31 ta’ Ottubru: Beatu Anġelo ta’ Acri

Verżjoni Vidjo: Beatu Anġelo ta’ Acri

“Hija grazzja u glorja kbira li tkun Kapuċċin u iben/bint vera ta’ San Franġisk. Imma hu neċessarju li nkunu nafu u li dejjem inġorru magħna, il-ħames ħaġriet prezzjużi: l-awsterità, is-sempliċità, l-osservanza eżatta tal-Kostituzjoni u tar-Regola Serafika, l-innoċenza tal-ħajja u karità li ma tgħejja u ma tieqaf qatt.” Beatu Anġelo ta’ Acri

angelo16.jpgBEATU ANGELO TA’ ACRI
Reliġjuż
† 1739

Tagħrif: Huwa kien iben ta’ ġenituri fqar, kien jismu Antonio Luca Falcone u twieled fis-19 ta’ Ottubru, 1669. Ipprova jidħol mal-Kappuċċini ta’ 18-il sena iżda sab il-ħajja ħarxa ħafna. Bil-għajnuna ta’ ħafna talb huwa pprofessa fit-tielet darba li pprova wara novizzjat imqanqal ħafna, fl-1691. Ħa l-isem ta’ Angelo.

Fl-ewwel prietka li għamel, il-fiduċja fih innifsu u l-memorja ħallewh u niżel minn fuq il-pulptu konfuż. Meta qagħad jaħseb fuq dan id-diżappunt deherlu li l-Mulej qallu: “Għall-ġejjieni, Anġelo, ipprietka b’mod sempliċi u kif jitkellmu n-nies, biex jista’ jifhmek kulħadd.” Huwa sar wieħed mill-aqwa predikaturi ta’ żmienu u mexxa missjonijiet f’pajjiżu u xerred id-devozzjoni lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) sakemm miet.

Kien jgħaddi ħin twil jitlob u jagħmel penitenzi ħorox biex jikkumbatti t-tentazzjonijiet li kien ikollu.

Huwa kiteb ktieb wieħed biss, li kien ġabra ta’ talb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu, għas-sorijiet Kappuċċini li huwa waqqaf f’Acritania. Anġelo laħaq provinċjal Kappuċċin fil-Kalabrija, u kienu jsejħulu ‘L-Anġlu tal-Paċi’ bil-mod seren li kien imexxi l-provinċja.

Miet fit-30 ta’ Ottubru 1739, ta’ 70 sena. Il-Papa Ljun XII ibbeatifikah fit-18 ta’ Diċembru, 1825.

Ħsieb: It-triq vokazzjonali taż-żagħżugħ Luka Antonio kienet ikkaratterizzata minn ħafna inċertezzi. Wara li kkonsagra lilu nnifsu lill-Mulej, għadda minn esperjenza ta’ falliment fil-predikazzjoni. Madankollu, huwa ma qatax qalbu imma biddel l-istil tal-predikazzjoni tiegħu, u sar imbagħad evanġeliku mill-aqwa. Permezz tal-predikazzjoni tiegħu, Anġelo ta’ Acri kien strument li kapaċi jgħaqqad il-Qalb tal-Mulej ma’ dik tan-nies. Kien jikkomunika lis-semmiegħa tiegħu l-ferħ ta’ Alla li jfittex li jkun fi djalogu mal-poplu tiegħu.

Fil-konfessjonarju kien il-post li fih kien joffri lill-penitent il-konsolazzjoni tal-maħfra ta’ Alla, il-post fejn kien jiftaħ għalihom it-triq għall-ħajja ġdida fi Kristu. Huwa ta xhieda ta’ karità Nisranija billi żar il-foqra fi djarhom u qassam il-Providenza li hu stess kien irċieva. Ma naqasx li jżur wkoll lill-ħabsin, jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom u jkellimhom fuq l-indiema, filwaqt li ddefenda wkoll lil dawk li ġew ikkundannati inġustament.

Waħda mill-eqdem pitturi ta’ Fra Anġelo ta’ Acri tippreżentah iħares lejn u jikkontempla l-Kurċifiss, iċ-ċentru tal-predikazzjoni u t-talb tiegħu. F’ħinijiet twal ta’ talb solitarju, huwa kien jagħmel meditazzjoni dwar it-tbatija ta’ Kristu u kien jirrikonoxxi fil-morda l-feriti tal-Mulej. F’kull ħaġa li kien jagħmel, kien iżomm f’qalbu l-wiċċ ta’ Ġesù msallab, l-ikona ta’ mħabba mingħajr limitu.

Imma ma nistgħux ninsew ukoll li dan il-beatu kellu devozzjoni kbira lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) u baqa’ jxerred din id-devozzjoni sa mewtu. Dan jurina li s-saħħa kollha wara l-ħajja eżemplari tiegħu kien iġibha mit-talb iħeġġeġ quddiem Ġesù Ewkaristija. U inti, minn fejn iġġib il-qawwa tiegħek biex tkun tista’ tgħix ta’ Nisrani/ja awtentiku/a?

Iva Ġesu’ huwa ħaj u jinsab magħna. Hu jibqa’ jiġri warajna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, għax ma jrid lil ħadd jitlef l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Xi mħabba ġenwina! Minn kull kappella tal-Adorazzjoni li għandna f’pajjiżna, il-Mulej jistedinna biex immorru ħdejh u nqattgħu ftit ħin miegħu. Xi privileġġ għandna! Għax għiduli …

  • Min jista’ jibdilni għall-aħjar daqs Alla?
  • Min jissaportini daqs Alla?
  • Min jistennieni daqs Alla?
  • Min iħenn għalija daqs Alla?
  • Min jagħder in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, daqs Alla?
  • Min jara li hemm potenzjal fija, daqs Alla?
  • Min għandu sabar daqs Alla?
  • Min jixtieqli l-ġid, daqs Alla?
  • Min għandu fiduċja fija daqs Alla?
  • Min jafdani daqs Alla?
  • Min iżommni f’sensija, inqis l-konsegwenzi t’għemili minn qabel, daqs Alla?
  • Min jgħallimni ngħożż id-dinjità ta’ persunti, daqs Alla?
  • Min jeħlisni mill-irbit u l-ġenn tal-frugħa, daqs Alla?
  • Min jgħallimni nagħraf il-pożittiv f’ħajti, daqs Alla?
  • Min japprezzani kif jien, daqs kemm japprezzani Alla?
  • Min jagħraf ħsibijieti u l-intenzjonijiet t’għemili, daqs Alla?
  • Min jafni iżjed milli naf lili nnifsi jien, daqs kemm jafni Alla?
  • Min qatt ma jgħejja jismagħni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jaqta’ qalbu minni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jgħajjarni bil-fallimenti tiegħi, bid-dgħjufijiet tiegħi, bid-difetti tiegħi ? Int biss O Alla … u Inti Alla li ħlaqtni biex niġi ngawdik fil-Ġenna.
  • Min jipprovdili s-saħħa, il-faraġ, il-kalma, il-wens, il-ħeġġa u r-rassenjazzjoni f’kull ma’ jinqgħalali u f’dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti? … Int biss O Alla.
  • Min iħobbni daqsek O Alla?
  • Min jaħfirli, inaddafni u jinsa l-passat tiegħi, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni l-verità u s-sewwa biss, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni naħseb f’ħaddieħor, daqsek O Alla?
  • Min jimlieni b’kuraġġ ta’ sur, daqs kemm timlieni Int O Alla?

Lil min insib biex ifarraġni u jibnini mill-ġdid, fid-diżgrazzji, fit-tentazzjonijiet, fil-qtigħ ta’ qalb, fl-iżolament, fil-mard, fid-diżappunti ta’ ħajti, daqs kemm tikkonslani, tfarraġni u tibnini fis-sod Int O Alla?

Iva, Mulej, nixtieq naċċetta l-istediniet tiegħek u niġi quddiemek, inħares lejk, lejn il-preżenza reali tiegħek fl-Ewkaristija … u, mingħajr ma niftaħ fommi, Inti diġà tibda tgħattini bil-paċi glorjuża tiegħek! F’dak il-kwiet, mingħajr ma jkun jaf ħadd, Int O Alla tibnili l-ħajti – imtertqa bl-ansjetajiet, bil-beżgħat, bix-xogħol, bit-tmaqdir, bin-nuqqas ta’ fiduċja fis-setgħa tiegħek, bil-vojt li nħoss kultant; bin-nuqqas ta’ fiduċja fija nnifsi … X’qawwa toħroġ minnek O Ħobż tal-Ħajja, x’mirakli tagħmel miegħi, kif tibdilli n-niket f’ferħ, kif ninsa t-thewdin ta’ moħħi hekk kif inkun quddiem il-preżenza umli, imma ta’ forza immaġinabbli tiegħek … iva dan kollu meta nafda totalment Fik f’kollox! Ħa tkun ħajti, skont ir-rieda mqaddsa tiegħek O Trinità Ħanina!

Talba: O Alla kollok tjieba, li tajtna lill-Beatu Anġelo ta’ Acri b’eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja mfassla fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek, agħtina nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu għalina, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna milli nkomplu navvanzaw f’ħajja animata mill-karità lejk u lejn il-proxxmu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-angelo-of-acri.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angelus-of-acri.html

Detailed account of his life: http://napcc.net/images/uploads/documents/acri.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luca_Antonio_Falcone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb mehud mis-sit ta’ Medjugorje Malta.

29 ta’ Ottubru: Beatu Mikiel Rua

Verżjoni Vidjo: Beatu Mikiel Rua

“Il-Familja Salesjana oriġinat permezz ta’ Don Bosco, u kompliet permezz ta’ Fr. Rua  … li żviluppa l-eżempju tal-Qaddis fi skola, ir-Regola tiegħu fi spirtu, il-qdusija tiegħu f’mudell. Huwa bidel ir-Rebbiegħa fi xmara.” ~ Papa Pawlu VI fil-beatifikazzjoni tal-Beatu Mikiel Rua

csc46hjuyaalot7.jpgBEATU MIKIEL RUA
Saċerdot
† 1910

Tagħrif: Dan il-beatu għen lil San Ġwann Bosco u kien is-suċċessur tiegħu bħala Rettur Maġġur tas-Salesjani. Taħt it-tmexxija tiegħu, is-soċjetà, fi 22 sena kibret minn 800 għal 4000 membru. Il-Papa Pawlu VI ddeskrivieh bħala qassis xipli, kollu tjubija u ħlewwa, ħsiebu fi dmirijietu u kollu sagrifiċċju.

Mikiel iltaqa’ ma’ Dun Bosco wara li mietlu missieru. Ta’ 16-il sena huwa beda jmur is-seminarju u jgħix ma’ Dun Bosco fl-oratorju, fejn kien inkarigat mid-dixxiplina u mill-finanzi. Ta’ 18-il sena kien l-ewwel fost id-dixxipli ta’ Dun Bosco li għamel il-voti reliġjużi u tliet snin wara huwa akkompanja lill-fundatur tiegħu f’Ruma u ġarr kopja tal-kostituzzjonijiet miktuba minn idu stess għall-Papa Piju IX.

Meta Dun Rua sar qassis, Dun Bosco ħabbarlu li kellu jara s-soċjetà tinfirex, li kellu jaħdem u jbati, iżda li kellu jkollu wkoll il-faraġ u l-għajnuna tal-Mulej. Dun Rua ġie Malta darbtejn.

Ħsieb: Bla dubju li kulħadd iqis lil dan il-Beatu bħala l-bastun ta’ Dun Bosco u s-suċċessur tiegħu. Imma karatteristika partikolari li kienet tispikka fil-Beatu Mikiel Rua u li xtaqt li niffoka fuqha, kienet dik li kien raġel ta’ talb profond. Kont issibu dejjem l-ewwel f’postu fil-knisja għall-meditazzjoni tal-komunità, fejn kien jinżel għarkupptejh u jitlob mingħajr ma jiċċaqlaq, b’wiċċu jistrieħ fuq il-pali ta’ jdejh, filwaqt li jżomm maktur abjad.

