13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

12 ta’ Awwissu: Beatu Innoċenz XI

Verżjoni Vidjo: Beatu Innoċenz XI

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih.” – Ġesù fi Ġwanni 6:56.

Innocent-XI-bBEATU INNOĊENZ XI
Papa
1611 – 1689

Tagħrif: Kien jismu Benedittu. Twieled f’Como fl-1611 u kien ġej mill-familja magħrufa Odescalchi. Wara li studja għand il-Ġiżwiti, minn mindu kellu 15-il sena, hu kien imħarreġ fil-bank tal-familja tiegħu f’Ġenova. Iżda wara sar avukat u sar magħruf għall-onestà, kuraġġ u mħabba kbira lejn il-foqra.

Wara li qabad il-karriera ekklesjastika, il-Papa Innoċenz X li kien iġibu ħafna minħabba l-kwalitajiet sbieħ fih għażlu kardinal meta kellu 33 sena, minkejja li kien għadu mhux saċerdot.

Ordna qassis u kien maħtur isqof ta’ Novara meta kellu 49 sena. Kien elett Papa fl-1676 meta kellu 65 sena. Qabel ma aċċetta li jkun Papa huwa talab li l-kardinali jiftehmu li jtemmu r-riforma tal-Konċilju ta’ Trentu, jiddefendu l-libertà tal-Knisja fil-kontroversja li kien hemm fil-Knisja ta’ Franza msejħa l-Gallikaniżmu u jipproteġu r-reliġjon Nisranija kontra t-Torok.

Il-Papa Innoċenz XI ikkundanna l-kwetiżmu ta’ Miguel de Molinos u ħeġġeġ għat-tqarbin spiss.

Dan il-Papa kkundanna 65 propożizzjoni laxki mxerrda minn xi moralisti. Hu ta direttiva lill-Ġeneral tal-Ġiżwiti biex iqanqal lill-universitajiet tal-ordni biex isostnu l-opinjonijiet l-aktar probabbli fit-teoloġija morali.

Il-Papa Innoċenz XI miet fit-12 ta’ Awwissu 1689, ta’ 78 sena, wara li kien ilu Papa 13-il sena. Papa Piju XII iddikjarah Beatu fl-1956.

Ħsieb: Innoċenz XI kien bniedem ta’ drawwiet sempliċi u ta’ natural ġeneruż, imma sod ħafna fil-ħidma tiegħu kontra l-ħażen u fejn jidħlu ambizzjonijiet jew stravaganzi ekklesjastiċi.

Meta miet dan il-Papa, il-poplu, speċjalment il-foqra li fih sabu veru missier, iffolla lejn il-kadavru tiegħu biex jagħtih l-aħħar tislima, u billi ħafna xtaqu jżommu xi biċċa mil-libsa tiegħu, kellha tiżdied il-gwardja miegħu mejjet.

Il-Papa Innoċenz XI tassew li ħeġġeġ għat-tqarbin ta’ spiss, anke ta’ kuljum, imma basta mhux biex wieħed jagħmel bħal ħaddieħor u basta wieħed joqgħod attent għat-tħejjija u l-qima lejn is-Sagrament. U aħna llum, kemm nagħtuh importanza lil dan is-Sagrament tat-Tqarbin? Kemm qed ninqdew bil-Qrar qabel nitqarbnu? Kemm qed ninbidlu f’Dak li nirċievu?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza li għamel dwar it-Tqarbin nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018, qal dan li ġej:

“Wasalna biex nitkellmu fuq it-Tqarbin, jiġifieri biex aħna ningħaqdu ma’ Ġesù. Qed nirreferi għat-tqarbin sagramentali: mhux it-tqarbin spiritwali, li int tista’ tagħmlu mid-dar tiegħek billi tgħid: ‘Ġesù, nixtieq nirċevik spiritwalment.’ Le, it-tqarbin sagramentali, bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitrejqu bi Kristu, li jagħtina lilu nnifsu kemm fil-Kelma u kemm fis-Sagrament tal-Altar, biex iwaħħadna miegħu. Dan jgħidu l-Mulej stess: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih’ (Ġwanni 6:56). Fil-fatt, il-ġest ta’ Ġesù li ta lid-dixxipli tiegħu Ġismu u Demmu fl-Aħħar Ċena, jissokta llum ukoll permezz tal-ministeru tas-saċerdot u tad-djaknu, ministri ordinarji tat-tqassim tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kalċi tas-salvazzjoni lill-aħwa.

Fil-Quddiesa, wara li jkun qasam il-Ħobż ikkonsagrat, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù, is-saċerdot jurih lill-fidili, u jistedinhom jieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika. Nafuhom il-kelmiet li jidwu minn fuq l-altar imqaddes: ‘Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja: henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.’ Imnebbħa minn silta mill-Apokalissi – ‘hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf’ (Apokalissi 19:9): jgħid ‘tieġ’ għax Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – b’din l-istedina qed isejħilna biex ngħixu l-għaqda intima tagħna ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ qdusija.

Hi stedina li thenni u fl-istess ħin twassalna għall-eżami tal-kuxjenza għad-dawl tal-fidi. Jekk minn naħa, fil-fatt, naraw id-distanza li hemm tifridna mill-qdusija ta’ Kristu, mill-oħra nemmnu li d-Demm tiegħu hu ‘mxerred għall-maħfra tad-dnubiet.’ Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura fil-Magħmudija, u lkoll kemm aħna maħfura u se niġu maħfura kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza. U tinsewx: Ġesù dejjem jaħfer. Ġesù ma jegħja qatt jaħfer. Aħna li negħjew nitolbu maħfra.

