10 ta’ Lulju: Santa Veronika Giuliani

Verżjoni Vidjo: Santa Veronika Giuliani

“F’qalbi nħoss ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ.” ~ Santa Veronika Giuliani.

04-veronica-giuliani-mini03.jpgSANTA VERONIKA GIULIANI
Reliġjuża
1660 – 1727

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju, 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Ħsieb: Mill-kitbiet ta’ Santa Veronika Giuliani bit-titlu ‘Il-konverżjoni tal-midinbin’:

F’din il-paġna meħuda mid-djarju tagħha, il-qaddisa tistqarr li għall-konverżjoni tal-midinbin kienet tinsab lesta li tagħti ħajjitha.

Il-lum erġajt ħassejt l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’qalbi, u għaddejt lejl sħiħ mimli bl-uġigħ u t-turmenti. Ikun imfaħħar il-Mulej! Dalgħodu qerrejt u naħseb li l-qrara saħħitni għal aktar tbatija. Waqt it-tqarbin kelli l-grazzja li nħoss f’qiegħ qalbi l-preżenza ta’ Alla; ruħi ħasset xi ħaġa ġdida tinbet ġo fiha. Minn xi żmien ’il hawn qed inħoss f’qalbi ċerta qawwa ġejja mill-Ispirtu, iżda ma nafx ngħid x’inhi sew. Hawn sa nsemmi biss l-effetti li ħalliet fija.

L-ewwel ħaġa: l-għarfien ta’ dnubieti u l-indiema minnhom; ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ; tama qawwija fil-ħniena ta’ Alla u fit-tjieba tal-imqaddsa Verġni Marija.

It-tieni ħaġa: għalkemm inħoss ruħi waħdi nitħabat f’baħar ta’ tiġrib, dlonk inħoss fija qawwa misterjuża li ġġib fuqi l-kalma u dak il-ħin nimtela bi sliem liema bħalu li jġagħalni nafda b’saħħti kollha fir-rieda ta’ Alla.

It-tielet ħaġa: meta x-xitan jgħakkisni b’ħafna tiġrib ġewwieni, u fl-istess ħin, minħabba dmiri, ikun jeħtieġli ndur bl-oħrajn u naqdi bosta qadjiet ’l hawn u ’l hinn, dik il-qawwa misterjuża tgħinni neħles il-qadjiet li jkolli mingħajr biss ma nintebaħ. Fl-aħħar ninduna li dak li jkolli nagħmel nagħmlu mingħajr ma nkun naf kif. Dan jiġri l-aktar f’ħinijiet mill-aktar importanti, bħal meta nersaq għas-sagramenti, nagħmel il-meditazzjoni jew nibda xi taħdita spiritwali ma’ xi ħadd.

Jiġu waqtiet li fihom inħoss dwejjaq kbar u nibda nħossni fiergħa minn kull sentiment. Dak il-ħin nibda naħseb li m’iniex sa nibqa’ ħajja. Meta nkun f’dil-burdata nibda nħoss li anki meta nqerr inkun qed nitlef iż-żmien. Iżda hekk kif f’qalbi nħoss taħrika mqar ċkejkna ta’ dik il-qawwa misterjuża, nibda nħossni mibdula u mimlija bl-enerġija. Imbagħad kollox jibda jiġini ħafif, anki l-aktar ħwejjeg tqal. Kif inkun f’riġlejn il-konfessur nibda nħoss tikber fija l-kunfidenza ta’ bint; leħnu nibda nqisu leħen Alla dieħel f’ruħi. Nibda nħossni qisni qiegħda quddiem mera li fiha nara ’l Alla u lili nnifsi flimkien ma’ dak kollu li għamilt. U nqerr bi ndiema kbira.

Naħseb li dan ġej minn dik il-qawwa misterjuża li nħoss f’qalbi. Imma ma nafx u lanqas nista’ nfisser sewwa x’inhi, anki jekk fil-qrar imqaddes ħassejt li għandi ngħid kollox lil min qiegħed minflok Alla. Ħa jsir kollox għall-glorja ta’ Alla!

Għaliex Alla ta l-istigmata lil Franġisk ta’ Assisi u lil Veronika Giuliani? Alla biss jaf ir-raġunijiet l-iktar profondi, iżda kif josserva Celano, is-sinjali estern tas-salib huwa konferma tal-impenn ta’ dawn il-qaddisin lejn is-salib fil-ħajja tagħhom. L-istigmata li dehret fil-laħam ta’ Veronika kienet rabbiet l-għeruq fil-qalb tagħha ħafna snin qabel. Kienet konklużjoni xierqa għall-imħabba tagħha lejn Alla u għall-karità tagħha lejn ħutha l-bnedmin.

  • U int, lest/a li bħal Santa Veronika Giuliani dak li ssofri toffrih bi mħabba lejn Ġesù Msallab u f’għaqda miegħU, għall-konverżjoni tal-midinbin?

Talba: O Mulej, Santa Veronika Giuliani għaddiet ħajjitha ta’ Klarissa fit-talb u l-kontemplazzjoni, waqt li tħabtet kemm felħet biex dejjem issir tixbah lil Ġesù msallab. Bi ħlas għal din l-imħabba tagħha lejn il-misteru tas-salib, Inti għoġbok tagħtiha d-don tal-Pjagi mqaddsa; agħti lilna lkoll l-għarfien li meta ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ta’ kuljum ma’ dawk li batejt Int għalina, aħna nkunu qed inkomplu l-ħidma ta’ salvazzjoni għall-erwieħ fid-dinja. Għalhekk agħmel li nagħmlu dan bi mħabba ġeneruża u b’ħafna paċenzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-veronica-giuliani_17.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-veronica-giuliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Veronica_Giuliani

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-the-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas CNN Documentary:

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

11 ta’ April: Santa Ġemma Galgani

Verżjoni Vidjo: Santa Ġemma Galgani

“Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja”. – Kolossin 1:24

Gemma-GalganiSANTA ĠEMMA GALGANI
Verġni
1878 – 1903

Tagħrif: Xebba qaddisa minn Lucca (l-Italja) li, ta’ 20 sena, mardet bit-tuberkolożi fix-xewka tad-dahar. Dil-marda t-tobba ddikjarawha inkurabbli, imma wara li talbet lil San Gabrijel tal-Addolorata (ara San Gabrijel tal-Addolorata), Ġemma fieqet għal kollox fl-ewwel Ġimgħa ta’ Marzu tal-1899.

Hawn hi talbet li tidħol soru mal-Passjonisti kif kienet ilha x-xewqa tagħha, imma t-talba tagħha ma kinitx milqugħa billi ħasbu li ma kellhiex saħħa biżżejjed. Minn dik l-istess sena beda jkollha ħafna esperjenzi spiritwali, li kollha ġew eżaminati b’reqqa mill-konfessur tagħha Patri Germano.

Għal 18-il xahar, Ġemma kellha wkoll f’idejha u f’riġlejha l-istigmati, il-pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu u esperjenzjat ukoll estasijiet u viżjonijiet. Fl-1902, reġgħet rikbitha marda qalila li wasslitha għall-mewt wara li offriet lilha nfisha b’sagrifiċċju għall-midinbin, speċjalment għas-saċerdoti indenji.

Santa Ġemma Galgani mietet fil-11 t’April tal-1903 meta kellha 25 sena. Piju XII ikkanonizzaha f’Lapsi tal-1940. Sena wara ġew ippubblikati 23 ittra lill-konfessur tagħha. Dawn juruna lil din il-qaddisa żagħżugħa bħala bniedma twajba, sinċiera u ġeneruża, umli u dejjem lesta biex tobdi lid-diretturi tagħha. Juru wkoll il-karattru ferrieħi u s-sens komun tagħha, u fuq kollox imħabbitha lejn Alla u l-apprezzament tagħha għat-tbatijiet ta’ Kristu għalina. F’xi pajjiżi, Santa Ġemma, hija mfakkra fis-16 ta’ Mejju.

Ħsieb: F’Santa Ġemma, nilmħu t-tbatijiet li l-Mulej tagħna aċċetta li jgħaddi minnhom bi mħabba għalina biex isalvana mid-dnub il-misħut. Qaddisin bħal Ġemma, Santa Katerina ta’ Siena, Padre Piju, Franġisku ta’ Assisi u bosta oħrajn:

  • fehemu dawn it-tbatijiet tal-Mulej,
  • imtlew bi gratitudni kbira lejH,
  • tnikktu għall-fatt li ftit huma n-nies li jagħtu kas tas-salvazzjoni li Ġesù ried iġibilna u xi prezz kellu jħallas għalina,
  • u xxenqu biex huma wkoll ibatu mas-Salvatur, jew bħal jippermettu lill-Mulej biex ikompli dak li beda fuq is-salib billi juża l-ġisem tagħhom.

Xi mħabba kbira tqanqal imħabbiet oħra! X’offerta ta’ mħabba bejn il-Ħallieq u l-ħlejqa, imbagħad bejn il-ħlejqa grata u l-Ħallieq mhux apprezzat! U aħna, qed ngħaqqdu bil-qalb it-tbatijiet tagħna ta’ kuljum ma’ dawk ta’ Ġesù biex titkompla s-salvazzjoni tal-erwieħ anki fiż-żmien tal-lum jew ingergru, noħduha kontra Alla u ngħixu qisna nies bla tama?