Fit-23 ta’ Frar, 1887 kmieni filgħodu, sar terremot li nħass anki fl-Italja ta’ Fuq, f’Turin u lil hinn. Xhieda li kienu preżenti fil-knisja f’dak il-ħin tal-quddies li għaliha kien preżenti Mikiel Rua, jiddeskrivu din ix-xena:

“Filgħodu tat-23 ta’ Frar, 1887 aħna, is-Salesjani tal-Oratorju, inġbarna għall-meditazzjoni tagħna fil-kappella tal-knisja ta’ Marija Għajnuna tal-Insara. F’daqqa waħda, ħassejna l-art titriegħed b’mod vjolenti taħt saqajna, akkumpanjat ma’ elf oġġett iċekċku bil-qawwi. Kien bħallikieku monstru ġgantesk kien qed jipprova jgħaffeġ il-knisja b’dwiefer tal-azzar. ‘Terremot! Terremot!’ kienet l-għajta. Ilkoll kemm aħna, terrifikati sewwa, ġrejna lejn is-sigurtà tal-bitħa, filwaqt li żammejna għajnejna fuq il-koppla tal-knisja, nistennewha tikkrolla minn mument għall-ieħor. Iżda meta waqaf kollox, il-knisja dehret li ma sofriet l-ebda ħsara. Allura morna lura fil-kappella, u hemm insibu li Fr Rua ma kienx iċċaqlaq mill-post tiegħu tas-soltu u mill-qagħda ta’ talb.”

Forsi ma kienx jaf x’kien qed jiġri? Huwa diffiċli li temmen dan! Jew forsi kien qiegħed fi stat ta’ estasi. Jew forsi anki f’dak il-mument tal-biża’ Fr Rua ma riedx jieqaf mit-talb tiegħu. Huwa fatt li l-mewt ma tbeżżax lil min ikun ippreparat biex imur jieħu l-ħlas tal-ġusti u jidher li f’dak il-mument, it-talb għal Fr Rua deherlu li kien iżjed importanti. Imma x’inhu t-talb? U kif titlob?

Kull min jikkomunika, jaf jitlob. It-talb hu li tiftaħ qalbek ma’ min iħobbok tant li ssallab għalik, u ma’ min hu fil-kontroll ta’ kollox. Għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza għax Ġesù stess, qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn! Il-problema hi: Kemm qed ninvestu ħin u enerġija biex tassew infittxu lill-Mulej u r-Rieda tiegħu f’ħajjitna?

It-talb tibbenifika int u l-għeżież tiegħek bih. Fit-talb taf li qed tiftaħ qalbek ma’ min taf li jħobbok b’mod etern u jixtieqlek il-ġid aktar milli tixtiequ int għalik innifsek jew għall-għeżież tiegħek. Titlob ifisser li tagħraf li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna. Hu dejjem magħna u jekk nafdawH, HU jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni. Mingħajru m’aħna xejn u ma nistgħu nagħmlu xejn.

Xorta jibqa’ l-fatt li ġieli t-talb ma jibdilx is-sitwazzjonijiet ta’ ħajti, imma jibdel lili billi jkabbarni fil-fidi, tant li nibda nħares lejn is-sitwazzjoni b’mod tant differenti li nispiċċa jkolli ngħid, li s-sitwazzjoni bidlet l-intenzjoni tagħha u jekk inkompli nafda f’Alla, ser tispiċċa tagħmilli l-ġid u mhux il-ħsara!

Mal-Ħallieq, l-IMĦABBA VERA hi r-Realtà… ħafna nies jibqgħu biss joħolmu li forsi għad xi darba jesperjenzawha. Tgħannieqa ta’ xi ħadd li veru jkun iridlek il-ġid, tfejjaq ħafna ġrieħi u tikkalma l-maltemp tal-qalb. Dan hu t-talb – it-tgħanniqa ħelwa tal-Mulej. Int tfittex li tesperjenzah dan kollu?

Talba: O Alla, li tajtna lill-Beatu Mikiel Rua fil-Knisja tiegħek biex juri lil ħaddieħor it-triq tas-salvazzjoni, agħtina, li bl-eżempju tiegħu, aħna nimxu wara Kristu bħala s-Sid tagħna, biex inkunu nistgħu niġu, flimkien mal-proxxmu tagħna, fil-preżenza ħelwa tiegħek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.   

English Version: http://www.papalartifacts.com/portfolio-item/blessed-michael-rua/

Alternative Reading: http://www.salesianmissions.org/about-us/bl-michael-rua-beatified-1972

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Michele_Rua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Ottubru: San Xmun u San Ġuda

Verżjoni Vidjo: San Xmun u San Ġuda

“Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax -il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Ġuda Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.” – Mattew 10:1-4

Simon+&+Jude.3SAN XMUN U SAN ĠUDA
Appostli
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Xmun hu msejjaħ “il-Kananew” u “iż-Żelota”, bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa: “l-Imħeġġeġ.”

Fil-Vanġelu huwa msemmi l-ħdax-il wieħed fil-lista tal-Appostli, u flimkien magħhom irċieva l-Ispirtu s-Santu. Barra minn hekk ma nafu xejn iżjed fiż-żgur dwaru.

X’aktarx li wara li mar jipprietka fl-Eġittu ssieħeb ma’ San Ġuda li kien fil-Mesopotamja, marru flimkien il-Persja, u mietu martri fil-Belt ta’ Swanir.

San Ġuda msejjaħ Taddew, kien ħu San Ġakbu ż-Żgħir. Kienu wlied Alfew u Marija l-kuġina tal-Verġni Marija. Għalhekk kien jiġi mill-qrib minn Ġesù. Meta n-nies stagħġbu b’Ġesù u bdew jgħidu: “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija, u ħutu Ġakbu, u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?” (Mattew 13:55)

Ma nafux meta jew kif sar Appostlu. Iżda ismu nsibuh fil-listi kollha tal-Appostli (Matew 10:2-3; Mark 3:16-19; Luqa 6:14-16). Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara l-aħħar Ċena, meta Ġesù wiegħed lill-Appostli li kien ser jerġa’ jidhrilhom, San Ġuda staqsieh għala kien ser jidher lid-dixxipli tiegħu biss u mhux lid-dinja, u Ġesù wieġbu li kien ser iżur lil dawk kollha li jħobbuh. (Ġwanni 14:22)

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Ġuda mar jipprietka l-Vanġelu f’bosta artijiet. Skont tradizzjoni sofra l-martirju flimkien ma’ San Xmun fil-Persja.

Fl-Armenja hemm devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis għax hu miżmum li flimkien ma’ San Bartilmew kien mar hemm u żera’ l-ewwel żerriegħa tal-Fidi.

Ħsieb: L-istess bħat-tnax-il dixxiplu li għażel Ġesù, Alla jagħżel lil kull wieħed minna għal skop speċjali. Ma jimpurtax jekk f’għajnejk jew f’għajnejn ħaddieħor ħajtek tista’ tidher bla tama – forsi għax m’għandekx xi livell ta’ edukazzjoni għolja, jew għax ġejt kemm-il darba rrifjutat/a, jew ittradut/a. Alla jixxennaq li joħloqna mill-ġdid billi jimliena bil-qawwa tiegħu. L-istess qawwa li ħarġet minn Ġesù meta kien fostna bid-deher f’din id-dinja għaddieha lid-dixxipli (Atti 10:38). Irrispettivament mill-maltempati tal-ħajja, l-imħabba ta’ Alla tibqa’ ankra soda. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5). L-istess Spirtu huwa disponibbli għalina. Jekk aħna nimxu wara Ġesù bla ma naqtgħu qalbna, b’lealtà u b’umiltà, il-ħajja ordinarja tagħna ssir straordinarja. Inti temmnu dan?

Il-Papa Franġisku f’waħda mill-Omeliji tiegħu waqt Quddiesa ta’ xi Ordinazzjonijiet Presbiteri (1 ta’ Diċembru, 2017) qal hekk:

“Il-Mulej Ġesù jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex huma u jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali f’ismu għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj. Kif fil-fatt għal dan ġie mibgħut mill-Missier, hekk hu min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad l-isqfijiet, suċċessuri tagħhom, li lilhom fl-aħħar ġew mogħtija bħala kollaboraturi l-presbiteri, li, magħquda magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħa għas-servizz tal-poplu ta’ Alla.

Għalhekk, qassmu lil kulħadd dik il-kelma ta’ Alla, li intom stess ilqajtu bil-ferħ. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma tal-Mulej biex temmnu dak li qrajtu, tgħallmu dak li fhimtu fil-fidi, għixu dak li tkunu għallimtu. Ħa jkun mela ikel għall-poplu ta’ Alla t-tagħlim tagħkom, ferħ li jwieżen lill-fidili ta’ Kristu u l-fwieħa ta’ ħajjitkom, biex bil-kelma u l-eżempju tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja.

U llum nitlob lil kulħadd preżenti għal din iċ-ċerimonja: itolbu dejjem għas-saċerdoti tagħkom. Il-poplu ta’ Alla jwieżen is-saċerdoti bit-talb. Hi responsabbiltà tagħkom twieżnu lis-saċerdoti. Xi ħadd forsi jistaqsini: ‘Imma, Dun, kif nagħmlu biex inwieżnu lis-saċerdoti?’ Afdaw fil-ġenerożità tagħkom. Il-qalb ġeneruża li għandkom turikom hi kif twieżnu lis-saċerdoti. Imma l-ewwel għajnuna li tistgħu tagħtu lis-saċerdot hi t-talb. Il-poplu ta’ Alla – jiġifieri kulħadd, kulħadd – iwieżen lis-saċerdot bit-talb. Tegħjew qatt titolbu għas-saċerdoti tagħkom. Jien naf li hekk ħa tagħmlu. Grazzi ħafna!”

IMMA JIEN U INT QED NITOLBU VERAMENT B’IMPENN GĦAS-SAĊERDOTI TAGĦNA?

MINGĦAJR SAĊERDOTI, MA JKOLLNIEX L-EWKARISTIJA U S-SAGRAMENTI L-OĦRA, IL-KNEJJES JINGĦALQU, IL-KNISJA UNIVERSALI TINĦATT U L-MERĦLA TIXXERRED. HEMM BŻONN “KBIR” LI N-NIES TAGĦRAF TGĦOŻŻ LIS-SAĊERDOTI U MINFLOK TIĠĠUDIKOM, TITLOB GĦALIHOM B’IMPENN.

GĦALL-MEJTIN NITOLBU, GĦALL-MORDA WKOLL, GĦALL-PERSUNI BI PROBLEMI WKOLL… IMMA KEMM HAWN LI QED JITOLBU B’MOD KOSTANTI GĦALL-BŻONNIJIET SPIRITWALI TAS-SAĊERDOTI U GĦALL-VOKAZZJONIJIET ĠODDA?

Bħala Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti, tista’ żżur il-youtube channel bl-isem ta’ ‘Saċerdoti 1’: https://www.youtube.com/user/SACERDOTI1/playlists

Talba: O Alla, int wassaltna biex nagħrfuk permezz ta’ l-Appostli qaddisa tiegħek; agħmel li, għat-talb ta’ San Xmun u San Ġuda, il-Knisja tiegħek tikber dejjem billi joktor l-għadd ta’ dawk li jemmnu fik. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jude-thaddeus-and-st-simon-the-zealot-apostles-541

Alternative Reading: http://justus.anglican.org/resources/bio/277.html

Wikipedia for Simon (the Zealot): https://en.wikipedia.org/wiki/Simon_the_Zealot

Wikipedia for Jude: https://en.wikipedia.org/wiki/Jude_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Ottubru: San Frumenzju

Verżjoni Vidjo: San Frumenzju

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. ” – Rumani 8:28

frumentiusSAN FRUMENZJU
Isqof ta’ Aksum u Appostlu tal-Etjopja (Abissinja)
†383

Tagħrif: Frumenzju u ħuh Edesju, Griegi minn Tiru, meta kienu għadhom tfal, marru għamlu vjaġġ ma’ zijuhom u l-għalliem tagħhom, Metropju, lejn l-Etjopja. Waqt li kienu sejrin lura, daħlu f’port tal-Baħar Aħmar għall-proviżjonijiet. In-nies tal-inħawi qatlu lil kull min sabu quddiemhom, minbarra liż-żewġt itfal, li kienu jistudjaw taħt siġra. Ħaduhom bħala lsiera lis-sultan ta’ Aksum, fit-Tigre. Għoġbuh bl-imġiba u bix-xjenza tagħhom, hekk li wara ftit ħatar liż-żgħir, Edesju, bħala koppier u lil Frumenzju bħala segretarju u nutar tal-istat. Ftit qabel ma’ miet, is-sultan tahom il-ħelsien. Iżda r-reġina, li baqgħet reġġenti, talbithom biex jibqgħu fil-pajjiż, ħalli jgħinuha trabbi sewwa lill-prinċep u tamministra l-affarijiet. Baqgħu u bdew ixerrdu r-reliġjon Nisranija.

Bdew biex jistiednu neguzjanti Nsara jiġu jgħammru fil-pajjiż u kisbulhom il-privileġġ biex jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon bla xkiel. Imbagħad, bil-kelma u bl-eżempju tagħhom, bdew ukoll jikkonvertu lill-pagani. Meta ż-żagħżugħ sultan Abreha ħa r-riedni f’idejh, Edesju mar lura pajjiżu f’Tiru, fejn sar qassis.

