Frenċ tal-Għarb

Verżjoni Vidjo: Frenċ tal-Għarb

c74247b01d99e832fae222405c1b17a89735e3e0-1452194447-568eba8f-360x251FRENĊ TAL-GĦARB
1892 – 1967

Tagħrif: Għal ħafna snin, ir-raħal ċkejken tal-Għarb, Għawdex, kien ikaxkar ħafna nies lejh u dan minħabba biex jitkellmu ma’ bniedem tassew sempliċi, ma’ bidwi li l-għejxien u l-ħobża tiegħu kienu biss mill-għelieqi. Dan il-bniedem hu Frenċ tal-Għarb li ismu hu marbut ukoll mal-istess raħal. Frenċ kien ġej minn familja fqira u ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola, iżda minkejja dan hu kellu ħafna għerf u kliemu kien ta’ ġid kbir għal ħafna nies.

Twieled l-Għarb fit-3 ta’ Diċembru fl-1892 minn Salvu u Beneditta Mercieca. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ ħdax. Frenċ kien devot kbir tal-Madonna u kien jitkellem dejjem fuq imħabbitha lejna l-bnedmin, u jonqox isimha fil-qalb ta’ dawk li jfittxuh. Hu kien iqim lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu (ara Madonna Ta’ Pinu), għar-rabta speċjali li hu kellu lejn is-Santwarju tagħha.

Kemm-il darba kien jitlob sagrifiċċji mingħand il-bnedmin għall-ġieħ ta’ Marija, sabiex, meta huma jaqilgħu dak li jitolbu, ma jinsewx li l-grazzja ingħatat lilhom bl-interċessjoni tagħha. Frenċ kien ċert li l-Madonna kienet qed tnebbħu x’kellu jagħmel. Ma kienx it-tip ta’ bniedem li joqgħod ixandar affarijiet straordinarji, anzi kien pjuttost jaħbi li jkun ġara. Kien tassew bniedem ferrieħi u mħabbtu lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin ma kellha l-ebda fanatiżmu. Hu kien ikun iddispjaċut ħafna meta kien jisma’ bl-offiżi li jsiru kontra l-qaddisin.

Frenċ kien jitkellem ħafna dwar xi pariri li jkun ta, imma hu qatt ma kixef l-isem ta’ ħadd. Kien jgħin ukoll finanzjarjament lin-nies u lill-Knisja. Frenċ kellu kull qima lejn il-qassis għaliex fih jara l-ministru ta’ Alla. Fl-imħabba li kellu lejn kull qassis, meta xi wieħed kien imur biex ikellmu, Frenċ kien iħoss li għandu jagħmel preferenza miegħu, u ma joqgħodx iħallih jistenna wara l-oħrajn. Hu ġieli ħadha ma’ dawk li gergru għad-drawwa tiegħu. Imma, biex insemmi każ wieħed, meta sema’ t-tgergir, Frenċ kien pront wieġeb: “Morru, jekk ma tridux tistennew. Jien lis-saċerdot nistmah qabel u fuq kulħadd“.

Frenċ kien sar magħruf ħafna mal-Isqof ta’ Għawdex. L-isqof Mikiel Gonzi kien jistaqsi fuq Frenċ biex isir jafu aħjar, u fl-Omelija li għamel wara l-mewt tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu, faħħru għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu u għall-ġid kbir li kien għamel. L-isqof Ġużeppi Pace kien jafu ħafna aħjar, hu kien imur għand Frenċ ta’ sikwit, saħansitra għal xi messaġġi għax kien jemmen ħafna fi Frenċ. Darba l-isqof talab mingħand Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu.

Ġrajjiet u Fejqan
Għand Frenċ kien imur kulħadd, żgħażagħ, anzjani, politiċi, professuri, barranin bħal ma huma l-Ingliżi u t-Taljani. Kienu imorru nies minn kull livell soċjali. Kienu jmorru mijiet għandu. Żjara għandu kienet tnissel ferħ kbir. Persuna tgħid hekk: “Kull meta kellimtu ħassejt konsolazzjoni kbira, li qatt ma ħassejt bħalha f’ħajti”.”Ġieli marru għandu xi barranin ukoll; dawn aktarx li kienu jkunu mqanqlin mill-kurżita’ hu kien jitkellem magħhom permezz ta’ interpretu”.

Mara mill-Isla kitbet hekk : “Għandi t-tifel ta’ binti li ħa skoss f’riġlejh. Ħadtu għar-ritratt u fir-ritratt ma rriżulta li għandu xejn; iżda xorta waħda għadu muġugħ ħafna. Jiena qiegħda nibża’ li għandu xi ħaġa. Jiena b’fiduċja kbira fil-Madonna, nitolbok imqar werqa minn tal-fjuri li inti ikollok quddiem il-Madonna biex nagħmilhom ma’ riġlejh.”

Wieħed raġel ittama fil-qawwa tat-talb tiegħu għax ommu kienet marida, mal-mara ma setgħax jasal għal ftehim, u kellu il-bwiet xotti. Oħrajn rieduh li jitlob għalihom biex il-qorti taqta’ sentenza skont il-ġustizzja. Xi żgħażagħ xtaqu t-talb tiegħu biex jgħaddu mill-eżami.

Frenċ kien japprezza ħafna l-ittri ta’ dawk li kitbulu biex jitlob għalihom ħalli Alla jagħtihom il-fejqan spiritwali ta’ xi persuna li huma kienu jħobbu.

Kliem Misterjuż
Ħafna nies kienu jibqgħu skantati meta hu wriehom li kien jaf x’riedu mingħandu qabel ma qalulu. Frenċ kien ikun jaf il-ħajja moħbija tagħhom. Rakkonti minn dawn jeżistu ħafna. Mara minn tas-Sliema tgħid hekk: “L-ewwel darba li mort għandu biex inkellmu, hekk kif rani, qalli f’mument wieħed ħwejjeġ li jiena u l-konfessur tiegħi biss konna nafuhom. Mill-ewwel bdejt inżommu b’qaddis.”

Bidwi imma tabib tal-ġisem u tar-ruħ
Frenċ jgħid hekk: “Jiena qatt ma ħdimt fi sptar lanqas ma’ spiżjar” Nafu wkoll li Frenċ qatt ma studja l-mediċina, bħal ma jagħmlu t-tobba. Ħafna tobba kienu jitħassruhom lil dawk li jmorru għandu, għaliex x’kura jista’ jagħti wieħed li ma jifhimx fis-sengħa tal-fejqan. Imma xi tobba ħassewhom jinkeddu għax kien hemm nies li marru għandhom u ma tfejqux; imbagħad marru għand Frenċ, u b’li tahom u qalilhom, ħassewhom jgħaddu għall-aħjar. Fi Frenċ, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom fiduċja sħiħa. Għalhekk hu kellu fih xi ħaġa li tgħin lil dak li jkun ifieq.

Kliem Frenċ, kien juri li l-qawwiet tiegħu ma kienux fil-mediċini. Imma t-tobba bdew iħarsu bl-ikrah lejh. X’uħud bdew ukoll igemgmu għaliex, lilhom dehrilhom li bniedem marid, jekk ried ifiq tassew, ma kellux għalfejn imur għand Frenċ. Ma naqsux lanqas dawk it-tobba li ma kienux jidħlu fid-djar li fihom ikun mar Frenċ.