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawl II, fl-Udjenza Ġenerali , tad-19 ta’ Ottubru, 1988, dwar ‘Il-valur tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu’ jgħidilna hekk:

“L-oġġett ewlieni tal-istudju u tar-riċerka, kien u hu dak tal-valur tal-passjoni u l-mewt ta Ġesù fir-rigward tal-fidwa tagħna. Ir-riżultati milħuqa dwar dan il-punt, barra milli wassluna li nkunu nafu aħjar il-misteru tal-fidwa, servew biex jitfgħu dawl ġdid ukoll fuq il-misteru tat-tbatija umana, li dwarha setgħu jiġu skoperti dimensjonijiet mhux maħsuba ta’ kobor, ta’ skop, ta’ fertilità, minn meta sar possibli l-konfront anzi l-kollegament tagħha mas-salib ta’ Kristu.

Nerfgħu għajnejna qabel xejn lejn dak li hu mdendel mas-salib, u nistaqsu lilna nfusna: min hu dan li qed ibati? Dan huwa l-Iben ta’ Alla! L-Iben ta’ Alla, li ħa fuqu t-tbatija umana, huwa mela mudell divin għal dawk kollha li jbatu, b’mod speċjali għall-insara li jagħrfu u jaċċettaw fil-fidi s-sinifikat u l-valur tas-salib. Il-Verb Inkarnat bata skont il-pjan tal-Missier ukoll sabiex aħna nkunu nistgħu “insegwu l-passi tiegħu,” bħal ma jirrakkomanda San Pietru (1 Pt 2, 21; cf. S. Thomae “Summa Theologiae,” II, q. 46, a. 3). Bata u għallimna nbatu.

Dak li l-iktar jispikka fil-passjoni u l-mewt ta’ Kristu hija l-konformità perfetta mar-rieda tal-Missier, b’dik l-ubbidjenza li dejjem kienet meqjusa bħala d-dispożizzjoni l-iktar karatteristika u l-iktar essenzjali tas-sagrifiċċju. San Pawl jgħid dwar Kristu li huwa għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8). Fil-Ġetsemani naraw kemm din l-ubbidjenza hija doloruża: “Missier, jekk inhu possibbli, biegħed minni dan il-kalċi . . . Imma mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk 14, 36). Dan kollu għal imħabbitna, biex jagħti lill-bnedmin id-dimostrazzjoni deċiżiva ta’ mħabbtu, biex ipatti għal dnubna u jeħodna lura mit-tifrix lejn l-għaqda (Ġw 11, 52). Dan kollu għaliex fl-imħabba ta’ Ġesù tirrifletti ruħha l-imħabba ta’ Alla lejn l-umanità.

Quddiem dan il-misteru, nistgħu ngħidu li mingħajr it-tbatija u l-mewt ta’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin ma kinitx tintwera fil-profondità u l-kobor kollu tagħha. U minn naħa oħra it-tbatija u l-mewt saru, bi Kristu, stedina, stimolu, vokazzjoni għall-imħabba iktar ġeneruża bħal ma seħħ għal tant qaddisin li b’mod ġust jistgħu jkunu definiti bħala “eroj tas-salib,” u bħal ma jseħħ dejjem f’tant krejaturi, magħrufin u mhumiex, li jafu jqaddsu t-tbatija billi jirriflettu fihom infushom il-wiċċ mimli feriti ta’ Kristu, hekk dawn jassoċjaw ruħhom mal-offerta feddejja tiegħu.

Ningħaqdu ma’ Katerina ta’ Siena u ma’ tant “qaddisin tas-salib” oħrajn (fosthom Ġemma Galgani) ma’ dan il-feddej tant ħelu u tant ħanin, li l-istess qaddisa minn Siena kienet issejjaħlu “Kristu-maħbub.” F’qalbu minfuda hemm it-tama tagħna, il-paċi tagħna.”

Talba: Għażiża Santa Ġemma Galgani, li bi mħabba lejn Ġesù sofferenti u lejn l-umanità, aċċettajt li tilqa’ fik innifsek il-pjagi divini tas-Salvatur tagħna, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna wkoll nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.  

English Version: http://www.stgemmagalgani.com/

Alternative Reading: http://passionists.ie/st-gemma-galgani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gemma_Galgani

Short film on Saint Gemma Galgani in Italian (with English subtitles):

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Frar: Santa Katerina Ricci

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Ricci

“Irridu nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna”. ~ Santa Katerina Ricci

bec8fa2e836714a387478feae475fc87SANTA KATERINA DE RICCI
Verġni
1522 – 1589

Tagħrif: Santa Katerina De Ricci kienet soru Dumnikana. Hi magħrufa fuq kollox għall-ħajja mirakoluża u mistika tagħha. Alessandra Lucrezja Romola – isimha qabel ma saret soru – kienet tħobb titlob weħidha sa minn tfulitha. Riedet issir soru, u daħlet mas-sorijiet Dumnikani ta’ San Vincenzo di Prato, bil-kunsens ta’ missierha, fl-1535, ta’ tlettax-il sena.

Fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha kellha ssofri ħafna għax ma kienitx mifhuma minħabba l-grazzji straordinarji li kellha, iżda l-umiltà u l-qdusija tagħha sa fl-aħħar ħarġu rebbieħa.

Wara dan ġiet magħżula għal bosta uffiċċji importanti, hekk li sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet superjura jew viċi-superjura. Il-passjoni ta’ Kristu kienet is-suġġett tal-meditazzjonijiet tagħha, u minn Ġesù kellha d-don li tieħu sehem fid-duluri tiegħu bl-impressjoni tal-istigmati.

Ma’ dan il-fenomenu żdied aktar tard ieħor: għal bosta snin, ta’ kull ġimgħa, minn nofsinhar tal-Ħamis sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, il-qaddisa kienet iġġedded f’ġisimha d-duluri u l-ġrajjiet prinċipali tal-passjoni ta’ Ġesù. Dawn l-estasijiet tagħha ġew ikkontrollati u awtentikati bir-reqqa l-aktar skrupluża, u ma damux ma bdew jiġbru ħafna devoti mill-inħawi ta’ Prato.

Din il-ġrajja hekk tal-għaġeb saret l-ewwel darba fi Frar tal-1542, meta l-qaddisa għalqet l-għoxrin sena, u baqgħet sejra minn ġimgħa għal ġimgħa, bla qatt ma taqta’, għal tnax-il sena, meta spiċċat għat-talb tagħha nnifisha u tas-sorijiet sħabha, għax il-fama tagħhom kienet qiegħda tiġbed lejn il-kunvent bosta nies ta’ kull kategorija, hekk li l-paċi u l-osservanza regulari tal-komunità kienu qegħdin isofru.

Qalb dawk li marru jżuruha kien hemm bosta prelati għoljin tal-Knisja, isqfijiet u kardinali, fost oħrajn il-Kardinali Cervini, Alessandro dei Medici u Aldobrandini, it-tlieta telgħu fuq it-tron tas-suċċessuri ta’ San Pietru bl-isem ta’ Marċellu II, Klement VIII u Ljun XI. Kienet ukoll iżżomm korrispondenza epistolari mal-Papa San Piju V, ma’ San Filippu Neri.

Wara marda twila għaddiet minn din id-dinja għall-oħra fil-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna tal-1589, ta’ sebgħa u sittin sena. It-talb, il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni kienu l-mezzi li bihom għamlet progressi hekk kbar.

Ħsieb: Santa Katerina Ricci saret famuża għat-tagħlim sod tagħha, li ħafna minnu hija kkomunikatu b’ittri lis-sorijiet, lill-qassisin u lil-lajċi. Din li ġejja hija kitba dwar “Il-Perfezzjoni Nisranija fil-qosor” lil waħda mis-sorijiet żgħażagħ:

“1. Inżommu lil Alla fl-ewwel post: Għandna ninsistu magħna nfusna biex niddistakkaw qalbna u r-rieda tagħna mill-imħabbiet kollha ta’ din id-dinja, ħlief mill-imħabba ta’ Alla. M’għandniex inħobbu l-ebda ħaġa li tintemm. Fuq kollox, m’għandniex nħobbu lil Alla b’mod egoistiku biex nakkwistaw xi ħaġa għalina nfusna mingħandu, imma b’imħabba safja daqs it-tjubija tiegħu stess.

2. Kull ma nagħmlu, nagħmluh għall-unur ta’ Alla: Irridu nidderieġu l-ħsibijiet, il-kliem u l-azzjonijiet kollha tagħha għall-unur tiegħu. U bit-talb, bl-istruzzjonijiet u bl-eżempju t-tajjeb infittxu l-glorja tiegħu biss, kemm jekk dawn nagħmluhom għalina nfusna, kemm wkoll jekk għal ħaddieħor, sabiex permezz tal-azzjonijiet tagħna kollha aħna nkunu nistgħu nħobbu u nunuraw lil Alla. Din it-tieni ħaġa togħġbu aktar minn tal-ewwel, għax hi tassew skont ir-rieda tiegħu.

