30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/first-christian-martyrs-church-rome-2/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/firsaint-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

18 ta’ Mejju: San Ġwann I

Verżjoni Vidjo: San Ġwann I

“Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” – Ġesù f’Mattew 10:28.

779e95c62d38f9003c952b71575d7b1bSAN ĠWANN I
Papa u Martri
? – 526

Tagħrif: San Ġwann twieled fit-Toskana, l-Italja. Kien għadu żagħżugħ meta sar qassis, f’Ruma. Wara sar Arċidjaknu, u meta miet il-Papa San Ormiżda, laħaq Papa floku, f’Awwissu 523.

F’dan iż-żmien, Ġustinu I li kien Imperatur Nisrani f’Kostantinopli kien b’ruħu u b’ġismu kontra l-Arjani; filwaqt li fl-Italja kien hemm ir-Re Teodoriku Nisrani wkoll iżda kien Arjan.

Fis-sena 523, Ġustinu I ordna li l-Arjani ma setax ikollhom impjieg maċ-ċivil u mal-Armata, u biex iroddu lill-Kattoliċi l-knejjes kollha li kienu ħadulhom.

Min-naħa l-oħra, Teodoriku hedded li jibda persekuzzjoni kontra l-Kattoliċi jekk Ġustinu I ma jirtirax l-ordni li kien ta. Qatagħha li qabel jirritalja, jibgħat il-Papa Ġwanni I, bħala ambaxxatur biex jipprova jipperswadi lill-Imperatur.

Il-Papa mar għalkemm kontra qalbu. Meta wasal Kostantinopli qabel il-Milied tas-sena 525 ġie milqugħ bl-unuri kollha. Dam hemm ħames xhur, u fl-Għid tas-sena 526 mar iqaddes f’Sofija, fejn fuq talba tal-Imperatur stess, inkurunah mill-ġdid.

Ir-Re Teodoriku ħaseb li l-Papa kien qed jikkonfoffa kontrieh mal-Imperatur, u meta l-Papa ġie f’Ravenna , li kienet il-Belt kapitali ta’ Teodoriku, tefgħu l-ħabs.

Fil-ħabs il-Papa kien tant immaltrattat li miet ftit ġranet wara, fit-18 ta’ Mejju, 526. Il-ġisem tiegħu ħaduh Ruma, u llum jinsab midfun f’San Pietru.

Ħsieb: Ma nistgħux nagħżlu l-kwistjonijiet li għalihom għandna nsofru u forsi mmutu. Il-Papa Ġwanni I sofra minħabba li l-Imperatur kien konxju wisq tal-poter u ssuspetta ħażin fih. Ġesù sofra minħabba s-suspetti ta’ dawk li ħassewhom mhedda bil-libertà, bl-onestà u bis-setgħa ta’ kliemu u għemilu. “Jekk id-dinja tobgħodkom,” qalilna Ġesù, “kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.” (Ġwanni 15:18). Imbagħad jgħidilna wkoll: “U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.” (Mattew 10:28).

Dawn huma xi siltiet mir-riflessjonijiet tal-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa minn Dar Santa Marta nhar t-Tlieta 12 ta’ April, 2016:

“Il-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja. Tajjeb li nirriflettu dwar il-persekuzzjonijiet li tul elfejn sena sawwru l-istorja tal-fidi Nisranija. Ilum hemm tant Insara li jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, oħrajn huma ppersegwitati b’metodi sofistikati għax iridu juru li huma wlied Alla.

Jeżistu persekuzzjonijiet imdemmija bħal, per eżempju, nies li jisfaw mikulin mill-annimali salvaġġi għal gost tal-poplu li jkun qed jarahom, jew inkella vittmi ta’ splużjonijiet huma u ħerġin mill-Quddiesa. Hemm ukoll persekuzzjonijiet ‘bl-ingwanti bojod’, moħbijin taħt il-libsa ‘tal-kultura’, dawk li jitfgħuk f’rokna tas-soċjetà, li jaslu biex ineħħulek ix-xogħol jekk inti ma timxix mal-liġijiet li jmorru kontra Alla l-Ħallieq.

Jiena ngħid li l-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja. Dan qalu Ġesù. Meta aħna mmorru bħala turisti fil-Kolossew ta’ Ruma, naħsbu li l-martri huma dawk li nqatlu mill-iljuni. Imma dawk ma kienux l-uniċi martri.

Il-martri huma rġiel u nisa tal-ħajja ta’ kuljum, dawk li kienu qed jiċċelebraw l-Għid fil-Pakistan u sfaw martri propju għax kienu qed jiċċelebraw lil Kristu Rxoxt. B’hekk l-istorja tal-Knisja tibqa’ dejjem miexja bil-martri tagħha. Il-martirju ta’ Stiefnu kien il-bidu ta’ persekuzzjoni krudili kontra l-Insara ta’ Ġerusalemm l-istess bħal dik ta’ min illum mhux ħieles biex jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù.

