13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

27 ta’ Lulju: Beatu Titu Brandsma

Verżjoni Vidjo: Beatu Titu Brandsma

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek Mulej u mhux tiegħi.” – Il-Beatu Titu Brandsma qal dan meta kien qed jiġi ttorturat, ftit qabel ma qatluh.

TBrandsma_01BEATU TITU BRANDSMA
Presbiteru u Martri
1881 – 1942

Ċempila kbira tal-qanpiena tal-bieb ħasdet il-kunvent kollu tal-Karmelitani ta’ Nejmegen fl-Olanda. Malli fetħu l-bieb, daħlu żewġ pulizija tal-Gestapo. “Irriduh,” qalu “lill-Professur Patri Titu Brandsma.” “Hawn jien,” weġibhom Patri Titu, li kien għadu kif jasal minn vjaġġ mal-Olanda kollha, li kien għamel bl-ordni tal-Arċisqof ta’ Utrecht. “Trid tiġį magħna minnufih,” reġgħu qalulu, “Imma qabel irridu nagħmlu tfittxija sewwa fil-kamra tiegħek.” U kif qalu għamlu.

Fittxew u qallbu ta’ taħt fuq il-kamra, kollha. Imlew bagalja bil-karti u ħadu lil Titu magħhom. Huma u ħerġin mill-kunvent, laħqu nġabru l-patrijiet kollha bid-dmugħ f’għajnejhom. Ħadilhom b’idejhom. Talab għarkupptejh il-barka tal-Pirjol, u bi tbissima fuq fommu qalilhom: “Ftakru fija.” Kienet il-lejla tad-9 ta’ Jannar 1942, il-bidu ta’ tbatijiet ħorox li kellhom iwasslu għall-martirju.

Patri Titu kien twieled fl-1881 f’Ugokloster, il-kbir fost disat aħwa, li ħamsa minnhom saru reliġjużi. Minn ċkunitu kien marradi, irqiq u tant kien qasir li kienu jgħidulu “It-Tikka.” Missieru kellu bżonnu biex igħinu fir-raba’ li kellu, imma malli kellu tnax-il sena Titu ried ikompli jistudja biex isir saċerdot. Fl-iskola kellu suċċessi sbieħ fl-istorja, l-Latin u l-poeżija.

Ta’ sbatax-il sena daħal Karmelitan f’Boxmeer. Saħħtu dejjem kienet ta’ tfixkil għalih, imma qatt ma ried jerġa’ lura mill-ħsieb qaddis tiegħu li jkun ta’ Alla biss. Meta kellu jibqa’ magħluq fil-kamra għal xi żmien minħabba l-marda li kellu, kiteb ktieb ta’ 300 paġna fuq l-opri ta’ Santa Tereża.

Fl-istudju tal-filosofija ħa interess kbir u kien iħobb jaqra u jisma’ fuq il-Karmelitani li f’dak iż-żmien kienu jagħmlu isem fl-Ordni Karmelitan, fosthom il-Professur Malti Patri Anastas Cuschieri. Għalkemm student fdawlu f’idejh it-tmexxija tar-rivista Karmelitana “Batista Mantovanus” li wara ħadet l-isem ta’ “Vanhederlands Carmel.” Sar saċerdot ta’ erbgħa u għoxrin sena u fil-pront intbagħat Ruma, fejn wara ħafna sagrifiċċji ħa d-Dottorat tat-Teoloġija. Malli reġa’ lura l-Olanda, ta ruħu għall-ġurnaliżmu. Għen fit-twaqqif ta’ gazzetta Kattolika u ta’ rivista oħra Karmelitana “Carmelrozen” fl-istess waqt li kien jgħallem l-istudenti Karmelitani.

Patri Titu kellu ħeġġa tal-għaġeb. Fetaħ skola tal-kummerċ, u f’Oldenzaal skola tal-arti. Kiteb ħafna kotba storiċi, filosofiċi, u beda jaqleb għall-Olandiż l-Oprį ta’ Santa Tereża. Kien dejjem iżur il-morda, jilqa’ lil kulħadd, mingħajr qatt ma jitlef it-tbissima minn fommu. Ħadem ferm għall-gazzetta Kattolika “Il-Belt ta’ Oss” u beda t-twaqqif ta’ biblijoteka pubblika li llum iġġib ismu. Kien iħobb ferm il-missjonijiet. Mar il-Brażil u xtaq li jkun missjunarju fl-Indonesja.

Fl-1923, inħatar Professur tal-Filosofija fl-Università Kattolika ta’ Nejmegen, u disa’ snin wara għażluh bħala Rettur tal-istess Università, li mexxieha ferm ‘il quddiem; kollox għall-ġieħ ta’ Alla u ta’ pajjiżu li kien iħobb ferm. Waqqaf fl-istess Università istitut fuq il-mistika Olandiża, u kien jagħmel wiċċu jittallab biex ikollu boroż ta’ studju għall-istudenti fqar. Patri Titu kien devot ferm tal-Madonna. Irnexxielu jiftaħ Kunvent tal-Karmelitani f’Nejmegen, minn fejn wara ġie arrestat. Kiseb u irranġa l-Knisja tal-Karmnu f’Magonza. Ħareġ ktieb fuq il-Mistiċiżmu Karmelitan li jsaħħar lil min jaqrah.

Minn żgħożitu kien iħobb il-faqar u kien jistmerr in-nuqqas ta’ ħaqq. Kiteb bl-aħrax kontra n-Nażismu li kien jaħqar il-Lhud, u kontra, s-Soċjaliżmu Nażista li ma kienx jaf x’inhu ħaqq. Billi fl-Olanda kien hemm ħamsa u għoxrin ġurnal Kattoliku li kienu jilħqu kważi kull familja Kattolika, l-Arċisqof De Jong ħaseb biex ħatar lil Patri Titu bħala l-Konsulent Ekklesjastiku għall-ġurnali kollha Kattoliċi tal-Olanda u bħala ċensur tal-“Gelderenger” ta’ Nejmegen.