3. Nixxenqu biss għar-rieda ta’ Alla li hi għall-aħjar tagħna: Għandna nimmiraw dejjem iżjed biex nagħmlu r-rieda divina: billi ma nixtiequ li jiġri xejn aktar, ħażin jew saħansitra tajjeb, f’din il-ħajja ta’ ħażen, biex b’hekk inżommu lilna nfusna dejjem għad-dispożizzjoni ta’ Alla, b’qalbna u b’ruħna fil-paċi. Imma irridu wkoll nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsiebna tagħna nfusna”.

  • U int għaraft li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna?
  • Temmen li Hu dejjem magħna u jekk nafdawh, Hu jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni?
  • Tifhem li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, Hu li tagħna kull ma għandna b’rigal?

Kompli afdaH bis-serjeta’ u b’imħabba filjali u Hu stess jurik maż-żmien x’kien l-aħjar li jippermetti f’ħajtek għall-ġid tiegħek u b’mod speċjali għall-ġid ta’ ruħek li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għaliH għax hi l-vera int u dik li ser tibqa’ għal dejjem.

Talba: O Alla li tista’ kollox, int wassalt lil oħtna Santa Katerina Ricci għall-qdusija permezz tal-kontemplazzjoni tal-passjoni ta’ Ibnek. Filwaqt li niftakru fil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek, għinna biex isiru predikaturi kuraġġużi u għalliema dedikati ta’ dawn il-misteri. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-de-ricci-146

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-catherine-dei-ricci

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Ricci

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Jannar: Santa Margerita tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita tal-Ungerija

“Imbierka Margerita li kienet tiddi bis-safa tal-anġli, li ddedikat lilha nnfisha lil Dak li huwa l-Għarus tal-verġinita perpetwa u l-Iben tal-Verġni perpetwa”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Margerita tal-Ungerija

margaret1-e1426572286347.jpgSANTA MARGERITA TAL-UNGERIJA
Verġni
1242 – 1270

Tagħrif: Din il-qaddisa kienet bint ir-re twajjeb Bala IV tal-Ungerija. Imrobbija mas-Sorijiet Dumnikani fil-kunvent li kien bena missierha fil-gżira ta’ S. Margerita
fid-Danubju, ħdejn Buda. Ipprofessat soru ta’ 12-il sena.

Għalkemm kienet għadha żgħira, kienet tgħaddi lil kulħadd fid-devozzjoni u kellha bosta dehriet mis-sema. Kien il-gost tagħha li taqdi lil kulħadd; qatt ma kienet titkellem fuqha nnifisha; anzi kien jiddispjaċiha li ma kinitx imwielda minn ġenituri fqar.

Il-prattika tal-mortifikazzjoni kienet għal qalbha ferm, hekk li ma kinitx tikxef il-mard li kienet issofri biex ma tiġix meħlusa mill-osservanza tar-regolamenti. Kellha devozzjoni kbira lejn il-Kurċifiss, u kienet ta’ sikwit, tbus salib żgħir li kellha fuqha.

Ix-xewqa tagħha kienet li titlob quddiem l-altar tal-Kurċifiss. L-isem ta’ Ġesù kien dejjem fuq xofftejha. Spiss kienet tintilef minn sensiha quddiem Ġesù Sagramentat, speċjalment waqt il-quddiesa u meta kienet tilqa’ f’qalbha lil Ġesù, kienet tgħaddi lejl fit-talb.

Il-ferħ tagħha fil-festi tal-Madonna kien jidher fuq wiċċha u kienet tunurhom bir-reċita tal-Uffiċċju tal-Madonna fil-ġranet kollha tal-Ottava. Jekk xi ħadd kien juri ruħu offiż magħha, kienet tinxteħet għarkopptejha titlob maħfra.

Mietet kif kienet ħabbret, fit-28 ta’ Jannar tas-sena 1271, wara marda qasira.

Ħsieb: Interessanti, li l-maġġoranza tal-qaddisin kienu jgħaddu ħinhom quddiem Ġesu’ Kurċifiss, jimmeditaw il-pjagi divini tiegħu. Santa Margerita tal-Ungerija hija waħda minn dawn li għarfet fis-salib tal-Mulej, l-għola att ta’ mħabba safja minn naħa tal-Iben t’Alla u l-ħajja li għexet kienet tweġiba għal din it-tip ta’ mħabba li laqgħet mingħand Ġesu’, li żammietu b’Għarus Divin tagħha.

Is-salib hu s-sinjal il-kbir tal-fidwa. Fuqu Ġesu’ ta ħajtu b’fidwa għall-kotra. Il-figura ta’ Ġesù fuq is-salib għandha tkun iċ-ċentru tar-riflessjoni ta’ kull nisrani. San Ġorġ Preca jgħid li l-Kurċifiss huwa “l-Ktieb il-Kbir.” Infatti, Ġesù msallab huwa mera doppja: jurina l-imħabba ta’ Alla għalina, u fih nistgħu naraw ukoll sa fejn tasal l-imħabba tagħna.

Idejn il-Kurċifiss
Il-pali ta’ jdejn Ġesù huma mtaqqbin, minfudin bl-imsiemer. Idejn Ġesù huma miftuħin beraħ, lesti biex ikomplu jqassmu l-imħabba, kif dejjem għamel matul ħajtu. Huma jdejn li ħadmu: fix-xogħol tal-injam meta kien għadu d-dar, imbagħad biex ifejjaq il-mard, jimla bil-kuraġġ, ibierek…

Issa ħares ftit lejn idejk …

  • Taħseb li jdejk huma miftuħin jew magħluqin?
  • Huma jdejn ġenerużi, jaqsmu mal-oħrajn, jew huma jdejn magħluqin u marsusin, iżommu kollox għalihom u ma jridu jagħtu xejn lil ħadd?
  • Tħoss li int ġeneruż mal-oħrajn?
  • Tħossok lest tgħin lill-oħrajn?
  • Idejk huma bieżla, jew dejjem fil-but, għażżenin, ma jridu jagħmlu xejn?
  • Dmirijietek – id-dar, l-iskola, fuq il-post tax-xogħol … – twettaqhom sewwa, jew taħrabhom?

Riġlejn il-Kurċifiss
Riġlejn Ġesù ma jistgħux jitħarrku. Huma mwaħħlin mal-għuda. Imma kemm mili terrqu dawk ir-riġlejn! Ġesù kien dejjem jivvjaġġa, idur minn post għall-ieħor iwassal l-Aħbar tas-salvazzjoni.

Issa ħoss ftit riġlejk mal-art …

  • Taħseb li bħalissa miexi kif suppost wara Ġesù?
  • Jew kultant toħroġ barra mit-triq?
  • U meta tkun miexi wara Ġesù, dan qed tagħmlu bil-ferħ, jew b’ħafna tqanżieħ?
  • B’liema ħeġġa tmur għall-quddiesa tal-Ħadd?
  • Tħossok miexi fit-triq tal-Vanġelu, jew qed twebbes rasek u tagħmel dak li jogħġob lilek?
  • Tħossok qiegħed tikber u timmatura, jew għadek iġġib ruħek ta’ tifel/tifla żgħir/a?
  • Kapaċi tirreżisti lil min iħajrek għall-ħażen, jew tagħmel bħall-oħrajn għax tibża’ li jidħku bik?

Fomm il-Kurċifiss
Ġesù għandu ħalqu niexef, bil-għatx. Jisquh il-ħall, u jħoss it-togħma tal-morr… Minn dak l-istess fomm joħroġ kliem ta’ talb u ta’ maħfra. Imma joħroġ ukoll il-krib tat-tbatija kbira li kien qiegħed iġarrab. Matul ħajtu kollha Ġesù uża fommu biex iħabbar is-Saltna t’Alla, biex jgħallem, biex ixandar il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, biex jistqarr il-Verità, biex ifarraġ…

Issa pprova ftakar ftit x’joħroġ minn fommok …

  • Kif titkellem?
  • Xi kliem tuża?
  • Kliemek iġib il-ħbiberija jew il-ġlied?
  • Ġieli tweġġa’ lil xi ħadd b’dak li tgħid?
  • Tieħu gost toffendi u tgħajjar?
  • Hemm xi ħadd minn sħabek li tħobb twaqqgħu għaċ-ċajt?
  • Kemm int sinċier fi kliemek?
  • Tgħid il-verità jew tinħeba wara l-gideb?
  • Ġieli tgħid kliem baxx, jew kliem doppju sens biex turi kemm taf jew forsi biex iddaħħak lil sħabek?
  • Tidgħi?
  • Meta xi ħadd ma jaqbilx miegħek, jew forsi xi ħadd tal-familja tiegħek stess iwissuk, kif tirrispondihom?
  • Bl-għajat?
  • Taf titlob skuża jew maħfra meta tiżbalja?
  • Taf taħfer lil min ikun offendiek?
  • Tħobb titkellem ma’ Ġesù fit-talb, fil-quddiesa ta’ kuljum u tal-Ħadd?
  • Jew kultant tinsa li Ġesù jkun jistenniek biex jitkellem miegħek?

