Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

Frenċ tal-Għarb

c74247b01d99e832fae222405c1b17a89735e3e0-1452194447-568eba8f-360x251FRENĊ TAL-GĦARB
1892 – 1967

Tagħrif: Għal ħafna snin, ir-raħal ċkejken tal-Għarb, Għawdex, kien ikaxkar ħafna nies lejh u dan minħabba biex jitkellmu ma’ bniedem tassew sempliċi, ma’ bidwi li l-għejxien u l-ħobża tiegħu kienu biss mill-għelieqi. Dan il-bniedem hu Frenċ tal-Għarb li ismu hu marbut ukoll mal-istess raħal. Frenċ kien ġej minn familja fqira u ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola, iżda minkejja dan hu kellu ħafna għerf u kliemu kien ta’ ġid kbir għal ħafna nies.

Twieled l-Għarb fit-3 ta’ Diċembru fl-1892 minn Salvu u Beneditta Mercieca. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ ħdax. Frenċ kien devot kbir tal-Madonna u kien jitkellem dejjem fuq imħabbitha lejna l-bnedmin, u jonqox isimha fil-qalb ta’ dawk li jfittxuh. Hu kien iqim lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu (ara Madonna Ta’ Pinu), għar-rabta speċjali li hu kellu lejn is-Santwarju tagħha.

Kemm-il darba kien jitlob sagrifiċċji mingħand il-bnedmin għall-ġieħ ta’ Marija, sabiex, meta huma jaqilgħu dak li jitolbu, ma jinsewx li l-grazzja ingħatat lilhom bl-interċessjoni tagħha. Frenċ kien ċert li l-Madonna kienet qed tnebbħu x’kellu jagħmel. Ma kienx it-tip ta’ bniedem li joqgħod ixandar affarijiet straordinarji, anzi kien pjuttost jaħbi li jkun ġara. Kien tassew bniedem ferrieħi u mħabbtu lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin ma kellha l-ebda fanatiżmu. Hu kien ikun iddispjaċut ħafna meta kien jisma’ bl-offiżi li jsiru kontra l-qaddisin.

Frenċ kien jitkellem ħafna dwar xi pariri li jkun ta, imma hu qatt ma kixef l-isem ta’ ħadd. Kien jgħin ukoll finanzjarjament lin-nies u lill-Knisja. Frenċ kellu kull qima lejn il-qassis għaliex fih jara l-ministru ta’ Alla. Fl-imħabba li kellu lejn kull qassis, meta xi wieħed kien imur biex ikellmu, Frenċ kien iħoss li għandu jagħmel preferenza miegħu, u ma joqgħodx iħallih jistenna wara l-oħrajn. Hu ġieli ħadha ma’ dawk li gergru għad-drawwa tiegħu. Imma, biex insemmi każ wieħed, meta sema’ t-tgergir, Frenċ kien pront wieġeb: “Morru, jekk ma tridux tistennew. Jien lis-saċerdot nistmah qabel u fuq kulħadd“.

Frenċ kien sar magħruf ħafna mal-Isqof ta’ Għawdex. L-isqof Mikiel Gonzi kien jistaqsi fuq Frenċ biex isir jafu aħjar, u fl-Omelija li għamel wara l-mewt tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu, faħħru għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu u għall-ġid kbir li kien għamel. L-isqof Ġużeppi Pace kien jafu ħafna aħjar, hu kien imur għand Frenċ ta’ sikwit, saħansitra għal xi messaġġi għax kien jemmen ħafna fi Frenċ. Darba l-isqof talab mingħand Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu.

Ġrajjiet u Fejqan
Għand Frenċ kien imur kulħadd, żgħażagħ, anzjani, politiċi, professuri, barranin bħal ma huma l-Ingliżi u t-Taljani. Kienu imorru nies minn kull livell soċjali. Kienu jmorru mijiet għandu. Żjara għandu kienet tnissel ferħ kbir. Persuna tgħid hekk: “Kull meta kellimtu ħassejt konsolazzjoni kbira, li qatt ma ħassejt bħalha f’ħajti”.”Ġieli marru għandu xi barranin ukoll; dawn aktarx li kienu jkunu mqanqlin mill-kurżita’ hu kien jitkellem magħhom permezz ta’ interpretu”.

Mara mill-Isla kitbet hekk : “Għandi t-tifel ta’ binti li ħa skoss f’riġlejh. Ħadtu għar-ritratt u fir-ritratt ma rriżulta li għandu xejn; iżda xorta waħda għadu muġugħ ħafna. Jiena qiegħda nibża’ li għandu xi ħaġa. Jiena b’fiduċja kbira fil-Madonna, nitolbok imqar werqa minn tal-fjuri li inti ikollok quddiem il-Madonna biex nagħmilhom ma’ riġlejh.”

Wieħed raġel ittama fil-qawwa tat-talb tiegħu għax ommu kienet marida, mal-mara ma setgħax jasal għal ftehim, u kellu il-bwiet xotti. Oħrajn rieduh li jitlob għalihom biex il-qorti taqta’ sentenza skont il-ġustizzja. Xi żgħażagħ xtaqu t-talb tiegħu biex jgħaddu mill-eżami.

Frenċ kien japprezza ħafna l-ittri ta’ dawk li kitbulu biex jitlob għalihom ħalli Alla jagħtihom il-fejqan spiritwali ta’ xi persuna li huma kienu jħobbu.

Kliem Misterjuż
Ħafna nies kienu jibqgħu skantati meta hu wriehom li kien jaf x’riedu mingħandu qabel ma qalulu. Frenċ kien ikun jaf il-ħajja moħbija tagħhom. Rakkonti minn dawn jeżistu ħafna. Mara minn tas-Sliema tgħid hekk: “L-ewwel darba li mort għandu biex inkellmu, hekk kif rani, qalli f’mument wieħed ħwejjeġ li jiena u l-konfessur tiegħi biss konna nafuhom. Mill-ewwel bdejt inżommu b’qaddis.”

Bidwi imma tabib tal-ġisem u tar-ruħ
Frenċ jgħid hekk: “Jiena qatt ma ħdimt fi sptar lanqas ma’ spiżjar” Nafu wkoll li Frenċ qatt ma studja l-mediċina, bħal ma jagħmlu t-tobba. Ħafna tobba kienu jitħassruhom lil dawk li jmorru għandu, għaliex x’kura jista’ jagħti wieħed li ma jifhimx fis-sengħa tal-fejqan. Imma xi tobba ħassewhom jinkeddu għax kien hemm nies li marru għandhom u ma tfejqux; imbagħad marru għand Frenċ, u b’li tahom u qalilhom, ħassewhom jgħaddu għall-aħjar. Fi Frenċ, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom fiduċja sħiħa. Għalhekk hu kellu fih xi ħaġa li tgħin lil dak li jkun ifieq.

Kliem Frenċ, kien juri li l-qawwiet tiegħu ma kienux fil-mediċini. Imma t-tobba bdew iħarsu bl-ikrah lejh. X’uħud bdew ukoll igemgmu għaliex, lilhom dehrilhom li bniedem marid, jekk ried ifiq tassew, ma kellux għalfejn imur għand Frenċ. Ma naqsux lanqas dawk it-tobba li ma kienux jidħlu fid-djar li fihom ikun mar Frenċ.

Imma aktar mal-morda bdew ifaħħruh, aktar bdew ikabbrulu d-diffikultajiet tiegħu. Xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu bil-ġustizzja. Kien żmien meta x’uħud bdew imorru għand Frenċ fid-dlam tal-lejl, biex ħadd ma jarahom!

Żewġ żgħażagħ dilku bl-ingwent li tahom Frenċ bis-sabar lil missierhom muġugħ; it-tabib ried jara dak l-ingwent misterjuż, imma ma setax jifhem x’kien. Frenċ kien jgħidilhom ukoll biex jgħidu Sliema u Qaddisa lill-Madonna. Ħafna kien il-fejqan mirakuluż.

Frenċ jispiċċa l-qorti
Minħabba dawn it-tip ta’ każijiet kien hemm min spiċċa biex lil Frenċ tellgħuh l-qorti. Nisimgħu għal darb’oħra l-kelmiet ta’ Frenċ : “Fi żmien it-tabib Frank Vella, Malti li kien joqgħod l-Għarb, u s-surġent kien Michael Xerri mir-Rabat, jiena ġejt imħarrek, u mwaqqaf minn din il-ħidma ta’ fejqan”.

Kienet saritlu ċitazzjoni, u kellu jitla’ l-qorti ta’ Għawdex fil-11 ta’ Ġunju, 1938. Il-Maġistrat Karmnu Parnis xlieh li għamilha ta’ tabib mingħajr il-liċenzja tal-Kap tal-Gvern. L-avukat ta’ Frenċ kien Franġisk Masini. X’ħin il-maġistrat staqsieh jekk kienx minnu li għamilha ta’ tabib, u qeda lin-nies, Frenċ baxxa rasu u ma wieġeb xejn. Bis-skiet tiegħu, hu deher li ammetta l-ħtija. Imma kien hemm tabib li pprova jiddefendih, billi qal li Frenċ ma kien qed jagħmel ħsara lil ħadd billi jgħalli ħaxixa. Kien hemm xi għoxrin li telgħu biex jiddefenduh, imma dawn ma ssejħux. Frenċ ġie meqjus ħati. Il-Qorti kkonsidrat il-kondotta tajba tiegħu, u għalhekk ma weħel xejn. Imma hu ġie mwissi li jekk jerġa’ jinqabad mill-ġdid, il-qorti kellha kull setgħa li tikkundannah. Għal dan wkoll li ġie mixli bih din id-darba, u ħelisha b’sempliċi twissija. Dan kien jissejjaħ l-artiklu 23.

