Imqaddsa Verġni Marija

“Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.” (Luqa 1: 26-28)

le_saint_nom_de_marieL-ISEM TAL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA

Tagħrif: Skont drawwa Lhudija, il-ġenituri ta’ Marija tawha isimha tmint jiem wara t-twelid tagħha. Huwa għalhekk li l-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Marija ssir wara dik tat-twelid tagħha. Il-festa oriġinat fi Spanja u kienet approvata mis-Santa Sede fl-1513. Il-Papa Innoċent XI estenda din il-festa lill-Knisja kollha fl-1683 wara li r-Re tal-Polonja, Ġwanni Sobieski ħareġ rebbieħ fuq it-Torok fit-12 ta’ Settembru, 1683. Din il-ġurnata kienet iċċelebrata fi Vjenna.

Minn żmien San Ġeremija sas-seklu sittax, l-isem ta’ Marija kien interpretat f’diversi forom, l-aktar popolari kien, ‘Stella Maris’, il-Kewkba tal-Baħar. Fi żmien ir-Rinaxximent permezz ta’ Studju Lhudi, saret kritika assenjata mal-ismijiet mogħtija lill-Verġni Marija, bil-ħsieb li tingħata stima aktar qawwija. Miryãm deher li kien l-isem ġenwin bil-Lhudi, u ma nstabet l-ebda raġuni valida, li permezz ta’ dan l-isem Lhudi titbaxxa l-awtorità sovrana tagħha. Għalhekk Marija tieħu l-virtù tas-sovranità mingħand Binha li għandu l-awtorità bħala Sid id-dinja. Bħal ma ngħidu li Ġesù hu l-Mulej, hekk ukoll insejħu lil Marija, ‘Is-Sinjura Tagħna’. Kull darba li nlissnu l-isem tagħha naffermaw il-qawwa tagħha, nitolbu l-għajnuna tagħha u npoġġu lilna nfusna taħt il-protezzjoni tagħha.

X’jgħidu l-qaddisin fuq l-isem tal-Imqaddsa Verġni Marija:

  • “L-Isem ta’ Marija fih il-leqqitur tal-virtujiet, id-dawl ħelu tal-modestja u s-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla. Huwa s-sinjal tal-ospitalità u ċ-ċentru tal-qdusija.” ~ San Franġisk Saverju
  • “Imberkin dawk li jgħożżu l-Isem ta’ Marija. L-għajnuna tagħha żżommhom fis-siegħa tal-prova u huma jġibu l-frott tas-salvazzjoni.” ~ Sant’Antnin ta’ Padova
  • “M’hemmx isem ieħor, wara dak tal-Iben, kemm fil-ġenna kif ukoll fl-art, minn fejn imħuħ devoti qalgħu daqshekk grazzji, tama u ħlewwa, mill-isem tal-Verġni Marija.” ~ Abbati Francone
  • “Tkun kemm tkun il-qalb iebsa u b’nuqqas ta’ fiduċja, l-isem tal-Imqaddsa Verġni Marija għandu tant qawwa, li jekk biss jingħad, dik il-qalb tirtab.” ~ Beatu Rajmondu Jordano
  • “L-isem tiegħek, O Omm Alla, hu mimli bil-grazzji u l-barkiet divini.” ~ San Metodju
  • “L-isem tiegħek, O Marija, ma jistax jitlissen mingħajr ma jaqla’ xi grazzja lil dak li jkun semma’ dan l-isem bl-akbar devozzjoni.” ~ San Bonaventura
  • “M’hemm l-ebda qawwa f’isem, lanqas hemm xi isem ieħor mogħti lill-bniedem, wara dak ta’ Ġesù, li minnu ħarġet is-salvazzjoni tal-bnedmin, daqs l-isem ta’ Marija … li d-devozzjoni lejn dan l-isem ħlejju u qaddis twassal għall-abbundanza ta’ grazzji f’din il-ħajja, u glorja qawwija għall-ħajja li jmiss.” ~ San Rikardu ta’ San Lawrenz
  • “O Marija, agħmel li ismek ikun dejjem miegħi fil-perikli, fid-dwejjaq, kif ukoll fil-ferħ.” ~ Sant’Anselmu

ĦsiebSan Ġwann Battista De La Salle (Med. 164, l-1 punt) jgħid hekk dwar din il-festa tal-lum:

“Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-isem imbierek u mqaddes tal-Madonna biex tgħallimna kemm hu utli u ta’ benefiċċju għalina li ninvokaw l-isem tagħha fil-ħajja tagħna, b’mod speċjali f’mumenti tal-aktar bżonn. L-isem ta’ Marija, li bih nonoraw lill-Verġni Mbierka, ifisser ‘Kewkba tal-Baħar.’ San Bernard, jgħidilna li dan l-isem jmur tajjeb ħafna mal-persuna tal-Madonna, għaliex hija tabilħaqq l-istilla li ddawwalna, tiggwidana, u twassalna sal-port mixtieq, fost il-maltemp ta’ din il-ħajja.

