30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: ‘Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.’ – Ġesù f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Betsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla.”

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara.” Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija,” u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jipprietka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: ‘Sibna l-Messija,’ jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. ‘Dan ħadu għand Ġesù,’ qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġà kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal ‘Dan hu l-Ħaruf,’ u, ‘Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu,’ huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

29 ta’ Novembru: Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib

Verżjoni Vidjo: Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib

“Il-Mulej hu s-sultan tal-martri: ejjew nadurawh.” – Antifona tad-dħul mill-Komun tal-Martri fil-Liturġija tas-Sigħat

Denis_of_the_Nativity_and_Redemptus_of_the_Cross_uncroppedIL-BEATI DJONISJU TAN-NATIVITÀ U REDENT TAS-SALIB
Martri
† 1638

Tagħrif: Il-Beatu Djonisju kien saċerdot u l-Beatu Redent kien ajk, it-tnejn Karmelitani Skalzi (Tereżjani) u sofrew il-martirju f’Sumatra.

Djonisju kellu 37 sena, kien għadu kif ġie ordnat saċerdot u kien ilu biss 4 snin Karmelitan. Qabel huwa kien navigatur professjonali u jagħmel il-mapep. Xi mapep tiegħu jinsabu ppreservati fil-Mużew Brittaniku.

Hu kien jismu Pierre Berthelot u twieled fin-Normandija, beda jaħdem fuq il-baħar u nqabad mill-pirati Olandiżi fl-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Indji. Wara li nħeles mill-ħabs f’Ġava huwa mar f’Malacca, innegozja xi ftit għal rasu u ħa l-kmand ta’ vapur Portugiż.

Kien f’Goa meta ġie f’kuntatt mal-Karmelitani Tereżjani.

Il-Beatu Djonisju nħatar kappillan ta’ spedizzjoni Portugiża f’Sumatra u l-Beatu Redent, li qabel serva bħala suldat fl-Indja qabel ma daħal ajk, ingħażel bħala assistent tiegħu.

Huma nqabdu priġunieri kważi mill-ewwel malli waslu u nqatlu għax ma ridux li jħaddnu l-Iżlam.

Ħsieb: L-Ordni Karmelitana ġiet imbierka matul l-istorja tagħha minn tant irġiel u nisa li kienu mimlija ħeġġa u entużjażmu għal Alla u għat-tixrid tal-Kelma Tiegħu kull fejn sabu ruħhom. Xi wħud minn dawn ġew imtella’ minn Omm il-Knisja għall-grad ta’ Beati  u Qaddisin. Imma minn fejn jiġi dan iż-żelu għal Alla u x-xandir għall-Kelma tiegħu, tant li bla biża’, ħadu l-martirju biex ikunu ta’ xhieda għalih? Kif nistgħu nimitaw lil dawn il-mudelli li l-Knisja tpoġġilna quddiemna billi tiċċelebra t-tifkira tagħhom? Imnejn sabuh is-sabar biex jissaportu l-għawġ u l-persekuzzjonijiet? U aħna? Għandna sabar fit-tribulazzjonijiet tagħna tal-ħajja ta’ kuljum jew ingergru u nniżlu l-gdiedem?

Dan li ġej huwa rapport ta’ dan li qal il-Papa Franġisku f’Omelija tiegħu bl-isem ‘Ferħ fis-sabar’ (It-Tlieta, 7 ta’ Mejju, 2013):

ll-Papa jipproponi l-ispirtu ta’ sabar imwettaq mill-ewwel martri Nsara. Dawn kienu ferħana għaliex batew xi ħaġa f’isem Ġesù. Kienu trankwilli. Kienu jkantaw, jitolbu u jbatu. Huma, f’dak il-waqt, kienu f’dak l-istat ta’ qalb tant Nisrani: l-istat tas-sabar. Meta Ġesù jibda t-triq tal-Passjoni tiegħu, wara ċ-ċena, ‘jidħol fis-sabar.’

Tidħol fis-sabar: din hija ‘t-triq li Ġesù jgħallem lilna l-insara. Tidħol fis-sabar.’ Imma dan ‘ma jfissirx li nkunu mdejqa. Le, le, hija xi ħaġa oħra! Dan ifisser tissaporti, iġġorr fuq spallejk il-piż tad-diffikultajiet, il-piż tal-kontradizzjonijiet, il-piż tat-tribulazzjonijiet.’

‘Is-sabar nisrani mixhud mill-martri, huwa proċess ta’ maturità Nisranija’ – spjega l-Papa – ‘għal għonq it-triq tas-sabar; li sabiex jitwettaq huwa meħtieġ iż-żmien. Huwa bħall-inbid tajjeb’ qal b’espressjoni effikaċi, li tistenna bis-sabar tistenna l-waqt li fih ikun propjament matur.’

Imbagħad reġa’ ppropona l-eżempju tal-martri li ‘kienu mimlija ferħ’ li jmorru jagħtu xhieda ta’ Ġesù. Quddiem it-tribulazzjonijiet, m’għandniex inċedu għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex ‘Nisrani li jgerger kontinwament’ jieqaf li jkun nisrani tajjeb u jsir ‘is-sinjur jew is-sinjura gergirhielu.’

In-Nisrani tajjeb jiskopri, għall-kuntrarju, ‘is-silenzju fis-sabar. Dak is-silenzju ta’ Ġesù’ li waqt il-Passjoni esprima biss ‘tnejn jew tliet kelmiet meħtieġa.’ Madankollu dan ma kienx silenzju mdejjaq, bħal ma ma kienx imdejjaq is-silenzju ta’ Ġesù li ssaporta s-Salib: ‘Huwa doloruż, bosta drabi iktar doloruż, imma mhux imdejjaq,’ għaliex il-qalb tinsab fis-sliem. Mela li ġġarrab bħal Ġesù, bil-qalb fil-paċi, jirrendina kuntenti.”

Ejjew nitolbu lil Missier tagħna tas-Sema jkabbar fina l-istess sabar li kellu Ġesù , filwaqt li aħna nagħmlu ħilitna biex nipprattikaw din il-virtù filwaqt li miexja wara s-Salvatur tagħna bis-salib fuq spallejna.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti żżejjen il-ġisem qaddis tal-Knisja tiegħek bl-istqarrija tal-qaddisin martri; agħtina li l-martirju glorjuż li qegħdin infakkru llum ikun għalina ta’ għajnuna qawwija, kif kabbar għal dejjem fis-sema lill-Beatu Dionisju tan-Natività u Beatu Redent tas-Salib. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-denis-of-the-nativity-and-blessed-redemptorus-of-the-cross-402

Alternative Reading: http://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-denis-nativity-ocd-priest-and-martyr-bl-redemptus-cross-ocd-religious-and-martyr-

Wikipedia for Denis of the Nativity: https://www.olrl.org/lives/laboure.shtml

Wikipedia for Redemptus of the Cross: https://en.wikipedia.org/wiki/Redemptus_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Novembru: Santa Katerina Labourè u l-Midalja Mirakuluża

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Labourè u l-Midalja Mirakuluża

“Wieħed għandu jara lil Alla f’kuħadd.” – Santa Katerina Labourè

SANTA CATALINA LABOURÉSANTA KATERINA LABOURÈ
Verġni
1806 – 1875

Tagħrif: Zoe (għax dan kien l-isem tagħha qabel daħlet reliġjuża) kienet id-disa’ tarbija fost ħdax-il wild ta’ familja ta’ bdiewa mir-raħal żgħir ta’ Fain-les-Moutiers, fil-Cote d’Or, Franza. Twieldet fit-2 ta’ Mejju, 1806 minn Pierre Labourè, bidwi tat-tajjeb, u Louise Gontard, mara tar-ruħ u omm mill-aħjar. Hi ġiet mgħammda l-għada li twieldet.

Ta’ erbatax daħlet mas-sorijiet tal-karità Chatillon-sur-Seine, ħdejn Pariġi (1830), fejn għaddiet ħajjitha ddur bil-morda fil-kunvent ta’ Rue de Bac.

Fl-1832, fil-kappella tal-kunvent, il-Madonna dehritilha għal tliet darbiet, u rrikmandatilha li tħabrek biex jagħmlulha midalja f’ġieħ il-ħniena tagħha bħala omm Alla – dik il-midalja magħrufa bl-isem tal-“Midalja Mirakuluża.” Dik is-sena stess (fl-1832) saru 1,500 midalja, fit-tifkira tagħha.

Bis-saħħa tal-Midalja Mirakoluża, fil-knisja ta’ “Sant’Andrea delle Fratte,” tal-Patrijiet Minimi ġewwa Ruma, quddiem l-altar tal-“Madonna tal-Mirakli,” il-Lhudi Alfons Ratisbonne, fit-18 ta’ Jannar, 1842, ikkonverta u sar Kattoliku u anki saċerdot u fundatur tal-patrijiet u s-sorijiet tal-Madonna ta’ Sijon għall-konverżjoni tal-Lhud.

Mietet ta’ 70 sena fil-kunvent ta’ Enghien-Reuilly, fejn kienet għaddiet l-aħħar 46 sena ta’ ħajjitha bħala infermiera mal-morda u x-xjuħ, kif ukoll bħala purtinara. Hi kienet qalet minn qabel li ma tarax is-sena 1877, għax fil-fatt mietet fil-31 ta’ Diċembru, 1876.

Il-funeral kien popolari ħafna. Iżjed tard, ftit snin wara li difnuha, tifel ta’ tnax-il sena, magħtub minn twelidu, fieq b’miraklu fuq qabarha.

Il-ġisem tagħha kien għadu sħiħ 56 sena wara mewtha, meta fil-21 ta’ Marzu, 1933, ittieħed Pariġi bl-akbar solennità għas-santwarju tal-Madonna Mirakoluża, f’Rue du Bac, fejn, (flimkien ma’ dak tal-fundatriċi, Santa Louisa de Marillac), għadu meqjum sal-lum.

Ibbeatifikata mill-Papa Piju XI, fl-1933 u l-Papa Piju XII ikkanonizzaha fis-27 ta’ Lulju, 1947.