Kollox kien miexi sewwa, imma meta n-Nażisti daħlu fl-Olanda, riedu kollox taħt idejhom u kif iridu huma. Ġagħlu lill-gazzetti Kattoliċi jxandru aħbarijiet u dikjarazzjonijiet li l-Arċisqof De Jong u Patri Titu dehrilhom li huma kontra s-sewwa u kontra l-ħaqq. Patri Titu kien igħid: “Il-gazzetta Kattolika hija l-ewwel pulptu, barra mill-knisja.” Għalhekk bil-parir tal-Arċisqof De Jong bagħat ċirkulari lill-gazzetti Kattoliċi kollha biex ma jxandru xejn kontra t-tagħlim tal-Knisja. Patri Titu ġie mwissi mill-pulizija imma għalxejn. Is-sewwa ma jċedi lil ħadd. Ħbiebu ħajruh jistaħba, imma Patri Titu kien jibża’ minn Alla biss. Meta dehrilhom il-pulizija Nażista arrestaw lil Patri Titu, fejn qalulu ċar u tond li l-ħtija tiegħu kienet li ried jobdi lill-Arċisqof u mhux lilhom.

Kien mibgħut l-ewwel fil-ħabs ta’ Skeveningen. Kien f’ċella waħdu jitlob u jikteb fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża u għalih kienet ta’ faraġ kbir. Wara xahrejn intbagħat f’ħabs ieħor u fl-aħħar f’Dachau, fejn neħħewlu u ħadulu kulma kellu, kuruna, brevjar u l-ħwejjeġ, u libbsuh ta’ ħabsi bin-numru 30491. Fil-ħabs ma kien jilminta qatt, dejjem ifittex li jfarraġ u jgħin lil kulħadd. F’Dachau fost tant priġunieri oħra, l-aktar qassisin Pollakki, iltaqa’ ma’ Karmelitan, Fra Rafel Tijhuis, li waqaf ħafna ma’ Patri Titu meta dan kien ikun imsawwat bis-saqajn u bil-frosta mill-gwardjani.

Patri Titu kellu ħsiebu dejjem f’Alla. Kien iħobb igħid “Ġesù ftakar li qiegħed waħdi miegħek. Qatt ma kont hekk qrib tiegħek f’ħajti. Ibqa’ dejjem miegħi.” Imma saħħtu ma kinitx tiflaħ għan-nuqqas ta’ ikel, xogħol iebes u swat. Darba f’ġurnata ta’ xita qawwija ġie mixħut b’daqqa ta’ sieq f’għadira tajn. Dam hemm erba’ sigħat, bla ma ħadd seta’ jgħinu. Il-faraġ waħdieni tiegħu kien meta Fra Rafel Tijhuis kien jirnexxielu jġiblu bil-moħbi lil Ġesù Ewkaristija mingħand xi saċerdot Tedesk. L-istess Rafel Tijhuis ma felaħx jara lil Patri Titu jbati bil-mard li kellu. Għamel kuraġġ u mar sab il-Profs. tal-kamp li qallu biex iġiblu lil Patri Titu. Kif Patri Titu daħal fil-klinika, it-tabib bagħat lil Fra Rafel ‘il barra, u kif soltu kienu jagħmlu lill-priġunieri lil Patri Titu tawh l-injezzjoni “tal-grazzja,” jiġifieri tal-mewt.

Miet fis-26 ta’ Lulju, 1942. Lill-infermiera li tagħtu l-injezzjoni bl-aċidu karboliku ta l-kuruna tar-rużarju tiegħu li kien għamel b’xi “imbarazz” li sab fil-ħabs. “Ma nitlobx, ma nafx nitlob,” qaltlu l-infermiera meta ta l-kuruna. “Tibżax biżżejjed jekk tgħid biss fuq kull żibġa, itlob għalina midinbin,” qallha Titu Brandsma”. “Jiena nibqa nitlob għalik.” kompla jgħidilha. Dan ħareġ fix-xhieda l-infermiera tat waqt il-kawża tal-Beatifikazzjoni. L-infermiera tgħid li bis-saħħa ta’ dan hija reġgħet bdiet tipprattika l-fidi Nisranija.

Patri Titu Brandsma kien beatifikat mill-Papa Qaddis Ġwann Pawlu II fit-3 ta’ Novembru, 1985. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Il-fdalijiet tal-Beatu Titu Brandsma flimkien mal-kitbiet tiegħu kienu maħruqa fil-kamp ta’ konċentrament u taru mar-riħ, imma xhieda tiegħu daqshekk b’saħħitha u ħajja tagħmlu l-vera protettur modern tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Ħsieb: IT-TRIQ TAS-SALIB – Bi ħsibijiet tal-Beatu Titu Brandsma O.Carm:

1. Ġesù kkundannat għall-mewt ~ O Ġesù, il-poplu li f’nofsu għaddejt tagħmel il-ġid, ħallas l-imħabba tiegħek bl- ingratitudni u bl-inġustizzja, u għajjat: “Sallbu!” Imma int sofrejt aktar meta Pilatu, bl-iskuża li ried jagħmel ħaqq – bħallikieku hu kien innoċenti jew li ma seta’ jagħmel xejn quddiem dik l-għajta – minkejja li ddikjara li ma sab fik ebda ħtija, ikkundannak għall-mewt l-aktar kiefra u ta’ mistħija: dik tas-salib. Imma inti batejt u bqajt sieket. O Marija, dik l-għajta kiefra tal-poplu u dik is-sentenza inġusta ta’ Pilatu nifdulek qalbek bħal sejf ta’ niket. Imma int ukoll, bħal Ibnek Ġesù, bqajt tbati fis-skiet.