Mgħasses mill-pulizija
Frenċ kien jibża’ ħafna li jeħel xi multa. Fl-istess żmien tal-kawża, l-pulizija kienet tgħasses fuqu l-ħin kollu. Iżda triq tan-nofs kellu jinstab u dan sabiex il-ġid ma jonqosx. Lil Frenċ qalulu li, jekk tabib jagħti ċertifikat lil xi ħadd biex dan imur għand Frenċ, dik il-biċċa karta tkun qisha permess. Ħafna tobba ma riedux jagħmlu dan; imma oħrajn aċċettaw.

Nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Frenċ: “Wara dan, lil dawk li kienu jiġu għandi, kont nitlobhom ċertifikat mit-tabib tad-distrett tagħhom jew tabib ieħor, basta biċ-ċertifikat” Frenċ jissokta jgħid “Pazjenti minn Malta ġew bil-mijiet u bqajt insewihom b’din is-sistema”.

Il-Post fejn Frenċ kien jara lin-nies.

Ġieli kienu jgħadduh biż-żmien
Fost dawk li ma emmnux fih, Frenċ sab ukoll lil min jipprova jgħaddih biż-żmien. Ma’ dawn, Frenċ ġieli kien iebes fi kliemu. Tlett tfajliet marru għandu biex jgħadduh biż-żmien. Imma Frenċ qalilhom b’serjeta’: “Idħku! Idħku! Imma ħa naraw kemm ser iddumu. Intom it-tlieta morda u sa ħmistax oħra, waħda minnkom tkun diġa’ mietet”.

Meta semgħu hekk, huma tbikkmu, u telqu ‘l barra. Wara tlett gimgħat, reġgħu lura tnejn minnhom, u qalulu li seħbithom kienet mietet tassew. Fl-istess ħin, huma talbuh maħfra talli riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Dan kien fatt li ħalla impressjoni kbira, u ħafna baqgħu sal-lum isemmuh.

Ġieli ma qabilx mat-tobba
Kultant, Frenċ kien jeħodha kontra d-deċiżjoni tat-tabib. Lil wieħed mix-Xagħra li sempliċiment xtaq li Frenċ jitlob għalih għax kien sejjer jagħmel operazzjoni, qallu: “Ara ma jfettillekx tagħmel xi operazzjoni, kul ikla minestra, u minflok ponn ful, itfa’ tnejn, u għada erġa’ ejja għax ikun għaddielek kollox!”

Frenċ ġieli bidel mediċina mogħtija mit-tabib. Hu ġieli kien jiġġudika lit-tobba li kienu jiżbaljaw, meta jiddikjaraw, li xi ħadd kien marid b’ħaġa waqt li kien b’oħra. Lil dan, Frenċ qallu ċar u tond li t-tobba riedu jieklu minn fuq dahru. Huma żammewh għall-kura, skont kliem Frenċ, sakemm dan kellu x’jibgħatilhom! F’dan il-każ ta’ akkuża gravi, jissemma l-isem tat-tabib, u dak tal-isptar ukoll.

Tifel ma setgħax jimxi, u t-tabib ordnalu l-ħadid għal saqajh biex jieħdu s-saħħa. Imma baqa’ kif kien. Missieru ħadu għand Frenċ, li qallu: “Neħħilu l-ħadid u itilqu jiġri fir-raba'”. It-tifel innifsu jgħid: “Hu kien qalli biex nidlek iż-żejt tal-ikel magħmul mill-fejġel u, bil-għajnuna tal-Madonna u ta’ Frenċ tal-Għarb, ninsab tajjeb bħal ħaddieħor.”

Każ ieħor ….
Waqt li t-tabib iddikjara li tarbija kellha l-ażma, Frenċ qal li hi kienet belgħet xi ħaġa. “Frenċ ippreskrivielna ftit ingwent minn tiegħu, li kellu jindilek fuq sidirha u mbagħad, inqegħdulha biċċa drapp sħuna. Wara dan kollu, l-istess ħaġa qatt ma ġratilha iżjed. It-tabib innifsu ma riedx jemmen b’dak il-fejqan immedjat li kien ġara quddiemu stess”.

Il-ġrajjiet tal-fejqan huwa tremend, dan hu każ ieħor: Lil tifel, minħabba l-mard, it-tobba kienu qalgħulu għajn, u kienu se jaqilgħulu l-oħra. Imma l-ġenituri tiegħu riedu l-parir ta’ Frenċ. Kif sema’ bil-każ, Frenċ ħatafhom, u qalilhom: “X’tagħmlu? Taqilgħulu għajnu l-oħra? Mela tridu li jkollkom tifel għami? Issa, jien nagħmlilkom ftit ingwent. Agħmlulu l-ingwent fuq ċarruta, u għidu Ave Marija lill-Madonna. Agħmlulu fuq moħħu u tibżgħux, ma jkollu xejn.” It-tifel baqa’ jgawdi l-għajn li kien fadallu, u għalhekk ma għamiex.

Ħafna każi ta’ fejqan ieħor, wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb “Frenċ ta’ l-Għarb” (1892-1967) ta’ Patri Alexander Bonnici (Franġiskan Konventwali). Dan il-ktieb wieħed jista’ jixtrih mill-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.

Min jgħallem lili ma jmut qatt
Kontra dak li ħasbu x’uħud, Frenċ ma qisx ruħu xi professur. Hu emmen li Alla kien qed jgħinu, u, kif għen lilu, jista’ jgħin lil xi ħaddieħor. Inniżżlu silta minn intervista li saritlu minn Ġorġ Pisani u Charles Arrigo.

Pisani: Dawn il-pariri li kont tagħti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq is-saħħa tar-ruħ: issa dawn dnub li jintilfu għal kollox. Issa, dawn ma jkunx tajjeb li tagħtihom lil xi ħadd li jiktibhom biex almenu jibqgħu warajk?

Frenċ: Jiena naħseb li min għallem lili għadu ħaj; ma jmut qatt.

Arrigo: U min għallem lilek ?

Frenċ: Eh! Kulħadd jaf. Min għallem lili ma jmut qatt. Ma tafux min hu? Min ma jmut qatt ???

Dawn il-kelmiet ta’ Frenċ huma ta’ valur kbir. Intqalu ukoll minn bniedem li beża’ li jitkabbar saħansitra jistqarr li Alla kien qiegħed jgħinu. Hu ma riedx jgħid li Alla kien qiegħed jaħdem fih. Imma ried li din il-konklużjoni toħroġ weħidha, bla ma titlissen minn fommu. Għalhekk lil dawk li staqsewh, bi tbissima ħelwa u kważi mistħija daqsxejn mistgħaġeb, staqsiehom: “Kif? ma tafux min hu?” Hu ried jgħidilhom: “Ma tafux li dak li ma jmut qatt hu Alla biss?” Imma dawk it-tnejn kienu fehmu kollox x’ried jgħid.

Ifiequ jekk jersqu lejn Alla
Saċerdot Agostinjan qal hekk dwar Frenċ: “Nistgħu nsejħulu wkoll bniedem ta’ Alla għax ikkonverta bosta rġiel u ġuvintur u anki xebbiet mill-ħajja ħażina tagħhom, u ressaqhom lejn Alla.” Frenċ kemm-il darba ma riedx iwiegħed fejqan jekk dak li jkun ma jagħmilx ħiltu biex jersaq lejn Alla. Lil wieħed li talbu xi mediċina, Frenċ wieġbu: “Int ħsiebek biss fin-negozju, u rużarju qatt ma tgħid. In-negozju jispiċċa, imma ruħna ma tispiċċax”. Lil ieħor li kien jimxi bil-krozzi, Frenċ qallu: “Jekk għandek rieda tajba, tfieq. Imma, qabel, mur Ta’ Pinu, sib saċerdot, itlob maħfra ‘l Alla, u l-Madonna tfejqek”. Għalkemm b’nofs ħajra, hu mar iqerr f’Ta’ Pinu, u talab lill-Madonna biex tidħol għalih. Meta qam minn bilqiegħda biex joħroġ hu sab li seta’ jimxi mingħajr il-krozzi. B’ringrazzjament, hu ħalla l-krozzi f’dak is-Santwarju, u għadhom hemm sal-lum.

Lil wieħed pulizija li qallu kemm kienu għalxejn il-mediċini li ħa, Frenċ wieġbu: “Biex jgħaddilek l-uġigħ kbir li għandek fl-istonku tiegħek, imorrulek id-dwejjaq kbar li għandek, u ma tiblax aktar pilloli għalxejn, trid l-ewwelnett tirrispetta l-mara li għandek u ma toffendix aktar ‘l Alla bid-dagħa”.