San Massimiljanu Marija Kolbe, martri Franġiskan Konventwali u fundatur tal-Milizzja tal-Immakulata, mhux biss qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fl-altar tal-“Miraklu” li diġà semmejna, imma xerred kemm felaħ fil-Polonja u fil-Ġappun il-Midalja Mirakoluża, kif għamel ukoll f’Malta San Ġorġ Preca.

Ħsieb: Il-Madonna dehret diversi drabi lil Santa Katerina Labourè, soru tal-Karità ta’ San Vinċenz, fil-monasteru ta’ Rue du Bac, Pariġi, meta Katerina kienet għadha novizza. Dawn id-dehriet bdew f’Novembru tal-1830 u komplew sa kważi sena wara.

L-aktar dehra importanti minn dawn kienet dik tas-27 ta’ Novembru, li fiha l-Verġni Marija talbitha biex tagħmel medalja f’għamla ovali skont id-dettalji li wrietha. Jiġifieri: fuq naħa kien hemm ix-xbiha tal-Madonna fuq globu, b’riġlejha tgħaffeġ ras is-serpent, b’idejha miftuħin li minnhom ħerġin ir-raġġi, li aktar tard il-qaddisa fissret bħala l-grazzji li l-Madonna lesta tagħti lil min jitlobhomlha u mad-dawra ovali kien hemm il-kelmiet: O Marija, imnissla mingħajr dnub oriġinali, idħol għalina li nirrikorru lejk. Fuq in-naħa ta’ wara kien hemm l-ittra M, li minn ġo fiha kienet għaddejja strixxa u li fuq din l-istrixxa kien hemm salib. Madwar dawn is-simboli kien hemm tnax-il kewkba, waqt li taħt l-ittra M kien hemm żewġt iqlub, waħda inkurunata bix-xewk u l-oħra minfuda bis-sejf.

Katerina ma għarrfet lil ħadd dwar dawn id-dehriet ħlief lill-konfessur tagħha M. Aladel, li f’Ġunju tal-1832 għamel l-ewwel domni skont kif xtaqet il-Madonna. Bdew jiġu rrapportati, tista’ tgħid mill-ewwel, każijiet ta’ fejqan tal-għaġeb, konverżjonijiet kbar u favuri spiritwali, marbutin ma’ din il-medalja, tant li popolarment bdiet tissejjaħ il-Medalja Mirakoluża.

Fl-1836, tribunal f’Pariġi approva l-medalja bħala waħda ta’ oriġini sopranaturali. Imma l-medalja kisbet prestiġju kbir bil-konverżjoni f’daqqa waħda u bla mistennija għall-fidi Kattolika tal-Lhudi Alfonsu Ratisbonne, bniedem ateu u antikattoliku, waqt li kien imlibbes biha meta żar knisja f’Ruma biex jirranġa għall-funeral ta’ xi ħadd. Ratisbonne aktar tard waqqaf il-kongregazzjoni reliġjuża ta’ Sidtna Marija ta’ Sijon, biex taħdem għall-ftehim bejn il-Lhud u l-Insara.

Fl-umiltà kbira tagħha Katerina Labouré rnexxielha żżomm is-sigriet dwar dawn id-dehriet tagħha sa mewtha 40 sena wara.

F’Malta, id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża kienet imxerrda ħafna minn San Ġorġ Preca, u llum il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-Blata l-Bajda taħt l-unika knisja f’Malta li hi ddedikata lill-Madonna taħt dan it-titolu.

San Ġorġ Preca jgħidilna:

“Nissel kunfidenza kbira fl-omm divina ta’ Ġesù Kristu għax hi setgħana wisq fuq il-qalb ta’ Alla, li xejn ma jiċħdilha minn dak li titolbu. Il-predestinati huma kollha marbutin magħha bi spirtu ta’ vera devozzjoni. Hija ssaltan ma’ Ġesù Kristu fis-sema bħala reġina, bħala padruna u bħala omm.”

Jekk għad m’għandekx, tajjeb li jkollok u anki żżomm fuqek il-Midalja Mirakuluża (li tidher fl-istampa t’hawn fuq) li talbitna l-Madonna permezz ta’ Santa Katerina Labourè. Tinsiex wkoll li l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa għall-bżonnijiet tagħna u tad-dinja, tibqa’ dejjem it-talba sabiħa tar-Rużarju Mqaddes. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Ftakar, ja l-iżjed ħanina verġni Marija, li qatt ma nstema’, li xi ħadd intefa’ taħt il-patroċinju tiegħek, talbek l-għajnuna jew fittex li inti tidħol għalih u inti ma smajtux. Imqanqal minn dan il-ħsieb jien għal għandek niġi ja verġni omm tiegħi, għal għandek niġi, quddiemek noqgħod, midneb u niedem, ja omm l-iben t’Alla, magħmul bniedem. La tistmerrx it-talb tiegħi iżda ismagħni u weġibni. Ammen. (Talba ta’ San Bernard ta’ Clairvaux)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/st-catherine-laboure-and-miraculous.html

Alternative Reading: https://www.olrl.org/lives/laboure.shtml

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_Labour%C3%A9

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Novembru: San Franġisk Anton Fasani

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Anton Fasani

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.” – San Franġisk Anton Fasani 

d93af702005fb3b631025e1b8fa929a8SAN FRANĠISK ANTON FASANI
Presbiteru
1681 – 1742

Tagħrif: Kien jismu Giovaniello u twieled fil-belt ċkejkna imma tant ħelwa ta’ Lucera, qrib Foggia, fil-Puglie, fl-Italja t’Isfel, fl-1681.

Daħal mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u studja f’Monte Sant’Angelo, qrib is-Santwarju famuż ta’ San Mikiel, f’San Lorenzo Maggiore ta’ Napli u fil-Collegio Sistino ta’ Ruma, imwaqqaf mill-Papa Franġiskan Konventwali Sistu V, u ġie ordnat saċerdot Assisi flimkien ma’ sieħbu, il-Beatu Antonju-Marija Lucci, li wara laħaq isqof ta Bovino. Il-Papa Klement XI ħatru provinċjal tal-Puglie u rnexxielu jirriforma l-provinċja. Il-“Patri Majjistru” kif kien u għadu magħruf sal-lum f’Lucera, devotissimu tal-Immakulata, kiseb minn Napli, għall-knisja tiegħu, statwa mill-isbaħ tal-injam, tal-Kunċizzjoni, u daħħal l-użu tan-Novena Sollenni tagħha.

Magħruf bħala kittieb, predikatur, konfessur, direttur spiritwali, mistiku, kif ukoll għall-estasi u għall-mirakli, kienu jsejħulu San Franġisk t’Assisi ieħor.

Miet fl-ewwel jum tan-Novena tal-Immakulata, festa tal-Qaddisin Kollha, tal-Ordni Franġiskan, fid-29 ta’ Novembru, 1742, ta’ 61 sena. Il-fdal tiegħu jinsab meqjum b’għożża kbira taħt l-altar maġġur tal-knisja ta’ San Franġisk ta’ Lucera, tal-patrijiet ħutu Franġiskani Minuri Konventwali. Il-Papa Ġwanni Pawlu II, ikkanonizzah fit-13 ta’ April, 1986.

Ħsieb: Dan li ġej huwa parti minn kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Franġisk Anton Fasani fuq il-vers ‘Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina’:

“O Mulej, jien ngħanni lill-ħniena tiegħek għal dejjem u l-ħniena tiegħek tfaħħrek, għat-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jien nagħtik għal dejjem.

Mulej Alla l-Aktar Għoli, jiena rgħextek f’ħafna postijiet u b’ħafna modi, ħafna drabi u bil-kbir, tant li jien stess ninsab imħawwad u ma nistax ngħodd kemm-il darba nqastek jew nagħraf il-gravità ta’ dnubieti. U int, imriegħex, tagħmel lil min riegħxek jitlob maħfra u jgħid: aħfrilna, għax int trid tħassar ħtijietna.

Min hu dak li ma jifhimx il-ħniena tiegħek, Mulej? Min hu dak li sa jintilef fid-disperazzjoni? Min hu dak li ma jridx maħfra? Jekk il-midinbin l-oħra jridu jibqgħu midjunin, jien ma rridx. Quddiem il-ħniena divina tiegħek jiena nferragħ dnubieti kollha u b’leħen għoli nlissen: aħfrilna. Ngħolli leħni mill-qiegħ ta’ qalbi u ngħajjat quddiemek: aħfrilna.

Nistqarr li ħtijieti huma kbar fil-għadd u fil-qjies, iżda x’inhuma dawn ħdejn il-ħniena tiegħek bla tarf? In-nuqqasijiet tiegħi, għalkemm bla għadd, ma jistgħux jidhru quddiem daqstant ħniena u ma jitħassrux. Forsi n-nuqqasijiet tiegħi qegħdin hemm biex joħorġu rebbieħa fuq il-ħniena tiegħek? Dan ma jkun qatt!

Alla tiegħi, ħniena u sabar bla tarf tiegħi, aħfirli u aħfer id-dejn kollu ta’ dnubieti. Aħfirli kemm il-ħtija u kemm il-piena. Aħfirli l-ħtija għax din titħallas bil-mewt ta’ dejjem. Aħfirli l-piena għax din titħallas bi tbatija temporali jew f’din il-ħajja jew fil-Purgatorju.

Aħfrilna, mela, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina. Jekk hemm min hu ħati għalija naħfirlu u naħfirlu bil-qalb. U mhux lilu biss, jekk hemm, imma ‘l dawk ukoll li għad ikun hemm. U nitlob mingħandek, int li tqassam kull ġid, il-kotra ta’ kull grazzja u ta’ kull ġid għar-ruħ u għall-ġisem, fil-qasam temporali, spiritwali u etern. Naħfer mhux biss bil-qalb, imma fejn nista’ bil-fatti wkoll.

Mulej Ġesù Kristu, kemm jiżbaljaw dawk li ma jridux jaħfru lill-għedewwa! Inroddlok ħajr għal dejjem għax int għarraftni u fehemtni dawn il-ħwejjeġ.

