13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements

29 ta’ Ġunju: San Pietru u San Pawl

Verżjoni Vidjo: San Pietru u San Pawl

“Appostlu San Pawl, xandâr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, tassew jistħoqqlok li tkun igglorifikat. Bik il-ġnus kollha għarfu l-grazzja ta’ Alla.” – Responsarju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru u San Pawl.

5116ff651d727ee6f790ae5f93696bdb.jpgSAN PIETRU U SAN PAWL
Appostli
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Il-festa ta’ San Pietru u San Pawl hija għażiża ħafna għall-Knisja speċjalment għalina l-Maltin li nsejħulha “l-Imnarja”. San Pietru hu l-Kap tal-Knisja, u San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta.

San Pietru kien sajjied, jismu Xmun u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun appostlu tiegħu, li bidillu ismu f’Pietru.

Meta Ġesù ġie arrestat, San Pietru ċaħdu tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih u patta bil-kbir.

Wara li qam mill-mewt Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li għal tliet darbiet San Pietru wieġeb fl-affermattiv, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu.

Hekk kif inħeles mill-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Erodi Agrippa f’Ġerusalemm, fis-sena 43, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma, il-belt kapitali tad-dinja ta’ dak iż-żmien.

Baqa’ Ruma, barra mill-ftit żmien li fih kien f’Ġerusalemm għall-ewwel Konċilju tal-Knisja, sakemm ġie msallab rasu l-isfel fil-ġnien ta’ Neruni fuq l-għolja tal-Vatikan, aktarx bejn is-sena 64 u s-67. Kostantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu; wara nbniet flokha l-knisja maestuża ta’ San Pietru li hemm illum.

San Pawl kien Lhudi akkanit, Fariżew, li wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku sar appostlu l-iktar ferventi ta’ Ġesù.

Billi kien bniedem ta’ għerf kbir u kien jaf tajjeb il-kultura sew Griega u sew Lhudija, kien ta’ għajnuna kbira għall-Knisja fil-bidu tat-tixrid tagħha.

Iżda l-ħaġa l-iktar li spikkat fih, kienet l-imħabba kbira tassew li kellu lejn Ġesù. “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu.” (Galatin 2:20)

Għadda ħamsa u għoxrin sena jiġri minn pajjiż għall-ieħor jipprietka ‘l Ġesù. Aħna l-Maltin għandna l-kbira xorti li ġejna, bħala nazzjon, ikkonvertiti minnu, fis-sena 60.

Fl-istess persekuzzjoni ta’ Neruni, li fiha kien miet San Pietru, San Pawl ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs u wara ġie maqtul bi qtugħ ir-ras, aktarx ukoll bejn is-sena 64 u s-67.

Sal-Konċilju Vatikan II, iż-żewġ Appostli kellhom festa separata, waħda għal kull wieħed minnhom. San Pietru fid-29 ta’ Ġunju – San Pawl fit-30 ta’ Ġunju. Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, issir ċelebrazzjoni waħda għat-tnejn.

Ħsieb: Din li ġejja hi silta mid-diskorsi ta’ Santu Wistin:

“U bir-raġun kollu wara l-qawmien mill-imwiet, il-Mulej ħalla f’idejn l-istess Pietru biex jirgħa n-ngħaġ tiegħu. Ma kienx hu waħdu fost id-dixxipli li stħaqqlu jirgħa n-nagħaġ tal-Mulej; iżda meta Kristu kellem lil Pietru waħdu, kellu f’moħħu għaqda waħda; u l-ewwelnett lil Pietru, għax fost l-appostli Pietru l-ewwel.

Xejn tiddejjaq, appostlu: agħti t-tweġiba tiegħek, darba, tnejn, tlieta. Stqarr għal tliet darbiet l-imħabba u irbaħ, kif ċħadt għal tliet darbiet bil-biża’ u tlift. Ħoll għal tliet darbiet dak li rbatt għal tliet darbiet. Ħoll bl-imħabba dak li rbatt bil-biża’. Madanakollu l-Mulej f’idejn Pietru ħalla n-nagħaġ tiegħu, darba, darbtejn, tliet darbiet.

F’jum wieħed qegħdin niċċelebraw il-martirju ta’ żewġ appostli. Imma dawn it-tnejn kienu ħaġa waħda bejniethom; għalkemm mhux it-tnejn mietu f’jum wieħed, imma kienu ħaġa waħda. L-ewwel miet Pietru u mbagħad warajh Pawlu. Niċċelebraw il-festa ta’ dawn iż-żewġ appostli f’jum ikkonsagrat għalina b’demmhom. Inħobbu l-fidi, il-ħajja, it-taħbit, it-tbatijiet, l-istqarrijiet u x-xandir kollu tagħhom.”

Dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar il-festa San Pietru u San Pawl, 2014:

“Pietru daq kif il-fedeltà lejn Alla hi akbar mill-infedeltajiet tagħna u aqwa minn kull ċaħda. Jintebaħ li l-fedeltà għall-Mulej tbiegħed minna l-biżgħat tagħna u tmur ’l hemm minn kull immaġinazzjoni umana. Anki lilna, illum, Ġesù jistaqsina: “Tħobbni int?”. Dan jagħmlu propju għax jaf x’inhuma l-biżgħat kollha tagħna u t-tbatijiet tagħna. Pietru jurina t-triq: nafdaw fih, li “jaf kollox” fuqna, nafdaw mhux fil-ħila tagħna li nkunu fidili lejh, imma fil-fedeltà tiegħu li ma tiġġarraf qatt. Ġesù qatt ma jitlaqna waħidna, għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu (ara 2 Timotju 2:13). Hu jibqa’ fidil. Il-fedeltà li Alla bla heda jwettaq anki fina r-rgħajja, lil hemm mill-merti tagħna, hi l-għajn tal-fiduċja tagħna u tal-paċi tagħna. Il-fedeltà tal-Mulej lejna żżomm dejjem mixgħula fina x-xewqa li naqduh u li naqdu lil ħutna fl-imħabba”.

