9 ta’ Ottubru: San Djonisju

Verżjoni Vidjo: San Djonisju

“Rasek ġiet maqtugħa mill-bqija ta’ ġismek, u int bħala wieħed kbir, ġrejt biha f’idejk, Djonisju.” – Versi fuq San Djonisju minn San Nikodemu l-Hagiorite (magħruf ukoll bħala tal-Muntanja Mqaddsa)

saint1SAN DJONISJU
Isqof u Martri u Sħabu Martri
? – 258

Tagħrif: Skont tradizzjoni, San Djonisju, magħruf ukoll bħala San Denis, twieled l-Italja.

Għall-ħabta tas-sena 250 mar Franza flimkien ma’ sitta minn sħabu, u sar l-ewwel Isqof ta’ Pariġi, u flimkien ma’ San Rustiku, qassis, u mad-djaknu San Elewterju, ħa l-martirju mhux ’il bogħod minn Pariġi.

It-tradizzjoni tgħid li l-ħidma tagħhom biex jikkonvertu lin-nies għall-Kristjaneżmu kienet tant effettiva li l-qassisin pagani instigaw lill-Gvernatur Ruman biex jarrestahom. Wara li żammewhom żmien twil fil-ħabs, qatluhom bil-qtugħ tar-ras, u tefgħu ġisimhom fix-xmara Siene, fis-sena 258.

Katulla, mara Nisranija, ħadet l-iġsma tagħhom u difnithom qrib il-post fejn inqatlu. L-Insara bnew daqsxejn ta’ knisja fuq qabarhom, u biż-żmien inbniet l-abbazija famuża ta’ Saint-Denis, fejn huma miżmuma r-relikwi ta’ dawn it-tliet qaddisin, u fejn ukoll, għal żmien twil kienu jindifnu s-Slaten ta’ Franza.

Fl-arti jġibu lil San Djonisju bħala Isqof qed iżomm rasu f’idejh, għax hemm leġġenda li tgħid li hu sofra l-martirju f’Montmartre (Għolja tal-Martri), f’Pariġi, imma reġa’ qam mill-mewt u minn hemm mexa b’rasu f’idejh lejn il-post fejn kellu jiġi midfun, illum hemm l-abbazija li ġġib ismu.

Ħsieb: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu l-leħen ta’ Bin il-Bniedem u joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu ħażin iqumu għall-kundanna.” (Ġwanni 5: 28-29)

Għal darb’oħra għandna l-każ ta’ qaddis li dwaru nafu ftit u li mhux magħruf, iżda wieħed li l-kult tiegħu kien parti vigoruża tal-Istorja tal-Knisja għal sekli twal. Nistgħu nikkonkludu biss li l-impressjoni profonda li dan il-qaddis għamel fuq il-poplu ta’ żmienu jirrifletti ħajja ta’ qdusija straordinarja. F’dawn il-każijiet, hemm żewġ fatti fundamentali: (1) Li kien raġel kbir li ta ħajtu għal Kristu, u (2) li l-Knisja qatt ma nsietu – simbolu uman li jfakkarna li Alla ma jinsiena qatt.

Il-bnedmin appostoliċi bħal San Djonisju, li kkonvertew ħafna nies għal Kristu, kienu mimlijin bl-Ispirtu tiegħu, u aġixxew u għexu għaliH biss. Huma taw ħajjithom biex ixerrdu r-reliġjon tiegħu, konvinti li l-ġid tal-individwi u n-nazzjonijiet jiddependi fuqU.

Infatti fuq ir-Reliġjon tiddependi s-sigurtà u l-istabbiltà tal-gvern u tas-soċjetà kollha. Il-liġijiet tal-bniedem huma dgħajfin wisq biex irażżnu lil dawk li jinjoraw u jirreġettaw il-liġi ta’ Alla. Sakemm il-kuxjenza tal-bniedem ma tkunx iffurmata mir-Reliġjon u marbuta bil-preċetti tagħha, il-passjonijiet tiegħu tant jassruh, li l-impuls tal-inklinazzjonijiet ħżiena jwassluh għal kollox, hekk li jasal biex jieħu vantaġġ minn kollox, u jekk ikun jista’ fis-sigriet u b’mod li ma jiġix ikkastigat.

