5 ta’ Diċembru: San Saba

Verżjoni Vidjo: San Saba

“U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” ~ Ġesu’ f’Mattew 6:5-6.

Agios SavvasSAN SABA
Eremita
439 – 532

Tagħrif: San Saba huwa wieħed mill-figuri kbar tal-monastiċiżmu tal-Lvant, Huwa twieled fil-Kappadoċja għall-ħabta tas-sena 439. Fi tfulitu ħarab minn taħt il-ħarsien ta’ zijuh u daħal f’monasteru f’Mutalaska, pajjiż twelidu, ħdejn Ċesarea, fit-Turkija.

Ta’ 18-il sena mar Ġerusalemm fejn kien taħt id-direzzjoni tar-raħeb San Ewtimju. Mar miegħu jgħix fid-deżert, qrib il-Baħar Mejjet, minn fejn hu ħa l-formazzjoni spiritwali tiegħu.

Wara l-mewt ta’ Ewtimju, Saba għażel li jidħol aktar ‘il ġewwa fid-deżert u mar jgħix ġewwa għar fi rdum. Hu waqqaf komunità ta’ dixxipli li nġabru madwaru f’Mar Saba. Din il-kolonja ta’ eremiti fi żmien qasir kellha 150 membru. F’din il-komunità tiegħu l-irħieb kienu jgħixu maqtugħin minn xulxin għal ħamest ijiem mill-ġimgħa jitolbu u jaħdmu xogħol manwali, u mbagħad jiltaqgħu s-Sibt u l-Ħadd flimkien biex jiċċelebraw l-Ewkaristija.

Il-patrijarka Elija ta’ Ġerusalemm talab lil Saba biex jaċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali ħalli jkun jista’ jservi lill-komunità. Kien ordnat saċerdot fl-492 u kien ukoll maħtur arkimandrita tal-irħieb kollha tal-Palestina. Xejn ma kien ħafif dan ix-xogħol billi kien hemm bejniethom qasmiet kbar minħabba l-ereżija monofiżita mibdija minn Ewtike li kienet tiċħad in-natura umana ta’ Kristu.

Saba ddefenda bil-qawwa t-tagħlim taż-żewġ naturi fi Kristu kif kien definit fil-Konċilju ta’ Kalċedonja. Minħabba f’hekk il-qaddis ivjaġġa mal-Palestina biex jippriedka kontra l-ereżija u mar ukoll Kostantinopli biex jipprova jikkonvinċi lill-Imperatur Anastasju li kien miġbud lejn l-ereżija.

Darba Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti.

Xwejjaħ ta’ 90 sena mar għand l-Imperatur Ġustinjanu jinterċedi favur is-Samaritani ribelli u ġabilhom il-maħfra.

San Saba miet fil-5 ta’ Diċembru 532 ta’ 93 sena, ġa miqjum matul ħajtu bħala qaddis. L-għadam tiegħu nġarr f’Venezja iżda, fl-1965, il-Papa Pawlu VI bi ftehim mal-Patrijarka ta’ Venezja, ta dan il-fdal prezzjuż lill-Patrijarka Ortodoss Grieg ta’ Ġerusalemm li tah lill-komunità ta’ 15-il raħeb f’Mar Saba. San Saba hu miqjum bħala wieħed mill-fundaturi tal-monastiċiżmu tal-Lvant.

Ħsieb: San Saba huwa figura ewlenija fil-monastiċiżmu bikri, u l-monasteru li huwa waqqaf, magħruf bħala Mar Saba, għadu jeżisti bħala l-eqdem monasteru abitat fid-dinja. Bir li kien ħaffer il-qaddis, għadu hemm sal-lum. Numru ta’ qaddisin kbar għexu bħala patrijiet fil-komunitajiet tiegħu għas-snin li segwew.

Imma x’għamel lil dan l-eremita’ qaddis? Probabbli li s-sinjal DO NOT DISTURB għenu jsib il-qdusija u l-paċi. Infatti, Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Minn naħa l-oħra, minkejja li t-talb u l-għaqda tiegħu ma’ Alla fis-solitudni kienu l-għaxqa ta’ qalbu, huwa kien jilqa’ bil-qalb lil kull min kien ifittex l-għajnuna jew il-gwida tiegħu, tant li spiċċa jgħix f’komunita’. Infatti kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti. Mhux biss, imma meta ħass il-bżonn li jinterċedi favur is-Samaritani ribelli, minkejja li issa kellu 90 sena, mar għand l-Imperatur Ġustinjanu u rnexxielu jġibilhom il-maħfra.