L-akbar hena ta’ Frenċ kien meta, qabel kollox, lill-bniedem kien iressqu lejn Alla. Ġieli tkellem b’ton iebes ma’ min ma kellux il-ħsieb li jbiddel ħajtu. Darba waħda, mar biex ikellmu raġel li miegħu kellu mara li ma kenitx martu. Hu ħa taxi mix-xatt biex twassalhom għandu. Iżda, fit-triq, dak tat-taxi ra lil Frenċ ħiereġ mill-Għarb lejn ir-Rabat riekeb f’taxi oħra. Ir-raġel qal lis-sewwieq: “Dawwar lura, u ġerri ftit ħalli nilħquh”. Hekk għamel, u beda wkoll idoqq il-ħorn waħda f’waħda. Is-sewwieq tat-taxi ta’ Frenċ induna li riedu jwaqqfuh; iżda Frenċ ma riedx, u qallu “Suq u tieqafx”. X’ħin waslu r-Rabat, Frenċ niżel mit-taxi, sadanittant ir-ragel laħqu fil-ħin, mar fuqu, u qallu: “Kont ġej biex inkellmek ftit; iżda ma lħaqnikx id-dar”. Frenċ qallu: “Lili m’għandekx xi tridni; mur”. L-ieħor issikah, u talbu bil-ħniena biex ikellmu. Iżda Frenċ baqa’ iebes u wieġbu: “Meta trid tkellimni, ġib lil martek miegħek”.

Kien hemm soru li kien ilha ħafna tibgħat tgħidlu biex imur jaraha, u Frenċ baqa’ ma jagħtix kasha. Fl-aħħar, hi sabet ‘il min wassalha għand Frenċ, u kif daħlet, ħaditha miegħu talli lanqas biss ma kien iweġibha. Frenċ, bil-kalma kollha, weġibha: “Qiegħda tara kemm jiddispjaċih il-marid meta hu jsejjaħlek, u int ma tagħtix kas tiegħu”.

Ħabbar il-mewt
Frenċ ġieli għaraf tajjeb li, għal xi persuni, il-mewt kienet fil-qrib. Imma mhux dejjem ried jitkellem b’mod ċar dwar dan. Waħda mara marret titolbu xi ħaġa għall-fejqan ta’ żewġha. Meta ħarġet, hu qal hekk: “Tkellmet tant għal żewġha, u ma qalitx kelma waħda għaliha nnifisha” Wara ftit ġranet, dik il-mara daħlet l-isptar, u mietet fi żmien qasir.

Żagħżugħ mar jitlob xi ħaġa għal missieru. Frenċ wrieh li missieru kellu kanċer, u kien se jmut. Lilu hu tah biss xi ħaġa biex jonqoslu l-uġigħ. Frenċ innifsu qal: “Il-mediċina li tajtu kienet ftit żejt ta’ quddiem il-Madonna ta’ Pinu.”

Ir-rakkonti hawn ukoll huma ħafna. Inġibu wieħed ieħor biss. Ġużeppi Cassar, minn Ħal Tarxien, kiteb hekk: “Meta l-mara tiegħi kienet marida l-isptar, billi jien kont naf li hi ma riditx toqgħod hemm, mort għand Frenċ biex nistaqsih x’għandi nagħmel: noħroġhiex jew inħallihiex hemm. Jiena wasalt għandu fil-ħdax neqsin għaxra ta’ figħodu. Kif wasalt għandu, Frenċ għamel miegħi ħaġa li qatt ma kien ghamilha. Hu qabad jgħannaqni u jbusni, u ħassejt ukoll id-dmugħ tiegħu. Qalli wkoll: “In-nies ħarġitha li jien mitt”. Jiena weġibtu: “Jivvintaw tant affarijiet. Int erħilhom; tagħtix kashom’. Imbagħad, staqsejtu dwar il-mara tiegħi: jekk għandix noħroġha jew le mill-isptar. Frenċ weġibni: “Ma jgħidlekx il-professur jekk għandekx toħroġha? Int agħmel dak li jgħidlek hu’. Jiena tlaqt lura lejn Malta, u sibt li l-mara tiegħi kienet mietet. Il-ħin tal-mewt tagħha kien ezattament fil-ħdax neqsin għaxra: x’ħin Frenċ kien qiegħed jgħannaqni u x’ħin semmieli li kienu ħarġuha li miet. X’ħin qgħadt naħseb fuq dawk il-kelmiet ta’ Frenċ u fuq dak li għamel miegħi, jiena ħassejt li hu kien sar jaf bil-mewt ta’ marti; imma lili ma riedx jgħidli b’kelmiet ċari.”

Fl-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Frenċ
Fis-sena 1962, Frenċ għalaq is-70 sena. Imma f’dan iż-żmien hu marad. Il-ħajja tiegħu kienet tbatija. Wara ix-xogħol hu kien isib in-nies jistennewh u dan kompla żidlu fit-toqol tal-ħajja. Wara ix-xogħol hu kien jaqdi lil kulħadd. Ma tantx kien jagħti kas biex jistrieħ xi ftit. Ġieli ma kienx jiekol jew jorqod. Huwa kien jippreferi li jgħin lill-proxxmu u lanqas biss kien jagħti kas kemm ġieli jkun sar ħin. Minkejja dan kollu in-nies kienet xorta tibqa’ tmur, għalkemm kien ikun jidher li hu għajjien.

Fid-9 ta’ Awwissu, 1966 meta ma kienx jonqsu ħlief disa’ xhur ħajja, Frenċ qal hekk għalih innifsu: “Kemm kemm nitħarrku ftit. Ili ħafna ma niflaħx. Ili sena jew iżjed ma noħroġx mid-dar. Bħalissa, iż-żjajjar lil Ta’ Pinu nqabbad lil min jagħmilhom minfloki. Nitqarben hawn id-dar. Jiġi n-neputi jqarbini”.

Frenċ kien waħħal avviż mal-bieb biex bih jgħarraf li ma kienx għadu jservi nies. Imma ħafna baqgħu jiktbulu. Hu kien isib ħafna aktar ħin biex iwieġeb l-ittri fejn kien jgħidilhom bil-mard li kellu, ħalli ma joqogħdux imorru għalxejn. Kemm-il darba, minħabba d-dgħufija tiegħu, hu kien jiddetta l-ittri lil ħaddiehor. L-ittri ta’ dan iż-żmien jixxiebħu ħafna. Inniżżlu biss silta minn waħda minnhom: “Int għarraftni li qiegħda ssofri xi uġigħ f’riġlejk, u tixtieq li jiena nagħtik xi ħaġa; imma jiddispjaċini m’għandix, għax bħalissa ma niflaħx”. Il-wegħdiet tat-talb ma tonqos qatt fit-tweġibiet tiegħu.

Fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, Frenċ, billi qatt ma kien tajjeb għal kollox, ma raqadx iżjed fir-remissa. Hu kien jorqod fis-sodda ta’ kamartu. Kienu snin li Frenċ għaddiehom iqum u joqgħod fis-sodda: daqqa tajjeb u daqqa ħażin. Meta beda jifhem li għalih l-aħħar jum kien qed joqrob, Frenċ beda jlissen l-isem ħelu ta’ Marija aktar ta’ sikwit. Il-Via Sagra minn Ta’ Pinu għal fuq Ta’ Għammar kellha tkun waħda mill-opri li jibqgħu jfakkruh wara mewtu. Fl-aħħar żmien hu kien isemmi dik l-opra ta’ sikwit. Hu kien iħajjar, u jżid imbagħad minn tiegħu. Hu xtaq li jinqalgħu benefatturi li jgħinu f’din l-opra.

Mill-bidu tas-sena 1966, Frenċ ma ħariġx iżjed minn daru. Hu kien ħassu ħażin meta fl-ewwel tas-sena kien ħareġ għall-quddiesa tal-ewwel. Hu kien ikun kiesaħ ħafna, u lil ftit li kienu jmorru jitkellmu miegħu, kien jgħidilhom li ma jdumx ma jsiefer!

U hekk ġara għax fid-19 ta’ Mejju tal-1967 Frenċ ħa l-aħħar nifs, u ruħu daħlet fl-eternita’. Dakinhar kien jaħbat il-ġurnata tal-Ġimgħa. Il-mezzi kollha tar-radju u l-gazzetti xandru l-aħbar tal-mewt tiegħu. Mara mir-Rabat ta’ Għawdex irrakkontat, il-ħasda li ħadet meta, dakinhar tal-mewt tiegħu, hi ħadet lil binha għandu biex titolbu jfejjaqulha. Hi ma kenitx taf li miet. Lilha ħallewha tidħol u ħadet ħasda kbira. Xebba li kienet hemm ħaditilha t-tarbija minn idejha, u missitha ma’ Frenċ. Kif marret lura lejn darha, dik il-mara stagħġbet iżjed għax it-tarbija li ma kenitx timxi bdiet tieqaf fuq riġlejha.

