28 ta’ Mejju: Santa Ubaldeska

Verżjoni Vidjo: Santa Ubaldeska

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.” – Rumani 8:28.

SantaUbaldescaTacciniSANTA UBALDESKA
Verġni
1136 – 1206

Tagħrif: Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia, qrib Pisa l-Italja, fl-1136. Il-ġenituri tagħha kienu bdiewa umli u rawmuha fil-biża’ t’Alla. Kienu jipprattikaw l-virtù tal-ubbidjenza u tas-silenzju u minn età żgħira binthom trawmet f’dan l-ambjent. Kienet tfajla bieżla ħafna u mehdija fit-talb.

Ubaldeska kienet tħobb ħafna l-foqra u kull meta ġiet f’kuntatt magħhom qatt ma kienet tħallihom mingħajr ma tagħmel xi att ta’ karità magħhom. Meta ma kien ikollha xejn xi tatihom, kienet tħallihom bit-tbissima ħelwa tagħha, u b’inkuraġġiment.

Talbet lil Alla jmexxiha u jgħarrafha x’jixtieq minnha. Ta’ erbatax-il sena kellha dehra u anġlu qalilha biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Meta rrispondietu li ma kellhiex mnejn tixtri d-dota l-anġlu weġibha li l-Ispirtu s-Santu jipprovdilha.

Hija daħlet il-kunvent fejn laqgħuha b’ferħ kbir. Il-qdusija tagħha kienet ta’ eżempju għal ħutha s-sorijiet. Kienet tgħix ħajjitha fit-talb, sawm, astinenza u penitenza, dejjem fil-prattika tal-virtujiet tal-ubbidjenza, umiltà u tjubija kbira. Kienet karitattiva ma’ kulħadd u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, anke meta kienet tkun qiegħda ssofri. Dan kien dovut għall-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Ġesù, Marija u l-qaddisin. Kienet tħoss kontinwament il-preżenza ta’ Ġesù maġenbha.

Il-kunvent għadda minn perjodu ta’ faqar kbir, tant li biex tgħix il-kongregazzjoni, flimkien mal-foqra li kien ikollhom taħt is-saqaf tagħhom, kellhom joħorġu jittalbu fil-belt. Santa Ubaldeska kienet waħda mis-sorijiet li għal snin twal kienet toħroġ tittallab biex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-kunvent.

Fil-festa tat-Trinità Qaddisa, it-28 ta’ Mejju 1206, il-qaddisa ħalliet din id-dinja kawża ta’ ferita f’rasha, ikkawżata minn inċident li seħħ xi ftit ġimgħat qabel. Ġimgħa wara li mietet Fra Doctus, id-direttur spiritwali tal-kunvent, kellu rivelazzjoni, ra lill-qaddisa dieħla l-ġenna mdawra mill-kori tal-anġli. Bena monument, fejn tpoġġa l-ġisem tagħha għall-venerazzjoni. Ħafna mirakli ġew attribwiti lilha wara żjara ’l-qabar tagħha.

Il-Granmastru Fra Hugh de Loubenx Verdala ordna li xi relikwi tal-qaddisa jintbagħtu fil-Belt Valletta, Malta. Għalhekk fit-28 ta’ Mejju 1587, tpoġġew fil-kappella prinċipali tal-monasteru. Fl-1636, inbniet knisja ġewwa Malta (Paola) ddedikata lil Santa Ubaldeska.

Ħsieb: Il-Knisja li nsibu f’Raħal il-Ġdid iddedikata lil Santa Ubaldeska, tinsab fi Triq l-Arkata. Qabel ma nbniet il-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-knisja ta’ Santa Ubaldeska kienet dik il-knisja li mitt sena ilu saret l-ewwel Parroċċa ta’ Raħal Ġdid.

Santa Ubaldeska hi fost l-qaddisin li kienu jagħmlu parti mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan jispjega d-devozzjoni li kellhom għaliha diversi kavallieri fosthom il-Gran Mastru Antonie De Paule li waqqaf din il-knisja f’Raħal Ġdid. L-akbar tagħrif dwar din il-qaddisa insibuh appuntu fil-ktieb “Dell’Istoria della sacra religione” ta’ Giacomo Bosio, li kien l-istoriku tal-Ordni.

Ubaldeska jingħad li anke kienet tagħmel mirakli waqt li kienet għadha ħajja. Xi kwadri juruha b’ġarra żgħira f’idha. Din hija referenza għall-miraklu li jingħad li wettqet darba ma’ xi pellegrini. Darba, kienet qed ittella’ l-ilma mill-bir meta waslu ħdejha xi pellegrini għajjenin li talbuha ftit ilma biex jixorbu. Ubaldeska bierket l-ilma li kienet għadha kemm tellgħet mill-bir bis-sinjal tas-Salib u tathom jixorbu mill-ġarra. Il-pellegrini tomgħew inbid, mhux ilma, u malajr intebħu li kien sar miraklu permezz ta’ dik is-soru qaddisa. Fl-ikonografija, din is-soru tidher ukoll b’Palma f’idejha. Il-Palma hi s-sinjal tal-Martirju iżda għalkemm din il-qaddisa qatt ma soffriet il-Martirju kif nifhmu ġeneralment bil-kelma, il-Palma tirrapreżenta l-“martirju” ta’ tbatija u sofferenzi li għaddiet minnhom f’din id-dinja.

Imma darba waħda meta hi kienet qiegħda tittallab, u qed taqsam il-“pont tax-xewk” waqgħet ġebla minn fuq bini li kien għadu tiela’ u weġġa’ serjament lil Ubaldeska f’rasha. Marret tħaffef lejn il-kunvent u meta rawha kollha dmija riedu jdewwuha. Hi ma riditx u qaltilhom li tħalli kollox f’idejn Alla. Il-ġerħa li kellha kompliet tinfetħilha imma hi kompliet tirrifjuta li tiġi kkurata. Infatti, hija mietet kawża ta’ din il-ferita.

Darba, Fra Bartolo de Palmieri, Prijur tal-Prijorat tas-San Sepulkru f’Pisa, irċieva favur speċjali mingħand Santa Ubaldeska u bħala ringrazzjament, nhar il-festa tagħha li taħbat ma’ dik tat-Trinità Qaddisa, poġġa l-fdal tagħha ġo urna aktar elaborata. Beda wkoll jiċċelebra l-ġurnata tagħha kull sena.