Meta jaħseb sewwasew fuq il-valur salfiviku ta’ dan id-Demm, Sant’Ambroġ jesklama: ‘Jien li dejjem nidneb, irrid dejjem nagħmel użu mill-mediċina’ (De sacramentis, 4, 28: PL 16, 446A). B’din l-istess fidi, aħna wkoll indawru ħarsitna fuq il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u nsejħulu: ‘Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi: imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.’ Dan ngħiduh f’kull Quddiesa.

Jekk aħna niċċaqilqu minn postna biex nersqu għat-Tqarbin, aħna nimxu lejn l-altar f’purċissjoni biex nitqarbnu, fir-realtà hu Kristu li jiġi jiltaqa’ magħna biex iwaħħadna miegħu. Hemm laqgħa ma’ Ġesù! Li nitrejqu bl-Ewkaristija jfisser li ninbidlu f’dak li nirċievu. Dan jgħinna nifhmuh Santu Wistin, meta jirrakkonta fuq id-dawl li rċieva meta sema’ lil Kristu jgħidlu: ‘Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tibda tiekol lili, mhux biex tibdel lili fik, bħall-ikel tal-ġisem, iżda biex int tinbidel fija’ (L-Istqarrijiet VII, 10, 16: PL 32, 742).

Kull darba li aħna nitqarbnu, insiru nixbhu iktar lil Ġesù, ninbidlu iżjed f’Ġesù. Kif il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hekk dawk li jirċevuhom bil-fidi jinbidlu f’Ewkaristija ħajja. Lis-saċerdot li, hu u jqarbnek, jgħidlek: ‘Il-Ġisem ta’ Kristu,’ int twieġbu: ‘Ammen,’ jiġifieri tagħraf il-grazzja u l-impenn li jitlob li ssir Ġisem ta’ Kristu. Għax meta int tirċievi l-Ewkaristija, int issir Ġisem ta’ Kristu. Kemm hi ħaġa sabiħa din; hi sabiħa ħafna. Waqt li jgħaqqadna ma’ Kristu, u jneżżagħna mill-egoiżmi tagħna, it-Tqarbin jiftħilna qalbna u jgħaqqadna ma’ dawk kollha li huma ħaġa waħda miegħu. Dan hu l-għaġeb kbir tat-Tqarbin: insiru dak li nirċievu!

Il-Knisja tixtieq tassew li anki l-fidili jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu b’ostji kkonsagrati fl-istess Quddiesa; u s-sinjal tal-mejda Ewkaristika joħroġ b’mod iżjed sħiħ jekk it-Tqarbin imqaddes isir biż-żewġ speċi, imqar jekk nafu li t-tagħlim Kattoliku jgħidilna li taħt speċi waħda nkunu diġà qed nirċievu lil Kristu sħiħ (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 85; 281-282). Skont il-prassi ekkleżjali, il-fidili normalment jersqu lejn l-Ewkaristija f’forma proċessjonali, kif semmejna, u jitqarbnu bilwieqfa b’devozzjoni, inkella għarkupptejhom, kif stabbilit mill-Konferenza Episkopali, u jirċievu dan is-sagrament fuq l-ilsien jew, fejn hu permess, fuq l-id, kif jippreferu (ara OGMR, 160-161). Wara t-Tqarbin, biex ngħożżu fil-qalb tagħna d-don li rċivejna, jista’ jgħinna s-skiet, it-talb fis-skiet. Ikun ta’ għajnuna kbira jekk intawlu xi ftit dan il-mument ta’ skiet, fejn noqogħdu nitkellmu ma’ Ġesù fil-qalb tagħna, kif ukoll jekk inkantaw xi salm jew innu ta’ tifħir (ara OGMR, 88) li jgħinna noqogħdu mal-Mulej.

Il-Liturġija tal-Ewkaristija tagħlaq bit-Talba wara t-Tqarbin. Fiha, f’isem kulħadd, is-saċerdot idur lejn Alla biex iroddlu ħajr li tana sehem miegħu fl-istess mejda u jitolbu li dak li rċivejna jibdel lil ħajjitna. L-Ewkaristija tagħtina s-saħħa biex nagħtu frott ta’ opri tajba ħalli ngħixu ta’ Nsara. Fiha tifsira qawwija t-talba tal-lum, li fiha nitolbu lill-Mulej li ‘l-misteri qaddisa li rċivejna jkunu għalina duwa tas-sema, biex ifejqu lill-qlub tagħna mill-ġibdiet ħżiena, u jwettquna u jħarsuna dejjem’ (Missal Ruman, l-Erbgħa wara l-V Ħadd tar-Randan). Ejjew nersqu lejn l-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jibdilna fih, isaħħaħna iżjed. Kemm hu twajjeb u kbir il-Mulej!”

  • U int, qed qed tħejji ruħek sew biex titqarben b’safa, devozzjoni u gratitudni?

Talba: Mulej, Inti tajtna fil-Beatu Papa Innoċenz XI missier ħanin li jieħu ħsieb il-merħla b’impenn u ġenerożità qaddisa, l-aktar lejn il-foqra, u b’karattru sod ħafna fejn kienet tidħol il-ħidma tiegħu kontra l-ħażen; agħtina li b’talbu aħna naħarbu kull okkażjoni ta’ ħażen u nissaħħu dejjem iżjed bl-Ikel tas-Sema fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-innocent-xi-330

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-pope-innocent-xi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Innocent_XI

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Lulju: Santa Alfonsa Muttathupadatu

Verżjoni Vidjo: Santa Alfonsa Muttathupadatu

“Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa.” – Santa Alfonsa Muttathupadatu

img2Santa Alfonsa Muttathupadatu
Reliġjuża
1910 – 1946

Tagħrif: Alfonsa, li qabel ma daħlet reliġjuża kien jisimha Anna, twieldet minn familja kattolika fl-Indja. Tilfet ’l ommha meta kellha biss tliet xhur u bdiet tieħu ħsiebha oħt ommha.