2. Ġesù mġiegħel jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’kuraġġ hemm moħbi quddiem it-tbatija u fit-tgħanniqa tiegħek mas- Salib, li b’kefrija qegħdulek fuq spallejk biex fuqu jsammruk u joqtluk! Inti għannaqtu għall-imħabba tiegħek lejja, biex hekk tpatti għal dnubieti u ttaffi t-tbatijiet tiegħi. O Marija, x’għafsa ta’ qalb ħassejt, meta s-salib tqil u tal-biża’ tqiegħed fuq spallejn Ibnek.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba taħt is-salib ~ O Ġesù, quddiem id-dgħufija tagħna, u mifnija mid-diżgrazzji li jkidduna, inti ridt tagħtina eżempju ta’ kuraġġ. X’umiljazzjoni kellha tkun għalik, is-Sid tas-sema u l-art, li ma kontx kapaċi ġġorr salibek bi kburija u b’qawwa, imma li taqa’ tul it-triq. O Marija, min jaf xi tbatija ħassejt, meta rajt lil Ibnek hekk umiljat, li jċedi taħt is-salib. Kemm batejt meta rajt li ħadd ma għenu, minflok qajmuh bl-herra u ġagħluh jieħu mill-ġdid fuq spallejh is-salib!

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima ~ O Ġesù, x’dulur kiefer ieħor ġarrabt meta bla ma ridt, kellek tħalli lill-għażiża Ommok taqsam miegħek it-tbatijiet, li int aċċettajt minħabba fina. Min jaf kemm xtaqt teħlisha minn dawn id-duluri ġodda. Imma dawn kellhom iservu għall-qdusija u l-glorja tagħha: u ridt li jkunu sinjal għal Ġwanni u għalina biex nersqu lejk, l-Imgħallem divin tagħna. O Marija, għalkemm kien diffiċli għalik, imħabbtek ġagħlitek timxi l-istess triq tas-salib li għadda minnha Ibnek, u mħabbtek kaxkret magħha lil Ġwanni wkoll.

5. Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’dulur u x’umiljazzjoni, li wieħed barrani kien imġiegħel jgħinek, filwaqt li dawk li jħobbuk, bħalma kien Ġwanni – li żgur, kieku seta’, kien lest li jġorr is-salib tiegħek – ma tħallewx jersqu lejk! Lil min nixbah jien, lil Xmun jew lil Ġwanni? O Marija, kemm tbatija kellek iġġarrab meta s-suldati, bl-għan li jaraw lil Ibnek jasal ħaj sa fuq is-salib, m’aċċettawx l-għajnuna ta’ dixxiplu, iżda ġagħlu jgħinu wieħed barrani.

6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù ~ O Ġesù, x’ġentilezza wrejt tul it-triq tas-salib, meta bħala tifkira ta’ tbatijietek inti stampajt il-Wiċċ divin tiegħek fuq il-velu li bih il-mara twajba naddfet lill-Wiċċ qaddis tiegħek. Jalla din ix-xbieha tibqa’ mnaqqxa f’moħħi, biex dejjem inżomm quddiem għajnejja t-tbatijiet tiegħek bħala eżempju. O Marija, x’teżor kellu jkun għalik dan il-velu mqaddes! B’liema ħniena inti kkontemplajtu, u x’kuraġġ u x’qawwa tatek din it-tifkira tat-tbatijiet ta’ Ibnek.

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib ~ O Ġesù, ma kienx biżżejjed għall-għedewwa tiegħek li taħt it-toqol tas-salib inti taqa’ darba biss, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejk bi tmaqdir fin-nuqqas ta’ ħila tiegħek. O Marija, kemm qsim il-qalb għan-nuqqas ta’ għajnuna murija ma’ Ibnek l-għażiż. Żgur li ħarist madwarek, biex tara jekk xi ħadd riedx jieħu fuq spallejh it-toqol kbir tas-salib, u bħaċ-Ċirinew, titolbu jerfa’ l-piż kollu.

8. Ġesù jitkellem ma’ wlied Ġerusalemm ~ O Ġesù, il-kliem li inti għedt lin-nisa li tħassruk tul it-triq tas-salib, tgħidu lili wkoll: “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom, għaliex jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk aħdar, x’sejjer jiġri miz-zokk niexef?” Qed niftakar ukoll il-kliem l-ieħor: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-sema, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-sema.” Mhux biżżejjed li jien nitħassar it-tbatijiet tiegħek, jeħtieġ ukoll nieħu sehem miegħek, u b’qalb ġeneruża naċċetta minn idejk in-niket u l-provi li inti tibgħatli, u nġorrhom f’għaqda sħiħa miegħek. Inti d-dielja, aħna l-friegħi: jekk ma nibqgħux magħqudin Miegħek, ninxfu u ma nkunu niswew għal xejn. O Marija, inti mhux biss urejt ħniena, imma mxejt ma’ Ibnek it-triq kollha tas-salib: ħu lili wkoll miegħek.

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba ~ O Ġesù, bit-tliet waqgħat tiegħek taħt is-salib, inti ridt tpatti għat-tliet ċaħdiet tal-appostlu tiegħek, li kien jaħseb li huwa qawwi, u għall-waqgħat imtennija tagħna fid-dnub. Inti wrejtna wkoll li wżajt il-ftit saħħa li kien baqagħlek biex tasal sal-quċċata tal-għolja tal-martirju. Fis-salib, u fit-tbatijiet li tibgħatilna, int tgħallimna nagħmlu ħilitna kollha ħalli naqdu d-dmirijiet li l-ħniena tiegħek fdatilna f’idejna, u biex kull darba li aħna naqtgħu qalbna u nogħtru, inħarsu lejn il-waqgħat tiegħek taħt is-salib u minnhom nieħdu l-qawwa li jkollna bżonn. O Marija, int kont xhieda ta’ kif Ibnek uża sal-aħħar ħiltu kollha; għinna nħarsu lejh meta t-twettiq tad-dmirijiet ta’ ħajjitna jsiru tqal wisq biex inġorruhom.