Din silta mid-diskors ta’ Papa Franġisku fl-omelija tal-Quddiesa fl-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin (19 ta’ Marzu, 2013):

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: ‘irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi.’ Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-Salib; irid iħares lejn is-servizz umli, konkret, għani fil-fidi, ta’ San Ġużepp u bħalu jiftaħ dirgħajh biex iħares lill-Poplu kollu ta’ Alla u jilqa’ għandu bl-imħabba u l-ħlewwa lill-bnedmin kollha, speċjalment l-iżjed foqra, l-iżjed dgħajfa, l-iktar żgħar, dawk li Mattew jiddeskrivi fil-ġudizzju finali dwar l-imħabba: min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs (ara Mattew 25:31-46).”

U dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar 29 ta’ Ġunju, 2013:

“Niftakru f’Pietru. Meta stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù, dan m’għamlux bil-kapaċità umana tiegħu, imma għaliex kien mirbuħ mill-grazzja li Ġesù ħareġ minnu, mill-imħabba li kien iħoss fi kliemu u li kien jara fl-azzjonijiet tiegħu: Ġesù kien juri l-imħabba t’Alla fil-persuna tiegħu!

U l-istess ġralu Pawlu, anke jekk b’mod differenti. Bħala żagħżugħ, Pawlu kien għadu tal-insara, u meta Ġesù mqajjem mill-imwiet sejjaħlu fit-triq ta’ Damasku, ħajtu nbidlet: fehem li Ġesù ma kienx mejjet, imma ħaj, u sar iħobb lilu wkoll li qabel kien għadu tiegħu! Hekk u l-esperjenza tal-ħniena, tal-maħfra t’Alla f’Ġesù Kristu: din hija l-Bxara t-Tajba, l-Evanġelju li Pietru u Pawlu sperimentaw fihom infushom u li għalih taw ħajjithom. Ħniena, maħfra! Il-Mulej dejjem jaħfrilna, il-Mulej għandu l-ħniena, huwa ħanin, għandu qalb ħanina u dejjem jistenniena.”

Talba: O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom int qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-peter-and-paul-501

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-saints-peter-and-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Feast_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Mejju: San Girgor VII

Verżjoni Vidjo: San Girgor VII

“Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju.” – San Girgor VII

San_Gregorio_VII-670x840SAN GIRGOR VII
Papa
1028 – 1085

Tagħrif: San Girgor VII twieled fit-Toskana, l-Italja, fl-1028, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Ildebrandu.

Studja f’Ruma mal-Patrijiet Benedittini, u sar patri magħhom.

Il-Papa Girgor VI għamlu segretarju tiegħu, u meta l-Papa ġie eżiljat fi Franza Ildebrandu mar miegħu.

Wara l-mewt, tal-Papa Girgor VI, fl-1047, Ildebrandu mar jgħix fil-monasteru ta’ Cluny, fejn dam madwar sentejn, sakemm il-Papa San Ljun IX (1049-1054) sejjaħlu Ruma biex jgħinu fl-amministrazzjoni.

Meta l-Papa San Ljun miet, ir-Rumani riedu lil Ildebrandu jsir Papa, iżda hu assolutament ma riedx, u ppropona lill-Isqof Gebhard li sar Papa bl-isem ta’ Viktor II (1055-1057). Warajh laħqu Stiefnu IX (1057-1058), Nikola II (1058-1061), u Alessandru II (1061-1073).

Meta miet il-Papa Alessandru II, Ildebrandu kellu jaċċetta li jsir Papa, u ħa l-isem ta’ Girgor VII (22 ta’ April 1073).

Kien il-bniedem tal-mument, u bħala Papa ħadem bla heda għall-Knisja, fuq kollox biex jeqred is-Simonija (Xiri jew bejgħ ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (li l-qassisin jiżżewġu), u l-Investitura (l-approvazzjoni tal-Imperatur għal kull nomina importanti fil-Knisja). Dawn ikkaġunawlu ħafna nkwiet u taħbit, speċjalment l-Investitura, iżda minkejja kull għawġ baqa’ sal-aħħar ma qatax qalbu.

Meta l-Imperatur Neriku IV tal-Ġermanja ried ikompli jagħżel l-isqfijiet hu, il-Papa skomunikah fl-1076. Iżda sena wara l-Imperatur nidem, u l-Papa neħħielu l-iskomunika.

Fl-1084, l-Imperatur reġa’ riedha tgħaddi tiegħu, u wara li assedja Ruma għal tliet snin daħal fiha u ħatar lil Guibert, arċisqof skomunikat ta’ Ravenna, bħala papa, li sar l-antipapa Klement III.

Sadattant il-Papa, wara li kien raġa’ skomunika lill-Imperatur, kellu jħalli Ruma u jmur jirtira l-ewwel f’Monte Cassino u mbagħad f’Salerno fejn miet fil-25 ta’ Mejju, 1085.

Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu. Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fis-sena 1728.

Ħsieb: Dan il-Papa kien wieħed mill-akbar Papiet u wieħed min-nies kbar tal-istorja. Meta Alessandru miet, il-poplu u l-kleru bdew jgħajtu b’leħen wieħed, fil-Bażilika tal-Lateran, waqt il-funeral tal-Papa mejjet: “Irridu ’l lldebrandu Papa. San Pietru għażel l-Arċidjaknu Ildebrandu!” Il-protesti tiegħu ma swew xejn. Kien il-bniedem tas-siegħa: l-awsterità tal-virtujiet tiegħu u l-ħila tiegħu fl-amministrazzjoni kienu jikkmandaw ir-rispett ta’ kulħadd. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju.”  