Imma aktar mal-morda bdew ifaħħruh, aktar bdew ikabbrulu d-diffikultajiet tiegħu. Xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu bil-ġustizzja. Kien żmien meta x’uħud bdew imorru għand Frenċ fid-dlam tal-lejl, biex ħadd ma jarahom!

Żewġ żgħażagħ dilku bl-ingwent li tahom Frenċ bis-sabar lil missierhom muġugħ; it-tabib ried jara dak l-ingwent misterjuż, imma ma setax jifhem x’kien. Frenċ kien jgħidilhom ukoll biex jgħidu Sliema u Qaddisa lill-Madonna. Ħafna kien il-fejqan mirakuluż.

Frenċ jispiċċa l-qorti
Minħabba dawn it-tip ta’ każijiet kien hemm min spiċċa biex lil Frenċ tellgħuh l-qorti. Nisimgħu għal darb’oħra l-kelmiet ta’ Frenċ : “Fi żmien it-tabib Frank Vella, Malti li kien joqgħod l-Għarb, u s-surġent kien Michael Xerri mir-Rabat, jiena ġejt imħarrek, u mwaqqaf minn din il-ħidma ta’ fejqan”.

Kienet saritlu ċitazzjoni, u kellu jitla’ l-qorti ta’ Għawdex fil-11 ta’ Ġunju, 1938. Il-Maġistrat Karmnu Parnis xlieh li għamilha ta’ tabib mingħajr il-liċenzja tal-Kap tal-Gvern. L-avukat ta’ Frenċ kien Franġisk Masini. X’ħin il-maġistrat staqsieh jekk kienx minnu li għamilha ta’ tabib, u qeda lin-nies, Frenċ baxxa rasu u ma wieġeb xejn. Bis-skiet tiegħu, hu deher li ammetta l-ħtija. Imma kien hemm tabib li pprova jiddefendih, billi qal li Frenċ ma kien qed jagħmel ħsara lil ħadd billi jgħalli ħaxixa. Kien hemm xi għoxrin li telgħu biex jiddefenduh, imma dawn ma ssejħux. Frenċ ġie meqjus ħati. Il-Qorti kkonsidrat il-kondotta tajba tiegħu, u għalhekk ma weħel xejn. Imma hu ġie mwissi li jekk jerġa’ jinqabad mill-ġdid, il-qorti kellha kull setgħa li tikkundannah. Għal dan wkoll li ġie mixli bih din id-darba, u ħelisha b’sempliċi twissija. Dan kien jissejjaħ l-artiklu 23.

Mgħasses mill-pulizija
Frenċ kien jibża’ ħafna li jeħel xi multa. Fl-istess żmien tal-kawża, l-pulizija kienet tgħasses fuqu l-ħin kollu. Iżda triq tan-nofs kellu jinstab u dan sabiex il-ġid ma jonqosx. Lil Frenċ qalulu li, jekk tabib jagħti ċertifikat lil xi ħadd biex dan imur għand Frenċ, dik il-biċċa karta tkun qisha permess. Ħafna tobba ma riedux jagħmlu dan; imma oħrajn aċċettaw.

Nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Frenċ: “Wara dan, lil dawk li kienu jiġu għandi, kont nitlobhom ċertifikat mit-tabib tad-distrett tagħhom jew tabib ieħor, basta biċ-ċertifikat” Frenċ jissokta jgħid “Pazjenti minn Malta ġew bil-mijiet u bqajt insewihom b’din is-sistema”.

Il-Post fejn Frenċ kien jara lin-nies.

Ġieli kienu jgħadduh biż-żmien
Fost dawk li ma emmnux fih, Frenċ sab ukoll lil min jipprova jgħaddih biż-żmien. Ma’ dawn, Frenċ ġieli kien iebes fi kliemu. Tlett tfajliet marru għandu biex jgħadduh biż-żmien. Imma Frenċ qalilhom b’serjeta’: “Idħku! Idħku! Imma ħa naraw kemm ser iddumu. Intom it-tlieta morda u sa ħmistax oħra, waħda minnkom tkun diġa’ mietet”.

Meta semgħu hekk, huma tbikkmu, u telqu ‘l barra. Wara tlett gimgħat, reġgħu lura tnejn minnhom, u qalulu li seħbithom kienet mietet tassew. Fl-istess ħin, huma talbuh maħfra talli riedu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Dan kien fatt li ħalla impressjoni kbira, u ħafna baqgħu sal-lum isemmuh.

Ġieli ma qabilx mat-tobba
Kultant, Frenċ kien jeħodha kontra d-deċiżjoni tat-tabib. Lil wieħed mix-Xagħra li sempliċiment xtaq li Frenċ jitlob għalih għax kien sejjer jagħmel operazzjoni, qallu: “Ara ma jfettillekx tagħmel xi operazzjoni, kul ikla minestra, u minflok ponn ful, itfa’ tnejn, u għada erġa’ ejja għax ikun għaddielek kollox!”

Frenċ ġieli bidel mediċina mogħtija mit-tabib. Hu ġieli kien jiġġudika lit-tobba li kienu jiżbaljaw, meta jiddikjaraw, li xi ħadd kien marid b’ħaġa waqt li kien b’oħra. Lil dan, Frenċ qallu ċar u tond li t-tobba riedu jieklu minn fuq dahru. Huma żammewh għall-kura, skont kliem Frenċ, sakemm dan kellu x’jibgħatilhom! F’dan il-każ ta’ akkuża gravi, jissemma l-isem tat-tabib, u dak tal-isptar ukoll.

Tifel ma setgħax jimxi, u t-tabib ordnalu l-ħadid għal saqajh biex jieħdu s-saħħa. Imma baqa’ kif kien. Missieru ħadu għand Frenċ, li qallu: “Neħħilu l-ħadid u itilqu jiġri fir-raba'”. It-tifel innifsu jgħid: “Hu kien qalli biex nidlek iż-żejt tal-ikel magħmul mill-fejġel u, bil-għajnuna tal-Madonna u ta’ Frenċ tal-Għarb, ninsab tajjeb bħal ħaddieħor.”

Każ ieħor ….
Waqt li t-tabib iddikjara li tarbija kellha l-ażma, Frenċ qal li hi kienet belgħet xi ħaġa. “Frenċ ippreskrivielna ftit ingwent minn tiegħu, li kellu jindilek fuq sidirha u mbagħad, inqegħdulha biċċa drapp sħuna. Wara dan kollu, l-istess ħaġa qatt ma ġratilha iżjed. It-tabib innifsu ma riedx jemmen b’dak il-fejqan immedjat li kien ġara quddiemu stess”.

Il-ġrajjiet tal-fejqan huwa tremend, dan hu każ ieħor: Lil tifel, minħabba l-mard, it-tobba kienu qalgħulu għajn, u kienu se jaqilgħulu l-oħra. Imma l-ġenituri tiegħu riedu l-parir ta’ Frenċ. Kif sema’ bil-każ, Frenċ ħatafhom, u qalilhom: “X’tagħmlu? Taqilgħulu għajnu l-oħra? Mela tridu li jkollkom tifel għami? Issa, jien nagħmlilkom ftit ingwent. Agħmlulu l-ingwent fuq ċarruta, u għidu Ave Marija lill-Madonna. Agħmlulu fuq moħħu u tibżgħux, ma jkollu xejn.” It-tifel baqa’ jgawdi l-għajn li kien fadallu, u għalhekk ma għamiex.