Imma hemm persekuzzjoni oħra, waħda li ma tantx nitkellmu dwarha, persekuzzjoni moħbija wara l-maskra tal-kultura, tal-modernità, taħt il-maskra tal-progress. B’mod ironiku jien insejħilha ‘persekuzzjoni edukata.’ Issir meta bniedem ikun ippersegwitat mhux għax irid juri li jistqarr l-isem t’Alla imma għax irid juri b’ħajtu l-valuri ta’ Iben Alla. Hija persekuzzjoni kontra Alla l-Ħallieq fil-persuna ta’ uliedu!

U b’hekk ta’ kuljum naraw li s-setgħat jgħaddu liġijiet li jobbligaw lil dak li jkun jimxi f’dit-triq u nazzjon li ma jimxix fuq dawn il-liġijiet ‘moderni’, kolti, jew li ma jridx idaħħalhom fil-kodiċi tiegħu, ikun akkużat, ippersegwitat b’mod ‘pulit, edukat’. Hi persekuzzjoni li lill-bniedem tneħħilu l-libertà, u tneħħilu wkoll id-dritt li joġġezzjona minħabba l-kuxjenza. Din hi l-persekuzzjoni tad-dinja, li tneħħi l-libertà, filwaqt li Alla, għamilna ħielsa biex nagħtu xhieda tal-Missier li ħalaq u ta’ Kristu li salvana.

Din il-persekuzzjoni, għandha wkoll ‘ras.’ Ir-ras tal-persekuzzjoni ‘edukata’ qalilna min hu Ġesù stess: il-prinċep ta’ did-dinja. U meta s-setgħat ikunu jridu jimponu atteġġjamenti, liġijiet li jmorru kontra d-dinjità ta’ Iben Alla, jippersewgitaw lil min ma jaqbilx magħhom u jmorru kontra Alla l-Ħallieq. Din hi l-ereżija l-kbira.

B’hekk il-ħajja tal-Insara tibqa’ miexja b’dawn il-persekuzzjonijiet. Imma l-Mulej wegħedna li mhux se jitbiegħed minna. ‘”Attenti, oqgħodu attenti! Taqawx fl-ispirtu tad-dinja, oqgħodu attenti! Imma ibqgħu mexjin għax jien inkun magħkom!”

Talba: O Alla, li tippremja l-fidili tiegħek; int qaddist dan il-jum bil-martirju tal-Papa Ġwann I; aħna u nagħtuh ġieħ għall-merti tiegħu, nitolbuk biex aħna, il-poplu tiegħek, inkunu bħalu qawwija sal-aħħar fil-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-john-i.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_John_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

15 ta’ Mejju: San Pietru u Santa Dijonisja

Verżjoni Vidjo: San Pietru u Santa Dijonisja

“Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” – San Pietru ftit qabel ma miet.

pls-Saints-Peter-and-DionysiaSAN PIETRU U SANTA DIJONISJA
Martri

Tagħrif: Fil-persekuzzjoni fi żmien il-ħakma ta’ Deċjanu, id-demm kristjan kien qed jinxtered f’Lampsacus, belt fl-Asja Minuri fit-Turkija tallum. San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ġew ikkundannati sabiex imut f’isem Kristu u għalkemm kien għadu żgħir fl-età, laqa’ dawn it-turmenti bil-ferħ.

Ġie marbut bil-ktajjen ma’ rota u kissrulu għadmu. Hu min-naħa ‘l-oħra, għolla ħarstu u qal: “Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” Meta l-kmandant ra li din it-tortura kienet għalxejn, ordna li jaqtgħulu rasu.

Ftit wara fl-istess belt, il-verġni Dijonisja ħadet il-kuruna li tilef l-appostlu Nikomakus. L-istorja tiegħu tgħallem li dawk li jitilfu lil Kristu flok ma jbatu għalih, jitilfu kollox. Bil-ftit saħħa li kien għad fadallu waqt it-tortura għajjat: “Jien qatt ma kont Nisrani. Jien nissagrifika għall-allat!” Għal dan il-kliem, Nikomakus ġie meħlus u fil-fatt vera offra sagrifiċċju lill-allat. Dak il-ħin stess huwa ġie ppossessat mix-xitan u ftit tal-ħin wara miet.

“Ja raġel imdejjaq!” għajtet Dijonisja, “għalfejn bżajt li tbati ftit? Minflok, issa ser tbati għall-eternità.” Minħabba f’dan, ġiet arrestata iżda bis-saħħa tal-Anġlu Kustodju tagħha, hi ġiet meħlusa mill-ħabs.

Iżda x-xewqa tagħha li tfittex tmur il-Ġenna tiltaqa’ ma’ Ġesù tant kienet kbira li nxteħtet fuq l-iġsma tal-martri, tgħajjat: “Nippreferi mmut ħalli ngħix magħkom għal dejjem fil-Ġenna.” U Kristu, Sid il-verġni u martri, wettqilha xewqitha.