Aktar tard, il-GranMastru Fra Hughes Loubenx Verdale talab lill-Kavallier Giulio Zanchini, li kien Fjorentin u l-Logutenent tal-Prijur ta’ Pisa biex iġib f’Malta parti mill-fdalijiet tal-qaddisa biex jitqiegħdu fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann. Dan sar bil-permess tal-Papa Sistu V b’ordni maħruġ fl-20 ta’ Settembru tal-1586. L-ordni tal-Papa kienet tgħid ukoll li kull nhar l-20 ta’ Mejju ta’ kull sena kellha ssir festa f’unur il-qaddisa u li għal din il-festa kellu jintuża l-istess Uffiċċju li kien jintuża fil-knisja Metropolitani ta’ Pisa. Huwa ta Indulġenza Plenarja perpetwa lil dawk il-Fidili li żaru l-fdalijiet tagħha meta dawn inġabu f’Malta nhar l-20 ta’ Mejju tal-1587. Fl-1808, il-Franċiżi li kienu għadhom taħt l-ispirtu tar-rivoluzzjoni, qerdu l-kunvent u l-fdalijiet ta’ Santa Ubaldeska f’Pisa.

Ara aktar informazzjoni dwar il-Kappella ta’ Santa Ubaldeska

Talba: O Alla, għat-talb ta’ Santa Ubaldeska u għall-merti li hija kisbet mill-ħajja ta’ qadi lejn l-aħwa morda tal-Ordni, agħtina li aħna wkoll naqdu b’wiċċ ferrieħi lil kull min jeħtieġ is-servizz tagħna u li nieħdu kollox minn idejk meta nħabbtu wiċċna mas-saram ta’ din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://smom-za.org/saints/ubaldesca_text.htm

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-ubaldesca-taccini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ubaldesca_Taccini

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit Kappelli Maltin.

Advertisements

15 ta’ April: San Damjan de Veuster

Verżjoni Vidjo: San Damjan de Veuster

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġesu’ fi Ġwanni 15:13.

damien_veuster_45_01.jpgSAN DAMJAN DE VEUSTER
Saċerdot
1840 – 1889

Tagħrif: Joseph de Veuster, bħala reliġjuż Patri Damjan, twieled fi Tremeloo qrib Louvain fil-Belġju fit-3 ta’ Jannar, 1840.

Ta’ 18-il sena daħal mal-patrijiet tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u Marija, magħrufa bħala ‘Picpus Fathers’.

Ta’ 23 sena hu telaq bħala missjunarju fil-gżejjer tal-Paċifiku u ġie ordnat saċerdot f’Honolulu fl-1864.

Disa’ snin wara, offra ruħu biex imur jaħdem qalb il-lebbrużi fil-gżira ta’ Molokai, u wasal hemm fl-10 ta’ Mejju, 1873. B’kollox dam f’din il-gżira 16-il
sena, jagħmel ġid spiritwali u materjali lill-merħla għażiża tiegħu.

Sa mill-bidu Damjan poġġa l-ġid tal-morda bil-lebbra qabel il-ġid tiegħu. Id-dehra u r-riħa ta’ iġsma mħassra għall-ewwel ħasditu, iżda ma ċediex. L-ilma li kien hemm ma kienx tajjeb għax-xorb; għalhekk Patri Damjan mar fil-muntanji biex ifittex għejun friski. Wara ħafna xhur ta’ ġlied kontra l-burokrazija, ġew mibgħuta xi kanen u Damjan, flimkien ma’ xi nies tal-post bdew jaħdmu sakemm ilma safi twassal fil-Kolonja. Billi fuq il-post ma kienx hemm injam biex tibni, Damjan baqa’ jiffitta lill-Bord tas-Saħħa ta’ Honololu sakemm tawh l-għajnuna meħtieġa.

Mhux l-ewwel darba li kien jitlef il-paċenzja, iżda qatt mal-morda li kien jitrattahom bl-ikbar rispett. Għal kull biċċa xogħol, sew jekk ta’ bini jew tagħlim, sew jekk biex idewwi xi ferità jew jaħdem xi tebut, kont dejjem issib lil Patri Damjan.

Ma’ nżul ix-xemx kien jintasab barra quddiem l-għorfa tiegħu, flimkien ma’ xi gruppi raħħala, jieħu gost bl-istejjer u l-kant tagħhom tal-post. Għalkemm ix-xogħol iebes kien iqabbdu l-ġuħ, mhux l-ewwel darba li qasam il-ftit ikel li kien ikollu ma’ sħabu. Anke l-pipa tiegħu kien iħallihom ipejpu.

Sal-1881, permezz ta’ fondi mingħand l-isqof, inbnew żewġ orfanatrofji u żewġ skejjel.

L-ewwel Ħadd ta’ Ġunju, 1885, qabel ħareġ għall-adorazzjoni ta’ filgħodu, Damjan waqqa’ ilma jagħli fuq siequ. Ra l-ġilda tinstamat iżda ma ħass xejn. F’dik l-għodwa n-nies inħasdu hekk kif Patri Damjan ma bediex il-prietka tiegħu bis-soltu kliem, “Għeżież ħuti …” iżda “Aħna l-lebbrużi …” Bħalhom Damjan issa kien marid bil-lebbra. Tajjeb li wieħed isemmi li, fost oħrajn, kien hemm soru qaddisa bl-isem ta’ Marija Cope (ara Santa Marija Cope) li ħadmet ma’ Damjan de Veuster, meta kien qed itemm l-apostolat straordinarju tiegħu.

Patri Damjan miet bil-lebbra, ta’ 49 sena, fil-15 ta’ April, 1889, u kien midfun b’għożża kbira minn sħabu taħt is-siġra tal-pandanus li taħtha kien raqad meta wasal hemm l-ewwel darba. Illum fuq Molokai hemm salib tal-granit li fuqu hemm imnaqqax il-kliem: “M’hemmx imħabba ikbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġwanni 15:13).

Il-fdal tiegħu ttieħed trijonfalment fil-Belġju, fejn jinsab meqjum fil-kripta tal-Knisja tal-“Picpus Fathers” ta’ Louvain. Aktar minn 33,000 lebbruż, ħafna minnhom mhux insara, għamlu petizzjoni għall-beatifikazzjoni tiegħu. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fil-Belġju fl-1995 waqt żjara pastorali li għamel f’dak il-pajjiż. Il-Papa Benedittu XVI iddikjara lil Damjan de Veuster qaddis f’Ottubru tal-2009. Huwa l-Patrun ta’ dawk milquta bil-lebbra, HIV u l-AIDS.

Ħsieb: Xi nies ħasbu li Damjan de Veuster kien eroj għax mar il-Molokai u oħrajn ħasbu li kien miġnun. Meta kleriku Protestant kiteb li Damjan kien ħati ta’ mġiba immorali, Robert Louis Stevenson iddefenda bil-qawwa tiegħu “f’Ittra bil-Miftuħ lil Dr. Hyde.”