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu ~ O Ġesù, kif irnexxielek tixrob il-kalċi tat-tbatija sal-qiegħ, b’rieda sħiħa li tkun mislub mal-għuda iebsa tas-Salib, imneżża’ minn kollox! Għażilt il-kalċi tal- morr u warrabt ix-xarba li riedu jagħtuk biex itaffulek it-tbatijiet. O Marija, żgur li qalbek kienet mimlija b’qawwa speċjali fit-tbatija tiegħek ma’ Ibnek, filwaqt li rajtu mneżża’ minn ħwejġu kollha, jirrifjuta x-xorb li bih seta’ jnaqqas is-sensibilità tiegħu għall-uġigħ. Kemm kien qawwi għalik dan l-eżempju biex quddiem din il-kefrija kollha inti tibqa’ magħquda miegħu.

11. Ġesù msammar mas-salib ~ O Ġesù, kellha tkun ħaġa tassew tal-biża’ għalik li tkun mislub mal-għuda tas-salib bl-imsiemer hekk ħorox, biex imdendel minn dawn il-feriti, tmut bil-mod il-mod. O Marija, is-sejf tad-dulur imħabbar minn Xmun nifidlek qalbek, l-aktar meta smajt id-daqqiet kiefra tal-martell, li bihom il-qattiela nifdu l-idejn u r-riġlejn tal-Iben divin tiegħek u waħħluh mas-salib.

12. Ġesù jmut fuq is-salib ~ O Ġesù, għalina huwa misteru li ma nistgħux nifhmuh, kif inti, fi tmiem il-ħidma tiegħek, ridt tmut għalina u tidħol fis-saltna tal-mewt bħallikieku l-missjoni kollha tiegħek kienet falliment, bħallikieku ħajtek kollha kienet bla fejda, hekk li fid-deher kienet rebħa għall-għedewwa tiegħek. O Marija, min jaf x’ħassejt meta rajt it-tmiem tal-missjoni ta’ Ibnek, li tarah imut quddiem għajnejk bl-aktar mewta kiefra u ta’ mistħija, ukoll jekk il-fidi tiegħek kienet tgħidlek il-kuntrarju: li Huwa kellu jirbħilna l-ħajja mill-ġdid proprju permezz ta’ din it-triq.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib ~ O Ġesù, x’eżempju tajt lil Ommok wara mewtek, meta ħallejt il-ġisem mejjet tiegħek jitqiegħed fi ħdanha. Dan kellu jżidilha d-dulur tagħha u wkoll jagħmilha ħaġa waħda mad-dulur u t-tbatijiet tiegħek, imma fl-istess ħin Inti mlejtha bil-qawwa tiegħek biex imbagħad tkun tista’ tagħmilha ‘Sultana tal-Martri.’ O Marija, Omm tad-duluri, meta l-Knisja tikkontemplak bil-ġisem ta’ Ġesù fi ħdanek, tpoġġi fuq fommok dawn il-kelmiet: “O intom, li għaddejjin minn hawn, araw jekk hemmx dulur bħal tiegħi!” Għallimni nikkontempla miegħek il-Ġisem ta’ Ibnek divin, biex magħkom inġorr it-tbatijiet tiegħi.

14. Ġesù mqiegħed fil-qabar * ~ Ġesù, kull meta nħares lejk inħoss li tħobbni, li tqisni l-egħżeż fost il-ħbieb, u nħoss li nħobbok bħala l-akbar ġid li għandi. Jien naf, Mulej, li mħabbtek titlob kuraġġ u tbatija, iżda t-tbatija hi t-triq waħdanija li twassal fid-dija tal-glorja tiegħek. Mulej, jekk f’qalbi niket jiżdied ma’ niket inqisu rigal sabiħ tiegħek, għaliex jagħmilni nixbhek u jgħaqqadni miegħek. Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa; m’għandi bżonn ħadd ħliefek, ma nibżax noqgħod waħdi għaliex, Int, ħdejja. Ibqa’ hawn, Ġesù, tħallinix waħdi; kull fejn tgħix Int, Mulej, kollox ħafif … kollox sabiħ!

* Il-Beatu Titu Brandsma kien maqtul qabel temm jikteb din il-Via Sagra. Minflok ħsieb bħal fl-istazzjonijiet l-oħrajn, għandna t-talba “Quddiem xbieha ta’ Ġesù fiċ-ċella tiegħi” li huwa stess kiteb fil-ħabs ta’ Scheveningen nhar it- 12 ta’ Frar, 1942.

Talba: O Alla ħanin li tista’ kollox, int li fdejtna bil-passjoni mqaddsa ta’ Ibnek Ġesù Kristu, għoġbok li tgħaqqad mas-sofferenzi tiegħu, is-sofferenzi tal-Beatu Titu Brandsma; żomm sħiħa fina l-opra tal-ħniena tiegħek biex ngħixu dejjem fidili lejk u aħna wkoll ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma ta’ Ibnek lill-Għażiż għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-titus-brandsma-priest-and-martyr-m

Alternative Reading: http://carmelnet.org/brandsma/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Titus_Brandsma

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit: fleurdelysmalta.parish

25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: ‘Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek.’ Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: ‘Ma tafux x’intom titolbu;’ jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?’ Qalilhom: ‘Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli.’

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: ‘Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?’ Mela kif staqsiehom? ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi?’ Imbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: ‘Li se nixrob jien,’ biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: ‘Għandna ħila.’ Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: ‘Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.’ L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġà għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.”

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Lulju: Santa Margerita, martri

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita, martri

“Mela allura ma qlibtx il-folji ta’ wara fejn jingħad ukoll li dan Ġesù qam mill-mewt u ħareġ rebbieħ mill-qabar?” – Santa Margerita lill-Imħallef.

St. Margaret.jpgSANTA MARGERITA
Verġni u Martri

Tagħrif: Illum issir it-tifkira ta’ Santa Margerita (jew Marina) verġni u martri.

Jingħad li din kienet bint qassis pagan minn Antjojka tal-Pisidja u li kienet konvertita minn mara nisranija li rabbietha flok ommha.

Mietet martri taħt l-imperatur Djoklezjanu.