Ftit minna nixxenqu biex bħal Saba immorru fi grotta fid-deżert, iżda ħafna minna kultant jirreżistu għad-domanda tal-oħrajn fuq il-ħin li jkollna għad-diżpożizzjoni tagħna. Saba fehem dan. Meta fl-aħħar kiseb is-solitudni li għalih kien ħerqan, komunità immedjatament bdiet tinġabar madwaru, u kien imġiegħel jidħol għar-rwol ta’ tmexxija. Huwa qiegħed bħala mudell ta’ ġenerożità paċenzjuża għal kull min kellu bżonn il-ħin u l-enerġija tiegħu.

Dan kollu jurina li fil-ħajja tagħna bħala nsara, għandna nagħmlu preċiżament żewġ affarijiet:

NITOLBU …
(jekk hemm jkun bis-sinjal DO NOT DISTURB quddiem il-bieb ta’ qalbna): quddies, adorazzjoni Ewkaristika, Rużarju, talb ieħor tal-fomm, u talb ta’ ftuħ il-qalb mal-Mulej, eċċ…

NAĦDMU …
billi nkunu ta’ servizz għal kull min jeħtieġ l-għajnuna tagħna skont l-istat ta’ ħajjitna u skont dak li l-Mulej isejħilna biex nagħmlu, kemm fil-parroċċi tagħna u forsi anki f’postijiet oħra.

Is-sigriet tal-ħajja perfetta huwa li aħna rridu nfittxu dejjem dak il-BILANĊ meħtieġ bejn il-mumenti ta’ talb u dawk ta’ ħidma. Il-Mulej jitgħaxxaq b’qalb ġeneruża li lesta li tkun offerta sabiħa għaliH u għaliH fl-proxxmu.

  • Inti trid tkun din l-offerta tfuħ quddiem Alla bħalma kien San Saba?

Talba: O San Saba, li dehert bħala wieħed li għandu qawwa kbira quddiem il-Mulej, itlob lil Alla għalina ħalli jkompli juri ħniena magħna midinbin; iqawwi fina l-fidi, ikabbar fina l-għerf u l-imħabba, jagħtina spirtu ta’ paċi u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, jeħlisna mit-tiġrib u jagħtina l-qawwa negħelbu t-tentazzjonijiet, ħalli b’hekk naslu għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-sabbas-sanctified.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-sabas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sabbas_the_Sanctified

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

29 ta’ Ottubru: Beatu Mikiel Rua

Verżjoni Vidjo: Beatu Mikiel Rua

“Il-Familja Salesjana oriġinat permezz ta’ Don Bosco, u kompliet permezz ta’ Fr. Rua  … li żviluppa l-eżempju tal-Qaddis fi skola, ir-Regola tiegħu fi spirtu, il-qdusija tiegħu f’mudell. Huwa bidel ir-Rebbiegħa fi xmara.” ~ Papa Pawlu VI fil-beatifikazzjoni tal-Beatu Mikiel Rua

csc46hjuyaalot7.jpgBEATU MIKIEL RUA
Saċerdot
† 1910

Tagħrif: Dan il-beatu għen lil San Ġwann Bosco u kien is-suċċessur tiegħu bħala Rettur Maġġur tas-Salesjani. Taħt it-tmexxija tiegħu, is-soċjetà, fi 22 sena kibret minn 800 għal 4000 membru. Il-Papa Pawlu VI ddeskrivih bħala qassis xipli, kollu tjubija u ħlewwa, ħsiebu fi dmirijietu u kollu sagrifiċċju.

Mikiel iltaqa’ ma’ Dun Bosco wara li mietlu missieru. Ta’ 16-il sena huwa beda jmur is-seminarju u jgħix ma’ Dun Bosco fl-oratorju, fejn kien inkarigat mid-dixxiplina u mill-finanzi. Ta’ 18-il sena kien l-ewwel fost id-dixxipli ta’ Dun Bosco li għamel il-voti reliġjużi u tliet snin wara huwa akkompanja lill-fundatur tiegħu f’Ruma u ġarr kopja tal-kostituzzjonijiet miktuba minn idu stess għall-Papa Piju IX.