Xtaqt hawnhekk ninkludi xi siltiet minn omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech li għamel nhar il-Ħadd, 8 ta’ Marzu, 2009:

“Dawn it-tip ta żbalji fil-Knisja li kienu jeżistu fi żmien San Girgor, jeżistu fostna ukoll. Xi wħud jiftaħru li jħobbu l-Knisja, imma l-Knisja tagħhom mhix il-Knisja ta’ Kristu. Oħrajn jippretendu li jitkellmu dwar il-Knisja mingħajr ma jafu xejn dwar x’inhi n-natura u l-missjoni tal-Knisja Kattolika. Ma nistgħux nikkonċepixxu Knisja li mhix magħquda flimkien bħala Knisja waħda. Bħala Isqof tagħkom ma niswa xejn jekk ma nkunx magħqud ma’ Pietru, jiġifieri mal-Papa. Il-Knisja tagħna hija duħħan jekk ma tkunx f’komunjoni mal-Papa. U f’dan ir-rigward, il-komunjoni trid tkun mhux biss ta’ natura ġuridika imma wkoll fis-sens wiesa’ tal-kelma, jiġifieri li l-qalb tagħna trid tkun tħabbat mal-qalb ta’ Pietru.

Inkwantu l-evanġelizzazzjoni tal-Insara tal-‘periferija’, din hija waħda mill-isfidi tal-Knisja llum, bid-differenza li l-kategorija ta’ dawk li ma jemmnux f’Alla u l-kategorija ta’ dawk li għalihom il-Knisja ma tfisser xejn qiegħed jikber! Ma nistgħux ma nagħtux kas ta’ din il-faxxa ta’ nies fil-kontinent Ewropew, u nażżarda ngħid ukoll fis-soċjetà tagħna! Waħda mill-affarijiet li rriżultaw fil-Missjoni Djoċesana kienet li l-Knisja għandha tagħti iktar attenzjoni lil dawk li qegħdin fil-periferija, jiġifieri dawk li huma fil-bogħod mhux fiżikament imma spiritwalment. Din hi realtà, u jekk aħna parti minn din ir-realtà għandna raġuni valida biex nitħassbu!

Dan it-tħassib m’għandux ikun tal-Isqof jew tas-saċerdoti biss, imma tal-Knisja kollha. Irridu naraw kif ser inwasslu l-Vanġelu lil dawn ħutna ħalli fil-ħajja tagħhom u madwarhom isseħħ bidla għall-aħjar. Il-fatt li madwarna nosservaw diversi sinjali negattivi li suppost iqanqlu fina xewqa biex l-affarijiet jieħdu nota aħjar, jikkonferma li qabel ma jinbidlu l-istrutturi u s-sistemi, hemm bżonn li jikkonverti l-bniedem!

Issa aħna l-Kattoliċi għandna kultura reliġjuża. Imma ma taħsbux bħali li l-imġiba tagħna u l-attitudnijiet tagħna huma ħafna ’l bogħod minn dak li jrid il-Mulej Ġesù u minn dak li jippreskrivi l-Vanġelu? Għalhekk f’din is-sitwazzjoni, bħalma San Girgor ħass il-bżonn li jkun hemm ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, anke aħna li qed ngħixu din ir-realtà ma nistgħux ma nxandrux mill-ġdid il-Bxara ta’ Kristu, jekk irridu nġibu l-bidla.”

  • U jien, qed nilqa’ l-isfidi li titlob minni l-missjoni li nxandar lil Kristu fil-komunità    fejn ngħix?
  • Qed nipprova nagħti servizz kif nista’ lill-komunità parrokkjali tiegħi?
  • Nuri rispett u sottomissjoni lejn is-saċerdoti li b’xi mod Alla ried jagħtini f’ħajti?
  • Nipprova nressaq lura lejn Alla lin-nies li tbiegħdu minnu?
  • Kemm ngħożż u nitlob għall-parroċċa u għall-parruċċani tiegħi bl-impenn u b’fervur?

TalbaAgħti, Mulej lill-Knisja tiegħek l-ispirtu tal-qawwa u l-ħeġġa għall-ġustizzja li bihom żejjint lill-Papa San Girgor VII, biex hija twarrab il-ħażen u kull xkiel u tħabrek bl-imħabba għal kull ma hu sewwa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-gregory-vii/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/pope-st-gregory-vii-699

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Gregory_VII

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Mejju: L-Imqaddsa Verġni Marija Għajnuna tal-Insara

Verżjoni Vidjo: L-Imqaddsa Verġni Marija Għajnuna tal-Insara

“Kieku kellna niġbru flimkien l-imħabba li l-ommijiet kollha għandhom għal uliedhom, il-milja ta’ din l-imħabba ta’ dawn l-ommijiet kollha ma tasal qatt biex tkun daqs dik li għandha Marija għal kull wieħed minna.” – San Ġwann Bosco

CATHOLICVS-Maria-Auxiliadora-Mary-Help-of-ChristiansL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA, GĦAJNUNA TAL-INSARA

Tagħrif: Kien il-Papa Dumnikan San Piju V li żied it-titlu ta “Għajnuna tal-Insara” fil-Litanija tal-Madonna wara r-rebħa kbira tal-Insara fuq it-Torok fil-battalja ta’ Lepanto, fis-7 t’Ottubru, 1572. U kien imbagħad il-Papa Benedittin Piju VII li waqqaf il-festa liturġika tagħha fl-1815, meta rritorna Ruma minn Fontainbleau fi Franza, fejn kien priġunier ta’ Napuljun.

U kien fl-aħħar nett San Ġwann Bosco, li xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn Marija taħt dan it-titlu, u ħatarha patruna tal-patrijiet u tas-sorijiet Sależjani. Waqqfilha bażilika mill-isbaħ f’Turin fejn jinsab il-ġisem tiegħu, kif ukoll dawk ta’ Santa Marija Duminka Mazzarello u ta’ San Duminku Savio.

Marija Awżiljatriċi hija l-patruna prinċipali tal-Awstralja u ta’ New Zealand, fejn kienu l-patrijiet Maristi, li bħala missjunarji bikrin f’dawn l-artijiet, xerrdu din id-devozzjoni. Fl-1844 għażluha bħala l-patruna taż-żewġ pajjiżi, għażla li ġiet ikkonfermata mill-Papa Benedittu XV, fis-17 ta’ Lulju, 1916.

F’Tas-Sliema, il-Kappella tas-Sależjani hi ddedikata lil Marija Għajnuna tal-Insara.