Ħsieb: Illum għad għandna martri għal Kristu? Skont il-Papa Franġisku, hemm aktar Insara ppersegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja. Dan qalu t-Tnejn, 30 ta’ Ġunju, 2014 fl-omelija tiegħu f’quddiesa f’Santa Marta. Hu spjegaha b’dan il-mod:

“Filwaqt li l-Knisja tfakkar lill-qaddisin martri tal-bidu, fil-bidu tal-quddiesa ntemmu li l-Mulej ‘saqqa bid-demm tal-martri l-ewwel żerriegħa tal-Knisja.’ Qed nitkellmu dwar it-tkabbir ta’ pjanta, u dan ifakkarna dak li kien jgħid Ġesù: ‘Is-Saltna tas-sema hi bħal dak il-bniedem li tefa’ ż-żerriegħa mbagħad telaq lura lejn daru, u, rieqed jew imqajjem, iż-żerriegħa tikber u twarrad mingħajr ma jkun jaf kif hu.’ Din iż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li tikber u ssir is-Saltna t’Alla, issir Knisja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bix-xhieda tal-Insara.

Nafu li mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikun hemm tkabbir; Hu jagħmel il-Knisja, Hu jgħinha tikber, Hu jlaqqa’ flimkien il-komunità tal-Knisja. Imma hi meħtieġa wkoll ix-xhieda tal-Insara. U meta din ix-xhieda tasal fl-aħħar, meta ċ-ċirkostanzi storiċi jitolbu minna xhieda qawwija, hemmhekk insibu l-martri, l-akbar xhieda. U dik il-Knisja tissaqqa’ bid-demm tal-martri. Dan hu s-sabiħ tal-martirju. Jibda bix-xhieda, jum wara ieħor, u jista’ jintemm bħalma ntemm Ġesù, l-ewwel martri, l-ewwel xhud, ix-xhud fidil: bid-demm.

Iżda hemm kundizzjoni biex din ix-xhieda tkun waħda vera, żied il-Papa, trid tkun mingħajr kundizzjonijiet. Smajna fl-Evanġelju li dak ir-raġel ried imur wara l-Mulej, imma jagħmillu kundizzjoni: ried imur isellem ‘il-missieru u jidfnu…… Il-Mulej iwaqqfu: ‘Le!’ Ix-xhieda hija mingħajr kundizzjonijiet, trid tkun soda, deċiża, irid ikollha l-lingwaġġ tant qawwi li jgħidilna bih Ġesù: ‘il-lingwaġġ tagħkom irid ikun iva, iva,le, le. Dan hu l-lingwaġġ tax-xhieda.’

Illum, inħarsu lejn din il-Knisja li qed tikber imsoqqija bid-demm tal-martri. Imma hu xieraq ukoll, li llum naħsbu f’tant martri ta’ żmienna, tant martri li jagħtu ħajjithom għall-fidi. Hu minnu li kien hemm ħafna Nsara ppersegwitati fi żmien l-imperaturi tal-bidu, imma llum mhumiex b’anqas.

Illum hemm tant martri fil-Knisja, tant Insara ppersegwitati. Niftakru fil-Lvant Nofsani, l-Insara jkollhom jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, tant Insara maqtulin mill-persekuturi. Anki dawk l-Insara li jitkeċċew ‘il barra b’mod aktar diplomatiku, bl-ingwanti bojod: anki dik hi persekuzzjoni.

Illum hemm ħafna aktar xhieda, aktar martri fil-Knisja milli kien hemm fl-ewwel sekli. Ejjew ma ninsewx lil dwar dawn ħutna li jgħixu fil-persekuzzjoni, li jbatu, u li b’demmhom isaqqu u jkabbru ż-żerriegħa ta’ tant Knejjes żgħar li jinbtu kuljum. Nitolbu għalihom u għalina.”

  • U int, titlob għal dawn ħutna ppersegwitati minħabba twemminhom biex jaffaċċjaw dan kollu bil-kuraġġ kif għamlu San Pietru u Santa Dijonisja u biex qatt ma jaslu biex jiċħdu l-fidi tagħhom minħabba l-istess persekuzzjonijiet bħalma għamel Nikomakus?

Talba: Mulej, nirringrazzjak għal tant xhieda bħal San Pietru u Santa Dijonisja li demmhom saqqa ż-żerriegħa ta’ tant Insara oħra, fosthom aħna, li kellhom jirċievu l-fidi mogħtija lilna mill-appostli qalbiena tiegħek tal-ewwel żminijiet. Agħtina llum, għat-talb tal-martri tiegħek, li ma nintelqux fil-fidi tagħna, li ma nillaxkawx u ma ninġarrux mill-kurrenti li qed ikażbru l-liġi u t-tagħlim tiegħek, imma li nibqgħu sodi u nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna anki jekk niġu ppersegwitati. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saints_peter_andrew_paul_dionysia.html

Alternative Reading: http://www.sacred-texts.com/chr/lots/lots156.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter,_Andrew,_Paul,_and_Denise

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ April: San Ġorġ

Verżjoni Vidjo: San Ġorġ

“Infaħħruk, Mulej, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex aħna, bnedmin dgħajfa, ikollna dejjem il-għajnuna f’waqtha ta’ San Ġorġ, li fil-martirju tiegħu sar jixbah lil Ibnek Ġesù Kristu Sidna.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġorġ.