X’nista’ ngħid aktar? Int li taħtaf il-qlub, int Tama waħdanija ta’ dawk li jeħtieġu s-salvazzjoni! Aħfer, Mulej, għax jien min-naħa tiegħi diġà ħfirt, u jekk hemm oħrajn ħatjin għalija jien ninsab lest li naħfrilhom. U jekk fil-ġejjieni jkun hemm, minn issa stess naħfrilhom b’qalbi kollha.

Eventwalment aħna nsiru skont l-għażliet li nagħżlu. Jekk aħna nagħżlu x-xewk, insiru nnigżu. Jekk nagħżlu t-tjieba, insiru tajba. Il-qdusija ta’ San Franġisk Anton Fasani kienet riżultat tal-ħafna deċiżjonijiet żgħar li għamel biex jikkopera mal-grazzja ta’ Alla. U int?

Talba: O San Franġisk Anton Fasani, li kont diliġenti fl-istudju, ferventi fil-karità u l-meditazzjoni, perfett fil-qadi ta’ dmirijietek u dejjem ubbidjenti lejn is-superjuri tiegħek, itlob għalina ħalli aħna nwettqu bi mħabba u dedikazzjoni kbira d-dmirijiet kollha tal-istat tagħna ħa jistħoqqilna l-premju tas-Sema miegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.archbishopcurley.org/about/article/franciscan-reflection-st.-francis-anthony-fasani

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-francesco-antonio-fasani-66

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19860413_fasani_en.html#top

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Fasani

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei u l-Ħsieb hi kitba tal-qaddis maqluba għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

26 ta’ Novembru: San Leonardu minn Portomaurizio

Verżjoni Vidjo: San Leonardu minn Portomaurizio

“Min jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu jasal għall-indiema mill-qalb.” – San Leonardu minn Portomaurizio

fileSAN LEONARDO TA’ PORTOMAURIZIO
Reliġjuż
1676 – 1751

Tagħrif: Kien jismu Pietru Ġirolamo Casanova, u jissejjaħ hekk għax twieled f’Portomaurizio, fuq il-Golf ta’ Ġenova (l-Italja). Ta’ 13-il sena ntbagħat fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Ruma. Zijuh Wistin, li kien jgħix miegħu riedu jsir tabib, imma billi ma riedx, qatgħu mill-wirt.

Ta’ 21 sena (1697) ngħaqad mal-Franġiskani tal-Osservanza stretta f’Ponticelli u ħa l-isem ta’ Leonardu. Kompla jistudja fil-Kulleġġ San Bonaventura f’Ruma u kien ordnat saċerdot fl-1703 meta kellu 27 sena.

Emorraġija gastrika qawwija żammitu invalidu għal erba’ snin, imma ħa saħħtu kompletament meta għamel wegħda li jiddedika ħajtu kollha għall-konverżjoni tal-midinbin. Mar fil-monasteru ta’ San Francesco del Monte, Firenze, fl-1709, u minn hemm beda l-missjonijiet tiegħu li kellhom suċċess kbir. Għal 44 sena ta missjonijiet mal-Italja kollha tan-nofs u t’isfel, u kien jipprietka lil eluf fil-pjazez.

Mhux biss irnexxielu jikkonverti midinbin kbar, imma wkoll jirrikonċilja partiti li kienu spiss fi ġlied bejniethom, u jerġa’ jqajjem il-ħeġġa reliġjuża tal-poplu kollu. Hu xerred id-devozzjoni lejn it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, l-adorazzjoni lis-Sagrament tal-Artal, il-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù, u b’mod speċjali d-devozzjoni tal-Via Sagra.

Huwa waqqaf mhux inqas minn 571 stazzjon tal-Via Sagra fl-Italja, fosthom sett fil-Kolossew Ruman. Darba ta missjoni ta’ ġimagħtejn fi Pjazza Navona, Ruma, li għaliha attenda l-Papa bil-kulleġġ tal-kardinali. Fl-1744, Papa Benedittu XIV bagħtu jipprietka missjoni u jġib il-paċi f’Korsika, imma l-ħidma tiegħu hemmhekk ma kellhiex suċċess għax in-nies ta’ Korsika ħarsu lejh aktar bħala għodda politika f’idejn il-Ġenoviżi li kienu jokkupaw il-gżira milli bħala missjunarju.

San Leonard ħalla għadd kbir ta’ kitbiet spiritwali bħala gwida għall-missjunarji u għal-lajċi, li jimlew 13-il volum u li ġew stampati diversi drabi u tradotti b’ilsna oħra. Miet ta’ 75 sena fis-26 ta’ Novembru, 1751 u ġie ddikjarat qaddis fl-1867. Hu patrun tal-missjonijiet parrokkjali.

Ħsieb: Din li ġejja hija silta mid-diskors ta’ San Leonardu dwar il-meditazzjoni tal-Passjoni ta’ Kristu li jgħid li twassalna għall-indiema mill-qalb:

“Il-ħażen jiġi mill-fatt li ħadd ma jaħseb fir-realtajiet li għandna dejjem nimmeditaw dwarhom. Għalhekk ma għandux għalfejn wieħed jistagħġeb meta jara diżordni morali sħiħa. L-ewwelnett, insejna l-veritajiet eskatoloġiċi; imbagħad ħadd ma jaħseb la dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla u lanqas dwar il-passjoni doloruża li għadda minnha Ġesù Kristu għalina. L-impenji u d-dmirijiet tagħna jsiru bla qalb, u m’aħniex naħarbu kif imiss mill-perikli spiritwali li jinsabu kullimkien. Waqt li d-dinja tinsab f’qagħda morali mwiegħra ħafna, jinstemgħu f’waqthom il-kelmiet ta’ Ġeremija: ‘Il-pajjiż jinsab kollu mħarbat u ħadd ma jagħti kas.’ Hemm xi rimedju għal dal-ħażen? Bl-umiltà kollha, nixteħet għarkopptejja quddiem il-prelati, il-kappillani, il-qassisin u l-ministri kollha ta’ Alla biex nurihom li d-duwa tant mixtieqa jista’ jilħaqha kulħadd: it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Jekk bil-ħeġġa u l-ħidma tal-kleru dat-taħriġ qaddis jibda jsir fil-parroċċi u fil-knejjes kollha, huwa jsir difiża f’waqtha u qawwija kontra t-tixrid tal-vizzju u jrodd benefiċċji kbar lil kull min jibda jimmedita ta’ sikwit fuq it-tbatijiet u l-imħabba ta’ Kristu l-Mulej. Il-meditazzjoni ta’ sikwit fuq il-passjoni ta’ Kristu ddawwal il-moħħ, tħeġġeġ ir-rieda, u ġġib indiema sinċiera fil-qalb. Jien ta’ kuljum innutajt, u qisni messejt b’idejja, li t-titjib fid-drawwiet tal-Insara jistrieħ fuq it-taħriġ imqaddes tal-Via Crucis.

Dan it-taħriġ huwa duwa kontra l-vizzji, waqfa kontra l-passjonijiet, tħeġġiġ f’waqtu għal ħajja qaddisa u virtuża. Jekk il-passjoni ħarxa ta’ Kristu nżommuha ħajja quddiem għajnejna, daqslikieku mnaqqxa fil-għuda, imdawlin b’dawl hekk qawwi, aħna ma nkunux nistgħu ma nobogħdux il-għajb u d-dgħufija ta’ ħajjitna. Nibdew inħossu ġo fina li għandna nwieġbu bi mħabba kbira għall-imħabba ta’ Kristu u li għandna nilqgħu bil-ferħ it-toqol ta’ dil-ħajja li minnu ma nistgħux naħarbu”.

U dan kliem li qal il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ (29 ta’ Lulju, 2016) dwar it-Triq tas-Salib (Via Crucis):

“It-Triq tas-salib hija t-triq tal-hena f’li timxi wara Kristu dejjem u sal-aħħar, f’ċirkustanzi sikwit drammatiċi tal-ħajja ta’ kuljum; hija t-triq li ma tibżax mill-insuċċessi, mit-twarrib jew mis-solitudini, għaliex timla l-qalb tal-bniedem bil-milja ta’ Ġesù. It-Triq tas-salib hija t-triq tal-ħajja u tal-istil ta’ Alla, li Ġesù jmexxina fiha ukoll f’mogħdijiet ta’ soċjetà xi kultant maqsuma, inġusta u korrotta.

It-Triq tas-salib mhijiex drawwa sadomażokistika; biss it-Triq tas-salib tegħleb id-dnub, il-ħażen u l-mewt, għaliex twassal għad-dawl jiddi tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u tiftaħ il-bibien għal ħajja ġdida u mimlija. Hija t-Triq tat-tama u tal-futur. Min jimxiha b’ġenerożità u bil-fidi, jagħti tama lill-futur u lill-umanità. Min jimxiha b’ġenerożità u bil-fidi jiżra’ t-tama. U jien irrid li intom tiżirgħu t-tama.”