Fl-24 ta’ Mejju, ukoll diversi ordnijiet ifakkru lill-Madonna taħt xi titlu tal-Madonna li tiegħu huma devoti – hekk per eżempju l-Ġiżwiti bħal-lum ifakkru lill-Madonna tat-Triq, li lejha tant kien devot il-fundatur tagħhom San Injazju ta’ Loyola. Il-kappella tal-Ġiżwiti fin-Naxxar hi ddedikata lill-Madonna tat-Triq.

Ħsieb: Dawn huma siltiet mill-Eżortazzjoni Appostolika Marialis Cultus tal-Qdusija tiegħu Pawlu VI dwar ‘Il-Valur Teoloġiku u Pastorali tal-Qima lejn il-Verġni Marija’:

“Il-qima tal-Knisja lejn il-Verġni Marija hija punt importanti tal-qima nisranija. L-għajnuna tagħha hi bla waqfien u kollha frott, u għalkemm imtella’ s-sema, hija mill-aktar qrib għall-insara li jitolbuha kif ukoll lejn dawk li ma jagħtux każ li huma wliedha.

Il-Knisja taf li anki l-qima lejn il-Verġni Mbierka, wara l-qima lejn il-Feddej Divin u flimkien magħha, tagħti bosta frott pastorali u tibni qawwa li ġġedded il-ħajja nisranija. Il-missjoni ta’ Omm tal-Verġni ħeġġet lill-poplu t’Alla biex idur lejha b’tama ta’ wlied, għaliex hija dejjem lesta biex tisimgħu b’għożża t’Omm u b’għajnuna li tħalli l-frott. Il-poplu t’Alla dara jsejjħilha faraġ tal-imnikktin, saħħa tal-morda, kenn tal-midinbin, biex ikollu l-faraġ fid-dwejjaq, il-fejqan fil-mard, u l-qawwa tal-ħelsien fil-ħtija; għaliex hija ħielsa mid-dnub u twassal ‘l uliedha biex jiġġieldu b’ħeġġa qawwija kontra d-dnub. U hemm bżonn nerġgħu ngħidu li dan il-ħelsien mid-dnub u l-ħażen (Mattew 6,13) huwa meħtieġ qabel kull tiġdid tal-ħajja nisranija.

L-eżempju tal-qdusija jħeġġeġ l-insara biex jgħollu “għajnejhom lejn Marija, li tiddi quddiem il-ġemgħa tal-magħżulin bħala mudell tal-virtù.” Il-virtujiet tal-Omm iżejnu wkoll l-ulied li bil-qawwa jħarsu lejn l-eżempju tagħha, biex jimxu fuqu fil-ħajja tagħhom. Dan l-iżvilupp fil-virtujiet jidher bħala riżultat u frott misjur ta’ dik il-ħeġġa pastorali li toħroġ mill-qima lejn il-Verġni Mbierka.

Il-qima lejn Omm il-Mulej ssir għall-insara okkażjoni biex jikbru fil-grazzja t’Alla, li huwa l-aħħar skop ta’ kull ħidma pastorali. Għaliex ma jistax ikun li wieħed ifaħħar lill- “mimlija bil-grazzja” (Luqa 1,28) bla ma jfaħħar fl-istess ħin il-grazzja t’Alla fih, jew il-ħbiberija ma’ Alla, l-għaqda miegħu, il-qagħda tal-ispirtu fih. Din il-grazzja t’Alla timla l-bniedem kollu kemm hu u tagħmlu xbieha tal-Iben t’Alla (Rumani 8:29; Kolossin 1:18).

Il-Knisja Kattolika, mgħonija mill-esperjenza ta’ bosta snin, tagħraf fid-devozzjoni lejn il-Verġni, għajnuna qawwija għall-bnedmin fil-mixja tagħhom lejn il-milja tagħhom. Il-Verġni Marija fid-dawl tal-ġrajjiet tal-Evanġelju u minħabba l-fatt li ġa qiegħda fil-belt t’Alla, toffri dehra ċara u kelma ta’ kuraġġ għall-bnedmin ta’ żmienna, li ħafna drabi jkunu:

  • magħfusin bin-niket u t-tama,
  • megħlubin mill-limiti tagħhom, 
  • mifnija minn xewqat bla għadd,
  • imħawdin f’ruħhom u b’qalbhom maqsuma,
  • b’moħħhom inċert minħabba l-ħsieb tal-mewt,
  • magħfusin għax iħossuhom weħidhom waqt li jridu jingħaqdu ma’ ħaddieħor,
  • vittmi tad-dispjaċir u tal-għali.

Hija turi r-rebħa:

  • tat-tama fuq in-niket,
  • tal-għaqda fuq is-solitudni,
  • tal-paċi fuq it-taqlib,
  • tal-ferħ u s-sabiħ fuq id-dwejjaq u d-dispjaċir,
  • tal-eternità fuq din l-art,
  • tal-ħajja fuq il-mewt.”

U x’titlob minna uliedha din l-Omm Għajnuna tal-Insara? ‘Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju! Għidu r-Rużarju!’ Din is-sentenza, li Marija tenniet kull darba li dehret fuq din l-art, tibqa’ tidwi tul is-snin, għax bħal donnu għadna ma kkuntentajnihiex! Jekk hi titlob minna propju din l-istess talba kull darba, mela x’qawwa hemm fiha?! Int temmen fil-qawwa tar-Rużarju li hi talba ma’ Marija? Jekk iva, mela xieraq li titlobha fuq bażi regolari.

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: O Marija għajnuna tal-Insara, ħadd ma resaq lejk, talbek u inti ma smajtx it-talba tiegħu. Jiena serv umli tiegħek, mimli fiduċja, lejk nirrikorri, f’riġlejk nintefa’, fi ħdanek nintelaq, u b’qalb devota u niedma lilek nitlob. Omm ta’ Ġesù  jiena żgur li meta jasal il-waqt tisma’ talbi u tagħtini dak li qed nitolbok. F’ġieħ Kristu nnifsu. Ammen. (Talba lil Marija, Għajnuna tal-Insara)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/resources/mary/popular-marian-devotions/mary-help-of-christians

Alternative Reading: https://www.americaneedsfatima.org/Our-Blessed-Mother/the-feast-of-our-lady-help-of-christians-may-24.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_Help_of_Christians

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Mejju: Santa Rita minn Cascia

Verżjoni Vidjo: Santa Rita minn Cascia

“Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.” – Ġesù waqt li beda jgħallem it-talba tal-Missierna f’Mattew 6:12.

ritaSANTA RITA MINN CASSIA
Agostinjana
1381 – 1457

Tagħrif: Twieldet Rocca Parreno, fid-djoċesi ta’ Spoleto, minn ġenituri xjuħ u foqra, skont l-awtur tal-ħajja tagħha, Ġakbu Carelicci, Agostinjan, li kiteb il-“ħajja” tagħha fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tal-qaddisa fl-1628.