Din il-Verġni mqaddsa, jgħid l-istess qaddis, hija għalina l-istilla li telgħet minn Ġakobb, li r-raġġ tagħha, li hu Ġesù Kristu, idawwal id-dinja kollha, għax hi nislitu fil-ġuf verġinali tagħha bħal stilla li tibgħat ir-raġġi safja tagħha u ddawwal id-dinja kollha, kif jispjega San Bernard, wara dak li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Marija hi din l-istilla safja u brillanti, jgħid San Bernard, li tiddi fuq dan il-baħar kbir u spazjuż, bid-dawl tal-merti tagħha, u tilluminana bl-eżempju tagħha.

Huwa mingħajr dubju, li inti għandek bżonn tad-dawl f’ħajtek, fejn kontinwament qed titqabad f’baħar fil-maltemp, bir-riskju li ma’ ssalvax! Għalhekk, irrikorri għand Marija. Hi ddawwlek u tgħinnek tagħraf ir-rieda t’Alla għalik, għaliex hi magħquda mal-istess dawl ta’ Ġesù Kristu, Binha, li ġie fid-dinja biex idawwal lil kulħadd (anke jekk ħafna ma għarfuhx). Marija hija id-dawl jiddi fid-dlam. Għalhekk għandek titlobha spiss, biex hija ddawwal lil moħħok u tagħmel li inti tilqa’ l-Verità. Peress li hija taf il-Verità sħiħa b’mod perfett, huwa faċli għaliha li twasslek għal din il-Verità u tfissirlek, int li tinsab fid-dlam, dak li ma tistax tifhem waħdek.”

Jgħidilna wkoll:

“It-triq li trid timxi fiha f’din il-ħajja tant hi perikoluża, li għandek bżonn gwida biex tgħaddi minnha fost ħafna perikli. Ma jistax ikollok gwida aqwa mill-Verġni Mqaddsa, għax hija l-aktar pura minn ġewwa u minn barra, għax il-qaddisin isejħulha t-teżoriera tal-grazzji li Alla ta lilha biex hi taqsamhom magħna, u għaliex hija taf it-toroq kollha u l-mezzi biex iżżommok fiż-żgur f’nofs il-perikli li tiltaqa’ magħhom. Din hija r-raġuni għaliex huwa l-iktar vantaġġuż għalik li tħalli lilek innifsek tiġi ggwidat/a minnha, għaliex, kif jgħid San Bernard, meta nimxu warajha, ma nistgħux nintilfu; meta naħsbu fuqha, ma nistgħux nitbgħedu mit-triq it-tajba; meta nitolbu lilha, ma nistgħu qatt niddispraw għax ma naslux fil-post mixtieq; meta hi tipproteġina, aħna ma nibżgħu minn xejn, u meta hija tiggwidana, qatt ma naqtgħu qalbna.

Fil-perikli u fil-mogħdijiet dojoq u perikolużi, aħseb f’Marija. Invoka l-isem mqaddes tagħha, u f’daqqa waħda ssib faraġ u ħelsien fil-problemi kollha tiegħek. Oh, kemm tkun hieni, jekk tiddedika lilek innifsek lill-Verġni Mbierka, u jkollok rikors faċli għall-isem imqaddes tagħha u b’din l-invokazzjoni tkun fiż-żgur f’nofs il-problemi kollha ta’ dan il-vjaġġ daqshekk diffiċli!

  • Kemm jien devot tassew ta’ din l-Omm tiegħi tas-Sema?
  • Min jaf li kieku nikkonsagra lili nnifsi lilha u nħalliha ddawwalli t-triq li twassalni għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku nfittex nitgħallem dwar kif nista’ ngħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqli Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Talba: O Alla li tista’ kollox, int tilqa’ bil-qalb lill-qaddejja tiegħek li bil-ħerqa jpoġġu lilhom infushom taħt id-dell tal-isem u tal-protezzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħtina, li bl-interċessjoni tagħha kollha mħabba għalina, aħna nkunu mħarsa mill-perikli u l-ħażen ta’ din id-dinja, hekk li naslu fil-ferħ tas-Sema magħkom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.themostholyrosary.com/appendix8.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/The_Most_Holy_Name_of_the_Blessed_Virgin_Mary

Additional Reading: http://catholicstraightanswers.com/what-is-the-origin-of-the-feast-of-the-most-holy-name-of-mary-september-12th/

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.