Ħafna każi ta’ fejqan ieħor, wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb “Frenċ ta’ l-Għarb” (1892-1967) ta’ Patri Alexander Bonnici (Franġiskan Konventwali). Dan il-ktieb wieħed jista’ jixtrih mill-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.

Min jgħallem lili ma jmut qatt
Kontra dak li ħasbu x’uħud, Frenċ ma qisx ruħu xi professur. Hu emmen li Alla kien qed jgħinu, u, kif għen lilu, jista’ jgħin lil xi ħaddieħor. Inniżżlu silta minn intervista li saritlu minn Ġorġ Pisani u Charles Arrigo.

Pisani: Dawn il-pariri li kont tagħti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq is-saħħa tar-ruħ: issa dawn dnub li jintilfu għal kollox. Issa, dawn ma jkunx tajjeb li tagħtihom lil xi ħadd li jiktibhom biex almenu jibqgħu warajk?

Frenċ: Jiena naħseb li min għallem lili għadu ħaj; ma jmut qatt.

Arrigo: U min għallem lilek ?

Frenċ: Eh! Kulħadd jaf. Min għallem lili ma jmut qatt. Ma tafux min hu? Min ma jmut qatt ???

Dawn il-kelmiet ta’ Frenċ huma ta’ valur kbir. Intqalu ukoll minn bniedem li beża’ li jitkabbar saħansitra jistqarr li Alla kien qiegħed jgħinu. Hu ma riedx jgħid li Alla kien qiegħed jaħdem fih. Imma ried li din il-konklużjoni toħroġ weħidha, bla ma titlissen minn fommu. Għalhekk lil dawk li staqsewh, bi tbissima ħelwa u kważi mistħija daqsxejn mistgħaġeb, staqsiehom: “Kif? ma tafux min hu?” Hu ried jgħidilhom: “Ma tafux li dak li ma jmut qatt hu Alla biss?” Imma dawk it-tnejn kienu fehmu kollox x’ried jgħid.

Ifiequ jekk jersqu lejn Alla
Saċerdot Agostinjan qal hekk dwar Frenċ: “Nistgħu nsejħulu wkoll bniedem ta’ Alla għax ikkonverta bosta rġiel u ġuvintur u anki xebbiet mill-ħajja ħażina tagħhom, u ressaqhom lejn Alla.” Frenċ kemm-il darba ma riedx iwiegħed fejqan jekk dak li jkun ma jagħmilx ħiltu biex jersaq lejn Alla. Lil wieħed li talbu xi mediċina, Frenċ wieġbu: “Int ħsiebek biss fin-negozju, u rużarju qatt ma tgħid. In-negozju jispiċċa, imma ruħna ma tispiċċax”. Lil ieħor li kien jimxi bil-krozzi, Frenċ qallu: “Jekk għandek rieda tajba, tfieq. Imma, qabel, mur Ta’ Pinu, sib saċerdot, itlob maħfra ‘l Alla, u l-Madonna tfejqek”. Għalkemm b’nofs ħajra, hu mar iqerr f’Ta’ Pinu, u talab lill-Madonna biex tidħol għalih. Meta qam minn bilqiegħda biex joħroġ hu sab li seta’ jimxi mingħajr il-krozzi. B’ringrazzjament, hu ħalla l-krozzi f’dak is-Santwarju, u għadhom hemm sal-lum.

Lil wieħed pulizija li qallu kemm kienu għalxejn il-mediċini li ħa, Frenċ wieġbu: “Biex jgħaddilek l-uġigħ kbir li għandek fl-istonku tiegħek, imorrulek id-dwejjaq kbar li għandek, u ma tiblax aktar pilloli għalxejn, trid l-ewwelnett tirrispetta l-mara li għandek u ma toffendix aktar ‘l Alla bid-dagħa”.

L-akbar hena ta’ Frenċ kien meta, qabel kollox, lill-bniedem kien iressqu lejn Alla. Ġieli tkellem b’ton iebes ma’ min ma kellux il-ħsieb li jbiddel ħajtu. Darba waħda, mar biex ikellmu raġel li miegħu kellu mara li ma kenitx martu. Hu ħa taxi mix-xatt biex twassalhom għandu. Iżda, fit-triq, dak tat-taxi ra lil Frenċ ħiereġ mill-Għarb lejn ir-Rabat riekeb f’taxi oħra. Ir-raġel qal lis-sewwieq: “Dawwar lura, u ġerri ftit ħalli nilħquh”. Hekk għamel, u beda wkoll idoqq il-ħorn waħda f’waħda. Is-sewwieq tat-taxi ta’ Frenċ induna li riedu jwaqqfuh; iżda Frenċ ma riedx, u qallu “Suq u tieqafx”. X’ħin waslu r-Rabat, Frenċ niżel mit-taxi, sadanittant ir-ragel laħqu fil-ħin, mar fuqu, u qallu: “Kont ġej biex inkellmek ftit; iżda ma lħaqnikx id-dar”. Frenċ qallu: “Lili m’għandekx xi tridni; mur”. L-ieħor issikah, u talbu bil-ħniena biex ikellmu. Iżda Frenċ baqa’ iebes u wieġbu: “Meta trid tkellimni, ġib lil martek miegħek”.

Kien hemm soru li kien ilha ħafna tibgħat tgħidlu biex imur jaraha, u Frenċ baqa’ ma jagħtix kasha. Fl-aħħar, hi sabet ‘il min wassalha għand Frenċ, u kif daħlet, ħaditha miegħu talli lanqas biss ma kien iweġibha. Frenċ, bil-kalma kollha, weġibha: “Qiegħda tara kemm jiddispjaċih il-marid meta hu jsejjaħlek, u int ma tagħtix kas tiegħu”.

Ħabbar il-mewt
Frenċ ġieli għaraf tajjeb li, għal xi persuni, il-mewt kienet fil-qrib. Imma mhux dejjem ried jitkellem b’mod ċar dwar dan. Waħda mara marret titolbu xi ħaġa għall-fejqan ta’ żewġha. Meta ħarġet, hu qal hekk: “Tkellmet tant għal żewġha, u ma qalitx kelma waħda għaliha nnifisha” Wara ftit ġranet, dik il-mara daħlet l-isptar, u mietet fi żmien qasir.

Żagħżugħ mar jitlob xi ħaġa għal missieru. Frenċ wrieh li missieru kellu kanċer, u kien se jmut. Lilu hu tah biss xi ħaġa biex jonqoslu l-uġigħ. Frenċ innifsu qal: “Il-mediċina li tajtu kienet ftit żejt ta’ quddiem il-Madonna ta’ Pinu.”