Hawaii mhux dejjem kienet gżira tal-ġenna. F’nofs is-sena 1800, il-barranin ġabu mard ġdid, inkluż il-lebbra, li bdiet tiddomina l-popolazzjoni. Il-gvern iżola lil dawk milquta mill-lebbra f’Molokai, għażla żgħira ta’ art imdawwra b’irdumijiet kbar u baħar perikoluż.

L-Isqof talab għall-voluntiera mill-membri tal-Kongregazzjoni tal-Qlub Imqaddsa biex jaqdu lil-lebbrużi għal erba’ xhur kull darba. L-ewwel li ntbagħat kien il-Belġjan Fr. de Veuster, imwieled fit-3 ta’ Jannar, 1840. Mixi fost il-mejtin ħajjin, kien jara sfruttament grotesk, faqar terribbli, destituzzjoni u wġigħ emozzjonali. Mingħajr impjanti tal-irziezet u b’deformitajiet fiżiċi debilitanti, huma kienu mistennija li jkabbru l-ikel tagħhom stess, fil-ħamrija vulkanika. L-infermiera li wriet lil Fr de Veuster il-faċilitajiet disponibbli, irrimarkat, “M’għandnix għedewwa hawn ħlief skabbja, rimettar, briegħed u qamel.”

Fr de Veuster iċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu fil-kappella sħuna fejn kien ikkonfrontat bl-iżvantaġġi fiżiċi kollha tal-lebbra, inkluża r-riħa ta’ laħamhom qed jitħassar. Kellu jdur lejn tieqa miftuħa, biex jirnexxielu ma jirremettix, iżda l-bini kien imdawwar minn dawk li ma setgħux jidħlu fil-knisja li kienet żgħira.

Fr de Veuster malajr intebaħ li l-eżiljati kienu mweġġa’ għax qatt ma kien miss lil xi ħadd jew pejjep il-pipa komuni tal-post. Jekk verament ried jirbaħ il-qlub tagħhom, huwa kellu jaċċettahom kompletament u jirriskja l-infezzjoni. Ladarba jittieħed, hu kien jaf li kellu jmut fi żmien tliet jew erba’ snin. Infatti, wara xi snin, huwa kien beda l-priedki tiegħu bil-kliem, “Aħna l-lebbrużi …”

L-eżiljati kienu jeħtieġu kura medika. Minbarra l-lebbra, il-pazjenti sofrew minn kull tip ta’ infezzjoni sekondarja: infestazzjonijiet ta’ qamel u qurdien, skabja, infezzjonijiet tal-pulmun, uġigħ ulċerat, dijarea, sogħla, eċċ. Huwa għen biex jittaffew dawn il-bżonnijiet kollha, ħafna drabi affaċċjat b’indifferenza, dewmien u saħansitra oppożizzjoni miftuħa.

F’Diċembru tal-1884, innota bżieżaq severi fuq saqajh mingħajr il-preżenza ta’ uġigħ. Huwa miet bil-lebbra fil-15 ta’ April, 1889 wara 16-il sena ta’ dedikazzjoni bla xkiel. Biex wieħed jgħin finanzjarjament il-lebbrużi madwar id-dinja – u hemm 700,000 każ ġdid kull sena! – F’Malta hemm l-Ordni tal-Karità li ilha taħdem għal dawn l-aħħar 44 sena. Issa qed titmexxa mill-Grand Priory ta’ Malta tal-Ordni ta’ San Lazarus, Ordni antika tal-Kavallieri li tiddedika l-enerġija tagħha prinċipalment għall-kawża tal-lebbrużi. Għal aktar informazzjoni ikteb lil tcutajar36@onvol.net.

Talba: O Alla, Missierna, ngħidulek grazzi għal ħuna San Damjan de Veuster. Fuq il-passi ta’ Ibnek Ġesù, huwa mar mal-lebbrużi ta’ Molokai, sar wieħed minnhom anke sal-mewt; hu wriehom li Int tħobbhom; tahom lura id-dinjita’ ta’ bnedmin, u futur mimli tama. Aħna wkoll irridu nimxu fuq il-passi tiegħu, animati bl-istess fidi. Iftħilna għajnejna u qlubna, biex nistgħu immorru għand dawk kollha li huma abbandunati, injorati, minsija. Agħtihom li permezz tagħna, huma jkunu jistgħu jiskopru Int min Int u kemm tħobbhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-damien-of-molokai-456

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-damien-de-veuster-of-moloka-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Father_Damien

Film on Saint Damien de Veuster of Moloka:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn artiklu fuq it-Times of Malta, tal-10 ta’ Ottubru 2009, jum qabel il-kanonizzazzjoni ta’ Fr. Damjan de Veuster.

20 ta’ Marzu: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

“Temmnux, l-aħwa, li l-assistenza, tikkonsisti biss f’li tingħata mediċina u ikel lill-morda. Hemm tip ieħor ta’ assistenza … l-għajnuna tal-qalb li tempatixxi mal-persuna li ssofri”. ~ Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Maria-Josefa-Sancho-de-GuerraSANTA MARIJA JOSEFA SANCHO DE GUERRA
Reliġjuża
1842 – 1912

Tagħrif: Marija Josefa Sancho de Guerra, twieldet fis-7 ta’ Settembru, 1842, fil-belt ta’ Vitorja, fi Spanja, fir-reġjun Bask. Missierha kien Bernabe Sancho, u ommha Petra de Guerra, hija kienet l-ewwel wild tagħhom.

Ta’ 7 snin tilfet lil missierha u baqgħet tgħix ma’ ommha u ħutha, fejn ħadet formazzjoni reliġjuża tajba minn ommha li wasslitha biex tkun ippreparata tajjeb biex tagħmel l-ewwel tqarbina ta’ 10 snin.

Ta’ 15-il sena marret għal xi żmien tgħix ma’ xi qraba f’Madrid, biex tkompli l-edukazzjoni tagħha. Marija Josefa kienet devota ħafna tal-Ewkaristija u tal-Verġni Mqaddsa Marija. Kellha sensibbilità kbira għall-foqra, morda u dawk weħidhom.

Ta’ 18-il sena rritornat lura d-dar u bdiet ittarraf lil ommha bil-ħajra li kellha li tidħol reliġjuża. Ħadet diversi pariri iżda ma setgħetx tasal għal deċiżjoni ma’ liema ordni se tingħaqad. Meta kienet kważi ddeċidiet, fl-1860, mardet bit-tifu, u din ħaditha bħala l-id t’Alla għaliex kienet se tieħu għażla żbaljata.

