16 ta’ Marzu: Beatu Torello

Verżjoni Vidjo: Beatu Torello

“Qallu Ġesù: “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. ~ Mattew 26:34

386px-Beato_Torello_da_Poppi_di_ArezzoBEATU TORELLO
Eremit
1202 – 1282

Tagħrif: Torello twieled qrib l-1202 f’Poppi, raħal fuq ix-xmara Arno, fit-Toskana, l-Italja. Imrobbi sewwa minn missieru Paolo, hu għadda tfulitu ta’ Nisrani tajjeb f’raħal twelidu. Imma, ftit wara l-mewt ta’ missieru, ħajtu nbidlet għal kollox. Għamilha ma’ kumpanija ħażina, u Torello għoġbitu l-kumpanija tagħhom, u beda jgħix ħajja mtajra bħalhom.

Ġara li darba, waqt li kien barra jilgħab, serduk ittajjar għal ħdejh, qagħad fuq driegħ Torello, u idden b’leħen qawwi għal tliet darbiet. Torello tbikkem, ma kompliex il-logħba u telaq minn fejn kien. Waħħal f’rasu li dak li għamel is-serduk ma ġarax b’kumbinazzjoni, u ħadu bħala twissija kif darba l-Appostlu Pietru kien imwissi fuq l-iżbalji tiegħu mit-tiddin ta’ serduk. Fehem li l-mod ta’ ħajja li fiha kien qed jgħix kien qed ibiegħdu minn Alla.

Malajr Torello mar fl-abbazija San Fidele tal-Benedittini Vallambrosani, tkellem mal-abbati li għenu biex jagħmel qrara tajba. Imbagħad mar isib post kwiet qalb is-siġar u għadda diversi ġranet jitlob. Fl-aħħar qatagħha li jsir eremita.

Lura f’Poppi, hu biegħ il-proprjetà tiegħu, u minn dak li daħħal, żamm biss ftit flus biex seta’ jixtri ftit art f’Avellaneto. Hemm hu bena daqsxejn ta’ kamra fejn seta’ jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu. Hu kien ikabbar il-ħxejjex li kellu bżonn għall-għajxien u jieħu l-ilma minn nixxiegħa. Kien jitlob u jaħqar lil ġismu, u jorqod mhux aktar minn tliet sigħat billejl.

Torello fehem li Alla ried minnu li jgħix ħajja ta’ eremit. Matul ħajtu biss ftit nies kienu jafu bih. Il-kult lejh kien konfermat mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-patrun tal-belt ta’ Forlì. Kemm il-Franġiskani, kif ukoll il-Vallambrosani, jgħodduh bħala wieħed minnhom, imma jidher li hu kien oblata Benedittin Vallambrosan.

Il-Beatu miet fis-16 ta’ Marzu tal-1282, meta kellu 80 sena.

Ħsieb: Ħelwa tassew l-istorja tas-serduk jidden fil-ħajja ta’ dan il-Beatu. Huwa fehem li dan ma ġarax b’kumbinazzjoni imma l-għaġir tas-serduk kien ikkumbinat mal-pjan ta’ Alla biex hu jġibu f’sensieh. U int kemm temmen li Alla għandu l-modi tiegħu kif isemmgħalna leħnu u jurina x’jixtieq minn għandna? Tassew li għal min jemmen, xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. Kollox għandu skop preċiż. Kull avveniment, Alla jista’ jdawru għall-ġid tagħna. Kemm temmen li Alla għandu dan il-pjan ta’ mħabba għalik, minkejja li dan ma jfissirx li se jkollok ħajja komda u bla tbatija?

Ġesù wkoll, kien jaf li l-passjoni tiegħu ma kinetx xi ġrajja li kienet se sseħħ b’kumbinazzjoni, lanqas ma kienet se tkun xi deċiżjoni meħuda mill-bnedmin. Kienet fil-pjan t’Alla. Ġesù ttella’ quddiem il-ġustizzja tal-bnedmin, imma l-“kalċi” kien ġej mingħand Alla.