Ir-rakkonti hawn ukoll huma ħafna. Inġibu wieħed ieħor biss. Ġużeppi Cassar, minn Ħal Tarxien, kiteb hekk: “Meta l-mara tiegħi kienet marida l-isptar, billi jien kont naf li hi ma riditx toqgħod hemm, mort għand Frenċ biex nistaqsih x’għandi nagħmel: noħroġhiex jew inħallihiex hemm. Jiena wasalt għandu fil-ħdax neqsin għaxra ta’ figħodu. Kif wasalt għandu, Frenċ għamel miegħi ħaġa li qatt ma kien ghamilha. Hu qabad jgħannaqni u jbusni, u ħassejt ukoll id-dmugħ tiegħu. Qalli wkoll: “In-nies ħarġitha li jien mitt”. Jiena weġibtu: “Jivvintaw tant affarijiet. Int erħilhom; tagħtix kashom’. Imbagħad, staqsejtu dwar il-mara tiegħi: jekk għandix noħroġha jew le mill-isptar. Frenċ weġibni: “Ma jgħidlekx il-professur jekk għandekx toħroġha? Int agħmel dak li jgħidlek hu’. Jiena tlaqt lura lejn Malta, u sibt li l-mara tiegħi kienet mietet. Il-ħin tal-mewt tagħha kien ezattament fil-ħdax neqsin għaxra: x’ħin Frenċ kien qiegħed jgħannaqni u x’ħin semmieli li kienu ħarġuha li miet. X’ħin qgħadt naħseb fuq dawk il-kelmiet ta’ Frenċ u fuq dak li għamel miegħi, jiena ħassejt li hu kien sar jaf bil-mewt ta’ marti; imma lili ma riedx jgħidli b’kelmiet ċari.”

Fl-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Frenċ
Fis-sena 1962, Frenċ għalaq is-70 sena. Imma f’dan iż-żmien hu marad. Il-ħajja tiegħu kienet tbatija. Wara ix-xogħol hu kien isib in-nies jistennewh u dan kompla żidlu fit-toqol tal-ħajja. Wara ix-xogħol hu kien jaqdi lil kulħadd. Ma tantx kien jagħti kas biex jistrieħ xi ftit. Ġieli ma kienx jiekol jew jorqod. Huwa kien jippreferi li jgħin lill-proxxmu u lanqas biss kien jagħti kas kemm ġieli jkun sar ħin. Minkejja dan kollu in-nies kienet xorta tibqa’ tmur, għalkemm kien ikun jidher li hu għajjien.

Fid-9 ta’ Awwissu, 1966 meta ma kienx jonqsu ħlief disa’ xhur ħajja, Frenċ qal hekk għalih innifsu: “Kemm kemm nitħarrku ftit. Ili ħafna ma niflaħx. Ili sena jew iżjed ma noħroġx mid-dar. Bħalissa, iż-żjajjar lil Ta’ Pinu nqabbad lil min jagħmilhom minfloki. Nitqarben hawn id-dar. Jiġi n-neputi jqarbini”.

Frenċ kien waħħal avviż mal-bieb biex bih jgħarraf li ma kienx għadu jservi nies. Imma ħafna baqgħu jiktbulu. Hu kien isib ħafna aktar ħin biex iwieġeb l-ittri fejn kien jgħidilhom bil-mard li kellu, ħalli ma joqogħdux imorru għalxejn. Kemm-il darba, minħabba d-dgħufija tiegħu, hu kien jiddetta l-ittri lil ħaddiehor. L-ittri ta’ dan iż-żmien jixxiebħu ħafna. Inniżżlu biss silta minn waħda minnhom: “Int għarraftni li qiegħda ssofri xi uġigħ f’riġlejk, u tixtieq li jiena nagħtik xi ħaġa; imma jiddispjaċini m’għandix, għax bħalissa ma niflaħx”. Il-wegħdiet tat-talb ma tonqos qatt fit-tweġibiet tiegħu.

Fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, Frenċ, billi qatt ma kien tajjeb għal kollox, ma raqadx iżjed fir-remissa. Hu kien jorqod fis-sodda ta’ kamartu. Kienu snin li Frenċ għaddiehom iqum u joqgħod fis-sodda: daqqa tajjeb u daqqa ħażin. Meta beda jifhem li għalih l-aħħar jum kien qed joqrob, Frenċ beda jlissen l-isem ħelu ta’ Marija aktar ta’ sikwit. Il-Via Sagra minn Ta’ Pinu għal fuq Ta’ Għammar kellha tkun waħda mill-opri li jibqgħu jfakkruh wara mewtu. Fl-aħħar żmien hu kien isemmi dik l-opra ta’ sikwit. Hu kien iħajjar, u jżid imbagħad minn tiegħu. Hu xtaq li jinqalgħu benefatturi li jgħinu f’din l-opra.

Mill-bidu tas-sena 1966, Frenċ ma ħariġx iżjed minn daru. Hu kien ħassu ħażin meta fl-ewwel tas-sena kien ħareġ għall-quddiesa tal-ewwel. Hu kien ikun kiesaħ ħafna, u lil ftit li kienu jmorru jitkellmu miegħu, kien jgħidilhom li ma jdumx ma jsiefer!

U hekk ġara għax fid-19 ta’ Mejju tal-1967 Frenċ ħa l-aħħar nifs, u ruħu daħlet fl-eternita’. Dakinhar kien jaħbat il-ġurnata tal-Ġimgħa. Il-mezzi kollha tar-radju u l-gazzetti xandru l-aħbar tal-mewt tiegħu. Mara mir-Rabat ta’ Għawdex irrakkontat, il-ħasda li ħadet meta, dakinhar tal-mewt tiegħu, hi ħadet lil binha għandu biex titolbu jfejjaqulha. Hi ma kenitx taf li miet. Lilha ħallewha tidħol u ħadet ħasda kbira. Xebba li kienet hemm ħaditilha t-tarbija minn idejha, u missitha ma’ Frenċ. Kif marret lura lejn darha, dik il-mara stagħġbet iżjed għax it-tarbija li ma kenitx timxi bdiet tieqaf fuq riġlejha.

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 1967 saret il-quddiesa tal-funeral tiegħu fil-Kolleġġjata tal-Għarb. Ħafna marru għall-funeral ta’ Frenċ, u bdew jgħidu kontinwament: “Miet qaddis”, u “bħal Frenċ ma jkollniex ieħor.” Frenċ ġie midfun fiċ-ċimiterju msejjaħ Taż-Żejt. Dan hu ċ-ċimiterju tal-Parroċċa tal-Għarb. Il-Qabar tiegħu jġib in-numru 70 A.

Frenċ għadu jinħass li għadu fostna
Għaddew ħafna snin minn meta miet Frenċ iżda hu ma ntesiex bħalma kien hawn minn bassar dakinhar tal-mewt tiegħu. Kulħadd hu ċert li Frenċ malajr beda jgawdi ‘l Alla fil-hena ta’ dejjem. Kif kienu jitolbuh biex jgħinhom meta hu kien għadu ħaj, hekk ukoll issa għadhom jittamaw li jaqilgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu. Fil-fatt ħafna huma il-każijiet ta’ grazzji kbar, wara ukoll il-mewt tiegħu. Illum, Frenċ hu magħruf ħafna iżjed milli kien fl-imgħoddi. Il-‘Ħajja’ dokumentata ta’ Frenċ li kienet ġiet stampata hi eżawrita. Hi ‘ħajja’ li inqrat minn kulħadd: Minn nies fuq kull livell fis-soċjeta’. Il-qdusija ta’ Frenċ hi xhieda li Alla jsejjaħ tassew lil kulħadd għal ħajja perfetta. Frenċ ma kienx qassis jew patri. Hu kien bniedem li għex fid-dinja, bil-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Links about Frenċ tal-Għarb: 

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
  2. https://www.facebook.com/Frenc-tal-Gharb-180562548623350/
  3. http://www.imperialbandclub.com/magazine/2017/49%20-%20French%20tal-Gharb%20-%20Ralph%20Micallef.pdf
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/69276/frenc-tal-gharb-house-opens-its-doors-to-public
  5. http://alfredgrech.blogspot.com/2017/05/lil-frenc-tal-garb-fgeluq-il-amsin-sena.html

 

 

Intervista ma’ Frenċ tal-Għarb:

 

Id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb:

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar Frenċ tal-Għarb huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

7 ta’ Ottubru: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

“Waqt li ngħidu l-kliem tal-Ave Marija jiġu quddiem l-għajnejn tar-ruħ tagħna l-episodji ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu. Dawn l-episodji flimkien jagħmlu l-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, u nistgħu ngħidu li jpoġġuna f’komunjoni ħajja ma’ Kristu permezz tal-qalb ta’ Ommu.” San Papa Ġwanni Pawlu II, silta mill-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae

07chambers_mary_rosary_500IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAR-RUŻARJU

Tagħrif: Fis-7 ta’ Ottubru 1571, il-flotta navali tal-Insara taħt il-kmand ta’ Don Juan tal-Awstrija għamlet rebħa kbira kontra t-Torok, f’Lepanto.