Iżda Frumenzju, li l-konverżjoni tal-Abissinja kienet ferm għal qalbu, waqaf Lixandra, fejn talab lil San Atanasju biex jibgħat isqof u xi saċerdoti biex jissuktaw il-konverżjoni tal-pajjiż. San Atanasju qatagħha li ħadd ma kien aħjar minn Frumenzju nnifsu għal dan l-iskop: għalhekk ikkonsagrah isqof (bejn it-340 u t-346). Hekk bdiet id-dipendenza tal-Insara tal-Abissinja mill-Knisja ta’ Lixandra.

Frumenzju mar lura Aksum u għamel bosta konverżjonijiet: waqqaf hemm is-sedi tiegħu ta’ isqof, għammed lis-sultan u lil ħuh Asbeħa, bena ħafna knejjes, u xerred ir-reliġjon Nisranija mal-Etjopja kollha. Iż-żewġ aħwa slaten kienu minn tal-ewwel bil-ħeġġa u d-devozzjoni tagħhom: huma meqjumin bħala qaddisin fil-kalendarju tal-Abissini.

L-Imperatur Kostanzu, Arjan, għamel li seta’ biex ixewwex lis-slaten kontra Frumenzju; iżda dawn ma emmnuhx. Meta l-qaddis miet, fit-383, il-poplu tah it-titlu ta’ “Abuna” (missierna), jew “Abuna Salam” (il-missier tal-paċi). Dan it-titlu ta’ “Abuna” għadu jġibu sal-lum il-Primat tal-Knisja dissident (Xiżmatika) tal-Abissinja.

Ħsieb: Jingħad li San Mattew kien l-ewwel li evanġelizza l-Etjopja, iżda Frumenzju huwa magħruf bħala l-appostlu ta’ dak in-nazzjon minħabba l-effettività tiegħu biex jikkonverti n-nies għall-fidi. Jingħad li d-Djoċesi bikrija ta’ Louisiana osservat il-festa ta’ San Frumenzju fis-1700, possibbilment bħala rikonoxximent għall-iskjavi Afrikani t’hemmhekk.

Il-personalità, ix-xogħol u l-ħajja venerabbli ta’ San Frumenzju jagħtuna l-opportunità li nenfasizzaw dan li ġej:

L-ewwel nett, li f’ħajjitna xejn ma’ jiġri b’kumbinazzjoni. Alla huwa dak li jidderieġi l-istorja, kif ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda mingħajr ma jikser jew joħdilna l-libertà tagħna. L-avveniment apparentement sfurtunat tan-nawfraġju u l-jasar ta’ San Frumenzju saru r-raġuni biex tibda ħidma missjunarja serja fil-pajjiż kbir tal-Etjopja. Inċident sfortunat imma li kien il-kawża għall-evanġeliżmu u s-salvazzjoni ta’ ħafna. Alla jaf kif jibdel il-morr f’ħelu. Jekk aħna nibqgħu paċenzjużi f’mumenti ta’ tfixkil u falliment, dawn jistgħu jkunu kawża ta’ barka kbira għalina u/jew għall-oħrajn.

Ovvjament biex aħna nemmnu dan, irridu nagħmlu att ta’ fidi. Li tgħix bil-fidi ma jfissirx li tifhem lil Alla, imma li tafdah għax temmen li jħobbok. Dan l-istess kif ikunu t-tfal żgħar… ma jifhmux kull ħaġa li jgħidu u jagħmlu l-ġenituri tagħhom, imma fil-fond ta’ qalbhom jafu li jridulhom il-ġid għalhekk jafdawhom kompletament. Il-fidi hi propju esperjenza ta’ Alla l-ħaj. Aktar ma dduq mill-benna ta’ dan il-Missier Ħanin, aktar il-fidi tiegħek twasslek biex tistqarr li mhux biss temmen Fih, imma tafu, u għalhekk tafdah b’għajnejk magħluqa. Irridu naslu nintelqu f’idejh b’telqa bħal dik ta’ tarbija f’ħoġor ommha kif jgħidilna Salm 130.

Meta ninħakmu mill-maltempati tal-ħajja, xi drabi ġieli nibdew nitilfu l-fidi. Imma meta xitla jaħkimha r-riħ, hi, b’mod naturali tniżżel għeruqha fil-fond biex ma titqaċċatx. San Pawl juża dan l-istess eżempju meta jwissina u jgħidilna: “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, ibnu ħajjitkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kolossin 2:7).

Huwa tajjeb li aħna nuru lil Alla bil-ħtiġijiet tagħna waqt it-talb, imma mbagħad irridu bil-fidi nemmnu li Alla, li jismagħna żgur, jagħtina mhux dejjem dak li nitolbuh, imma żgur dak li għandna bżonn u meta jkollna bżonnu! Tgħiduli: ‘Mela mhux kulħadd jaf x’għandu bżonn?’ Ħalluni ngħidilkom: Wieħed jaħseb li jaf x’għandu bżonn, imma żgur li l-moħħ ċkejken tagħna mhux daqs dak ta’ min ħalaqna, u għax ħabbna, fdiena. Għalhekk, hu ovvja li Hu jaf x’għandna bżonn aktar milli nafu aħna. Il-problema hi, jekk aħniex ser nibqgħu mmorru għandu fit-talb u nafdawh waqt li nistennewh jagħmel xi tip ta’ bidla fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna!

Issib min jgħidlek, li jekk Alla jagħtih dak li jrid, imbagħad jersaq lejH u jibda jemmen Fih. Jekk se nagħżlu li nibqgħu norbtu l-fidi tagħna ma’ xi bidla li nixtiequ li ssir, probabbli li qatt mhu se nikbru fil-fidi għax Alla jimxi magħna propju bl-oppost! Hu jrid il-fiduċja tagħna. Iridna nħalluh imexxina bħal tfal żgħar. L-akbar miraklu li għandna nfittxu hu l-bidla tal-qalb! Din il-meravilja, hi xogħol il-Mulej fil-qlub ta’ dawk li qed jippruvaw jintelqu kompletament f’idejH. U int, f’min qed tpoġġi l-fiduċja u t-tama tiegħek?

It-tieni, kull proġett fil-Knisja għandu jsir bil-permess u l-kunsens tal-Isqof jew tal-kappillan, jew ta’ xi ħadd ieħor li jkun inkarigat fil-parroċċa fejn tkun se ssir xi attività. Tkun xi tkun, dak li jsir mingħajr il-barka tal-Knisja, ma jitbierikx minn Alla u ma jkollux tmiem hieni u ma jipproduċix riżultati tajbin. Wieħed jista’ jagħraf fl-imġiba kollha ta’ San Frumenzju personalità dinamika b’żelu ispirat, imħabba għal Alla u għan-nies, u mentalità ekklesjastika. Huwa ma bediex ix-xogħol missjunarju tiegħu skont il-fehma tiegħu biss. Huwa ltaqa’ ma’ San Atanasju, għamel skont dak li talbu u b’hekk irċieva l-barka. Kemm hu importanti li ma naqbdux u nagħmlu kull ma jiġina f’moħħna, imma li nuru fehemitna lil xi saċerdot għaref jew lill-kappillan tal-parroċċa jew lil xi ħadd ieħor li jista’ jagħtina direzzjoni, permess jew awtorità, flimkien mal-barka ta’ Alla fuq il-proġetti tagħna. Ikunu kemm ikunu tajba u qaddisa, qatt ma għandna nkunu prużuntużi u nagħmlu li jfettlilna għax nistgħu nkunu qed nagħmlu aktar ħsara milli ġid.

U int titlob parir/i mingħand xi ħadd għaqli u li jimxi mas-sewwa biex tħalli li tiġi ggwidat/a f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-avvanz spiritwali tiegħek jew ta’ dawk fdati f’idejk? Jekk le, itlob lill-Mulej jilluminak għand min tista’ tmur u forsi lil min tista’ tagħżel bħala direttur spiritwali tiegħek hekk kif għamlu l-qaddisin.

Talba: Itlob għalina, għażiż San Frumenzju, biex aħna wkoll “nikbru fejn ġejna mħawla.” Int kont għadek tifel żgħir f’artijiet strambi u pagani, imma għamilt l-aħjar li stajt fis-sitwazzjoni li sibt ruħek fiha u wassalt il-verità u l-ħajja f’dik l-art abbandunata qalb nies mitlufa. Nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħek inwasslu aħna wkoll id-dawl ta’ Kristu kull fejn inkunu bit-tama li nkunu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn biex huma wkoll jaslu biex jimxu wara Ġesù. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://oca.org/saints/lives/2015/11/30/103451-st-frumentius-the-archbishop-of-abyssinia-ethiopia

Alternative Reading: https://www.americaneedsfatima.org/Saints-Heroes/st-frumentius-of-ethiopia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frumentius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Ottubru: Beatu Bonaventura minn Potenza

Verżjoni Vidjo: Beatu Bonaventura minn Potenza

“Ġesù, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” Filippin 2:4-8

Blessed-Bonaventure-of-Potenza-Conventual-FranciscanIL-BEATU BONAVENTURA MINN POTENZA
1651 – 1711

Tagħrif: Twieled fl-4 ta’ Jannar 1651, ġewwa Potenza fil-limiti ta’ Napli, l-Italja ġo familja fqira, iżda għanja fil-virtujiet. Ta’ 15-il sena daħal mal-Patrijiet Konventwali Minuri, f’Noceva. Huwa kompla bl-istudji tiegħu. Is-superjuri tiegħu bagħtuh Amalfi u hemm taħt direttur spiritwali kompla jikber fil-virtujiet tal-umiltà, safa u ubbidjenza, fost oħrajn.

Kien ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Kellu ubbidjenza għamja għas-superjuri tiegħu. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu fil-parroċċa speċjalment lill-batuti, lill-fqar u lill-morda. Meta f’pajjiżu faqqgħet epidemija, lejl u nhar intefa’ b’ruħu u ġismu jdur bil-morda u jassistihom. Kien jaħdem ħafna mal-priġunieri speċjalment dawk li kienu qed jistennew il-piena tal-mewt, iqararhom u jassistihom.

Bħala saċerdot kien jipprietka u jipprattika d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kien iqatta’ ħin twil fil-konfessinarju tant li ħa l-fama tal-appostlu tal-konfessinarju u tal-ubbidjenza.

B’ubbidjenza lejn is-superjuri aċċetta l-kariga ta’ majistru tan-novizzi. Kien irawwem fl-istudenti tiegħu l-prattika tal-virtujiet tal-umiltà u l-ubbidjenza.

Wara 45 sena ta’ servizz impekkabbli, mogħni b’kull virtù Patri Bonaventura mar jingħaqad mal-Mulej. Fl-aħħar nifs ta’ ħajtu kien imdawwar minn sħabu l-patrijiet kollha, u talabhom skuża għal kull darba li naqashom. Kien is-26 ta’ Ottubru, 1711. Fis-26 ta’ Novembru, 1775, il-Papa Piju VI bbeatifikah.

Ħsieb: Dan il-qaddis tal-lum jispikka l-aktar għall-umiltà u għall-ubbidjenza għamja lejn is-Superjuri tiegħu. Jingħad li ġurnata waħda, Bonaventura qal lis-Superjur tiegħu li kienet intilfet iċ-ċavetta tas-sagristija. “Tajjeb,” qallu s-Superjur bi tbissima, “mela jkollok tfittixha fil-bir; aqbad qasba u stad għaliha.” Malajr, Bonaventura mar fejn il-bir u bil-qasba u x-xlief stad għaċ-ċavetta. Ma damx wisq qabel ma rnexxielu jtellagħha. Ovvjament, is-Superjur tiegħu baqa’ mistgħaġeb għax hu kien qallu hekk biex jiċċajta! Alla kien ippremjah b’mod mirakoluż għall-ubbidjenza għamja tiegħu.

Ġesù Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa, huwa l-eżempju perfett għalina lkoll fejn tidħol l-umiltà u l-ubbidjenza, kif jgħallem San Pawl fl-Ittra lil Filippin 2:4-8.

“Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Kristu sar għalina ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. U fl-aħħar nifsijiet tiegħu, Hu jikkonferma din l-ubbidjenza totali tiegħu bil-kliem: “Kollox hu mitmum!” (Ġwanni 19:30) – fi kliem ieħor, Ġesù juri li qagħad għal kollox u għamel kollox hekk kif kien mitlub minnu mill-Missier sal-aħħar.’ San Ġwann ikompli: “Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu” (Ġwanni 19:30) Ta’ min jinnota f’dan l-aħħar vers li Ġwanni jikteb li l-ewwel mejjel rasu, imbagħad radd ruħu. Is-soltu r-ras titmejjel wara li l-persuna tkun għadha kif mietet. Fil-każ ta’ Ġesù, probabli li San Ġwann ried jagħmel enfasi fuq dak il-ġest ta’ meta wieħed ibaxxi rasu b’sinjal ta’ ubbidjenza.