Għajnejn il-Kurċifiss
Għajnejn Ġesù mislub huma ċċassati fuq il-Missier. Ġesù jħares lejn il-Missier biex jintelaq f’idejh u hekk titwettaq sa l-aħħar ir-rieda tiegħu. Ġesù jerfa’ ħarstu lejn il-Missier biex jitlob maħfra għal dawk li kkundannawh. Imma Ġesù jħares ukoll lejn dawk li qegħdin taħt is-salib, lejn dawk li kkundannawh għall-mewt hekk kerha. Iħares lejhom bl-għajnejn ta’ min qed ibati, imma fl-istess waqt bl-għajnejn ta’ min jaf iħenn, jaħfer u jħobb sal-mewt. Matul ħajtu, Ġesù ħares f’għajnejn ħafna nies, ħarsa profonda mimlija tama, kuraġġ, maħfra u mħabba. Il-ħarsa ta’ Ġesù kienet tibqa’ nieżla sal-qalb, biex juri l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bnedmin.

Issa immaġina li qiegħed quddiem mera, tħares dritt f’għajnejk …

  • X’tara miktub f’għajnejk?
  • Taf tħares f’għajnejn il-membri tal-familja tiegħek, u tinduna bl-imħabba u t-tbatija tagħhom forsi minħabba fik?
  • Tinduna bil-preżenza ta’ sħabek?
  • Meta tħares lejhom, tara biss dak li hu ikrah, dak li ma jogħġbokx?
  • Jirnexxielek tara s-sabiħ fl-oħrajn?
  • Kif tħares lejn it-tfajliet/il-ġuvintur?
  • Fejn tara li hemm bżonn l-għajnuna tiegħek, x’tagħmel?
  • Tagħti daqqa t’id, jew iġġib skuża li għandek x’tagħmel?
  • Xi jfittxu għajnejk meta tkun waħdek quddiem it-televixin?
  • Xi tfittex fuq il-mobile jew fuq l-internet?
  • Tfittex l-okkażjoni meta m’hemm ħadd miegħek id-dar biex tara l-pornografija?
  • Ġieli ħajjart lil xi ħadd minn sħabek biex jagħmel bħalek?

Qalb il-Kurċifiss
Qalb Ġesù hija miftuħa beraħ, minfuda bil-lanza. Hi l-qalb ta’ min iħobb. Hi l-qalb ta’ Ġesù, li fiha nistgħu ninħaslu minn dnubietna. Hi l-qalb miftuħa tas-Salvatur.

Issa poġġi jdejk fuq qalbek …

  • X’qiegħed tħoss?
  • X’hemm iħabbat fil-qalb tiegħek?
  • Taf tħobb?
  • Veru tħobbhom lill-membri tal-familja tiegħek, lil sħabek, lill-kollegi, lil dawk li qed jippruvaw jgħinuk?
  • Kif qed tħobbhom?
  • Kemm lest tbati biex tħobb verament?
  • Rasek iebsa?
  • Supperv/a?
  • Trid li kulħadd jagħmel dak li tgħid int?
  • Tħobb tpatti?
  • Id-dmirijiet tiegħek twettaqhom kif suppost?
  • Tħobb tgħin, anke jekk ma tkunx mitlub?

Wara dan l-eżami tal-kuxjenza, ara jeħtieġlekx tmur tirċievi s-Sagrament tal-Qrar fejn permezz tas-saċerdot, Ġesu’ japplika l-maħfra tiegħu għalik, dik il-maħfra li kisiblek meta ta ħajtu u patta għal dnubietek fuq is-Salib.

Tista’ wkoll titlob bil-qalb din it-talba quddiem Kurċifiss: Ruħ ta’ Kristu, qaddisni. Ġisem ta’ Kristu, salvani. Demm ta’ Kristu, ħeġġiġni. Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni. Passjoni ta’ Kristu, sabbarni. Ġesù ħanin, ismagħni. Fil-pjagi tiegħek aħbini. Tħallini qatt ninfired minnek. Mill-għadu ħażin ħarisni. Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli. Ġewwa ħdanek ilqagħni. Biex ma’ l-anġli u l-qaddisin tiegħek, infaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Talba: O Alla, li tħobb u tħares il-kastita’, li b’don tiegħek Santa Margerita tal-Ungerija għaqqdet is-sbuħija tal-verġinita’ u l-mertu tal-ħidmiet tajba tagħha, agħtina nitolbuk li permezz tal-ispirtu tal-penitenza nisranija aħna nistgħu nġeddu l-integrità ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/feast-day-18-1242-1271-st.html

Alternative Reading: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-margaret-of-hungary-op

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_of_Hungary_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

13 ta’ Ottubru: Beata Alessandra Marija de Costa

Verżjoni Vidjo: Beata Alessandra Marija de Costa

“Int mhux se tiekol aktar ikel fuq din l-art. L-ikel tiegħek se jkun Ġismi; id-demm tiegħek se jkun id-Demm Divin Tiegħi, il-ħajja tiegħek tkun il-Ħajja Tiegħi. Int tirċeviha minn għandi meta ngħaqqad il-Qalb Tiegħi mall-qalb tiegħek. La tibżax, binti … ” Ġesù lil Beata Alessandra ftit qabel ma bdiet tgħix biss bl-Ewkaristija – miraklu li dam sejjer għal 13-il sena.

Blessed_Alexandrina_da_Costa_1935BEATA ALESSANDRA MARIJA DE COSTA
Verġni
1904 – 1955

Tagħrif: Alessandra Marija de Costa twieldet fit-30 ta’ Marzu, 1904 f’Balasar, il-Portugall. Hija rċeviet edukazzjoni Nisranija solida minn ommha u minn oħtha, Deolinda, u n-natura vivaċi u ta’ manjieri tajba tagħha kienu jiġbdu l-attenzjoni ħelwa ta’ kulħadd.

Is-saħħa fiżika kważi straordinarja u l-istamina tagħha, ippermettewlha li tagħmel sigħat twal ta’ xogħol agrikolu tqil fl-oqsma li kellhom, u b’hekk tgħin fid-dħul tal-familja.

Meta kellha 12-il sena, Alessandra mardet b’infezzjoni u kważi mietet; il-konsegwenzi ta’ din l-infezzjoni kellhom jibqgħu magħha anki meta tikber u jsiru “l-ewwel sinjal” ta’ dak li Alla kien qed jitlob minnha: li tbati bħala “ruħ vittma.”

Il-konsegwenzi tad-dnub
Meta Alessandra kellha 14-il sena, kien hemm xi ħaġa li ħalliet marka permanenti fuqha, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment: tatha li tħares wiċċ imb’ wiċċ mal-orrur u l-konsegwenzi tad-dnub.

F’Sibt il-Għid tal-1918, filwaqt li Alessandra, Deolinda u apprendista żagħżugħa kienu qed jaħdmu fil-ħjata, tliet irġiel vjolenti daħlulhom f’darhom u ppruvaw jabbużaw minnhom sesswalment. Biex tippreserva l-purità tagħha, Alessandra qabżet minn tieqa, u waqgħet erba’ metri għal isfel.

Il-korrimenti tagħha kienu ħafna, u t-tobba djanjostikaw l-kundizzjoni tagħha bħala “irriversibbli”: kien imbassar li l-paraliżi li sofriet kien se jibda jmur għall-agħar.

Sal-età ta’ 19-il sena, Alessandra kienet għadha tista’ “tkaxkar lilha nfisha” lejn il-knisja, fejn kienet tibqa’ mwaħħla fit-talb, u l-parroċċani kollha kienu jistgħaġbu biha. Minkejja li l-paraliżi u l-uġigħ tagħha marru għall-agħar, madankollu, hija kienet imġiegħla tibqa’ immobbli, u mill-14 ta’ April, 1925 sal-mewt tagħha – madwar 30 sena – tibqa’ bedridden, kompletament paralizzata.

Alessandra kompliet titlob lill-Verġni Marija għall-grazzja ta’ fejqan mirakuluż, u wegħdet ukoll li ssir missjunarja jekk tfiq.

Ftit ftit, madankollu, Alla għenha biex tara li t-tbatija kienet il-vokazzjoni tagħha u li kellha sejħa speċjali biex tkun il-“vittma” tal-Mulej. Aktar ma’ Alessandra “fehmet” li din kienet il-missjoni tagħha, aktar ħaddnitha b’mod dejjem aktar volontarju.

Hija qalet: “Il-Madonna tatni grazzja saħansitra akbar: l-ewwel, l-abbandun; imbagħad, konformità sħiħa mar-rieda ta’ Alla; fl-aħħar, l-għatx għat-tbatija.”

Missjoni li tbati ma’ Kristu
Ix-xewqa li ssofri kompliet tikber fiha aktar mal-vokazzjoni tagħha kienet qed issir iżjed ċara: fehmet li hi kienet imsejħa biex tiftaħ għajnejn ħaddieħor mill-effetti tad-dnub, tistedinhom għall-konverżjoni, u toffri xhieda ħajja tal-Passjoni ta’ Kristu, għall-fidwa tal-umanità.