Għad li kienu foqra, il-ġenituri tagħha kienu magħrufin għall-karità tagħhom, hekk li kienu jsejħulhom, “il-Messaġġiera tal-Paċi ta’ Ġesù”.

Jingħad li meta twieldet il-qaddisa, naħal, li bħalu qatt ma kien deher, beda dieħel u ħiereġ minn fommha.

Rita kellha xewqa kbira li tidħol soru, iżda ta’ tnax-il sena, kellha tobdi lill-ġenituri tagħha u tiżżewweġ. Ma ltaqgħetx ma’ żagħżugħ tajjeb, u għal tmintax-il sena kellha ssofri bil-paċenzja u bis-sabar, il-ħruxija tal-karattru tiegħu – mudell ta’ omm nisranija.

Meta qatlulha lil żewġha, ħafritilhom, u meta ndunat li wliedha t-tnejn riedu jivvendikaw il-mewt ta’ missierhom, għamlet li setgħet biex tbiddlilhom il-ħsieb, u talbet ’l Alla biex jeħodhom qabel ma jagħmlu d-dnub. Il-mewt ħadithom qabel ma setgħu jikkommettu d-dnub, fil-paċi m’Alla.

Meħlusa minn kulħadd, talbet lis-superjura tal-kunvent tal-Agostinjani ta’ Cassia, biex taċċettaha bħala soru. Iżda l-liġi ta’ dawk is-sorijiet kienet li ma jidħlux fosthom dawk li ma kinux verġni. Imma l-qaddisa talbet tant lis-superjura u lil Ġesù li fl-aħħar irnexxielha tidħol, b’miraklu, kif naqraw fil-ħajja tagħha, u libset il-libsa u pprofessat.

Fil-ħajja ġdida dehret xempju għal kulħadd, għall-faqar, il-karità, l-umiltà u l-ubbidjenza, u ġiet magħrufa għall-effikaċja tat-talb tagħha. Kienet hekk devota lejn il-passjoni ta’ Ġesù li talbet biex tieħu sehem fit-tbatijiet tiegħu. U Ġesù kkuntentaha: xewka mill-kuruna ta’ Ġesù Kurċifiss, tinqala’ u tolqotha f’moħħha, u daħlet tant ġewwa li Rita ma felħitx aktar, ħassha ħażin u sabet ruħha bejn il-mewt u l-ħajja.

Damet b’din il-ferita ħmistax-il sena. Għalqet biss meta marret Ruma għall-Ġublew tal-1450. Mietet fit-22 ta’ Mejju, 1457.

Ħsieb: Għalkemm nistgħu faċilment nimmaġinaw dinja ideali li fiha ngħixu l-vokazzjoni tal-magħmudija, din id-dinja ma teżistix. L-approċċ “Jekk biss …” lejn il-qdusija qatt ma jseħħ pjuttost, qatt ma jipproduċi l-frott li Alla għandu dritt jistenna minna.

Rita saret qaddisa għax għamlet dawk l-għażliet li rriflettew il-magħmudija u l-maturità   tagħha bħala dixxiplu ta’ Ġesù. L-għażla ewlenija tagħha tul il-ħajja kienet li tikkoopera b’mod ġeneruż mal-grazzja ta’ Alla, iżda kienu meħtieġa bosta għażliet żgħar biex dan iseħħ. Bil-ħafna għażliet żgħar u xi ftit kbar li għamlet din il-qaddisa, hija ġiet meqjusa bħala l-mara eżemplari ta’ kull żmien, ilbieraħ – illum – għada: xempju ta’ xebba, ta’ mara miżżewġa, ta’ omm, ta’ armla u ta’ reliġjuża.

Waħda mill-għażliet li żgur kellha bżonn tagħmel b’mod kontinwu kienet dik li taħfer. Imma din il-maħfra għadha moda llum? Papa Franġisku jgħidilna dan dwar il-maħfra (4 ta’ Awwissu, 2016):

“Dik tal-maħfra hi bla dubju ta’ xejn it-triq għalliema li rridu nimxu fiha biex naslu f’dak il-post, fil-Ġenna. Diffiċli taħfer! Kemm jiswielna li naħfru lill-oħrajn! Naħsbu ftit. X’rigal kbir għamlilna l-Mulej meta għallimna naħfru – jew, tal-inqas, li jkollna r-rieda li naħfru – biex immissu b’idejna l-ħniena tal-Missier! Smajnieha l-parabbola li biha Ġesù jgħallimna naħfru (ara Mattew 18:21-35). Għaliex għandna naħfru lil persuna li għamlitilna d-deni? Għax konna aħna l-ewwel li ġejna maħfura, u bil-wisq aktar. M’hawn ħadd fostna, hawn, li ma ġiex maħfur. Kull wieħed u waħda ħa jaħseb… naħsbu fis-skiet fl-affarijiet koroh li għamilna u kif il-Mulej ħafrilna. Il-parabbola tgħidilna propju dan: kif Alla jaħfer lilna, hekk aħna wkoll jeħtieġ naħfru lil min jagħmlilna d-deni. Din hi t-tmellisa tal-maħfra. Il-qalb li taħfer. Il-qalb li taħfer, tkun qed tagħti tmellisa. Kemm aħna mbegħdin minn dak il-ġest. Ħafna drabi f’qalbna ngħidu: ‘Issa tpattiha!’ Il-maħfra hi ħaġa oħra. Preċiżament bħal fit-talba li Ġesù għallimna, il-Missierna, meta ngħidu: ‘Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina’ (Mattew 6:12). Dawn huma dnubietna quddiem Alla, u min hu ħati għalina hu dak li lilu anki aħna rridu naħfru.”