L-Insara, ibda minn Don Juan stess, attribwew din ir-rebħa kbira lill-għajnuna li l-Madonna tathom wara li daru lejha bit-talb tar-rużarju.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna, il-Papa ta’ dak iż-żmien li tant ħadem għal dik ir-rebħa, San Piju V, dak li kien hekk ġeneruż ma’ Malta wara l-Assedju l-Kbir, waqqaf festa annwali bl-isem ta’ “Il-Madonna tal-Vitorja.” Sentejn wara, il-Papa Girgor XIII li laħaq wara Piju V, bidel l-isem tal-festa f’”Madonna tar-Rużarju”, u ffissaha għall-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-Papa Klement XII daħħalha fil-Kalendarju tal-Knisja Universali.

Il-Papa San Piju X iffissa d-data tal-festa fis-7 ta’ Ottubru, il-jum li fih seħħet ir-rebħa ta’ Lepanto. Meta saret il-battalja ta’ Lepanto, id-Dumnikani f’Malta ġa kellhom fratellanza tar-Rużarju fil-knisja tagħhom fil-Birgu. Id-Dumnikani ħabirku ħafna għat-tixrid tar-Rużarju f’pajjiżna u waqqfu fratellanzi li minn tal-ewwel daħħlu l-istatwi fil-purċissjonijiet tagħna.

Din il-festa ġiet estiża għall-Knisja Universali fl-1716 meta l-Prinċep Ewġenju rebaħ rebħa oħra importanti fuq l-istess għadu fl-Ungerija.

Ir-Rużarju hu talba li skont it-tradizzjoni, il-Madonna rrivelat lil San Duminku, fil-bidu tas-seklu tlettax, u hi waħda mill-isbaħ devozzjonijiet lejn il-Madonna. Ir-reċita tar-Rużarju tgħinna nimmeditaw il-misteri fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu f’għaqda ma’ Marija li kienet hekk qrib tiegħu f’ħajtu, fil-passjoni u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ir-Rużarju Mqaddes ħa spinta kbira bid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes u f’Fatima u bl-appelli ta’ ħafna qaddisin u Papiet. Ir-Rużarju hu wieħed mill-aktar devozzjonijiet lejn ommna Marija approvata mill-Knisja. Anzi hu d-devozzjoni prinċipali Marjana fil-Knisja tal-Punent matul l-aħħar 500 sena.

Il-Papa Ljun XIII żied it-titolu “Sultana tar-Rużarju Mqaddes” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Papiet għanew din id-devozzjoni tar-Rużarju b’bosta indulġenzi, u ħabirku biex jingħad regolarment mill-insara, possibilment kuljum, għax iġib grazzji kbar fuq min jirreċitah bid-devozzjoni. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li kompla żejjen ir-rużarju meta mal-misteri tal-ferħ, tbatija u l-glorja żied il-misteri tad-dawl.

ĦsiebIl-Rużarju huwa talba tradizzjonali Nisranija li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu. Il-Beatu Papa Pawlu VI ddeskriviha hekk:

“Ir-Rużarju huwa talba evanġelika li tiċċentra fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u għalhekk żgur li hu talba li twassalna lejn Kristu. Fil-fatt, anki meta ntennu l-Ave Marija, aħna nkunu qed nagħmlu att kontinwu ta’ tifħir lil Kristu, li huwa l-għan aħħari kemm tat-Tħabbira tal-Anġlu, kif ukoll tat-tislima li għamlet omm il-Battista: ‘Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek’ (Luqa 1:42). U hemm xi ħaġa aktar minn hekk: fir-ripetizzjoni tal-Ave Marija hemm mistura dik ix-xi ħaġa li fuqha tintiseġ il-kontemplazzjoni tal-misteri: Ġesù li jissemma f’kull Ave Marija huwa l-istess Ġesù li l-misteri jpoġġu quddiemna, xi drabi bħala iben Alla u drabi oħra bħala iben il-Verġni Marija.”

L-iskop tar-Rużarju huwa li jgħinna nimmeditaw fuq il-misteri kbar tas-salvazzjoni tagħna. Piju XII qal li huwa kompendju tal-Vanġelu. L-enfasi ewlenija hija fuq Ġesù: it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Missierna tfakkarna li l-Missier ta’ Ġesù huwa l-inizjatur tas-salvazzjoni. Is-Sliema tfakkarna nissieħbu ma’ Marija biex nikkunsidraw dawn il-misteri. Huma jagħmluna konxji li Marija kienet u hija magħquda mill-qrib ma’ Binha fil-misteri kollha tal-eżistenza tiegħu fid-dinja u fis-Sema. Il-Glorja tfakkarna li l-iskop tal-ħajja kollha tagħna hija l-glorja tat-Trinità.

Ir-Rużarju jappella għal kulħadd. Huwa sempliċi. Ir-ripetizzjoni kostanti tal-kliem tgħin biex tinħoloq atmosfera li fiha tikkontempla l-misteri ta’ Alla. Aħna nemmnu li Ġesù u Marija huma magħna fil-ferħ u fid-dwejjaq tal-ħajja. Jgħinna nikbru fit-tama li Alla se jwassalna biex naqsmu l-glorja ma’ Ġesù u Marija għal dejjem.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għal min jixtieq, jista’ jaqra’ wkoll l-Ittra Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar ir-Rużarju Mqaddes (16 t’Ottubru, 2002) bl-isem Rosarium Virginis Mariae issa wkoll bil-Malti minn hawn: http://www.laikos.org/JP2_Rosarium_Virginis_Mariae_16102002.htm

Ara wkoll il-15-il wegħda li l-Verġni Marija għamlet lil min jitlob it-talba tar-Rużarju minn hawn: https://www.youtube.com/watch?v=XZcmLKViKS8

Talba: Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda fuq kollox, inti tħobbna bi mħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen. (Talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju, 2010)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/our-lady-of-rosary.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/feast-of-our-lady-of-the-rosary-617

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_the_Rosary

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-festa tal-lum hija meħuda mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

23 ta’ Settembru: San Piju ta’ Pietrelcina

Verżjoni Vidjo: San Piju ta’ Pietrelcina

Naħseb li mhemmx għalfejn intennilek kemm ninsab lest li nobdi kwalunkwe ordni li nirċievi mingħand is-superjuri. Il-kelma tagħhom hija għalija l-Kelma ta’ Alla li lejH irrid inżomm sħiħ it-twemmin tiegħi sal-mewt u bil-għajnuna tiegħu rrid nobdi kwalunkwe kmand, ikun kemm ikun tqil u ta’ tbatija.” Kitba ta’ San Piju f’waħda mill-ittri lill-Vigarju Provinċjali ta’ Foggia datata 23 t’Awwissu 1923

pioSAN PIJU TA’ PIETRELCINA
Reliġjuż
1887 – 1968

Tagħrif: San Piju ta’ Pietrelcina, imwieled Francesco Forgione, magħruf l-iktar bħala Patri Piju jew Padre Pio, (Pietrelcina, Italja, 25 ta’ Mejju, 1887 – San Giovanni Rotondo, 23 ta’ Settembru, 1968), kien patri Franġiskan Kapuċċin Taljan u saċerdot; qaddis ikkanonizzat mill-Knisja Kattolika li ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tiegħu ssir fit-23 ta’ Settembru, fl-anniversarju ta’ mewtu.