Meta Dun Rua sar qassis, Dun Bosco ħabbarlu li kellu jara s-soċjetà tinfirex, li kellu jaħdem u jbati, iżda li kellu jkollu wkoll il-faraġ u l-għajnuna tal-Mulej. Dun Rua ġie Malta darbtejn.

Ħsieb: Bla dubju li kulħadd iqis lil dan il-Beatu bħala l-bastun ta’ Dun Bosco u s-suċċessur tiegħu. Imma karatteristika partikolari li kienet tispikka fil-Beatu Mikiel Rua u li xtaqt li niffoka fuqha, kienet dik li kien raġel ta’ talb profond. Kont issibu dejjem l-ewwel f’postu fil-knisja għall-meditazzjoni tal-komunità, fejn kien jinżel għarkuptejh u jitlob mingħajr ma jiċċaqlaq, b’wiċċu jistrieħ fuq il-pali ta’ jdejh, filwaqt li jżomm maktur abjad.

Fit-23 ta’ Frar 1887 kmieni filgħodu, sar terremot li nħass anki fl-Italja ta’ Fuq, f’Turin u lil hinn. Xhieda li kienu preżenti fil-knisja f’dak il-ħin tal-quddies li għaliha kien preżenti Mikiel Rua, jiddeskrivu din ix-xena:

“Filgħodu tat-23 ta’ Frar 1887 aħna, is-Salesjani tal-Oratorju, inġbarna għall-meditazzjoni tagħna fil-kappella tal-knisja ta’ Marija Għajnuna tal-Insara. F’daqqa waħda, ħassejna l-art titriegħed b’mod vjolenti taħt saqajna, akkumpanjat ma’ elf oġġett iċekċku bil-qawwi. Kien bħallikieku monstru ġgantesk kien qed jipprova jgħaffeġ il-knisja b’dwiefer tal-azzar. “Terremot! Terremot!” kienet l-għajta. Ilkoll kemm aħna, terrifikati sewwa, ġrejna lejn is-sigurtà tal-bitħa, filwaqt li żammenja għajnejna fuq il-koppla tal-knisja, nistennewha tikkrolla minn mument għall-ieħor. Iżda meta waqaf kollox, il-knisja dehret li ma sofriet l-ebda ħsara. Allura morna lura fil-kappella, u hemm insibu li Fr. Rua ma kienx iċċaqlaq mill-post tiegħu tas-soltu u mill-qagħda ta’ talb.”

Forsi ma kienx jaf x’kien qed jiġri? Huwa diffiċli li temmen dan! Jew forsi kien qiegħed fi stat ta’ estasi. Jew forsi anki f’dak il-mument tal-biża Fr. Rua ma riedx jieqaf mit-talb tiegħu. Huwa fatt li l-mewt ma tbeżżax lil min ikun ippreparat biex imur jieħu l-ħlas tal-ġusti u jidher li f’dak il-mument, it-talb għal Fr. Rua deherlu li kien iżjed importanti. Imma x’inhu t-talb? U kif titlob?

Kull min jikkomunika, jaf jitlob. It-talb hu li tiftaħ qalbek ma’ min iħobbok tant li ssallab għalik, u ma’ min hu fil-kontroll ta’ kollox. Għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza għax Ġesu’ stess, qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn! Il-problema hi: Kemm qed ninvestu ħin u enerġija biex tassew infittxu lill-Mulej u r-Rieda tiegħu f’ħajjitna?

It-talb tibbenifika int u l-għeżież tiegħek bih. Fit-talb taf li qed tiftaħ qalbek ma’ min taf li jħobbok b’mod etern u jixtieqlek il-ġid aktar milli tixtiequ int għalik innifsek jew għall-għeżież tiegħek. Titlob ifisser li tagħraf li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna. Hu dejjem magħna u jekk nafdawH, HU jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni. Mingħajru m’aħna xejn u ma nistgħu nagħmlu xejn.