Ġesù jgħallimna li l-Missier għandu pjan ta’ mħabba għal kull wieħed u waħda minna. Hu jħobbna bi mħabba personali u, jekk aħna nemmnu f’din l-imħabba, jekk inwieġbu bi mħabbitna għaliha, minn kull ġrajja li ngħaddu minnha, Hu se joħroġ il-ġid. Għal Ġesù xejn ma ġara b’kumbinazzjoni, lanqas il-passjoni u l-mewt Tiegħu.

Wara li seħħ dan kollu, Hu Rxoxta. L-eżempju li tana Ġesù Rxoxt għandu jdawlilna ħajjitna. Kulma jasal fuqna, kulma jiġri, kulma hemm madwarna, kif ukoll kull ħaġa li ġġiegħilna nbatu, għandna nitgħallmu naqrawha bħala rieda t’Alla li jħobbna jew bħala xi ħaġa li jippermettiha Hu. Imbagħad kollox jibda jagħmel sens f’ħajjitna, kollox ikun jiswa, anki dawk l-affarijiet li meta jiġru ma nifhmuhomx jew narawhom bla sens, anki dawk li, bħalma ġralu Ġesù, jistgħu jitfgħuna f’dieqa tal-mewt. Ikun biżżejjed li, flimkien miegħu, nagħrfu ntennu, b’fiduċja sħiħa fl-imħabba tal-Missier: “Mhux li rrid jien, imma li trid int”.

Hu jrid li aħna ngħixu, li nirringrazzjawh bil-ferħ għad-doni li jagħtina fil-ħajja tagħna. Imma xi drabi din ma tkunx kif ħsibnieha aħna. Il-ħajja mhijiex li tirrassenja ruħek quddiem id-diffikultajiet, l-aktar meta tgħaddi minn mumenti ta’ tbatija. Lanqas ma hi sensiela ta’ azzjonijiet monotoni mifruxa tul ħajjitna hawn fl-art. Ir-rieda t’Alla hi l-leħen tiegħu li l-ħin kollu jkellimna u jistedinna, hi l-mod kif hu jfisser imħabbtu, biex jagħtina l-milja tal-Ħajja. Lanqas il-provi jew it-tbatijiet m’għandhom ibeżżgħuna. Jekk bl-għajnuna ta’ Ġesù nagħrfu r-rieda t’Alla fit-tbatijiet u l-provi, jiġifieri l-imħabba tiegħu għalina, dawn m’għandhomx ibeżżgħuna. U int, kemm qed tafda f’kollox lill-Mulej u sserraħ rasek Bih, li Hu għad iwasslek biex tgawdiH?

Talba: O Alla Ħanin, int ma tridx li aħna nispiċċaw fit-telfien ta’ dejjem, għalhekk qatt ma tieqaf issejħilna lura għal għandek. Nitolbuk, bl-interċessjoni tal-Beatu Torello, biex bħalu ma nibqgħux aljenati, imma nagħrfu nisimgħu l-vuċi tiegħek f’kull ċirkustanza tal-ħajja tagħna u nagħmlu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex inwarbu minna dak li ma jogħġbokx, u ngħixu ħajja ta’ qdusija kif trid minna Int. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-torello-of-poppi.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/blessed-torello.html or http://hagiomajor.blogspot.com/2013/03/march-16-feast-of-blessed-torello-of.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Frar: Santa Katerina Ricci

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Ricci

“Irridu nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna”. ~ Santa Katerina Ricci

bec8fa2e836714a387478feae475fc87SANTA KATERINA DE RICCI
Verġni
1522 – 1589

Tagħrif: Santa Katerina De Ricci kienet soru Dumnikana. Hi magħrufa fuq kollox għall-ħajja mirakoluża u mistika tagħha. Alessandra Lucrezja Romola – isimha qabel ma saret soru – kienet tħobb titlob weħidha sa minn tfulitha. Riedet issir soru, u daħlet mas-sorijiet Dumnikani ta’ San Vincenzo di Prato, bil-kunsens ta’ missierha, fl-1535, ta’ tlettax-il sena.

Fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha kellha ssofri ħafna għax ma kienitx mifhuma minħabba l-grazzji straordinarji li kellha, iżda l-umiltà u l-qdusija tagħha sa fl-aħħar ħarġu rebbieħa.

Wara dan ġiet magħżula għal bosta uffiċċji importanti, hekk li sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet superjura jew viċi-superjura. Il-passjoni ta’ Kristu kienet is-suġġett tal-meditazzjonijiet tagħha, u minn Ġesù kellha d-don li tieħu sehem fid-duluri tiegħu bl-impressjoni tal-istigmati.

Ma’ dan il-fenomenu żdied aktar tard ieħor: għal bosta snin, ta’ kull ġimgħa, minn nofsinhar tal-Ħamis sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, il-qaddisa kienet iġġedded f’ġisimha d-duluri u l-ġrajjiet prinċipali tal-passjoni ta’ Ġesù. Dawn l-estasijiet tagħha ġew ikkontrollati u awtentikati bir-reqqa l-aktar skrupluża, u ma damux ma bdew jiġbru ħafna devoti mill-inħawi ta’ Prato.

Din il-ġrajja hekk tal-għaġeb saret l-ewwel darba fi Frar tal-1542, meta l-qaddisa għalqet l-għoxrin sena, u baqgħet sejra minn ġimgħa għal ġimgħa, bla qatt ma taqta’, għal tnax-il sena, meta spiċċat għat-talb tagħha nnifisha u tas-sorijiet sħabha, għax il-fama tagħhom kienet qiegħda tiġbed lejn il-kunvent bosta nies ta’ kull kategorija, hekk li l-paċi u l-osservanza regulari tal-komunità kienu qegħdin isofru.

Qalb dawk li marru jżuruha kien hemm bosta prelati għoljin tal-Knisja, isqfijiet u kardinali, fost oħrajn il-Kardinali Cervini, Alessandro dei Medici u Aldobrandini, it-tlieta telgħu fuq it-tron tas-suċċessuri ta’ San Pietru bl-isem ta’ Marċellu II, Klement VIII u Ljun XI. Kienet ukoll iżżomm korrispondenza epistolari mal-Papa San Piju V, ma’ San Filippu Neri.

Wara marda twila għaddiet minn din id-dinja għall-oħra fil-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna tal-1589, ta’ sebgħa u sittin sena. It-talb, il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni kienu l-mezzi li bihom għamlet progressi hekk kbar.

Ħsieb: Santa Katerina Ricci saret famuża għat-tagħlim sod tagħha, li ħafna minnu hija kkomunikatu b’ittri lis-sorijiet, lill-qassisin u lil-lajċi. Din li ġejja hija kitba dwar “Il-Perfezzjoni Nisranija fil-qosor” lil waħda mis-sorijiet żgħażagħ:

“1. Inżommu lil Alla fl-ewwel post: Għandna ninsistu magħna nfusna biex niddistakkaw qalbna u r-rieda tagħna mill-imħabbiet kollha ta’ din id-dinja, ħlief mill-imħabba ta’ Alla. M’għandniex inħobbu l-ebda ħaġa li tintemm. Fuq kollox, m’għandniex nħobbu lil Alla b’mod egoistiku biex nakkwistaw xi ħaġa għalina nfusna mingħandu, imma b’imħabba safja daqs it-tjubija tiegħu stess.

2. Kull ma nagħmlu, nagħmluh għall-unur ta’ Alla: Irridu nidderieġu l-ħsibijiet, il-kliem u l-azzjonijiet kollha tagħha għall-unur tiegħu. U bit-talb, bl-istruzzjonijiet u bl-eżempju t-tajjeb infittxu l-glorja tiegħu biss, kemm jekk dawn nagħmluhom għalina nfusna, kemm wkoll jekk għal ħaddieħor, sabiex permezz tal-azzjonijiet tagħna kollha aħna nkunu nistgħu nħobbu u nunuraw lil Alla. Din it-tieni ħaġa togħġbu aktar minn tal-ewwel, għax hi tassew skont ir-rieda tiegħu.