Tajjeb li nitolbu din it-talba wisq prezzjuża u ta’ benefiċċji kbar għar-ruħ tagħna ta’ spiss, forsi fil-jum tal-Ġimgħa fejn l-aktar li nfakkru l-Passjoni ta’ Ġesù. Jeżistu diversi vidjos bil-Malti wkoll. Fost oħrajn, hemm:

VIA SAGRA – ma’ Fr Hayden Williams OFM Cap u Mona Borg: https://www.youtube.com/watch?v=bf84pTDgclU

It-Triq tas-Salib għall-bżonnijiet tas-Saċerdoti: https://www.youtube.com/watch?v=pAOg-KfFGF8&list=PLE39BD106F62C6BAA

‘Ikun li trid Int’ playlisthttps://www.youtube.com/watch?v=VAKvQzKfmKs&list=PLPAbF-_bN4riwGHKdRM4e-YjDCWny1eZE

Talba: Isma’ t-talb, Mulej, setgħani, tal-Qaddej tiegħek San Leonardu minn Portomaurizio u agħtina li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tal-ħajja tiegħu hekk li naslu biex infaħħruk miegħu fis-sema għall-ġid kollu li tagħmel magħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Sermon by St. Leonard of Port Maurice: https://www.olrl.org/snt_docs/fewness.shtml

The Hidden Treasure Or The Immense Excellence Of The Holy Sacrifice of The Mass’ by St. Leonard: https://trcatholics.org/images/TheHiddenTreasure.pdf

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-leonard-of-port-maurice.html

Alternative Reading: https://theblackcordelias.wordpress.com/2009/11/26/saint-leonardo-de-porto-maurizio-november-26/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonard_of_Port_Maurice

Film: La vita di San Leonardo da Porto Maurizio:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

25 ta’ Novembru: Santa Katerina ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina ta’ Lixandra

“Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, dawk huma ommi u ħuti.” – Ġesù f’Luqa 8:21

maxresdefaultSANTA KATERINA MINN LIXANDRA
Verġni u martri
? – 305

Tagħrif: Ma għandna ebda aħbar ta’ din il-qaddisa, la fil-letteratura u lanqas fil-liturġija, ħlief minn żewġ dokumenti tardivi, il-Passio u l-Conversio, ta’ madwar is-seklu tmienja. Skont dawn l-Atti tagħha, Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet semgħet bil-Kristjaneżmu.

Il-ktieb tal-Iskrittura kien il-Vade Mecum ta’ ħajjitha li fiha ltaqgħet ma’ Alla. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.

Fil-persekuzzjoni ta’ Massenzju (Massiminu), Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru Nsara.

Katerina ħarġet rebbieħa, u Massenzju, wara li sawwatha, qafilha ġo ħabs. Wara dan telaq; iżda meta reġa’ ġie lura, sab li martu Fawstina marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u saret Nisranija flimkien ma’ 200 suldat tal-għassa. Ġew kollha maqtulin, u lill-qaddisa kkundannawha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.

Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.

Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena ad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.

Ħsieb: Minn omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru, 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun:

“Twieldet minn demm nobbli u l-għorrief u l-antiki jgħidulna li hi għażlet li titgħammed, ma tgħammditx ta’ tarbija imma d-deċiżjoni tagħha li tħaddan il-fidi Nisranija kienet deċiżjoni adulta, kienet frott riflessjoni profonda ta’ bniedma intelletwali u għarfa li ddeċidiet fost tant proposti ta’ għerf, u sapjenza. Il-kelma ta’ Ġesù tagħmel ħafna sens. Ma tikkalpestax l-għerf tal-bniedem imma twasslu għall-milja tiegħu u mhux biss, l-għerf tal-bniedem tibdlu għall-perspettiva tal-eternità. Mhux biss l-għerf ta’ Ġesù Kristu jagħżel risposta għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-ħajja ta’ din id-dinja jilluminaha u jdawwalha mhux biss fil-wegħda imma bir-realtà tal-ħajja li ma tintemmx.

F’din il-belt hija tagħżel li titgħammed u l-isem tagħha jieħu sinifikat iżjed profond, għax l-isem tagħha jfisser ‘mara msoffija,’ mara safja, mara pura, Katerina, huwa isem Grieg li jkompli jurina li Katerina twieldet u trabbiet fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran fl-Eġittu, imma f’belt Ellenika. Bil-Magħmudija Katerina twieldet mill-ġdid, issaffiet mid-dnub oriġinali, minn dnubietha kollha u bdiet dik il-ħajja li lil Kristu titgħarras miegħu fil-profond. Il-verġinità ta’ Katerina, qabel hija verġinità fiżika, hija verġinità spiritwali. Bil-Magħmudija hija ssir totalment ta’ Ġesù. L-esperjenza mistika tat-tieġ mal-Għarus tagħha hija esperjenza qawwija li tagħtiha sinjal profond, kważi karattru fir-ruħ tagħha.

Katerina hija dik li quddiem l-aggressjoni ta’ Massiminu l-Gvernatur ma tibżax. Ta’ tmintax-il sena bl-għerf tagħha, bir-rieda soda tagħha, taf tieqaf il-praspar, id-delużjonijiet, is-superstizzonijiet ta’ min irid ibegħdha minn Ġesù. Mhux hekk, tipperswadi, u tant tirrabja lit-tirann, li r-rebħa tagħha li hija rebħa ġwejda, rebħa li d-djalogu twassalha għas-saħħa tar-raġuni, ma jibqagħliex iżjed armi ħlief il-vjolenza.

Kemm-il darba aħna l-Insara quddiem il-loġika tal-Evanġelju, is-sabar li jgħallimna Ġesù l-istil ġwejjed tiegħu, niltaqgħu ma’ min għax m’għandux argumenti jitfa’ biss it-tajn, il-kalunnja u l-insulti. Imma l-Mulej fl-Evanġelju avżana: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha iżda billi intom m’intomx tad-dinja għax jiena ħriġtkom mid-dinja, għalhekk id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:18-19). Mhux għal daqshekk se nibżgħu, mhux għalhekk se nibżgħu jew se niddejqu mill-fenomenu tal-blogs jew mit-tgħajjir, jew mill-minaċċi. Aħna nafdaw bħalma afdat Katerina fis-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù, fid-djalogu rispettuż u profond. Ir-risposta tagħna la hija t-tgħajjir, ir-risposta tagħna la hija l-kalunnja, ir-risposta tagħna la hi vjolenza, ir-risposta tagħna hija l-għerf tas-Salib Imqaddes.

Allura l-martirju ta’ Santa Katerina għad-dinja, għal Massiminu li mbagħad spiċċa suiċida fis-sena 316, spiċċa ħażin, u ngħidlu miskin, imma kien magħruf li kien feroċi. Qalb Katerina it-trijonf għan-nies tad-dinja ta’ żmienha kien falliment, bħalma jgħid Ktieb il-Għerf: “il-mewt għat-tajbin qisha falliment imma huma jikbru fil-glorja.” Il-martirju tagħha f’dan il-falliment tad-dinja, li min m’għandux iżjed argumenti, joqtlok l-ewwel bl-ilsien, imbagħad bis-sejf – hija rebħa – ir-rebħa ta’ min jagħti ħajtu għal Ġesù, ta’ min jixhed li r-rebħa hi tal-Mulej imsallab u rxuxtat.

Dan ukoll huwa, skont it-tradizzjoni, il-jum tal-martirju tagħha. Il-jum tal-25 ta’ Novembru tas-sena 305. Avveniment storiku – jista’ jkun imżewwaq bit-tradizzjoni – imma fatt storiku. M’aħniex qed nitkellmu fuq ħlejjaq jew ħrejjef tal-bnedmin, qegħdin nitkellmu fuq persuna storika, qegħdin nitkellmu fuq devozzjoni antika li l-providenza riedet li tkun marbuta wkoll mal-iżjed għolja qaddisa li hawn fid-dinja, fuq is-Sinaj, fejn hemm ukoll il-ġebel Katerin, fejn hemm il-monasteru ddedikat lilha. Huwa monument protett minn dejjem mill-umanità. Ħaġa interessanti, qrajt m’ilux li tant kienet qawwija d-devozzjoni lejn Santa Katerina fuq il-monasteru tas-Sinaj li l-istess Mohammed, il-fundatur tal-Iżlam, ta privileġġ ta’ protezzjoni lill-monasteru.

Hemm bżonn tbiddel il-qalb tagħna, hemm bżonn tbiddel il-mod kif naġixxu, kif nitkellmu, kif inħobbu u din hija t-talba tiegħi li intom tħarsu lejn Katerina titolbuha li tnissel fikom dak l-għerf li ġej mis-salib ta’ Ġesù għax min m’għandux salib għandu domna. Għandna bżonn nitgħallmu minnha d-don tal-paċenzja, id-don tal-għerf, id-don tax-xhieda li hija wkoll il-martirju.”

Talba: Maħbuba Santa Katerina, nitolbuk tinterċedi għalina u żżommna taħt il-ħarsien tiegħek, fil-ferħ u n-niket tagħna, fil-mard, fl-istudju u fil-ħidma tagħna. La tħallina qatt nitbiegħdu minn Ġesù, għax nixtiequ nħobbuh bħalma ħabbejtu int. Ammen. (Addattata minn talba ta’ Alexander Tanti)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-catherine-of-alexandria.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-of-alexandria-398

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Alexandria

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (25 ta’ Novembru 2016) fil-festa ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun.

24 ta’ Novembru: San Andrija Dung-Lac u Sħabu

Verżjoni Vidjo: San Andrija Dung-Lac u Sħabu

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” – Ġesù f’Mattew 5:10

web-saint-november-24-andrew-dung-lac-and-the-martyrs-of-vietnam-nheyob-ccSAN ANDRIJA DUNG-LAC
Saċerdot, u sħabu Martri
1839 – 1867

Tagħrif: Il-kanonizzazzjoni ta’ 117-il martri tal-Vietnam saret mill-Papa Ġwanni Pawlu II fid-19 ta’ Ġunju, 1988. Kienet waħda mhix tas-soltu fl-istorja tal-kanonizzazzjoni tal-Qaddisin.

In-numru 117 kien l-ikbar għadd ta’ qaddisin martri li qatt ġew ikkanonizzati f’daqqa. Fosthom kien hemm tmien isqfijiet, ħamsin saċerdot, seminarista, u lajċi. Minnhom, 96 kienu Vietnamiżi, 11 Spanjoli u 10 Franċiżi. Kien hemm 35 patri mill-Ordni Dumnikan, 10 kienu saċerdoti tas-Soċjetà tal-Missjoni Estera ta’ Pariġi, oħrajn kienu minn fost il-kleru indiġenu, u seminarista. Barra minn hekk fost il-lajċi kien hemm missirijiet ta’ familji, omm, 16-il katekist, sitt suldati, erba’ tobba, ħajjat, bdiewa, sajjieda u kapijiet ta’ komunitajiet Insara.