Għalhekk ġara li mit-3 ta’ Ottubru, 1938 sa l-24 ta’ Marzu 1942, Alessandra għexet il-“passjoni” ta’ tliet sigħat ta’ Ġesù kull nhar ta’ Ġimgħa, wara li rċeviet il-grazzja mistika li tgħix fil-ġisem u fir-ruħ tagħha s-sofferenzi tal-aħħar tliet sigħat ta’ Kristu. Matul dawn it-tliet sigħat, il-paraliżi tagħha kienet “tingħeleb,” u hija kienet terġa’ tgħix l-Istazzjonijiet tas-Salib flimkien mal-movimenti u l-ġesti tagħha, akkumpanjati minn uġigħ fiżiku u spiritwali kbir ħafna. Hija kienet ukoll attakkata djabolikament u tturmentata b’tentazzjonijiet kontra l-fidi u dan kollu kien iħalli konsegwenzi ta’ korrimenti fiżiċi.

Il-fatt li n-nies ma kinitx tifhimha u lanqas ma kienet temmen fil-kredibbiltà tagħha, kienu wkoll ta’ salib kbir għaliha, speċjalment minn dawk li hi l-aktar kienet tistenna li “jassistuha” – membri u mexxejja tal-Knisja – dan żied mall-kruċifissjoni tagħha.

Investigazzjoni mmexxija mill-Kurja ta’ Braga rriżultat f’ittra ċirkolari miktuba mill-Arċisqof li fiha serje ta’ “projbizzjonijiet” rigward il-każ ta’ Alessandra. Kien ir-riżultat ta’ verdett negattiv magħmul minn kummissjoni ta’ saċerdoti.

Barra minn hekk, kien ta’ komfort spiritwali għaliha, li wara lid-direttur spiritwali tagħha, (qassis Ġiżwita li għenha mill-1934 sal-1941) waqaf jgħinha, saċerdot Salesjan, ċertu Fr Umberto Pasquale, beda jgħenna fl-1944.

Tgħix biss bl-Ewkaristija
Fis-27 ta’ Marzu 1942, bdiet fażi ġdida għal Alessandra li kienet se tkompli għal 13-il sena u seba’ xhur sal-mewt tagħha. Ma rċeviet l-ebda nutriment ieħor ħlief l-Ewkaristija Mqaddsa. Kien hemm drabi fejn kienet tiżen biss 33 kilo.

It-tobba mediċi baqgħu mistgħaġba b’dan il-fenomenu u bdew iwettqu diversi testijiet fuq Alessandra, u aġixxew b’mod iebes ħafna u ostili lejha. Dan żied mat-tbatija u l-umiljazzjoni tagħha, iżda hija ftakret fil-kliem li Ġesù stess qallha: “Rarament se tirċievi konsolazzjoni … Irrid li waqt li l-qalb tiegħek tkun mimlija bit-tbatija, fuq xufftejk ikun hemm tbissima.” 

B’riżultat ta’ dan, dawk li żaru jew li ġew f’kuntatt ma’ Alessandra dejjem sabu mara li, għalkemm fi skumdità fiżika apparenti, dejjem kienet tidher ferrieħa u titbissem minn barra, u ttrasmettiet lil kullħadd paċi profonda. Ftit fehemu dak li kienet qed tbati u kemm kienet reali d-deżolazzjoni interjuri tagħha.

Dun Pasquale, li baqa’ qrib ta’ Alessandra matul dawn is-snin, ordna lil oħt Alessandra biex iżżomm djarju u fih tniżżel il-kliem li tgħid il-qaddisa u l-esperjenzi mistiċi tagħha.

Fl-1944, Alessandra saret membru tal-“Unjoni ta’ Kooperaturi Salesjani” u offriet is-sofferenza tagħha għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għall-qdusija taż-żgħażagħ. Hija dejjem kellha interess qawwi fil-foqra kif ukoll fis-saħħa spiritwali ta’ dawk li fittxew il-pariri tagħha.

“Toffendix lil Ġesù aktar!”
Bħala “xhieda” għall-missjoni li għaliha Alla kien sejħilha, Alessandra xtaqet dan il-kliem li ġej miktub fuq qabarha: “Ja midneb, jekk it-trab tal-ġisem tiegħi jista’ jkun ta’ għajnuna biex isalvak, ersaq qrib, imxi fuqu, ixxutjah sakemm jisparixxi. Imma tidnibx iżjed: Toffendix lil Ġesù aktar! Ja midinbin, kemm nixtieq ngħidilkom … Tirriskjawx li titilfu lil Ġesù għall-eternità kollha, għax hu tant hu twajjeb. Tkomplux tidinbu. Ħobbu lil Ġesù, ħobbu lilu!”

Alessandra mietet fit-13 ta’ Ottubru, 1955. L-aħħar kelmiet tagħha kienu: “Jiena ferħana, għax sejra l-Ġenna.”

Ħsieb: Dan li ġej huma kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II fil-Beatifikazzjoni ta’ Alessandra Marija de Costa:

“Tħobbni?” Ġesù jistaqsi lil Xmun Pietru, li jirrispondi: “Iva Mulej, taf li nħobbok.” Il-ħajja tal-Beata Alessandra Marija de Costa tista’ tiġi mqassra f’dan id-djalogu ta’ mħabba. Ikkunsmata u tħeġġeġ b’din l-ansjetà tal-imħabba, hija xtaqet li lis-Salvatur tagħha ma tiċħadlu xejn. B’rieda qawwija, hija aċċettat kollox biex turi l-imħabba tagħha lejh. “Għarusa tad-demm,” hija rrivelat mistikament il-Passjoni ta’ Kristu u offriet lilha nfisha bħala vittma għall-midinbin, imsaħħa mill-Ewkaristija: li din saret s-sors uniku ta’ nutriment tagħha għall-aħħar 13-il sena tal-ħajja li kien għad fadlilha.

Bl-eżempju tal-Beata Alessandra, imfisser fit-trilogu “sofri, ħobb, u agħmel riparazzjoni,” l-insara jistgħu jiskopru l-istimulu u l-motivazzjoni biex jagħmlu “nobbli” dak kollu li hu iebes u tad-dwejjaq fil-ħajja, permezz tal-akbar evidenza tal-imħabba: ħajja li tgħixha għal min tħobb. Is-Sigriet tal-qdusija huwa l-imħabba għal Kristu.”

U dan huwa diskors li għamel l-Isqof Mario Grech fil-5 ta’ Marzu, 2016 b’referenza għat-Triq tas-Salib Nazzjonali li ssir qrib il-Ġimgħa l-Kbira fuq l-Għolja tal-Għammar, Ta’ Pinu, Għawdex:

“It-tbatija hija parti mill-għaġna ta’ ħajjitna. Minbarra t-tbatija tal-ġisem u tal-qalb, għalina l-Insara hemm dik it-tbatija li nġarrbu minħabba li aħna dixxipli ta’ Kristu. Ix-xhieda Nisranija tiswa qatigħ. Hija din it-tbatija li permezz tagħha nieħdu sehem mit-tbatija ta’ Kristu: hija t-tbatija tal-imħabba li tingħata; hija tbatija li permezz tagħha nagħtu ħajja u tama lill-proxxmu. Fil-fatt il-ħniena tal-Missier intweriet lilna permezz tal-Passjoni ta’ Ibnu l-Waħdieni. Huwa biss jekk aħna nitħeġġu minn din l-istess Passjoni li nistgħu nħennu bħall-Missier. Ejjew nitolbu lill-Feddej tagħna ħalli jkebbes lil qalbna b’din l-istess Passjoni, biex bħala dixxipli ma negħjewx mexjin warajH nerfgħu s-salib, u biex bħalu nkunu lesti nbatu għall-imħabba lejn l-oħrajn.”

Ġesù, int ma kontx komdu fuq is-Salib biex tpatti għal dnubietna! Għinna niftakru f’dan kull darba li nkunu ttentati li nidinbu. Midinbin konna, għadna u nibqgħu, imma Inti taf li nixtiequ nħobbu LILEK iżjed mid-dnub f’ħajjitna u għalik irridu nkunu lesti li niġu anki mwarrba u mistkerrha mill-ħbieb tagħna stess, imbasta nibqgħu leali lejk u ngħixu ħajja li togħġbok.

Grazzi Mulej tal-paċenzja u tal-paċi li inti tpoġġi fil-qlub ta’ dawk li jirsistu biex jilqgħu kollox minn idejk bħala r-rieda mqaddsa tiegħek. Din il-paċi tinstab biss FIK! Ħadd ma jista’ jimlielna qalbna u jissodisfha ħliefek. Tkun imbierek O Ġesù għal dejjem, għax bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħek, fdejtna mill-misħut dnub!

