11 ta’ Diċembru: San Damasu I

Verżjoni Vidjo: San Damasu I

“Dak li miexi fuq il-baħar seta’ jikkalma l-mewġ qawwi: Dak li jagħti l-ħajja liż-żerriegħa li qed tmut fil-ħamrija; Dak li kien kapaċi jħoll il-ktajjen tal-mewt, u wara tlett ijiem fid-dlam iġib lura fid-dinja lil ħu Marta; nemmen li ħu għad iqajjem mill-ġdid lil Damasu mit-trab tal-art.” ~ Skrizzjoni li San Damasu I kiteb għalih stess.

55dc33cd71e021a896e6b698905b5c4dSAN DAMASU I
Papa
305 – 384

Tagħrif: San Damasu twieled aktarx f’Ruma għall-ħabta tas-sena 305. Missieru li kien Spanjol, wara l-mewt ta’ martu jew bil-kunsens tagħha sar qassis u kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Lawrenz, f’Ruma.

Damasu sar Djaknu fil-knisja li kien qed jieħu ħsieb missieru, u wara sar qassis.

Fis-sena 366, meta kellu madwar 62 sena sar Papa. Miegħu sar l-antipapa Ursinu, iżda dan ġie eżiljat mill-Imperatur Valentinjanu. Matul il-papat twil tiegħu ta’ 18-il sena, San Damasu kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna nkwiet, speċjalment dak imqanqal mis-segwaċi ta’ Ursinu, u minn ħafna tagħlim falz sew f’Ruma u sew f’postijiet oħra fil-Knisja. B’danakollu, San Damasu ra ħwejjeġ sbieħ iseħħu fil-Knisja.

Fis-sena 380, l-Imperatur Teodozju tal-Lvant u Grazjanu tal-Punent ipproklamaw il-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Imperu Ruman. Kien hu l-ewwel Papa li sejjaħ il-Knisja bl-isem ta’ “Is-Sedja Appostolika”.

Hu ħatar lil San Ġilormu segretarju tiegħu u awtorizzah biex jagħmel reviżjoni b’reqqa ikbar tal-verżjoni Latina qadima tal-Bibbja, b’riżultat li llum għandna l-Vulgata. F’Sinodu tat-374, San Damasu ħareġ Kanoni importanti tal-Kotba tat-Testment il-Ġdid. Fi żmienu il-lingwa tal-Liturġija nbidlet mill-Grieg għal-Latin, f’Ruma.

Hu sab u rrestawra l-katakombi fejn bosta martri nsara kienu midfuna, u għamilhom postijiet ta’ pellegrinaġġi. Huwa kiteb bosta skrizzjonijiet fuq lapidi ta’ oqbra u knejjes biex il-Fidili japprezzaw aħjar il-wirt nisrani tagħhom.

San Damasu miet f’Ruma fil-11 ta’ Diċembru 384, u difnuh fil-qabar fejn kien hemm midfunin ommu u ħutu, fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu. Biex titpoġġa fuq qabru kiteb din l-iskrizzjoni: “Jien, Damasu, xtaqt nindifen hawn, iżda bżajt li noffendi l-fdalijiet ta’ dawn il-qaddisin”.

Ħsieb: L-istorja tal-papat u l-Knisja hija inseparabbilment imħallta mal-bijografija personali ta’ Damasu. F’perjodu problematiku u kruċjali tal-istorja tal-Knisja, huwa jispikka bħala difensur tal-fidi vera b’ħeġġa kollha żelu li kien jaf x’għandu jagħmel f’kull ċirkustanza li kellu jaffaċċja.

Damasu jagħmilna konxji ta’ żewġ kwalitajiet ta’ tmexxija tajba: viġilanza għat-tħeġġiġ tal-Ispirtu, u servizz. It-taħbit tiegħu għandu jfakkarna li Ġesù qatt ma wiegħed il-protezzjoni tal-blat tiegħu mir-riħ tal-uragani u lanqas li se jħares lis-segwaċi tiegħu mid-diffikultajiet. L-unika garanzija tiegħu hija r-rebħa finali. Kull nisrani jinsab f’din it-taqbida ħarxa biex jaħdem għas-salvazzjoni ta’ ruħu fost tant taħbit u tiġrib li qatt ma jonqos.

Dawn huma siltiet minn kummentarju għat-talba tal-Missierna: “La ddaħħalniex fit-tiġrib” ta’ San Frangisk Anton Fasani:

“Mulej, fil-għerf ġust tiegħek, int għall-ġid tagħna ridt li ħajjet il-bniedem fuq l-art tkun taqbida, iżda din m’hijiex taqbida kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-prinċpijiet u l-mexxejja tad-dlamijiet. Hija ġlieda bejn l-ispirti l-ħżiena u l-ispirti tas-sema. Imma, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ kontra x-xitan? Dak li kien maħluq biex ma jibża’ minn xejn, dak hu s-sultan ta’ wlied is-suppervja. U lkoll kemm aħna nintilfu, jekk ma tgħinniex int, Mulej. Tkun imbierka, mela, dejjem il-ħniena tiegħek, għax int dawwaltna, u aħna nitolbu l-għajnuna mingħandek, aħna u ngħidu: u la ddaħħalniex fit-tiġrib.