Kien propju dan l-għatx li mmotiva l-ħajja ta’ Ġesù, l-għatx li jwettaq il-pjan tal-Missier kif qal lil Pietru: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11) Xi mkien ieħor jgħid: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu” (Ġwanni 4:34) u post ieħor: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’dieqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Luqa 12:49-50)

X’nitgħallmu minn dan?

L-ubbidjenza u l-umiltà huma tnejn minn ħafna virtujiet: għerf, sempliċità, faqar evanġeliku, karità, ħniena, fidi, tama, ġenerożità, rażan, ħlewwa, kompassjoni, hena, sliem, sabar, tjubija, fedeltà, żelu u oħrajn. Il-virtujiet huma l-kwalitajiet tal-karattru ta’ Ġesù l-Mulej. L-Ispirtu s-Santu jaħdem fina sabiex aħna nsiru bħal Ġesù, mimlijin, anzi nfuru b’dawn il-qawwiet u saħħiet interjuri.

L-UMILTÀ

Ġesù l-umli  (Filippin 2:5-11): “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù…” L-umli hu dak li “jqis lill-ieħor aħjar minnu”, li m’għandu qatt “ifittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.” Ġesù “ma qgħadx ifittex tiegħu,” “xejjen lilu nnifsu.” “Ċekken lilu nnifsu” Ġesù kif wera l-umiltà? “Ħa n-natura ta’ lsir” (Ġwanni 13:1-17) “sar jixbah lill-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem” (Lhud 2:14-18) Għalhekk, l-umiltà mhix sentiment imma għażla li tħobb tant li toqrob kemm tista’ lejn min trid tgħin, issir ħaġa waħda mas-sofferenza tagħhom, tieħu fuqek il-madmad tagħhom, tidentifika ruħek magħhom, “għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu” (Lhud 2:11).

Servizz umli hu dak li jissorprendi. Hu servizz li ma jfittixx dak li hu tiegħu (id-drittijiet)! Hu dak li ma jippretendihiex imma jfittex il-post tal-aħħar. Id-dixxiplu umli ta’ Ġesù jaf li hu l-werriet tas-Saltna ta’ Alla u bħall-Mulej tas-Saltna jagħti ħajtu fis-servizz tal-aħwa bla ma jfittex il-glorja, il-kumplimenti u l-unuri.

L-UBBIDJENZA

“Ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt” (Filippin 2:8) Min hu l-ubbidjenti? “Min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 7:21; Luqa 6:46) Alla jkellimna mhux biex jikkmandana (għalkemm għandu s-setgħa biex jagħmel dan). Alla jkellimna biex jiggwidana, biex jgħinna ninbidlu f’Ibnu.

  • Obdi sabiex tifforma ħajtek.
  • Obdi biex tegħleb it-tentazzjoni.
  • Obdi biex tkun taf il-moħħ ta’ Missierek.
  • Obdi biex isservi lil ħutek.

Ġesù hu l-Mulej! Mulej, Sinjur, Sid. Aħna hekk insejħulu. Is-Sid hu propjetarju. Ġesù hu l-Kyrios. Aħna d-doulos (qaddejja f’sens evanġeliku). Aħna tiegħu, propjetà tiegħu! X’jimplika dan? Nisimgħu sew lilna nfusna meta nkantaw: “dil-qalb, dal-moħħ, dal-ġisem, dir-ruħ, irrid nagħtik o Mulej.” Il-ħin, it-talenti, l-inkwiet, il-ferħ, il-mard, is-saħħa, ir-rebħiet, is-suċċessi, it-telfiet, il-fallimenti, ix-xogħol, id-divertiment, il-ġid materjali, il-familja, il-ħbieb, il-passatemp, l-imgħoddi, il-mument preżenti u l-ġejjieni. Aħna kollna tiegħu!

L-ubbidjenza tagħna lejn Ġesù hi kompleta meta mmorru l-ġenna. Sa dakinhar, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, nimxu b’ħilitna kollha u bid-dgħjufija tagħna fuq il-passi tiegħu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, b’saħħitna kollha u b’ruħna kollha.

X’tip ta’ ubbidjenza? Mhux ta’ skjav! Ta’ wlied maħbuba, ta’ wlied ħielsa li jagħżlu li jridu jobdu. Aħna lil min se naqdu u nobdu? Lil Alla ta’ Ġesù Kristu jew xi alla ieħor? : partit politiku, każin, passatemp, drawwa, ġid materjali, rabta ma’ xi mexxej … ? Liema hu t-teżor tiegħek li fih issib is-sigurtà, il-faraġ, it-tama? L-attitudni ubbidjenti tan-Nisrani hi l-fedeltà lejn is-Saltna ta’ Alla! L-ubbidjenza tad-dixxiplu lejn Ġesù hi s-sottomissjoni totali tal-persuna sħiħa għall-Mulej u l-pjanijiet tiegħu. L-ubbidjenza ta’ Ġesù hi l-mudell tagħna: “Jiena dejjem nagħmel dak li joġgħob lilu” (Ġwanni 8:29).

Fi Ġwanni 14:21.23, Ġesù jgħidilna: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili jħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi … Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu.”

  • U int kemm tirsisti biex tgħix fl-umiltà?
  • Qiegħed tpoġġi l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel tiegħek?
  • Tagħraf li inti midneb/midinba u li mingħajr Ġesù f’ħajtek ma tista’ tagħmel xejn tajjeb?
  • F’hiex int fl-ubbidjenza tiegħek lejn il-kmandamenti ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu?
  • Ir-rieda ta’ Alla hi l-għan ta’ ħajtek? Kemm int lest/a li tilħaq dak il-livell ta’ qdusija li Alla jixtieq jara fik?

Talba: O Alla li tista’ kollox, Inti għamilt lill-Beatu Bonaventura magħruf għall-virtù tal-umiltà u tal-ubbidjenza, u għall-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Permezz tat-talb u l-eżempju tiegħu, agħtina li nimxu skont il-preċetti tiegħek, biex nifirħu fl-ispirtu, u navvanzaw fit-triq tal-perfezzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-bonaventure-of-potenza.html

Alternative Reading: http://thefranciscanfamily.blogspot.com/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Bonaventura_da_Potenza

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Ottubru: San Ġwann Stone

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Stone

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġwanni 15:13

juanstone.jpgSAN ĠWANN STONE
Saċerdot u Martri
†1539

Tagħrif: Dan il-qaddis kien patri Agostinjan f’Canterbury li rrifjuta li jagħraf lil Neriku VIII bħala Kap tal-Knisja. Ftit nafu fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Stone, qabel daħal Agostinjan u l-ħajja tiegħu bħala patri.

Il-Parlament tal-Ingilterra għadda liġi, magħrufa bħala l-Att ta’ Supremasija li kienet tipproklama lir-Re Enriku VIII bħala l-kap tal-Knisja. Erba’ snin wara uffiċjal tar-Re mar Canterbury biex jagħlaq il-kunventi kollha u jieħu bil-miktub mingħand kull patri id-dispożizzjoni għal dan il-att. Meta wasal għand l-Agostinjani, kulħadd iffirma dan il-kuntratt minbarra Ġwanni.

Ġwanni ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs fit-Torri ta’ Londra, fl-1539. Anki wara sena fil-ħabs baqa’ sħiħ f’fehmtu u baqa’ jixtieq li jmut biex jibqa’ fidil lejn il-Papa. Ħass lil Alla qed jinkuraġġih biex ma jċedix anke jekk ikun se jirċievi l-mewt. Dan imlieh b’saħħa liema bħala. Huwa ġie mgħallaq għall-fidi tiegħu u wara l-ġisem tal-martri ġie mqatta’. Rasu u biċċiet minn ġismu ġew imdendlin f’bieb il-belt, billi kien meqjus bħala traditur.

Il-Papa Leo XIII ibbeatifika lil Ġwann Stone fl-1886 u l-Papa Pawlu VI ikkanonizzah fl-1970, flimkien ma’ 39 martri Ingliżi oħra tal-istess perjodu.

Ħsieb: Għalkemm aħna lkoll msejħa għall-qdusija, il-mogħdijiet li nieħdu biex naslu għaliha, huma ta’ kulħadd differenti. Ħafna minn dawk ipproklamati bħala qaddisin huma nnotati għall-ħajja eċċezzjonalment virtuża tagħhom. F’oħrajn, bħal fi Ġwann Stone, madankollu, ħafna mill-virtujiet tal-ħajja huma moħbija u huwa biss l-erojiżmu tal-fedeltà li jdawwal ħajtu, iżda minn dak li nafu fuq kif għex lejn l-aħħar ta’ ħajtu sat-tmiem, il-validità tiegħu ma tistax tiġi interpretata ħażin. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-Ħabib!

Kien propju meta kien fil-ħabs li Ġwann kellu esperjenza reliġjuża li ġiet irreġistrata mill-apologu u l-bijografu Kattoliku, Nicholas Harpsfield:

“Ġwann Stone ġie mlibbes bil-kuruna tal-martirju f’Canterbury. Imma qabel dan, wara li talab bil-ħerqa fil-ħabs lil Alla u wara li sam b’mod kontinwu għal tlett ijiem, huwa sema’ vuċi, għalkemm ma ra lil ħadd, li indirizzah b’ismu u qallu jagħmel il-qalb u ma joqgħodx lura milli jibqa’ sod fit-tbatijet sal-mewt għat-twemmin li hu kien jistqarr. Minn dan iż-żmien ‘l quddiem, Ġwann kiseb tali ħeġġa u saħħa li qatt ma ħalla lilu nnifsu, bil-persważjoni jew bit-terrur, jerġa’ lura mill-għan tiegħu. Dawn il-fatti tgħallimthom mingħand raġel niedem u ta’ fiduċja, li għadu ħaj, u li lilu Stone stess kien għarrafhomlu.”

Minn din l-esperjenza ta’ Ġwann Stone naraw kif il-Mulej qatt ma jabbandunana fiż-żmien tal-aktar bżonn, li Alla huwa dak li jagħti l-qawwa lill-martri. Dan l-eżempju narawh ċar ukoll fil-mumenti tant iebsa li għadda minnhom Sidna Ġesù Kristu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ:

“Inxteħet għarkupptejh jitlob u jgħid: ‘Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.’ Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art.” (Luqa 22:41-44)

Imma mbagħad fl-ittra lil-Lhud insibu dan:

“Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.” (Lhud 5:7-9)

U hawn tiġi l-mistoqsija: ‘Imma kif dan il-passaġġ qed jgħidilna li t-talb ta’ Kristu biex Alla jsalvah mill-mewt ġie mismugħ jekk nafu li minkejja t-talb u s-suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ, huwa xorta għadda mill-mewt l-aktar kiefra?’ Tgħid dan xi żball? Le. Ir-rakkont  jgħid li Ġesù:

  • daħal fil-ġnien imtaqqal,
  • ruħu mnikkta għall-mewt,
  • talab lil ħbiebu biex jishru u jitolbu miegħu,
  • kellu biża’ tremenda minħabba dak li kien ser jgħaddi minnu għalina,
  • imma talab b’ħerqa dejjem iżjed lil Missieru li kellu s-setgħa jeħilsu u jbiegħed minnu l-kalċi tal-Passjoni,
  • hekk li għereq l-għaraq tad-demm (kundizzjoni li tiġri meta bniedem ikun fi stat ta’ biża’ u terrur kbir).

Imma mbagħad nafu wkoll li:

  • deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb,
  • mar iqajjem hu stess lid-dixxipli biex jgħidilhom li s-siegħa tiegħu kienet waslet: “reġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!” (Mattew 26:44,46)
  • Ġesù mar bil-kuraġġ kollu jaffaċċja lil dawk li kienu ġejjin biex jarrestawh. Insibu fi Ġwanni: “Mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” U hu qalilhom: “Jiena hu.” … “Lil min qegħdin tfittxu?” raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru,” (b’referenza għad-dixxipli) (Ġwanni 18:4-9)
  • issaporta t-tradiment ta’ Ġuda: “Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” (Luqa 22:47-48)
  • fejjaq il-widna ta’ Malku meta: “Xmun Pietru darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.” (Ġwanni 18:10) “Ġesù messlu widintu u fejjqu.” (Luqa 22:52)
  • u qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11)

Dan kollu jindika li minkejja li l-Missier xorta waħda riedu jgħaddi mill-Passjoni, imma TAH IL-QAWWA biex ikun jiflaħ jgħaddi minn dak kollu li kien fil-pjan li jgħaddi. L-istess kif għamel ma’ San Ġwann Stone meta dan kien fil-ħabs imbeżża’.