Sitta minnhom mietu bil-qtugħ tar-ras, oħrajn mgħallqin, oħrajn maħruqin ħajjin, oħrajn qattgħulhom ġisimhom biċċa biċċa, oħrajn mietu minħabba t-turmenti kbar li sofrew.

Ngħidu xi ħaġa fil-qosor fuq xi wħud minnhom:

  • San Andrija Dung Lac twieled fit-tramuntana tal-Vietnam fl-1795, minn ġenituri fqar pagani li fdawh f’idejn wieħed katekista. Meta kiber sar katekista, imbagħad sar saċerdot fl-1823, u ħadem f’bosta nħawi tal-pajjiż. Tefgħuh il-ħabs iktar minn darba. Miet martri fl-1839, fl-età ta’ 44 sena.
  • San Vinċenz Liem miet martri fl-1773. Kien l-ewwel wieħed fost il-Vietnamiżi li ta ħajtu għal Kristu.
  • San Tumas Tran Van twieled fl-1820 fiċ-ċentru tal-Vjetnam. Arrestawh meta kien seminarista, u qatluh fl-1838, ta’ 18-il sena.
  • San Manwel de Van Phung twieled fin-nofsinhar tal-Vietnam, sar katekista, u kien missier ta’ familja. Miet martri fl-1859.
  • San Valentin Berrio Ochoa, patri Dumnikan Spanjol mar il-Vietnam fl-1858, sar Isqof u miet martri fl-1861 fl-età ta’ 34 sena.
  • San Jean-Theophane Venard, Franċiż mis-Soċjetà tal-Missjoni Estera ta’ Pariġi, mar fil-Vjetnam fl-1854 u sofra l-martirju fl-1861 fl-età ta’ 32 sena.

Ħsieb: Mill-ittri li bagħat fis-sena 1843 San Pawl Le-Bao-Tinh, student fis-Seminarju ta’ Ke-Vinh dwar ‘Is-sehem tal-martri fir-rebħa ta’ Kristu r-Ras’:

“Jien, Pawlu, fil-ktajjen minħabba l-isem ta’ Kristu, nixtieq ngħarrafkom bit-tiġrib kollu li qiegħed kuljum jagħfas fuqi biex, kollkom ħeġġa ta’ mħabba għal Alla, flimkien miegħi tfaħħru lil Alla, għax għal dejjem il-ħniena tiegħu. Dan il-ħabs hu tassew xbieha tal-infern ta’ dejjem: mat-tiġrib kiefer ta’ kull xorta, imxekkel kif jien u marbut bi ktajjen tal-ħadid, irrid inżid il-mibegħda, il-vendetti, il-kalunji, il-kliem ħażin, it-tgergir, l-azzjonijiet ħżiena, il-ħalf bil-qerq, il-kliem ta’ saħta, u fl-aħħar nett id-dwejjaq u n-niket. Alla, li fl-imgħoddi ħeles it-tliet żgħażagħ mill-forn tan-nar, hu dejjem miegħi, u ħelisni minn dan it-tiġrib kollu, u biddilhuli f’hena, għaliex għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Fost dan it-tiġrib kollu, li soltu jimla bil-biża’ lil ħaddieħor, għall-grazzja ta’ Alla, jien mimli ferħ u hena, għax m’iniex waħdi imma jien ta’ Kristu. Hu, l-imgħallem tagħna, qiegħed jerfa’ t-toqol kollu tas-salib, u lili għabbieni biss bl-iċken u l-aħħar biċċa minnu. Hu mhux biss qiegħed iħares lejn il-ġlieda tiegħi, imma qiegħed jitqabad miegħi u huwa se jkun ir-rebbieħ tal-ġlieda kollha. Għalhekk fuq rasu se titqiegħed il-kuruna tar-rebħa, u f’din il-glorja għandhom sehem il-membri kollha tiegħu.

Kif kont se nissaporti dehra bħal din, nara kuljum il-kmandanti, il-mandarini u l-qaddejja tagħhom jidgħu bl-isem qaddis tiegħek, Mulej, li qiegħed fuq il-Kerubini u s-Serafini? Ara, Mulej, salibek qed jiġi mgħaffeġ taħt saqajn il-pagani! Fejn hi l-glorja tiegħek? Jien u nara dan kollu, imkebbes bi mħabbtek, nixtieq ikolli ġismi mqatta’ biċċiet ħa mmut u nagħti xhieda tal-imħabba tiegħek…….Uri, Mulej, il-qawwa tiegħek, salvani u wettaqni, biex il-qawwa tiegħek tidher f’dak li hu dgħajjef fija, u tkun igglorfikata fost il-ġnus, biex ma naqtax qalbi f’din it-triq u l-għedewwa tiegħek jerfgħu rashom kollhom imkabbrin.

Ħuti għeżież, intom u tisimgħu dan kollu, roddu ħajr għal dejjem bil-ferħ lil Alla, li minnu jiġi kull ġid, u bierku l-Mulej miegħi għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu. Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddej tiegħu; iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hieni: għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha għaliex Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn dawk li huma xi ħaġa.

B’fommi u b’fehemti ħawwadt il-filosofi li huma dixxipli tal-għorrief ta’ din id-dinja, għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu.

Qiegħed niktbilkom dan kollu biex il-fidi tiegħi u tagħkom ikunu ħaġa waħda. F’nofs din it-tempesta kollha, inniżżel l-ankra tiegħi sat-tron ta’ Alla: it-tama ħajja li hemm f’qalbi.

U intom għeżież ħuti, hekk iġru biex tiksbu l-kuruna tal-glorja, ilbsu l-armatura tal-fidi u ħudu f’idejkom l-armi ta’ Kristu fuq il-lemin u fuq ix-xellug, kif għallem San Pawl, il-qaddis tiegħi. Jaħbtilkom aħjar li tidħlu b’għajn waħda u dgħajfa fil-ħajja, milli tinxteħtu ‘l barra bil-membri kollha ta’ ġisimkom sħaħ.

Għinuni bit-talb tagħkom, biex nitqabad skont il-liġi, nitqabad it-taqbida tajba tiegħi u nitqabad sa l-aħħar u hekk intemm bis-sliem il-ġirja tiegħi; jekk mhux se naraw aktar lilna nfusna f’din id-dinja, dan għad ikun l-hena tagħna fid-dinja l-oħra, meta nkunu qegħdin quddiem it-tron tal-Ħaruf bla tebgħa, inkantaw flimkien it-tifħir tiegħu, ferħanin għal dejjem u henjin bir-rebħa tiegħu. Ammen”.

“Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu, bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab”. (Għerf 3:7) ~ Il-Papa applika dan il-vers għall-martri tal-Vietnam fl-Omelija tal-Quddiesa tal-kanonizzazzjoni tagħhom.

Dan kollu jixhed kemm hu minnu li:

  • In-nisrani ma jista’ jiġi distrutt minn ħadd u minn xejn … ladarba ħlasu mill-Mulej. Jekk iġgħeluh ibati, ikunu jżidulu l-mertu, il-glorja u l-unuri.
  • Bl-offerta ta’ tbatijietu, li tagħmlu għani ta’ vera, in-nisrani jibbenifika hu u dawk kollha li għalihom jagħmel din l-offerta.
  • In-nisrani diġa’ rebbieħ u daħal fid-dimensjoni eterna ma Kristu Rxoxt. It-tieni mewt ma tista’ tagħmillu l-ebda ħsara ladarba diġa miet għad-dnub u qed jgħix bi Kristu.
  • In-nisrani ma jistax jiġi megħlub bl-ebda mod għax għażel li jgħix fuq in-naħa tar-rebbiħin fi Kristu. Il-mewt għalih hi rebħ.

Talba: O Alla, int l-għajn u l-bidu tas-setgħa li għandu kull min hu missier; int żammejt sħaħ, sat-tixrid tad-demm, fil-fedeltà lejn is-salib ta’ Ibnek Ġesù, lill-qaddisin martri Andrija u sħabu; bit-talb tagħhom għalina, agħmel li nissejjħu u nkunu tassew uliedek, aħna u nxandru l-imħabba tiegħek għal kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat) 

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/st-andrew-dung-lac-and-his-116.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-andrew-dung-lac-and-companions/ or https://catholicexchange.com/st-andrew-dung-lac-and-companions

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_D%C5%A9ng-L%E1%BA%A1c

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

23 ta’ Novembru: San Kolumbanu

Verżjoni Vidjo: San Kolumbanu

“Xejn mhu iżjed ħelu mill-kalma tal-kuxjenza, xejn mhu iżjed sigur mis-safa tar-ruħ – imma ħadd ma jista’ jagħti dawn lilu nnifsu minħabba li huma sewwa sew doni tal-grazzja t’Alla.” – San Kolumbanu

nSAN KOLUMBANU
Abbati
540 – 615

Tagħrif: San Kolumbanu twieled f’Leinster, fl-Irlanda, fl-ewwel nofs tas-seklu sitta. Meta kien għadu żagħżugħ, kellu ħafna tentazzjonijiet kontra s-safa. Biex jaħrab mit-tlellix tad-dinja, u fuq il-parir ta’ San Comgall, daħal patri fil-Monasteru ta’ Bangor, Ulster, mnejn wara ħajja monastika ħarxa ta’ 30 sena, bil-permess ta’ San Comgall, telaq missjunarju fi Franza madwar is-sena 585.

Hemmhekk, is-sultan tal-Borgonja, Gontram, tah biċċa art xagħrija li fuqha kien hemm il-kastell ta’ Annegray nofsu mwaqqa’. F’dan il-kastell San Kolumbanu waqqaf l-ewwel monasteru tiegħu. Tant iffjorixxa, li f’qasir żmien kellu jibni żewġ monasteri oħra, wieħed f’Luxeuil, u l-ieħor f’Fontaine.

Malajr twaqqfu monasteri oħra fi Franza, il-Ġermanja, l-Isvizzera u l-Italja. Ir-regola ta’ dan il-fundatur qaddis, u l-ikbar missjunarju Irlandiż fl-Ewropa, kienet ħarxa wisq iktar minn ta’ San Benedittu, u baqa’ josserva l-Għid u l-Liturġija “Celitika”, bħal Ġwanni l-Battista, ħadha bl-aħrax kontra l-iskandli tar-Re Teodoriku II tal-Burgundie, li fis-sena 610, keċċa lill-missjunarji Irlandiżi.