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 1967 saret il-quddiesa tal-funeral tiegħu fil-Kolleġġjata tal-Għarb. Ħafna marru għall-funeral ta’ Frenċ, u bdew jgħidu kontinwament: “Miet qaddis”, u “bħal Frenċ ma jkollniex ieħor.” Frenċ ġie midfun fiċ-ċimiterju msejjaħ Taż-Żejt. Dan hu ċ-ċimiterju tal-Parroċċa tal-Għarb. Il-Qabar tiegħu jġib in-numru 70 A.

Frenċ għadu jinħass li għadu fostna
Għaddew ħafna snin minn meta miet Frenċ iżda hu ma ntesiex bħalma kien hawn minn bassar dakinhar tal-mewt tiegħu. Kulħadd hu ċert li Frenċ malajr beda jgawdi ‘l Alla fil-hena ta’ dejjem. Kif kienu jitolbuh biex jgħinhom meta hu kien għadu ħaj, hekk ukoll issa għadhom jittamaw li jaqilgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu. Fil-fatt ħafna huma il-każijiet ta’ grazzji kbar, wara ukoll il-mewt tiegħu. Illum, Frenċ hu magħruf ħafna iżjed milli kien fl-imgħoddi. Il-‘Ħajja’ dokumentata ta’ Frenċ li kienet ġiet stampata hi eżawrita. Hi ‘ħajja’ li inqrat minn kulħadd: Minn nies fuq kull livell fis-soċjeta’. Il-qdusija ta’ Frenċ hi xhieda li Alla jsejjaħ tassew lil kulħadd għal ħajja perfetta. Frenċ ma kienx qassis jew patri. Hu kien bniedem li għex fid-dinja, bil-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Links about Frenċ tal-Għarb: 

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
  2. https://www.facebook.com/Frenc-tal-Gharb-180562548623350/
  3. http://www.imperialbandclub.com/magazine/2017/49%20-%20French%20tal-Gharb%20-%20Ralph%20Micallef.pdf
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/69276/frenc-tal-gharb-house-opens-its-doors-to-public
  5. http://alfredgrech.blogspot.com/2017/05/lil-frenc-tal-garb-fgeluq-il-amsin-sena.html

Intervista ma’ Frenċ tal-Għarb:

Id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb:

 

Nota: It-Tagħrif dwar Frenċ tal-Għarb huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

26 ta’ Ġunju: San Josemarìa Escrivà de Belaguer

“Ir-rużarju mqaddes huwa arma qawwija. Użah b’kunfidenza u tibqa’ b’ħalqek miftuħ bir-riżultati tiegħu”. ~ San Josemarìa Escrivà de Belaguer.

31b96425252c620f84e4018aa88dd20cSAN JOSEMARÌA ESCRIVÀ DE BELAGUER
Saċerdot
1902 – 1975

Tagħrif: Dan il-qaddis twieled fi Barbastro, Spanja, fid-9 ta’ Jannar 1902. Kien ordnat saċerdot ta’ 23 sena fit-28 ta’ Marzu 1925.

Meta kien Madrid, fit-2 ta’ Ottubru 1928, waqqaf l-Opus Dei, mod ġdid kif l-insara jistgħu jitqaddsu fid-dinja bix-xogħol ordinarju tagħhom u t-twettiq tad-dmirijiet personali, familjari u soċjali tagħhom. Hekk huma jsiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija qawwija fl-ambjenti kollha.

Fl-1930, estenda l-opra tal-Opus Dei anke man-nisa. Fi Frar 1943, waqqaf is-Soċjetà Saċerdotali tas-Salib Imqaddes, magħquda inseparabbilment mal-Opus Dei. L-Opus Dei rċeviet l-approvazzjoni tas-Santa Sede f’Ġunju 1950.

San Josemarìa mexxa u ħabrek biex l-Opus Dei jinxtered mad-dinja kollha b’talb kontinwu, penitenza u bil-prattika tal-virtujiet kollha. L-għerq u ċ-ċentru tal-ħajja interjuri tiegħu kien is-sagrifiċċju tal-quddiesa. Kien konxju ħafna li hu iben ta’ Alla espressa fil-preżenza kontinwa tat-Trinità Qaddisa, li qanqlitu biex ifittex li jidentifika ruħu ma’ Kristu f’kollox, li jgħix devozzjoni qawwija lejn il-Verġni Marija u San Ġużepp, u li jgawdi ħbiberija kontinwa u kollha fiduċja mal-anġli kustodji.

Mons. Escrivà offra aktar minn darba ħajtu għall-Knisja u għall-Papa.

Miet ta’ 73 sena nhar is-26 ta’ Ġunju 1975 f’Ruma, fl-istess kamra fejn kien jaħdem, b’dik l-istess sempliċità qaddisa li kienet il-karatteristika tiegħu tul ħajtu kollha. Il-fdal tiegħu jinsab fil-knisja Prelazjali ta’ Santa Marija tal-Paċi, f’Ruma, fejn ħafna jmorru jitolbu fuq il-qabar tiegħu.

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Beatu f’Mejju 1992 u mbagħad ddikjarah ukoll qaddis f’Ottubru 2002.

L-Opus Dei, li fl-1982 saret prelatura personali, hi mxerrda fil-ħames kontinenti u llum tgħodd ’il fuq minn 60,000 membru fi 80 nazzjon. L-aktar ktieb magħruf tiegħu ‘It-Triq’, jinsab maqlub ukoll bil-Malti.

Ħsieb: Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II hu magħruf sew għal kemm mexxa ’l quddiem l-għarfien mill-Knisja ta’ eluf ta’ qaddisin u beati ġodda. Xi wħud minnhom kellhom il-kawża għall-kanonizzazjoni ilha tistenna s-snin sħaħ. Oħrajn fittex li jħaffef il-proċess tagħhom minkejja li għexu fi żmienna bħall-Beata Tereża ta’ Kalkutta u Josemaria Escriva. Se naraw għaliex …

It-talba tal-Kolletta mil-Liturġija tal-lum, tikkonferma l-verita’ pproklama mill-Konċilju Vatikan II u, b’referenza għal San Josemarìa Escrivà de Belaguer, iżżid: “Agħtina li bl-interċessjoni u l-eżempju tiegħu nistgħu, permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum, niġu ffurmati fuq ix-xbieha ta’ Ġesu’ Ibnek”. Din il-petizzjoni tiġbor fiha t-triq tagħna fuq din l-art: biex insiru aktar bħal Ġesù f’din id-dinja, permezz ta’ attività hekk familjari magħna bħax-xogħol.

Id-dawl tal-fidi jkabbar l-orizzonti tax-xogħol tagħna: jagħmilna naraw li l-bniedem kien maħluq minn Alla, u tqiegħed “fil-ġnien tal-Eden biex jikkoltivah u jżommu” (Ġenesi 2:15). Id-dinja ġiet fdata lill-umanità bħala ġnien li għandu jiġi kkultivat u mrawwem kuljum, spazju b’possibbiltajiet enormi, li għandna niskopru u niżviluppaw għall-glorja ta’ Alla u għas-servizz tal-aħwa.

L-Ispirtu s-Santu huwa l-protagonist kbir f’din it-triq tal-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum. Kif San Pawl jgħid lir-Rumani: “Irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: “Abbà! Missier!” (Rumani 8:15). Hija karba, talba, li l-Ispirtu s-Santu jpoġġi fuq ix-xofftejn tagħna, u li nistgħu nirrepetu matul il-ġurnata, per eżempju meta aħna nesperjenzaw għejja fl-attivitajiet professjonali tagħna, u għandna nkomplu naħdmu. Il-fatt li nafu li aħna wlied Alla, għandu jimlina bil-kuraġġ biex nitolbu u nservu lil kulħadd, u ma nibqgħux indifferenti quddiem dawk li jsofru minn diversi sitwazzjonijiet bħalma huma l-qgħad jew xogħol insikur.

Id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jwassalna għand Ġesù, li jiġi biex jiltaqa’ magħna, bħalma fittex lill-ewwel dixxipli ma’ xatt ix-xmara ta’ Ġenesaret. Huwa jidħol fil-ħajja tagħna bl-istess mod kif daħal fid-dgħajsa ta’ Pietru u l-ħbieb tiegħu. U l-istess dgħajsa li rat falliment professjonali – lejl sħiħ ta’ taħbit bla ma nqabad ħut – issir is-siġġu tat-tagħlim tal-Imgħallem, il-post minn fejn juri l-misteri tar-Renju ta’ Alla. U f’dik l-istess dgħajsa tibda avventura sopranaturali, prefigurata bil-qabda mirakuluża tal-ħut. Il-preżenza ta’ Kristu tittrasforma x-xogħol tagħna, id-dgħajsa antika tagħna, fil-post fejn jaġixxi Alla. U dan jista’ jsir b’ġesti li huma sempliċi imma mimlija bil-karità: għajnuna lil kollega li nsibuha diffiċli li ngħinu, iżda li jeħtieġ pariri prattiċi biex itemm il-ħidma tiegħu, jew forsi niddedikaw ftit minuti lil xi ħadd, jekk nafu li għandhom bżonn jitkellmu għax minn wiċċhom jidhru nkwetati.