Jingħad li meta kienet qed tiġi interrogata dwar it-twemmin tagħha, l-imħallef qalilha li tfajla intelliġenti bħalha ma kienx jixirqilha tadura lil Ġesù li miet imsallab. Il-qaddisa staqsietu kif kien jaf li Ġesù miet imsallab, u, meta l-imħallef weġibha li l-kotba tal-insara stess fl-evanġelji kienu jgħidu dan, il-qaddisa kienet pronta weġbitu: “Mela allura ma qlibtx il-folji ta’ wara fejn jingħad ukoll li dan Ġesù qam mill-mewt u ħareġ rebbieħ mill-qabar?”

Santa Margerita hija waħda mill-14-il qaddis awżiljatur, u hi msejħa kontra l-mard tal-kliewi. Hija wkoll il-Patruna li tipproteġi lin-nisa u lit-tarbija waqt it-tqala u l-ħlas.

F’Għawdex il-parroċċa tas-Sannat hi ddedikata lil din il-qaddisa. Tinsab miqjuma wkoll fil-monasteru tat-Tereżjani f’Bormla u knejjes żgħar dedikati lilha nsibuhom fis-Siġġiewi, il-Mosta u Għajn Riħana.

Ħsieb: Il-mara li rabbiet lil Santa Margerita minflok ommha (għax ommha mietet meta Margerita kienet għadha tarbija), kienet Nisranija. Din tellgħet liċ-ċkejkna Margerita fir-reliġjon Nisranija bil-moħbi. Margerita trawmet fil-fidi Nisranija u meta kibret offriet lilha nnifsha u l-verġinità  tagħha lil Alla. Meta missierha sema’ b’dan ma riedx jaf aktar biha u għalhekk baqgħet tgħix ma’ din il-mara twajba li kienet qed trabbiha.

Ġurnata waħda waqt li kienet qed tirgħa l-merħla fl-għelieqi, lemaħha wieħed Ruman jismu Olbyrus, li miġbud lejn is-sbuħija tagħha, xtaqha u riedha għalih. Iżda hi ma ridetx taf bih għax kienet wegħdet il-verġinità tagħha lil Alla. Olbyrus inkorla bil-kbir għal Margerita u ħadha quddiem l-awtoritajiet f’Antijokja u akkużaha li kienet Nisranija.

Għalkemm Margerita ġiet mhedda bil-mewt jekk ma tiċħadx il-fidi tagħha, din ix-xbejba qaddisa baqgħet soda fil-fidi. Hawnhekk għaddewha minn ħafna torturi biex jippruvaw ibbidlulha fehmietha. L-ewwel ippruvaw jaħarquha imma ma ġralha xejn. Imbagħad rabtulha jdejha u saqajha u tefgħuha f’kaldarun bl-ilma jagħli, imma t-talb tagħha instama’ għal darb’oħra għax il-ħbula nħallu u hi ma ġralha xejn. Fl-aħħar ġie ordnat li tinqatgħalha rasha – din id-darba kisbet li riedet u mietet bħala martri. Jingħad li l-martirju tagħha seħħ fis-sena 304 WK, fl-eqqel tal-persekuzzjoni.

“Li timxi wara Ġesù jinvolvi ħafna sogru – xi drabi saħansitra ħajtek stess. Il-martri huma nies li jippreferu jieħdu r-riskju tal-mewt milli jġarrfu s-sisien tal-ħajja kollha tagħhom: il-fidi f’Ġesù Kristu. Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jħalli din id-dinja – il-prosekuturi u dawk l-ippersegwitati. Il-mistoqsija hi, x’kuxjenza ser iressaq kull wieħed quddiem il-Mulej fil-ġudizzju? Waqt li niftakru fix-xhieda li wrew il-martri tal-bieraħ u tal-lum, ninkuraġġixxu ruħna biex nimxu wara Ġesù billi nagħmlu sagrifiċċji żgħar.” Leonard Foley OFM – Saint of the Day

Talba: Talba għal waqt it-Tqala u l-Ħlas:

Mulej, Missier tagħna, b’ferħ kbir sirna nafu li nibtet fostna ħajja ġdida. Nirringrazzjawk ta’ dan ir-rigal tal-għaġeb li bih tajtna sehem miegħek fil-ħolqien ta’ din il-kreatura ġdida. Inti taf kemm ngħaddu minn biża’ u qtiegħ il-qalb matul iż-żmien li fih qegħdin nistennew din it-tarbija.

Nitolbuk għalhekk, żomm taħt il-ħarsien tiegħek din il-ħajja ċkejkna u delikata, f’dan il-ġisem u ruħ, moħbija fil-ġuf, sabiex tasal għad-dawl tad-dinja qawwija u sħiħa. Aħna rridu nagħtuha twelid ieħor fil-Magħmudija, biex tkun ħaġa waħda miegħek u kollha tiegħek.

Marija Omm Alla, aħna nafdaw din it-tarbija lill-qalb tiegħek ta’ Omm. Santa Margerita Verġni u Martri, protettriċi tan-nisa waqt il-ħlas, idħol għalina f’dan il-mument diffiċli. Ammen.

English Version: http://www.catholictradition.org/Saints/saints7-11.htm

Alternative Reading: http://catholicharboroffaithandmorals.com/St.%20Margaret.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_the_Virgin

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Lulju: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

Verżjoni Vidjo: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

“Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla.” ~ Il-Beata Julia Louise (waħda mill-martri)

7_17_Blessed_Martyrs_Compiegne-e1531805914678BEATA TEREŻA TA’ SANTU WISTIN U SĦABHA
Verġni u Martri
†1794

Tagħrif: Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-16-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma tas-sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja.

Fl-24 ta’ Ġunju, 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ tal-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom f’idejn Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla.

Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuża, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija.

Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża fi jdejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.

Ħsieb: Ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet fl-1789. Is-sorjijiet ta’ Compiegne, ġew iddikjarati lajċi: ma jistgħux jilbsu ta’ sorijiet, il-proprjetà tagħhom ġiet sekwestrata u ġew mkeċċijin mill-kunvent. Inqasmu f’erba’ gruppi u alloġġjati f’dar għal kull grupp, qrib il-Knisja ta’ Sant’Antnin. Għexu kif setgħu r-regola u l-ħajja flimkien.