Ir-Reliġjon vera, għall-kuntrarju, tassigura l-hena veru, il-paċi u l-ferħ fost il-provi l-aktar qawwija, is-sigurtà fil-mewt innifisha, u wara l-mewt l-ikbar premju glorjuż u etern f’Alla. Kemm għandna għax inkunu grati għalhekk, lejn in-nies li pprietkaw ir-Reliġjon vera fost ħafna diffikultajiet, provi u persekuzzjonijiet; u wkoll lejn dawk li qed jipprietkawha fi żminijietna, animati mill-istess Spirtu. U kif bir-reqqa għandna nevitaw il-persuni, il-kotba, il-perjodiċi, l-istazzjonijiet u kull forma ta’ midja oħra li qed ixekklu u jippruvaw iġibu fix-xejn il-Fidi Nisranija u qaddisa tagħna, billi joħolqu ħrejjef u liġijiet ibbażati fuq dak li jaqbillu l-bniedem!

  • U inti, tfittex bil-għaqal kollu sorsi li jgħinuk, aktar milli jfixkluk fil-Fidi Nisranija tiegħek?
  • Kemm tirsisti biex tikber u titgħallem dejjem aktar dwar ir-Reliġjon Nisranija li tħaddan, li għaliha eluf ta’ nies mietu martri?
  • Ixxandar dak li temmen bi kliemek u b’għemilek ħalli bħal San Djonisju tressaq l-erwieħ lejn Kristu?

Talba: O Alla, int bgħatt lil San Djonisju u ‘l sħabu biex ixandru l-glorja tiegħek lill-pagani, u qawwejthom sal-aħħar fil-martirju tagħhom; agħtina li bħalhom immaqdru d-dinja u r-risq tagħha, u li ma nibżgħu minn ebda taħbit li hija tqanqal kontra tagħna. Bi Kristu Sidna.  Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.johnsanidopoulos.com/2016/10/saint-denis-first-bishop-of-paris.html

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2015/10/09/st-denis-and-companions-martyrs/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Denis_of_Paris

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

19 ta’ Settembru: San Ġennaru

Verżjoni Vidjo: San Ġennaru

“Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel.” – Ġesù fi Ġwanni 14:12

stjanuarius19-9aSAN ĠENNARU
Isqof u Martri
c275 – 305

Tagħrif: San Ġennaru twieled f’Napli jew f’Benevento, l-Italja, f’madwar is-sena 275. Ta’ madwar tletin sena sar Isqof ta’ Benevento, u fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu miet martri flimkien ma’ sitta oħra fosthom id-Djaknu u l-Lettur tiegħu, billi wara li kkundannawhom għall-mewt, tefugħom lill-iljuni fl-Anfiteatru ta’ Pozzoli, fis-sena 305, iżda peress li l-iljuni ma missewhomx, qatluhom bil-qtugħ tar-ras.

Fil-Katidral ta’ Napli hemm xi relikwi tiegħu fosthom il-magħruf ”Demm ta’ San Ġennaru.” Dan id-demm magħqud li hu miżmum f’kunjett issiġillat, jinħall tliet darbiet fis-sena;

  • fid-19 ta’ Settembru, nhar il-festa tiegħu;
  • fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, l-anniversarju ta’ meta r-relikwi tal-Qaddis inġiebu f’Napli; u
  • fis-16 ta’ Diċembru b’tifkira ta’ meta bl-interċessjoni tal-Qaddis Napli ġiet meħlusa mill-qerda li ġabu magħhom l-eruzzjonijiet tal-Vessuvju fis-sena 685.

S’issa x-xjenzati għadhom ma sabu l-ebda spjegazzjoni naturali ta’ dan il-fenomeni, u kull possibiltà ta’ tqarriq hi eskluża.

Ħsieb: Dan hu dak li San Alfons Marija De Liguori kiteb dwar il-qaddis tal-lum San Ġennaru:

“In-Naplitani jonoraw lil dan il-qaddis bħala l-patrun prinċipali tal-belt u n-nazzjon tagħhom u l-Mulej innifsu kompla jonorah, billi jħalli ħafna mirakli jseħħu bl-interċessjoni tiegħu, b’mod partikolari meta l-eruzzjonijiet terribbli tal-vulkan Vessuvju heddew bil-qerda totali lill-belt ta’ Napli. Filwaqt li l-fdalijiet ta’ San Ġennaru kienu qed jinġiebu f’purċissjoni lejn dan il-vulkan terribbli, it-torrenti tal-lava u n-nirien likwidi li kienu ħierġa minnu, waqfu jew biddlu d-direzzjoni tagħhom ‘il bogħod mill-belt.