3. Nixxenqu biss għar-rieda ta’ Alla li hi għall-aħjar tagħna: Għandna nimmiraw dejjem iżjed biex nagħmlu r-rieda divina: billi ma nixtiequ li jiġri xejn aktar, ħażin jew saħansitra tajjeb, f’din il-ħajja ta’ ħażen, biex b’hekk inżommu lilna nfusna dejjem għad-dispożizzjoni ta’ Alla, b’qalbna u b’ruħna fil-paċi. Imma irridu wkoll nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsiebna tagħna nfusna”.

  • U int għaraft li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna?
  • Temmen li Hu dejjem magħna u jekk nafdawh, Hu jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni?
  • Tifhem li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, Hu li tagħna kull ma għandna b’rigal?

Kompli afdaH bis-serjeta’ u b’imħabba filjali u Hu stess jurik maż-żmien x’kien l-aħjar li jippermetti f’ħajtek għall-ġid tiegħek u b’mod speċjali għall-ġid ta’ ruħek li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għaliH għax hi l-vera int u dik li ser tibqa’ għal dejjem.

Talba: O Alla li tista’ kollox, int wassalt lil oħtna Santa Katerina Ricci għall-qdusija permezz tal-kontemplazzjoni tal-passjoni ta’ Ibnek. Filwaqt li niftakru fil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek, għinna biex isiru predikaturi kuraġġużi u għalliema dedikati ta’ dawn il-misteri. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-de-ricci-146

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-catherine-dei-ricci

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Ricci

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh”. ~ Ġesu’ f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Bedsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla”.

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara”. Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija”, u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jippriedka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: Sibna l-Messija, jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. Dan ħadu għand Ġesù, qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġa’ kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal Dan hu l-Ħaruf, u, Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu, huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

25 ta’ Ottubru: San Ġwann Stone

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Stone

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġwanni 15:13

juanstone.jpgSAN ĠWANN STONE
Saċerdot u Martri
†1539

Tagħrif: Dan il-qaddis kien patri Agostinjan f’Canterbury li rrifjuta li jagħraf lil Neriku VIII bħala Kap tal-Knisja. Ftit nafu fuq il-ħajja ta’ San Ġwann Stone, qabel daħal Agostinjan u l-ħajja tiegħu bħala patri.

Il-Parlament tal-Ingilterra għadda liġi, magħrufa bħala l-Att ta’ Supremasija li kienet tipproklama lir-Re Enriku VIII bħala l-kap tal-Knisja. Erba’ snin wara uffiċjal tar-Re mar Canterbury biex jagħlaq il-kunventi kollha u jieħu bil-miktub mingħand kull patri id-dispożizzjoni għal dan il-att. Meta wasal għand l-Agostinjani, kulħadd iffirma dan il-kuntratt minbarra Ġwanni.

Ġwanni ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs fit-Torri ta’ Londra, fl-1539. Anki wara sena fil-ħabs baqa’ sħiħ f’fehmtu u baqa’ jixtieq li jmut biex jibqa’ fidil lejn il-Papa. Ħass lil Alla qed jinkuraġġih biex ma jċedix anke jekk ikun se jirċievi l-mewt. Dan imlieh b’saħħa liema bħala. Huwa ġie mgħallaq għall-fidi tiegħu u wara l-ġisem tal-martri ġie mqatta’. Rasu u biċċiet minn ġismu ġew imdendlin f’bieb il-belt, billi kien meqjus bħala traditur.

Il-Papa Leo XIII ibbeatifika lil Ġwann Stone fl-1886 u l-Papa Pawlu VI ikkanonizzah fl-1970, flimkien ma’ 39 martri Ingliżi oħra tal-istess perjodu.

