2 ta’ Ottubru: L-Anġli Kustodji Mqaddsa

Verżjoni Vidjo: L-Anġli Kustodji Mqaddsa

“L-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.” Salm 91:11-12

tumblr_n1m8u0q1b41rk4qt8o1_540L-ANĠLI KUSTODJI MQADDSA

Tagħrif: Il-Knisja tgħallimna li l-anġli kienu l-ewwel ħolqien ta’ Alla, kreaturi spiritwali, bi spirtu safi, bla ġisem, u ferm aktar superjuri mill-bnedmin fid-doni naturali.

Kemm l-Antik u kemm il-Ġdid Testment jagħtuna ħjiel li lil kull bniedem li jidħol f’din id-dinja, Alla jassenjalu anġlu kustodju biex jieħu ħsiebu.

“Hu jibgħatlek l-anġli tiegħu, u jħarsuk fi triqatek kollha” (Salm. 91:11).

Ġesù sejjaħ ħdejh tifel ċkejken u wissiena biex ma nagħtux eżempju ħażin liż-żgħar, għax l-anġli tagħhom jitolbu ħaqq minn Alla kontra min jiskandalizzahom (Mattew 18:10).

Imissna kuljum preċett nirringrazzjaw lill-Anġlu Kustodju tagħna, u nitolbuh ikompli jgħinna. M’għandniex nonqsu li nagħmlu hekk b’mod speċjali llum.

L-arti nisranija, pittura u skultura, tagħti lill-anġli:

  • sura ta’ bniedem, biex turina li huma jieħdu ħsieb il-magħżulin (Lhud 1: 4);
  • ġwienaħ, biex bihom iħarsuna mill-perikli (Salm 90: 11);
  • inċensier, skont il-kliem tal-Apokalissi (8: 3-4);
  • iż-żgħożija, biex tfissrilna ż-żgħożija eterna tal-ġenna; u
  • libsa bajda, simbolu tas-safa.

L-ewwel approvazzjoni tal-festa tal-anġli kustodji, għal Spanja biss, saret mill-Papa Pawlu V, mitlub minn Ferdinandu tal-Awstrija, għamel festa obbligatorja għall-imperu kollu u libera għal barra mill-imperu (1608).

Fl-aħħar, il-Papa Klement X estenda l-festa bħala obbligu għad-dinja kollha u iffissaha għall-ewwel jum liberu wara l-festa ta’ San Mikiel, li jaħbat illum. Ljun XIII għolla l-festa billi għamilha “doppju maġġuri.”

It-talba magħrufa tal-“Angele Dei qui custos es mei,”  x’aktarx ġejja minn Reginald ta’ Canterbury, li għex fis-seklu tnax.

Ħsieb: “L-eżistenza ta’ ħlejjaq spiritwali, mingħajr ġisem li l-Iskrittura Mqaddsa s-soltu ssejjaħ anġli, hi Verità tal-fidi. Ix-xhieda tal-Iskrittura hi ċara daqs kemm hi unanimi t-tradizzjoni.” Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Dan li ġej huwa qari mid-diskorsi ta’ San Bernard, abbati:

L-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha.” (Salm 91:11-12) Kelma bħal din kemm għandha tnissillek rispett, tħeġġek bl-imħabba u timliek bil-fiduċja!

  • Bir-rispett, għax dawn l-anġli dejjem issibhom maġenbek;
  • bl-imħabba, għax iridulek il-ġid;
  • bil-fiduċja, għax iħarsuk tajjeb.

Huma qegħdin hawn, qegħdin hawn għalik, mhux biss miegħek iżda wkoll minħabba fik. Qegħdin hawn għall-ħarsien tiegħek, qegħdin hawn għall-ġid tiegħek. Tassew li kien Alla li ordnalhom biex jagħmlu dan, iżda huma obdewh bi mħabba kbira u ġew jieqfu magħna fi ħtiġietna, u għalhekk ma nistgħux ma nkunux nafuhulhom.