Il-monasteri ta’ San Kolumbanu, bħall-monasteri l-oħra fl-Ewropa, kienu jservu bħala sptarijiet, lukandi, irziezet, u postijiet ta’ kultura u tagħlim. Ir-regola li ppreskriva għall-monasteri tiegħu kellha bħala għan ewlieni l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u kienet ibbażata fuq dixxiplina stretta ta’ talb, studju u xogħol.

Bħal San Pawl, Kolumbanu sofra l-għarqa, imma milqugħ mir-Re Teodobert II ta’ Neustria fil-belt ta’ Metz u mir-Re Agilulf tal-Lombardija, ipprietka l-ewwel, qalb il-Ġermaniżi qrib Bregenz u l-Għadira Kostanz, imbagħad l-Italja, fejn waqqaf l-Abbazija famuża ta’ Bobbio, fejn miet ta’ madwar 75 sena fil-21 ta’ Novembru, 615, u fejn jinsab meqjum il-fdal tiegħu.

Fost id-dixxipli tiegħu nsemmu biss lil San Gallo, fundatur tal-Abbazija (illum Katidral) ta’ dan l-isem fl-Isvizzera, li maż-żmien saret ċentru mill-aqwa ta’ arti, letteratura u mużika. Imma minħabba l-ħruxija tar-Regola ta’ San Kolumbanu, il-monasteri tal-ordni tiegħu lkoll spiċċaw biex ħaddnu r-Regola Benedittina.

San Kolumbanu sar wieħed mill-ikbar missjunarji Irlandiżi. Għalhekk jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma siewja li wettaq b’risq il-ħajja Nisranija u reliġjuża.

Ħsieb: Issa li l-liċenzja sesswali pubblika qed issir estrema, neħtieġu l-memorja li l-Knisja tippreżentalna llum, ta’ żagħżugħ li ta kas tal-kastità tiegħu bħal Kolumbanu. U issa li d-dinja tal-Punent inqabdet fil-kumdità u tinsab f’kuntrast traġiku ma’ miljuni ta’ nies bil-ġuħ, neħtieġu l-isfida tal-awsterità u d-dixxiplina ta’ dan il-grupp ta’ patrijiet Irlandiżi. Forsi kienu stretti wisq, ngħidu; jew esaġeraw. Sa fejn għandna naslu?

Il-Madonna ġewwa Fatima qalet lit-tliet viżjunarji, fis-sena 1917, li l-biċċa l-kbira tal-erwieħ jintilfu fin-nirien tal-infern prinċipalment minħabba d-dnubiet kontra s-sitt u d-disa’ kmandamenti – jiġifieri d-dnubiet tal-impurità.

Peress li dan huwa l-periklu preżenti nixtieq niffukaw fuq strateġija spiritwali li nistgħu nużaw; pjan għall-ġenituri, żagħżagħ u anke tfal sabiex nevitaw il-periklu dejjem preżenti tal-attakki kontra l-purità, u jekk waqajna, biex nerġgħu mmorru b’kunfidenza għand il-Mulej b’qalbna kollha, bl-għajnuna tal-interċessjoni ta’ Ommna Marija – Omm is-Safa.

Armi Spiritwali biex tirbaħ il-Battalja favur is-safa

1. Armi ta’ Talb
Aħna dgħajfa, dgħajfa ħafna! Ġesù, fil-Ġnien taż-Żebbuġ, qal lill-Appostli, kif ukoll lid-dinja kollha, dawn il-kliem preċiżi: “L-ispirtu jrid imma l-ġisem huwa dgħajjef. Itolbu intom lkoll biex ma tidħlux fit-tiġrib.” (Mattew 26:40-41) Minflok it-talb, l-Appostli raqdu!

Ir-raġuni ewlenija għaliex wieħed jaqa’ f’xi dnub, imma speċjalment f’dak tal-impurità, huwa jew nuqqas ta’ talb jew talb batut u dgħajjef. Biex tirbaħ il-passjonijiet tal-ġisem u l-insinwazzjonijiet kostanti tad-dinja u t-tentazzjonijiet tax-xitan, trid titlob b’mod kostanti. Ġesù jistedinna b’dawn il-kliem: “Itolbu, u jingħatalkom…” (Mattew 7:7). Ejjew nitolbu lill-Mulej għad-don u l-virtù tas-safa.

2. Tilgħabx man-nar
Raġuni ewlenija għaliex ħafna jaqgħu fid-dnubiet tal-impurità hija minħabba li wieħed ma jagħmilx ħiltu kollha biex jevita l-okkażjonijiet tad-dnub. Il-Proverbju jgħid: “Min jilgħab man-nar, jinħaraq.” Irridu nużaw is-sens u l-prudenza komuni. Eżempju sempliċi: wara ikla sabiħa flimkien, l-għarus jistieden lill-għarusa fil-kamra tiegħu biex juriha xi affarijiet … bil-probabbiltà lit-tnejn jaqgħu għat-tentazzjonijiet tax-xitan u għall-passjonijiet tal-ġisem!

3. Modestà
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-modestà hija l-gwardja tas-safa fil-ħajja. (2521-2524) Permezz tal-Magħmudija, ġisimna jsir t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, iktar minn hekk, tempju tat-Trinità Qaddisa u wara t-Tqarbin, Tabernaklu ħaj tas-Sagrament Imqaddes. In-nisa m’għandhom qatt ikunu ta’ provokazzjoni jew ta’ okkażjoni tad-dnub għall-irġiel. U l-irġiel m’għandhomx jiġu skużati jekk ma jikkontrollawx għajnejhom.

Ikkunsidra kull statwa nobbli jew pittura tal-Madonna – Il-Madonna ta’ Guadalupe, Lourdes, Fatima – u żgur li tolqtok is-sbuħija tagħha tas-sema, flimkien mal-virtù tas-safa. Marija tista’ tkun il-mudell tagħna u tiggwidana, speċjalment fil-prattika tas-safa.

4. Penitenza
Ġesù stqarr: “Xi xjaten jistgħu jiġu mkeċċija biss permezz tat-talb u tas-sawm.” Fil-ħajja spiritwali tagħna, aħna bħal għasfur, imma msejħa biex inkunu bħall-ajkla li ttir fil-għoli, imma għandna bżonn żewġ ġwienaħ spiritwali li huma: it-Talb u l-Penitenza! Biex nirbħu l-passjonijiet tal-ġisem irridu nitolbu b’impenn, imma wkoll nitgħallmu l-arti tas-sawm u tal-penitenza. Il-qaddisin kollha jgħallmuna din il-lezzjoni b’mod ċar!

5. Evita l-Għażż
Bieb kbir u wiesa’ li jista’ jwassal għal dnubiet kontra s-safa, u huwa fil-fatt wieħed mill-Irjus tad-dnub il-mejta, huwa dak tal-Għażż. Idleness (laziness) is the workshop of the devil.

Il-qaddis kbir, edukatur u patrun taż-żgħażagħ, San Ġwann Bosco kien jesperjenza biża’ meta kienu jaslu l-vaganzi taż-żgħażagħ tiegħu. Fix-xhur tas-sajf iż-żgħażagħ ma kien ikollhom xejn x’jagħmlu! F’din l-istat ix-xitan malajr jidħol biex jittanta b’diversi modi u speċjalment kontra l-virtù tal-kastità.

Waħda mir-raġunijiet primarji għalfejn tant żgħażagħ għandhom problemi serji bil-pornografija bl-użu tal-Internet u bl-abbuż personali, hija minħabba l-ħin liberu eċċessiv, id-dwejjaq u l-aċċess faċli għal siti impuri. San Bonaventura poġġieha fil-qosor: “Meta wieħed ikun qed jaħdem, ix-xitan jista’ jkun qiegħed hemm biex jittentah, imma meta wieħed ma jkollux x’jagħmel, numru kbir ta’ xjaten jkunu hemm lesti għalih.”

6. Użu tal-lingwa mhux xierqa
Dejjem u kullimkien irridu nikkontrollaw l-ilsien. San Ġakbu jgħidilna li “ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt.” (Aqra San Ġakbu 3 – id-dnubiet tal-ilsien). Għalhekk, għandna nkunu attenti xi nkunu se ngħidu minn qabel ma ngħiduh, u attenti x’nisimgħu, speċjalment fir-rigward tas-safa.

Qatt m’għandu joħroġ minn xufftejn kliem maħmuġ, lingwaġġ mhux xieraq u ċajt pastaż u ħamallu. Warrab ukoll milli toqgħod tisma’ lingwaġġ bħal dan. Ġesù javżana li se nkunu ġġudikati fuq il-kliem kollu li jkun ħareġ minn fommna. Qatt ma għandna ninsew li aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fuq ilsienna; ilsienna jsir it-tron ta’ Ġesù, ir-Re tar-Rejiet u l-Mulej tagħna. Ejjew nitkellmu b’mod nobbli!

7. Viġilanza kostanti – speċjalment tal-għajnejn
Il-Papa Franġisku fil-messaġġi tiegħu dejjem qiegħed ifakkarna li għandna nżommu viġilanza fuq il-persuna tagħna. L-eżami tal-kuxjenza huwa importanti ħafna. Li filgħaxija wieħed jagħmel reviżjoni tal-ġurnata tiegħu, biex jara fejn żbalja u kif seta’ mexa b’mod iżjed għaqli, ħalli jgħix aħjar il-jum tal-għada, huwa indispensabbli għan-Nisrani. U dan l-eżami, nistgħu faċilment napplikawh ukoll fejn tidħol is-safa.