Sa minn ċkunitha kienet turi mogħdrija u mħabba kbira lejn il-foqra u l-batuti u xtaqet tiddedika ħajjitha għalihom. Imma zitha kellha pjanijiet oħra għaliha.

Meta kibret biżżejjed, għażlulha l-għarus u saru l-arranġamenti meħtieġa biex iżewġuha. Din il-ħaġa inkwetat ħafna lit-tfajla u ddeċidiet li tħarbat kollox. Ġieha f’rasha li ddaħħal sieqha fin-nar u ħarqitha tant li sfiguratha.

Ta’ 18-il sena (2 t’Awwissu, 1928) daħlet mas-Sorijiet Klarissi fejn tawha l-isem ta’ Alfonsa Marija. Kienet kważi mibgħuta ’l barra mill-kunvent għax kienet dejjem marida, iżda Alla riedha tibqa’ miġbura fejn kienet u malajr biddel il-fehma tas-superjuri.

Fis-sodda għal ħajjitha, imqabra b’uġigħ qawwi, kultant bil-malarja, ulċera f’riġlejha, emoraġija, eċċ., bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-mudell li għażlet hija stess, Alfonsa għexet kull mument ta’ ħajjitha bħal tifla żgħira, b’fiduċja u b’telqa ta’ mħabba fir-rieda ta’ Alla.

Santa Alfonsa Muttathupadatu ġieli talbet għal aktar sofferenzi. Tant hu hekk li meta darba semgħet li wieħed isqof kien marid, Alfonsa talbet lil Ġesù biex il-mard u d-deni tal-isqof jgħaddu fuqha għax, irraġunat, “Jiena ma nista’ nagħmel xejn iżjed ħlief insofri; għalhekk għandi nieħu fuqi dak id-deni wkoll.” U t-talba tagħha kienet mismugħa.

F’għajnejn xi nies, il-ħajja ta’ Alfonsa kienet moħlija u bla skop għax ma wettqet xejn speċjali. Kull ġurnata li tgħaddi kienet biss ġurnata ta’ sofferenzi bħall-oħrajn. U biex iżjed titnikket f’qalbha, Alfonsa kienet ħafna drabi mifhuma ħażin minn dawk stess li kienu jduru biha, anki minn wieħed predikatur tal-irtiri u saħansitra mill-istess superjuri tagħha.

Bla ma tgerger, waqt li żżomm kollox f’qalbha u ssofri kollox għal Ġesù, hija kienet propju tinfena rqiq irqiq. Kienet tgħid: “Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa.”

Swor Alfonsa Muttathupadatu mietet fit-28 ta’ Lulju, 1946, 13-il ġurnata qabel ma għalqet 36 sena. Sa minn wara mewtha, eluf kbar ta’ pellegrini minn kull naħa tal-Indja, insara, indus u oħrajn bdew iżuru l-qabar tagħha biex jitolbuha. Kienet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt vjaġġ appostoliku fl-Indja, fl-1986. Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XVI.

ĦsiebMinkejja li Alfonsa kienet kuntenta bis-sofferenzi, is-superjura pperswadietha titlob ukoll għall-fejqan, u Alfonsa, b’ubbidjenza, talbet permezz ta’ novena lir-ruħ tajba ta’ Fr. Elias Chavara. Fl-aħħar tan-novena, Fr. Chavara dehrilha u fejjaqha b’mod tassew mirakoluż. Dan is-saċerdot Indjan kellu jiġi bbeatifikat flimkien magħha.

Tassew, li bħall-foqra, il-morda dejjem magħna u aħna l-insara obbligati mhux biss li ma nħarsux lejhom bħala dawk li ‘ma jiswew għal xejn,’ imma li nagħmlu ħilitna kollha u anki nużaw kull mezz li nistgħu (fosthom is-Sagrament tal-Morda) biex inwassluhom għall-fejqan, jew għall-faraġ.

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 26 ta’ Frar, 2014 dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, qal dan li ġej:

“Il-lum nixtieq inkellimkom dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem. Fl-imgħoddi kien jissejjaħ ‘L-Aħħar Dilka,’ għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut. Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar ‘Dilka tal-Morda,’ dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-‘Samaritan it-tajjeb,’ fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35). Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan. Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid. Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda. L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja. Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż. Issa min hu dan tal-lukanda? Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.

Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skont is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament. Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan. Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ ‘l-fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: ‘Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi:’ ‘Le, għax iġib xorti ħażina, ma nċemplulu xejn,’ jew ‘għax imbagħad il-marid jitwerwer.’ Għaliex naħsbu hekk? Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral. U dan mhux minnu. Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda. Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: ‘Ejja agħtih id-dilka, u bierku.’

Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu. U din hi xi ħaġa tassew sabiħa! U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna.

Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU. Għandna din id-drawwa li nsejħu lis-saċerdot biex lill-morda tagħna – mhux qed ngħid morda bl-influwenza, ta’ tlitt ijiem, erbgħa, imma meta hemm marda gravi – u anki lill-anzjani tagħna, jiġi u jagħtihom dan is-sagrament, dan il-faraġ, din il-qawwa ta’ Ġesù biex jistgħu jibqgħu mexjin? Inwettquha!”