Il-Mulej jitlobna nkunu strumenti f’idejh, biex nġibu l-ferħ u l-paċi f’din id-dinja li tant hi nieqsa minnhom. Huwa jindirizzalna l-istess stedina li għamel lil Pietru: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.” (Luqa 5:4). Ix-xbieki, din id-darba, jintefgħu f’dak ix-xogħol mimli bil-grazzja divina, sabiex jinħoloq lok għax-xhieda Nisranija, ta’ għajnuna sinċiera lill-kollegi tagħna u lin-nies kollha taħt il-kura tagħna. Nistgħu niftakru hawn fl-istedina tal-Papa Franġisku: “Meta l-isforzi tiegħek biex terġa’ tħeġġeġ il-fidi fil-ħbieb tiegħek jidhru li huma għal xejn, bħall-isforzi tas-sajjieda tul il-lejl, ftakar li ma’ Ġesù kollox jibdel. Il-Kelma tal-Mulej mliet ix-xbieki u l-Kelma tal-Mulej tagħmel il-ħidma missjunarja tad-dixxipli tiegħu effettiva” (22 ta’ Settembru 2013).

L-Ispirtu s-Santu, li jgħix magħna, iħeġġiġna, jekk nippermettulu, biex nitfgħu fil-fond ix-xbieki tagħna, jiġifieri li nidħlu f’dawk l-orizzonti appostoliċi li aħna niskopru kuljum: fil-familja tagħna, fl-ambjent professjonali tagħna, fir-relazzjonijiet mal-ħbieb u konoxxenti. Il-mirakli se jiġu ripetuti, kif San Josemaría qal: “Meta Ġesù mar f’xatt il-baħar mad-dixxipli tiegħu ma kienx qed jaħseb biss dwar il-qbid tal-ħut. U għalhekk meta Pietru jaqa’ fuq irkuptejh u umilment jammetti: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena raġel midneb,” il-Mulej wieġbu: “Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies”(Luqa 5:10). F’din il-ħidma ġdida tas-sajd, il-poter u l-effettività ta’ Alla se jkunu wkoll disponibli: l-appostli huma strumenti għall-ħidma ta’ stagħġib kbir, minkejja n-nuqqasijiet personali tagħhom” (Ħbieb ta’ Alla, nru 261). Aħna wkoll għandna nkunu appostli, appostli f’nofs ix-xogħol tagħna u r-realtajiet umani kollha li fihom aħna msejħa biex inġibu lil Alla.

Il-Madonna hija r-Reġina tal-Appostli, kif ngħidulha fil-litanija tar-Rużarju. Ejjew nitolbu lil Marija biex tgħallimna nassistu b’mod attiv il-missjoni tal-Knisja għas-salvazzjoni tad-dinja. Din hija x-xewqa li ġarr f’qalbu San Josemarìa Escrivà de Belaguer: li nqiegħdu lil Kristu fiċ-ċentru u fl-għerq ta’ kull attività umana, f’unjoni mal-Knisja kollha: omnes cum Petro ad Iesum per Mariam!

Talba: O Mulej, Int dawwalt lil San Josemarìa Escrivà de Belaguer u wrejtu kif isir aktar bħal Ibnek Ġesù f’din id-dinja, permezz tal-attivitajiet ordinarji ta’ kuljum u hu għallem dan fil-Knisja, agħtina li bl-interċessjoni u l-eżempju tiegħu nistgħu, permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum, niġu ffurmati fuq ix-xbieha ta’ Ġesu’ Ibnek. Bl-istess Ibnek Ġesu’ Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-josemaria-escriva-de-balaguer-734

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-josemaria-escriva-de-balaguer/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josemar%C3%ADa_Escriv%C3%A1

Film on Saint Jose Maria Escriva for kids:

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Ġunju: San Ġwann Franġisk Regis

“Ħa nqiegħdu b’konvinzjoni mill-ġdid fiċ-ċentru lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, biex jagħtina li mmissu b’idejna l-kobor tal-ħniena. Dan ikun għal kull penitent għajn ta’ sliem ġewwieni veru”. ~ Il-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ vultus, nru 17

0616-SAN-FRANCISCO-DE-REGIS.jpgSAN ĠWANN FRANĠISK REGIS
Saċerdot
1597 – 1640

Tagħrif: Kien ġej minn familja nobbli tal-Languédoc (Franza) fejn twieled fl-1597. Studja fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Beziers, u ta’ 19-il sena daħal magħhom. Qaddes ta’ 33 (1630) u sena wara beda l-ħidma tiegħu missjunarja.

L-ewwel missjoni tiegħu kienet qalb in-nies morda bil-pesta. Kien hu li talab biex imur jaqdi l-appostolat tiegħu fosthom, minkejja li s-superjuri
tiegħu kienu kuntrarji għaliex ma riedux jesponuh għall-periklu ta’ saħħtu. Imma Alla ħelsu mill-marda għaliex kellu pjanijiet oħra għalih. Bil-ħidma tiegħu appostolika huwa kkonverta ħafna nies u s-superjuri tiegħu meta raw fih din il-kariżma bagħtuh jaqdi doveri oħra missjunarji fl-artijiet ta’ Franza. Hawn ukoll kien il-mezz li ħafna kkonvertew mill-ereżija tal-Ugonotti li kienet komuni u persistenti ħafna.

Waqqaf assoċjazzjoni ta’ nisa biex jipprokuraw għajnuna lill-ħabsin u kien strument li jitwaqqfu ħafna fratellanzi tas-Sagrament. Huwa għadda ħafna xtiewi fil-missjoni qalb il-muntanja u bosta n-nies kienu jterrqu qalb il-ksieħ u s-silġ biex jisimgħuh jippriedka u jqerru.

Barra il-katekiżmu u l-priedki, huwa kien iżur il-morda u l-ħabsijiet u jgħin lil min kien bżonn tal-għajnuna tiegħu. Mal-5000 ruħ kienu jiffullaw fil-knisja tal-Benedittini ġewwa Saint- Pierre le Moustiers biex jisimgħu l-kelma qaddisa tiegħu.

Fid-disa’ snin u nofs bħala qassis għamel aktar minn kulħadd fil-kontro-riforma biex iqajjem il-fidi fl-inħawi ta’ Viviers u Le Puy.

Għal żmien twil xtaq li jinbagħat il-Kanada biex jikkonverti l-Indios, imma l-art tal-missjoni tiegħu kienet pajjiżu.

Wara tnax-il sena ta’ ħidma huwa marad u miet bl-iplewrite ta’ 44 sena. Difnuh ġewwa Louvsec qalb il-muntanji fejn ħafna pellegrini jmorru jżuruh. Papa Klement XII ħatru qaddis fis-sena 1737. Il-Kurat t’Ars jattribwixxi lil dan il-qaddis it-twettiq tal-vokazzjoni tiegħu għas-saċerdozju.

Għalkemm il-festa liturġika tal-qaddis hija fil-31 ta’ Diċembru, in-nies ta’ La Louvsec jiċċelebrawha fis-16 ta’ Ġunju minħabba l-ksieħ u s-silġ tal-muntanja matul Diċembru.

Ħsieb: Lil San Ġwann Franġisk Regis kienu jsejħulu wkoll l-anġlu tal-kulleġġ għaliex kien
eżemplari għall-aħħar. Kliemu biss fuq Alla u kull min kien jisma’ il-quddiesa tiegħu kien jimtela bl-imħabba lejn Alla.

Kien jaħdem bla mistrieħ. Darba qagħad ġurnata sħiħa fuq gozz borra fuq muntanja jippriedka u mbagħad għadda lejl sħiħ iqarar. Darba waqa’ waqt vjaġġ u kiser siequ iżda bl-għajnuna ta’ bastun u mistrieħ fuq spalla ta’ sieħbu rnexxielu jasal sal-konfessjonarju. Wara x-xogħol tal-jum instab li siequ kienet imfejqa.

Mara li rranġatlu t-tunika mqatta’ tiegħu kien fadlilha xi biċċiet imqatta minnha u permezz tagħhom fiequ żewġ itfal morda. Dan il-miraklu ġera bħal leħħa ta’ berqa kullimkien qalb il-muntanji.

Kien ħsiebu biex jgħin lill-foqra. Kellu kamartu mimlija ħwejjeġ, għamara u mbarazz ieħor li kien jiġbor għalihom. Fost il-penitenti tiegħu f’Le Puy organizza programm soċjali li kien jinkludi żjarat fil-ħabsijiet, kura tal-morda, tqassim ta’ qamħ lill-foqra, u kenn għan-nisa. Il-poplu kien isibu bħala “l-qaddis”.

Il-Kurat t’Ars irċieva miraklu bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis. L-orfanatroju ta’ Ars ma kellux aktar qamħ għall-ħobż u l-ħsad tant kien fqir li ma setgħax jitlob lill-poplu biex jagħti aktar għajnuna. Huwa poġġa medalja wara l-bieb tal-kamra vojta fejn kien jżommu l-qamħ u l-għada bil-kemm setgħu jiftħu għax il-kamra kienet mimlija totalment.