Inħobbuhom, mela, u nuruhom qalbna lil dawn l-għassiesa kbar tagħna. Inroddulhom imħabba bi mħabba, u nagħtuhom il-ġieħ kollu li nistgħu u li jmissna nagħtuhom. Iżda l-imħabba kollha tagħna u l-ġieħ għandna nrodduhom lil Alla, għax huwa Alla li, sew lilhom sew lilna, jagħtina l-ħila kollha biex nistgħu nħobbu, u biex jistħoqqilna ninħabbu.

Għalkemm għadna qisna tfal, għalkemm għad għandna quddiemna triq twila, u mhux biss twila imma wkoll imwiegħra ħafna, b’danakollu x’għandna x’nibżgħu taħt għassiesa bħal dawn? La ħadd jista’ jegħlibhom u lanqas iqarraq bihom, u wisq inqas jistgħu jqarrqu bina dawn li jħarsuna fi triqatna kollha. Huma fidili, bil-għaqal, qawwija: xi rridu nibżgħu?  Mela ejjew nimxu warajhom u ningħaqdu magħhom, u żgur ngħammru għad-dell ta’ dak li jista’ kollox.”

  • Inti tirringrazzjah lil Alla u lil anġlu tiegħek ta’ din l-għajnuna imprezzabli hekk li m’int ħa taffaċċja l-ebda ċirkostanza iebsa waħdek?
  • Tikkomunika miegħu b’mod speċjali bit-talba li probabbli tgħallimt fil-Katekiżmu meta kont żgħir/a?
  • Issejjaħlu f’mumenti fejn tħoss li qiegħed / qiegħda fil-periklu tal-ġisem u b’mod speċjali tar-ruħ?
  • Tgħallem lil uliedek (jekk għandek) biex jitolbuh spiss ħalli jkunu mħarsa minn kull periklu?

Talba: Anġlu t’Alla, li fit-tjubija tiegħu, Alla tani biex tħarisni, dawwalli moħħi, ħarisni, żommni u mexxini f’dan il-jum. Ammen (Talba popolari lill-Anġlu Kustodju)

O Alla, bi providenza tal-għaġeb, int jogħġbok tibagħtilna l-anġli qaddisa tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li żżommna dejjem taħt il-ħarsien tagħhom, ħalli nissieħbu magħhom fl-hena tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/feasaint-of-the-guardian-angels/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-guardian-angels-612

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Holy_Guardian_Angel

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

1 ta’ Ottubru: Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

“Il-qdusija ma tikkonsistix f’din jew dik il-prattika, iżda f’dispożizzjoni tal-qalb li tagħmilna umli u ċkejknin f’dirgħajn Alla.” Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

TheresePaintingSANTA TEREŻA TAL-BAMBIN ĠESÙ
Verġni u Duttur tal-Knisja
1873 – 1897

Tagħrif: Marie-Francoise-Therese Martin twieldet fit-2 ta’ Jannar, 1873, f’Alencon, Franza. Kienet l-iżgħar fost disa’ aħwa, erbgħa minnhom mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra li kienu bniet, waħda wara l-oħra, daħlu sorijiet, tlieta minnhom, fosthom Tereża, mal-Karmelitani.

Missierha kellu daqxejn ta’ negozju tal-ġojjelli u ommha kienet taħdem il-bizzilla.

Meta kellha erba’ snin u nofs tilfet ‘l ommha u t-telfa tagħha ħassitha ħafna u baqgħet tħossha sew għal tmien snin, avolja waħda miz-zijiet tagħha u żewġ ħutha l-kbar kienu jieħdu ħsiebha ħafna. Wara l-mewt ta’ ommha, missierha ħa l-familja f’Lisieux.

Ta’ tlettax-il sena, Tereża bdiet tħoss ħerqa kbira li tmur għall-missjoni. Hija żiedet fil-ħin tat-talb u bdiet titħajjar tidħol mas-sorijiet Karmelitani f’Lisieux, fejn ħutha l-kbar Marija u Pawlina kienu ġa daħlu.