Fil-każ ta’ Ġesu’, il-qawwa li rċieva tidher fit-trasformazzjoni li seħħet fih waqt it-talb ħerqan li għamel lill-Missier. Fil-bidu daħal beżgħan imma wara li talab umbagħad qam, qajjem lid-dixxipli u mar jaffaċċja hu stess lil min kien ġej jarrestah. Kellimhom b’awtorita’ u talabhom biex ladarba riedu lilu, kellhom iħallu lid-dixxipli jmorru, fejjaq widnejn Malku u ċanfar lil Pietru bil-kliem: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” U nafu li din il-qawwa wasslitu biex iġorr is-salib, jissammar fuqu u ftit qabel ma’ jmut jgħid il-kelmiet: “Kollox mitmum!” L-istess fil-każ ta’ San Ġwann Stone. It-trasformazzjoni li seħħet waqt it-talb ħerqan tiegħu meta kien fil-ħabs, tidher fil-mod kif baqa’ sod fl-istqarrija tal-fidi tiegħu sal-aħħar tant li affronta l-martirju tiegħu b’kuraġġ kbir.

X’tista’ titgħallem minn dan? Titgħallem li forsi Alla ma jridx ineħħielek is-salib li qed titolbu jneħħilek. Forsi dan l-istess salib, se jkun għalik sors li bih int issir qaddis/a u ssalva wkoll erwieħ oħra. Min jaf li kieku minflok titolbu jneħħilek is-salib, titolbu biex jagħtik il-qawwa jew l-għerf, jew jgħallmek kif għandek iġġib ruħek f’ċerti sitwazzjonijiet? Ħaġa waħda hi ċerta, li min għandu qima vera lejn Alla u min jitlob b’ħerqa u b’perseveranza mill-qalb, dejjem ser jaqla’ mingħandu l-għajnuna kollha meħtieġa biex iwettaq ir-rieda tiegħu sal-aħħar.

  • U int x’inhi l-attitudni tat-talb tiegħek lejn Alla?
  • Tafda xejn li Hu dejjem ser jagħżel dak li hu l-aħjar għalik u għall-Knisja?
  • Tafdah li jagħtik dik l-għajnuna f’waqtha meta forsi l-biża’ tkun ser taħkmek?

Talba: Mulej, agħmel li xejn ma jbeżżagħni, għax kulma jiġri mhuwiex għajr ir-rieda tiegħek! Mulej, agħmel li ma jkolli l-ebda xewqa fija, għax l-akbar xewqa tiegħi hi r-rieda waħdanija tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, x’inhu importanti fil-ħajja, mhux ir-rieda tiegħek? Agħmel li xejn ma jħawwadni, għax ir-rieda tiegħek tinsab f’kollox. Agħmel li ma niftaħar b’xejn, għax kollox ġej mir-rieda tiegħek”. (Talba ta’ Chiara Lubich)

English Version: https://www.midwestaugustinians.org/st-john-stone/

Alternative Reading: http://augustinians.net/index.php?page=jstone_en

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Stone_(martyr)

Life of Saint John Stone: https://gloria.tv/video/ZMjR3k3pN3Hv3X6hGsg7cHCYi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Ottubru: San Anton Marija Claret

Verżjoni Vidjo: San Anton Marija Claret

“Il-perfezzjoni Nisranija tikkonsisti fi tliet affarijiet: titlob b’mod erojiku, taħdem b’mod erojiku, u tbati b’mod erojiku.” – San Anton Marija Claret

57808701SAN ANTON MARIJA CLARET
Isqof
1807 – 1870

Tagħrif: San Anton twieled f’Sallent, Spanja, fl-1807. Kien il-ħames wieħed minn ħdax-il wild. Missieru kellu fabbrika tal-insiġ, u Anton intefa’ jaħdem miegħu. Iżda beda jħoss li din ma kinetx il-vokazzjoni tiegħu. Xtaq isir saċerdot.

Fl-1835, ġie ordnat qassis meta kellu 28 sena. Sentejn wara nħatar Kappillan ta’ Sallent, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu għall-prietki, u xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Jgħidu li kien iżomm il-kuruna tar-rużarju dejjem f’idejh.

Ftit snin wara ġietu l-ħajra jsir missjunarju, u mar Ruma biex jingħaqad mal-kongregazzjoni tat-Tixrid tal-Fidi. Hemm għamel irtir għand il-Ġiżwiti u billi ħaseb li jekk ikun Ġiżwita jkun iktar faċli għalih li jmur il-missjoni, daħal magħhom. Iżda sentejn wara kellu jħalli minħabba saħħtu, u mar lura lejn Spanja.

Meta kellu 42 sena, fl-1849, flimkien ma’ ħames saċerdoti oħra ta bidu għal Kongregazzjoni ġdida. Ħadu l-isem ta’ ”Ulied Missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Marija,” iżda n-nies bdiet issibhom bħala l-laretjani.

San Anton sar l-ewwel Superjur tal-Ordni, iżda xahrejn biss wara ġie maħtur Arċisqof ta’ Santiago, f’Kuba.

F’Kuba ħadem bis-sħiħ biex itejjeb il-ħajja tan-nies tal-post speċjalment tal-ilsiera u biex jeqred il-konkubinaġġ. Dan qajjem l-għedewwa kontrih u bdew isiru attentati fuq ħajtu. Darba minnhom, ħelisha b’farrett kbir fuq wiċċu li baqa’ jidher ħajtu kollha. Ir-raġel li ried joqtlu nqabad, u ħeles mis-sentenza tal-mewt meta l-Arċisqof stess indaħal għalih.

Fl-1858, San Anton ġie msejjaħ biex jaħdem fi Spanja, u biex fl-istess waqt ikun il-Kappillan tar-Reġina Iżabella II.

Biċċa xogħol kbira li għamel kienet li waqqaf stamperija b’librerija Kattolika li bdiet tforni eluf ta’ kotba bi prezzijiet l-iktar baxxi biex isaħħaħ il-fidi tal-poplu Spanjol.

Fir-rivoluzzjoni Spanjola tal-1868, ir-Reġina Iżabella kellha taħrab lejn Pariġi. Il-Qaddis kellu jmur magħha.

Fl-1869, mar Ruma biex jgħin fit-tħejjija tal-Konċilju Vatikan I, u jieħu sehem fis-sezzjonijiet tiegħu.

Fil-Konċilju huwa kien difensur qawwi tal-Infallibiltà tal-Papa. F’waħda mis-sezzjonijiet ħassu ħażin, u minn dakinhar saħħtu baqgħet sejra lura.

Fl-1870, hu rritorna fi Franza fejn miet f’monasteru taċ-Ċisterċensi, qrib Norbonne, fl-24 ta’ Ottubru, 1870, fl-età ta’ 63 sena. Il-Papa Piju XII ikkanonizzah fis-7 ta’ Mejju tas-Sena Mqaddsa tal-1950.

ĦsiebClaret kien wieħed mill-akbar missjunarji taż-żminijiet kollha li ġab tiġdid spiritwali kbir fi Spanja, fil-Gżejjer Kanarji u f’Kuba fis-Seklu 19. Huwa jispikka bħala eżempju eċċellenti għaż-żelu missjunarju mħallat mal-intensità spiritwali ta’ mistiku. Essenzjalment huwa kien mistiku fl-azzjoni. Tajjeb li nagħmlu enfasi kif huwa kiseb dan l-ideal biex nuru kif aħna nistgħu nkunu kemm attivi, kif ukoll kontemplattivi fl-istess ħin. Kull Nisrani hu msejjaħ biex jevanġelizza. In-nisrani huwa RIKLAM GĦAL KRISTU. U int, x’tip ta’ riklam int?

1. Il-qalba ta’ kull ħidma fil-Parroċċa hi l-Evanġelizzazzjoni ħierġa mill-qalb ta’ min daq l-imħabba t’Alla u ma jistax iżommha għalih. Jekk int fost dawn, agħraf li l-aqwa għodda li tista’ tuża fix-xandir hi: INT INNIFSEK – ħsibijietek, kliemek u għemilek.

2. Dak li jidher fina quddiem in-nies, għandu jkun bħal dak li jidher minn blokka silġ li tkun qed tifflowtja fil-baħar. Il-maġġoranza tas-silġa li tinsab moħbija taħt l-ilma, għandu jkun il-ħajja moħbija tagħna ta’ talb, sagrifiċċji u karità ma taqta’ xejn. F’kelma waħda, għandna nkunu qed nirsistu bla heda biex nikbru fil-qdusija.

3. Għandna naħdmu bla heda u b’servizz ħiereġ minn qalb ferrieħa, (2 Korintin 9:7) imma wara li nkunu għamilna dan id-dmir, għandna nafdaw ir-riżultati f’idejn l-Imgħallem. L-uniku suċċess li dan s-Sid twajjeb ifittex hu li naħdmu bi mħabba u li nagħmlu dan b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu. (Mattew 22;37)

4. L-IMĦABBA li hi l-qofol ta’ kolloxĠesù ma kkmandaniex biex insolvu l-problemi tan-nies, imma biex inħobbuhom bħalma ħabbna Hu. (Ġwanni 13:34) Dan ifisser li rridu nagħtu ħajjitna għan-nies, billi nagħtuhom l-aqwa rigal – lilna nfusna, it-tbissima tagħna, il-ħin, l-attenzjoni, is-servizz eċċ… (Ġwanni 15:13) Aħna lilna nfusna biss għandna fil-kontroll tagħna, mela aħna riklam għal Kristu. M’għandix nistaqsi dwar x’inhu jagħmel l-isqof, il-kappillan, il-mexxejja tal-gruppi jew xi nies oħra, imma X’NISTA’ NAGĦMEL JIEN? Int tista’ tagħmel effett kbir anki jekk xi drabi tħossok waħdek, bħal meta wieħed jixgħel xemgħa f’post mudlam. Aħdem b’dak li għandek u offri kollox bi mħabba lill-Imgħallem u int ukoll bħal dak iż-żagħżugħ li offra l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, tara l-għeġubijiet li kapaċi jagħmel Alla bil-ftit li tkun tajtu int. (Ġwanni 6:9)

5. Qatt m’għandna nieqfu jew naqtgħu qalbna f’din il-ħidma. Jekk individwu jurina biċ-ċar li ma jridx jaf b’Alla u jitlobna biex ma nkellmuhx iżjed fuq dan is-suġġett, l-aħjar hu li ngħaddulu lil Alla b’mod aktar fin – billi nippruvaw inħobbuh kif iħobb Alla. Barmil ilma miftugħ fuqna jista’ biss ixarrabna għax hekk hi n-natura tal-istess ilma. Mela Alla jista’ biss iħobbna, għax in-natura tiegħu hi propju l-Imħabba. (1 Ġwanni 4:7-8) Mela meta nibqgħu nħobbu anki lil dawk li jirreżistuna, inkunu qed ngħaddulhom lil Alla nnifsu. Ħafna drabi, irridu ndewqu l-esperjenza ta’ Alla mħabba lin-nies, billi nħobbu f’isem Alla bla ma nsemmulhom lil Alla. Mhux hekk tagħmel omm ma’ wliedha meta dawn jirrifjutaw xi ikel sustanzjuż u ta’ ġid għalihom – mhux tinkludih f’riċetti oħra? Eżempju l-bajd minflok isservih mgħolli, taħbih fit-taħlita tal-kejk u x’aktarx li lit-tfal jogħġobhom u ma joġġezjonaw xejn. Lanqas hemm bżonn għall-omm li togħqod issemmilhom li fil-kejk tefgħet l-istess bajd li għalih kienu qalulha: ‘Jaqq, ma rridx!’