Wara ftit żmien hija rnexxielha tidħol fl-istitut tas-Servi ta’ Marija. Bdiet tħoss li kienet imsejħa li twettaq iżjed xogħol minn dak li kienet qed tagħmel. Bil-pariri tal-konfessur tagħha San Soledad Torres Acosta, u l-Arċisqof Claret telqet mill-istitut tas-Servi ta’ Marija. Fir-Rebbiegħa tal-1871, meta kellha 29 sena, ġewwa Bilbao, waqqfet l-istitut tas-Servi ta’ Ġesù. Ingħaqdu magħhom tnejn oħra minn sħabha. Dan l-istitut ġdid ġie mwaqqaf bl-intenzjoni li jgħin lill-morda fl-isptarijiet u fi djarhom, l-anzjani, it-tfal u dawk bla dar.

Mietet fl-20 ta’ Marzu, 1912 wara marda qalila u snin twal ta’ tbatija kbira. Id-djar tagħha dakinhar kienu jġibu 43, u kellha iżjed minn 1000 soru. Indifnet ġewwa ċ-ċimiterju ta’ Bilbao, iżda fl-1926, billi l-fama tal-qdusija tagħha kibret ġiet trasferita għall-kappella tal-istitut. Ġiet ibbeatifikata fis-27 ta’ Settembru, 1992 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II u fl-1 ta’ Ottubru, 2000 l-istess Papa kkanonizzaha.

Ħsieb: Marija Josefa kienet l-ewwel superjura, u żammet din il-kariga għal 41 sena. Kienet tivvjaġġa minn komunità għal l-komunità, ħafna vjaġġi perikolużi u diffiċli, biex tkun tista’ tmexxi tajjeb id-djar tagħha, sakemm marda twila żammitha f’Bilbao. Minn dakinhar ’il quddiem kellha żżomm biss kuntatt permezz tal-korrispondenza. Dan ma fixkilhiex li tkun aġġornata b’kull ħaġa li kienet qed tiġri fid-djar tagħha.

Li nikkuraw u nieħdu ħsieb il-morda hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena li din il-qaddisa qdiet sew tul ħajjitha kollha u ħarġet lil ħafna oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Dan li ġej huma xi siltiet mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei, Tal-Qroqq (8 ta’ April, 2018), fil-festa tal-Ħniena Divina:

“Jeħtieġ naraw lill-Mulej f’xulxin, naraw ’l Mulej fil-pazjenti tagħna. Ejjew immiddu jdejna biex ngħinu lill-pazjent. Il-pazjenti li qegħdin hawnhekk għandhom pjagi fir-ruħ, fil-ġisem, fil-psike tagħhom. Il-Mulej qed isejħilna biex innewlu jdejna, l-id tal-faraġ, l-id tal-mediċina u tax-xjenza, tal-kura, anke dik palljattiva, meta dak li jkun ikollu bżonn dak it-tip ta’ intervent u mediċina. U hawnhekk fejn immissu l-pjagi ta’ Ġesù, hemm bżonn ukoll narawh fil-fidi u naraw ukoll l-irxoxt tiegħu.

F’dan il-post nirrealizzaw li l-ħajja ma jistax ikun tintemm b’dak li qed naraw hawnhekk. Ġo fina hemm istint qawwi li jipperswadina li ma jistax ikun li l-ħajja tispiċċa hawnhekk; li dan it-taħbit kollu u l-inkwiet għal dawn l-erbat ijiem. U dak li qal u wiegħed Ġesù jibda jagħmel ħafna u ħafna sens. Min hu dak li jegħleb lid-dinja jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? L-ikbar rebħa tal-bniedem hija din: li jemmen u jafda f’Ġesù.

Illum nitolbu u ninvokaw il-ħniena tiegħu fuq kull persuna li għandha bżonn il-kura f’dan il-post, imma nitolbu ħafna wkoll għall-istaff, għall-istaff mediku, l-istaff anċillari ta’ dan l-isptar biex hawnhekk ikun dejjem ambjent ta’ fejqan, fejn il-ħarsa ta’ mħabba li nagħtu lil xulxin, anke jekk ma tfejjaqx il-ġisem, tagħti balzmu u faraġ lir-ruħ.

U din tkun tassew opra tal-ħniena. Ma nistgħux aħna ma nfakkrux l-opri tal-ħniena fil-jum tal-ħniena u li żżur lill-morda, li tikkurahom u tieħu ħsiebhom hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena. U għalhekk il-barka ta’ Alla tkun fuq dan il-post qaddis, imqaddes bit-tbatija, imma wkoll fuq kull min qed jagħti ħajtu b’mod professjonali biex dan il-post ikun tassew post ta’ fejqan”.

  • U int, iżżurhom lill-morda? Tipprova tfarraġhom?
  • Titlob għall-morda, għat-tobba, għall-infermiera u għal kull min għandu xogħol vokazzjonali f’dan is-settur?
  • Meta tkun marid/a int, kif tkun l-attitudni tiegħek lejn il-mard u min ikun qed jgħinek biex tfieq?
  • Toffri t-tbatijiet tiegħek, (il-pjagi tiegħek) tar-ruħ, tal-ġisem, u tal-psike tiegħek bi tpattija għal dnubietek u għal ġid ta’ ħafna erwieħ kif Ġesù offra tiegħu lill-Missier bi tpattija għal dnubietna u għas-salvazzjoni ta’ kull ruħ?

Ejjew inżommu f’moħħna wkoll li ladarba Kristu patta għad-dnubiet tagħna, il-veru marid hu:

  • dak li għadu mhux salvat bid-Demm ta’ Kristu,
  • dak li għadu jżomm qalbu magħluqa u ma jridx jirċievi l-Ħniena Divina li teħilsu mill-iskjavitu tad-dnub,
  • dak li qed iżomm ruħu ‘l bogħod mis-Sagrament tal-Qrar u jkompli jħalli lix-Xitan jagħfsu l-isfel fil-ħama tal-ħażen.

Dan hu l-mard serju u li jġib il-MEWT fina. Ejjew għalhekk nitolbu ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin, ibda minn tagħna.