Ħsieb: Għalkemm aħna lkoll msejħa għall-qdusija, il-mogħdijiet li nieħdu biex naslu għaliha, huma ta’ kulħadd differenti. Ħafna minn dawk ipproklamati bħala qaddisin huma nnotati għall-ħajja eċċezzjonalment virtuża tagħhom. F’oħrajn, bħal fi Ġwann Stone, madankollu, ħafna mill-virtujiet tal-ħajja huma moħbija u huwa biss l-erojiżmu tal-fedeltà li jdawwal ħajtu, iżda minn dak li nafu fuq kif għex lejn l-aħħar ta’ ħajtu sat-tmiem, il-validità tiegħu ma tistax tiġi interpretata ħażin. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-Ħabib!

Kien propju meta kien fil-ħabs li Ġwann kellu esperjenza reliġjuża li ġiet irreġistrata mill-apologu u l-bijografu Kattoliku, Nicholas Harpsfield:

“Ġwann Stone ġie mlibbes bil-kuruna tal-martirju f’Canterbury. Imma qabel dan, wara li talab bil-ħerqa fil-ħabs lil Alla u wara li sam b’mod kontinwu għal tlett ijiem, huwa sema’ vuċi, għalkemm ma ra lil ħadd, li indirizzah b’ismu u qallu jagħmel il-qalb u ma joqgħodx lura milli jibqa’ sod fit-tbatijet sal-mewt għat-twemmin li hu kien jistqarr. Minn dan iż-żmien ‘l quddiem, Ġwann kiseb tali ħeġġa u saħħa li qatt ma ħalla lilu nnifsu, bil-persważjoni jew bit-terrur, jerġa’ lura mill-għan tiegħu. Dawn il-fatti tgħallimthom mingħand raġel niedem u ta’ fiduċja, li għadu ħaj, u li lilu Stone stess kien għarrafhomlu.”

Minn din l-esperjenza ta’ Ġwann Stone naraw kif il-Mulej qatt ma jabbandunana fiż-żmien tal-aktar bżonn, li Alla huwa dak li jagħti l-qawwa lill-martri. Dan l-eżempju narawh ċar ukoll fil-mumenti tant iebsa li għadda minnhom Sidna Ġesù Kristu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ:

“Inxteħet għarkupptejh jitlob u jgħid: ‘Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.’ Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art.” (Luqa 22:41-44)

Imma mbagħad fl-ittra lil-Lhud insibu dan:

“Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.” (Lhud 5:7-9)

U hawn tiġi l-mistoqsija: ‘Imma kif dan il-passaġġ qed jgħidilna li t-talb ta’ Kristu biex Alla jsalvah mill-mewt ġie mismugħ jekk nafu li minkejja t-talb u s-suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ, huwa xorta għadda mill-mewt l-aktar kiefra?’ Tgħid dan xi żball? Le. Ir-rakkont  jgħid li Ġesù:

  • daħal fil-ġnien imtaqqal,
  • ruħu mnikkta għall-mewt,
  • talab lil ħbiebu biex jishru u jitolbu miegħu,
  • kellu biża’ tremenda minħabba dak li kien ser jgħaddi minnu għalina,
  • imma talab b’ħerqa dejjem iżjed lil Missieru li kellu s-setgħa jeħilsu u jbiegħed minnu l-kalċi tal-Passjoni,
  • hekk li għereq l-għaraq tad-demm (kundizzjoni li tiġri meta bniedem ikun fi stat ta’ biża’ u terrur kbir).