Talba: Alla ħanin, li fil-Knisja tajtna l-eżempju tal-Beata Alessandra Marija, intimament magħquda mal-Passjoni ta’ Ibnek, nitolbu biex bl-interċessjoni tagħha, f’kull parti tad-dinja jinxtgħelu qima u devozzjoni lejn l-Ewkaristija u lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija, u biex aħna wkoll insiru tempju dejjem aktar xieraq tal-Ispirtu s-Santu u xhieda awtentiċi tal-imħabba tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.mysticsofthechurch.com/2009/11/blessed-alexandrina-da-costa-mystic-and.html

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=5911

Her Biography from the Vatican Site: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20040425_da-costa_en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Alexandrina_Maria_da_Costa

Film on Blessed Alexandrina:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huma meħud mis-sit tal-Vatikan.

4 ta’ Ottubru: San Franġisk ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: San Franġisk ta’ Assisi

“Franġisku, mur u sewwi l-Knisja tiegħi li qed tiġġarraf.” San Franġisk sema’ dan il-leħen meta kien qed jitlob quddiem kurċifiss fi knisja żgħira abbandunata fil-kampanja f’San Damjan.

stfrancis-slider-630x350SAN FRANĠISK T’ASSISI
Djaknu
1182 – 1226

Tagħrif:

Tfulija
Franġisku twieled f’Assisi fl-Umbrija, fil-qalba tal-Italja, lejn l-aħħar tas-seklu tnax. Missieru, kummerċjant għani tad-drappijiet, malli ġie lura minn Franza, lil dan ibnu ried isejjaħlu “Francesco,” b’rabta ma’ Franza li hu tant kien iħobb. Ommu, ta’ mara twajba li kienet, għamlet ħilitha biex trawwem fih sa minn ċkunitu mħabba kbira lejn Alla. Fl-iskola tal-parroċċa tgħallem jaqra u jikteb. Kien iħobb il-poeżija, u kellu ġibda qawwija għall-mużika.

Missieru kellu ħafna ambizzjonijiet għal ibnu; kien jittama li ibnu jasal għal pożizzjoni li tgħollih għal kollox ‘il fuq mill-foqra u dawk li s-soċjetà kienet tqis bħala ż-żgħar. Sakemm kellu 23 sena, Franġisk kien il-hena ta’ missieru għaliex hu wkoll kien mogħni b’tant xewqat li d-dinja ma titfgħux fil-ġenb. Kien ċert li jekk Franġisk jaqbad l-istess triq tiegħu kellu ċans kbir li jirnexxi fil-ħajja. Imma missieru ma kienx kuntent għal kollox bih. Franġisk kien jaf iħaddem moħħu biex jaqla’ l-flus; imma, imbagħad, hu kien ħali, u jtajjar somom kbar. Żgħażagħ tal-età tiegħu kienu jixxalaw ħafna minn fuq dahru; lilu kienu jarawh bħala l-mexxej tagħhom għaliex mhux biss kien jonfoq, imma kien kapaċi wkoll jagħti ħajja lill-festi li kienu jiġu organizzati. Franġisk kien jiġbed lejh l-attenzjoni taż-żgħażagħ ta’ Assisi għaliex kien iħobb jitfa’ fuqu lbies li jagħti ħafna fil-għajn, u jgħaqqad oħrajn miegħu fid-daqq u fil-kant. Minkejja dan, missieru u ommu riedu jkunu ġenerużi miegħu. Missieru, għalkemm ma kienx japprova dak l-infiq, ħassu hieni li ibnu kien tant maħbub u stmat. Ommu kienet qed tapprezza ħafna l-kwalitajiet tajbin ta’ binha; għalkemm iħobb il-ħajja, Franġisk kien dejjem ta’ mġiba tajba, nobbli fi kliemu u għemilu, u ta’ qalb kbira mal-foqra.

Il-Gwerra
Fil-gwerra li nqalgħet bejn Assisi u Peruġja, Franġisku ta s-sehem tiegħu. Dawk ta’ beltu sofrew telfa, u hu nnifsu waqa’ priġunier. Dak kien żmien meta Franġisk beda jirrifletti fuq il-veru valur tal-ħajja. Wara sena magħluq fil-ħabs, Franġisk waqa’ f’marda li ħadet fit-tul. Imma malli fieq mill-marda tiegħu, lilu malajr reġgħu rikbuh l-ambizzjonijiet ta’ qabel, u telaq lejn il-Pulja bit-tama li jinħatar Kavallier. Imma bilkemm beda dak il-vjaġġ, li kellu ħolma li ġegħlitu jirrifletti ħafna. X’inhu l-aħjar timxi wara l-Imgħallem jew wara l-qaddej? Franġisk ma ddubitax liema kellha tkun l-għażla tiegħu. Imma hu ma kienx fehem x’kellu jagħmel.

Il-Konverżjoni
Lura lejn Assisi, beda għal Franġisk żmien ġdid. Hu qisu nesa l-ħbieb tal-imgħoddi, u ntafa’ f’ħajja ta’ ġabra. F’għar fqajjar maqtugħ mill-ħsejjes tal-belt, Franġisk fit-tnehid talab mingħand Alla dawl biex jurih x’ried minnu. Franġisk, żagħżugħ imrobbi fil-fsied, kellu bħal stmerrija mill-mard tal-ġdiem. Imma, f’dan iż-żmien ta’ xejra ġdida għal ħajtu, hu għamel rebħa kbira fuq in-natura dgħajfa tiegħu meta, bi mħabba sinċiera, għannaq miegħu u bies bniedem milqut mill-ġdiem. Ftit wara din il-ġrajja, Kristu Msallab qanqlu meta jingħad li kellmu għall-ewwel darba, u mlielu lil qalbu bi mħabba kbira lejn it-tbatijiet li l-Mulej kien ġarrab f’ħajtu.

Franġisk baqa’ ġeneruż bħalma kien qabel; imma dawk li stħoqqilhom il-ġenerożità tiegħu kienu oħrajn. L-imġiddmin dehrulu l-iżjed mitluqin fost il-morda; għalhekk, hu ħabbhom bi mħabba speċjali. Barra minn dan, minflok ma tajjar flusu f’divertimenti, Franġisk beda jqassam ħafna karità lill-foqra, u ma qatax milli jgħin lill-knejjes foqra tal-belt ta’ Assisi u lis-saċerdoti li kienu jieħdu ħsiebhom. Knisja għażiża għal qalbu kienet dik ta’ San Damjan. F’dik il-knisja ċkejkna u fi stat ħażin, hu sama’ leħen mill-Kurċifiss impinġi li kien imdendel wara l-altar. Dan stiednu biex isewwi l-Knisja tiegħu li kienet qed tiġġarraf.

Franġisk kien għadu ma fehemx tajjeb x’ried Alla mingħandu. Imma hu beda jintebaħ li l-Mulej riedu jagħti ħajtu għas-servizz tal-Knisja. Għal xi żmien, Franġisk ħalla daru, inġabar fil-knisja ta’ San Damjan, u għamel dak li s-saċerdot tal-post talab mingħandu.

Il-Proċess quddiem l-Isqof
Missieru kien għadu jittama li dak ma kienx ħlief żmien qasir ta’ kriżi. Imma, meta baqa’ jara ‘l ibnu mitfugħ fuq attivitajiet li ‘l dak il-missier dehru jbaxxuh, missieru ħa deċiżjoni li għal Franġisk fissret ħajja ġdida. Quddiem missier irrabjat u fil-preżenza tal-Isqof Gwido ta’ Assisi li kien qed jagħmilha ta’ mħallef, Franġisk iddikjara li jiċħad għal kull wirt li kien imissu minn missieru. “Mil-lum ‘il quddiem,” stqarr iż-żagħżugħ Franġisku, “ngħid: Missierna, li inti fis-smewwiet.”

Issa Franġisku kien ċert x’kellha tkun it-triq ta’ ħajtu. Hu libes libsa fqajra b’salib fuqha, u dak li kien jixtieq isir “Kavallier tad-dinja,” sejjaħ lilu nnifsu “Kavallier tar-Re l-Kbir.” Franġisk beda sentejn ta’ ħajja iebsa maqtugħ għalih waħdu, mogħti għat-talb u għall-penitenza. Hu għex ukoll jaqdi u jitlob f’xi monasteri Benedittini, u għamel fihom il-ħidmiet l-iżjed umli u l-iżjed iebsin. Kienu għadhom f’moħħu l-kelmiet tal-Kurċifiss ta’ San Damjan li qallu: “Sewwi l-Knisja tiegħi.” Franġisk aċċetta dawk il-kelmiet kif daqqew f’widnejh; għalhekk, hu ntafa’ biex isewwi l-ħsara li kien fihom tliet knejjes ċkejknin ta’ madwar Assisi: dawk ta’ San Damjan, San Pietro della Spina, u Santa Marija tal-Anġli.