Fl-1794, is-sorijiet ġew arrestati u meħudin f’Pariġi u ttrattati b’mod brutali u oxxen, neżżgħuhom mill-ilbies tagħhom u libbsuhom biċċa xkora. Ħaduhom quddiem tliet imħallfin u l-prosekutur kien Fouquier Thinvile. Ma tħallewx li jkollhom min jiddefendihom.

Ġew akkużati li kienu fanatiċi. L-akkużi kienu kollha bla provi u infantili. Swor Marie-Henrietta staqsietu x’ried jgħid biha l-kelma “fanatiċi”. Fouquier Thinville wieġeb: “Moħħkom ta’ tfal temmnu fil-ħmerijiet u għandkom użanzi redikoli.” Daħlet ħdejn sħabha u qaltilhom: “Qed tisimgħuh, għax qed ngħixu r-Reliġjon Nisranija, għandna x-xorti li ser immutu għal Alla.”

Rikkbuhom fuq karrettun għal post fejn kellhom jirċievu l-giljottina, fost it-tgħajjir u ż-żuffjett tan-nies. Matul il-vjaġġ li ħa aktar minn siegħa, is-sorijiet kantaw is-Salm 51 (Miserere), is-Salve Reġina, it-Te Deum u talb tal-agonizzanti.

L-imġiba tagħhom għaġġbet kemm lin-nies u l-uffiċjali li kienu miġburin hemmhekk jarawhom telgħin waħda wara l-oħra, jitolbu għal fuq il-ġatiblu tal-forka. Telgħu u bdew miż-żgħira l-ewwel u s-superjura l-aħħar. Kienu 16-il soru. Il-ġisem tagħhom ġie mitfugħ mill-ewwel ġo fossa flimkien mal-1282 martri oħra, kollha vittmi tat-terrur.

Dawn in-nisa kienu:

  • Il-prijura, Swor M. Tereża Madaleine Ladoine li kellha 42 sena, karattru ħelu, fuq tagħha, edukata ħafna u mara mżejna b’kull virtù.
  • Is-sotto prijura, Swor Sanit-Louis (Mary Anne Brideau), mara ta’ fommha sieket u kienet metikuluża ħafna fil-qadi ta’ dmirijietha u r-regola.
  • Il-Beata Charlotte (Mary Anne Thouret) li meta kienet tifla qatt ma kellha l-idea li tidħol soru. Ta’ 20 sena sabet ruħha f’inċident li ma nafux x’kien, li kien kaġun li daħlet soru. Batiet ħafna waqt in-novizzjat.
  • Il-Beata Euphrasia (Mary Claude Brard), mara li ma kellhiex kwiet f’ġisimha, fuq tagħha, kellha temperament eċċessiv, li minn naħa kienet eċċessiva fil-penitenzi li kienet tagħmel u min-naħa l-oħra biċ-ċajt li kienet tgħid man-nies tal-familji rjali li kienu jiġu jżurha. Kienet tinqala’ ħafna biex tikteb l-ittri.
  • Il-Beata Henrietta (Gabrielle de Croissy), kienet in-neputija tal-ministru tar-Re Colbert.
  • Il-Beata Julia Louise li kienet romlot, ir-raġel tagħha miet wara ftit żmien taż-żwieġ. Damet ħafna biex taddatta ruħha għall-ħajja tal-kunvent. Waħda mis-sentenzi li kitbet tista’ tiġi applikata għall-oħrajn li jiġu jew ġew quddiem it-tbatijiet u l-persekuzzjoni: “Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla.”
  • Il-Beata Mary Henrietta (Annette Pelras) li għall-mistoqsija li għamlet lil Fouquier Thinville, x’ried ifisser bil-kelma “fanatiċi” ġabet fuqha u fuq sħabha l-kundanna tal-mewt.
  • Iż-żewġ Beati Catherine u Tereża Soiron, li kienu sorijiet li jagħmlu l-qadi kollu. Tereża kienet mara sabiħa u rrifjutat post mal-Prinċipessa de Lamballe.

Waħda minn dawn is-16 kienet taħt it-30 sena, l-akbar waħda kellha 78 sena.

  • U int, x’lesta ssofri bi mħabba għal Kristu?

Talba: O Mulej, il-Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha, laqgħu bil-qalb is-sejħa tiegħek biex jaqdu l-missjoni tagħhom bħala Karmelitani Tereżjani umbagħad mietu martri b’kant ta’ tifħir lejk fuq fommhom, agħtina li għat-talb tagħhom, aħna naqdu r-rwol tagħna fil-Knisja llum b’ġenerożità, b’impenn nisrani u b’kuraġġ quddiem kull ostaklu li naffaċċjaw. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://carmelitesisters.ie/blessed-teresa-of-st-augustine-and-her-companions/

Alternative Reading: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-teresa-st-augustine-and-companions-ocd-virgins-and-martyrs-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Compi%C3%A8gne

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Lulju: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

“Ifirħu wkoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 1: 6-7.

DAS-MARTYRIUM-DER-MOeNCHE-VON-GORKUM_74-IV_69231.jpgSAN ĠWANN MINN KOLONJA U SĦABU
Martri ta’ Gorcum
? – 1572

Tagħrif: Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.

Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.

Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.

Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.

Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-viżti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.

Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.

Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.

Ħsieb: Kien fix-xahar ta’ Ġunju tal-1572, li l-Kalvinisti ħakmu f’idejhom il-belt ta’ Gorcum fl-Olanda. Qabdu lil dawn l-insara li semmejna li kienu joqgħodu f’dik il-belt, u bdew jeħduhom minn raħal għal ieħor u jwaqqgħuhom għaż-żufjett quddiem in-nies kollha tal-pajjiż. Qafluhom imbagħad fil-ħabs ta’ Brielle u hemm tawhom kull għamla ta’ tortura biex iġagħluhom jiċħdu l-fidi Kattolika fl-Ewkaristija u fil-primat tal-Papa. Damu mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Għalxejn ipprova jaqbeż għalihom William of Orange, għaliex xorta l-kmandant Watergerzen ħareġ il-mandatt li wara torturi mill-aktar ħarxa jmorru għall-forka. Huma baqgħu sħaħ fi twemminhom u għażlu li jieħdu l-martirju. Fost dawn il-martri tal-Olanda, insibu lid-Daniż San Wilhad ta’ 90 sena, l-ixjaħ wieħed fosthom.