Talba: O Alla ta’ kull faraġ, Int għamilt lil Santa Marija Josefa Sancho de Guerra, ‘anġlu tat-tama’ għall-morda ta’ żmienha u bil-gwida li tat lis-sorijiet tagħha, hi baqgħet preżenti fil-persuna tagħhom biex tikkura bi mħabba qaddisa lill-għeżież morda, għallimna nkunu aħna wkoll ‘anġli ta’ faraġ’ ma’ kull min hu marid jew jeħtieġ xi forma ta’ attenzjoni u mħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/misc/Angels_Demons/ANGES_josefaheartjesus.pdf

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-maria-josefa-sancho-de-guerra/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mar%C3%ADa_Josefa_Sancho_de_Guerra

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Marzu: Beata Anġela Salawa

Verżjoni Vidjo: Beata Anġela Salawa

“Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” ~ Beata Anġela Salawa

0312-24BEATA ANĠELA SALAWA
Lajka
1881 – 1922

Tagħrif: Anġela Salawa twieldet f’familja reliġjuża ġewwa Siepraw, qrib Krakovja, il-Polonja, fid-9 ta’ Settembru, 1881. Missierha kien jismu Bartlomiej u ommha kienet jisimha Ewa, u kienet il-ħdax-il wild tal-familja. Kienet debboli ħafna u ta’ saħħa dgħajfa.

Fl-1897, marret toqgħod ma’ oħtha ikbar minnha fi Krakovja u hemm bdiet taħdem ta’ seftura, fid-djar tas-sinjuri. Damet għal xi għoxrin sena f’dan ix-xogħol. Sadanittant kienet tiġbor it-tfajliet u tħarriġhom għal dan is-servizz.

Fl-1913, saret lajka tal-Ordni Franġiskan. Fl-ewwel Gwerra Dinjija, kienet tgħin lill-priġunieri kollha, mingħajr kas ta’ x’nazzjonalità huma jew x’reliġjon iħaddnu. Kienet wkoll tiġri fl-isptarijiet u ddur bis-suldati feruti u tqatta’ ħinijiet twal tikkurahom.

Fl-1917, is-saħħa dgħajfa tagħha ma ppermettitilhiex tagħmel iżjed dan l-appostolat. Qabditha marda u damet issofri, fi tbatija kbira, għal ħames snin. Fid-djarju tagħha kitbet “Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” Darba oħra kitbet: “Għażiż Ġesù, nixtieqek tkun adorat kif inti kont distrutt.”

Hija mietet fit-12 ta’ Marzu, 1922. Mietet fil-faqar, iżda b’fama ta’ qaddisa. Il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikaha fl-1991, fi Krakovja.

Ħsieb: L-umiltà qatt m’għandha tiġi mifhuma bħala nuqqas ta’ konvinzjoni, perspettiva jew enerġija. Anġela ġabet l-Aħbar it-Tajba u l-assistenza materjali lil xi wħud miċ-ċkejknin tal-Mulej. Il-ħajja ta’ servizz u sagrifiċċji personali tagħha, ispiraw lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Insibu f’Mattew 25:34-36 40, li Ġesù jgħidilna hekk:

“Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Żgur li meta l-Beata Anġela Salawa għaddiet minn din il-ħajja għall-oħra, is-Sultan Divin qallha: “Ejja, imbierka minn Missieri, ħu b’wirt tiegħek is-Saltna, għax Jien kont marid u ġejt tarani …” Kemm hu nobbli x-xogħol tal-infermiera, tat-tobba, u ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Hija tassew vokazzjoni jew missjoni li wieħed idur bil-marid. Il-marid hu vulnerabbli, jeħtieġ il-kura mhux biss ta’ ġismu, mhux biss tal-istat psikoloġiku li jkun fih imma fuq kollox tar-ruħ għax mingħajr Alla, iċ-ċans hu li wieħed jiddispra.

Din li ġejja hija silta minn omelija tat-12 ta’ Frar, 2017, tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech fl-okkażjoni ta’ Jum il-Morda:

“Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum il-Morda, niftakru li l-marid qatt ma huwa piż, u l-familja u s-soċjetà huma fid-dmir li joffrulu l-kura ordinarja biex ma jbatix u jfiq. Tal-mistħija li hemm min bla kuxjenza jagħmel sfruttament finanzjarju mill-morda. Min-naħa l-oħra, nafu li ġieli jkun hemm pazjenti fl-isptarijiet li jkollhom qalbhom imtaqqla, mhux minħabba l-mard li jkollhom imma għax iħossuhom abbandunati jew sfruttati wkoll mill-familja u minn qrabathom. Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet li juruna kemm Ġesù kellu qalb li tħoss għall-marid u kien jaġixxi biex itaffi kull għamla ta’ tbatija. Illum ukoll Ġesù għadu qrib tal-marid. Ħafna drabi Alla jinqeda bina l-bnedmin, anki b’dawk li ma jemmnux jew għandhom id-dubji tal-fidi, biex idewwaq imħabbtu lill-morda. Dan jgħodd partikularment għal dawk li jaqdu fil-professjoni medika u b’ħidmiet oħra fl-isptarijiet”.

  • U inti, tmur iżżur lill-morda biex tagħmlilhom kuraġġ u turihom li qiegħed/qiegħda hemm għalihom?
  • Tara lil Ġesù fil-marid hekk li tasal biex iddur bih/biha bil-qalb akkost ta’ kull sagrifiċċju personali?
  • Titlob għall-morda, b’mod speċjali għal dawk li għadhom m’aċċettawx is-salib tal-mard tagħhom u għalhekk jinsabu konfużi u bla paċi f’qalbhom?
  • Jekk inti marid/a inti stess, tagħraf li din tiegħek hija rikkezza, hekk li jekk tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-Salib, dawn iservu għas-salvazzjoni ta’ ruħek u ta’ erwieħ oħra?

Talba: O Mulej Alla, li tfejjaq u li tfarraġ, Int żejjint lill-Beata Anġela Salawa bi spirtu ta’ qadi lejn il-morda u s-suldati feruti u minkejja n-nuqqas ta’ saħħa personali tagħha, hija tat servizz kollu mħabba lil ħafna pazjenti; agħtina l-kuraġġ biex induru bil-morda ta’ żminijietna u qatt ma narawhom bħala piż, anzi nifhmu li Int tinsab moħbi fil-persuna ta’ kull wieħed u waħda minnhom, għalhekk kull ma nagħmlu magħhom, inkunu qed nagħmluh miegħeK. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angela-salawa.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-angela-salawa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Angela_Salawa

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Marzu: San Ġwann ta’ Alla

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Alla

“Tassew, ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar tiegħi, għamiltuh miegħi. Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann ta’ Alla.

miracles_of_st_john_of_godSAN ĠWANN TA’ ALLA
Reliġjuż
1495 – 1550

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Montemor, il-Portugal, fl-1495, minn ġenituri fqar iżda nsara tajbin.