Franġisk kien qed jistenna għal darb’oħra l-leħen ta’ Alla. Hu ma ġġarrafx quddiem id-disprezz ta’ dawk li fl-imgħoddi kienu ħbiebu; imma hu lanqas ma ntefaħ bl-ammirazzjoni ta’ dawk li raw fih bidla tal-għaġeb. Darba, waqt li fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli sema’ l-qari tal-Vanġelu, hu ntlaqat minn kelmiet li ħasshom qed jingħadu għalih. Kienu l-kelmiet li Kristu bihom ħabbar x’kellha tkun il-missjoni tal-appostli, u l-ħajja ta’ faqar li kienu sejrin jgħixu. Saċerdot fissirlu dawk il-kelmiet tal-Mulej, u hu sema’ t-tifsira bil-ferħ għaliex Alla rrivelalu li dawk kienu jgħoddu għalih ukoll. Minn dak il-waqt ‘il quddiem, Franġisk biddel ukoll il-libsa tiegħu: beda jilbes ċoqqa griża, lewn l-irmied, tħażżem b’ħabel abjad, u ried li jimxi ħafi. L-Isqof ta’ Assisi tah il-permess li jipprietka l-Vanġelu fil-knisja ta’ San Ġorġ; fid-dawl tal-kelmiet ta’ Kristu, Franġisk ipprietka l-paċi u l-penitenza.

L-ewwel dixxipli u l-approvazzjoni Papali
Għalkemm ma tkellimx bil-kelmiet diffiċli tal-għorrief, ma kinux ulied il-poplu biss dawk li ssaħħru minn kliemu. L-għani Bennard u l-ġurista Pietru Cattani wrewh li xtaqu li flimkien miegħu jaqsmu l-istess ħajja tiegħu. Imma, mal-għonja u l-għorrief, malajr tħalltu l-foqra u s-sempliċi. Fl-ewwel sena, kien hemm tmienja oħra li għażlu dik l-għamla ta’ ħajja. Franġisk, li ried jgħix dejjem f’ubbidjenza lejn il-Knisja, sena wara, ħadhom miegħu Ruma, quddiem Papa Innoċenz III. Il-Papa sabha diffiċli biex jagħtihom l-approvazzjoni tiegħu; imma l-Mulej nebbħu li kien sejjer jinqeda b’dak il-bniedem qaddis sabiex il-Knisja ma tiġġarrafx.

Bil-barka tal-Papa, Franġisk beda jinħass bħal Kristu ieħor iħabbar l-aħbar it-tajba. Hu kien predikatur li jgħaddi minn post għall-ieħor. Kien jitkellem b’kelmiet li jifhimhom kulħadd u kien jolqot il-bniedem fil-laħam il-ħaj. Franġisk kien il-ħabbar tassew tal-kelma t’Alla għaliex ix-xandir tal-kelma kien ifisser li min jisimgħu, aktar milli jitgħallem, jieħu d-deċizjoni li jbiddel ħajtu.

Anki l-għorrief u l-kbar tad-dinja kienu jisimgħuh, u l-kelmiet imqanqla tiegħu ġieli ġiebu fihom sens ta’ biża’ li ma setax ma jiswilhomx ta’ ġid. Minkejja dan, il-bniedem li ssejjaħ “dawl mibgħut mis-sema”, “il-mibgħut minn Alla”, jew “Kristu ieħor” emmen li ma kienx jistħoqqlu li jkun saċerdot. Għalhekk, hu għażel li jibqa’ jservi ‘l Alla bil-ministeru ta’ djaknu.

Ix-Xewqa Missjunarja
Il-qasam ewlieni tal-ħidma appostolika ta’ San Franġisk kien l-Italja għaliex f’din l-art hu ħadem bla waqfien mis-sena 1208 ‘il quddiem. Imma dak li tant kellu jifraħ għall-fatt li x’uħud minn uliedu fl-Ordni tal-Minuri mietu f’art ta’ missjoni għal Kristu, ma setax ma jkunx hu nnifsu mħeġġeġ bl-istess entużjażmu. Il-ħeġġa missjunarja u x-xewqa tal-martirju ingħaqdu flimkien f’San Franġisk. Imma l-ewwel darbtejn li pprova jmur lejn is-Sirja u l-Marokk, darba minnhom tempesta, u darb’oħra l-mard, reġġgħuh lura lejn art twelidu.

Il-Klarissi
Fis-sena 1212, San Franġisk waqqaf it-tieni Ordni tiegħu li kien dak tas-Sorijiet. Fil-bidu ssejħu: “Id-Dami Fqajrin ta’ San Damjan”. Għalkemm San Franġisk kien ir-ruħ ta’ din l-istituzzjoni, huma sabu mexxejja kbira f’Santa Klara ta’ Assisi: li minnha s-Sorijiet issejħu “Klarissi”.

Il-Vjaġġ fl-Eġittu
Ftit wara t-tluq tal-ewwel missjunarji tiegħu, San Franġisk innifsu, fl-24 ta’ Lulju, 1219, salpa lejn l-Eġittu. Is-Sultan Malik-el-Kamil laqgħu tajjeb u sema’ l-kelma tiegħu. Is-Sultan inġibed lejn dak il-bniedem għaliex kien konvint li hu riedlu l-ġid; imma ma ħalliex it-twemmin Musulman tiegħu. San Franġisk ma ġiex mogħti l-martirju għal Kristu għaliex, fiż-żmien qasir ta’ esperjenza missjunarja, lilu ħabbewh anki dawk li ma qablux ma’ dak li kien qed jippritkalhom. F’dak iż-żmien, ir-raba’ Konċilju tal-Lateran kien ordna li ssir Kruċjata ġdida. Din kienet bejn is-snin 1217 -1221. L-imġiba ta’ San Franġisk wriet li, fi żmien ta’ falliment sħiħ ta’ dik il-Kruċjata, aktar kien hemm possibiltà li l-Musulmani jersqu lejn Kristu permezz ta’ messaġġier ta’ paċi, milli permezz ta’ suldati li jużaw l-armi kontra dawk li ma jaqblux magħhom.

Il-Presepju ħaj ta’ Greccio
Nhar l-24 ta’ Diċembru, 1223, huwa ġabar miegħu l-bdiewa u r-rgħajja fqajrin li kienu jgħixu qrib l-għolja ta’ Greccio. San Franġisk riedhom li jħossu l-imħabba kbira ta’ Ġesù għall-bniedem meta għażel li jitwieled fil-għar ta’ Betlem. Hu ppreżenta presepju ħaj, u tkellem b’kommozzjoni kbira fuq dan il-misteru tal-għaġeb. Dik id-drawwa malajr bdiet tinfirex mad-dinja kollha kemm hi. Għalkemm ma kienx l-ewwel darba li sar il-presepju fid-dinja nisranija, madankollu kien San Franġisk li qanqal l-imħabba ta’ kulħadd għall-presepju.

L-aħħar snin
Mis-sena 1221 ‘il quddiem, meta kien għadu ta’ madwar 40 sena, Franġisku kien marid. L-ulied spiritwali tiegħu diġà kienu jwasslu għal eluf. Kien hemm bżonn ta’ mexxej minfloku. Għalhekk fis-sena 1221, San Franġisk għażel lil Fra Elija ta’ Cortona biex ikun il-Vigarju tiegħu fit-tmexxija. L-aħħar snin ta’ ħajtu, kienu dawk li fihom issokta jingħaqad ma’ Alla dejjem iżjed fit-talb. L-għaqda ma’ Kristu msallab kien qed iħossha fil-ġisem u r-ruħ tiegħu għaliex hu kien għaddej minn żmien ta’ tbatija.

Il-Pjagi
Fis-sajf tas-sena 1224, San Franġisk inġabar fis-skiet tal-kunvent li kien fuq il-għolja La Verna. Il-qaddis kien jgħakkes il-ġisem tiegħu billi, matul is-sena, isum ir-Randan għal seba’ darbiet. Fuq dik il-għolja, hu kien qiegħed isum ir-Randan li kien jagħmel f’ġieħ l-Arkanġlu San Mikiel. Lejn il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, li taħbat fl-14 ta’ Settembru, waqt li kien fuq dik l-għolja fi ġranet ta’ sawm u f’meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Kristu, jingħad li l-Mulej Ġesù deherlu b’sitt iġwienaħ, bħal serafin, maqtugħ fl-ajru u b’dirgħajh miftuħin, bir-riġlejn ma’ xulxin, u msallab ma’ salib. Mill-ġwienaħ, tnejn kienu weqfin fuq ir-ras, tnejn mifruxin għat-titjir, u tnejn jiksu l-ġisem kollu. Imbagħad, waqt li kien mitluf f’estasi ta’ mħabba, fl-idejn, fir-riġlejn, u fil-ġenb ta’ Franġisku bdew jidhru l-pjagi tal-istess Kristu msallab. L-idejn u r-riġlejn dehru minfudin b’imsiemer li kellhom bħal ras tonda u sewda fuq iż-żewġ naħat; kienu ppuntati u milwijin sabiex ma jinqalgħux. L-imsiemer kienu tal-laħam stess, imma maħruġin ‘il barra. Il-ġenb lemini wkoll deher bħallikieku minfud minn lanza, u kien jagħti fl-aħmar bħall-ġerħa li kellu; ta’ sikwit, il-ġerħa kienet tnixxi d-demm, u lbiesu kien jiċċappaslu. Minn dak il-waqt, il-qaddis Franġisku, li sa minn tant żmien kien jarawh bħal Kristu ieħor, ġie trasfigurat fi xbieha ħajja tal-Mulej anki fl-istess ġisem tiegħu.