Xorta jibqa’ l-fatt li ġieli t-talb ma jibdilx is-sitwazzjonijiet ta’ ħajti, imma jibdel lili billi jkabbarni fil-fidi, tant li nibda nħares lejn is-sitwazzjoni b’mod tant differenti li nispiċċa jkolli ngħid, li s-sitwazzjoni bidlet l-intenzjoni tagħha u jekk inkompli nafda f’Alla, ser tispiċċa tagħmilli l-ġid u mhux il-ħsara!

Mal-Ħallieq, l-IMĦABBA VERA hi r-Realta’… ħafna nies jibqgħu biss joħolmu li forsi għad xi darba jesperjenzawha. Tgħannieqa ta’ xi ħadd li veru jkun iridlek il-ġid, tfejjaq ħafna ġrieħi u tikkalma l-maltemp tal-qalb. Dan hu t-talb – it-tgħannieqa ħelwa tal-Mulej. Int tfittex li tesperjenzah dan kollu?

Talba: O Alla, li tajtna lill-Beatu Mikiel Rua fil-Knisja tiegħek biex juri lil ħaddieħor it-triq tas-salvazzjoni, agħtina, li bl-eżempju tiegħu, aħna nimxu wara Kristu bħala s-Sid tagħna, biex inkunu nistgħu niġu, flimkien mal-proxxmu tagħna, fil-preżenza ħelwa tiegħek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.   

English Version: http://www.papalartifacts.com/portfolio-item/blessed-michael-rua/

Alternative Reading: http://www.salesianmissions.org/about-us/bl-michael-rua-beatified-1972

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Michele_Rua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

7 ta’ Ottubru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

“Waqt li ngħidu l-kliem tal-Ave Marija jiġu quddiem l-għajnejn tar-ruħ tagħna l-episodji ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu. Dawn l-episodji flimkien jagħmlu l-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, u nistgħu ngħidu li jpoġġuna f’komunjoni ħajja ma’ Kristu permezz tal-qalb ta’ Ommu.” San Papa Ġwanni Pawlu II, silta mill-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae

07chambers_mary_rosary_500IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAR-RUŻARJU

Tagħrif: Fis-7 ta’ Ottubru 1571, il-flotta navali tal-Insara taħt il-kmand ta’ Don Juan tal-Awstrija għamlet rebħa kbira kontra t-Torok, f’Lepanto.

L-Insara, ibda minn Don Juan stess, attribwew din ir-rebħa kbira lill-għajnuna li l-Madonna tathom wara li daru lejha bit-talb tar-rużarju.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna, il-Papa ta’ dak iż-żmien li tant ħadem għal dik ir-rebħa, San Piju V, dak li kien hekk ġeneruż ma’ Malta wara l-Assedju l-Kbir, waqqaf festa annwali bl-isem ta’ “Il-Madonna tal-Vitorja.” Sentejn wara, il-Papa Girgor XIII li laħaq wara Piju V, bidel l-isem tal-festa f’”Madonna tar-Rużarju”, u ffissaha għall-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-Papa Klement XII daħħalha fil-Kalendarju tal-Knisja Universali.

Il-Papa San Piju X iffissa d-data tal-festa fis-7 ta’ Ottubru, il-jum li fih seħħet ir-rebħa ta’ Lepanto. Meta saret il-battalja ta’ Lepanto, id-Dumnikani f’Malta ġa kellhom fratellanza tar-Rużarju fil-knisja tagħhom fil-Birgu. Id-Dumnikani ħabirku ħafna għat-tixrid tar-Rużarju f’pajjiżna u waqqfu fratellanzi li minn tal-ewwel daħħlu l-istatwi fil-purċissjonijiet tagħna.

Din il-festa ġiet estiża għall-Knisja Universali fl-1716 meta l-Prinċep Ewġenju rebaħ rebħa oħra importanti fuq l-istess għadu fl-Ungerija.