6. Fl-aħħar nett, il-ferħ li għandu jimla l-qalb ta’ kull ħaddiem, hu propju l-kliem li jgħid Sidna Ġesù lid-dixxipli meta marru ferħana jirrakkuntawlu minn xiex kienu għaddew meta kien bagħathom ixandru l-bxara t-tajba: “Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.” (Luqa 10:20) Hawn il-kelma ‘smewwiet’ hi b’referenza għal Alla nnifsu li jgħammar fis-smewwiet. Mela, isimna huma miktub f’Alla, minqux fil-Qalb tiegħu. Hu għad iħallasna għal mitt darba iżjed u jagħtina dak li ħaqqna f’ħajja eterna. (Mark 10:29-30) Ħsibijietna, kliemna u għemilna se jkunu mbagħad ta’ xhieda sabiħa għalina quddiem is-Sid li se jgħid fil-preżenza ta’ kulħadd li aħna ma stħajniex nistqarruh bla biża’ quddiem il-bnedmin. (Mattew 10:32)

Talba: O Alla, int qawwejt lill-isqof San Anton Marija Claret bi mħabba u sabar bla tarf biex ixandar il-Bxara t-tajba lill-popli; bit-talb tiegħu, agħtina li nfittxu biss dak li huwa tiegħek, u li nagħtu ruħna bil-ħeġġa kollha ħalli nirbħu aħwa oħra fi Kristu Ġesu’ Sidna, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://olrl.org/lives/claret.shtml

Alternative Reading: http://www.shrineofstjude.org/site/PageServer?pagename=ssj_living_hope_anthony_claret&s_locale=es_US&AddInterest=1046&RemoveInterest=1047

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_Mary_Claret

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

23 ta’ Ottubru: San Ġwann ta’ Capestrano

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Capestrano

“Dawk li huma msejħa biex jieklu mill-mejda tal-Mulej għandhom jiddu bid-dija li tiġi mill-eżempju tajjeb ta’ ħajja li jixraqielha t-tifħir u bla nuqqas.” – San Ġwann ta’ Capestrano

sod-1023-saintjohnofcapistrano-790x480.jpgSAN ĠWANN TA’ CAPESTRANO
Saċerdot
1386 – 1456

Tagħrif: San Ġwann twieled f’familja prominenti, f’Capestrano, l-Italja, fl-1386. Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru, u rabbietu ommu waħidha. Studja l-Liġi, laħaq avukat, u beda l-karriera tiegħu mal-Gvern.

Fl-1412, meta kellu 26 sena, inħatar Gvernatur ta’ Perugia. Kien amministratur kapaċi u fl-istess ħin onest. Fl-1416, qamet gwerra bejn Perugia u Malatesta. San Ġwann mar biex jagħmilha ta’ ambaxxatur tal-paċi, iżda tal-Malatesta xeħtuh il-ħabs.

Meta kien priġunier għaraf kemm ma kienu jiswew xejn quddiem Alla, is-setgħa, l-unuri u l-ġid tad-dinja. Hekk kif inħeles, fl-istess sena li fiha kien waqa’ priġunier, daħal mal-Patrijiet Franġiskani. Fl-1425, ordna saċerdot.

Fl-Ordni ltaqa’ ma’ San Bernardinu ta’ Siena, sar ħabib tiegħu ħafna, bħalu sar predikatur kbir u xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Ġera bla serħan mal-Ewropa kollha biex isaħħaħ lill-popli fil-ħajja Nisranija u jeħodha mal-eretiċi.

Fl-1439, San Ġwann mar Milan biex jaħdem kontra x-xiżma li nħolqot mill-antipapa Feliċ V. Mis-sena 1439, ’il quddiem, erba’ Papiet wara xulxin bagħtuh bħala Legat tagħhom fil-Palestina, fil-Polonja, fi Franza (fejn iltaqa’ ma’ Santa Collette u ħeġġiġha biex tkompli tifforma lis-Sorijiet Klarissi), fl-Awstrija u fil-Bohemia (fejn irnexxielu jġib ħafna eretiċi lura fil-Fidi).

Biċċa xogħol kbira li għamel f’ħajtu, kienet li wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn il-Musulmani fl-1453, imħeġġeġ mill-Papa Kallistu III, organizza Kruċjata biex iwaqqaf l-avvanz tal-armata Musulmana taħt Mohammed II. Hu stess ħa sehem fiha, għamel standard kbir bl-Isem ta’ Ġesù miktub fuqu, u kien ta’ kuraġġ kbir u għen ħafna biex l-Insara jirbħu l-battalja ta’ Belgrad, fl-1456.

Tliet xhur wara, San Ġwann miet f’Villach, Awstrija, fit-23 ta’ Ottubru 1456, fl-età ta’ 70 sena, u kien ikkanonizzat fl-1724. Il-laqam li ngħatalu huwa dak ta’ “suldat qaddis” u huwa awtur ta’ bosta opri kontra l-ereżiji ta’ żmienu. Huwa wkoll il-patrun tal-kappillani militari u ta’ dawk li jaħdmu fil-liġi.

Ħsieb: Fuq il-qabar ta’ dan il-qaddis fil-belt Awstrijaka ta’ Villach, il-gvernatur kiteb dan il-messaġġ:

“Dan il-qabar iżżomm lil Ġwanni, imwieled Capistrano, raġel li jistħoqqlu t-tifħir, difensur u promotur tal-fidi, gwardjan tal-Knisja, protettur ferventi tal-Ordni tiegħu, ornament għad-dinja kollha, li kien iħobb il-Verità u l-Ġustizzja reliġjuża, mera tal-ħajja, gwida żgura fid-duttrina; imfaħħar minn numru bla qies ta’ ilsna, issa hieni jsaltan fis-sema.” 

Immaġinak tgħix f’pajjiż fejn il-pesta u l-gwerer ċivili qerdu l-popolazzjoni u komplew jheddu l-għajxien ta’ ħafna għal perjodu ta’ żmien. Żmien fejn kienet teżisti konfużjoni fil-Knisja b’żewġ u xi kultant bi tliet irġiel jgħidu li huma l-Papa. Fl-aħħar nett, ippretendi li għandek ir-responsabbiltà ta’ ordni reliġjuża maqsuma b’ħafna kampijiet opposti. Dawn iċ-ċirkostanzi xejn sbieħ u ta’ niket jipprovdu sfond għall-ħajja ta’ San Ġwann ta’ Capistrano u jagħtuna perspettiva dwar l-azzjonijiet tiegħu.

U llum fejn ninsabu? Fid-dinja? F’pajjiżna? Hemm raġuni għalfejn id-dinja tinsab f’kaos. Aktar ma nneħħu lil Alla mis-soċjetà, aktar ma nwarrbuh u nagħtuh il-ġenb, aktar joħroġ kaos. Hija r-riċetta għad-diżastru. Iswed, abjad, kannella, isfar, aħmar, vjola … ma jimpurtax liema kulur tal-ġilda għandek. Ġesù ma ġiex biex isalva r-razez imma l-erwieħ! Dinja li tibqax iżżomm għajnejha fuq Alla hi dinja mifxula fid-dlam. U sfortunatament, illum dan huwa evidenti ħafna. Imma San Ġwann ta’ Capistrano jurina li meta kollox jidher bla tama, irridu niftakru li hemm qawwa fl-Isem ta’ Ġesù.

  • Huwa ġabna lura f’għaqda ma’ Alla li kienet inkisret bid-dnub.
  • Huwa salva l-umanità kollha, u ħallas il-prezz tad-dejn tagħna darba għal dejjem.
  • Huwa waqqafna fuq saqajna fit-triq id-dejqa biex aħna nagħmlu opri tajba, fejn għandna nuru rispett lejn kulħadd.
  • Huwa salvana mill-iskjavitù tad-dnub fuq dak is-salib u bih ksibna l-veru ħelsien!

“Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla” (1 Korintin 1:18).

Meta Ġesù xerred għalina demmu fuq is-salib, ġabilna l-libertà, il-maħfra, is-salvazzjoni u l-ħajja eterna … jekk irridu biss “ikollna l-fidi u nemmnu.” Il-qawwa tal-Isem ta’ Ġesù ma spiċċatx mas-salib imma ħarġet rebbieħa fis-salib! Ġesù jfittex in-nagħaġ mitlufa, qalb il-midinbin. Huwa lest li jqajjimna mill-mewt spiritwali tagħna, lilna lkoll, li forsi ninsabu mejta fi dnubietna.

M’hemm l-ebda tama għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla mingħajr il-maħfra tad-dnubiet u mingħajr ma’ wieħed jirrikorri għas-Sagrament tal-Qrar fejn fih u permezz tiegħu, id-Demm u l-Isem ta’ Ġesù jħolluna minn dnubietna. Għalhekk jista’ jkunu li għalik li qed taqra, wasal iż-żmien li inti tieħu deċiżjoni u ma tibqax titratjeni jew tipposponi. Għada jista’ jkun tard wisq. Tibqax lura milli tisma’ u twieġeb għas-sejħa li jista’ jkun qed jagħmillek Alla fil-qalb tiegħek f’dan il-mument.

  • Tkellem ma’ Alla,
  • għidlu fi kliemek li inti lest għal ħajja ġdida fih,
  • itolbu jagħtik il-qawwa u l-għajnuna biex tassew jiddispjaċik minn dnubietek kollha, tindem minnhom,
  • biex jgħinek tipprepara ruħek għal qrara tajba,
  • biex jagħtik il-kuraġġ biex tmur u tagħmilha
  • u deċiżjoni soda li tibqa’ miexja warajh u tgħix ħajja li togħġbu.

Meta tkun ħallejt lill-Mulej inaddfek mid-dnub, imbagħad ersaq irċevieH fit-Tqarbin imqaddes biex Hu nnifsu ġewwa fik, ikun jista’ jimliek bi mħabbtu li tgħaxxaq u jqawwik. San Ġwann ta’ Capestrano jwissi: “Dawk li huma msejħa biex jieklu mill-mejda tal-Mulej għandhom jiddu bid-dija li tiġi mill-eżempju tajjeb ta’ ħajja li jixraqilha t-tifħir u bla nuqqas.” Imbagħad, wara dan, il-Mulej li wegħedna Paċi li d-dinja ma tistax tagħtina,

  • ifawrek bil-Paċi tiegħu,
  • jimlielek qalbek bil-Ferħ
  • u f’ruħek jagħtik il-Grazzji li għandek bżonn biex ma tħarisx iżjed lura imma biss ‘il quddiem u tħallih imexxik id f’id fit-toroq tiegħu filwaqt li Tafdah li Hu kapaċi jieħu ħsiebek f’kollox tul il-vjaġġ tiegħek f’din id-dinja mudlama.

U meta tiltaqa’ mal-hemm u l-għawġ tal-ħajja, ħa jkollok dak l-ottimiżmu Nisrani qawwi li jitnissel minn fidi soda f’Ġesù Kristu Sidna, bħalma kellu San Ġwann ta’ Capestrano.

Talba: O Alla, int bgħatt lil San Ġwann ta’ Capestrano biex iqawwi lill-poplu fidil tiegħek fi żminijiet ta’ biża’ u dwejjaq; żommna sħaħ taħt il-ħarsien tiegħek, u mexxi dejjem il-Knisja tiegħek fis-sliem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-of-capistrano-633

Alternative Reading: https://www.roman-catholic-saints.com/saint-john-of-capistrano.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_Capistrano

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

22 ta’ Ottubru: San Ġwanni Pawlu II

Verżjoni Vidjo: San Ġwanni Pawlu II

“Tibżgħux tiftħu qalbkom beraħ għal Kristu!” – San Ġwanni Pawlu II

st_andre_John-paul_IISAN ĠWANNI PAWLU II
Papa
1920 – 2005

Tagħrif: Karol Jozef Wojtyla twieled Wadowice, il-Polonja fit-18 ta’ Mejju, 1920. Kien l-iżgħar minn tlett itfal. Ommu Emilja mietet meta kellu 8 snin, waqt li kienet qed twelled lil oħtu Olga, li mietet ukoll. Ħuh Edmund, li kien 14-il sena ikbar minnu, sar tabib, imma mbagħad miet bl-iskarlatina. Bħala tifel kien iħobb ħafna l-atletika, kien anke f’tim tal-futbol. Kien iħobb ukoll il-palk u kien jieħu sehem f’diversi reċti – speċjalment meta kien Krakow – ma’ grupp ta’ żgħażagħ oħra, il-biċċa l-kbira tagħhom Lhud.

Fl-1938, Karol u missieru telqu minn Wadowice għal Krakow. Hemm daħal fl-Università tal-post jistudja, il-lingwi fost suġġetti oħra. Tgħallem 12-il lingwa. Waqt dak iż-żmien kellu ta’ bilfors jieħu sehem f’taħriġ tal-armata. Fl-1939, il-Ġermanja invadiet lill-Polonja u ngħalqet l-Università. Bejn l-1940 u l-1944, Karol kellu jagħmel diversi xogħlijiet, fosthom fil-barrieri u f’fabbrika tal-kimiċi. Fl-1940, missieru miet b’attakk tal-qalb waqt li Karol kien xogħol, b’hekk hu safa’ waħdu, mingħajr ebda membru tal-familja, ta’ 20 sena.

Fl-1942, beda l-istudju tiegħu għas-saċerdozju fis-seminarju ta’ taħt l-art. Fis-17 ta’ Jannar 1945, il-Ġermaniżi ħarbu mill-belt ta’ Krakow u b’hekk is-seminaristi komplew l-istudji tagħhom fis-seminarju nofsu mġarraf. Kien ordnat saċerdot fl-1 ta’ Novembru, 1946. Kompla jistudja Ruma fejn ħa d-dottorat fit-Teoloġija. Id-dottorat fil-filosofija ħadu aktar tard fl-Università ta’ Krakow.