Talba: Għażiża Santa Alfonsa Muttathupadatu, li bi mħabba lejn Ġesù sofferenti u lejn l-umanità, aċċettajt is-sofferenzi kollha li għaddejt minnhom bi mħabba lejn is-Salvatur u f’għaqda miegħU, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna nfittxu l-fejqan, imma wkoll biex fl-aħħar nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2016/07/st-alphonsa.html

Alternative Reading: http://www.missionariesoftheworld.org/2012/07/saint-alphonsa-muttathupadathu.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Alphonsa

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Lulju: San Pambo

Verżjoni Vidjo: San Pambo

“Min ma jiżbaljax bil-kelma, dan hu bniedem perfett.” – Ġakbu 3:2.

pamboSAN PAMBO
Abbati
†ċ.393

Tagħrif: Qaddis ieħor li jfakkar il-Martiroloġju Ruman illum hu San Pambo, abbati tad-deżert ta’ Nitrija, fl-Eġittu. Hu wieħed mill-aktar magħrufa fost l-irħieb tad-deżert.

Hu kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, u kien magħruf l-aktar għas-silenzju tiegħu u għall-pariri siewja li kien jagħti u li ħafna minnhom baqgħu magħrufa fost l-għerf li ħareġ mill-patrijiet tad-deżert, fosthom il-preferita tiegħu: “Oqgħod attent li ma toffendi qatt lill-proxxmu tiegħek.

L-istorja tiegħu saret eżempju klassiku għall-vers li nsibu fl-ittra ta’ San Ġakbu: “Min ma jiżbaljax bil-kelma, dan hu bniedem perfett” (Ġakbu 3:2).

Sokrate, fil-ktieb tiegħu l-Istorja tal-Knisja jirrakkonta kif Pambo, billi kien ta’ bla skola, darba mar għand raħeb ieħor biex jgħallmu salm. Intagħżel is-salm 39. Meta Pambo sema’ l-ewwel vers tiegħu: “Jiena għidt: jiena nħares triqti biex ma nidnibx b’ ilsieni,” Pambo telaq bla ma stenna li jisma’ xi biċċa oħra, billi ħaseb li dak kien ikun biżżejjed għalih kieku kellu jipprattikah bil-verità. Xi sitt xhur wara, is-surmast tiegħu mar sabu u ċanfru kif hu ma reġax mar biex jitgħallem xi biċċa oħra mis-salm, iżda Pambo qallu li kien għadu jitħabat biex jipprattika sew fuq dak l-ewwel vers.

Ħafna żmien wara, meta kien mistoqsi kif kien sejjer fuq il-proġett tiegħu, wieġeb: “Ikolli ngħid li għadni bilkemm irnexxieli nasal fejn nixtieq matul dawn id-dsatax-il sena.”

Ħafna kienu jmorru għandu għall-pariri spiritwali, fosthom jissemmew Santa Melanja u l-famuż San Atanasju isqof.

San Pambo miet fis-sena ċ.393, fil-preżenza ta’ Santa Melanja.

Ħsieb: Dan il-qaddis tal-lum, ikompli jfakkarna kemm hu importanti kif nitkellmu. Ta’ min jieqaf jimmedita bis-serjetà dwar dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla dwar l-użu tal-ilsien f’Ġakbu 3:3-12:

“Aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu ma’ l-irjieħ qawwija, naqra ta’ tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier. Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa; u l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta’ ħażen fost il-membri ta’ ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern.”

Il-Papa Franġisku qal dan dwar it-theddida tat-tqasqis (It-Tnejn, 2 ta’ Settembru, 2013):

“L-ilsien, is-seksik, it-tqasqis huma armi li ta’ kuljum jheddu l-komunità umana, waqt li jiżirgħu għira, u regħba għall-poter. Bihom nistgħu naslu biex noqtlu bniedem. Għalhekk titkellem dwar il-paċi ifisser ukoll li taħseb dwar id-deni li huwa possibbli li jsir bl-ilsien.

Nieħu spunt mir-rakkont tar-ritorn ta’ Ġesù ġewwa Nażaret, hekk kif propost minn Luqa (4:16-30) f’wieħed mill-iktar episodji tal-Vanġelu ‘drammatiċi,’ li fih wieħed jistà jara kif inhi qalbna u kif ir-riħ jistà jdawwarha minn naħa għal oħra. Ġo Nażaret kulħadd kien qed jistenna lil Ġesù. Riedu jsibuh. U hu mar biex jiltaqà ma’ niesu. Għall-ewwel darba reġà lura lejn Pajjiżu. U huma kienu qegħdin jistennewh għaliex kienu semgħu dak kollu li kien għamel ġewwa Kafarnaum, il-mirakli. U meta tibda ċ-ċerimonja, kif kienet id-drawwa, jitolbu lill-mistieden biex jaqra l-ktieb. Ġesù hekk jagħmel u jaqra l-ktieb tal-Profeta Isaija, li ftit jew wisq kienet il-profezija dwaru u hekk ikkonkluda l-qari billi jgħidilhom ‘Illum qiegħda titwettaq din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu.’”

L-ewwel reazzjoni, kienet tassew sabiħa, ilkoll apprezzawh. Imma mbagħad fir-ruħ ta’ xi ħadd beda jinbet id-dudu tal-għira u beda jgħid: ‘‘Imma dan fejn studja? Dan mhux bin Ġużeppi? U aħna nafu r-razza u r-radika kollha. Imma f’liema università studja?’ U bdew jippretendu li jagħmlilhom miraklu: wara li jkunu emmnu biss. Huma riedu l-ispettaklu: ‘Agħmel miraklu u lkoll nemmnu fik.’ Imma Ġesù mhux xi artist.