It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017, fl-omelija tiegħu mid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Il-Knisja hi magħmula minn poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju. Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.

Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi l-glorja tal-Knisja, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.

L-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom. Nazzarda ngħid, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.

Kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur. Jien nitlobkom biex toffru quddies għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu.”

  • U int, titlob għall-insara ppersegwitati madwar id-dinja li lanqas jissemmew fl-aħbarijiet?
  • Lest/a li jwaqqgħuk għaż-żufjett filwaqt li inti tibqa’ tistqarr il-fidi tiegħek fi Kristu u fil-Knisja li hu waqqaf?

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi Kattolika l-popli tal-Olanda u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann minn Kolonja u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/martyrs-of-gorkum.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/the-19-martyrs-of-gorkum

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Gorkum

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Lulju: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

Verżjoni Vidjo: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

“Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” – Il-Beatu Ralph Milner lill-imħallef li rrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u li jekk jagħmel dan, ikun meħlus mill-kundanna tiegħu.

5653346143_059a5d603b_bBEATI ROGER DICKENSON U RALPH MILNER
Martri
† 1591

Tagħrif: Fis-7 ta’ Lulju, 1591 ġew mgħallqin f’Winchester Roger Dickenson talli kien qassis u Ralph Milner talli kien jgħinu.

Milner kien jaħdem fir-raba’ u kien imtella’ bħala protestant. Beda jqabbel il-ħajja tal-ġirien kattoliċi u protestanti, u, b’sorpriża ta’ sħabu l-protestanti, beda jmur jitgħallem il-fidi kattolika u talab li jidħol fil-knisja tagħna.

Imma ftit wara, dakinhar stess li tqarben għall-ewwel darba, kien mitfugħ il-ħabs talli bidel ir-reliġjon. Hawnhekk inżamm għal diversi snin, imma l-priġunerija tiegħu ma kinitx stretta ħafna, u kemm-il darba seta’ joħroġ on parole, u f’dawn il-waqtiet kien jiġbor għajnuniet materjali u spiritwali għal sħabu priġunieri, u billi kien jaf sewwa l-pajjiż, kien anke jiffaċilita ċ-ċaqliq u l-ħidma tas-saċerdoti missjunarji li kienu jintbagħtu l-Ingilterra bil-moħbi.

B’dan il-mod sar jaf lill-ġiżwita Fr. Stanney u, permezz ta’ Fr. Stanney, li l-qassis djoċesan magħruf bħala Mr. Roger Dickenson ġie jgħix f’Winchester. Roger Dickenson kien minn Lincoln, studja f’Rheims, u għal ħafna snin ħadem fid-distrett ta’ Winchester, megħjun minn Milner.

L-ewwel darba li arrestaw lil Roger Dickenson, il-gwardji tiegħu tant sikru li hu rnexxielu jaħrab. Imma meta nqabad it-tieni darba, Milner kien miegħu, u t-tnejn tressqu għall-ġuri, Dickenson għax kien qassis, u Milner għax kien jgħinu.

Waqt il-ġuri, l-imħallef billi bħal speċi ta’ ħenn għal Ralph Milner għax kien xwejjaħ, kif ukoll għax kellu mara u tmien ulied, irrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u jkun meħlus. Imma Milner wieġbu: “Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” Iż-żewġt irġiel ġew maqtulin flimkien.

Diversi nisa kienu wkoll ikkundannati għall-mewt talli ħallew lill-Beatu Roger jiċċelebra l-quddiesa f’darhom, iżda s-sentenza tagħhom ġiet mibdula f’daqqa. Huma mbagħad talbu li jitħallew imutu mal-qassis, iżda ġew meħuda lura fil-ħabs.

Iż-żewġ martri Roger Dickenson u Ralph Milner ġew iddikjarati beati mill-Papa Piju XI fl-1929.

Ħsieb: Fl-introduzzjoni tad-Digriet dwar l-Ekumeniżmu “Unitatis Redintegratio” (21 ta’ Novembru, 1964) insibu dan li ġej:

“Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa’ tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1] .Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta’ Kristu, hija ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b’għerf u b’sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b’kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sobgħa għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta’ bnedmin f’kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal Moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa’ sseħħ l-għaqda ta’ l-insara kollha. F’dan il-Moviment għall-għaqda, li jissejjaħ ekumeniku, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesù huwa l-Mulej u s-Salvatur; f’dan il-Moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta’ Alla. B’danakollu kważi kulħadd, min b’mod u min b’ieħor, jixtieq li jkun hemm knisja ta’ Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta’ Alla.

Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà iddikjara d-dottrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa’ jġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta’ Kristu, irid jipproponi lill-kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.”

Aktar tard fl-istess Dokument, insibu dan:

F’din il-Knisja waħda u unika ta’ Alla, sa mil-bidu tagħha, qamu xi firdiet li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta’ min jikkundannahom; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi komunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta’ xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f’dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja kattolika tħaddanhom b’qima u bi mħabba tal-aħwa.

Illum, f’ħafna nħawi tad-dinja bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjattivi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, fil-waqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

B’moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġiet differenti tal-knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu ‘l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma:

  1. l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skont il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproki.
  2. Imbagħad jiġi d-“djalogu” bejn esperti mħarrġin sewwa, f’laqgħat tal-insara minn diversi Knejjes jew Komunitajiet, li jsiru bi spirtu reliġjuż. F’dan id-djalogu kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b’mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b’dan id-djalogu kulħadd jista’ jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull waħda mill-komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed.
  3. Barra minn hekk dawn il-komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb.
  4. Fl-aħħarnett f’dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta’ Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ riforma.