Fl-aħħar erba’ xhur ta’ ħajtu jingħad li qarar mal-10,000 ruħ. Nafu li dan tal-lum u bosta qaddisin oħra, taw daqshekk importanza kbira lis-Sagrament tal-Qrar, u aħna? Tajjeb li b’dawn ir-riflessjonijiet li ġejjin f’moħħna, nersqu għall-Qrar b’mod frekwenti għax dan jiswa lil ruħna.

Ejjew nirfsu l-għatba ta’ din il-ħniena ta’ Alla li qatt ma jegħja jaħfer, qatt ma jegħja jistenniena! (Il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, 18 ta’ Novembru 2015)

Ħa nqiegħdu b’konvinzjoni mill-ġdid fiċ-ċentru lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, biex jagħtina li mmissu b’idejna l-kobor tal-ħniena. Dan ikun għal kull penitent għajn ta’ sliem ġewwieni veru. (Il-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ vultus, nru 17)

Il-konfessuri huma msejħa jkunu dejjem, kullimkien, f’kull sitwazzjoni u minkejja kollox, is-sinjal tal-primat tal-ħniena. (Il-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ vultus, nru 17)

Fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni Alla jaħfer id-dnubiet, li huma tassew imħassra; madankollu, tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u naħsbu. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll. (Il-Papa Franġisku, Bolla Misericordiæ vultus, nru 22)

Mezz sempliċi li minnu taslilna l-qawwa li tfejjaq huwa s-sagrament tal-Qrar. Meta permezz ta’ dan is-sagrament, il-bniedem iduq il-benna tal-ħniena ta’ Kristu, hu jibda jintebaħ bil-kruha tad-dnub u jibda jħoss l-indiema u jikkonverti! (L-Isqfijiet Maltin, “Kristu Mediċina għall-mard tagħna”, Ittra Pastorali għar-Randan 2016)

Talba: O Alla dejjem lest li tħenn għal min jindem u tieħu ħsiebu fi bżonnijietu, f’San Ġwann Franġisk Regis rajna t-tjieba tiegħek ta’ Missier, Ragħaj u Salvatur, agħmel li b’talbu u bl-eżempju ta’ ħajtu, b’mod speċjali tad-dedikazzjoni tiegħu biex jaħfer lin-nies f’Ismek fis-Sagrament tal-Qrar, aħna nagħrfu ngħożżu u nirċievu b’aktar impenn dan is-Sagrament li bih niġu mnadfa minn dnubietna bis-saħħa ta’ Demmek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-john-francis-regis.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-francis-regis/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Francis_Regis

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Mejju: Santa Ubaldeska

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom”. ~ Rumani 8:28.

SantaUbaldescaTacciniSANTA UBALDESKA
Verġni
1136 – 1206

Tagħrif: Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia, qrib Pisa l-Italja, fl-1136. Il-ġenituri tagħha kienu bdiewa umli u rawmuha fil-biża’ t’Alla. Kienu jipprattikaw l-virtù tal-ubbidjenza u tas-silenzju u minn età żgħira binthom trawmet f’dan l-ambjent. Kienet tfajla bieżla ħafna u mehdija fit-talb.

Ubaldeska kienet tħobb ħafna l-foqra u kull meta ġiet f’kuntatt magħhom qatt ma kienet tħallihom mingħajr ma tagħmel xi att ta’ karità magħhom. Meta ma kien ikollha xejn xi ttihom, kienet tħallihom bit-tbissima ħelwa tagħha, u b’inkuraġġiment.

Talbet lil Alla jmexxiha u jgħarrafha x’jixtieq minnha. Ta’ erbatax-il sena kellha dehra u anġlu qalilha biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Meta rrispondietu li ma kellhiex mnejn tixtri d-dota l-anġlu weġibha li l-Ispirtu s-Santu jipprovdilha.

Hija daħlet il-kunvent fejn laqgħuha b’ferħ kbir. Il-qdusija tagħha kienet ta’ eżempju għal ħutha s-sorijiet. Kienet tgħix ħajjitha fit-talb, sawm, astinenza u penitenza, dejjem fil-prattika tal-virtujiet tal-ubbidjenza, umiltà u tjubija kbira. Kienet karitattiva ma’ kulħadd u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, anke meta kienet tkun qiegħda ssofri. Dan kien dovut għall-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Ġesù, Marija u l-qaddisin. Kienet tħoss kontinwament il-preżenza ta’ Ġesù maġenbha.

Il-kunvent għadda minn perjodu ta’ faqar kbir, tant li biex tgħix il-kongregazzjoni, flimkien mal-foqra li kien ikollhom taħt is-saqaf tagħhom, kellhom joħorġu jittalbu fil-belt. Santa Ubaldeska kienet waħda mis-sorijiet li għal snin twal kienet toħroġ tittallab biex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-kunvent.

Fil-festa tat-Trinità Qaddisa, it-28 ta’ Mejju 1206, il-qaddisa ħalliet din id-dinja kawża ta’ ferita f’rasha, ikkawżata minn inċident li seħħ xi ftit ġimgħat qabel. Ġimgħa wara li mietet Fra Doctus, id-direttur spiritwali tal-kunvent, kellu rivelazzjoni, ra lill-qaddisa dieħla l-ġenna mdawwra mill-kori tal-anġli. Bena monument, fejn tpoġġa l-ġisem tagħha għall-venerazzjoni. Ħafna mirakli ġew attribwiti lilha wara żjara ’l-qabar tagħha.

Il-Granmastru Fra Hugh de Loubenx Verdala ordna li xi relikwi tal-qaddisa jintbagħtu fil-Belt Valletta, Malta. Għalhekk fit-28 ta’ Mejju 1587, tpoġġew fil-kappella prinċipali tal-monasteru. Fl-1636 inbniet knisja ġewwa Malta (Paola) ddedikata lil Santa Ubaldeska.

Ħsieb: Il-Knisja li nsibu f’Raħal il-Ġdid iddedikata lil Santa Ubaldeska, tinsab fi Triq l-Arkata. Qabel ma nbniet il-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-knisja ta’ Santa Ubaldeska kienet dik il-knisja li mitt sena ilu saret l-ewwel Parroċċa ta’ Raħal Ġdid.

Santa Ubaldeska hi fost l-qaddisin li kienu jagħmlu parti mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan jispjega d-devozzjoni li kellhom għaliha diversi kavallieri fosthom il-Gran Mastru Antonie De Paule li waqqaf din il-knisja f’Raħal Ġdid. L-akbar tagħrif dwar din il-qaddisa insibuh appuntu fil-ktieb “Dell’Istoria della sacra religione” ta’ Giacomo Bosio, li kien l-istoriku tal-Ordni.

Ubaldeska jingħad li anke kienet tagħmel mirakli waqt li kienet għadha ħajja. Xi kwadri juruha b’ġarra żgħira f’idha. Din hija referenza għall-miraklu li jingħad li wettqet darba ma’ xi pellegrini. Darba, kienet qed ittellgħa l-ilma mil-bir meta waslu ħdejha xi pellegrini għajjenin li talbuha ftit ilma biex jixorbu. Ubaldeska bierket l-ilma li kienet għadha kemm tellgħet mill-bir bis-sinjal tas-Salib u tagħthom jixorbu mill-ġarra. Il-pellegrini tomgħew inbid, mhux ilma, u malajr intebħu li kien sar miraklu permezz ta’ dik is-soru qaddisa. Fl-ikonografija, din is-soru tidher ukoll b’Palma f’idejha. Il-Palma hi s-sinjal tal-Martirju iżda għalkemm din il-qaddisa qatt ma soffriet il-Martirju kif nifhmu ġeneralment bil-kelma, il-Palma tirrapreżenta l-“martirju” ta’ tbatija u sofferenzi li għaddiet minnhom f’din id-dinja.

Imma darba waħda meta hi kienet qiegħda tittallab, u qed taqsam il-“pont tax-xewk” waqgħet ġebla minn fuq bini li kien għadu tiela’ u weġġa’ serjament lil Ubaldeska f’rasha. Marret tħaffef lejn il-kunvent u meta rawha kollha dmija riedu jdewwuha. Hi ma riditx u qaltilhom li tħalli kollox f’idejn Alla. Il-ġerħa li kellha kompliet tinfetħilha imma hi kompliet tirrifjuta li tiġi kkurata. Infatti, hija mietet kawża ta’ din il-ferita.

Darba, Fra Bartolo de Palmieri, Prijur tal-Prijorat tas-San Sepulkru f’Pisa, irċieva favur speċjali mingħand Sant’Ubaldeska u bħala ringrazzjament, nhar il-festa tagħha li taħbat ma’ dik tat-Trinità Qaddisa, poġġa l-fdal tagħha ġo urna aktar elaborata. Beda wkoll jiċċelebra l-ġurnata tagħha kull sena.