Ġesù m’għamilx mirakli ġo Nazaret. Anzi saħaq fuq il-ftit fidi ta’ min talab l-‘ispettaklu.”’Dawn, irrabjaw tant, li qamu u mbuttaw lil Ġesù sa fuq il-muntanja sabiex jitfgħuh għal isfel u joqtluh. Dak li kien beda fuq ton ferrieħi hedded li jintemm b’delitt, il-qtil ta’ Ġesù minħabba l-għira.

Imma dan mhux biss episodju ta’ elfejn sena ilu. Dan iseħħ kuljum ġewwa qalbna, fil-komunitajiet tagħna kull darba li nilqgħu lil xi ħadd li fl-ewwel jum jitkellem sabiħ u mbagħad kull ma jmur jibda jnaqqas sakemm jasal għat-tqasqis hekk li donnu jrid ‘inittef’ lil dak li jkun. Dak li, f’komunità, jqasqas kontra ħuh jispiċċa biex ikun irid joqtlu. L-Appostlu Ġwanni fl-ewwel ittra, kapitlu 3, f’vers 15, jgħidilna dan: ‘dak li jobgħod f’qalbu lil ħuh huwa qattiel.’ Aħna mdorrijin bit-tqasqis u s-seksik u spiss nibdlu l-komunitajiet tagħna u wkoll il-familja tagħna f’infern, fejn timmanifesta ruħha din il-forma ta’ kriminalità li twassal għall-qtil tal-aħwa subien u bniet b’ilsienna.

Il-Bibbja tgħid li x-xitan daħal fid-dinja b’għira. Komunità, familja tinqered minn din l-għira li jgħallem ix-xitan fil-qalb u li jwassal biex wieħed jitkellem kontra l-ieħor. Nirreferi għal dak li qed iseħħ f’dawn il-jiem, sostna li hemm bżonn naħsbu wkoll dwar l-armi ta’ kuljum tagħna: ‘l-ilsien, is-seksik u t-tqasqis.’

Kif qed nibnu komunità? Sabiex ikun hemm il-paċi f’komunità, f’familja, f’pajjiż, fid-dinja, hemm bżonn li nibdew inkunu mal-Mulej. U fejn hemm il-Mulej mhemmx għira, mhemmx kriminalità, ma jkunx hemm ġelożija. Ikun hemm il-fratellanza. Nitolbu dan lill-Mulej: li qatt ma noqtlu lill-proxxmu b’ilsienna u nkunu mal-Mulej kif ilkoll għad inkunu fis-sema.”

  • U int, kemm qed tagħti importanza kif kien jagħmel San Pambo, ta’ dak li tgħid lill-proxxmu u fuq il-proxxmu?

Talba: O San Pambo, int tassew kont attent għall-kliem li kont tħalli joħroġ minn fommok u s-silenzju kont issibu ħafna aħjar minn xi kelma żejda li biha stajt tagħmel il-ħsara. Meta mbagħad rajt li kien floku, int użajt ilsienek biex tagħti xi parir siewi lil ħutek il-bnedmin. Itlob għalina minn fejn tinsab tithenna fis-sema biex nimxu fuq dawn l-eżempji sbieħ li ħallejtilna. Ammen.

English Version: http://catholicsaints.info/butlers-lives-of-the-saints-saint-pambo-of-nitria-abbot/

Alternative Reading: http://www.copticplace.com/Saints_E/Lives_of_Saints/Pambo.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pambo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Ġunju: Beata Mikelina ta’ Pesaro

Verżjoni Vidjo: Beata Mikelina ta’ Pesaro

“Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar tal-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom.” – Il-Papa Franġisku fl-Udjenza tat-18 ta’ Ġunju, 2016.

michelina_of_pesaro__federico_barocci__vatican_museum_.jpgBEATA MIKELINA TA’ PESARO
Penitenti
1300 – 1356

Tagħrif: Mikelina twieldet ġewwa Pesaro, belt qrib Loreto, l-Italja, fl-1300, minn familja sinjura, Matelli u ‘l quddiem, ta’ 12-il sena hija wkoll iżżewġet raġel sinjur, mill-familja ta’ Malatesta. Kienet ta’ natura ferriħija u jiġrilha x’jiġrilha tibqa’ dejjem bi tbissima, qisha mingħajr ebda problema.

Ta’ 20 sena tilfet lil żewġha u Mikelina sabet ruħha trid trabbi lil binha tarbija weħidha. Hija ppruvat tfittex il-kuntentizza fid-dinja u għalhekk ħajjitha saret mimlija b’ġiri ‘l hawn u ‘l hemm, ikliet, festini u tbaħrid.

Wara ftit żmien għaddejja f’din il-ħajja ta’ xalar indunat li kienet qed tabbanduna lil binha. Bdiet tinduna li kien jeħtiġilha toqgħod iżjed attenta kif tuża l-ħin u l-flus tagħha. Bdiet tħossha vojta minn ġewwa, u għalhekk iddeċidiet li tissetilja għall-ħajja ta’ adulta aktar responsabbli.

Mara qaddisa, Sirjana, li kienet lajka Franġiskana ndunat li Mikelina ma kinitx mara ħażina, kull ma kellha bżonn ftit direzzjoni spiritwali. Din offritilha l-ħbiberija tagħha u malajr saru ħbieb. Din il-mara qaddisa influwenzatha ħafna lil Mikelina. Hija saret mara responsabbli ħafna, tieħu ħsieb lil binha u l-darha u bdiet tqatta’ ħafna ħin fit-talb.

Fil-ħin liberu tagħha kienet tmur tgħin lill-foqra, romol u dawk fil-bżonn. Araha ddur bil-morda u l-anzjani, speċjalment dawk li ma kellhomx min idur bihom.