Anke meta kien għadu ħaj ingħata venerazzjoni popolari kbira ħafna ħabba l-pjagi li kellu f’ġismu u l-mirakli li jingħad li wettaq f’ħajtu u wara mewtu. Kien ukoll oġġett ta’ ħafna kritika u suspetti fi ħdan il-Knisja u barra minnha.

Tfulija
Twieled fi Pietrelcina, raħal fil-provinċja ta’ Benevento fl-Italja, nhar il-25 ta’ Mejju 1887, minn Grazio Forgione u Giuseppina f’dar ċkejkna u fqira fil-kampanja. Missieru kien bidwi, bniedem bla skola iżda għaref. Semmewh Franġisku u kien ir-raba’ tifel minn seba’ ulied, li tnejn minnhom mietu trabi. F’dawk is-snin, ix-xogħol kien naqas ħafna u Grazio beda jsibha bi tqila biex jaqla’ l-għajxien għall-familja tiegħu.

Huwa emigra darbtejn, l-ewwel darba meta Franġisku (Piju) kien għadu tifel ċkejken, kien mar l-Amerka t’Isfel iżda kienet ġietu ħażina. It-tieni darba, ftit qabel ma Piju sar saċerdot, Grazio għamel kemxa ġmielha u meta ġie lura xtara żewġ għelieqi providenzjali għal Patri Piju li seta’ jitbiegħed mill-familjari tiegħu u hemm jinġabar fit-talb.

Il-vojt ta’ missieru fi tfulitu mlietu wisq tajjeb ommu li kienet tgħożżu bi mħabba kbira. Ta’ ħames snin, Franġisku wiegħed lilu nnifsu lill-qaddis patrun ta’ ismu, San Franġisk t’Assisi. Wara dan jingħad li kien ġa beda jkollu l-viżjonijiet. Kien jara lill-Madonna u jitkellem magħha u kien ukoll jara x-xitan taħt xbihat ta’ bnedmin kif ukoll ta’ annimali mill-aktar koroh. Ta’ tifel li kien, hu kien jaħseb li kulħadd kien ikollu minn dawn l-affarijiet. Meta kellu disa’ snin, Franġisku jingħad li assista għall-ewwel miraklu tiegħu.

Kien ma’ missieru fis-Santwarju ta’ San Pellegrino meta resqet mara b’tifel marid f’dirgħajha, tgħajjat donnha teħodha ma’ San Pellegrino għax ma kienx fejqilha lil binha. Fit-telfa li kienet, telqet lit-tifel fuq l-altar filwaqt li qaltlu: “Kollox sew. Jekk ma tridx tfejqu, allura ħudu int.” Għal dik ix-xena, kulħadd tbikkem. Franġisku talab għat-tifel b’ħeġġa kbira, b’għajnejh fissi fuqu. F’daqqa waħda it-tifel għolla jdejh, qam fuq riġlejh u għajjat “mamma”. Kulħadd infexx jgħajjat “miraklu”. It-tifel kien fieq għal kollox.

Patri Kapuċċin
Dik il-ħabta fi Pietrelcina kien jidher ta’ spiss wieħed ajk kapuċċin jismu Fra Kamillu. Dan kellu leħja sewda twila u folta u bil-manjieri ħelwin li kellu, kien jiġbed lejh lil kulħadd, żgħar u kbar. Franġisku kien inġibed ħafna lejh, l-aktar minħabba l-baffi li kellu, u xtaq isir bħalu. Kienu l-baffi l-ewwel ħaġa li ġibditu lejn il-Kapuċċini! Ta’ sittax –il sena beda n-novizzjat tiegħu f’Morcone u ħa l-isem ta’ Fra Piju. Sa mill-ewwel ġranet tiegħu fil-kunvent huwa sar il-mimmi ta’ għajnejn il-patrijiet kapuċċini l-oħra.

Il-Majjistru tiegħu Patri Tommaso qal fuqu: “Kien dejjem novizz eżemplari, puntwali u eżatt f’kollox.” Kien jagħmel penitenzi anki waqt l-ikel – fost l-oħrajn, kien jitlob permess biex jgħaddi l-ikel lill-patri ta’ ħdejh. Kien jitlob ħafna u fit-tul, u ta’ spiss kien jitlob permess biex ma jinżilx għar-rikreazzjoni ħalli jkun jista’ jkompli jitlob.

L-unika ħaġa li kienet tinkwieta lill-patrijiet sħabu kienet saħħtu. Fra Piju kien sar magħlub wisq u kien spiss jaqbdu deni qawwi. Dan kien deni li t-tobba ma setgħux jispjegaw. Xi drabi t-termometru kien jinkiser bil-qawwa tad-deni. Minħabba f’hekk kien jintbagħat għal xi jiem id-dar, b’permess speċjali tas-superjuri, għall-arja tajba ta’ Pietrelcina biex ikun jista’ jirpilja.

Nhar it-22 ta’ Jannar, 1904 huwa għamel l-ewwel professjoni tiegħu. Għat-tliet snin ta’ wara huwa qagħad fil-Kunvent ta’ San Elia a Pianisi f’Campobasso u f’għeluq it-tielet sena għamel il-professjoni solenni. Wara dan, reġa’ bagħtu fi Pietrelcina, Piju kompla jistudja t-teoloġija mgħejjun mill-arċipriet ta’ raħal twelidu, Mons. Pannullo.

Saċerdot
Piju kien ordnat saċerdot nhar l-10 t’Awwissu, 1910 fid-Duomo ta’ Benevento mill-Arċisqof Paolo Schinosi u erbat ijiem wara ċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu, fil-Knisja ta’ Pietrelcina. Fil-paniġierku tal-quddiesa, Patri Agostino, id-direttur spiritwali tiegħu tkellem fuq tliet punti essenzjali fil-missjoni tas-saċerdot: il-pulptu, l-altar u l-konfessjonarju, u testwalment qallu: “Inti, minħabba saħħtek, ma tantx tista’ tkun predikatur; għalhekk nawguralek li tkun konfessur kbir.”

Il-Pjagi
Ftit inqas minn xahar wara li sar saċerdot, bdew jidhru fil-pali ta’ jdejh bħal “dbabar ħomor” li kienu jweġġgħu ħafna iżda li wara xi ġurnata jew tnejn kienu jgħibu għal kollox. Piju kien pront tkellem mal-arċipriet Pannullo li kien sar it-tieni missier tiegħu. It-tnejn flimkien kienu talbu bil-ħerqa lil Alla, biex jekk jista’ jkun, ineħħilu dawk is-sinjali u jħallilu biss l-uġigħ. U għal dik id-darba hekk ġara.