8. L-Użu tas-Sagrament tal-Qrar (tar-Rikonċiljazzjoni)
Minkejja l-waqgħat tagħna, ma rridux nagħmlu bħal Ġuda u naqgħu fid-dnub tad-disprament, billi jkollna nuqqas ta’ fiduċja fil-ħniena infinita ta’ Ġesù. Għandna nirrikorru b’mod immedjat għas-Sagrament tal-Ħniena ta’ Alla, tal-Qrar li minbarra li tingħatalna l-maħfra hekk li nkunu nistgħu nibdew folja ġdida, ningħataw ukoll il-qawwa biex inkunu nistgħu nkomplu nikkombattu kontra d-dnub f’ħajjitna.

9. Tqarbin Frekwenti
Huwa ta’ importanza kbira jekk irridu nibqgħu f’saħħitna fejn tidħol is-safa, li nkabbru r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija Mqaddsa hija tassew, verament u sostanzjalment il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.

Meta nirċievu lil Ġesù fit-Tqarbin, nirċievu:

  • l-Moħħ ta’ Ġesù, bil-memorja tiegħu li tippurifika l-ħsibijiet maħmuġin tagħna,
  • id-Demm ta’ Ġesù li jiċċirkola ġol-ġisem kollu tagħna, permezz tal-vini u l-arterji,
  • il-Qalb l-aktar Imqaddsa ta’ Ġesù bl-iktar sentimenti nobbli tiegħu u
  • aktar minn hekk, aħna nirċievu s-safa assoluta tal-Qalb ta’ Ġesù.

10. Il-Madonna: Mudell u interċessura tagħna għall-virtujiet kollha
Naturalment ma nistgħux ma nsemmux lill-Madonna meta qed insemmgħu l-virtù tas-safa, l-Omm tal-imħabba pura. Tajjeb li nitolbuha tinterċedi għalina kif għamlet ma’ ħafna qaddisin li xxenqu għal safa dejjem akbar u b’talbha rnexxielhom jaslu għaliha.

U nagħlaq bi kliem Ġesù li qal: “Hienja dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla” (Mattew 5:8) Ejjew ngħixu s-safa f’din il-ħajja kif għexha San Kolumbanu, sabiex la jasal il-waqt, inkunu nistgħu nikkontemplaw is-sbuħija tat-Trinità Qaddisa – mal-Madonna, l-anġli, u l-qaddisin kollha – għall-eternità!

Talba: O San Kolumbanu, li fil-ħeġġa tiegħek biex issegwi lil Kristu, ħallejt pajjiżek u qattajt ħajtek fit-tbatija u fl-eżilju, għin u pproteġi, nitolbuk, lill-missjunarji ta’ żmienna li ddedikaw ħajjithom biex jippritkaw l-Evanġelju madwar id-dinja. Itlob li jkollhom l-istess għerf u qawwa li biha għelibt il-perikli li ltqajt magħhom fit-triq, u dik il-fidi soda u mħabba tħeġġeġ li bihom sofrejt bil-ferħ il-privazzjonijiet ta’ din il-ħajja għall-imħabba ta’ Kristu. Assistina u pproteġina, għażiż San Kolumbanu, biex nistgħu ngħixu għall-glorja t’Alla, ħalli meta l-pellegrinaġġ tagħna jasal fi tmiemu, nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tad-dar tagħna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-columbanus-or-columban.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-columbanus-716

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Columbanus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Novembru: Santa Ċeċilja

Verżjoni Vidjo: Santa Ċeċilja

“Xħin beda jżernaq, Ċeċilja semmgħet leħinha u qalet: Ħaffu, suldati ta’ Kristu: warrbu għemil id-dlam u ilbsu l-armi tad-dawl!” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-festa tal-lum.

st-cecilia-stained-glass1.jpgSANTA ĊEĊILJA
Verġni u Martri
It-Tieni jew it-Tielet Seklu

Tagħrif: Skont leġġenda Rumana, Santa Ċeċilja kienet mill-belt ta’ Ruma. Sa minn ċkunitha bdiet tħobb lil Ġesù, u iktar ma kienet qed tikber, iktar kienet qed issir tħobbu. Kienet għadha daqsxejn ta’ tfajla meta offrietlu ħajjitha u l-verġinità tagħha. Iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha, iżżewġet lil żagħżugħ nobbli pagan, jismu Valerjanu.

Ftit wara ż-żwieġ, ikkonvertitu, u hu kkonverta wkoll lil ħuh, Tiburzju. It-tnejn inqabdu li kienu Nsara, u ġew ikkundannati għall-mewt flimkien ma’ uffiċjal jismu Maximus. Santa Ċeċilja ddispjaċiha ħafna li kellhom imutu fil-fjur ta’ ħajjithom, iżda fl-istess ħin ferħet li mietu martri għal Ġesù. Hi stess difnithom. Ftit ġranet wara, hi wkoll mietet martri, wara agunija ta’ tlett ijiem, minħabba ferita li sofriet bid-daqqa tal-mannara fuq għonqha.

Għalkemm din hi storja sabiħa ta’ mara Nisranija li ħarset xbubitha u tat ħajjitha għall-imħabba ta’ Kristu, mhix ibbażata fuq materjal awtentiku. B’danakollu fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu, f’Ruma, hemm qabar b’lapida li ġġib isimha, u sa mis-seklu ħamsa ġa kienet inbniet knisja f’Ruma għall-ġieħ tagħha. Santa Ċeċilja hija l-patruna tal-mużiċisti.

Fl-1599, il-Kardinal Sfondarati ordna li jinfetaħ il-qabar u l-ġisem deher intatt għal kollox. Il-ġisem kien imlibbes libsa ndurata bid-deheb, jistrieħ fuq il-ġenb tal-lemin, id-dirgħajn mitluqin minn tulhom, wieħed fuq l-ieħor, l-għonq maqtugħ; il-posa tal-ġisem kien bla dubju, dak ta’ tfajla żagħżugħa, waqt l-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.

Ħsieb: Min iħobb lil Ġesù ma jkunx kuntent li jħobbu waħdu, imma jħabrek biex jarah maħbub minn oħrajn. Mhux hekk għamlet Santa Ċeċilja? Għalhekk filwaqt li aħna nikbru dejjem iżjed fi mħabbitna lejn Ġesù, infittxu li permezz tagħna oħrajn ukoll isiru jħobbuh iżjed. Dan l-eżempju narawh ukoll fil-Verġni Marija li marret għand Eliżabetta biex twasslilha, l-ewwel u qabel kollox, lil Binha Ġesù, imbagħad biex tgħinnha fi bżonnijiet prattiċi oħra tal-ħajja ta’ kuljum.

Infatti dan hu dak li qal il-Papa Franġisku f’waħda mill-katekeżi tal-Udjenzi Ġenerali:

“Meta marret iżżur lil Eliżabetta, il-Verġni Marija ma ħaditilhiex biss għajnuna materjali; dan ukoll, imma wasslitilha lil Ġesù, li diġà kien jinsab f’ġufha. Li ħadet lil Ġesù f’dik id-dar kien ifisser li ħadet il-ferħ, il-ferħ sħiħ. Eliżabetta u Żakkarija kienu ferħana b’dik it-tqala li kienet tidher impossibbli għall-età tagħhom, imma hi x-xbejba Marija li twasslilhom il-ferħ sħiħ, dak li jiġi minn Ġesù u mill-Ispirtu s-Santu u jesprimi ruħu f’li nagħmlu karità bla ma nistennew ħlas, f’li naqsmu mal-oħrajn, f’li ngħinu lil xulxin, f’li nifhmu lil xulxin.”

F’kelma waħda l-Papa qed ifakkarna li l-missjoni tal-Knisja u ta’ kull Nisrani hija dik li jwassal lil Kristu, għaliex il-ferħ veru u sħiħ il-bniedem isibu biss fi Kristu. Kemm sagrifiċċji nagħmlu biex intejbu l-ħajja tagħna, u sew nagħmlu! Iżda jista’ jiġri li niżbaljaw meta naħsbu li l-kuntentizza tiġi minn dak li għandi u minn dak li nakkwista. Ħarsu lejn tifel ċkejken, kemm jifraħ meta jirċievi xi ġugarell! Jgħaddi ftit tal-ħin u dak il-ġugarell jispiċċa f’xi kantuniera u lanqas iħares aktar lejh. Il-Papa jgħidilna li avolja Żakkarija u Eliżabetta kienu ferħanin bit-tqala, li għalihom kienet impossibbli għaliex kienu xjuħ, imma kienet il-preżenza ta’ Marija li kienet iġġorr lil Kristu li ġabet “il-ferħ sħiħ.”

  • U għalik, kemm hi importanti li ħaddieħor jikkonverti u jsir Nisrani tajjeb?
  • Hija prijorità f’ħajtek li xxandar l-imħabba ta’ Kristu?
  • Taħtaf kull okkażjoni li jkollok biex tagħmel dan ma’ dawk ta’ madwarek?
  • Tibqa’ tagħmel dan anki meta jkollok tħalles prezz għoli ħafna?

Jalla fuq l-eżempju ta’ Santa Ċeċilja u tal-qaddisin kollha, aħna wkoll inkunu xhieda veri ta’ Kristu mhux biss bi kliemna, imma b’għemilna u tassew, anki jekk dan ifisser tbatija jew martirju kontinwu minn dawk li jagħmlulna l-ħajja diffiċli għax aħna ta’ Kristu.

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ieqaf magħna, u bl-għajnuna ta’ Santa Ċeċilja, agħtina dik il-ħeġġa u l-qawwa li wassluha biex tibqa’ soda fl-istqarrija tal-fidi tagħha sal-aħħar, anki jekk dan jiswielna saħansitra ħajjitna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.stceciliaroch.org/66

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/saint-cecilia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Cecilia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

21 ta’ Novembru: Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.”  – Isaija 61:10

presentation_of_the_virgin_in_the_temple1IL-PREŻENTAZZJONI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: Din il-festa tfakkar il-jum tal-konsagrazzjoni (fis-sena 543) tal-knisja ta’ Santa Marija mibnija qrib it-tempju f’Ġerusalemm.