Santa Rita hi wkoll mudell tad-devozzjoni lejn il-passjoni ta’ Ġesù. San Bernard jgħid hekk fuq din id-devozzjoni: “fost id-devozzjonijiet l-oħrajn kollha, l-aktar fiż-żgur, l-aktar ta’ qliegħ, u l-aktar universali għal kull stat tal-bniedem.” Permezz ta’ din id-devozzjoni Santa Rita kisbet il-grazzja u l-qawwa biex issofri u tagħmel it-tajjeb.

  • U int, x’għażliet qed tagħmel?
  • Huma favur Kristu u s-Saltna tiegħu?
  • Huma favur ħajja nisranija tajba u qaddisa?
  • Huma għażliet li bihom tikber fil-virtù kif għamlet Santa Rita?

Talba: Spirtu Santu, indur lejk u nitolbok biex tkun miegħi f’dawk il-mumenti l-aktar iebsin ta’ ħajti, fejn nitlef it-tama kollha u nħares madwari u ħlief dlam ma narax. Imlieni bil-kuraġġ għax f’dawn il-mumenti biss, jien nista’ nagħti prova tal-fidi tiegħi quddiem Alla. Eħlisni minn kull tentazzjoni u dubju li jistgħu jaħkmuni u jwassluni biex nitbiegħed minnek u noħodha kontra tiegħek.

Santa Rita, nitolbok tgħinni biex inħares lejk, lejn it-tbatija li inti għaddejt minnha u minkejja kollox mhux biss bqajt temmen, iżda tlabt lill-Mulej biex itik xewka mill-kuruna tax-xewk tiegħu biex b’hekk taqsam miegħu dik l-agunija li huwa ġarrab bl-imħabba għalina. Agħmel li b’talbek, anke jien inkun kapaċi niflaħ għal din it-tbatija, ħalli meta il-Mulej issejjaħli, nieħu il-premju li nibqa’ ngawdih għall-eternità bħal ma għamilt int. Ammen.

Mulej inti tajt lil Santa Rita l-grazzja li f’kollox tara r-rieda tiegħek u ġġorr is-salib ma’ Ibnek, u fawwartilha ’l qalbha bid-dawl u l-ferħ tal-ispirtu tiegħek. Agħtina li bħalha ngħixu f’kollox l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-rita-of-cascia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-rita-of-cascia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rita_of_Cascia

Saint Rita movie (with English subtitles) on Gloria TV:
Part 1: https://gloria.tv/video/ArUTHDF4RBQo6AeDc9iTuUQSD
Part 2: https://gloria.tv/video/nBeJeWQS8bMr3URGkzVfEo4pM

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ April: Il-Verġni Marija, Omm tal-Parir it-Tajjeb

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Marija, Omm tal-Parir it-Tajjeb

“Id-dinja ilha żmien li sfat meqruda, li kieku Marija ma daħlitx għaliha bl-interċessjoni qawwija tagħha.” – San Fulġenz (468-533)

mater-boni-consilii-2IL-VERĠNI MARIJA, OMM TAL-PARIR IT-TAJJEB
(magħrufa bħala l-Madonna tal-Bon Kunsill)

Tagħrif: Ix-xbieha tal-Madonna tal-Bon Kunsill, tinsab meqjuma fis-santwarju tagħha, dak tal-Patrijiet Agostinjani, f’Genazzano viċin il-belt ta’ Ruma, fejn ilha sa mill-1467. Skont it-tradizzjoni nġabet hawn minn Shkoder (Skutari) fl-Albanija.

Is-santwarju ta’ Genazzano żaruh papiet u nies kbar oħra, fosthom diversi qaddisin, bħall-Papa Urbanu VIII, San Ġwann Bosco u oħrajn.

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar mhux biss dan is-santwarju imma wkoll il-katidral ta’ Shkoder fl-Albanija, fejn jingħad li kien hemm il-Kwadru tal-Bon Kunsill qabel.

Devot mill-ikbar tal-Madonna tal-Bon Kunsill kien il-kappillan qaddis ta’ Genazzano, il-Beatu Stiefnu Bellesini Agostinjan, li miet martri tal-imħabba tal-proxxmu meta itieħed mill-marda tal-kolera u miet fit-3 ta’ Frar, 1840, u li l-fdal tiegħu jinsab meqjum f’dan is-santwarju.

Il-Papa Ljun XIII żied l-invokazzjoni “Mater Boni Consilii” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Madonna tal-Bon Kunsill hi l-patruna prinċipali tal-Albanija u f’Malta l-knisja tal-Agostinjani f’Paceville hi ddedikata lilha. Santa Bernardetta qalet li x-xbieha tal-Madonna tal-Bon Kunsill kienet l-iktar waħda li tixbah lill-Madonna li dehritilha ġewwa Lourdes.

San Ġorġ Preca kien devot ħafna tal-Madonna taħt dan it-titlu. Kien spiss jitlob quddiem xbieha tagħha li kellu d-dar, biex iddawlu fid-diffikultajiet li kien jiltaqa’ magħhom. Huwa jgħid li waqt żmien ta’ tfixkil kbir kellmitu u qaltlu biex iżomm is-silenzju.

F’dawn l-aħħar mitejn sena l-ordni tal-Brothers, daħħlu l-festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill fil-kalendarju tagħhom. Fil-‘Mother house’ tal-brothers, f’Ruma, hemm inkwadru kbir tal-Madonna tal-Bon Kunsill fis-sala fejn is-Superjur Ġenerali jlaqqa’ l-kunsilliera tiegħu.