Aktar tard, il-Gran Mastru Fra Hughes Loubenx Verdale talab lill-Kavallier Guilio Zanchini, li kien Fjorentin u l-Logutenent tal-Prijur ta’ Pisa biex iġib f’Malta parti mill-fdalijiet tal-qaddisa biex jitqiegħdu fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann. Dan sar bil-permess tal-Papa Sistu V b’ordni maħruġ fl-20 ta’ Settembru tal-1586. L-ordni tal-Papa kienet tgħid ukoll li kull nhar l-20 ta’ Mejju ta’ kull sena kellha ssir festa f’unur il-qaddisa u li għal din il-festa kellu jintuża l-istess Uffiċċju li kien jintuża fil-knisja Metropolitani ta’ Pisa. Huwa ta Indulġenza Plenarja perpetwa lil dawk il-Fidili li żaru l-fdalijiet tagħha meta dawn inġabu f’Malta nhar l-20 ta’ Mejju tal-1587. Fl-1808, il-Franċiżi li kienu għadhom taħt l-ispirtu tar-rivoluzzjoni, qerdu l-kunvent u l-fdalijiet ta’ Sant’Ubaldeska f’Pisa.

Ara aktar informazzjoni dwar il-Kappella ta’ Santa Ubaldeska

Talba: O Alla, għat-talb ta’ Santa Ubaldeska u għall-merti li hija kisbet mill-ħajja ta’ qadi lejn l-aħwa morda tal-Ordni, agħtina li aħna wkoll naqdu b’wiċċ ferrieħi lil kull min jeħtieġ tas-servizz tagħna u li nieħdu kollox minn idejk meta nħabbtu wiċċna mas-saram ta’ din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://smom-za.org/saints/ubaldesca_text.htm

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-ubaldesca-taccini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ubaldesca_Taccini

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit Kappelli Maltin.

16 ta’ April: Santa Bernardina Soubirous

“Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok”. ~ Ġesu’ f’Luqa 10:21

Bernadette-Soubirous-FBSANTA BERNARDINA SOUBIROUS
Verġni
1844 – 1879

Tagħrif: Din il-qaddisa tibqa’ l-aktar magħrufa minħabba d-dehriet li kellha tal-Madonna f’Lourdes.

Maria Bernarda twieldet f’Lourdes u kienet il-kbira minn sitt aħwa, ulied Francois Soubirous u martu Louise Castérot. Bernadette, kif kienu jsejħulha d-dar, kienet tifla marradija u tbati bl-ażma, u meta kellha 10 snin anki ħadet il-marda tal-kolera. Missierha li kellu magna tad-dqiq ma kienx jinqala’ għan-negozju u l-familja sabet ruħha f’faqar kbir u kellha tmur toqgħod f’dar se taqa’ u ma taqax.

It-tifla rċeviet ftit skola, u kienet miżmuma bħala moħħha ma jagħtihiex. Fl-1858, fis-sena li fiha għamlet l-Ewwel Tqarbina, seħħew ġrajjiet straordinarji li biddlu għal kollox ħajjitha u li għamluha tant magħrufa.

Id-dehriet tal-Madonna b’kollox kienu 18-il waħda. F’dik tal-25 ta’ Marzu, meta Bernadette reġgħet staqsiet lis-sinjura tad-dehriet x’kien jisimha, il-Madonna weġbitha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata.” Il-Papa B. Piju IX kien ipproklama d-domma tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija fit-8 ta’ Diċembru ta’ tliet snin qabel.

L-ilma li ħareġ mill-post fejn Bernadette ħaffret fuq it-talba tal-Madonna sar għajn ta’ fejqan għal bosta, imma dak l-istess ilma lilha ma fejjaqhiex mill-mard tagħha. Kienet qaltilha l-Madonna: “Inwiegħdek li nagħmlek hienja, mhux f’din id-dinja iżda fl-oħra”.

Bernadette kellha tgħaddi minn żminijiet diffiċli: sabet oppożizzjoni u ma kinitx emmnuta kemm mill-awtoritajiet tal-Knisja kif ukoll dawk ċivili. Ma tawx kasha għax qalu li kienet tifla sempliċi, bla skola u tbati mill-alluċinazzjonijiet. Imma s-sinċerità ovvja tagħha u s-sens komun tagħha wasslu biex ħafna bdew jemmnu fid-dehriet. Hi kienet tobgħod il-pubbliċità li għaliha kienet esposta minħabba d-dehriet u kienet tirrifjuta li taċċetta flus jew rigali oħra mill-ħafna nies li kienu jmorru biex jarawha.

Fl-1864, talbet biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Notre Dame f’Nevers, imma minħabba saħħitha ma ġietx milqugħa qabel l-1866, meta kienet aċċettata bħala novizza u ħadet l-isem ta’ Maria-Bernarda.

Hi għexet il-bqija ta’ ħajjitha bħala soru ordinarja u ma ħarġitx mill-kunvent, lanqas fl-1876 fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru biex ifakkru l-ftuħ ta’ bażilika ġdida f’Lourdes. Jidher li din kienet għażla tagħha; xtaqet kieku tkun preżenti imma riedet tevita l-attenzjoni fuqha. “O, kieku kont nista’ mmur bla ma ħadd jarani”, qalet.

Kellha xewqa kbira li titqaddes: “Jeħtieġli nkun qaddisa,” kitbet, “Ġesù dan li jrid minni u jiena obbligata li nkun hekk mill-vokazzjoni tiegħi.” Kellha sens kbir ta’ umiltà. Dwar dak li ġara minnha qabel ma daħlet reliġjuża, Bernadette xebbhet lilha nfisha ma’ xkupa: “Il-Madonna nqdiet bija. Imbagħad qegħduni lura fir-rokna tiegħi. Jiena hienja li nieqaf hemm.”

Il-mard qatt ma ħallieha għal kollox. L-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, il-mard daħal aktar ’il ġewwa. Kienet issofri minn tuberkolożi fl-għadam bi tbatijiet kbar. Mietet ta’ 35 sena, nhar is-16 ta’ April tas-sena, 1879. Bernadette Soubirous kienet iddikjarata qaddisa fis-Sena Mqaddsa tal-Fidwa 1933, mill-Papa Piju XI. Il-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Frar. (ara Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes).

Ħsieb: Miljuni ta’ nies marru ħdejn l-għajn li ħaffret Bernadette ifittxu l-fejqan tal-ġisem u tal-ispirtu, iżda hi ma ġietx eżentata mill-mard minn din l-għajn. Bernadette għaddiet il-ħajja tagħha, iggwidata biss minn fidi għamja f’affarijiet li ma kinitx tifhem – kif aħna wkoll ngħaddu, minn żmien għal żmien. Alla għażel lil Bernadette minn fost ħafna biex permezz tad-dehriet tal-Madonna, jinħoloq post ta’ faraġ u fejqan fil-ġisem u r-ruħ, għall-bnedmin kollha. Imma għaliex intgħażlet propju Bernadette? Nafu li kienet tifla bla ebda importanza, sempliċi u b’nuqqas ta’ intelliġenza. Imma dan m’għandux jiskantana ladarba l-Kelma t’Alla stess tgħidilna:

“Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ‘il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla” (1 Korintin 1:27-29).

U Ġesu’ nnifsu jgħid li: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Mark 10:15).

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2017, fl-omelija tiegħu f’Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku  qal hekk:

“Jeħtieġ li niċċekknu biex inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej. Il-Mulej għażilna u sar wieħed minna biex jimxi magħna fil-ħajja, u ta lil Ibnu, il-ħajja ta’ Ibnu, għall-imħabba tagħna. Mosè, fil-Ktieb tad-Dewteronomju jgħid li Alla għażilna biex inkunu l-poplu tiegħu fost il-popli kollha tad-dinja. F’dan it-test, insibu żewġ kelmiet partikolari: ‘għażla’ u ‘ċokon’. Ma konniex aħna li għażilna lilU imma kien Alla li sar ilsir tagħna. Intrabat ma’ ħajjitna biex ma jinfired qatt iżjed. U Hu jibqa’ fidil f’dan l-atteġġjament tiegħu. Aħna ġejna magħżulin għall-imħabba u din hi l-identità tagħna.

Tgħid, jien għażilt din ir-reliġjon? Le, int m’għażilt xejn. Huwa Hu li għażel lilek, sejjaħlek u ntrabat miegħek. U din hi l-fidi tagħna. Jekk dan ma nemmnuhx ma nkunux fhimna x’inhu l-messaġġ ta’ Kristu, ma nkunux fhimna l-Vanġelu.

Dwar it-tieni kelma: iċ-ċokon, niftakru li Mosè għamilha ċara li Alla kien għażel il-poplu ta’ Iżrael, għax kien l-iċken fost il-popli. Alla, innamra maċ-ċokon tagħna u għalhekk għażilna. Hu jagħżel liż-żgħar, mhux lill-imkabbrin, lill-kbar. Hu juri ruħu liċ-ċkejknin: Ħeba dawn il-ħwejjeġ lil min hu għaref u wriehom liċ-ċkejknin. Jekk int trid tifhem xi ħaġa mill-misteru ta’ Ġesù, iċċekken. Agħraf ix-xejn tiegħek għax Alla mhux biss jagħżel u juri ruħu liċ-ċkejknin imma jsejħilhom: ‘Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħassbin u mtaqqlin u jiena nfarraġkom.’ Intom li intom ċkejknin – minħabba t-tbatija, minħabba l-għeja….