StGeorge1SAN ĠORĠ
Martri
? – 303

Tagħrif: Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ. Kulma nafu b’ċertezza dwar dan il-qaddis martri tant famuż hu li hu sofra l-martirju fil-bidu tas-seklu 4, f’Diospolis (jew Lidda) fil-Palestina, aktarx taħt Djoklezjanu. Ma hemmx dubju dwar l-eżistenza tiegħu. Sa mis-seklu 4 kien ġa miqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu.

Il-qima lejh hi verament ġejja mill-qedem – fuq il-Lvant tal-Baħar tal-Galilea, skrizzjoni tas-sena 367 diġà tirreferi għalih. Il-Griegi dejjem żammew devozzjoni partikulari (bħala patrun tas-suldati) lejn San Ġorġ u jsejħulu l-Megalo-martri (li tfisser il-kbir martri).

Fil-Punent hu kien popolari ħafna bħala l-kavallier-martri. Nibtu ħafna leġġendi dwaru imma li ma għandhomx valur storiku. Li San Ġorġ ħeles lil bint is-Sultan mid-dragun, hi leġġenda li bdiet fl-Italja fis-seklu tnax.

San Ġorġ hu wieħed mill-14-il qaddis protettur Awiżiljatur u hu l-patrun tal-Ingilterra, il-Portugall, il-Ġermanja u tal-ibliet ta’ Ġenova u ta’ Venezja. Hu l-patrun wkoll tal-‘boyscouts’.

Fil-gżejjer Maltin hu meqjum b’mod speċjali fil-parroċċi ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u fir-Rabat, Għawdex, u hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Għawdex.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet mill-omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri, 20 ta’ Lulju, 2014 mill-Isqof Mons. Mario Grech:

San Ġorġ bniedem bħalna
“Se nitkellem dwar id-dgħufija, għax quddiemna llum għandna lil San Ġorġ. Ġieli jiġri li lil San Ġorġ tant ngħolluh fil-għoli, li nirrenduh xi ħadd li ma jistax jintlaħaq. Bħal kull bniedem ieħor, Ġorġi kellu piżijiet tqal x’jerfa’ fuq spallejh.

  • Żgur ma kinitx għażla ħafifa għalih meta ddeċieda li jqassam ġidu lill-foqra.
  • Anqas kien faċli għalih meta għamel f’moħħu li jmur kontra l-liġi ta’ Djoklezjanu u jqatta’ l-editt tiegħu.
  • Kienet iebsa għal dan it-tribun meta għażel li jitfa’ wara spallejh il-karriera militari tiegħu.
  • Ma neskludix li Ġorġi kien xi ftit deluż meta minkejja t-taħbit tiegħu, ma kisibx il-libertà reliġjuża għal sħabu l-Insara.
  • Ġorġi ma setax ma jitriegħedx xħin sema’ tinqara s-sentenza tal-martirju tiegħu. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna li meta ħa l-martirju, Ġorġi ma kienx jobsor li wara mewtu l-Insara kienu ser jiftakruh u jiċċelebrawh; għalih il-martirju kien it-tmiem bil-konsegwenza li jintesa ma’ mewtu.

Jien konvint li San Ġorġ, li bħalna ġarrab il-vulnerabbiltà, jifhimna meta llum qed irressqulu l-bniedem u lill-komunità Nisranija li fil-miżerja tagħhom ikollhom waqtiet ta’ skuraġġiment; imma llum indur fuq San Ġorġ tagħna, imlibbes b’dik l-armatura tal-qawwa, u nitolbu jikkonvinċina li ma għandniex inċedu quddiem il-qtigħ il-qalb, imma, imsaħħin bl-eżempju tiegħu u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nitolbu d-don tal-qawwa. Din hija l-Bxara t-tajba li nixtieq inwassal lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha: agħmlu l-qalb; il-vulnerabbiltà, id-dgħufija, huma parti mill-ħajja, imma stinkaw u itolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex jagħtina d-don tal-qawwa. Ġorġi ma kienx xi ġgant. Ma kellux kwalitajiet super-umani – inkella l-Knisja tiżbalja meta tpoġġih bħala kampjun. Kien bħalna f’kollox.