Wara ftit binha marad u miet u hekk iżjed iddedikat ħinha kollu għall-fqar. Biż-żmien hija wkoll daħlet lajka Franġiskana. Għall-ewwel, niesha, meta bdew jaraw li qed tagħti l-ilbiesi lussużi li kellha u l-ġojjelli, u tiekol ikel sempliċi, bdew jinkwetaw, iżda imbagħad ikkonvinċew ruħhom li Mikelina kienet saret ruħ qaddisa.

Hija baqgħet tgħix f’darha, f’Pesaro ħajjitha kollha, li ġiet fi tmiemha fid-19 ta’ Ġunju, fl-1356, meta Mikelina kellha 56 sena. Ftit qabel mietet marret pellegrinaġġ l-Art Imqaddsa u dawk li kienu magħha qalu li fuq il-kalvarju raw lil Mikelina f’estasi.

Wara mewtha, in-nies tal-belt, bħala rispett għall-memorja tagħha, iddeċidew li dejjem, fid-dar tagħha, iħallu xemgħa tixgħel. Seħħew bosta mirakli fuq qabarha. Ġiet ddikjarata Beata fl-1737. Fl-1950, id-dar tal-Beata Mikelina saret knisja.

Ħsieb: Fil-ħajja ta’ din il-qaddisa tal-lum, bħal fil-ħajja ta’ ħafna mill-qaddisin, naraw li kien hemm “konverżjoni” – bidla minn ħajja aljenata u mehdija fil-pjaċiri bla rażan tad-dinja għal waħda ta’ dawl, ta’ paċi vera fil-qalb u ta’ għaqda ma’ Alla li jrid iddewwaqna l-ħniena u l-imħabba tiegħu sa minn din id-dinja. Din il-“konverżjoni” ma jfissirx li hija faċli jew bla problemi u tbatija. Hija mixja li kull nisrani hu mistieden li jagħmel. Mixja li nistgħu ngħidu, toħdilna ħajjitna kollha.

Fil-Katekeżi tiegħu dwar il-Ħniena u l-Konverżjoni (18 ta’ Ġunju, 2016), il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“X’inhi l-konverżjoni? Hi preżenti tul il-Bibbja kollha, u b’mod partikulari fil-predikazzjoni tal-profeti, li kontinwament jistiednu lill-poplu ‘jerġa’ lura għand il-Mulej’ biex jitolbu maħfra u jibdel l-istil ta’ ħajtu. Li nikkonvertu, skont il-profeti, ifisser li nibdlu d-direzzjoni li nkunu mexjin ,fiha u nduru għal għand il-Mulej, bil-konvinzjoni li hu jħobbna u mħabbtu hi dejjem fidila. 

Ġesù għamel mill-konverżjoni l-ewwel kelma tal-predikazzjoni tiegħu: ‘Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba’ (Mark 1:15). Hu b’din it-taħbira li hu jidher quddiem il-poplu, isejjaħlu biex jilqa’ l-kelma tiegħu bħala l-aħħar kelma defenittiva li l-Missier ilissen lill-bnedmin (ara Mark 12:1-11). Meta nqabbluh mal-predikazzjoni tal-profeti, Ġesù jinsisti wisq aktar fuq id-dimensjoni interjuri tal-konverżjoni. Fil-fatt, fiha hemm il-persuna sħiħa involuta, b’qalbha u ruħha kollha, biex issir ħolqien ġdid, persuna ġdida. Tibdel il-qalb, u dak li jkun, jiġġedded.

Meta Ġesù jsejjaħ għall-indiema ma jridx jidher bħala mħallef tal-persuni, imma jagħmel dan billi jibda jkun qrib tagħhom, jaqsam fil-qagħda tagħhom ta’ bnedmin, u allura tat-triq, tad-dar, tal-mejda… Il-ħniena lejn dawk li kellhom bżonn jibdlu ħajjithom dehret fil-preżenza tiegħu kollha mħabba, biex kulħadd iħossu jagħmel parti mill-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni. Ġesù kien jipperswadi lin-nies bl-imħabba, u b’din l-imġiba tiegħu Ġesù kien imiss il-qiegħ nett tal-qalb tal-persuni u huma kienu jħossuhom miġbuda mill-imħabba ta’ Alla u ħerqana li jibdlu ħajjithom. Ngħidu aħna, il-konverżjonijiet ta’ Mattew (ara Mattew 9:9-13) u ta’ Żakkew (ara Luqa 19:1-10) seħħu propju hekk, għax ħassew lil Ġesù jħobbhom u, permezz tiegħu, ħassewhom maħbuba mill-Missier. Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar tal-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom.

Għeżież ħuti, kemm drabi aħna wkoll inħossu l-bżonn ta’ bidla li tinvolvi l-persuna sħiħa tagħna! Kemm drabi ngħidu lilna nfusna: ‘Hemm bżonn ninbidel, ma nistax nibqa’ sejjer hekk… Ħajti, f’din it-triq, m’hix se tagħti frott, sa tkun ħajja bla siwi u jien mhux sa nkun kuntent.’ Kemm drabi jiġuna dawn il-ħsibijiet, kemm drabi!… U Ġesù, maġenbna, b’dirgħajh miftuħa għalina, qed jgħidilna: ‘Ejja, ejja għandi. Ix-xogħol ħalli lili nagħmlu: jien nibdillek qalbek, jien nibdillek ħajtek, jien nagħmlek ferħan.’ Imma aħna, dan nemmnu fih jew le? Intom x’taħsbu: dan temmnu fih jew le? Inqas ċapċip u iktar leħinkom: temmnu jew ma temmnux? …

Ġesù li jinsab magħna qed jistedinna nibdlu ħajjitna. Huwa hu li, bl-Ispirtu s-Santu, jiżra’ fina dan it-tħassib serju biex nibdlu ħajjitna (hekk kif għamel fil-ħajja ta’ Mikelina ta’ Pesaro) u nkunu xi ftit aħjar. Mela ejjew nisimgħu l-istedina tal-Mulej u ma nagħmlulux reżistenza, għax huwa biss jekk ninfetħu għall-ħniena tiegħu li aħna nsibu l-ħajja vera u l-ferħ veru. Jeħtieġ biss niftħu beraħ il-bieb, u nħallu lilu jagħmel il-bqija. Hu kollox jagħmel, imma aħna rridu nkunu li niftħu beraħ il-qalb tagħna biex hu jista’ jfejjaqna u jmexxina ’l quddiem. Niżgurakom li nkunu ħafna iżjed ferħanin.”