Imma l-aktar miraklu tal-għaġeb u dak li l-aktar jiġi ċċelebrat bil-kbir fil-knisja, huwa l-likwifikazzjoni u t-togħlija tad-demm ta’ dan il-martri mbierek kull meta l-kunjetti jinġiebu fil-vista tar-ras tiegħu. Dan il-miraklu jiġġedded diversi drabi fis-sena, fil-preżenza ta’ dawk kollha li jixtiequ li jarawha; iżda wħud mill-eretiċi ppruvaw jitfgħu dubju dwar il-ġenwinità tiegħu, bi spjegazzjonijiet frivoli u inkoerenti; imma ħadd ma jista’ jiċħad l-effett  mirakuluż, sakemm ma jkunx lest li jiddubita l-evidenza tas-sensi tiegħu stess.”

Dan il-miraklu ta’ San Ġennaru ilu jseħħ għal aktar minn 600 sena u huwa wieħed mill-fenomeni reliġjużi l-aktar studjati xjentifikament fid-dinja. Ix-xjentisti ma setgħux jispjegaw dan il-miraklu. Kemm jekk int temmen fil-mirakli jew le, hemm ammont enormi ta’ dokumentazzjoni għall-avvenimenti apparentement mhux spjegabbli li seħħew matul is-sekli, li ħafna nies jemmnu li huma x-xogħol ta’ Alla nnifsu:

U l-lista tkompli … imma min ma jridx jemmen, xorta jista’ jibqa’ jagħżel li ma jemminx.

Hekk uriena Ġesù nnifsu fil-parabbola tal-għani u Lazzru. (Luqa 16: 19-31) Meta l-għani li spiċċa l-infern fi tbatijiet ħorox, talab lil Abraham biex jibgħat lil Lazzru ħalli jidher lil ħutu li kienu għadhom fid-dinja, għax skont hu jekk iqum xi ħadd mill-imwiet imbagħad jindmu. Imma araw kif iwieġbu Abraham:

“Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier Abraham, ibgħat lil-Lazzru f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.'” (Luqa 16: 27-31)

U dan tassew li hu minnu għax min għandu fidi u fiduċja vera f’Alla, jintebaħ bil-miraklu tad-dudu li jsir farfett, tal-bajda li ssir għasfur, ta’ daqsxejn ta’ żerriegħa li ssir siġra m’għola hawn, tan-nifs li nieħdu u ta’ tant mirakli oħra li jsiru kuljum madwarna! Imma, minn naħa l-oħra, min iżomm qalbu magħluqa għall-Kelma t’Alla li titħabbrilna mill-Knisja llum, dan iwassal biex ma jibqax iħobb iżjed lil Alla u hekk jibda jistkerraħ wkoll lill-proxxmu.

Li wieħed jemmen, ifisser li jħalli l-Kelma ta’ Alla tqanqlu għall-konverżjoni sinċiera tal-qalb u għall-bidla kontinuwa għall-aħjar matul ħajtu sa ma jilħaq il-qdusija li Alla jrid jara fina. U ħafna drabi din hi r-raġuni għalfejn in-nies jagħżlu li ma jemmnux. Issa aħna li nemmnu, irridu naraw li tassew qed inħallu l-Kelma t’Alla tibdilnha u tqaddisna. Ma jistax wieħed jgħid li jemmen f’Alla mbagħad ma jgħix dak li jrid minna Alla. Fidi bħal din hi fidi tal-livell tax-xjaten, għax ix-xitan ukoll jemmen f’Alla imma ma jgħix skont dak li Alla jrid. U min jagħlaq qalbu għad-don ta’ Alla li jitkellem permezz ta’ Kelmtu, dan iġib miegħu l-għeluq tal-qalb u l-egoiżmu fl-aqwa tiegħu. Dan rajnieh iseħħ b’mod evidenti ħafna fl-Istorja tal-umanità.

TalbaO Alla, agħtina l-grazzja li nissieħbu mal-isqof San Ġennaru fil-hena ta’ dejjem, bħalma llum qiegħed tagħtina li niċċelebraw it-tifkira tal-martirju tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/19/saint-of-the-day-19-september-st-januarius/

Additional Reading: https://sourcebooks.fordham.edu/basis/januarius.asp

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Januarius

Wikipedia on visions of Jesus and Mary: https://en.wikipedia.org/wiki/Visions_of_Jesus_and_Mary

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started