Hija grazzja minn Alla li Ġorġi tagħna kien dgħajjef, għax hekk huwa seta’ jduq il-qawwa ta’ Alla. Hija grazzja li aħna fil-ħajja ngħaddu minn waqtiet fejn inħossuna msabbtin mal-art. Ara taqtgħu qalbkom. Hija wkoll grazzja għall-Knisja li tidher dgħajfa. Jien jiddispjaċini li fostna għad hawn min jaħseb li l-Knisja hija qawwija meta hija Knisja trijonfanti u potenti. Din mhix il-Knisja ta’ Kristu. Jekk bħalissa l-Ewropa għaddejja minn żmien fejn it-tagħlim tal-Knisja qed jaqa’ fuq widnejn torox, fejn il-knejjes qed jitbattlu min-nies, fejn f’xi postijiet hija evidenti l-isterilità tal-Knisja tant li ma għadhiex twelled ulied ġodda, din tista’ tkun grazzja, għax hekk il-Knisja tinża’ l-armatura umana, tneħħi l-qafas materjali li nbena mal-medda tas-snin, biex hekk inħallu l-qawwa ta’ Alla tidher. Naf li din mhix lezzjoni ħafifa, lanqas għan-nies tal-Knisja!

Jekk San Ġorġ għandu storja glorjuża, dan għaliex aċċetta d-dgħufija tiegħu u bħal Pawlu kien jgħid: “Jien qawwi meta jien dgħajjef.” San Ġorġ. kien imbeżża’ mill-eżerċtu Ruman li kien qed jippersegwita lill-Insara; hu wkoll kien konxju mill-miżerja tiegħu; imma propju għalhekk Alla seta’ jgħidlu biex bil-qawwa li kien hemm fih, huwa jmur jaffronta lill-għadu. Kif Alla wennes lil San Pawl, hekk ukoll wennes lil Ġorġi meta qallu li kienet biżżejjed għalih il-grazzja tiegħu, li tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”

  • U int, konvint illi inti bniedem/ma dgħajjef/dgħajfa u li bħal San Ġorġ jeħtieġlek tfittex l-għajnuna tal-grazzja u l-qawwa ta’ Alla biex tegħleb id-dnub u dak kollu li jista’ jfixklek milli ssir qaddis/a fuq il-passi tal-qaddis tal-jum?

Talba: Mulej, f’ġieħ San Ġorġ li għeleb it-tbatijiet tal-martirju biex għadda minn din id-dinja għal għandek, għamel li aħna wkoll nibqgħu sa l-aħħar magħqudin miegħek fl-imħabba, biex ikun jistħoqqilna nidħlu miegħek fis-saltna ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-george.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-george/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_George

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Marzu: San Benjamin

Verżjoni Vidjo: San Benjamin

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”. ~ Ġesù f’Mattew 10: 32-33

BenjaminSAN BENJAMIN
Djaknu u Martri
† c. 424

Tagħrif: Fil-bidu tas-seklu ħamsa, l-insara tal-Persja kienu gawdew tnax-il sena ta’ paċi. Fis-sena 420, matul ir-renju ta’ Isdegard, iben is-Sultan Sapor III, dan is-sliem kien disturbat miż-żelu xejn għaqli ta’ Abdas, isqof nisrani, li ħaraq it-tempju tal-alla Nar, is-santwarju kbir tal-Persjani. Ir-re Isdegard hedded li jeqred il-knejjes kollha tal-insara kemm-il darba l-isqof ma jibnix mill-ġdid dak it-tempju.

Billi Abdas irrifjuta li jagħmel dan, allura t-theddida ġiet esegwita; il-knejjes ġew meqruda, lil Abdas qatluh, u bdiet persekuzzjoni ġenerali li damet sejra 40 sena. Isdegard miet fl-421, imma ibnu u suċċessur tiegħu, Varanes, komplew il-persekuzzjoni b’qilla akbar. L-insara kienu sottomessi għall-moħqrijiet mill-aktar kiefra.

Fost dawk li sofrew kien hemm Benjamin, djaknu, li kien mitfugħ il-ħabs. Fl-aħħar, ambaxxatur tal-imperatur ta’ Kostantinopli qalagħlu l-ħelsien bil-kundizzjoni li hu qatt ma jkellem iktar lil ħadd min-nies tas-sultan dwar ir-reliġjon.

Iżda San Benjamin kien iħoss li kien dmir tiegħu li jipprietka lil Kristu, u li ma setax iżomm is-skiet. Għalkemm ġie meħlus fuq il-ftehim li sar bejn l-ambaxxatur u l-awtoritajiet Persjani, hu ma riedx joqgħod ma jitkellimx, u ma kien jitlef ebda opportunità li jxandar lil Kristu. Wara li ġagħluh isofri ħafna, San Benjamin tawh il-martirju għall-ħabta tas-sena 424.

Ħsieb: San Benjamin ħa bis-serjetà l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.” (Mattew 10:32-33). Benjamin ma ċaħadx lill-Mulej u hekk huwa sofra l-konsegwenzi terribbli li ġabu magħhom l-mexxejja ħżiena. Sakemm ma nkunux lesti li nitilfu ħajjitna għal Kristu, aħna mhux se nirtu s-Saltna Tiegħu, u lanqas għandna nirtuha. Illum, agħti l-qalb tiegħek lil Ġesù u għix ħajtek għaliH biss, ħalli Hu jkun jista’ jippreparalek post għalik fis-Saltna Eterna Tiegħu.