B’permess speċjali, Tereża daħlet mal-Karmelitani fid-9 ta’ April 1888, u pprofessat fit-8 ta’ Settembru 1890, ta’ 17-il sena.

Fit-tmien snin li ġew wara, jiġifieri sakemm mietet, hija għexet ħajja ta’ talb, u tagħmel id-doveri tagħha bl-ikbar fedeltà u mħabba. Qatt ma gemgmet, qatt ma lmintat, qatt ma kkritikat, qatt ma wżat kliem iebes. Kienet taf iżżomm is-skiet, kienet kapaċi ssofri, kienet taf iżżomm kalma, iżda din l-attitudni tagħha kienet tfawrilha qalbha bil-paċi u bil-ferħ.

Hija saret il-Majjistra tan-Novizzi fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha.

Mietet fit-30 ta’ Settembru 1897, bil-marda tat-tuberkulożi, meta kellha 24 sena u 9 xhur.

L-awtobijografija tagħha, “L-Istorja ta’ Ruħ” li hi kitbet b’ubbidjenza tal-konfessur, irrevelat lid-dinja s-sbuħija meraviljuża tal-ħajja interjuri li fil-kas tagħha lanqas is-sorijiet sħabha ma kienu ndunaw biha. Dan il-ktieb hu magħruf mad-dinja kollha u mfittex minn kull kategorija ta’ nies. Tajjeb li kull nisrani jaqrah għax żgur li jsibu ta’ ispirazzjoni kbira u ta’ għajnuna fil-vjaġġ spiritwali tiegħu kif sabuh miljuni ta’ nies.

Tereżina ġiet ikkanonizzata mill-Papa Piju XI, fis-17 ta’ Mejju 1925. Flimkien ma’ San Franġisk Saverju, hija l-Patruna tal-Missjonijiet. Hija wkoll Duttur tal-Knisja.

Ħsieb: Kliem Santa Tereża mill-Awtobiografija tagħha bl-isem The Story of a soul (li hemm link għalih aktar ‘l isfel ta’ din il-paġna):

“Ftaħt l-ittri ta’ San Pawl u bqajt naqra u ma qtajtx qalbi, u sibt faraġ f’dan il-kliem: ‘Intom tħeġġu għal doni akbar. Jiena nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.’ L-Appostlu jfisser kif id-doni akbar m’huma xejn mingħajr l-imħabba, u kif l-imħabba hija l-aħjar triq li twassal żgur għand Alla. U fl-aħħar sibt il-mistrieħ.

Fhimt li l-Knisja għandha qalb, u li din il-qalb hija mixgħula bl-imħabba. Fhimt li l-imħabba biss tħaddem il-membri tal-Knisja, u li jekk xi darba kellha tintefa’, l-Appostli ma kinux ixandru aktar l-Evanġelju, il-martri ma kinux aktar ixerrdu demmhom. Rajt u għaraft li l-imħabba tiġbor fiha s-sejħat kollha, li l-imħabba hija kollox u li tħaddan iż-żminijiet kollha u l-imkejjen kollha, f’kelma waħda, li l-imħabba ma tintemm qatt.

Imbagħad fit-telfa tal-ferħ kbir tiegħi għajjatt: ‘O Ġesù, Imħabba tiegħi, sibt fl-aħħar is-sejħa tiegħi: is-sejħa tiegħi hija l-imħabba. Iva, sibt posti fi ħdan il-Knisja, u dan il-post tajthuli int, o Alla tiegħi. Fil-qalb tal-Knisja, Omm tiegħi, jien għad inkun l-imħabba, u hekk għad inkun kollox, u f’dan għad isseħħ il-ħolma tiegħi.’