Ħames snin wara, nhar l-20 ta’ Settembru 1915, waqt li fil-knisja ta’ Pietrelcina kienet qiegħda ssir il-Festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk, Piju kien mitluf fit-talb f’ “għarix” li kien għamel hu stess f’għalqa tal-familja tiegħu. Darba ommu ratu ħiereġ mill-għarix iferfer kemm jiflaħ idejh bħal meta wieħed ikun mess xi ħaġa taħraq. Bil-ħlewwa kollha, ommu qaltlu biċ-ċajt jekk kienx qiegħed idoqq il-kitarra, imma hu weġibha biss li kellu jdejh juġgħuh. Nafu b’dan biss minn ittra li huwa bagħat lid-direttur tiegħu Patri Agostino, xahar wara.

Bil-lieva
Dawk kienu s-snin ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija u Piju bħaż-żgħażagħ Taljani l-oħra nġabar bil-lieva iżda għamel biss xahar (Novembru, 1915) minħabba d-deni stramb li reġa’ qabdu. It-tobba militari eżentawh għal sena u Piju reġa’ lura Pietrelcina. Bħalma kien dejjem jiġri, wara ftit ġimgħat irpilja u reġa’ beda jaqdi fil-pastorali tal-parroċċa. Xahrejn wara s-superjuri reliġjużi tiegħu ordnawlu jmur fil-kunvent ta’ Sant’Anna ġewwa Forgia.

Meta għalqitlu s-sena eżentat mil-lieva huwa rraporta f’Napli fejn reġgħu eżentawh għal sitt xhur oħra, jiġifieri sa Ġunju, 1917. F’Mejju ta’ dik is-sena, mar l-ewwel u l-unika darba f’ħajtu Ruma biex jakkumpanja lil oħtu ż-żgħira li kellha ssir soru ta’ Santa Briġida. Hija ħadet l-isem ta’ Suor Pia. Kien biss ħamsin sena wara li reġgħet rat lil ħuha, meta marret isellimlu fil-funeral tiegħu. Mietet seba’ xhur warajh, nhar it-30 t’April, 1969.

F’San Giovanni Rotondo
F’Marzu, 1918 inħeles darba għal dejjem mis-servizz militari għax instab li kien ibati bi bronco-pneumonite kronika, tant li l-uffiċjali militari qalu: “Ħa nibagħtuh id-dar forsi jmut fil-kwiet u l-paċi.” Iżda Piju kellu jmut fil-kwiet u l-paċi ħamsin sena wara, meta kellu 81 sena. Nhar it-18 ta’ Marzu huwa mar lura fil-Kunvent ta’ San Giovanni Rotondo fejn sentejn qabel il-Provinċjal iddeċieda li jħallih hemm għal kollox fuq xewqa ta’ l-istess Patri Piju.

Lil Piju għażluh bħala direttur tal-“fratini”, dawk it-tfal li kienu mħajrin isiru patrijiet. Il-ħemda tal-kunvent fqajjar, maqtugħ għalih waħdu u mdawwar minn kullimkien b’siġar iħaddru s-sena kollha, kien tassew ideali għal Patri Piju. Il-ftit nies li kienu jiffrekwentaw il-knisja mill-ewwel intlaqtu mill-qdusija sempliċi ta’ dak il-patri żagħżugħ u marradi u hekk l-għadd tagħhom beda jiżdied kuljum.

Pjagi viżibbli
Hekk kiteb f’ittra Patri Piju lid-direttur spiritwali tiegħu li obbligah jagħmel dan. Dakinhar, fil-jum tal-Ġimgħa, Piju kien waħdu fil-Kunvent għax il-patrijiet l-oħra kellhom xi qadjiet. Waqt li kien qiegħed għarkupptejh quddiem il-Kurċifiss, jingħad li Ġesù Msallab (il-Personaġġ Misterjuż) ħa l-ħajja u minnu ħarġu ħames vleġeġ li ppenetraw il-ġisem tiegħu.

Piju bilkemm kellu s-saħħa jqum mill-art u jasal saċ-ċella biex ikun jista’ jbiddel ħwejġu u jnaddafhom mid-demm biex ma jindunawx b’dak li kien ġralu. Din id-darba l-Mulej ma neħħielux is-sinjali. Jingħad li Patri Piju baqa’ b’dawk il-pjagi sal-aħħar jum ta’ ħajtu.

L-aħbar ta’ patri bil-pjagi xterdet ma’ San Giovanni Rotondo u kważi mal-Italja kollha. Is-superjuri reliġjużi nfixlu f’dik is-sitwazzjoni delikata. Il-Ministru Ġenerali tal-Kapuċċini ddeċieda li ma jitħallewx nies ikellmu lil Patri Piju u billi n-nies iktar bdew jersqu lejn il-kunvent, dan issakkar u ma kien jitħalla ħadd jidħol mingħajr il-permess tas-superjur.

Sanzjonat mill-Awtoritajiet tal-Knisja
Nhar it-2 ta’ Ġunju, 1922 is-Sant’Uffizzju ordna li Patri Piju jibda jqaddes biss fil-privat, ma jagħtix barka lin-nies u ma jweġibx l-ittri tan-nies. Piju kien dejjem lest jagħmel dak kollu li jkun mitlub mis-superjuri tiegħu u kien jiddispjaċih biss għal dak kollu li kien qiegħed jiġri minħabba fih.

F’ittra lill-Vigarju Provinċjali ta’ Foggia, Piju kiteb:

“ Naħseb li mhemmx għalfejn intennilek kemm ninsab lest li nobdi kwalunkwe ordni li nirċievi mingħand is-superjuri. Il-kelma tagħhom hija għalija l-Kelma ta’ Alla li lejH irrid inżomm sħiħ it-twemmin tiegħi sal-mewt u bil-għajnuna tiegħu rrid nobdi kwalunkwe kmand, ikun kemm ikun tqil u ta’ tbatija.”

Fama Internazzjonali
Il-fama ta’ Patri Piju xterdet ’il barra mill-Italja. Kienu jmorru jżuruh pellegrini mhux mill-pajjiżi Ewropej, fosthom Maltin, iżda wkoll ħafna Amerikani u Sudamerikani. Eluf ta’ ittri kienu qegħdin jaslulu fil-kunvent minn madwar id-dinja kollha, x’uħud anke miċ-Ċina u mil-Lvant Imbiegħed.

Minkejja l-popolarità kbira tiegħu, ħajtu fil-kunvent baqgħet dejjem l-istess. Kien iqaddes tal-ħamsa ta’ filgħodu. Għall-quddiesa tiegħu, in-nies ġieli għamlu lejl sħiħ wara l-bieb tal-knisja biex malli tiftaħ, jintasbu fl-ewwel postijiet. Nistgħu ngħidu li ħajtu bħala saċerdot kienet talb, quddiesa u qrar.

Kien iqatta’ sigħat twal fil-konfessjonarju u kien jixtieq li “l-ġurnata fiha 48 siegħa flok 24” biex ikun jista’ jqarar iżjed. Fil-festi jingħad li ġieli għamel 18-il siegħa jqarar. Eluf kbar jingħad li sabu lil Alla mill-ġdid permezz ta’ Patri Piju. Kienu jqerru għandu isqfijiet, kardinali, politiċi, artisti u minn kull xorta ta’ nies.