Dan li ġej huwa kliem Chiara Lubich:

“Ġesù jħeġġiġna biex ngħixu bis-sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier. Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . .  ”. Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċirkustanza oħra tal-ħajja. Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn. Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalbna minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh. Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom.” (Ġwanni 15:20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.”

Talba: Għażiż Ġesù, agħmel li aħna qatt ma nibżgħu nistqarruk quddiem il-bnedmin, billi nsemmgħu leħenna b’ l-imħabba għaliK u nuru li aħna tiegħeK u miegħeK. Nitolbuk li, bħal San Benjamin, aħna nkunu dejjem lesti li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, anke meta affaċċjati minn persekuzzjonijiet u diffikultajiet ta’ kull xorta. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/03/st-benjamin-deacon-martyr.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-benjamin-the-deacon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benjamin_the_Deacon_and_Martyr

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Marzu: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħall-kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ċirillu ta’ Ġerusalemm (Danjel 12:3).

St-Cyril-Apostle-to-the-SlavsSAN ĊIRILLU TA’ ĠERUSALEMM
Isqof u Duttur tal-Knisja
315 – 386

Tagħrif: San Ċirillu twieled fis-sena 315 minn ġenituri nsara, u ġie edukat f’Ġerusalemm. Ġie ordnat saċerdot minn San Massimu, l-Isqof ta’ Ġerusalemm. Kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem u jipprepara l-katekumeni għall-magħmudija.

Meta San Massimu miet, Ċirillu laħaq floku fis-sena 349, fi żmien meta l-Knisja kellha tħabbat wiċċha bil-kbir ma’ l-ereżija ta’ Arju, li Ċirillu kkumbatta b’ħiltu kollha.

Fis-sena 357, ġie mkeċċi minn Ġerusalemm minn Akaċju, l-Arċisqof Metropolitan ta’ Ċesarija li kien Arjan, u mar f’Tarsus. Iżda sentejn wara, il-Kunsill ta’ Selewkja ġabu lura f’Ġerusalemm. Fis-sena 360, Akaċju reġa’ keċċieh bl-għajnuna tal-Imperatur Kostanzu, iżda sena wara ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Ġuljanu (li ‘l quddiem ġie msejjaħ l-“Apostata”), li kien laħaq flok Kostanzu.

San Ċirillu ra l-attentat ta’ Ġuljanu l-Apostata jisfaxxa fix-xejn meta bi sfida għall-kliem ta’ Ġesù ried jerġa’ jibni t-tempju ta’ Ġerusalemm.

Għat-tielet darba, Ċirillu ġie mkeċċi minn Ġerusalemm. Din id-darba mill-Imperatur Arjan Valent fis-sena 367. Ħdax-il sena wara, ġie msejjaħ lura mill-Imperatur Teodosju, fejn baqa’ sakemm miet fil-paċi, tmien snin wara, fit-18 ta’ Marzu 386.

Fis-sena 381, attenda l-Konċilju ta’ Kostantinopli, fejn aċċetta l-verżjoni sħiħa tal-Kredu ta’ Niċea.

Ħsieb: Ċirillu jidher li twieled fi żmien meta kien qed jibda żmien ġdid għall-insara għax Kostantinu l-Kbir ta l-libertà lill-Knisja. Hekk kif sar saċerdot, l-isqof tiegħu Massimu tah l-inkarigu li jipprietka fir-Randan lil dawk li qed jitħejjew għall-magħmudija, u fi żmien il-Għid lil dawk li jkunu tgħammdu ġodda. Huwa qeda dan id-dmir b’effett kbir, mhux tant mill-elokwenza tiegħu daqskemm mill-eżempju billi ħajtu kienet taqbel perfettament ma’ dak li kien jipprietka.

Ċirillu kellu dik il-ħabta madwar 34 sena. Hu kellu jġarrab ħafna persekuzzjonijiet minħabba li kien difensur qalbieni tat-twemmin kattoliku kif definit mill-Konċilju ta’ Niċea (325), kontra l-Arjani li kienu jiċħdu d-divinità ta’ Kristu.

Ċirillu kien imkeċċi mis-sede ta’ Ġerusalemm minn Akaċju, isqof Arjan ta’ Ċesarea, li kien jgħid li kellu ġurisdizzjoni fuq Ġerusalemm. Dan Akaċju laqqa’ sinodu Arjan biex jikkundanna lil Ċirillu fuq il-pretest li dan l-isqof qaddis kien biegħ oġġetti tal-Knisja biex jgħin lill-foqra bil-ġuħ; imma fil-verità kkundannah għax kien jopponi l-Arjaniżmu.