Ħsieb: San Alwiġi Maria De Montfort jgħid hekk:

“Skont il-qaddisin San Bernard u San Bonaventura, hemm tliet stadji biex nersqu lejn Alla: l-ewwel wieħed li hu l-eqreb lejna u li l-aktar jaqbel mal-ħila tagħna, hu Marija; it-tieni hu Ġesù Kristu, u t-tielet hu Alla l-Missier. Biex nersqu lejn Ġesù, għandna mmorru għand Marija, għax hi l-Medjatriċi biex taqbeż għalina: biex nersqu lejn il-Missier Etern, għandna mmorru għand Ġesù għax hu l-medjatur tagħna tal-fidwa.

Għaldaqstant aħna nirrepetu bil-qawwa kollha ma’ San Bernard, li għandna bżonn ta’ medjatur mal-medjatur stess, u li Marija hi l-persuna l-aktar adattata biex tagħmel dan ix-xogħol ta’ karità. Kien permezz tagħha li Ġesù Kristu ġie fostna; u hu permezz tagħha li aħna mmorru għandu. Jekk – għax aħna nibżgħu mill-Maestà infinita tiegħu, inkella għax nafu biċ-ċokon u bid-dnubiet tagħna – aħna nibżgħu mmorru direttament għand Ġesù Kristu, Alla tagħna, mela, ejjew bil-kuraġġ infittxu l-għajnuna u l-interċessjoni ta’ Marija, Ommna.

Il-Madonna hi qalbha tajba u ħelwa. Fiha m’hemm xejn ta’ qilla u li jbiegħdek minnha, xejn li hu sublimi żżejjed, jew li jgħammex l-għajnejn tagħna ta’ bnedmin; meta taraha aħna naraw in-natura umana tagħna. Hi mhix ix-xemx li bir-raġġi qawwija tagħha tkun qawwija żżejjed għal għajnejn debboli ta’ bnedmin; imma hi sabiħa u tiddi bħal qamar li jieħu d-dawl tiegħu mix-xemx u li jmewwet il-qawwa tad-dija tiegħu, biex aħna nkunu nistgħu nirċevuha; hi hekk ta’ karità, li tilqa’ lil dawk kollha li jitolbu l-interċessjoni tagħha; ikunu midinbin kemm ikunu – għaliex jgħidu l-qaddisin, qatt ma nstama’, fl-ebda żmien li xi persuna talbet l-għajnuna tal-Verġni Mbierka bil-fiduċja u l-perseveranza, u baqgħet mingħajr għajnuna.

Hi hekk setgħana quddiem Alla li t-talb tagħha qatt ma ġie rrifjutat. Id-dehra tagħha biss quddiem binha divin, hi fiha nfisha talba ta’ qawwa kbira. Bil-kemm tkun għamlet it-talba tagħha, li ma tiġix maqlugħa – għaliex Alla l-Iben hu dejjem mirbuħ mill-ġentilezza ħelwa u t-talb tal-għażiża ommu.”

Dawn li ġejjin huma ħsibijiet tal-Qaddisin fuq Marija:

  • Il-midneb, dineb kemm dineb, jekk isir devot tal-Madonna, ma jintilifx. ~
    San Ilarju (M.368)
  • Hekk kif Marija tat l-“iva” tagħha biex tkun omm Alla, hija stħaqqilha b’dan il-kunsens li ssir reġina tad-dinja u tal-ħlejjaq kollha. ~ San Bernardinu ta’ Siena (1380-1444)
  • Id-dinja ilha żmien li sfat meqruda, li kieku Marija ma daħlitx għaliha bl-interċessjoni qawwija tagħha. ~ San Fulġenz (468-533)
  • Kieku ħajjitna ma kinitx taħt il-ħarsien ta’ Marija, konna nitwerwru u naqtgħu qalbna li nsalvaw. ~ San Pierre Julian Eymard (1811-68)

Imma jien:

  • Kemm jien devot tassew ta’ din l-Omm tiegħi tas-Sema?
  • Min jaf li kieku nikkonsagra lili nnifsi lilha u nħalliha ddawwalli t-triq li twassalni għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku nfittex nitgħallem dwar kif nista’ ngħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqli Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjows u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Ejjew ma ninsewx ukoll li l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa, tibqa’ dejjem it-talba għażiża tar-Rużarju. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Marija, mara tas-smigħ,
agħmel li widnejna jkunu miftuħa;
agħmel li nitgħallmu nisimgħu l-kelma ta’ ibnek Ġesù
qalb il-ħafna kliem ta’ din id-dinja;
agħmel li nagħrfu nisimgħu r-realtajiet li fihom ngħixu,
lil kull persuna li magħha niltaqgħu,
speċjalment dik li hi fqira, fil-bżonn, f’diffikultà.
Marija, mara tad-deċiżjoni, dawwal il-moħħ tagħna
u l-qalb tagħna, biex nagħrfu nobdu
l-kelma ta’ ibnek Ġesù, bla tnikkir;
agħtina l-kuraġġ tad-deċiżjoni,
biex ma nitkaxkrux mill-kurrent ta’ oħrajn li jmexxulna ħajjitna huma.
Marija, mara tal-azzjoni, agħmel li jdejna u riġlejna
jmorru “jħaffu” lejn l-oħrajn,
biex iwasslu l-karità u l-imħabba ta’ ibnek Ġesù,
biex iwasslu, kif għamilt int,
id-dawl tal-Vanġelu fid-dinja.
Ammen. (Talba tal-Papa Franġisku)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/our-lady-of-good-counsel-445

Alternative Reading: http://www.clavermissionarysisters.org/?page_id=289

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Good_Counsel

Tista’ wkoll iżżur sit ieħor bil-Malti ddedikat lill-Madonna billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ April: San Soteru

Verżjoni Vidjo: San Soteru

“Lilkom ngħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih.” – Filippin 1:29.

220px-Pope_SoterSAN SOTERU
Papa u Martri
†ċ.175

Tagħrif: Wara l-mewt tal-Papa San Aniċetu li ġrat madwar is-sena 166, ġie magħżul bħala t-12-il Papa, San Soteru. Hu kien minn Fondi qrib Gaeta fl-Italja.

Dan il-Papa kellu jikkumbatti l-ereżija ta’ Montano mill-Friġja, li kien jgħallem li xi dnubiet ma setgħu qatt jiġu maħfurin u li hu kien il-mibgħut ta’ Alla biex permezz tiegħu jissawwab mill-ġdid l-Ispirtu s-Santu.