Il-ħajja ta’ Santa Tereża ma turi xejn straordinarju: la mirakli u lanqas penitenzi kbar. Dak li għaddiet minnu hi, ngħaddu minnu aħna wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm karatteristika waħda fejn l-għemil tagħna u l-għemil ta’ Suor Tereża mhux dejjem se jaqbel. Hi kienet kapaċi twettaq anke l-għemil l-aktar ordinarju b’manjiera straordinarja. Tgħiduli kif? Kien jirnexxielha tagħmel dan minħabba li kienet tpoġġi ħafna mħabba f’kull ħaġa, tagħmilha bil-ferħ u mhux bit-tqanżiħ u b’rabta sħiħa mar-rieda t’Alla. Mentri aħna, ġieli anke l-għemil ordinarju naraw tqil u naqbdu ngergru filwaqt li nagħmlu kollox b’nofs qalb.

Kull Nisrani, jinsab fejn jinsab u hu x’inhu l-istat tal-ħajja tiegħu, jista’ b’mod liberu jagħżel li jkun l-imħabba fil-qalba tal-Knisja, billi bħal Tereża, jagħmel kull ħaġa li għandu jagħmel bil-qalb kollha, jiġifieri bi mħabba kbira lejn Alla. Dan nistgħu nagħmluh permezz ta’ stil ta’ ħajja ta’ virtù, li tinkludi l-użu frekwenti tas-Sagramenti, ħajja ta’ talb personali u komunitarju, devozzjoni lejn il-Madonna u l-Ewkaristija, servizz lejn l-oħrajn b’mod speċjali dawk li huma l-aktar fil-bżonn u li nxandru l-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu bil-kliem u b’ħajja eżemplari kif ukoll b’mezzi oħra bħall-medja soċjali.

Din l-istil ta’ ħajja tirrikjedi:

  • sapport,
  • kuraġġ,
  • talb,
  • qsim ta’ esperjenzi, u
  • materjal validu ieħor.

Forsi għal min ma jafx, jeżisti grupp fuq Facebook li nħoloq propju għal dawn l-għanijiet. Infatti l-grupp iġib l-isem: ‘L-Imħabba fil-Qalba tal-Knisja Kattolika‘ – il-frażi meħuda mill-kitbiet ta’ Santa Tereża stess, minn fejn ħa l-ispirazzjoni tiegħu dan il-grupp. L-għan tiegħu hu li l-membri jkunu ta’ inkuraġġiment għal xulxin biex flimkien jgħixu s-sejħa li jħobbu lil kulħadd b’imħabba konkreta u fil-prattika fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù. Il-membri għandhom isibu dan kollu fil-grupp li fih ikun hemm posts ta’ interess kuljum li jgħinu biex aħna ninbnew u narrikkixxu l-ħajja Nisranija tagħna, flimkien ma reklamar Kattoliku bil-Malti ta’ attivitajiet li jkunu qed iseħħu madwar il-gżejjer tagħna, sabiex kulħadd ikun jista’ jattendi kif wieħed jara l-aħjar għalih jew għaliha. Wieħed jista’ jmur għal dan il-grupp u jingħaqad miegħu billi jagħfas JOIN minn din il-link li ġejja: https://www.facebook.com/groups/1682287322045953/

Talba: O Alla, int ħejjejt is-saltna tiegħek għal min hu umli u żgħir fost il-bnedmin; agħmel li, b’qalbna qawwija, nimxu dejjem fit-triq iċ-ċkejkna li wrietna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, biex, bit-talb tagħha niġu narawk fil-glorja tiegħek bla tmiem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF  jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.osv.com/OSVNewsweekly/Story/TabId/2672/ArtMID/13567/ArticleID/23004/Why-Is-St-Th%C3%A9r%C3%A8se-So-Popular.aspx

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-therese-of-child-jesus.html

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/Tere%C5%BCa_ta%27_Lisieux

Wikipedia bl-Ingliż: https://en.wikipedia.org/wiki/Th%C3%A9r%C3%A8se_of_Lisieux

Her autobiography The Story of a soul onlinehttps://www.ccel.org/ccel/therese/autobio.toc.html

 

Full Audiobook of St. Therese’s autobiography The Story of a Soul:

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.