Fis-sena ta’ wara (379), il-Konċilju ta’ Antjokja bagħat lil San Girgor ta’ Nissa fil-Palestina biex jinvestiga akkużi li qalgħu kontra San Ċirillu, fosthom li hu ma kienx ordnat isqof b’mod regolari u li hu ma kienx konformi mal-Konċilju ta’ Niċea. San Girgor ta’ Nissa, wara eżami bir-reqqa, irraporta lura lill-Konċilju li s-sede ta’ Ġerusalemm kienet imħabbta mill-partiti u l-Arjaniżmu, imma l-fidi tagħha u dik ta’ Ċirillu kienu ortodossi (jiġifieri jaqblu mal-fidi vera kattolika).

San Ċirillu għex ħajja ta’ sofferenzi għall-kawża tas-sewwa. Hu kkalkolat li dan l-isqof qaddis għamel b’kollox sittax-il sena fl-eżilju. San Ċirillu ta’ Ġerusalemm huwa l-awtur tal-famuż Catecheses, sensiela profonda, u fl-istess ħin sempliċi, ta’ erbgħa u għoxrin prietka fuq il-Kredu, il-Missierna u s-sagramenti tal-Għid. Din l-opra kitibha meta hu kien għadu sempliċi saċerdot, għall-ħabta tas-sena 347. Din tiegħu hija waħda mill-opri l-aktar prezzjużi tal-antikità.

  • U int, tibqa’ sod/soda fit-twemmin tiegħek meta tiġi affaċċjat ma’ kull xorta ta’ kuntrarju, meta jwarrbuk u jikkundannawk inġustament?
  • Tpoġġi t-tama tiegħek kollha f’Alla f’kull mument ta’ ħajtek?
  • Kemm tirsisti biex tibqa’ xxandar is-sewwa bla biża’ bil-kliem, forsi bil-kitba, imma b’mod speċjali bl-eżempju ta’ ħajtek?

Talba: O Alla, permezz tal-isqof San Ċirillu inti tajt għajnuna tal-għaġeb lill-Knisja tiegħek biex tifhem aħjar il-misteru tas-salvazzjoni; agħmel li, bit-talb tiegħu, aħna nagħrfu dejjem iżjed lil Ibnek biex ikollna l-ħajja bil-kotra. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-cyril-of-jerusalem.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cyril-of-jerusalem/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb hu huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Marzu: Beatu Pietru Rene Roque

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Rene Roque

“Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha”. ~ Ġesù f’Mattew 16:25

pedro renato rogue. seton basilicaBEATU PIETRU RENE ROQUE
Saċerdot
1758 – 1796

Tagħrif: Kien saċerdot minn Vannes u twieled fl-1758. Kien l-uniku wild fil-familja, u missieru miet ftit wara li twieled hu, waqt li kien ġej lura minn xogħol fuq negozju, għalhekk qatt ma ra lil Pietru.

Kien ta’ saħħa fraġli ħafna u bniedem ta’ statura żgħira u dgħajfa.

Ġie ordnat saċerdot fl-1782 u sar il-kappillan tas-sorijiet “Dames de la Retracte” (Xebbiet tal-Irtir). Iżda wara erba’ snin mar Pariġi u daħal fil-kongregazzjoni tal-Lazaristi, magħrufin bħala l-kongregazzjoni tal-missjoni ta’ San Vinċenz de Paul.

Hu kien għadu ma temmx in-novizzjat, li s-superjuri bagħtuh bħala professur tat-teoloġija fil-belt ta’ Vannes, art twelidu. Kien fiż-żmien li kien Vannes li faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża u hawn wera eroiżmu biex iwettaq kull xorta ta’ appostolat.

Fl-1791, irrifjuta li jieħu l-Ġurament Kostituzzjonali tar-Reġim Rivoluzzjonarju. Fuq l-eżempju tiegħu, ħafna saċerdoti li kienu ddeċidew li jieħdu dan il-ġurament, irrifjutawh ukoll. Meta s-sitwazzjoni saret iżjed ħarxa u l-għassa kienet iżjed intensa beda jmur iqaddes fid-djar privati u jkompli l-appostolat tiegħu klandestinament. Iżjed ’il quddiem kellu saħansitra jbiddel ismu.

Fl-lejlet il-Milied tal-1795, mar jieħu l-vjatku lil xi morda u wieħed eretiku kixfu, ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs. Waqt li kien il-ħabs kiteb artiklu bħala difiża tal-Knisja Kattolika u kien iwettaq appostolat fost il-ħabsin.

Meta ġie mogħti s-sentenza tal-mewt niżel għarkupptejh, talab lil Alla u ġie mogħti l-giljottina. Kien l-1 ta’ Marzu, 1796. Ġie bbeatifikat fl-10 ta’ Mejju, 1934. Ir-relikwi tiegħu huma meqjuma f’ Vannes.