Jeħtieġ li wieħed jifhem sewwa żewġ kelmiet: sahra u talb. Jeħtieġ li nishru dejjem, għax l-għadu tagħna, ix-xitan, dejjem jishar fuqna biex jagħmlilna l-ħsara. Min jishar joqgħod attent u jaħrab mill-perikli. U t-talb ukoll hu meħtieġ b’mod speċjali, għax għalkemm l-ispirtu jrid, dan għadu mirbuħ mid-dgħufija tal-ġisem, li hu magħqud max-xitan li hu qawwi. Mela biex ir-ruħ tirbaħ lill-ġisem u lix-xitan, jeħtieġ li tilbes dik il-qawwa li ġejja minn fuq. U din tinkiseb biss bit-talb. Fhimt, ja ruħ?

Imma jaħasra, kemm jitqarrqu l-bnedmin meta jaħsbu li jistgħu jkunu fiż-żgur bla ma jishru. Imorru fil-periklu u dlonk jaqgħu. Hekk ukoll hemm dawk li jaħsbu li huma qawwijin mingħajr it-talb, iżda mbagħad meta jinqala’ t-tiġrib jintelqu f’idejn ix-xitan.

Meta ngħidu “Iddaħħalniex fit-tiġrib” inkunu nitolbu ‘l Alla biex ma jħalliniex naqbdu t-triq tad-dnub. B’din it-talba nitolbu l-Ispirtu jagħtina l-grazzja li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, u l-qawwa biex nagħmlu t-tajjeb. Nitolbu wkoll li qalbna tishar dejjem fuq l-imġiba kollha tagħna u li niksbu l-perseveranza tal-aħħar.

  • U int, kemm tishar fit-talb?
  • Meta titlob lil Alla biex ma jdaħħlekx fit-tiġrib, tagħmel ħiltek kollha biex titbiegħed minn dak kollu li jista’ jwasslek għad-dnub?
  • Meta tinqabad fin-nassa tax-xitan minħabba d-dgħjufija tiegħek, tfittex li tinħeles bit-talb, u bis-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin li jagħtuna l-qawwa kontra l-Ħażin u l-qerq tiegħu?

Ejjew nitolbu biex il-Mulej jeħles mit-tiġrib kontinwu tax-xitan lill-Papa u l-isqfijiet, is-saċerdoti, l-patrijiet u s-sorijiet, dawk ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi kollha. Nitolbuh jipproteġina minn kull tip ta’ tentazzjoni, iwaqqaf kull spirtu ta’ firda bejnietna u jħarisna mill-iskandli li jġibu kunfużjoni u taħwid qalb il-poplu. Nitolbuh ukoll biex jagħtina mexxejja tajba u qaddisa bħall-Papa li qed niċċelebraw it-tifkira tiegħu llum biex imexxuna bil-għaqal, bl-għerf u bil-qdusija.

Talba: Nitolbuk, Mulej, biex kif il-Papa San Damasu weġġah u ħabb il-martri tiegħek, hekk aħna niċċelebraw dejjem il-merti tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/st-damasus-i.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-damasus-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Damasus_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn Kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Frangisk Anton Fasani, maqlub għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

Advertisements

27 ta’ Novembru: San Franġisk Anton Fasani

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Anton Fasani

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.” ~ San Franġisk Anton Fasani 

d93af702005fb3b631025e1b8fa929a8SAN FRANĠISK ANTON FASANI
Presbiteru
1681 – 1742

Tagħrif: Kien jismu Giovaniello u twieled fil-belt ċkejkna imma tant ħelwa ta’ Lucera, qrib Foggia, fil-Puglie, fl-Italja t’Isfel, fl-1681.

Daħal mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u studja f’Monte Sant’Angelo, qrib is-Santwarju famuż ta’ San Mikiel, f’San Lorenzo Maggiore ta’ Napli u fil-Collegio Sistino ta’ Ruma, imwaqqaf mill-Papa Franġiskan Konventwali Sistu V, u ġie ordnat saċerdot Assisi flimkien ma’ sieħbu, il-Beatu Antonju-Marija Lucci, li wara laħaq isqof ta Bovino. Il-Papa Klement XI ħatru provinċjal tal-Puglie u rnexxielu jirriforma l-provinċja. Il-“Patri Majjistru” kif kien u għadu magħruf sal-lum f’Lucera, devotissimu tal-Immakulata, kiseb minn Napli, għall-knisja tiegħu, statwa mill-isbaħ tal-injam, tal-Kunċizzjoni, u daħħal l-użu tan-Novena Sollenni tagħha.

Magħruf bħala kittieb, predikatur, konfessur, direttur spiritwali, mistiku, kif ukoll għall-estasi u għall-mirakli, kienu jsejħulu San Franġisk t’Assisi ieħor.