Allura lill-kbar ma jsejħilhomx? Qalbu miftuħa, imma l-imkabbrin ma jirnexxilhomx jisimgħu leħen il-Mulej għax huma mimlijin bihom infushom. Il-Qalb ta’ Alla hija Qalb li tħobb, li tagħżel, li hi fidila u li tintrabat magħna, li turi ruħha liċ-ċkejknin, issejħilhom u tiċċekken hi stess. Il-problema tal-fidi hi l-qofol tal-ħajja tagħna: nistgħu nkunu twajba ħafna imma ma jkollniex fidi jew tkun nieqsa”.

  • U int, tgħodd ruħek maċ-ċkejknin, bħal Santa Bernardina Soubirous, biex bis-sinċerita’, bil-fidi u b’qalb miftuħa tilqa’ l-Kelma ta’ Alla u tgħix kif iridna Hu?

Ejjew ma ninsewx, li f’din id-dinja min jitkabbar, jiċċekken u min jiċċekken, jitkabbar għall-eternita’!

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, hekk kif talbitna l-Madonna permezz ta’ Santa Bernardina ġewwa Lourdes, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: O Santa Bernardina Soubirous, li kont ċkejkna f’din id-dinja, imma ġejt magħżula għal tmintax-il aparizzjoni tal-Immakulata Verġni Marija u bil-privileġġ li titkellem magħha b’mod dirett, issa li qed tgawdi b’mod etern is-sbuħija tal-Immakulata Omm Alla, interċedi għalina, ħalli nimxu bit-toroq sempliċi tal-fidi. Għinna nobdu bħalma għamilt int, lir-Reġina tas-sema, billi ngħidu r-Rużarju ta’ kuljum u billi nagħmlu penitenza għall-midinbin. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-bernadette-soubirous.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bernadette-soubirous/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernadette_Soubirous

Film 1:

Film 2:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Marzu: Santa Koletta ta’ Corbie

Verżjoni Vidjo: Santa Koletta ta’ Corbie

“Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.” ~ Ġesu’ fi Ġwanni 14:12-14

Santa Coleta Boylet de Corbie, Virgem ClarissaSANTA KOLETTA TA’ CORBIE
Reliġjuża u Riformatriċi
1381 – 1447

Tagħrif: Santa Koletta Boilet tibqa’ magħrufa bħala l-aktar waħda li ħabirket matul it-800 sena tal-istorja tal-Klarissi biex tiġi osservata r-regola tal-bidu, ir-regola li kitbet Santa Klara nnifisha.

Nikoletta (kif kien isimha proprju) twieldet fi Franza fl-1381; hi kienet tifla sabiħa, imma tant ma kien fiha xejn li kienu jaħsbu li se tmut ta’ età ċkejkna. Billi niesha rawha tifla twajba, ħallewha libera biex tagħti ruħha għat-talb u għax-xogħol tad-dar.

Ta’ sbatax-il sena Koletta tilfet lill-ġenituri tagħha u ġie nkarigat biex jieħu ħsiebha l-abbati ta’ Corbie f’Picardy, fejn missierha kien mastrudaxxa. Inkitbet Terzjarja Franġiskana. F’inqas minn sentejn hija ppruvat tidħol mal-Begwini, mal-Benedittini u mal-Klarissi, imma ma rnexxilhiex.

Billi xtaqet tgħaddi ħajja moħbija u fis-skiet hi bdiet tgħix bħala eremita f’post qrib il-knisja ta’ Corbie. Minħabba l-ħajja qaddisa tagħha kienu jmorru ħafna jżuruha. Tul it-tliet snin li damet tgħix waħedha, hi kellha dehra ta’ San Franġisk t’Assisi li fdalha x-xogħol li tagħti lura lis-sorijiet Klarissi l-mod ta’ ħajja iebsa kif kienet fil-bidu.

Meta Koletta bdiet il-ħidma tagħha, il-biċċa l-kbira tal-monasteri kienu qegħdin josservaw ir-regola li għamel il-Papa Urbanu IV, li kienet tippermetti lis-sorijiet li jkollhom dħul fiss ta’ flus.

Hija marret għand il-Papa Benedittu XIII. Dan emmen lil Koletta, iddispensaha milli tagħmel novizzjat, laqagħha mal-Klarissi u għamilha badessa ġenerali ta’ kull monasteru li setgħet twaqqaf jew tirriforma. Hija kien għad kellha biss ħamsa u għoxrin sena. Fl-erbgħin sena ta’ wara hija waqqfet mill-inqas sbatax-il dar u rriformat ħafna oħrajn, u kitbet kostituzzjonijiet hija stess.

It-talb kien ir-rifda tagħha. Sikwit kienet titla’ f’estasi wara t-tqarbin. Hija kienet tgħaddi l-ġurnata tal-Ġimgħa mehdija fuq il-passjoni ta’ Kristu, bla ma tiekol jew tixrob. Kienet tgħid li l-aktar ħaġa li setgħet iġġegħelha ssofri kienet li tgħaddi ġurnata bla ma tbati xi ħaġa għal Alla.

Kienet tikkonsulta wkoll qaddisin ta’ żmienha bħal Ġovanna d’Arco, u Ġwanni Capistran. Id-dumnikan San Vinċens Ferreri, li flimkien miegħu ħadmet biex tintemm ix-‘Xiżma tal-Punent’, taha Kurċifiss bħala turija ta’ apprezzament.

Santa Koletta ta’ Corbie mietet titlob għall-konverżjoni tal-midinbin, fl-età ta’ 67 sena, nhar is-6 ta’ Marzu 1447. Hi ġiet ikkanonizzata mill-Papa Benedittin Piju VII, fl-1807. Il-fdal tagħha jinsab meqjum ġewwa urna mill-isbaħ fil-knisja tas-sorijiet tagħha ta’ Poligny fi Franza. Hija l-Patruna ta’ dawk li jixtiequ t-tfal u li jkollhom xi problemi fit-tqala.

Ħsieb: Twieldet meta ommha kienet diġa’ kellha 60 sena, minkejja li l-omm talbet għal snin twal li jkollha iben. It-talba tagħha kif xtaqitha hi qatt ma seħħet. Ir-rieda ta’ Alla kienet li l-wild ikun femminili. Billi t-talb tagħha kien indirizzat lejn l-interċessjoni ta’ San Nikola ta’ Bari, li kien meqjum ħafna f’dik l-epoka, ommha semmietha għall-qaddis, Koletta.

Kienu jsejħulha Nikoletta fil-qosor Koletta f’ġieħ San Nikola minn Bari. Kienet soru eżemplari ħafna u ta’ tjubija liema bħala hekk li Alla żejjinha b’doni kbar, bħalma kienu l-estasi, profeziji, qari tal-qlub u rivelazzjonijiet fuq erwieħ li kienu ħallew din id-dinja, saħansitra anke billi wetqet mirakli.

Sa minn mindu kienet żgħira t-tfajla kienet tagħmel opri ta’ karita’ u penitenza. Kienet il-providenza divina li lluminat lil Koletta biex tirriforma l-ordni tal-Klarissi, liema riforma seħħet wara xi problemi u taħbit. Barra dan hija rnexxielha twaqqaf 17 il-kunvent ġdid biex fih iħaddnu nisa li riedu jgħixu l-ħajja konsagrata.

Ta’ min isemmi li s-soru kienet tkun ittentata ħafna waqt it-talb mix-xitan biex ma jħallihiex titlob u meta darba llamentat ma’ Alla dwar dan, ix-xitan qalilha: “Ieqaf mit-talb tiegħek għaliex it-talb tiegħek jaħqarna aktar milli aħna naħqru lilek.” Il-Franġiskan Pietro de Vaux li kien jafha personalment u kien preżenti fil-mumenti tal-aħħar ta’ ħajjitha jirrakonta fost l-oħrajn li Kolett kellha dehriet anġeliċi li kienu jħarsuha mill-attakki tax-xitan.

  • U int, tagħti eżempju tajjeb lil ta’ madwarek?
  • Tippersevera fit-talb anki jekk ix-xitan jagħtik bosta raġunijiet għalfejn għandek tieqaf?
  • Kemm hi importanti għalik li mhux int biss tgħix tajjeb imma li ngħin u twassal lill-oħrajn b’kull mezz possibli biex jagħmlu l-istess?

Talba: O Alla, int qanqalt lil Santa Koletta ta’ Corbie bl-Ispirtu Qaddis tiegħek biex hija treġġa’ lura fil-Knisja dik l-istil ta’ ħajja li bdiet Santa Klara ta’ Assisi snin qabel; agħmel li, aħna wkoll ngħixu ta’ nsara awtentiċi billi nimxu fuq it-tagħlim tiegħek u tal-Knisja Kattolika li waqqaf Ibnek il-Għażiż. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-colette.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-colette/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Colette_of_Corbie

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.