Żogħżitu għaddieha fi Spanja, ma’ ragħaj sinjur, u kien sejjer tajjeb ħafna miegħu, sakemm dan ried iżewġu lil bintu. Billi San Ġwann ma riedx jiżżewweġ telaq, u daħal suldat.

Ħa sehem fil-gwerra kontra Franza, u fl-Ungerija kontra t-Torok, fiż-żmien li Karlu V kien Re ta’ Spanja. Il-kumpanija ħażina nissietu l-prattika tar-Reliġjon u ttraskuraha bis-sħiħ.

Fl-1536, ħareġ minn suldat, u sab jaħdem bħala ragħaj. Bil-mod beda jbiddel ħajtu. Wasal biex iddeċieda li jmur l-Afrika biex jeħles l-ilsiera ħalli jpatti għal dnubietu. Issa kellu 40 sena. Mill-Afrika mar Ġibiltà. Fl-1538, kien fi Granada, Spanja, fejn fetaħ ħanut u beda jbigħ kotba, santi, inkwatri tal-qaddisin u affarijiet reliġjużi.

Ġurnata waħda, sama’ prietka mingħand il-Beatu Ġwanni ta’ Avila, u tant laqtitu li ta kull ma kellu lill-foqra, u beda jibki dnubietu pubblikament fit-toroq. Spiċċa biex daħħluh għal żmien qasir bħala pazjent fi sptar tal-moħħ.

Fl-1540, kera dar u beda jżomm fiha nies morda li kienu fqar. Kien jieħu ħsiebhom kollox waħdu. Kien idur bihom, u fl-istess waqt kien isib il-ħin biex ibigħ l-injam u xi affarijiet oħra biex jaqla’ l-għixien tiegħu ta’ kuljum. F’qasir żmien, l-għajnuna mingħand il-qassisin, tobba u bosta oħrajn bdiet ġejja qatigħ.

Tnejn min dawk li offrew lilhom infushom biex jgħinu lil San Ġwann, kienu għedewwa ta’ xulxin, għamlu paċi, u saru l-qalba tal-Ordni “Fratelli Ospidalieri ta’ San Ġwann ta’ Alla”, li twaqqaf għoxrin sena wara mewtu.

Fl-Italja huma msejħin il-Fatebene Fratelli, mill-espressjoni komuni tal-qaddis: “Agħmlu l-ġid, ħuti.” Hu impenja ruħu għall-kura tal-morda b’ħeġġa li donnha ma kellhiex limitu. Wara għaxar snin ta’ ħidma iebsa hu waqa’ marid. L-aħħar marda tiegħu kienet verament edifikanti, kif wara kollox kienu l-aħħar 15-il sena ta’ ħajtu.

San Ġwann t’Alla miet għarkopptejh quddiem l-artal, nhar it-8 ta’ Marzu,1550, dakinhar li għalaq 55 sena. Ġie kkanonizzat mill-Papa Alessandru VIII fl-1690. Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-Isptarijiet u tal-agunizzanti, tal-morda, tal-infermiera u l-isptarijiet.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-knisja tal-patrijiet tiegħu fi Granada. San Rikardu Pampuri, u San Ġwanni Grande, il-Beatu Beneditt Menni, u 71 Beati Martri Spanjoli kienu reliġjużi Ospedaljieri.

Ħsieb: Kien jismu Ġwanni Ciudad u twieled f’Montemor-o-Novo, ftit ’il-bogħod minn Lisbona, fil-Portugal, minn ġenituri foqra iżda ta’ ħajja qaddisa. L-ewwel snin tiegħu għaddiehom bħala ragħaj, f’safa kbira u fil-virtù; imma meta kiber, il-ħbiberija ħażina kienet il-kawża li naqqsitlu l-ħajja virtuża li kellu qabel.

Meta wara l-konverżjoni tiegħu, l-isptar ta’ Granada li fih hu u sħabu kienu jduru bil-morda, ħa n-nar. San Ġwann u sħabu għaddew minn bejn il-fjammi, u ssugraw ħajjithom, biex iġorru l-morda u jeħilsuhom mill-mewt.

Dan jgħallimna x’differenza tagħmel il-kumpanija! Meta kien fil-kumpanija tal-ġenituri qaddisa tiegħu, kien jgħix f’safa kbira u f’ħajja ta’ virtù. Aktar tard, il-kawża li naqqsitlu l-ħajja virtuża kienet il-kumpanija ħażina ta’ sħabu. Meta ġie f’sensieh u kkonverta tant li ried ipatti għal dnubietu b’għemejjel tajba, kien huwa stess li ġibed kumpanija tajba ta’ rġiel li bħalu bdew jaqdu lill-morda. Mhux biss, din il-kumpanija waqqfet l-Ordni “Fratelli Ospidalieri ta’ San Ġwann ta’ Alla”, għoxrin sena wara mewtu. U b’hekk il-frott it-tajjeb intiret u tkattar. Daqs kemm nistgħu ninġarru mal-kurrent, daqshekk ieħor nistgħu nibqgħu sodi, ngħixu ħajja li togħġob lil Alla u li tiġbed kumpanija tajba ta’ persuni li jinġibdu mill-eżempju tal-ħajja tagħna. L-għażla tibqa’ dejjem f’idejna.

Fir-rakkont tal-istorja ta’ San Ġwann, insibu li darba l-Arċisqof bagħat għal Ġwanni ta’ Alla wara li saru xi rapporti li kien qed iżomm nies vagabondi u nisa tat-triq ġewwa l-isptar tiegħu. B’umiltà kbira niżel għarkupptejh u qallu: “Iben il-bniedem ġie għall-midinbin u aħna fid-dmir li ngħinuhom jikkonvertu. Jien ma kontx fidil lejn il-vokazzjoni tiegħi għax traskurajtha, imma nistqarr li ma naf l-ebda persuna ħażina fl-isptar ħlief jien innifsi li ma jistħoqqlix niekol ħobż minn tal-fqar.” Dan jurina li minkejja li kien sar mudell għal bosta nies li bdew jgħinu fl-istess ħidma ta’ karità, huwa baqa’ umli u dejjem b’attitudni ta’ bniedem niedem.

  • U int, kemm tfittex li tgħix bħala persuna umli u dejjem niedma minn dnubietek?
  • X’qed tagħmel biex bħal San Ġwann ta’ Alla, turi tjieba u ħniena ma’ min hu mġarrab mill-hemm tad-dinja?
  • Tifhem li dak li tagħmel mal-oħrajn, Ġesù jqisu magħmul lilu nnifsu?
  • Kemm tfittex li tgħin lil ħaddieħor jinbidel b’ħajja ta’ virtù u ta’ karità  nisranija?