Miet fl-ewwel jum tan-Novena tal-Immakulata, festa tal-Qaddisin Kollha, tal-Ordni Franġiskan, fid-29 ta’ Novembru, 1742, ta’ 61 sena. Il-fdal tiegħu jinsab meqjum b’għożża kbira taħt l-altar maġġur tal-knisja ta’ San Franġisk ta’ Lucera, tal-patrijiet ħutu Franġiskani Minuri Konventwali. Il-Papa Ġwanni Pawlu II, ikkanonizzah fit-13 ta’ April 1986.

Ħsieb: Dan li ġej huwa parti minn kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Franġisk Anton Fasani fuq il-vers ‘Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina’:

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.

Mulej Alla l-Aktar Għoli, jiena rgħextek f’ħafna postijiet u b’ħafna modi, ħafna drabi u bil-kbir, tant li jien stess ninsab imħawwad u ma nistax ngħodd kemm-il darba nqastek jew nagħraf il-gravità ta’ dnubieti. U int, imriegħex, tagħmel lil min riegħxek jitlob maħfra u jgħid: aħfrilna, għax int trid tħassar ħtijietna.

Min hu dak li ma jifhimx il-ħniena tiegħek, Mulej? Min hu dak li sa jintilef fid-disperazzjoni? Min hu dak li ma jridx maħfra? Jekk il-midinbin l-oħra jridu jibqgħu midjunin, jien ma rridx. Quddiem il-ħniena divina tiegħek jiena nferragħ dnubieti kollha u b’leħen għoli nlissen: aħfrilna. Ngħolli leħni mill-qiegħ ta’ qalbi u ngħajjat quddiemek: aħfrilna.

Nistqarr li ħtijieti huma kbar fil-għadd u fil-qjies, iżda x’inhuma dawn ħdejn il-ħniena tiegħek bla tarf? In-nuqqasijiet tiegħi, għalkemm bla għadd, ma jistgħux jidhru quddiem daqstant ħniena u ma jitħassrux. Forsi n-nuqqasijiet tiegħi qegħdin hemm biex joħorġu rebbieħa fuq il-ħniena tiegħek? Dan ma jkun qatt!

Alla tiegħi, ħniena u sabar bla tarf tiegħi, aħfirli u aħfer id-dejn kollu ta’ dnubieti. Aħfirli kemm il-ħtija u kemm il-piena. Aħfirli l-ħtija għax din titħallas bil-mewt ta’ dejjem. Aħfirli l-piena għax din titħallas bi tbatija temporali jew f’din il-ħajja jew fil-Purgatorju.

Aħfrilna, mela, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina. Jekk hemm min hu ħati għalija naħfirlu u naħfirlu bil-qalb. U mhux lilu biss, jekk hemm, imma ‘l dawk ukoll li għad ikun hemm. U nitlob mingħandek, int li tqassam kull ġid, il-kotra ta’ kull grazzja u ta’ kull ġid għar-ruħ u għall-ġisem, fil-qasam temporali, spiritwali u etern. Naħfer mhux biss bil-qalb, imma fejn nista’ bil-fatti wkoll.

Mulej Ġesù Kristu, kemm jiżbaljaw dawk li ma jridux jaħfru lill-għedewwa! Inroddlok ħajr għal dejjem għax int għarraftni u fehemtni dawn il-ħwejjeġ.

X’nista’ ngħid aktar? Int li taħtaf il-qlub, int Tama waħdanija ta’ dawk li jeħtieġu s-salvazzjoni! Aħfer, Mulej, għax jien min-naħa tiegħi diġà ħfirt, u jekk hemm oħrajn ħatjin għalija jien ninsab lest li naħfrilhom. U jekk fil-ġejjieni jkun hemm, minn issa stess naħfrilhom b’qalbi kollha.

Eventwalment aħna nsiru skont l-għażliet li nagħżlu. Jekk aħna nagħżlu x-xewk, insiru nnigżu. Jekk nagħżlu t-tjieba, insiru tajba. Il-qdusija ta’ San Franġisk Anton Fasani kienet riżultat tal-ħafna deċiżjonijiet żgħar li għamel biex jikkopera mal-grazzja ta’ Alla. U int?

Talba: O San Franġisk Anton Fasani, li kont diliġenti fl-istudju, ferventi fil-karita’ u l-meditazzjoni, perfett fil-qadi ta’ dmirijietek u dejjem ubbidjenti lejn is-superjuri tiegħek, itlob għalina ħalli aħna nwettqu b’imħabba u dedikazzjoni kbira d-dmirijiet kollha tal-istat tagħna ħa jistħoqqilna l-premju tas-Sema miegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.archbishopcurley.org/about/article/franciscan-reflection-st.-francis-anthony-fasani

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-francesco-antonio-fasani-66

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19860413_fasani_en.html#top

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Fasani

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei u l-Ħsieb hi kitba tal-qaddis maqluba għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.