Talba: Mulej Alla, int kont ġeneruż fi ħnientek lejn il-Beata Mikelina ta’ Pesaro u meta rajt il-bidla għall-aħjar li ddeċidiet li tagħmel f’ħajjitha, minn persuna aljenata fl-affarijiet materjali, wassaltha għall-qdusija li ridt tara fiha. Kun ħanin magħna lkoll u agħtina li nkunu niedma b’mod sinċier għal dnubietna hekk li naslu li nogħġbuk ħalli meta jasal il-waqt, inkunu nistgħu nfaħħruk għall-ħniena tiegħek għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-michelina-of-pesaro.html

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2016/06/20/blessed-michelina-of-pesaro/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Michelina_of_Pesaro

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Ġunju: San Girgor Barbarigo

Verżjoni Vidjo: San Girgor Barbarigo

“U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ‘l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 2:5.

St.-Gregeory-Barbaringo.jpgSAN GIRGOR BARBARIGO
1625 – 1697

Tagħrif: Dan il-qaddis kien qarib tal-Venerabbli Marcantonio Barbarigo, kardinal u Isqof ta’ Montefiascone u twieled f’Venezja minn familja nobbli.

Studja f’Padova u daħal fis-servizz diplomatiku. Meta kien Munster, bħala segretarju tar-rappreżentant tar-repubblika Venezjana, iltaqa’ mal-legat tal-papa Fabio Chigi, li inkuraġġih biex isir qassis. Kien ordnat qassis f’Venezja f’Diċembru, 1655.

Sadattant Fabio Chigi (li qabel kien Inkwiżitur Malti u li kien ġie kkonsagrat Isqof fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta) kien intgħażel Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Dan il-Papa sejjaħ lil Girgor Barbarigo Ruma bħala refendarju taż-żewġ tribunali supremi tas-Santa Sede (Signature) u għamluh prelat domestiku.

Meta kien Ruma l-qaddis wera dedikazzjoni erojka matul il-pesta. Ġie magħżul isqof ta’ Bergamo (1658), kardinal (1660) u fl-aħħar isqof ta’ Padova (1664).

Il-qaddis baqa’ msemmi għall-karità, irriforma s-seminarji taż-żewġ djoċesijiet li tagħhom kien Isqof, ħadem ħafna għall-għaqda tax-Xiżmatiċi tal-Lvant mal-Knisja Kattolika, u waqqaf stamperija fejn ħarġu kitbiet bil-Grieg, Ebrajk, Sirjan, Persjan u Slavoniku għall-Insara tal-Orjent, u għal dawk taħt il-Misilmin, u librerija mill-aqwa, tant li, minħabba speċjalment kemm wettaq tajjeb ir-riformi ordnati mill-Konċilju ta’ Trento, bdew isejħulu t-tieni San Karlu Borromeo (ara San Karlu Borromeo).

San Girgor Barbarigo miet fit-18 ta’ Ġunju, 1697, fl-għomor ta’ 72 sena. Il-Papa Ġwanni XXIII żammu bħala mudell speċjali matul iż-żmien li għadda fis-seminarju u fl-1960 tah “kanonizzazzjoni ekwivalenti” billi iddispensah mill-ħtieġa tas-soltu ta’ mirakli oħra barra dawk li kien hemm bżonn fil-proċess tal-beatifikazzjoni. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu meqjuma fil-Katidral ta’ Padova.

Ħsieb: Mhux ta’ b’xejn li lil San Girgor Barbarigo kienu jsejħulu t-tieni San Karlu Borromeo. Bħalu ħadem u stinka b’għaqal u għerf kbir u bl-għajnuna ta’ Alla kien strumentali ħafna għall-Knisja fi żminijietu. Kemm-il darba nisimgħu min jikkritika u juri ċertu dissens fil-Knisja. Dan ħafna drabi ma jkunx ġej minn diskussjoni għaqlija (bħal filkaż ta’ kummissjonijiet pastorali, sinodi, laqgħat ta’ evalwazzjoni eċċ.) imma jkun ġej minn sens ta’ suppervja għaliex l-iskop huwa ta’ ħsara. Fil-Knisja llum, neħtieġu nies bħal San Girgor Barbarigo, nies li minflok jikkritikaw kulma jsir min naħa tal-Knisja, jagħrfu jsaħħuha, jirriformaw fejn meħtieġ u jibnuha minflok iħottuha!

F’omelija tiegħu, waqt quddiesa mal-Kardinali fil-Kappella Sistina nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu, 2013, il-Papa Franġisku, spjega kif fil-Knisja, wieħed jeħtieġ li jimxi, jibni u jistqarr. Ifissirha b’dan il-mod:

Mixja: ‘Ejja, dar ta’ Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!’ (Isaija 2:5) Din hija l-ewwel ħaġa li Alla qal lil Abram: ‘Imxi quddiemi u kun perfett.’ (Ġenesi 17:1-2). Mixja: Ħajjitna hija mixja u meta nieqfu, hemm xi ħaġa ħażina. Nimxu dejjem fil-preżenza tal-Mulej, fid-dawl tal-Mulej, waqt li nfittxu li ngħixu bla ħtija kif Alla talab lil Abram, fil-wegħda tiegħu.