Ħsieb: Ir-rakkont jgħid hekk: Fit-3 ta’ Marzu, 1796, is-saċerdot Pietru Rene Roque kien meħud mill-ħabs fejn kien miżmum f’lejliet il-Milied ta’ qabel, meta kien ġie arrestat minħabba l-akkuża li ħa l-Vjatku lil raġel marid f’Vannes, Franza. Ir-Rivoluzzjonarji damu ħafna jippruvaw jikkonvinċuh ħalli jbidlulu fehemtu u jġegħluh jaġġorna ruħu għall-bdil taż-żminijiet, u jaddatta ruħu għar-riti ta’ qima li kienu ġew adottati mill-awtoritajiet rivoluzzjonarji, iżda Fr Roque (li kien magħmul ċkejken tant li kien magħruf bħala le petit prete min-nies tal-lokal) żamm sod fil-fidi tiegħu.

Qabel l-eżekuzzjoni, il-kullar Ruman tiegħu ġie maqtugħ, rasu ġiet imqaxxra u għalhekk ma kien għad fadallu l-ebda sinjal tas-saċerdozju tiegħu, u jdejh ġew marbuta wara dahru. Fit-triq lejn il-giljottina, beda jkanta kanzunetta ta’ tifħir li kien kiteb fil-ħabs, u rnexxielu jagħti l-arloġġ tiegħu lill-bniedem li kien ittradih. Ommu kienet preżenti waqt il-proċess kollu, fejn kienet abbużata b’mod orribli mir-Rivoluzzjonarji li bdew jgħajtu magħha u jgħidulha, “Int rabbejt monstru!” Kienet ukoll preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ binha, li kienet ser tiġi mwettqa minn wieħed mill-istudenti preċedenti tiegħu.

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete Et Exsultate “Ifirħu u Thennew” Tal-Qdusija Tiegħu Franġisku dwar ‘Is-Sejħa għall-Qdusija fid-Dinja tal-Lum’ insibu dan li ġej:

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”

90. Ġesù nnifsu jisħaq li din il-mixja hi kontra l-kurrent sal-punt li tagħmel minna persuni li b’ħajjithom stess jisfidaw lis-soċjetà, persuni li jagħtu fastidju. Ġesù jfakkar kemm nies huma ppersegwitati u ġew ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax għexu l-impenji li ħadu ma’ Alla u mal-oħrajn. Jekk ma nixtiqux li nispiċċaw mgħarrqa f’medjokrità mudlama, ejja ma nippretendux li jkollna ħajja komda, għax “min irid isalva ħajtu, jitlifha” (Mattew 16:25).

91. Biex ngħixu l-Evanġelju, ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwarna jkun favurina, għax ħafna drabi l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi tad-dinja jkunu qed jilagħbu kontrina. San Ġwanni Pawlu II qal li “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”. F’soċjetà aljenata bħal din, maqbuda f’orkestrazzjoni politika, medjatika, ekonomika, kulturali u saħansitra reliġjuża li xxekkel l-iżvilupp awtentiku uman u soċjali, il-ħajja tal-Beatitudnijiet issir diffiċli u tista’ wkoll tidher f’dawl ikrah, ta’ suspett, u tiġi mwaqqgħa għaż-żufjett.

94. Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz. Ġesù jgħid li jkun hemm il-ferħ meta “jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija” (Mattew 5:11). Drabi oħra jkun żebliħ li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh. Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Evanġelju minkejja l-problemi li toħolqilna, din hi l-qdusija”. 

  • U int, qed tmur kontra l-kurrent minħabba Kristu u l-fidi Kattolika Rumana tiegħek?
  • Qed tibqa’ sod/a fl-istqarrija tal-fidi u fix-xhieda tiegħek ta’ veru nisrani/ja, kull darba li tiltaqa’ ma’ kull forma ta’ kuntrarju, gideb u insulti?
  • Filwaqt li inti miexi/ja fid-dawl ta’ Kristu u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika, x’inhu l-aktar importanti għalik: kif qed jarak Alla jew kif qed jiġġudikak il-bniedem?

Lil omm il-Beatu Pietru Rene Roque, qalulha li ‘rabbiet monstru’, mentri fir-realtà din l-omm kellha l-unur li tgħid li binha miet martri għal Kristu u l-Knisja niżżlitu mal-lista tal-Beati! Hu lanqas ma miet iddisprat, għax fi triqtu lejn il-giljottina, esprima l-ferħ tiegħu billi beda jkanta tifħir lil Alla! Kemm għandna x’nitgħallmu mill-qaddisin!

Talba: O Beatu Pietru Rene Roque, Patrun tal-morda, itfa’ l-ħarsa tiegħek fuq dawk li jinsabu fuq is-sodda ta’ tbatijiethom. Issa li inti tinsab fis-sema, u li għandek qawwa kbira quddiem Alla, idħol għalina b’talbek, ħalli aħna wkoll niksbu s-saħħa f’ġisimna u b’mod speċjali f’ruħna ħalli nkomplu nagħtu xhieda għal Kristu sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna kif għamilt int. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=375

Alternative Reading: http://ierardineto.blogspot.com/2016/09/pedro-renato-rogue-sacerdote-martir-da.html

or

http://wdtprs.com/blog/2016/05/ask-father-should-i-say-amen-if-the-priest-is-making-up-prayers/

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.