Fl-1948, reġa’ lura l-Polonja, jagħmel appostolat f’parroċċa qrib Krakow. Fl-1949, mar jgħallem fl-Università ta’ Krakow. Hawn beda jlaqqa’ grupp soċjo-reliġjuż, ta’ żgħażagħ, li kien popolari ħafna. Fit-13 ta’ Ottubru, 1964 kien ordnat arċisqof ta’ Krakow u fis-26 ta’ Ġunju 1967, kardinal. Bħala kardinal kien instrumentali biex issir l-Enċiklika Humanae Vitae.

F’Ottubru tal-1978, wara l-mewt tal-Papa Pawlu VI, imbagħad ta’ Ġwanni Pawlu I, li l-pontifikat tiegħu dam 33 ġurnata biss, Kardinal Karol Wojtyla kien elett Papa. Kellu 58 sena, u ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II. Kien inawgurat Papa fit-22 ta’ Ottubru. Poġġa l-ħidma tiegħu taħt il-patroċinju ta’ Ommna Marija Santissima ‘Totus Tuus.

Il-pontifikat tiegħu kien it-tieni l-iżjed twil fl-istorja tal-papiet. Għamel taqlib kbir. Żar 129 pajjiż. Ibbeatifika 1,340 persuna u kkanonizza 483 qaddis. Kiteb 14-il enċiklika. Ħadem ħafna għall-għaqda tal-knejjes. Kellu sehem kbir biex jinqered il-komuniżmu. Il-motto tiegħu kien s-sejħa universali għall-qdusija. “Tibżgħux tiftħu qalbkom beraħ għal Kristu,” kienet waħda mill-frażijiet popolari tiegħu. Waqqaf il-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ.

Fit-13 ta’ Mejju, 1981 ippruvaw jassasinaw lill-Papa Ġwanni Pawlu II fi pjazza San Pietru. Kif ġie konxju l-isptar mill-ewwel qal li kien għadu ħaj bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija ta’ Fatima. Bl-umiltà kollha mar iżur ‘l-assassin il-ħabs u tah il-maħfra. Fl-1995, Ġwanni Pawlu reġa’ kien fil-mira, din id-darba tal-Al-Qaeda, fil-Filippini.

Fl-2001, beda jsofri bil-marda tal-Parkinsons u minkejja t-tbatijiet tiegħu kompla jaqdi dmiru sal-aħħar. Miet fit-2 ta’ April, 2005. Fis-19 ta’ Diċembru, 2009 sar venerabbli u l-Papa suċċessur tiegħu, Benedittu XVI, ibbeatifikah fl-1 ta’ Mejju, 2011. Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Ħsieb: Fl-omelija tal-Beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Papa Benedittu XVI semma s-sofferenza u l-fidi qawwija u ġeneruża li hu dejjem wera, saħħa ta’ ġgant li kienet ġejja minn Alla sabiex biddel soċjetà, kulturi kif ukoll sistemi politiċi u ekonomiċi. Semma kif sitt snin qabel, malli tħabbret il-mewt tiegħu, diġà kienu bdew is-sejħiet għall-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u qal li dan il-jum fl-aħħar wasal. Semma lill-Verġni Marija li Ġwanni Pawlu dejjem afda lilu nnifsu għal kollox f’idejha, u din kienet raġuni oħra għaliex intgħażel l-ewwel Ħadd tax-xahar Marjan barra għax il-Ħadd tal-Ħniena Divina. Il-miraklu li wassal għall-kanonizzazzjoni tiegħu kien dak ta’ Floribeth Mora, mara mill-Kosta Rika li fieqet minn anewriżma ċelebrali bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II ftit wara l-beatifikazzjoni tiegħu. Dan kien approvat fit-2 ta’ Lulju, 2013 u kkonfermat minn Papa Franġisku jumejn wara.

Dan huwa diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-ewwel żjara tiegħu f’Malta fl-Udjenza tal-Erbgħa, 30 ta’ Mejju, 1990:

“Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha iffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differenti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar Mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.

Filwaqt li kont qed nerġa’ lura lejn Ruma, bqajt inħoss profondament l-impressjonijiet li ħadt waqt iż-żjara; fuq ix-xtut ta’ dik il-gżira kien niżel San Pawl; hemmhekk kien inkiteb kapitlu importanti tal-istorja tal-Knisja, li f’Jum l-Għid il-Ħamsin wriet ruħha lid-dinja kollha bħala l-Poplu ta’ Alla, imwieled mis-Salib u mill-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, u li qiegħed jimxi t-triqat ta’ din l-art fil-qawwa tal-Ispirtu.”

U din hija silta mid-diskors tal-aħħar messaġġ tat-tluq fl-Ajruport, (9 ta’ Mejju, 2001) ta’ Ġwanni Pawlu II qabel ħalla Malta fit-tieni żjara tiegħu:

“Malta qiegħda fiċ-ċentru tal-Mediterran. Għalhekk intkom għandkom vokazzjoni unika biex tibnu pontijiet bejn l-popli tal-Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq it-tisħiħ tad-djalogu u ftehim bejn kulturi u reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjoni tagħkom ta’ ospitalità, u komplu fl-impenn tagħkom nazzjonali u internazzjonali fl-interess tal-ħelsien, ġustizzja u paċi.

…. Jiena xtaqt li nħeġġeġ lil dawk li kollha ta’ rieda tajba biex jiddefendu l-ħajja, biex jġibu ‘l quddiem ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, biex iħarsu l-familja minn tant theddid tallum, biex jgħinu lill-foqra u l-isfruttati tad-dinja, u biex jaħdmu għall-ordni internazzjonali mibni fuq ir-rispett għall-liġi u fuq is-solidarjetà  ma’ dawk inqas ixxurtjati. Dan huwa wkoll ix-xogħol u l-ideal li nħallilkom, maħbub poplu ta’ Malta.

Fl-Atti tal-Appostli, San Luqa jikteb li l-Maltin “urew ġieħ kbir [lil San Pawl u sħabu], u meta [ġew] biex jitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma [kienu jeħtieġu]” (Atti 28:10). Spiritwalment jiena kelli din l-istess esperjenza u ser nitlaq infaħħar ‘l Alla f’qalbi għalikom ilkoll.”

Mhux li kien li nieħdu kliemu u tagħlimu bis-serjetà u napplikawh fil-ħajja tagħna, kieku aħna wkoll inbiddlu l-istorja tad-dinja kif għamel dan il-Papa kbir! San Ġwanni Pawlu II, itlob għalina, u b’mod speċjali għal Malta li ma tantx qed tagħti widen għat-twissijiet tiegħek!

Biex tkompli taqra d-diskorsi li għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta fl-1990 u fl-2001, agħfas fuq din il-link: http://www.laikos.org/JPii_list.htm

Biex tkompli taqra l-wirt għani li ħallilna dan il-Papa kbir u qaddis, agħfas fuq din il-link: http://www.laikos.org/Gwanni_Pawlu_II_mt.htm

Talba: Talba tal-Papa San Ġwanni Pawlu II quddiem l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, nhar it-8 ta’ Diċembru 2004, f’għeluq il-150 sena tad-Domma:

Verġni Immakulata! Għal darb’oħra ninsabu hawn biex nagħtuk qima f’riġlejn din il-kolonna minn fejn int tħares bi mħabba lill-belt ta’ Ruma u lid-dinja kollha minn mindu, 150 sena ilu l-beatu Pio IX pproklama bħala verità ta’ fidi Kattolika, il-ħarsien tiegħek minn kull tebgħa tad-dnub, minn qabel il-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek Ġesù Kristu.

Verġni Immakulata! Is-sbuħija spiritwali bla mittiefsa tiegħek hija għalina għajn ħajja ta’ fiduċja u ta’ tama. Meta għandna lilek bħala Omm, Verġni Qaddisa, bħala rahan tal-fidwa eterna, inħossuna żguri fil-mixi tal-ħajja. Għalhekk, o Marija, b’fiduċja lejk nirrikorru. Għinna biex nibnu dinja fejn il-ħajja tal-bniedem tkun dejjem maħbuba u mħarsa minn kull forma ta’ vjolenza, fejn kulħadd ifittex bil-qawwa kollha l-paċi.

Verġni Immakulata! F’din is-Sena tal-Ewkaristija agħtina li niċċelebraw u naduraw b’fidi mġedda u mħabba tħeġġeġ il-misteru qaddis tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Fl-iskola tiegħek, o Mara Ewkaristika, għallimna nagħmlu tifkira tal-opri tal-għaġeb li Alla ma jieqaf qatt iwettaq fil-qlub tal-bnedmin. Bi premura ta’ Omm, Verġni Marija, mexxi dejjem il-passi tagħna fit-triq tat-tajjeb. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-paul-ii/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-paul-ii/

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/Papa_%C4%A0wanni_Pawlu_II

Wikipedia bl-Ingliż: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_John_Paul_II

Movies of Saint John Paul II in English:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia u l-ħsieb mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Ottubru: Santa Ursula

Verżjoni Vidjo: Santa Ursula

“Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal‑aħħar, dan isalva”. – Ġesù  f’Mattew 10:22

st_ursula_foto_400SANTA URSULA
Verġni u Martri
975 – ?

Tagħrif: Santa Ursula kienet bint ta’ Re Kattoliku tas-Seklu 4 bl-isem ta’ Kristjan fil-Gran Brittanja. Hija kienet tifla sabiħa, intelliġenti, spuntanja u taf tmur man-nies. Ursula kienet tifla spiritwali u ta’ età bikrija kkonsagrat lili nnifisha lil Alla u ddeċidiet li tibqa’ verġni minħabba l-imħabba tagħha lejn Kristu.

F’dak iż-żmien, il-bniet żgħażagħ ma kinux jagħżlu huma stess l-irġiel li jkunu jixtiequ jiżżewġu, imma kienu l-ġenituri tagħhom li jagħżlu għalihom. Kien hemm re ta’ tribu qawwija, li talab lill-missier Ursula biex hi tiżżewweġ lil ibnu Ethereus. Il-re pagan bagħat ambaxxaturi lil missierha b’offerti ta’ somom kbar ta’ flus u wegħdiet oħra jekk dan iż-żwieġ iseħħ. Madankollu, żiedu theddid terribbli ta’ x’jista’ jiġri jekk iż-żwieġ ma jsirx. Missier Ursula ġie maħkum mill-biża’ għal tliet raġunijiet: kien jibża’ mir-reazzjoni vjolenti tar-re; kien jaf li x’aktarx Ursula ma kinitx ser taqbel ma’ dan iż-żwieġ; kemm hu kif ukoll Ursula kienu jippreferu żwieġ Kristjan.

Imma b’sorpriża kbira għal missierha, Ursula, ispirata minn Alla, qablet ma’ dan iż-żwieġ, iżda b’ċerti kundizzjonijiet biss.

  • Kellhom jitqegħdu għad-dispożizzjoni tagħha għaxar tfajliet.
  • Kull tfajla kellha tkun akkumpanjata minn elf tfajla oħra.
  • Ir-rejiet kellhom jipprovdu vapuri għall-vjaġġ.
  • Ursula kellha tingħata tliet snin biex tiddedika ruħha lil Alla.
  • Il-prinċep li kien se jsir żewġha kellu jingħata istruzzjonijiet biex imbagħad jitgħammed u jsir Kristjan.

Ursula fil-fatt ħasbet li l-proposti kienu se jiġu rtirati minħabba dawn il-kundizzjonijiet – iżda għall-kuntrarju, ir-re aċċetta t-talbiet ta’ Ursula u riedhom jiġu mwettqa minnufih.

Missier Ursula stieden ukoll grupp ta’ żgħażagħ biex jakkumpanjawha u ż-żgħażagħ bdew jaslu mid-direzzjonijiet kollha biex jingħaqdu magħha tul dan il-vjaġġ. Matul il-vjaġġ, Ursula kkonvertit il-bniet kollha għall-Kristjaneżmu u dawn  waslu f’Kolonja, il-Ġermanja. Hawnhekk anġlu deher lil Ursula u qalilha li hi u l-kumpanni kollha tagħha kienu se jirritornaw f’dan il-post u jirbħu l-kuruna tal-martirju.

Huma komplew il-vjaġġ tagħhom lejn Ruma u l-Papa Cyriacus kien kuntent li jarahom peress li huwa stess kien mill-Gran Brittanja u kien jaf lil ħafna mill-kumpanni li kienu qed jivjaġġaw ma’ Ursula. Dak il-lejl il-Papa rċieva messaġġ mingħand anġlu, li hu wkoll, flimkien ma’ Ursula u l-kumpanni tagħha, kien se jikseb il-kuruna tal-martirju. Ftit jiem wara, il-Papa talab biex jingħaqad mal-grupp ta’ Ursula. Huwa poġġa lil Papa ieħor minfloku bl-isem ta’ Ametos. Il-Papa Cyriacus, Ursula u l-kumpanni tagħha bdew ir-ritoron tagħhom lejn il-Kolonja.