Nibnu: Nibnu il-Knisja. Jissemma l-ġebel. Il-ġebel sod; imma ġebel ħaj, ġebel midluk mill-Ispirtu s-Santu. Li nibnu l-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu, fuq dik il-ġebla tax-xewka, li huwa l-Mulej stess. Dan huwa moviment ieħor f’ħajjitna: li nibnu.

Nistqarru: Aħna nistgħu nimxu kemm irridu, aħna nistgħu nibnu tant ħwejjeġ, imma jekk ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, hemm xi ħaġa ħażina. Insiru bħal organizzazzjoni ta’ assistenza non-governattiva (NGO), imma mhux Knisja, Għarusa tal-Mulej. Meta ma timxix, tieqaf. Meta ma tibnix fuq il-ġebel, x’jiġri? Jiġri dak lil jiġri lit-tfal f’xatt meta jagħmlu binjiet bir-ramel, jaqa’ kollox, għax m’hemmx sodizza. Meta ma tistqarrx lil Ġesù Kristu, jiġini f’moħħi dak li qal Léon Bloy: ‘Min ma jitlobx lill-Mulej, jitlob lix-xitan.’ Meta ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, nistqarru l-mundanità tax-xitan, il-mundanità tad-demonju.

Timxi, tibni u tistqarr. Imma dan mhux daqshekk faċli, għaliex fil-mixi, fil-bini, fl-istqarrija, kultant hemm l-iskossi. Hemm movimenti li ma jmexxukx ‘il quddiem, imma jitfgħuk lura.

Fil-Evanġelju, dak l-istess Pietru li stqarr lil Ġesù Kristu, jgħidlu: ‘Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj.’ Jiena nimxi warajk, imma ma nitkellmux dwar Salib. Dan ma jidħolx. Nimxi warajk b’possibiltajiet oħra, imma bla Salib. Meta nimxu bla Salib, meta nibnu bla Salib, u meta nistqarru lil Kristu bla Salib, m’aħniex dixxipli tal-Mulej: aħna tad-dinja, aħna Isqfijiet, aħna Qassisin, aħna Kardinali, aħna Papiet, imma mhux dixxipli tal-Mulej.

Jiena nixtieq li lkoll ikollna l-kuraġġ, propju l-kuraġġ li nimxu fil-preżenza tal-Mulej, bis-Salib tal-Mulej; li nibnu l-Knisja bid-demm tal-Mulej li huwa mxerred fuq is-Salib; u li nistqarru l-unika glorja: Kristu Msallab. Huwa b’dan il-mod li l-Knisja timxi ‘l quddiem.”

  • U int, titlob li l-Mulej jagħtik il-grazzja: li timxi, tibni, u tistqarr lil Ġesù Kristu Msallab tul il-vjaġġ tal-ħajja tiegħek hekk kif għamel San Girgor Barbarigo?

Talba: Ħares, Mulej, fil-poplu tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Girgor Barbarigo, ħalli l-Knisja tiegħek tiġġedded bla heda u tkun xbieha ta’ Kristu biex tista’ turih lid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/saint-gregory-barbarigo/

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=188

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregorio_Barbarigo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Mejju: Santu Wistin ta’ Canterbury

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Canterbury

“Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa.” – San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil Santu Wistin ta’ Canterbury.

SOD-0527-SaintAugustineofCanterbury-790x480SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY
Isqof
? – 605

Tagħrif: Santu Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert (ara San Ethelbert), laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

Ftit żmien wara, Santu Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof. Lura fl-Ingilterra waqqaf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex mal-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm mal-Ingilterra.

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir, u wara ħidma intensa ta’ 7 jew 8 snin fl-Ingilterra. Ġeneralment Santu Wistin u sħabu huma miżmuma bħala Benedittini bħall- Papa San Girgor li bagħathom missjunarji. U bħal San Girgor, Santu Wistin ta’ Canterbury huwa msejjaħ u bir-raġun l-“Appostlu tal-Ingilterra”.

Ħsieb: Interessanti mmens id-diskors li għamel il-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar, bis-sehem tal-Eċċellenza tiegħu Dr Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Komunjoni Anglikana, fit-Tifkira tal-Ħamsin Anniversarju mil-Laqgħa bejn Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey u mit-Twaqqif taċ-Ċentru Anglikan ta’ Ruma, fil-Knisja ta’ Sant’Andrija u San Girgor Al Celio, l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru, 2016. Jgħid hekk:

“Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Irxoxt. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

Dikjarazzjoni Komuni tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Eċċellenza tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li pprietkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8).

Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġwanni 16:13).

Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna.”

  • U inti, tiftakar titlob għall-għaqda mill-ġdid fost l-insara kollha?
  • Jista’ jkun li forsi l-Mulej qed isejjaħlek biex toffri wkoll is-sofferenzi personali tiegħek, huma ta’ liema għamla huma, biex magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù jservu bħala talba għall-għaqda fost l-Insara?

Aqraw x’għamlet tfajla żagħżugħa bl-isem ta’ Marija Columba biex tgħin bis-serjetà      ħalli sseħħ l-għaqda fost l-insara: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu.

Talba: O Alla, int wassalt il-poplu ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin; agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-augustine-of-canterbury.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-augustine-of-canterbury/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Canterbury

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.