Lil San Soteru wkoll hu attribwit il-preċett tal-Għid, li fih l-insara kollha, barra dawk ħatja ta’ xi dnubiet kbar, kellhom jirċievu t-tqarbin f’Ħamis ix-Xirka.

Ittra li l-Papa San Soteru bagħat lill-Knisja ppersegwitata ta’ Korintu b’xorti ħażina ma nstabitx, imma jeżistu biċċiet mit-tweġiba li l-isqof ta’ Korintu, San Dijonisju, bagħat, u fiha l-isqof jirreferi għall-“abbundanza li l-Papa bagħat lill-qaddisin (insara) ta’ Korintu, u l-konsolazzjoni li hu bagħtilhom bil-kliem ta’ faraġ li hu bagħat bħal missier kollu mħabba għal uliedu.” Ikompli jgħid: “Illum, Jum il-Mulej, aħna qrajna l-ittra tiegħek, u nixtiequ dejjem li nerġgħu naqrawha u niġu mwissijin permezz tagħha, bl-istess mod kif għamilna bl-ittra li kien bagħtilna l-Papa Klement.”

Il-Papa San Soteru jidher li miet wara 9 snin pontifikat fis-sena 175 fi żmien l-Imperatur Marku Awrelju.

Ħsieb: Filwaqt li nafu ftit dwar ħajtu, ix-xogħlijiet tal-karità u l-prinċipji tal-Papa San Soter għadhom jeżistu, u jispirawna biex ngħixu ħajjitna aħjar. Għandna nistaqsu: Kif jista’ jkollna atteġġjament ta’ aktar imħabba u karità lejn l-oħrajn? Kif nistgħu inkunu mudell aħjar għal ħaddieħor fil-ħajja tagħna kif kien San Soter? Kemm nistgħu nimmudellaw ħajjitna fuq dik tal-Verġni Omm Alla u tal-qaddisin kollha, b’mudell perfett tal-karità Nisranija?

Irridu nammettu li rċevejna ħafna u ħafna. Kull Papa u isqof qaddis, kull reliġjuż/a u lajk/a qaddis/a ħallewlna kitbiet u eżempji ta’ ħajjithom li fuqhom nistgħu infasslu l-ħajja tagħna u nagħmlu progress fil-vjaġġ ta’ ruħna ftit ftit kuljum. Il-qdusija mhux xi tarġa kbira u għolja li rridu nitilgħu f’daqqa, imma tikkonsisti f’rebħiet żgħar imma kostanti ta’ kuljum. Ġieli waqgħat u żbalji wkoll, imma li jibnuna fl-esperjenza biex nitgħallmu ma nirrepetuhomx.

Jekk trid tagħmel progress fil-mixja ta’ ruħek, jekk diġà ndimt minn dnubietek u qerrejthom, issa importanti li ma tħarisx lura lejn il-passat tiegħek, li forsi jħammarlek wiċċek bil-mistħija u l-għajb, imma biss lejn il-futur rebbieħ u glorjuż li qed iħejjielek is-Salvatur! B‘dan il-mod, iżżomm ‘il bogħod milli terġa’ taqa’ fid-dnubiet ta’ qabel u tagħmel kuraġġ bit-tama ta’ dak li hemm jistenniek! Ġesù jixtieq li inti tħallih ikun il-Paċi ta’ qalbek sa minn din id-dinja stess. Se tħallih?

Punt importanti ieħor huwa li tikkonċentra fuqek innifsek u ma tqabbilx lilek innifsek ma’ ħaddieħor. Il-ħażen issibu kullimkien, f’kull qasam soċjali. Il-ħażen qiegħed fejn hemm il-bniedem. Int għandek tiffoka fuqek innifsek u tipprova tgħix b’mod li togħġob lil Alla. X’jagħmel ħaddieħor, mhux fil-kontroll tiegħek. Int tista’ biss tibdel lilek innifsek, bil-qawwa tal-grazzja t’Alla li tirċievi permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin. Jekk wieħed jittama li se jinbidlu l-oħrajn l-ewwel, biex jinbidel hu/hi, x’aktarx se jmut bil-piena. Alla għad jitlob rendikont minn x’għamilt int u mhux minn x’għamel ħaddieħor.

Wasalt fejn wasalt fil-vjaġġ spiritwali tiegħek wara Kristu, kull ma trid tagħmel hu, li timxi l-quddiem b’passi żgħar kuljum… bla ma taqta’ qalbek jew tippretendi wisq minnek innifsek. Għix il-preżent bl-aħjar mod possibbli.

Kif tista’ tħobb lill-Mulej aktar? Ipprova nkludi, ma dak li diġà tagħmel, affarijiet li taf li lil Alla jogħġbuh u jixtieqhom minnek (eż. talb, qrar, tqarbin, qadi, imħabba fil-prattika, eċċ) Tesaġerax f’dak li tinkludi, għax tista’ taqta’ qalbek. Żid ftit ftit u jekk għad hemm f‘ħajtek xi jżommok milli tkun tajtu kollox, itolbU jurik u tassew  jurik x’għad fadallek tagħmel jew toffrilU. Int imbagħad, agħmel dan bil-ferħ filwaqt li tiftakar li qatt m’hu se tasal tissupera l-ġenerożità tiegħu. Hu tana KOLLOX!

Talba: Mulej, il-Papa San Soteru ħadem bla heda biex ikun mexxej tajjeb, għamel il-qalb lill-insara ppersegwitati, kif ukoll iddefenda lill-poplu mill-ereżiji li jmorru kontra t-tagħlim veru li ġabilna Kristu, agħti lilna lkoll li naħdmu bil-ferħ fl-għalqa tiegħek, nagħmlu kuraġġ lil xulxin u ngħixu skont it-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja u niddefenduh bil-għaqal u bl-għerf tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://acatholiclife.blogspot.com/2016/11/pope-st-soter.html

Alternative Reading: http://www.catholic365.com/article/2784/pope-st-soter.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Soter

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.