Il-Huns kienu jibżgħu li l-Kristjaneżmu kien se jsir popolari u li ħafna nies isiru Kristjani. Huma ġabru armata u ppjanaw li joqtlu lil Ursula u lill-kumpanni tagħha meta dawn jaslu l-Kolonja.

Lura fil-Gran Brittanja, Etherius li issa sar re ngħata messaġġ minn anġlu li Ursula kienet għaddejja lejn il-Kolonja mal-Papa u mal-ħbieb tagħha u li għandu jmur malajr u jingħaqad magħhom. Huwa wkoll kien se jsir martri. Etherius telaq għall-Ġermanja u ltaqa’ ma’ Ursula u mal-kumpanni tagħha f’Kolonja.

Meta Ursula u l-kumpanni tagħha waslu f’Kolonja ltaqgħu mal-Huns li kienu biss interessati fin-nisa għall-pjaċir. Ursula u t-tfajliet kollha li kienu magħha rreżistew din il-vjolazzjoni. Ġulju, mexxej tal-Huns, ta struzzjonijiet lill-armata tiegħu biex joqtolhom kollha, inklużi Etherius u l-Papa Cyriacus. Ġulju ddeċieda li ma joqtolx lil Ursula għax hu ħaseb li kienet tant sabiħa li ried jiżżewwiġha. Ursula rrifjutat b’mod sod il-proposta tiegħu għax riedet iżżomm il-wegħda li kienet għamlet lil Alla biex tibqa’ verġni. Ġulju tant irrabja li waddbilha vleġġa, li laqtitha f’qalbha u qatlitha. U hekk Ursula u l-kumpanni tagħha ħadu l-martirju fil-Kolonja.

Angela Merici (ara Angela Merici) waqqfet l-Ursulini fl-1535 fl-Italja. Dak iż-żmien l-istorja ta’ Ursula kienet popolari ħafna u n-nies kollha kienu familjari magħha u kienu jitolbuha. Angela kienet qed tistieden nisa żgħażagħ biex jgħixu ħajja ta’ verġinità u biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor. Hija għażlet lil Ursula bħala mudell għaliha nnfisha u għall-kumpanni tagħha u hekk sal-lum baqgħu magħrufa bħala Ursulini.

Devozzjoni lejn Santa Ursula fil-gżejjer tagħna
Ta’ min jinnota li fil-gżejjer tagħna, id-devozzjoni lejn din il-Prinċipessa kienet fil-quċċata tagħha matul il-Medju Evu. Ħafna talbu lilha għall-protezzjoni matul il-gwerra, oħrajn għall-mewt fil-paċi. (Litaniae Ursulanae pro felici morte). Kienet meqjusa bħala l-qaddisa patruna tal-għalliema u n-negozjanti tad-drapp. Is-snin bejn is-sekli 12 u 15 raw it-twelid tal-kommunitajiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi taħt il-patrunanza tagħha.

Id-devozzjoni Maltija tmur lura għas-seklu 15. Kien hemm diversi knejjes u kappelli ddedikati lilha, inkluża waħda li nbniet fl-1467 minn Randino u Pawla Vella. Fl-1646, insibu kuntratt li jsemmi Ġnien ta’ Santa Ursula. Post ieħor iddedikat lil Santa Ursula huwa altar fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta.

L-Għawdxin, min-naħa l-oħra, iqisu lil Santa Ursula bħala ko-patrona tal-gżira ċkejkna tagħhom flimkien ma’ San Ġorġ. Id-devozzjoni tmur lura għall-1614. Il-ġurnata ddedikata lill-patruna ġiet ikkunsidrata bħala ġurnata ta’ festa. Id-devozzjoni Għawdxija tista’ tidher anki f’testmenti bħal dik ta’ Dianora Vella li talbet li tvalja tiġi mogħtija lill-altar tagħha. Saret ukoll purċissjoni ad unur tagħha f’azzjoni ta’ ħajr meta l-gżira ġiet meħlusa minn traġedji li setgħu ġew ikkawżati mit-terremot tal-1693. Fl-1698, il-kleru wiegħed li din il-purċissjoni kienet se tibqa’ ssir kull sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa diskors tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ursula 2016:

“Aħna u niċċelebraw il‑martri, bħalma qegħdin niċċelebraw illum lil Santa Ursula, ma niqfux nitolbu għad‑don tal‑qawwa, li jagħtik il‑ħeġġa u l‑għerf spiritwali li permezz tagħhom tagħżel it‑tajjeb u tevita l‑ħażin, anzi twarrbu.

Il‑Mulej jitkellem dwar il‑firda li jista’ jkun hemm saħansitra bejn il‑familji minħabba l‑Kelma tiegħu: ‘għad jerħukom f’idejn il‑qrati, jagħtukom is‑swat fis‑sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija.’ Għalkemm dan kollu jsir b’għan persekutorju, il‑Mulej jgħid: “biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il‑pagani” (Mattew 10:17‑18).

In‑Nisrani m’għandux jippretendi ħajja komda għax il‑Mulej ma wegħedniex ħajja komda u l‑esperjenza tad‑dixxipli qatt ma kienet hekk. Iva, wegħedna li minkejja l‑persekuzzjoni, minkejja li nħossuna li aħna limitati, li ħaddieħor jimxi f’karriera, fin‑negozju, fl‑għana, fil‑poter, u inti għax inti dixxiplu, le. L‑effett tax‑xhieda tiegħek mhix fil‑kontroll tiegħek, m’għandek l‑ebda dritt, lanqas mir‑rieda tiegħek, imma mill‑pjan ikbar u mill‑providenza ħafna ikbar tal‑Mulej. Din hija dejjem providenza ta’ ħniena, ta’ mħabba u għalhekk providenza ta’ libertà.

‘Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal‑aħħar, dan isalva’ (Mattew 10:22). Il‑Mulej jitlob minna l‑paċenzja tal‑perseveranza. Ħafna drabi t‑tentazzjoni tan‑Nisrani li jkun iġġieled u jirritorna d‑dar mimli feriti tat‑taqbida, hija li jaqta’ qalbu, ‘dan it‑taħbit kollu għalfejn?’ Il‑Mulej jitlobna l‑perseveranza li nżommu sħiħ sal‑aħħar. Is-salvazzjoni, għal min iżomm sħiħ sal‑aħħar, hija esperjenza li tibda minn din id‑dinja, mhix xi ħaġa utopika li ssibha ’l quddiem. Aħna ma nwiegħdux affarijiet li ma nkunux diġà bdejna ngħixuhom minn hawn. Min irid jemmen fil‑ġenna, jobdi lil Ġesù u jibda jkollu esperjenza tagħha minn hawn, u tgħiduli: ‘kif se tkun din? Il‑paċi fil‑qalb tiegħek’ Tgħidli: ‘imma jiena f’kompromess mal‑ħażen.’ Itlob maħfra, patti għal dnubietek u dik il‑paċi li tħoss meta tkun irrikonċiljat mal‑Mulej, hija l‑anti-camera tal‑esperjenza tal‑ġenna.

Fil‑każ ta’ Santa Ursula aħna qegħdin ukoll nirringrazzjaw lill‑Mulej għad‑don tal‑verġinità. Fit‑talba tal‑Knisja spiss jissemma d‑don tas‑safa. Is‑safa hija vokazzjoni għal kulħadd: għall‑miżżewġin u għal min mhux miżżewweġ. Hija r‑rispett fundamentali tal‑ġisem ta’ kull wieħed u waħda minna, kemm f’atteġġjament personali kif ukoll fl‑atteġġjament tal‑proxxmu, għax lill‑proxxmu aħna rridu nuruh l‑imħabba. Fiż‑żwieġ, ir‑raġel juri l‑imħabba lejn martu, u martu lejn żewġha, dik ukoll hija esperjenza ta’ safa għax is‑safa mhix li l‑lingwaġġ sesswali jieqaf imma li jkun approprjat ‑ kollox f’waqtu u f’ħinu. Iż‑żwieġ huwa mbierek, huwa safi.

Inħoss li din, hija s-sejħa li l-Mulej qed jagħmel lil kulħadd. Illum dan hu l‑għan tagħna, li nitolbu maħfra lill‑Mulej f’kull mument ta’ ħajjitna u hekk inkunu nistgħu nimitaw is‑safa tal‑martri. Mhux għax ma nitolbux, imma għaliex kull meta nitolbu, nirrealizaw li għandna bżonn nersqu lejn il‑maħfra li jagħti l‑Mulej. Irridu niċċelebraw is‑safa tal‑verġni li kienet safa indivisa: l‑imħabba ta’ Ġesù l‑għarus tagħhom, imħabba esklussiva. Ursula ħabbet lil Ġesù u fil‑proxxmu tagħha rat lilu.

Hija sejħa ta’ kull Nisrani għax is‑safa tal‑qalb mhix kwistjoni biss tas‑sitt kmandament imma fuq kollox hija tal‑ikbar kmandament: “ħobb lil Alla bil‑qalb tiegħek kollha, b’moħħok, bl‑ispirtu, bir‑ruħ tiegħek, u lil għajrek bħalek innifsek.” Is‑safa tal‑qalb hija li jiena f’ħija nara l‑ikona ta’ Ġesù, l‑immaġini tal‑Imgħallem, mhux xi ħadd li jiena nisfrutta, jew inkella ninqeda bih fl-aspett soċjali, f’kull aspett u f’kull livell. Dik hija s‑safa, is‑safa tal‑qalb li għandna bżonn nimitaw aħna u nagħtu unur lill‑martri verġni flimkien mad‑don tal‑qawwa. Il‑mewt tal‑martri hi meqjusa, għal min ma jemminx, bħall-qerda, kif naqraw fil-Ktieb tal-Għerf, “qishom sfaw fix-xejn għax twarrbu mid-dnub, iżda huma jinsabu fis‑sliem.” “Il‑martirju” kif iħobb jgħid il‑Papa Franġisku, “huwa karatteristika tal‑Knisja u tax‑xhieda tagħha.” Wara kollox il‑kelma ‘xhieda’ bil‑Grieg tfisser ‘martus.’ Il‑kelma martri tfisser xhud.

Aħna rridu nsellmu llum waqt li nfakkru lil Sant’Ursula, lil tant Insara li huma persegwitati mingħajr ma jinqatlu għax huma diskriminati, għax huma mhumiex vantaġġjati bħal ħaddieor, għax il‑metodi tagħhom huma antikwati, huma l‑martri tal‑lum. Niftakru wkoll f’dawk minn sħabna Kattoliċi u Nsara li qegħdin jinqatlu għall‑Isem ta’ Ġesù, mhux il-bieraħ, imma llum stess. Insellmu lil dawn ħutna li ġew insejħa għal din l‑għotja totali bħal dak is‑saċerdot Franċiż li spiċċa b’għonqu mħanxar għarrkubbtejh quddiem l‑artal. Dawn huma ġrajjiet tal‑lum, mhux tal‑bieraħ!

Aħna u niċċelebraw il‑martri tal‑bieraħ, niftakru fil‑martri tal‑lum mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex nagħmlu kuraġġ għaliex il‑kelma tal‑appostlu Missierna tibqa’ vera u mhix marbuta. “Jekk Alla huwa magħna. min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rumani 8:31). “La ż‑żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la s‑setgħat, la l‑għoli u lanqas il‑fond, u l‑ebda ħlieqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill‑imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù” (Rumani 8:38‑39).”

  • Inti qed tgħixha s-safa li l-Mulej jixtieq jara fik?
  • Tħobb kif iħobb Kristu?
  • Kif qed taġixxi meta tiltaqa’ mal-iebes u l-kuntrarju propju għax qed tipprova tgħix ta’ nisrani/ja?
  • X’jiswa għalik, li tagħmel dak li taf li jogħġob lil Alla jew li ma tagħmilx dak li taf li ma jogħġbux, jew li tagħmel dak li jaħsbu l-bnedmin ta’ bla fidi?

Talba: O Alla, li tajt il-grazzja lil dawn il-verġni kkonsagrati lilek, tal-kuraġġ biex jiffaċċjaw, flimkien ma’ Ursula bħala l-mexxej tagħhom, ġlieda mill-isbaħ li permezz tagħha, bil-palma tal-martirju, huma laħqu l-glorja tas-sema fejn illum jikkontemplawk, agħmel li bit-talb tagħhom għalina aħna wkoll naslu biex nitgħaxxqu bil-glorja tiegħek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/st-ursula-and-her-11000-companions/

Alternative Reading: http://osueast.org/st-ursulas-feast-day-october-21st/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ursula

.