Din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fi Knisja waħda u unika ta’ Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk, ejjew inqiegħdu t-tama kollha fit-talb ta’ Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5)

  • U int kemm timpenja ruħek f’talb għall-għaqda fost l-Insara?

Talba: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner, intom immaturajtu u kbirtu fil-fidi Kattolika; itolbu għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej fil-ħajja adulta. Għalkemm intom sofrejtu ħafna, saħansitra l-martirju, bqajtu paċenzjużi, imqawwija mill-grazzja ta’ Alla sal-aħħar; itolbu għalina biex fi żminijietna nkomplu nirsistu għall-għaqda fost l-Insara kollha biex il-poplu ta’ Alla jkun ħaġa waħda fi Kristu u sseħħ l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson

Alternative Reading: http://www.stjosephsabudhabi.org/saint-of-the-day/blessed-roger-dickenson-blessed-ralph-milner-and-blessed-lawrence-humphrey/

Wikipedia about Ralph Milner: https://en.wikipedia.org/wiki/Ralph_Milner

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Lulju: Santa Marija Goretti

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Goretti

“Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” – Santa Marija Goretti.

St Maria Goretti 2SANTA MARIJA GORETTI
Verġni u Martri
1890 – 1902

Tagħrif: Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890. Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira. Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb. Ommha wkoll kienet illitterata.

Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol. Sena wara missierha miet.

Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina. Ħafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.

Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma’ familja oħra. Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tieqaflu. Kien ukoll jheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.

Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha. Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma riedx li jagħmlu hekk. Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna. Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.

Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċeviet il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.

Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs. Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu. Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu. Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu. Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini.

Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju, 1950.

Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilka ta’ San Pietru. Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti. Hekk ukoll Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkupptejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ. Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.

Ħsieb: Meta ta’ ħdax-il sena, Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina, hija mmaturat il-proponiment tagħha li tmut qabel ma tikkommetti d-dnub, Marija sofriet il-martirju għall-għożża tas-safa meta kellha ftit inqas minn tnax-il sena, ħames ġimgħat biss wara l-ewwel tqarbina tagħha. “Le,” hija qalet lil Alessandro, “Alla ma jridx din il-ħaġa. Din dnub: inti tmur l-infern jekk tagħmilha,” u kompliet tgħidlu li kienet lesta li tmut milli tagħmel dak id-dnub.

Marija, mhux biss ħafret lil Alessandro qabel mietet, iżda qalet li kellha tiftakar fih fil-ġenna. Hija ġiet imsejħa Santa Anjeże tas-seklu 20, u tqiegħdet bħala protettriċi u mudell tat-tfajliet insara.

Marija seta’ kellha problemi bil-katekiżmu, iżda hija ma kellha l-ebda problema fil-fidi. Ir-rieda ta’ Alla kienet il-qdusija, id-diċenza, ir-rispett għall-ġisem, ubbidjenza assoluta u fiduċja totali. F’dinja kumplessa, il-fidi tagħha kienet sempliċi: Huwa privileġġ li tkun maħbub/a minn Alla, u li tħobb lilu – ikun xi jkun il-prezz li trid tħallas.

Kemm-il darba nkun naħseb fuq il-ħwejjeġ tas-sema, u ħsibijiet tad-dinja jiġu bla rażan itellfuni mis-safa! Ħalli nġib quddiem għajnejja lill-qaddisa Santa Marija Goretti, li tagħha qed niċċelebraw il-festa llum. Din ippreferiet tmut milli tagħmel id-dnub.

Ejjew nitolbu lil Santa Marija Goretti, biex hi li bil-qawwa tal-grazzja t’Alla, għalkemm fl-età ta’ tnax-il sena, ma qagħaditx taħsibha biex ixxerred demmha u tissagrifika ħajjitha biex tipproteġi l-verġinità tagħha, tħares ħarsa ħelwa fuq il-bniedem tal-lum li ħafna drabi ma jaħsibhiex darbtejn biex jitbiegħed mit-triq tas-salvazzjoni billi jaqa’ fi dnubiet kontra s-safa, b’mod speċjali fi żmien meta l-pornografija hija għafsa ta’ ftit buttini ‘l bogħod!

Ejjew nitolbuha tgħallimna, b’mod speċjali liż-żgħażagħ tagħna, li għall-imħabba ta’ Ġesù, għandna fil-pront u bil-kuraġġ kollu naħarbu dak kollu li joffendi lil Alla, jew li jtebba’ lir-ruħ bid-dnub. Nitolbuha biex taqlgħalna mingħand il-Mulej, ir-rebħa fuq it-tentazzjonijiet u s-serħan mid-dwejjaq tal-ħajja, ħalli meta jmiss lilna, aħna wkoll inkunu nistgħu nidhru safja quddiem Alla u jkun jistħoqqilna li ngawduh għal dejjem fil-glorja tal-ġenna.

  • “Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” Hekk stqarret Santa Marija Goretti u tassew baqgħet soda sal-aħħar fil-proponiment li għamlet anki fil-mumenti tal-akbar prova! U inti, kapaċi tgħid dan il-kliem u tgħixu verament fil-mumenti tal-prova tiegħek?

Talba: O Alla, għajn tal-innoċenza, ħabib ta’ l-erwieħ safja, inti tajt il-grazzja tal-martirju lill-qaddejja tiegħek Marija Goretti meta kienet għadha fil-fjur ta’ ħajjitha; bħalma lilha żejjintha bil-kuruna tar-rebħa wara taqbida ħarxa, hekk ukoll, bit-talb tagħha, agħmel li aħna nibqgħu sħaħ fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-maria-goretti-530

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-maria-goretti/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Goretti

Saint Maria Goretti full movie on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/zAiGK1XjedVY6pXA83EyjCVFA

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-the-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas CNN Documentary:

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/first-christian-martyrs-church-rome-2/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/firsaint-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.