Minn mindu ngħata l-pjagi, San Franġisk ma qata’ qatt milli jbati fil-ġisem tiegħu. Hu mar lejn Assisi fejn għadda l-aħħar sentejn ta’ ħajtu, u kien dejjem marid. Persuni għeżież kienu jieħdu ħsiebu, u jikkurawh. Ma kienx possibbli li jaħbihom. Imma ftit kienu dawk li raw il-pjagi tiegħu. L-aħħar sentejn ġiebu magħhom tbatijiet oħrajn. San Franġisk kien qiegħed jitlef id-dawl ta’ għajnejh. F’dan iż-żmien li matulu Kristu kien għaqqdu miegħu tant mill-qrib fil-passjoni tiegħu, San Franġisk kiteb l-“Għanja tal-Ħejjaq”. Biex jobdi lill-Kardinal Ugolino ta’ Segni, il-Protettur tal-Ordni, San Franġisk qagħad għal xi kura li riedu jagħmlulu f’għajnejh it-tobba tal-Qorti Papali nnifisha. Dan kien f’Rieti fis-sena 1225; kienet kura li ġiebet magħha tbatijiet kbar fil-pazjent. Fl-aħħar sena ta’ ħajtu, fl-1226, San Franġisk għadda perjodi qosra fi Siena u f’Cortona. F’dak iż-żmien, il-qaddis deher tant magħfus bl-uġigħ b’mod li kulħadd ħaseb li kien sejjer imut. Fix-xahar ta’ April, 1226, bil-mod il-mod u b’ħafna waqfien, San Franġisk reġa’ ttieħed fil-belt ta’ Assisi. Għall-ewwel, hu nżamm fil-palazz tal-Isqof; imbagħad, għall-aħħar ta’ Settembru, hu ġie trasportat fil-kunvent għażiż tal-Porzjunkola.

Mewt
Franġisku għadda l-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu jimmedita fuq il-passjoni ta’ Kristu li r-rakkont tagħha nqralu mill-Vanġelu ta’ San Ġwann. Flimkien ma’ ħutu reliġjużi, hu ried iġedded ukoll it-tifkira tal-aħħar ċena tal-Mulej mal-appostli. Il-mewt, li San Franġisk fil-“Għanja tal-Ħlejjaq” ried isejħilha “Oħtu”, ma kenitx fil-bogħod. Ir-reliġjużi bdew ikantaw is-Salm 142: “B’leħen qawwi lill-Mule] insejjaħ; b’leħen qawwi lill-Mulej nitlob”. U, lejn it-tmiem tas-Salm, meta tkantaw il-kelmiet: “Mill-ħabs oħroġni, biex inrodd ħajr lil ismek. Madwari jduru l-ġusti, għax Int timxi tajjeb miegħi”, ruħu ħarġet minn ġismu. Kien is-Sibt, 3 ta’ Ottubru, 1226, filgħaxija. San Franġisk kellu biss qrib-il 45 sena.

Billi ma nżul ix-xemx kien jitqies li bdiet il-ġurnata ta’ wara, it-tifkira ta’ San Franġisk intrabtet dejjem mal-4 ta’ Ottubru. Il-Ħadd filgħodu, li kien proprju l-4 ta’ Ottubru, il-ġisem tiegħu, b’akkumpanjament tal-kleru u l-poplu, ittieħed minn Santa Marija tal-Anġli għall-knisja ċkejkna ta’ San Ġorġ. Il-ġisem ta’ San Franġisk, għaddewh minn maġenb il-monasteru tas-Sorijiet Klarissi, f’San Damjan: fejn huma, minn bejn il-gradi tal-monasteru, setgħu jaraw u jqimu l-pjagi tal-ġisem qaddis tiegħu. Il-ġisem inżamm f’San Ġorġ għal erba’ snin. Kien hemm li hu ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Girgor IX, ħabib kbir u ammiratur tiegħu, fis-16 ta’ Lulju, 1228.

Il-Qabar
Fil-25 ta’ Mejju, 1230, il-fdal tiegħu ttieħed fil-Bażilika ġdida li nbniet fuq l-għolja li bdiet tissejjaħ “Colle del Paradiso”: l-Gholja tal-Ġenna, waqt li, sa dak iż-żmien, kienet tissejjaħ l-għolja tal-Infern. Fil-bini ta’ dik il-bażilika, il-mertu l-iżjed kbir kien ta’ Fra Elija ta’ Cortona. Il-Papa Girgor IX, b’sinjal ta’ qima lejn il-fdal ta’ San Franġisk, lil dik il-Knisja riedha tissejjaħ “l-Omm u r-ras tal-Ordni kollu tal-Minuri”, u hi baqgħet dejjem is-Santwarju l-aktar għażiż tal-Ordni Franġiskan.

Patrunat
Hu l-qaddis patrun tal-ambjent, tal-annimali, tal-ekoloġisti, tan-negozjanti, tal-Azzjoni Kattolika, u tal-Italja.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet mill-Omelija tal-Papa Franġisku waqt żjara pastorali f’Assisi fl-2013:

“Mnejn titlaq il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu? Titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib. Inħalluh iħares lejna fil-mument li fih jagħtina ħajtu u jiġbidna lejh. Franġisku din l-esperjenza daqha b’mod partikulari fil-knisja ċkejkna ta’ San Damjan, hu u jitlob quddiem il-Kurċifiss. F’dak il-Kurċifiss Ġesù ma jidhirx mejjet, imma ħaj! Id-demm jidher nieżel mill-ġrieħi ta’ jdejh, ta’ riġlejh u tal-kustat, imma dak id-demm jesprimi l-ħajja.

Ġesù m’għandux għajnejh magħluqin, imma miftuħa beraħ: ħarsa li tkellem lill-qalb. U l-Kurċifiss ma jkellimniex dwar telfa, dwar falliment; paradossalment, ikellimna dwar mewt li hi ħajja, li tagħti l-ħajja, għax ikellimna dwar l-imħabba, għax hi l-Imħabba ta’ Alla inkarnata, u l-Imħabba ma tmutx, anzi, tirbaħ fuq il-ħażen u l-mewt. Min iħalli lil Ġesù mislub iħares lejh jiġi maħluq mill-ġdid, isir “ħolqien ġdid”.”

U dan diskors ieħor tal-Papa Franġisku f’Rio de Janiero:

“Għandna wisq bżonn nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, kif għamel San Franġisk. Kemm għandna sitwazzjonijiet fil-dinja, li jitolbu l-attenzjoni, l-għożża u l-imħabba tagħna. Spiss, imma, fis-soċjetajiet tagħna jirbaħ l-egoiżmu. Kemm għandna “negozjanti tal-mewt” li jimxu skont il-loġika tal-poter u tal-flus, hu x’inhu l-prezz li jrid jitħallas.

Jeħtieġ naffrontaw il-problemi tal-lum billi:

  • nippromovu iktar il-ġustizzja,
  • nedukaw liż-żgħażagħ fil-valuri li jibnu l-ħajja komuni,
  • nakkumpanjaw lil min jinsab f’diffikultà u
  • nagħtu tama għall-futur.

La tibżgħux toħorġu u tmorru tiltaqgħu ma’ persuni bi problemi li qed jaffaċċjaw diversi sitwazzjonijiet iebsa. Tkunux miżmumin minn:

  • preġudizzji,
  • minn drawwiet,
  • riġidità mentali jew pastorali,
  • immexxijin mill-motto famuż “imma dejjem hekk sar!”.

Imma nistgħu biss immorru fil-periferiji jekk inġorru l-Kelma t’Alla fi qlubna, u nimxu mal-Knisja, bħal San Franġisk. Jekk ma jkunx hekk, inġorru lilna nfusna u mhux il-Kelma t’Alla; u dan mhux tajjeb, ma jgħin lil ħadd! Mhux aħna li nsalvaw id-dinja: huwa proprju l-Mulej li jsalvaha!

Ilkoll għandna bżonn li nħarsu lejn l-oħrajn bl-għajnejn tal-imħabba ta’ Kristu, nitgħallmu nħaddnu magħna lil min hu fil-bżonn, biex nuruh li qegħdin qrib, bir-rispett u l-imħabba.”

  • U int kif tħares lejn l-oħrajn?
  • Tiġġudikhom jew tħobbhom?
  • Qed ixxammar idejk u taqdi lil min hu fil-bżonn fuq l-eżempju ta’ San Franġisk?
  • Qed tismgħaha l-karba ta’ Ġesu’ Kurċifiss li qed jgħid lilek ukoll illum: “Mur u sewwi l-Knisja tiegħi li qed tiġġarraf?”

Talba: Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.
Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ.

La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien;
la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddieħor jien;
la tħallix li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.

Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu.
Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura.
Għax meta mmutu, inqumu għall-ħajja ta’ dejjem.   Ammen.

(Talba popolari ta’ San Franġisk ta’ Assisi) 

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-francis-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_of_Assisi

Film of Saint Francis of Assisi:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia u l-ħsieb mill-fuljett Signum Fidei.