Talba: O Alla, inti tajt lill-qaddej tiegħek San Ġwann qalb kollha ħniena għall-proxxmu; nitolbuk biex, b’għemejjel ta’ mħabba, jistħoqqilna nissieħbu mal-magħżulin tiegħek fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-john-of-god.html

Alternative Reading: https://www.sjog-na.org/our-founder/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_God

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Dicembru: Santa Pawla Marija Di Rosa

Verżjoni Vidjo: Santa Pawla Marija Di Rosa

“Ma nistax immur norqod b’kuxjenza kwieta jekk matul il-ġurnata nkun tlift ċans, żgħir kemm hu żgħir, li nipprevjeni l-imġiba ħażina jew li ngħin biex noħroġ xi ħaġa tajba”. ~ Santa Pawla Marija Di Rosa

MARIA CROCIFISSA DI ROSA - FONDATRICE - (1954)SANTA PAWLA MARIJA DI ROSA
Fundatriċi
1813 – 1855

Tagħrif: Kien jisimha Pawla Francesca Marija, u kienet ġejja minn familja tat-tajjeb minn Brescia. Ommha mietet meta hi kellha 11-il sena, u kienet edukata fl-iskola tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni.

Meta ħalliet l-iskola ta’ 17-il sena, hi bdiet tieħu ħsieb ix-xogħol ta’ missierha, u billi kienet inklinata għall-ħajja reliġjuża, hi rruftat l-proposta ta’ missierha biex tieħu l-istat taż-żwieġ.

Bdiet tiddedika ruħha għal xogħol soċjali u ta’ apostolat fost ix-xebbiet li kienu jaħdmu fil-fabbrika tat-tessuti ta’ missierha. Kienet taħdem fi sptar fi Brescia, iddur bil-vittmi tal-kolera fl-1836, saret direttriċi ta’ dar għall-bniet abbandunati s-sena ta’ wara; waqqfet dar oħra hi nfisha għall-bniet u anki fetħet skola għall-bniet torox u muti.

Bdiet tifforma lil dawk li kienu jaħdmu magħha, f’komunità reliġjuża biex jieħdu ħsieb il-morda fl-isptarijiet. Fl-1840, ta’ 27 sena, id-direttur spiritwali tagħha Mons. Faustino Pinzoni ħatarha superjura tal-grupp tan-nisa, u ħadet l-isem ta’ Maria Crocifissa. Hekk twaqqfet is-soċjetà tal-Qaddejja tal-Karità ta’ Brescia.

L-istitut irċieva l-approvazzjoni tal-isqof ta’ Brescia fl-1843, u tul il-gwerer li xxukkjaw l-Ewropa fl-1848 kienu jduru bil-feruti fil-battalji fl-Italja ta’ Fuq u fl-isptarijiet ta’ Brescia. Fl-1850 kisbet l-approvazzjoni għall-kongregazzjoni tagħha mill-Papa.

Wara li ħliet saħħitha dgħajfa fis-servizz tal-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fl-1954.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa kienet waħda ta’ disponibbiltà għal kull persuna fil-bżonn. Kienet tmur tgħin lil xi ħadd f’kull siegħa tal-ġurnata, kemm jekk kienet kura ta’ xi ħadd marid jew assistenza ta’ xi ħadd qed imut, kemm biex iġġib il-paċi fi djar li kien ikollhom kwestjonijiet, jew biex tikkonforta lil xi ħadd f’diffikultà kbira. Kienet x’kienet il-ħtieġa, hija kienet iġġib l-imħabba u l-fejqan ta’ Alla lil kulħadd u kullimkien. Hija pprattikat b’devozzjoni u paċenzja kbira, il-virtu’ tal-karità fix-xogħol tagħha ta’ kuljum u l-imħabba tagħha lejn Kristu Kurċifiss urietha mill-mod kif ħabbet lill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Kienet qaddisa li tassew għexet l-Opri tal-Ħniena li kull nisrani hu msejjaħ biex jgħix. Imma liema huma eżatt?

Hemm l-Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem:

  • 1. itma’ lil min hu bil-ġuħ
  • 2. isqi lil min hu bil-għatx.
  • 3. libbes lil min hu għarwien.
  • 4. ilqa’ lil min hu bla dar (frustier).
  • 5. żur il-morda.
  • 6. żur il-ħabsin.
  • 7. idfen il-mejtin.

u dawk li jmissu r-ruħ:

  • 1. agħti parir tajjeb lill-ħosbien.
  • 2. għallem lil min ma jafx.
  • 3. widdeb lill-midinbin.
  • 4. farraġ lill-imnikktin.
  • 5. aħfer il-ħtijiet.
  • 6. ħu sabar b’min idejqek.
  • 7. itlob ‘l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.

Il-Papa Franġisku qal dan dwar l-Opri tal-Ħniena fil-5 ta’ Ġunju, 2017 f’Quddiesa f’Dar Santa Marta:

“Opra tal-ħniena mhix li tagħmel xi ħaġa biex isserraħ il-kuxjenza: nagħmel opra tajba u b’hekk inħossni kalm, qiesni neħħejt xi piż minn fuq spallejja….. Le! L-opra tal-ħniena tfisser li jien inbati t-tbatija ta’ ħaddieħor. Il-qsim u l-kumpassjoni jmorru flimkien. Il-bniedem ħanin hu dak li jaf jaqsam u jitħassar il-problemi tal-ieħor.

Minn hawn joħorġu l-mistoqsijiet:

  • Jiena naf naqsam?
  • Jien ġeneruż/ġeneruża?
  • Meta nara lil ħaddieħor qed isofri, jinsab f’diffikultà, insofri jiena wkoll?
  • Naf inqiegħed lili nnifsi minflok l-ieħor?

Min jagħmel opri tal-ħniena jaf isib min jiddieħak bih. Ma jimpurtax. L-opra tal-ħniena trid tiskomoda: eżempju, jien għandi ħabib, ħabiba, morda, nixtieq immur narahom imma m’għandix aptit… nippreferi noqgħod nara t-televixin, nistrieħ… noqgħod bi kwieti. L-opra tal-ħniena hi minnha nfisha skomda. Iżda l-Mulej skomda ruħu għalina bis-salib. Skomda ruħu biex jagħtina l-ħniena.

Min għandu ħila jagħmel opra tal-ħniena jaf li ħaddiehor kien ħanin miegħu qabel. Dan kien il-Mulej li wera ħnientu magħna. U jekk aħna nagħmlu dawn l-opri nafu li l-Mulej għamilhom magħna qabel. Naħsbu ftit fi dnubietna, fl-iżbalji tagħna, u kif il-Mulej ħafrilna: ħafrilna kollox, kellu dil-ħniena magħna, u aħna għandna nagħmlu l-istess ma’ ħutna.