Imma mbagħad nafu wkoll li:

  • deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb,
  • mar iqajjem hu stess lid-dixxipli biex jgħidilhom li s-siegħa tiegħu kienet waslet: “reġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!” (Mattew 26:44,46)
  • Ġesù mar bil-kuraġġ kollu jaffaċċja lil dawk li kienu ġejjin biex jarrestawh. Insibu fi Ġwanni: “Mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” U hu qalilhom: “Jiena hu.” … “Lil min qegħdin tfittxu?” raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret.” Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru,” (b’referenza għad-dixxipli) (Ġwanni 18:4-9)
  • issaporta t-tradiment ta’ Ġuda: “Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” (Luqa 22:47-48)
  • fejjaq il-widna ta’ Malku meta: “Xmun Pietru darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.” (Ġwanni 18:10) “Ġesù messlu widintu u fejjqu.” (Luqa 22:52)
  • u qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġwanni 18:11)

Dan kollu jindika li minkejja li l-Missier xorta waħda riedu jgħaddi mill-Passjoni, imma TAH IL-QAWWA biex ikun jiflaħ jgħaddi minn dak kollu li kien fil-pjan li jgħaddi. L-istess kif għamel ma’ San Ġwann Stone meta dan kien fil-ħabs imbeżża’.

Fil-każ ta’ Ġesu’, il-qawwa li rċieva tidher fit-trasformazzjoni li seħħet fih waqt it-talb ħerqan li għamel lill-Missier. Fil-bidu daħal beżgħan imma wara li talab umbagħad qam, qajjem lid-dixxipli u mar jaffaċċja hu stess lil min kien ġej jarrestah. Kellimhom b’awtorita’ u talabhom biex ladarba riedu lilu, kellhom iħallu lid-dixxipli jmorru, fejjaq widnejn Malku u ċanfar lil Pietru bil-kliem: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” U nafu li din il-qawwa wasslitu biex iġorr is-salib, jissammar fuqu u ftit qabel ma’ jmut jgħid il-kelmiet: “Kollox mitmum!” L-istess fil-każ ta’ San Ġwann Stone. It-trasformazzjoni li seħħet waqt it-talb ħerqan tiegħu meta kien fil-ħabs, tidher fil-mod kif baqa’ sod fl-istqarrija tal-fidi tiegħu sal-aħħar tant li affronta l-martirju tiegħu b’kuraġġ kbir.

X’tista’ titgħallem minn dan? Titgħallem li forsi Alla ma jridx ineħħielek is-salib li qed titolbu jneħħilek. Forsi dan l-istess salib, se jkun għalik sors li bih int issir qaddis/a u ssalva wkoll erwieħ oħra. Min jaf li kieku minflok titolbu jneħħilek is-salib, titolbu biex jagħtik il-qawwa jew l-għerf, jew jgħallmek kif għandek iġġib ruħek f’ċerti sitwazzjonijiet? Ħaġa waħda hi ċerta, li min għandu qima vera lejn Alla u min jitlob b’ħerqa u b’perseveranza mill-qalb, dejjem ser jaqla’ mingħandu l-għajnuna kollha meħtieġa biex iwettaq ir-rieda tiegħu sal-aħħar.

  • U int x’inhi l-attitudni tat-talb tiegħek lejn Alla?
  • Tafda xejn li Hu dejjem ser jagħżel dak li hu l-aħjar għalik u għall-Knisja?
  • Tafdah li jagħtik dik l-għajnuna f’waqtha meta forsi l-biża’ tkun ser taħkmek?

Talba: Mulej, agħmel li xejn ma jbeżżagħni, għax kulma jiġri mhuwiex għajr ir-rieda tiegħek! Mulej, agħmel li ma jkolli l-ebda xewqa fija, għax l-akbar xewqa tiegħi hi r-rieda waħdanija tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, x’inhu importanti fil-ħajja, mhux ir-rieda tiegħek? Agħmel li xejn ma jħawwadni, għax ir-rieda tiegħek tinsab f’kollox. Agħmel li ma niftaħar b’xejn, għax kollox ġej mir-rieda tiegħek”. (Talba ta’ Chiara Lubich)

English Version: https://www.midwestaugustinians.org/st-john-stone/

Alternative Reading: http://augustinians.net/index.php?page=jstone_en

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Stone_(martyr)

Life of Saint John Stone: https://gloria.tv/video/ZMjR3k3pN3Hv3X6hGsg7cHCYi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.