Ir-Rużarju hu talba li skont it-tradizzjoni, il-Madonna rrivelat lil San Duminku, fil-bidu tas-seklu tlettax, u hi waħda mill-isbaħ devozzjonijiet lejn il-Madonna. Ir-reċita tar-Rużarju tgħinna nimmeditaw il-misteri fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu f’għaqda ma’ Marija li kienet hekk qrib tiegħu f’ħajtu, fil-passjoni u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ir-Rużarju Mqaddes ħa spinta kbira bid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes u f’Fatima u bl-appelli ta’ ħafna qaddisin u Papiet. Ir-Rużarju hu wieħed mill-aktar devozzjonijiet lejn ommna Marija approvata mill-Knisja. Anzi hu d-devozzjoni prinċipali Marjana fil-Knisja tal-Punent matul l-aħħar 500 sena.

Il-Papa Ljun XIII żied it-titolu “Sultana tar-Rużarju Mqaddes” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Papiet għanew din id-devozzjoni tar-Rużarju b’bosta indulġenzi, u ħabirku biex jingħad regolarment mill-insara, possibilment kuljum, għax iġib grazzji kbar fuq min jirreċitah bid-devozzjoni. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li kompla żejjen ir-rużarju meta mal-misteri tal-ferħ, tbatija u l-glorja żied il-misteri tad-dawl.

ĦsiebIl-Rużarju huwa talba tradizzjonali Nisranija li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu. Il-Beatu Papa Pawlu VI ddeskriviha hekk:

“Ir-Rużarju huwa talba evanġelika li tiċċentra fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u għalhekk żgur li hu talba li twassalna lejn Kristu. Fil-fatt, anki meta ntennu l-Ave Marija, aħna nkunu qed nagħmlu att kontinwu ta’ tifħir lil Kristu, li huwa l-għan aħħari kemm tat-Tħabbira tal-Anġlu, kif ukoll tat-tislima li għamlet omm il-Battista: ‘Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek’ (Luqa 1:42). U hemm xi ħaġa aktar minn hekk: fir-ripetizzjoni tal-Ave Marija hemm mistura dik ix-xi ħaġa li fuqha tintiseġ il-kontemplazzjoni tal-misteri: Ġesù li jissemma f’kull Ave Marija huwa l-istess Ġesù li l-misteri jpoġġu quddiemna, xi drabi bħala iben Alla u drabi oħra bħala iben il-Verġni Marija.”

L-iskop tar-Rużarju huwa li jgħinna nimmeditaw fuq il-misteri kbar tas-salvazzjoni tagħna. Piju XII qal li huwa kompendju tal-Vanġelu. L-enfasi ewlenija hija fuq Ġesù: it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Missierna tfakkarna li l-Missier ta’ Ġesù huwa l-inizjatur tas-salvazzjoni. Is-Sliema tfakkarna nissieħbu ma’ Marija biex nikkunsidraw dawn il-misteri. Huma jagħmluna konxji li Marija kienet u hija magħquda mill-qrib ma’ Binha fil-misteri kollha tal-eżistenza tiegħu fid-dinja u fis-Sema. Il-Glorja tfakkarna li l-iskop tal-ħajja kollha tagħna hija l-glorja tat-Trinità.

Ir-Rużarju jappella għal kulħadd. Huwa sempliċi. Ir-ripetizzjoni kostanti tal-kliem tgħin biex tinħoloq atmosfera li fiha tikkontempla l-misteri ta’ Alla. Aħna nemmnu li Ġesù u Marija huma magħna fil-ferħ u fid-dwejjaq tal-ħajja. Jgħinna nikbru fit-tama li Alla se jwassalna biex naqsmu l-glorja ma’ Ġesù u Marija għal dejjem.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għal min jixtieq, jista’ jaqra’ wkoll l-Ittra Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar ir-Rużarju Mqaddes (16 t’Ottubru, 2002) bl-isem Rosarium Virginis Mariae issa wkoll bil-Malti minn hawn: http://www.laikos.org/JP2_Rosarium_Virginis_Mariae_16102002.htm

Ara wkoll il-15-il wegħda li l-Verġni Marija għamlet lil min jitlob it-talba tar-Rużarju minn hawn: https://www.youtube.com/watch?v=XZcmLKViKS8

Talba: Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda fuq kollox, inti tħobbna bi mħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen. (Talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju, 2010)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/our-lady-of-rosary.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/feast-of-our-lady-of-the-rosary-617

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_the_Rosary

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-festa tal-lum hija meħuda mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.