Permezz ta’ din il-festa aħna niċċelebraw il-“konsagrazzjoni” ta’ Marija lil Alla, li sa minn ċkunitha tatu lilha nnifisha kollha kemm hi, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu li mlieha bil-grazzja tiegħu fit-tnissil tagħha bla tebgħa.

Skont tradizzjoni antika ħafna, meta l-Madonna kienet għadha tifla żgħira, il-ġenituri tagħha, Santa Anna u San Ġwakkin, għamlu vjaġġ ta’ madwar mija u tletin kilometru, minn Nazaret għal Ġerusalemm, biex jippreżentawha lil Alla, u jħalluha f’idejn in-nisa twajba tat-tempju. Dan għamluh biex iżommu wegħda li kienu għamlu li jekk ikollhom tarbija jikkonsagrawha lil Alla. Minn dak iż-żmien, il-Madonna ġiet imrobbija u edukata ma’ tfal oħra, minn dawn in-nisa. Għalhekk il-Madonna kibret f’ambjent ta’ talb, meditazzjoni, u fil-qadi tas-sagrifiċċju lil Alla.

Din il-festa oriġinat fis-Sirja u daħlet fil-Punent fiż-żmien meta l-Papiet kienu f’Avignon, mill-Papa Girgor XI. Għall-ewwel kienu jiċċelebrawha biss il-patrijiet Franġiskani Minuri, iżda ma damitx ma bdiet tiġi ċċelebrata wkoll fil-kurja tal-Papa f’Avignon.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin:

“Nitlobkom tisimgħu sewwa x’qal Kristu Sidna meta midd idu lejn id-dixxipli tiegħu: Dawn, ara, huma ommi u ħuti; kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li bagħatni, da huwa ħija, u oħti, u ommi. Forsi l-Verġni Marija ma għamlitx ir-rieda tal-Missier? Hija emmnet bil-fidi, nisslet bil-fidi, kienet magħżula biex minnha jitwildilna s-Salvatur fost il-bnedmin, Kristu ħalaqha qabel ma hija nisslet lilu. Iva, il-Verġni mqaddsa għamlitha r-rieda tal-Missier, u għamlitha sewwa, u għalhekk għal Marija hi ħaġa aqwa li kienet waħda mid-dixxipli ta’ Kristu milli omm Kristu; hu ferħ akbar għaliha li kienet waħda mid-dixxipli ta’ Kristu milli omm Kristu. Għalhekk Marija kienet hienja, għax qabel ma tat l-Imgħallem lid-dinja, hija ġibitu fil-ġuf.

Mela żommu sewwa f’moħħkom, għeżież tiegħi: intom ukoll membri ta’ Kristu, intom ukoll il-ġisem ta’ Kristu. U araw kif intom hekk, għax qal: Dawn huma ommi u ħuti. Kif tkunu omm Kristu? Kull min jisma’, u kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi. Kristu, fil-ħniena tiegħu, għalkemm hu Iben waħdieni, ma riedx jibqa’ waħdu, imma riedna nkunu werrieta tal-Missier, u werrieta flimkien miegħu.”

Tgħid għalina l-Mulej m’għandux ukoll pjan misterjuż ta’ mħabba li jinkludi fih ħajjitna kollha biex jitwettaq? M’għandux ukoll għan għalfejn ħalaqna u sawwarna? Ma jixtieqx li minn ġo fina jagħti ħajja ġdida lil dawk kollha li se jiltaqgħu magħna tul il-vjaġġ ta’ ħajjitna f’din l-art lejn Ġerusalemm tas-Sema? Alla se jafda ruħu f’idejna għaliex iħobbna tassew. Imma aħna x’se nagħmlu? X’se tkun it-tweġiba tagħna? Iva jew le? X’kienet it-tweġiba ta’ Marija jekk mhux Iva sħiħa għall-pjan ta’ Alla għaliha? Jgħallimna San Ġwanni Pawlu II:

“Il-ħlewwa kollha ta’ Marija lejn ir-rieda divina, kienet marbuta mal-fidi tagħha. Billi emmnet fil-kelma ta’ Alla, hija setgħet taċċetta din l-ubbidjenza kompletament u wriet lilha nnifisha lesta għall-pjan sovran ta’ Alla; hija aċċettat dak kollu li ġie mitlub minnha. Hekk il-preżenza tas-Sinjura Tagħna fil-Knisja tinkoraġġixxi lill-Insara biex jisimgħu kuljum il-kelma tal-Mulej; biex jifhmu l-pjan Tiegħu, mimli mħabba, f’dak kollu li jiġri kuljum u li jikkoperaw bil-fedeltà kollha biex jitwettaq dan il-pjan.”

Marija kkoperat b’mod sħiħ mal-pjan ta’ Alla għaliha. Tagħha ma kinitx parteċipazzjoni passiva għall-pjan Divin. Għall-kuntrarju, hija kkoperat sal-punt li akkumpanjat lil Binha Ġesù sa fuq l-Altar tas-Salib fuq il-Kalvarju. Għalhekk, “Marija mxiet il-mixja tal-Fidi qabilna: meta emmnet il-messaġġ tal-anġlu, hija kienet l-ewwel waħda li laqgħet il-misteru tal-Inkarnazzjoni u għamlet hekk b’mod perfett … il-fidi tagħha kienet waħda kuraġġuża. Fit-Tħabbira hija emmnet dak li umanament kien impossibbli; f’Kana hija ġegħlet lil Ġesù iwettaq l-ewwel miraklu; għamlitlu premura biex ixandar il-qawwa messjanika tiegħu. Marija tgħallem lill-Insara biex jgħixu l-fidi tagħhom, bħala vjaġġ li jġiegħelek tinġibed lejh u li jitlob minnek impenn. Dan jeħtieġ kuraġġ u perseveranza fi kwalunkwe sitwazzjoni tal-ħajja.”

Tassew, dan jitlob kuraġġ liema bħalu! Staqsi lil min hu mġarrab! Bħala Nsara m’aħniex nieqsa minn sfidi li jressqulna quddiem wiċċna għażliet li rridu nwettqu illum jew għada. Xi drabi huma għażliet li jweġġgħu bil-bosta. Iżjed u iżjed meta wieħed jaf dak li qiegħdha toffrilna l-kultura ta’ żmienna! Infatti, qiegħda toffrilna l-opportunità li nagħmlu xirja tajba mill-valuri li ġew mgħoddija lilna b’tant tbatija u sagrifiċċji. Qiegħda ttina ċ-ċans li nagħżlu virtù minn oħra. Waħda ngħożżuha u l-oħra narmuha għaliex skaduta. Hekk ngħidu aħna ma jimpurtax li wieħed ma jkunx leali fl-impenji tiegħu basta juri li qiegħed jifhem lil dak li jkun, għandu tort jew raġun. Hija kultura fejn mhux biss trid tlaħħaq ma’ Alla u max-xitan imma wkoll li tiddetta hi stess x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Kultura fejn ħadet f’idejha t-tmun arbitrarju tal-valuri u biddlithom kif qablilha hi. Kultura fejn, kulma jmur, qiegħda tbiegħed lill-bniedem minn Alla li ħalqu u fdieh u, bħala konsegwenza, minnu nnifsu stess!

Huwa sewwa sew f’din il-kultura li għandu jkollna l-kuraġġ li naffermaw, bil-qawwa kollha li jagħtina l-Ispirtu ta’ Alla, dak li tgħallimna Ommna Marija bl-eżempju ta’ ħajjitha. Jiġifieri li tant kemm il-Mulej ikollu post tassew importanti f’ħajjitna li ħadd u xejn m’hu se jazzarda joħodlu postu! Bit-talb u l-gwida ta’ Marija irridu insarrfu l-fidi tagħna f’modi ta’ mġiba li joħduha kontra u jixlu bil-kbir il-kultura ta’ żmienna. Fejn fostna l-arja ta’ xejn m’hu xejn qiegħda, kulma jmur, taħkem l-ambjenti kollha tagħna, bil-gwida ta’ Marija ejjew inġibu ruħna b’kuxjenza totalment miftuħa għal dak li Alla jrid kif mgħallem lilna minn Ommna l-Knisja Mqaddsa. Fejn il-kultura kontemporanja għamlet lill-bniedem alla għaliex tħabbar permezz tal-fomm u l-imġiba ta’ xi wħud: “Jiena hu alla sidi,” Marija bil-fidi kollha mħabba tagħha qiegħda ssejħilna biex b’ħajjitna u bi kliemna nħabbru li s-“Setgħani huwa Alla biss!” U dak Alla li lil min jiqaflu jispiċċa ħażin miegħu hu għaliex jispiċċa vittma tal-ħażen tiegħu stess! “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Luqa 1:52).

  • U inti, togħġbu lil Alla b’dak li taħseb, tgħid u tagħmel?
  • Qiegħda twettaq ir-rieda tiegħu għalik billi tgħix il-vokazzjoni tiegħek (hi x’inhi) bl-aħjar mod possibli?
  • Mhux Marija biss hi t-tempju tal-Mulej. Aħna wkoll, ġisimna huwa t-tempju tal-Ispirtu s-Santu li rċevejna fil-Magħmudija. Qed tgħix b’mod li jixraq il-preżenza ta’ Alla fik?
  • Kemm int devot tassew ta’ din l-Omm tiegħek tas-Sema?
  • Min jaf li kieku tikkonsagra lilek innifsek lilha u tħalliha ddawwallek it-triq li twasslek għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku tfittex li titgħallem dwar kif tista’ tgħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqlek Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Għar-Rużarju bl-għajnuna ta’ vidjos: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għall-grupp fuq Facebook bl-isem: ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija’.

Talba: Mulej, qegħdin nagħtu ġieħ lill-Verġni Mqaddsa Marija aħna u niċċelebraw it-tifkira glorjuża tagħha; bit-talb tagħha, agħmel li aħna wkoll nieħdu bħalha mill-milja tal-grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna  Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/11/presentation-of-blessed-virgin-mary.html

Alternative Reading: http://www.piercedhearts.org/hearts_jesus_mary/presentation_mary_temple.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Presentation_of_Mary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ Parti Mario Attard OFM Cap.