L-opri tal-ħniena huma dawk li jneħħu l-egoiżmu minna u jagħmluna xbieha ta’ Ġesù għax inkunu qed nimitawh aktar mill-qrib”.

Talba: Mulej, isma’ t-talb ta’ dawk li jfakkru l-ħajja devota tal-Verġni Santa Pawla Marija Di Rosa. Igwidana tul it-triq u għinna nikbru fl-imħabba u l-qadi lejn ħutna l-bnedmin hekk li naslu nixbħu lil Kristu li fil-ħniena tiegħu lejna, qal li Hu ma ġiex (fid-dinja) biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Nitolbuk dan bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-maria-crocifissa-di-rosa

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2012/12/15/st-maria-crocifissa-di-rosa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Crocifissa_di_Rosa

Film bit-Taljan ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

St Elizabeth of Hungary 3SANTA ELIŻABETTA TAL-UNGERIJA
1207 – 1231

Tagħrif: Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdita’.

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja. Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha. Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna. Kellhom tlitt itfal.

Sa minn ċkunitha kellha qalbha tajba mal-fqar u l-morda. Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv. Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda. Ġieli ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgħid: “Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata tal-Imperatur Frederiku II, fl-1227, 18-il ġurnata wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha Ġertrude.

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha. Eliżabetta, li issa kellha 20 sena, waqgħet f’faqar kbir għax il-qraba tagħha (min-naħa ta’ żewġha) ċaħħdu lil din l-armla żagħżugħa minn kull kenn u mezzi għaliha u għal uliedha. Hi kellha tmur minn post għal ieħor tittallab il-karità, imma l-virtujiet tagħha kienu akbar mill-isfortuni tagħha. Irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ. Minflok, hija ritirat ġewwa Eisenak, imbagħad fil-kastell ta’ Pottenstin. Iżda wara, għażlet li tgħix ġo dar modesta, ġewwa Marburgo.

Inkitbet mat-terz’ordni tal-franġiskani u kienet iżżur il-morda darbtejn matul il-jum u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, tant li ftaqret hi stess. Kienet tmur titlob il-karita’ u tagħmel l-aktar xogħlijiet umli fejn kien meħtieġ. Din l-għażla ta’ ħajja qajmet rabja kbira fost il-kunjati tagħha, tant, li waslu biex ħadulha l-kustodja ta’ wliedha. Imma xejn ma seta’ jtellef jew inaqqas il-ġentilezza jew it-tjubija tagħha, lanqas is-severità eċċessiva tas-saċerdot li għażlet bħala direttur spiritwali tagħha.

Fl-aħħar, kisbet lura xi ftit mill-ġid li kellha u permezz tiegħu ħasbet għall-futur ta’ wliedha imma qassmet il-bqija tas-sehem tagħha f’opri ta’ karità.

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena. Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha. Hija l-Patruna tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja u tat-Terzjarji Franġiskani.

Ħsieb: Eliżabetta tal-Ungerija fehmet tajjeb il-lezzjoni li Ġesù għallimna meta ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: Il-Kristjan għandu jkun wieħed li jservi l-bżonnijiet l-aktar umli ta’ ħaddieħor, anke jekk wieħed iservi minn pożizzjoni għolja. Ta’ demm irjali li kienet, Eliżabetta setgħet tirrenja fuq is-suġġetti tagħha, imma minflok hija serviethom b’qalb tant kbira u umli li l-ħajja qasira tagħha rebħet għaliha post speċjali fil-qlub ta’ ħafna.

Insibu din l-affermazzjoni li ġejja dwar is-servizz u d-dedikazzjoni ta’ Eliżabetta lejn il-foqra u l-morda f’din l-ittra:

“Hija kellha d-drawwa li żżur personalment il-morda kollha darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, Hija ħadet ħsieb b’mod personali lil dawk li l-aktar kienu jimbuttawk minħabba l-mard tagħhom. Hija tat jieklu li xi wħud, akkwistat soddod lil xi oħrajn, ġarret xi wħud fuq spallejha stess u kienet tinvolvi ruħha f’bosta servizzi oħra għall-ġid tagħhom”.

U jekk se nitkellmu dwar il-ħajja tat-talb ta’ Santa Eliżabetta, il-konfessur tagħha Fr. Konrad ħallielna tassew xhieda eżemplari:

“Jiena nikkonferma quddiem Alla li, għalkemm kienet iddedika għal xogħlijiet bħal dawn tal-ħajja attiva, rari rajt mara kontemplattiva bħala Eliżabetta. Xi nisa u rġiel reliġjużi nnutaw ħafna drabi li, meta hija kienet tkun lestiet it-talb privat tagħha, kien ikollha dawl emanenti f’wiċċha u, bħar-raġġi tax-xemx, kienu jiddu minn għajnejha”.

Barra minn hekk, Santa Eliżabetta turina l-ħtieġa li għandu jkollna, fil-vjaġġ tal-fidi tagħna, gwida spiritwali kwalifikata li takkumpanjana lejn il-qdusija. Eliżabetta segwiet bir-reqqa l-istruzzjonijiet tad-direttur spiritwali tagħna u dan hu ta’ eżempju għalina lkoll. Li wieħed jikber fil-ħajja spiritwali huwa proċess diffiċli. Huwa faċli li naqgħu f’ħafna żbalji jekk ma jkollniex lil xi ħadd li jiddixxiplinana.

Santa Eliżabetta saret qaddisa mhux għax iżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel ma għalqet għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar, iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra, ħliet saħħitha ddur bil-morda.

  • U int, għażilt lil xi saċerdot tajjeb u għaref bħala d-direttur spiritwali tiegħek, biex jigwidak u jakkumpanjak fil-vjaġġ tal-ħajja tiegħek?
  • Inti kemm tarah lil Alla f’ħutek il-bnedmin hekk li tasal tiftaqar u taħli saħħtek għalihom?
  • Sa fejn tasal imħabbtek għal Alla fl-oħrajn?

Talba: Missier Ħanin, nitolbuk biex tferra’ r-raġġi kollhom dawl tal-grazzji tiegħek fil-qlub tagħna: ħalli bit-talb glorjuż ta’ San Eliżabetta, nistgħu nitgħallmu npoġġu fil-ġenb il-ġid ta’ din id-dinja mudlama, biex dejjem iżjed nifirħu bil-konsolazzjonijiet tiegħek tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-of-hungary-56

Alternative Reading: https://ccdocle.org/about-us/our-patron-saint-st-elizabeth-of-hungary

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.