Jibni sptar: Casa Sollievo della Sofferenza
Fl-1925, Patri Piju rranġa bini li qabel kien iservi ta’ monasteru u għamel sptar żgħir li semmieh għal San Franġisk. Iżda fl-1956, għamel l-opra kolossali tiegħu meta bil-flus ta’ ħafna benefatturi fetaħ wieħed mill-aktar sptarijiet moderni anke sal-ġurnata tal-lum, “Casa Sollievo della Sofferenza” – Dar għas-Serħan mit-Tbatija. Iżda dan l-isptar għalkemm ġab serħan lil ħafna pazjenti reġa’ ġab sofferenza kbira għal Patri Piju li kienet tixbah lil dik li għadda minnha għoxrin sena qabel, meta waqqfuh milli jqaddes. Issa Patri Piju kien bniedem anzjan u batut fiżikament.

Waqt li kien qed jinbena l-isptar mhux kollox kien miexi ħarir fl-amministrazzjoni, mhux tort ta’ Patri Piju li kien ħalla f’idejn ħaddieħor it-tmexxija ta’ l-isptar. Fl-1952, il-Ġeneral tal-Kapuċċini fuq struzzjoni mis-Sant’Uffizzju wissa lir-reliġjużi tiegħu biex ma jorganizzawx pellegrinaġġi għal San Giovanni Rotondo. Fl-1960, il-Papa bagħat lil Mons. Carlo Maccari biex jinvestiga l-ħafna xnigħat li kienu qegħdin isiru fuq Patri Piju.

Mewt u iktar misteri
Patri Piju miet nhar it-23 ta’ Settembru, 1968 fis-2.30 a.m. Il-ġurnata ta’ qabel kien qaddes bħas-soltu għalkemm fl-aħħar ta’ dik il-quddiesa kien se jaqa’ mal-art kieku mhux għax żammewh il-patrijiet li kienu qegħdin jassistuh. It-tabib kuranti ta’ Padre Piju, Dr Giuseppe Sala, meta ċċertifikah mejjet, ħalla miktub: “Għaxar minuti wara l-mewt, l-idejn, il-kustat u r-riġlejn ta’ Padre Piju… u kull parti oħra tal-ġisem, la kienu juru marki ta’ feriti, la ċikatriċi fl-idejn u fir-riġlejn, la fil-wiċċ u lanqas fil-qiegħ tagħhom u lanqas fil-kustat fejn qabel kellu feriti li kienu jidhru tajjeb.” Sala iddikjara wkoll li dan il-fatt “huwa għal kollox barrani minn kull tip ta’ komportament kliniku.”

Patri Piju ndifen fil-Kripta tas-Santwarju ta’ San Giovanni Rotondo. Nhar it-23 ta’ Mejju, 1987, il-Papa Ġwanni Pawlu II, li meta kien għadu student f’Ruma kien iltaqa’ u tkellem ma’ Patri Piju, mar iżur il-qabar tiegħu u talab fit-tul fuqu. Tnax –il sena wara kien dan l-istess Papa li ddikjarah beatu, nhar it-2 ta’ Mejju, 1999. Nhar is-16 ta’ Ġunju, 2002 l-istess Papa ddikjarah qaddis. Il-Knisja tagħmel it-tifkira ta’ San Piju ta’ Pietrelcina nhar it-23 ta’ Settembru.

ĦsiebFit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: ‘Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?’ Meta niftakru li Ġesù aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesù, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn Jien?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli.

San Piju kien jgħid: “Ġesù jikkonfortak fid-dwejjaq tiegħek.” Imma kien jgħid ukoll “Aktar mat-tbatija tkun kbira, aktar kbira tkun l-imħabba ta’ Alla lejk.” Iva, Ġesù huwa dejjem lest li jikkonfortana biss aħna rridu mmorru għandu u b’ħajja ta’ djalogu intimu miegħu fit-talb, tassew nibdew niskopru, kif skopra San Piju, il-valur tat-tbatija f’ħajjitna li jekk nilqgħuha bis-sabar, ikollna premju ta’ glorja kbira fis-sema. Min jaf b’liema glorja jiddi dan il-qaddis li b’paċenzja u b’għożża kbira ġarr il-pjagi ta’ Kristu għal 50 sena biex ma nsemmix il-kumplament ta’ dak li kellu jġarrab matul ħajtu kollha?Huwa minnu li għal min iħobbok u għal min tħobb verament, l-ebda sagrifiċċju, kbir kemm hu kbir, ma jaqtalek qalbek milli twettaq.

San Piju kien jgħid wkoll: “Is-slaleb huma l-ġiżirajjen tal-Maħbub Divin u jiena nixxennaq għalihom.” Il-Mulej ma kienx komdu fuq is-salib biex ipatti għal dnubieti. Jeħtieġ li niftakar dan meta nkun ittentat/a li naqta’ qalbi milli nkompli nġorr is-salib bis-sabar. Irridu naraw sewwa x’kienet l-imġiba ta’ Kristu fil-kuntrarju li għadda minnu u nagħmlu bħalu hekk kif għamel San Piju. Bit-tbatija tiegħu, Ġesù ta lit-tbatija valur li qatt ma kellha. It-tbatija għan-nisrani saret ‘rikkezza’, għax meta ngħaqqduha ma’ dik ta’ Ġesù u noffruha għall-bżonnijiet tagħna jew ta’ xi ħadd, hi l-aktar talba qawwija li nistgħu noffru. Nistgħu wkoll noffruha bi tpattija għad-dnubiet u nibdew innaqsu miż-żmien tal-purgatorju. Din ir-rikkezza għandna nħaddmuha b’mod għaqli u ma naħlu xejn minnha. Int tagħmlu dan?

Issib min jgħidlek: ‘Tagħmel is-sewwa u taqla’ fuq wiċċek!’ U hawn jien nistaqsi: ‘Wara min miexja? Wara Ġesù jew wara l-unuri tad-dinja?’ Ġesù tajjeb biss għamel! Xi rċieva lura? Jien warajh miexja! M’għandix nippretendi trattament aħjar milli rċieva Hu li hu bla dnub! Fil-ħajja tipprova żżomm mas-Sewwa u dejjem se ssib min iċapċaplek jew iċapċaphielek! Madanakollu, is-Sewwa MA JINBIDILX u hemm ħlas kbir għal min jippersevera FIH. Għalhekk kuraġġ ħbieb! Ejjew inkomplu nissieltu sal-aħħar billi kif għamel San Piju nibqgħu ntennu l-ismijiet ta’ Ġesù u ta’ Marija sal-aħħar!

Talba: O Ġesù tiegħi, tajjar minn moħħi u minn qalbi kull inkwiet fuq l-imgħoddi, kull tħassib fuq il-preżent, u kull biża’ fuq li ġej, ħalli nkun nista’ nixtieq, dejjem u f’kollox, ħaġa waħda biss: li mmur kontra tiegħi nnifsi għall-imħabba tiegħek. Nerħi, għalhekk, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-providenza qaddisa tiegħek.Ammen. (Talba ta’ San Piju)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-padre-pio.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-pio-of-pietrelcina/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Padre_Pio

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20020616_padre-pio_en.html

Famous quotes by Saint Pio: https://quotabulary.com/famous-quotes-by-padre-pio

 

 

 

 

 

 

Film komplut dwar il-ħajja ta’ San Piju bl-Inġliż:

Film komplut dwar il-ħajja ta’ San Piju bit-Taljan:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia.